8.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/27


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ráckevei Járásbíróság (l-Ungerija) fl-1 ta’ Lulju 2014 – Banif Plus Bank Zrt. vs Márton Lantos u Mártonné Lantos

(Kawża C-312/14)

2014/C 303/34

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Ráckevei Járásbíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Banif Plus Bank Zrt.

Konvenuti: Márton Lantos, Mártonné Lantos

Domandi preliminari

1)

Il-fatt li klijent jiġi propost, taħt titolu ta’ kuntratt ta’ self f’munita barranija, tranżazzjoni (ta’ kambju), li timplika kambju fi forint Ungeriż ta’ ammont f’munita barranija, u li tikkonsisti fi spot transaction fil-mument tar-radd ta’ fondi u bil-prezz miftiehem imma mħallas wara fil-mument tal-ħlas lura, li permezz tagħha s-self mogħti lill-klijent jesponieh għall-varjazzjonijiet tas-suq tal-kapital u għar-riskji li jirriżultaw minnu (riskju ta’ kambju) għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ strument finanzjarju, fis-sens tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) (servizzi u attivitajiet ta’ investiment) u fil-punt 17 tal-Artikolu 4(1) (strument finanzjarju), kif ukoll fil-punt (4) tat-Taqsima Ċ tal-Anness I (ix-xiri bil-prezz miftiehem imma mħallas wara, strumenti tad-derivattivi) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/39/KE (1)?

2)

Jekk l-istrument finanzjarju li għalih isir riferiment fl-ewwel domanda jagħmel parti mit-twettiq ta’ attività kummerċjali akkont tagħha nnifisha, għandu jiġi kkunsidrat bħala servizz jew bħala attività ta’ investiment fis-sens tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punt (6) tal-Artikolu 4(1) (in-negozjar akkont tagħhom infushom) u fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness I (il-kummerċ akkont tiegħu innifsu) tad-Direttiva?

3)

L-istabbiliment finanzjarju għandu l-obbligu li jwettaq l-evalwazzjoni tal-adegwatezza prevista fl-Artikolu 19(4) u (5) tad-Direttiva, peress illi t-tranżazzjoni bil-prezz miftiehem imma mħallas wara f’munita barranija, inkwantu servizz ta’ investiment li jirrigwarda strument finanzjarju derivattiv, ġiet proposta fil-kuntest ta’ prodott finanzjarju ieħor (is-self) u li l-istrument derivattiv huwa, minnu nnifsu, strument finanzjarju kumpless? L-applikazzjoni tal-Artikolu 19(9) tad-[Direttiva] hija eskluża fid-dawl tal-fatt li r-riskji inerenti għas-self u għall-istrument finanzjarju jvarjaw fundamentalment, meta l-imsemmija evalwazzjoni tal-adegwatezza tidher indispensabbli fid-dawl tas-suġġett tat-tranżazzjoni mwettqa mill-istrument derivattiv?

4)

L-evitar tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(4) u (5) tad-[Direttiva] jimplika, waħdu, il-konstatazzjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ self konkluż bejn il-bank u l-klijent?


(1)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).