SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikolu 2(a) — Artikolu 7(f) — Kunċett ta’ “data personali” — Indirizzi tal-protokoll tal-Internet — Żamma minn fornitur ta’ servizzi ta’ media online — Liġi nazzjonali li ma tippermettix li jitqies l-interess leġittimu segwit mill-kontrollur”

Fil-Kawża C‑582/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Patrick Breyer

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Breyer, minn M. Starostik, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Lippstreu u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P.J.O. Van Nuffel u H. Krämer, kif ukoll minn P. Costa de Oliveira u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Patrick Breyer u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar ir-reġistrazzjoni u ż-żamma minn din tal-aħħar tal-indirizz ta’ protokoll tal-internet (iktar ’il quddiem, l-“indirizz IP”) ta’ P. Breyer waqt il-konsultazzjoni minn dan tal-aħħar ta’ diversi siti tal-internet tad-dipartimenti federali Ġermaniżi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 26 tad-Direttiva 95/46 hija fformulata kif ġej:

“Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu applikabbli għal kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli; billi, biex ikun stabbilit jekk persuna tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktarx jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna; billi l-prinċipji ta’ protezzjoni m’għandhomx ikunu applikati għal data mogħti b’mod anonimu tant illi s-suġġett tad-data ma jkunx aktar identifikabbli; billi kodiċijiet ta’ kondotta skont it-tifsira tal-Artikolu 27 jistgħu jkunu strument tajjeb biex jagħtu gwida dwar il-metodi li bihom id-data tkun tista’ tingħata b’mod anonimu u tinżamm b’mod li bih l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data ma jkunx iktar possibbli”.

4

Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Skont din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.   Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles [il-moviment liberu] ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

5

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“data personali”: tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (suġġett tad-data); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)

“Ipproċessar ta’ data personali” (ipproċessar) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna [żamma], adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[...]

d)

“Kontrollur” tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[...]

f)

“parti terza” [terz] tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li ma jkunx is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuna [persuni] li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data;

[...]”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Skop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà tal-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku tal-Istat meta l-operazzjoni tal-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà tal-Istat) u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali;

[...]”

7

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Stati Membri għandhom, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, jistabbilixxu b’iktar preċiżjoni il-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun skont il-liġi.”

8

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir [għall-eżekuzzjoni ta’] kuntratt li tiegħu s-suġġett tat-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tat-data qabel ma jagħmel kuntratt;

jew

ċ)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

jew

d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data;

jew

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

jew

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skont l-Artikolu 1(1).”

9

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi:

“1.   Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet [il-portata] ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11(1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[...]

d)

prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

10

L-Artikolu 12 tat-Telemediengesetz (liġi dwar il-media online) tas-26 ta’ Frar 2007 (BGB1. 2007 I, p. 179, iktar ’il quddiem it-“TMG”), jipprevedi:

“1)   Il-fornitur tas-servizzi jista’ jiġbor u juża data personali sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni biss sal-estent permess minn din il-Liġi u dispożizzjonijiet oħra li jirreferu espressament għal tali servizzi, jew jekk l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu.

2)   Il-fornitur tas-servizzi jista’ juża għal skopijiet oħra d-data personali miġbura sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni biss sal-estent permess minn din il-Liġi u dispożizzjonijiet oħra li jirreferu espressament għal tali servizzi, jew jekk l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu.

3)   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali, anki jekk ma jkunx hemm ipproċessar awtomatiku tad-data.”

11

L-Artikolu 15 tat-TMG jipprevedi:

“1)   Il-fornitur tas-servizzi jista’ jiġbor u juża d-data personali ta’ utent biss meta dan ikun meħtieġ biex jippermetti l-użu u l-fatturazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni (data għall-użu). Titqies bħala data għall-użu, b’mod partikolari

1.

id-data ta’ identifikazzjoni tal-utent;

2.

id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-użu u l-portata tiegħu, u

3.

id-data tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni użata mill-utent.

2)   Il-fornitur tas-servizzi jista’ jgħaqqad id-data għall-użu ta’ utent dwar l-użu ta’ diversi servizzi ta’ telekomunikazzjoni dejjem sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ fatturazzjoni rigward l-utent.

[...]

4)   Il-fornitur tas-servizzi jista’ juża d-data għall-użu lil hinn mill-ikkompletar tal-operazzjoni ta’ użu dejjem sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ fatturazzjoni rigward l-utent (data dwar il-fatturazzjoni). Sabiex jikkonforma mat-termini legali, statutorji jew kuntrattwali taż-żamma fis-seħħ, il-fornitur tas-servizzi jista’ jimblokka d-data. [...]”

12

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (liġi federali għall-protezzjoni tad-data) tal-20 ta’ Diċembru 1990 (BGB1. 1990 I, p. 2954), “[id]-data personali hija data speċifika dwar ċirkustanzi personali jew materjali ta’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (il-persuna kkonċernata). [...]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

P. Breyer ikkonsulta diversi siti internet tad-dipartimenti federali Ġermaniżi. F’dawn is-siti, aċċessibbli għall-pubbliku, l-imsemmija dipartimenti joffru informazzjoni aġġornata.

14

Sabiex jimpedixxu li jsiru attakki u jippermettu l-prosekuzzjoni kriminali kontra l-“pirati”, il-parti l-kbira ta’ dawn is-siti jirreġistraw il-konsultazzjonijiet kollha f’log files. Fihom jinżammu, wara l-konsultazzjoni tal-imsemmija siti, l-isem tas-sit jew tal-fajl ikkonsultat, it-termini introdotti fis-search fields, id-data u l-ħin tal-konsultazzjoni, l-ammont ta’ data trażmessa, il-konstatazzjoni tas-suċċess tal-konsultazzjoni u l-indirizz IP tal-kompjuter li minnu twettqet il-konsultazzjoni.

15

L-indirizzi IP huma sekwenza ta’ numri li huma allokati lil kompjuters konnessi mal-internet sabiex jippermettu l-komunikazzjoni bejniethom permezz ta’ dan in-netwerk. Jekk sit internet jiġi kkonsultat, l-indirizz IP tal-komputer li jitlob il-konsultazzjoni jiġi kkomunikat lis-server fejn jinsab il-hosting tas-sit. Din il-komunikazzjoni hija neċessarja sabiex id-data kkonsultata tista’ tiġi trażmessa lid-destinatarju t-tajjeb.

16

Barra min hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fornituri tal-aċċess għall-internet jagħti lill-kompjuters tal-utenti tal-internet indirizz IP li jkun jew “statiku” jew “dinamiku”, jiġifieri indirizz IP li jinbidel ma’ kull konnessjoni ġdida mal-internet. B’differenza mal-indirizzi IP statiċi, l-indirizzi IP dinamiċi ma jippermettux li ssir rabta, permezz tal-fajls aċċessibbli għall-pubbliku bejn kompjuter partikolari u l-konnessjoni fiżika man-netwerk użata mill-fornitur tal-aċċess għall-internet.

17

P. Breyer ippreżenta, quddiem il-qrati amministrattivi Ġermaniżi, rikors intiż sabiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi prekluża milli żżomm jew milli tħalli terzi jżommu, wara sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ta’ siti aċċessibbli għall-pubbliku ta’ media online tad-dipartimenti federali Ġermaniżi, l-indirizz IP tas-sistema host li minnha wettaq il-konnessjoni P. Breyer, sa fejn din iż-żamma ma hijiex meħtieġa f’każ ta’ interruzzjoni jew ta’ stabbiliment mill-ġdid tax-xandir ta’ dawn il-medias.

18

Peress li r-rikors ta’ P. Breyer ġie miċħud fl-ewwel istanza, dan tal-aħħar ippreżenta appell mid-deċiżjoni taċ-ċaħda.

19

Il-Qorti tal-Appell bidlet parzjalment din id-deċiżjoni. Hija kkundannat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieqaf milli żżomm jew li tħalli lil terzi jżommu, wara kull konsultazzjoni, l-indirizz IP tas-sistema host li minnha wettaq il-konnessjoni P. Breyer, trażmessa waqt il-konsultazzjoni minn dan tal-aħħar ta’ siti aċċessibbli għal-pubbliku ta’ media online tad-dipartimenti federali Ġermaniżi, meta dan l-indirizz jinżamm flimkien mad-data tas-sessjoni ta’ konsultazzjoni relatata magħha u meta P. Breyer ikun żvela l-identità tiegħu matul din is-sessjoni, inkluż fil-forma ta’ indirizz elettroniku li jsemmi l-identità tiegħu, sa fejn din iż-żamma ma hijiex meħtieġa f’każ ta’ interruzzjoni jew ta’ stabbiliment mill-ġdid tax-xandir ta’ dawn il-medias.

20

Skont din il-qorti tal-appell, indirizz IP dinamiku, flimkien mad-data tas-sessjoni ta’ konsultazzjoni relatata magħha, jikkostitwixxi, meta l-utent tas-sit internet inkwistjoni jkun żvela l-identità tiegħu matul din is-sessjoni, data personali, għaliex l-operatur ta’ dan is-sit jista’ jidentifika dan l-utent billi jitqabbel l-isem tiegħu mal-indirizz IP tal-kompjuter tiegħu.

21

L-imsemmija qorti tal-appell qieset madankollu li ma kienx hemm lok li jiġi milqugħ ir-rikors ta’ P. Breyer f’każijiet oħra. Fil-fatt, fil-każ fejn P. Breyer ma jindikax l-identità tiegħu matul sessjoni ta’ konsultazzjoni, huwa biss il-fornitur tal-aċċess għall-internet li jista’ jorbot l-indirizz IP ma’ abbonat identifikat. Min-naħa l-oħra, fl-idejn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-kwalità tagħha ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ media online, l-indirizz IP ma jibqax data personali, ukoll flimkien mad-data tas-sessjoni ta’ konsultazzjoni relatata magħha, peress li l-utent tas-siti internet ikkunsidrati ma jkunux identifikabbli minn dan l-Istat Membru.

22

P. Breyer u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw rikors kull wieħed għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell. P. Breyer jitlob li t-talba tiegħu għall-projbizzjoni tintlaqa’ fl-intier tagħha. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob iċ-ċaħda ta’ din it-talba.

23

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-indirizzi IP dinamiċi tal-kompjuter ta’ P. Breyer, miżmuma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li taġixxi fil-kwalità ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ media online, jikkostitwixxu, tal-inqas fil-kuntest tad-data l-oħra miżmuma fil-log files, data partikolari fuq sitwazzjonijiet materjali ta’ P. Breyer, peress li dawn jipprovdu indikazzjonijiet relatati mal-konsultazzjoni minn dan tal-aħħar ta’ ċerti siti jew ta’ ċerti fajls fuq l-internet f’ċerti dati.

24

Madankollu, id-data hekk miżmuma ma tippermettix li tiġi stabbilita direttament l-identità ta’ P. Breyer. Fil-fatt, l-operaturi tas-siti internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jidentifikaw lil P. Breyer biss jekk il-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ P. Breyer jittrażmettilhom l-informazzjoni dwar l-identità ta’ dan l-utent. Il-klassifikazzjoni ta’ din id-data bħala “personali” tiddependi, għalhekk, fuq jekk is-Sur Breyer kienx identifikabbli.

25

Il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) tirreferi għall-kontroversja akkademika dwar il-kwistjoni jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex identifikabbli, wieħed għandux jibbaża ruħu fuq kriterju “oġġettiv” jew inkella fuq kriterju “relattiv”. L-applikazzjoni ta’ kriterju “oġġettiv” ikollha bħala konsegwenza li d-data bħalma huma l-indirizzi IP inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jitqiesu, wara sessjonijiet ta’ konsultazzjoni tas-siti internet inkwistjoni, bħala li huma ta’ natura personali anki jekk huwa biss terz li huwa f’pożizzjoni li jiddetermina l-identità tal-persuna kkonċernata, fejn dan it-terz huwa, f’dan il-każ, il-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ P. Breyer, li żamm data addizzjonali li ppermettiet l-identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar permezz tal-imsemmija indirizzi IP. Skont kriterju “relattiv”, tali data tista’ titqies bħala li għandha natura personali fir-rigward ta’ korp, bħalma huwa l-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ P. Breyer, għaliex tippermetti l-identifikazzjoni preċiża tal-utent (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 51), iżda li ma hijiex ta’ tali natura fir-rigward ta’ korp ieħor, bħalma huwa l-operatur tas-siti internet ikkonsultati minn P. Breyer, peress li dan l-operatur ma jkollux, fil-każ li P. Breyer ma żvelax l-identità tiegħu matul is-sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ta’ dawn is-siti, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tiegħu mingħajr sforz enormi.

26

Fil-każ fejn l-indirizzi IP dinamiċi tal-kompjuter ta’ P. Breyer għandhom jitqiesu, flimkien mad-data tas-sessjoni li tirreferi għalihom, bħala li jikkostitwixxu data personali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk iż-żamma ta’ dawn l-indirizzi IP wara din is-sessjoni hijiex awtorizzata skont l-Artikolu 7(f) tal-istess direttiva.

27

F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) tispeċifika, minn naħa, li l-fornituri tas-servizzi ta’ media online jistgħu, skont l-Artikolu 15(1) tat-TMG, jiġbru u jużaw data personali ta’ utent biss sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġi ffaċilitat u ffatturat l-użu ta’ dawn il-medias. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iż-żamma tal-imsemmija data hija neċessarja sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà u l-kontinwità tal-funzjonament tajjeb tas-siti tas-servizzi tal-media online li hija tagħmel aċċessibbli għall-pubbliku, billi tippermetti, b’mod partikolari, li jiġu rrikonoxxuti l-attakki tal-informatika msejħa “denial of service”, intiżi li jipparalizzaw il-funzjonament ta’ dawn is-siti permezz ta’ inondazzjoni mmirata u kkoordinata ta’ ċerti servers tal-internet minn numru kbir ta’ talbiet, u li tiġġieled kontra dawn l-attakki.

28

Skont il-qorti tar-rinviju, jekk u sa fejn huwa neċessarju li l-fornitur ta’ servizzi tal-media online jieħu miżuri sabiex jiġġieled kontra attakki bħal dawn, dawn il-miżuri jistgħu jitqiesu bħala neċessarji sabiex “jippermetti l-użu [...] tas-servizzi ta’ telekommunikazzjoni” skont l-Artikolu 15 tat-TMG. Madankollu, id-duttrina, fil-parti l-kbira tagħha, tiddefendi l-opinjoni li tgħid li, minn naħa, il-ġbir u l-użu ta’ data ta’ natura personali ta’ utent ta’ sit internet huwa awtorizzat biss sabiex jippermetti l-użu konkret ta’ dan is-sit u, min-naħa l-oħra, din id-data għandha tiġi mħassra fl-aħħar tas-sessjoni ta’ konsultazzjoni inkwistjoni jekk hija ma tkunx meħtieġa għall-finijiet ta’ fatturazzjoni. Issa, qari restrittiv bħal dan tal-Artikolu 15(1) tat-TMG jipprekludi li ż-żamma tal-indirizzi IP tkun awtorizzata sabiex tiġi ggarantita, b’mod ġenerali, is-sigurtà u l-kontinwità tal-funzjonament tajjeb tal-media online.

29

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-aħħar interpretazzjoni, li hija l-interpretazzjoni rrakkomandata mill-qorti tal-appell, hija konformi mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, fid-dawl b’mod partikolari tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 29 et seq tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, ASNEF u FECEMD (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777).

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz ta’ Protokoll tal-Internet (indirizz IP), li huwa rreġistrat minn fornitur ta’ servizzi [ta’ media online] meta jsir aċċess għas-sit tal-internet tiegħu, jikkostitwixxi għal dan tal-aħħar data personali anki jekk huwa terz (f’dan il-każ, fornitur tal-aċċess) li għandu l-informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata?

2)

L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li fuq il-bażi tagħha l-fornitur ta’ servizzi ma jistax jiġbor u juża data personali ta’ utent mingħajr il-kunsens tiegħu ħlief sa fejn dan ikun neċessarju sabiex l-użu konkret tal-midja elettronika mill-utent inkwistjoni jkun jista’ jiġi ffaċilitat u ffatturat u li fuq il-bażi tagħha l-għan li l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-midja elettronika tiġi ggarantita ma jistax jiġġustifika l-użu tad-data wara t-tmiem tas-sessjoni partikolari tal-utent?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li indirizz IP dinamiku rreġistrat minn fornitur ta’ servizzi ta’ media online meta persuna tikkonsulta sit internet li dan il-fornitur jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku jikkostitwixxi, fir-rigward tal-imsemmi fornitur, data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta huwa biss terz, f’dan il-każ il-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ din il-persuna, li għandu l-informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex jidentifika lil din tal-aħħar.

32

Skont l-imsemmija dispożizzjoni “data personali” tfisser “kull data li jkollha x’taqsam ma’ peruna naturali identifikata jew identifikabbli (suġġett tad-data)”. Skont din id-dispożizzjoni, għandha titqies identifikabbli persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’riferiment għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur jew fatturi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha.

33

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 51 tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771) li kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-istess direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li l-indirizzi IP tal-utenti tal-internet kienu data protetta ta’ natura personali, għaliex jippermettu l-identifikazzjoni preċiża ta’ dawn l-utenti.

34

Madankollu, din l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirreferi għall-każ fejn il-ġbir u l-identifikazzjoni tal-indirizzi IP tal-utenti tal-internet isiru mill-fornituri tal-aċċess għall-internet.

35

Issa, f’dan il-każ, l-ewwel domanda tirrigwarda l-każ fejn huwa l-fornitur tas-servizzi ta’ media online, jigifieri ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jirreġistra l-indirizzi IP tal-utenti ta’ sit internet li dan il-fornitur ta’ servizzi jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr ma jkollu l-informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex jiġu identifikati dawn l-utenti.

36

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-indirizzi IP li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju huma indirizzi IP “dinamiċi”, jiġifieri dawk, provviżorji, li huma assenjati għal kull konnessjoni għall-internet u ssostitwiti fil-konnessjonijiet sussegwenti, u mhux indirizzi IP “statiċi”, li ma jinbidlux u li jippermettu l-identifikazzjoni permanenti tad-dispożittiv konness man-netwerk.

37

L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija għalhekk ibbażata fuq il-premessa li, minn naħa, data li tikkonsisti f’indirizz IP dinamiku kif ukoll fid-data u l-ħin tas-sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ sit internet minn dan l-indirizz IP, irreġistrata minn fornitur ta’ servizzi ta’ media online, ma toffrix, waħedha, lil dan il-fornitur il-possibbiltà li jidentifika l-utent li kkonsulta dan is-sit internet matul din is-sessjoni u, min-naħa l-oħra, il-fornitur tal-aċċess għall-internet, għandu, minn naħa tiegħu, informazzjoni addizzjonali li, jekk tiġi magħduda flimkien ma’ dan l-indirizz IP, jippermettu li jiġi identifikat l-imsemmi utent.

38

F’dan ir-rigward, qabel xejn għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li indirizz IP dinamiku ma jikkostitwixxix informazzjoni dwar “persuna naturali identifikata” sa fejn indirizz bħal dan ma jiżvelax direttament l-identità tal-persuna fiżika proprjetarja tal-kompjuter li minnu sseħħ il-konsultazzjoni ta’ sit internet u lanqas dik ta’ persuna oħra li setgħet tuża dan il-kompjuter.

39

Sussegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk indirizz IP jikkostitwixxi, fil-każ espost fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ media online, għandu jiġi vverifikat jekk indirizz IP bħal dan, irreġistrat minn tali fornitur, jistax jiġi kklassifikat bħala informazzjoni dwar “persuna naturali identifikabbli”, meta l-informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex jiġi identifikat l-utent ta’ sit internet li dan il-fornitur ta’ servizzi jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku hija miżmuma mill-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ dan l-utent.

40

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li hija meqjusa persuna identifikabbli dik il-persuna li tista’ tkun identifikata mhux biss direttament iżda wkoll indirettament.

41

L-użu mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-kelma “indirettament” donnu jissuġġerixxi li, sabiex informazzjoni tiġi kklassifikata bħala data personali, ma huwiex neċessarju li din l-informazzjoni tippermetti, waħedha, li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata.

42

Barra minn hekk, il-premessa 26 tad-Direttiva 95/46 tiddikjara li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li jistgħu jiġu raġonevolment implementati, kemm mill-kontrollur, kif ukoll minn persuna oħra, sabiex tiġi identifikata l-imsemmija persuna.

43

Sa fejn din il-premessa tirreferi għall-mezzi li jistgħu raġonevolment jiġu implementati kemm mill-kontrollur kif ukoll minn “persuna oħra”, il-kliem tagħha jissuġġerixxi li, sabiex data tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata għandha tkun f’idejn persuna waħda.

44

Il-fatt li l-informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex jiġi identifikat l-utent ta’ sit internet ma hijiex miżmuma mill-fornitur ta’ servizzi ta’ media online, iżda mill-fornitur ta’ aċċess għall-internet ta’ dan l-utent, għalhekk ma jidhirx li huwa ta’ natura li jeskludi li l-indirizzi IP dinamiċi rreġistrati mill-fornituri tas-servizzi tal-media online jikkostitwixxu, għal dan tal-aħħar, data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

45

Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk il-possibbiltà li indirizz IP dinamiku jingħaqad mal-imsemmija informazzjoni addizzjonali miżmuma minn dan il-fornitur tal-aċċess għall-internet tikkostitwixxi mezz li jista’ raġonevolment jiġi implementat sabiex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata.

46

Kif irreleva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ma kienx ikun il-każ jekk l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata tkun ipprojbita mil-liġi jew ma setgħetx titwettaq fil-prattika, pereżempju minħabba l-fatt li timplika sforz enormi f’termini ta’ ħin, ta’ spejjeż u ta’ riżorsi umani, b’tali mod li r-riskju ta’ identifikazzjoni jidher fir-realtà insinjifikattiv.

47

Issa, għalkemm fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha l-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-dritt Ġermaniż ma jippermettix li l-fornitur tal-aċċess għall-internet jittrażmetti direttament lill-fornitur tas-servizzi tal-media online l-informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata, jidher, madankollu, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru f’dan ir-rigward minn din il-qorti, li jeżistu mezzi legali li jippermettu li l-fornitur tas-servizzi tal-media online jindirizza, b’mod partikolari fil-każ ta’ attakki ċibernetiċi, lill-awtorità kompetenti sabiex tieħu l-passi meħtieġa biex tikseb din l-informazzjoni mingħand il-fornitur tas-servizzi bl-internet u biex tistitwixxi proċeduri kriminali.

48

Għaldaqstant jidher li l-fornitur ta’ servizzi ta’ media online għandu mezzi li jistgħu raġonevolment jiġu implementati sabiex tiġi identifikata, bl-għajnuna ta’ persuni oħra, jiġifieri l-awtorità kompetenti u l-fornitur tal-aċċess għall-internet, il-persuna kkonċernata abbażi tal-indirizzi IP miżmuma.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz IP dinamiku rreġistrat minn fornitur tas-servizzi ta’ media online meta ssir konsultazzjoni minn persuna ta’ sit internet li dan il-fornitur jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku jikkostitwixxi, fir-rigward tal-imsemmi fornitur, data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jkollu mezzi legali li jippermettulu jidentifika l-persuna kkonċernata bis-saħħa tal-informazzjoni addizzjonali li għandu l-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ din il-persuna.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li fornitur tas-servizzi ta’ media online ma jistax jiġbor u juża data personali dwar utent ta’ dawn is-servizzi mingħajr il-kunsens tiegħu ħlief sa fejn dan il-ġbir u dan l-użu jkunu neċessarji sabiex jiġi ffaċilitat u ffatturat l-użu konkret tal-imsemmija servizzi minn dan l-utent, mingħajr ma l-għan intiż li tiġi ggarantita l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-istess servizzi ma jkun jista’ jiġġustifika l-użu tal-imsemmija data wara sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ din id-data.

51

Qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-indirizzi IP dinamiċi tal-utenti ta’ ċerti siti internet tad-dipartimenti federali Ġermaniżi, huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 bl-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali li għandha bħala suġġett, b’mod partikolari, l-attivitajiet tal-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-attivitajiet imsemmija bħala eżempji mill-imsemmija dispożizzjoni huma, f’kull każ, attivitajiet tal-Istat jew tal-awtoritajiet Statali u ma għandhomx x’jaqsmu mal-oqsma ta’ attività tal-individwi (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 43, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 41).

53

Issa, fil-kawża prinċipali, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, jidher li d-dipartimenti federali Ġermaniżi, li jipprovdu servizzi ta’ media online u li huma responsabbli għall-ipproċessar tal-indirizzi IP dinamiċi, jaġixxu, minkejja l-istatus tagħhom ta’ awtoritajiet pubbliċi, bħala individwi kif ukoll barra l-kuntest tal-attivitajiet tal-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.

54

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kompatibbli mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

55

Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata fis-sens restrittiv evokat mill-qorti tar-rinviju, tawtorizza l-ġbir u l-użu ta’ data personali relatata ma’ utent tal-imsemmija servizzi, mingħajr il-kunsens ta’ dan tal-aħħar, biss sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġi ffaċilitat u ffatturat l-użu konkret tal-media online mill-utent inkwistjoni, mingħajr ma l-għan intiż li tiġi ggarantita l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-media online ma jkun jista’ jiġġustifika l-użu tal-imsemmija data wara sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ din il-media.

56

Konformement mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, l-ipproċessar tad-data personali huwa legali jekk “ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skont l-Artikolu 1(1)” ta’ din id-direttiva.

57

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi lista eżawrjenti u limitata ta’ każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali jista’ jitqies bħala skont il-liġi u li l-Istati Membri la jistgħu jżidu prinċipji ġodda relatati mal-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali mal-imsemmi artikolu u lanqas ma jistgħu jipprevedu rekwiżiti addizzjonali li jimmodifikaw il-portata ta’ wieħed mis-sitt prinċipji previsti f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, ASNEF u FECEMD, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punti 30 u 32).

58

Għalkemm l-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46 ċertament jawtorizza lill-Istati Membri jispeċifikaw, fil-limiti tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva u għalhekk, tal-Artikolu 7 tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali, il-marġni ta’ diskrezzjoni li, skont l-imsemmi Artikolu 5, għandhom l-Istati Membri jista’ jintuża biss konformement mal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva li jinżamm bilanċ bejn il-moviment liberu ta’ data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata. L-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu, skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva, prinċipji oħra għal-leġittimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali iktar minn dawk stipulati fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, u lanqas ma jistgħu jibdlu, permezz ta’ rekwiżiti addizzjonali, il-portata tas-sitt prinċipji previsti fl-imsemmi Artikolu 7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011ASNEF u FECEMD, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punti 3334 u 36).

59

F’dan il-każ, jidher li l-Artikolu 15 tat-TMG, jekk jiġi interpretat bil-mod strett imsemmi fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, ikollu portata iktar restrittiva minn dik tal-prinċipju previst fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

60

Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 7(f) tal-imsemmija direttiva jirreferi, b’mod ġenerali, “għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data”, l-Artikolu 15 tat-TMG jawtorizza lill-fornitur tas-servizzi jiġbor u juża data personali ta’ utent biss sa fejn dan ikun neċessarju biex jiġi ffaċilitat u ffatturat l-użu konkret tal-media elettronika. Għalhekk, l-Artikolu 15 tat-TMG jipprekludi, b’mod ġenerali, iż-żamma, wara sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ media online, ta’ data personali sabiex jiġi ggarantit l-użu ta’ dawn il-medias. Issa d-dipartimenti federali Ġermaniżi li jipprovdu servizzi ta’ media online jistgħu xorta waħda jkollhom interess leġittimu li jiggarantixxu, lil hinn minn kull użu konkret tas-siti tagħhom tal-internet aċċessibbli għall-pubbliku, il-kontinwità tal-funzjonament tal-imsemmija siti.

61

Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 100 u 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tillimitax lilha nnifisha li tispeċifika, konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, il-kunċett ta’ “interess leġittimu” li jinsab fl-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva.

62

F’dan ir-rigward, għandu wkoll jitfakkar li l-Artikolu 7(f) tal-imsemmija direttiva jipprekludi li Stat Membru jeskludi b’mod kategoriku u ġġeneralizzat il-possibbiltà li ċerti kategoriji ta’ data personali jiġu pproċessati, mingħajr ma jippermetti l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni f’każ partikolari. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jippreskrivi, għal dawn il-kategoriji, b’mod definittiv, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma jippermetti riżultat differenti minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ każ konkret (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011ASNEF u FECEMD, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punti 47 u 48).

63

Issa, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tnaqqas, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali tal-utenti ta’ siti ta’ media online, il-portata tal-prinċipju previst fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, billi teskludi l-possibbiltà li l-għan li tiġi ggarantita l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-imsemmija media online jkun is-suġġett ta’ bbilanċjar mal-interess jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ dawn l-utenti, li għandha tingħatalhom, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, protezzjoni skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fuq il-bażi tagħha fornitur ta’ servizzi ta’ media online ma jistax jiġbor u juża data personali ta’ utent ta’ dawn is-servizzi, mingħajr il-kunsens tiegħu, ħlief sa fejn dan il-ġbir u dan l-użu jkunu neċessarji sabiex jiġi ffaċilitat u ffatturat l-użu konkret tal-imsemmija servizzi minn dan l-utent, mingħajr ma l-għan intiż li tiġi ggarantita l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-istess servizzi ma jkun jista’ jiġġustifika l-użu tal-imsemmija data wara sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data, għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz IP dinamiku rreġistrat minn fornitur tas-servizzi ta’ media online meta ssir konsultazzjoni minn persuna ta’ sit internet li dan il-fornitur jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku jikkostitwixxi, fir-rigward tal-imsemmi fornitur, data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jkollu mezzi legali li jippermettulu jidentifika l-persuna kkonċernata bis-saħħa tal-informazzjoni addizzjonali li għandu l-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ din il-persuna.

 

2)

L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fuq il-bażi tagħha fornitur ta’ servizzi ta’ media online ma jistax jiġbor u juża data personali ta’ utent ta’ dawn is-servizzi, mingħajr il-kunsens tiegħu, ħlief sa fejn dan il-ġbir u dan l-użu jkunu neċessarji sabiex jiġi ffaċilitat u ffatturat l-użu konkret tal-imsemmija servizzi minn dan l-utent, mingħajr ma l-għan intiż li tiġi ggarantita l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-istess servizzi ma jkun jista’ jiġġustifika l-użu tal-imsemmija data wara sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.