6.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/3


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2014 minn Adler Modemärkte AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-14 ta’ Mejju 2014 -Kawża T-160/12 – Adler Modemärkte AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-343/14)

2014/C 351/04

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Adler Modemärkte AG (rappreżentant: J.-C. Plate, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata,

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali,

tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-160/12, li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Adler AG Modemärkte AG kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Frar 2012 (Każ R 1955/2010-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Blufin SpA u Adler Modemärkte AG.

L-appellanti invokat l-aggravji segwenti:

1.

L-ewwel nett, ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja. Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat din id-dispożizzjoni u l-ġurisprudenza stabbilita dwar ix-xebh ta’ sinjali u l-probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li ddeduċiet xebh ta’ sinjali u probabbiltà ta’ konfużjoni tat-trade marks kunfliġġenti mill-konkordanza tal-elementi tas-sinjal li, minn naħa, jikkorrispondu għal indikazzjoni materjali purament deskrittiva tan-natura tal-prodotti (jiġifieri, l-indikazzjoni tal-kulur “nejviblu” għall-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti) u li, min-naħa l-oħra, il-pubbliku rilevanti, minħabba l-assenza ta’ karattru distintiv intrinsiku, jikkunsidra bħala li ma jirreferux għall-oriġini kummerċjali tal-prodott ta’ impriża speċifika b’distinzjoni mal-prodotti ta’ impriżi oħra. Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tikser il-kunċett legali ta’ indikazzjoni deskrittiva meta tikkonstata li t-terminu “nejviblu” la huwa deskrittiv tal-prodotti koperti, jiġifieri l-ħwejjeġ, u lanqas huwa karatteristika essenzjali tal-prodott.

2.

It-tieni nett, is-sentenza appellata ngħatat fuq il-bażi ta’ distorsjoni tal-fatti. Il-Qorti Ġenerali kkontestat li l-indikazzjoni “nejviblu” jista’ jkollha (fil-lingwa ta’ kull pajjiż, b’mod partikolari it-Taljan u l-Franċiż) tifsira deskrittiva tal-prodotti kkonċernati fil-klassijiet 18 u 25, minkejja li huwa stabbilit li s-sinjali kunfliġġenti fihom il-kunċett “nejviblu” li huwa purament deskrittiv ta’ prodotti f’kull waħda mil-lingwi tal-Unjoni u li t-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni, bit-Taljan “blu marino”, u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bil-Franċiż “marine bleu”, huma biss ftit differenti minn dawn il-kunċetti. Barra minn hekk, fil-proċeduri preċedenti quddiem l-UASI, kemm id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord tal-Appell tal-UASI kkonstataw li “nejviblu” (f’kull lingwa tal-pajjiżi Ewropej) huwa terminu deskrittiv tal-prodotti. Il-Qorti Ġenerali hija marbuta b’din il-konstatazzjoni.

3.

It-tielet nett, fis-sentenza appellata, il-motivi invokati sabiex jiġi sostnut li l-indikazzjoni “nejviblu” ma hijiex deskrittiva tal-prodotti huma kontradittorji u jirriflettu nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-punt 54, il-Qorti Ġenerali stess tikkonstata li l-elementi tas-sinjali kunfliġġenti jindikaw it-ton tal-kulur inkwistjoni. Fil-punt 55, hija barra minn hekk tikkonkludi li din it-tifsira hija “evidenti”.

4.

Ir-raba’ nett, is-sentenza appellata ġiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet mhux applikabbli, jiġifieri dawk tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1). Huwa r-Regolament (KE) Nru 40/94 li għandu japplika (2).


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 146).