24.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fl-1 ta’ April 2014 – AEEG vs Antonella Bertazzi et

(Kawża C-152/14)

2014/C 194/16

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Autorità per l’energia elettrica e il gas (AEEG)

Konvenuti: Antonella Bertazzi, Annalise Colombo, Maria Valeria Contin, Angela Filippina Marasco, Guido Guissani, Lucia Lizzi, Fortuna Peranio

Domandi preliminari

1)

Bħala prinċipju – fir-rigward ta’ kompiti li ma nbidlux u baqgħu kompletament identiċi kemm għall-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat kif ukoll għal dawk b’kuntratt għal żmien indeterminat – tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-klawżola 4(4) tad-Direttiva 1999/70/KE (1) id-dispożizzjoni nazzjonali (l-Artikolu 75(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 112 tal-2008) li tannulla kompletament l-anzjanità tas-servizz miksuba mal-awtoritajiet indipendenti b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, f’każ ta’ stabilizzazzjoni eċċezzjonali tal-ħaddiema kkonċernati, abbażi ta’ eżamijiet selettivi li ma humiex kompletament simili għall-kompetizzjoni pubblika iktar stretta għal eżamijiet magħmula minn impjegati oħra, iżda li madankollu huma konformi, minħabba li huma miżuri leġiżlattivalment previżti, fl-Artikolu 97(3) tal-Kostituzzjoni Taljana, bħala mezz ta’ aċċertament ta’ kemm huma adatti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu?

2)

a)

F’każ fejn il-leġiżlazzjoni msemmija iktar ’il fuq tiġi kkunsidrata bħala mhux konformi mal-prinċipji Komunitarji, għall-ħaddiema għal żmien determinat inkwistjoni, huwa possibbli li jiġu identifikati r-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw deroga għall-ugwaljanza fir-trattament li għandha tiġi ggarantita lil dawn il-ħaddiema meta mqabbla ma’ dawk li huma impjegati għal żmien indeterminat, għal għanjiet “ta’ politika soċjali”, fil-każijiet fejn jinħtieġ li jiġi evitat l-inseriment ta’ sistema parallela ta’ punti (jiġifieri biż-żamma tad-drittijiet oriġinali) tal-ħaddiema li għandhom il-benefiċċju tal-istabilizzazzjoni b’kuntrast ma’ dawk li huma diġà integrati fis-servizz pubbliku bir-regola ġenerali ta’ aċċess għall-kompetizzjonijiet għad-dħul mas-servizz pubbliku (regola imposta – mingħajr deroga leġiżlattiva bħal dik li tipprovdi f’dan il-każ li wieħed jgħaddi minn sempliċi proċedura ta’ għażla – permezz tal-Artikolu 97(3) tal-Kostituzzjoni, diġà msemmi), u dawn ir-raġunijiet, fid-dawl ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat fil-pun 47 tad-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sodisfaċenti fil-livell tal-proporzjonalità bis-sempliċi għoti lill-ħaddiema prekarji li jibbenefikaw mill-istabilizzazzjoni ta’ allowance ad personam li tista’ tiġi assorbita mill-ġdid u li ma tistax tiġi evalwata mill-ġdid, flimkien mal-interruzzjoni tal-evoluzzjoni normali tal-pożizzjonijiet ta’ remunerazzjoni miksuba u tal-aċċess għall-għażla għal impjiegi ogħla?

b)

Jew, għall-kuntrarju, ġaladarba ppruvat li hemm il-kapaċità li jitwettqu ċerti kompiti, l-evalwazzjonijiet perijodiċi ta’ twettiq tajjeb tagħhom għall-finijiet tal-għoti ta’ pożizzjonijiet salarjali u impjiegi ogħla, flimkien ma’ kompetizzjonijit oħra għat-tranżizzjoni minn karriera għall-oħra, jistgħu jikkostitwixxu bbilanċjar mill-ġdid adegwat tal-pożizzjonijiet tal-ħaddiema li kienu bbenefikaw mill-istabilizzazzjoni, meta mqabbla ma’ dawk il-ħaddiema rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni pubblika, mingħajr ma jkollha tiġi annullata ebda anzjanità u ebda livell salarjali ta’ dawn tal-ewwel (barra minn hekk fl-assenza ta’ kull benefiċċju apprezzabbli fir-rigward tat-tieni kategorija, fis-sistema ta’ progress deskritt preċedentement adottat mill-AEEG), bir-riżultat li, f’dan il-każ, raġunijiet oġġettivi ta’ deroga mid-Direttiva 1999/70/KE, fl-osservanza tar-rekwiżiti ta’ oġġettività u ta’ trasparenza, meta mqabbel mal-kundizzjonijiet tax-xogħol inkwistjoni fil-kuntest partikolari ta’ riferiment?

3)

Fi kwalunkwe każ – kif jidher li jirriżulta mill-punti 47 u 54 tad-Digriet tas-7 ta’ Marzu 2013 – għandha, fil-fatt tiġi ammessa n-natura sproporzjonata u diskriminatorja tal-annullament totali tal-anzjanità miksuba [bil-konsegwenza tan-neċessità li tiġi skartata l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (…) ipprovduta f’dan ir-rigward] – mingħajr madankollu li r-rekwiżiti imposti fir-rigward tal-protezzjoni tas-sitwazzjoni tal-kandidati tal-kompetizzjoni ma jispiċċawx fix-xejn, il-miżuri li għandhom jiġu adottati f’dan ir-rigward li jirriżultaw suġġetti għall-evalwazzjoni prudenti tal-amministrazzjoni (fil-forma ta’ “bonus”, jiġifieri titolu preferenzjali li għandu jingħata lill-imsemmija kandidati tal-kompetizzjoni, meta jintgħażlu għad-dħul fl-impjiegi ogħla, jew b’mezzi oħra, jaqgħu fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tagħhom)?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).