SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji — Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’”

Fil-Kawża C‑559/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Civillietu departaments (dipartiment tal-affarijiet ċivili tal-qorti suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Rūdolfs Meroni

vs

Recoletos Limited,

fil-preżenza ta’:

Aivars Lembergs,

Olafs Berķis,

Igors Skoks,

Genādijs Ševcovs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Rūdolfs Meroni, minn D. Škutāns, avukat,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u E. Pedrosa, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn B. Kennelly, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Rūdolfs Meroni u Recoletos Limited dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fil-Latvja, ta’ deċiżjoni dwar miżuri provviżorji u kawtelatorji mogħtija mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti kummerċjali), ir-Renju Unit].

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

3

Skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

4

Taħt it-Titolu VII tal-Karta, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-karta”, l-Artikolu 51(1) jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

Ir-Regolament Nru 44/2001

5

Il-premessi 16 sa 18 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

“(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja [fl-Unjoni] tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa tal-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.

(18)

B’dana kollu, rispett għad-drittijiet tal-konvenut għandu jfisser illi l-konvenut għandu jkun jista’ jappella fi proċedura avversarja, kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, jekk jikkonsidra wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti. Proċeduri ta’ rimedju għandhom ikunu disponibbli wkoll għal min iressaq il-każ meta l-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet miċħuda.”

6

L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sentenza” bħala “xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”.

7

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi:

“1.   Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.

2.   Xi parti interessata li tqajjem rikonoxximent ta sentenza bħala s-suġġet prinċipali fi kwestjoni tista’, bi qbil mal-proċeduri li hemm disposizzjoni dwarhom f’Sezzjonijiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu, japplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f’qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali tar-rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq dak il-każ.”

8

L-Artikolu 34(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)

meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk[.]”

9

Konformement mal-Artikolu 35(2) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001, l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha. Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-kriterju tal-ordni pubbliku msemmi fl-Artikolu 34(1) ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.

10

L-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament jiddisponi li, taħt l-ebda ċirkustanza, ma tista’ tiġi riveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.

11

L-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

12

L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Is-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettieq tal-formalitajiet […]. Il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni m’għandiex f’dan l-istadju tal-proċeduri tkun intitolata li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.”

13

Konformement mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandha tiġi servuta fuq il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, akkumpanjata mis-sentenza, jekk dan ma jkunx diġa ġie servut fuq dik il-parti.”

14

L-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti.

2.   L-appell għandu jkun ippreżentat fil-qorti indikata fil-lista ta’ l-Anness III.

3.   L-appell għandu jkun ittrattat skond ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri f’materji kontradittorji.

[…]

5.   Appell kontra id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandu jiġi ippreżentat fi żmien xahar mis-servizz tagħha. Jekk il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni jkun domiċiljat fi Stat Membru apparti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, iż-żmien ta’ l-appell għandu jkun ta’ xahrejn u għandu jibda jgħodd mid-data tas-servizz, jew fuqu jew inkella fir-residenza tiegħu. L-ebda estenzjoni taż-żmien ma tista’ tingħata minħabba distanza.”

15

Konformement mal-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat […] għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35 […].

2.   Sentenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma’ tista’ tiġi reveduta fuq is-sustanza tagħha.”

Id-dritt Latvjan

16

L-Artikolu 138 tal-Civilprocesa likums (kodiċi ta’ proċedura ċivili) jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom jiggarantixxi talba, jiġifieri:

“1)

is-sekwestru ta’ proprjetà mobbli u ta’ flus kontanti tal-konvenut;

2)

l-inklużjoni ta’ indikazzjoni ta’ projbizzjoni fir-reġistru tal-proprjetà mobbli kkonċernata jew f’reġistru pubbliku ieħor;

3)

l-inklużjoni tal-indikazzjoni tal-garanzija fuq it-talba fir-reġistru tal-artijiet jew fir-reġistru tal-bastimenti;

4)

is-sekwestru ta’ bastiment;

5)

il-projbizzjoni lill-konvenut milli jwettaq ċerti attivitajiet;

6)

il-konfiska tal-ħlasijiet dovuti minn terzi, inklużi l-fondi miżmuma f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u f’istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

7)

is-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta’ eżekuzzjoni attwali (inkluża l-projbizzjoni kontra marixxall milli jittrasferixxi flus jew proprjetà lil min jiġbor id-djun jew lil debitur, jew l-iffriżar tal-bejgħ ta’ proprjetà).”

17

L-Artikolu 427(1)(4) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili jipprevedi:

“Il-qorti adita fl-appell, indipendentement mill-motivi stipulati fl-appell, għandha tannulla s-sentenza tal-ewwel istanza u tirrinvija l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza għal eżami mill-ġdid jekk tikkonstata li […] din is-sentenza tagħti drittijiet u timponi obbligi lil persuna li ma kinitx parti mill-kawża.”

18

Ir-raba’ punt tal-Artikolu 452(3) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“F’kull każ, huwa kkunsidrat bħala ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt proċedurali li jista’ jirriżulta f’riżoluzzjoni żbaljata tal-kawża:

[…]

il-fatt li sentenza tagħti drittijiet jew timponi obbligi fuq persuna li ma kinitx parti mill-kawża.”

19

Konformement mal-Artikolu 633 tal-istess kodiċi:

“(1)   Persuna li tikkunsidra li għandha dritt fuq proprjetà mobbli jew immobbli li tkun issekwestrata, li hija s-suġġett ta’ rkupru, jew fuq parti minn din il-proprjetà, għandu tressaq kawża konformement mar-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni.

(2)   Talba għall-esklużjoni ta’ proprjetà minn att ta’ konfiska, għat-tħassir tal-inklużjoni ta’ rkupru mir-reġistru tal-artijiet jew talba oħra għandha titressaq kontra d-debitur u min jiġbor id-djun. Jekk il-proprjetà hija ssekwestrata fuq il-bażi ta’ parti minn sentenza kriminali dwar il-konfiska ta’ proprjetà, il-persuna kkundannata u l-istituzzjoni finanzjarja huma mistiedna jidhru bħala konvenuti.

(3)   Jekk il-proprjetà tkun diġà ġiet mibjugħa, it-talba għandha tkun diretta kontra l-persuna li lilha ġiet ittrasferita l-proprjetà; jekk il-qorti tilqa’ t-talba dwar proprjetà immobbli, l-inklużjoni tat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà lix-xerrej fir-reġistru tal-artijiet huwa ddikjarat invalidu.

[…]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Insegwitu għal azzjoni ġudizzjarja mibdija minn Recoletos u minn partijiet oħra kontra Aivars Lembergs, Olafs Berķis, Igors Skoks u Genādijs Ševcovs, fid-9 ta’ April 2013 ingħata digriet mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti kummerċjali)]. Dan id-digriet ma ġiex innotifikat lil dawn il-persuni.

21

Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”), il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti kummerċjali)] ikkonfermat dawn il-miżuri fil-konfront ta’ dawn l-istess persuni. B’mod partikolari, inżamm is-sekwestru tal-proprjetà ta’ A. Lembergs. Kien ipprojbit, lil dan tal-aħħar u lill-konvenuti l-oħra, li jiddisponu mill-azzjonijiet tagħhom f’AS Ventbunkers, stabbilita fil-Latvja, li jagħmlu użu minnhom jew li jnaqqsu l-valur tagħhom, indipendentement minn jekk l-azzjonijiet f’din il-kumpannija kinux tagħhom jew le, direttament jew indirettament, jew li jiddisponu minn kull prodott jew minn kull dħul mill-bejgħ ta’ dawk l-azzjonijiet, kif ukoll li jiddisponu mill-azzjonijiet tagħhom f’kull kumpannija oħra jew entitajiet li permezz tagħhom il-konvenuti jkollhom aċċess għall-azzjonijiet ta’ Ventbunkers. A. Lembergs għandu biss azzjoni waħda f’din il-kumpannija. Madwar 29 % tal-kapital ta’ Ventbunkers huwa miżmum minn Yelverton Investments BV (iktar ’il quddiem “Yelverton”) li fiha A. Lembergs għandu drittijiet bħala “benefiċjarju reali”.

22

Mad-digriet ikkontestat hemm mehmuża diversi annessi li jinkludu organigramma tal-kumpanniji u ta’ entitajiet oħra msemmija fih. Dawn tal-aħħar ma kinux parti mill-proċedura quddiem il-qorti li tat id-digriet.

23

Skont id-digriet ikkontestat, Recoletos hija indikata bħala responsabbli għan-notifika ta’ dan id-digriet. Hekk kif jirriżulta minn dan id-digriet, id-dritt li jadixxu lill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti kummerċjali)] u li jikkontestaw il-miżuri ordnati minn din il-qorti jingħata lill-persuni kollha li lilhom ġie nnotifikat dan id-digriet. Dan id-digriet ingħata matul seduta fejn il-konvenuti ġew informati u fejn ġie ppreċiżat li dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jadixxu din il-qorti b’talba għall-modifika jew għall-annullament tad-digriet ikkontestat.

24

F’dan tal-aħħar huwa wkoll indikat dan li ġej:

“F’terminu ta’ 7 ijiem minn meta jirċievu kopja ta’ dan id-digriet […], il-konvenuti għandhom iwettqu l-atti kollha li raġonevolment setgħu jagħmlu sabiex jevitaw li, bi kwalunkwe mod, il-membri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-kumpanniji elenkati [f’]dan id-digriet jiddisponu minn, jagħmlu użu minn jew inaqqsu l-interessi [ta’ Ventbunkers] miżmuma minn dawn il-kumpanniji. Tali atti, jekk dawn ikunu raġonevolment fis-setgħa tagħhom, għandhom jinkludu, iżda mingħajr ma jkunu limitati għal dan, l-informar immedjat b’mod uffiċjali tal-kumpanniji ċċitati iktar ’il fuq, permezz tal-membri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħhom u […] sa fejn huma jistgħu, il-projbizzjoni ta’ kull ċessjoni, użu jew tnaqqis fil-valur tal-interessi [ta’ Ventbunkers] miżmuma minn dawn il-kumpanniji.

[…]

Dan id-digriet ma jipprojbixxix lill-konvenuti milli jiddisponu, jagħmlu użu jew inaqqsu l-valur ta’ kwalunkwe assi tal-konvenuti li ma jkunx fl-interessi [ta’ Ventbunkers].

Dan id-digriet ma jipprojbixxix l-użu jew li jiddisponu mill-interessi [ta’ Ventbunkers] fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali normali u korretti, iżda qabel, il-konvenuti għandhom jgħarrfu lir-rappreżentanti legali tar-rikorrenti.

[…]

Konvenut li jkun persuna fiżika li jkun ġie ordnat li ma jaġixxix għandu jastjeni milli jaġixxi huwa stess kif ukoll bi kwalunkwe mod ieħor. Huwa ma jistax jaġixxi permezz ta’ persuni oħra li jaġixxu għan-nom tiegħu, jew fuq istruzzjonijiet tiegħu jew fuq inizjattiva tiegħu.

[…]

Id-disposizzjonijiet ta’ dan id-digriet jipproduċu l-effetti tagħhom fuq il-persuni li ġejjin f’pajjiż jew fi Stat barra minn dak tal-qorti ta’ dan il-pajjiż:

a)

il-konvenuti;

b)

kull persuna li:

taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti;

kienet innotifikata bil-miktub dan id-digriet fir-residenza tagħha jew fuq il-post tax-xogħol tagħha li huwa fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti; u

huwa kapaċi li jostakola atti jew li jastjeni li huwa barra mill-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ dan il-pajjiż li joħloq jew jiffaċilita ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet; u

c)

kull persuna oħra biss sa fejn qorti ta’ dak il-pajjiż jew Stat iddikjarat dan id-digriet eżegwibbli jew eżegwitu.”

25

Sussegwentement, iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikoli 54 u 58 tar-Regolament Nru 44/2001 ingħata fit-3 ta’ Mejju 2013. Fih hemm indikat li d-digriet ikkontestat għandu jiġi applikat fil-konfront ta’ A. Lembergs, O. Berķis, I. Skoks u G. Ševcovs.

26

Fit-28 ta’ Ġunju 2013, Recoletos ressqet talba quddiem il-Ventspils tiesa (qorti ta’ Ventspils, il-Latvja) intiża sabiex tiddikjara eżegwibbli d-digriet ikkontestat kif ukoll sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet permezz ta’ miżuri provviżorji.

27

Din it-talba ntlaqgħet parzjalment mill-Ventspils tiesa (qorti ta’ Ventspils) fl-istess ġurnata. Hija ġiet miċħuda fir-rigward tal-garanzija dwar l-eżekuzzjoni tad-digriet ikkontestat.

28

O. Berķis, I. Skoks u G. Ševcovs, kif ukoll R. Meroni, avukat stabbilit f’Zurich (l-Isvizzera), li huwa kemm rappreżentant kif ukoll amministratur tal-patrimonju ta’ A. Lembergs li tqiegħed taħt sekwestru, li jeżerċita d-drittijiet ta’ azzjonist f’Ventbunkers, kif ukoll ta’ direttur ta’ Yelverton, ippreżentaw appell komplementari mid-deċiżjoni tal-Ventspils tiesa (qorti ta’ Ventspils) quddiem il-Kurzemes apgabaltiesa (qorti reġjonali ta’ Kurzeme, il-Latvja). Il-parti tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba intiża biex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tad-digriet ikkontestat ma ġietx appellata.

29

Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, il-Kurzemes apgabaltiesa (qorti reġjonali ta’ Kurzeme) annullat id-deċiżjoni tal-Ventspils tiesa (qorti ta’ Ventspils), billi ddeċidiet fuq il-mertu tat-talba mressqa minn Recoletos. Hija ddikjarat id-digriet li ssekwestra l-proprjetà eżegwibbli parzjalment fil-Latvja, sa fejn jipprojbixxi lil A. Lembergs li jiddisponi mill-azzjonijiet tiegħi, li jagħmel użu minnhom jew li jnaqqas il-valur tagħhom, indipendentement minn jekk dawn l-azzjonijiet kinux tiegħu direttament jew le, f’Ventbunkers, kif ukoll jagħti lil terzi l-kompitu li jwettqu dawn l-attivitajiet. Din il-qorti ddeċidiet li l-oġġezzjonijiet ta’ R. Meroni, li d-digriet ikkontestat kien ta’ ħsara għall-interessi ta’ terzi li ma kinux parti mill-kawża quddiem il-qorti tar-Renju Unit, huma infondati. Il-qorti tal-appell ippreċiżat f’dan ir-rigward li d-digriet ikkontestat kien jikkonċerna biss lil A. Lembergs u s-sekwestru tal-proprjetajiet ta’ dan tal-aħħar.

30

R. Meroni ppreżenta appell komplementari quddiem l-Augstākās tiesas Civillietu departaments (dipartiment tal-affarijiet ċivili tal-qorti suprema) kontra s-sentenza tal-Kurzemes apgabaltiesa (qorti reġjonali ta’ Kurzeme), fejn ikkonkluda li s-sentenza mogħtija għandha tiġi annullata sa fejn din issib li d-digriet ikkontestat fil-konfront ta’ A. Lembergs huwa eżegwibbli fil-Latvja.

31

Fl-appell tiegħu, R. Meroni jsostni li huwa d-direttur ta’ Yelverton, li hija azzjonista f’Ventbunkers, u li huwa jeżerċita d-drittijiet ta’ azzjonist ta’ A. Lembergs f’din il-kumpannija. Fil-fehma tiegħu, id-digriet ikkontestat jostakolah milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ vot li jirriżultaw mill-azzjonijiet ta’ Yelverton f’Ventbunkers. R. Meroni wkoll jafferma li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-digriet ikkontestat huma kuntrarji għall-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku previst fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn il-projbizzjonijiet iffissati f’dan id-digriet ikkontestat huma ta’ preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà ta’ terzi li ma kinux parti mill-proċedura quddiem il-qorti li tat id-digriet ikkontestat.

32

L-Augstākās tiesas Civillietu departaments (dipartiment tal-affarijiet ċivili tal-qorti suprema) irrilevat li dan id-digriet ma jikkonċernax biss lil A. Lembergs iżda wkoll lil terzi bħal Yelverton kif ukoll persuni oħra li ma kinux parti mill-proċedura quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti kummerċjali)]. Iżda jkun diffiċli li jiġu ċċarati l-fatti fir-rigward tal-informar tal-persuni mhux involuti fil-kawża dwar id-digriet ikkontestat u d-dokumenti relatati mar-rikors jekk tali dokumenti ma ġewx ipprovduti la mir-rikorrenti u lanqas mill-konvenut. Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni jippermetti, fl-istabbiliment tal-miżuri kawtelatorji f’kawża, li d-drittijiet għall-proprjetà ta’ persuna, li ma hijiex implikata bħala parti fl-imsemmija kawża, ikunu ristretti, anki jekk huwa madankollu previst li kull persuna li hija affettwata minn deċiżjoni dwar miżuri kawtelatorji għandha d-dritt fi kwalunkwe mument li titlob lill-qorti kkonċernata t-tibdil jew l-annullament tas-sentenza, u li tħalli f’idejn ir-rikorrenti sabiex jinnotifikaw is-sentenza lill-persuni kkonċernati, peress li l-qorti nazzjonali tal-Istat [Membru] mitlub ma kellhiex il-possibbiltà li tivverifika l-fatti dwar din in-notifika.

33

L-Augstākās tiesas Civillietu departaments (dipartiment tal-affarijiet ċivili tal-qorti suprema) tikkunsidra li jekk persuna ma jkollhiex l-istatus ta’ parti fil-proċedura, hija lanqas ma jkollha l-opportunità li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-qorti adita, kemm fuq kwistjonijiet ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt, li huwa l-essenza tad-dritt għal smigħ xieraq. Fil-fatt, parti f’tilwima għandha tkun innotifikata kemm bir-rikors innifsu kif ukoll bl-atti tal-proċess insostenn tiegħu. Huwa biss billi tieħu konjizzjoni tal-argumenti fuq il-mertu tal-kawża li din il-parti tkun tista’ tiddefendi ruħha kontra l-parti opposta. F’dan ir-rigward, ikun meħtieġ li tiġi ggarantita proċedura li tkun konformi mal-prinċipju ta’ proċedura kontenzjuża u ta’ smigħ xieraq, dan mhux biss fl-istadju meta l-kawża tkun eżaminata fuq il-mertu, iżda wkoll fil-fażi dwar l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Civillietu departaments (dipartiment tal-affarijiet ċivili tal-qorti suprema), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija, il-ksur tad-drittijiet ta’ persuni li ma humiex involuti fil-kawża prinċipali jista’ jkun raġuni għall-implementazzjoni tal-klawżola ta’ ordni pubbliku prevista fl-imsemmi Artikolu 34(1) u għar-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni barranija sa fejn din taffettwa lil dawn il-persuni li ma humiex involuti fil-kawża prinċipali?

2.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji ta’ ekwità fil-qasam ġudizzjarju stabbiliti fih jippermettu, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-miżuri kawtelatorji f’tilwima, li d-drittijiet ta’ proprjetà ta’ persuni li ma humiex involuti bħala partijiet fl-imsemmija tilwima jiġu limitati, anki jekk huwa previst li kull persuna li tkun affettwata minn deċiżjoni dwar miżuri kawtelatorji għandha d-dritt li f’kull mument tindirizza lill-qorti kkonċernata sabiex titlob li d-deċiżjoni tiġi emendata jew annullata, u li tħalli lir-rikorrenti l-kompitu li jinnotifikaw din id-deċiżjoni lill-persuni kkonċernati?”

Fuq id-domandi preliminari

35

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ digriet mogħti minn qorti ta’ Stat Membru, li ngħata mingħajr ma terz, li d-drittijiet tiegħu ġew affettwati minn dan id-digriet, ma jkunx instema’, għandhomx jitqiesu li huma manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub u kontra d-dritt għal smigħ xieraq fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

36

Sabiex tingħata risposta lil dawn id-domandi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-fatt li R. Meroni ma jkunx instema’ mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti kummerċjali)] qabel l-adozzjoni minn din il-qorti tad-digriet ikkontestat, jistax jikkostitwixxi ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat li l-qrati tiegħu jkunu msejħa sabiex jirrikonoxxu u jeżegwixxu dan id-digriet.

37

Għandu jiġi mfakkar li d-digriet ikkontestat, li huwa s-suġġett ta’ talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, jirrigwarda l-iffriżar ta’ ċertu numru ta’ assi b’mod kawtelatorju bil-għan li jiġi prekluż li waħda mill-partijiet tevita li dawn ikunu għad-dispożizzjoni ulterjuri tal-parti l-oħra. Dan id-digriet għalhekk jikkonċerna wkoll numru ta’ terzi, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jgawdi minn drittijiet marbuta ma’ dawk l-assi.

38

F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” stabbilit fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 55 tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271), li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett inkwantu tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament u li għandu jidħol fis-seħħ biss f’każijiet eċċezzjonali.

39

Jekk l-Istati Membri, bħala prinċipju, jibqgħu ħielsa, bis-saħħa tar-riżerva fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jiddeterminaw, konformement mal-kunċetti nazzjonali tagħhom, l-eżiġenzi ta’ ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għaldaqstant, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, billi jipprojbixxu l-istħarriġ tal-mertu ta’ deċiżjoni barranija, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat Membru mitlub kieku ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Konsegwentement, għandu jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 biss fil-każ li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ivarjaw mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudikaw prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu ta’ sentenza barranija, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq ir-rilevanza tal-Artikolu 47 tal-Karta f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tat-talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-digriet ikkontestat, li fir-rigward tiegħu għandu jiġi mfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

44

Qorti nazzjonali li timplementa d-dritt tal-Unjoni billi tapplika r-Regolament Nru 44/2001 għaldaqstant trid tikkonforma mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta li jgħid li kull persuna li jinkisrulha d-drittijiet u l-libertajiet ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

45

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma dawk tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita, jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tiżgura l-osservanza tagħhom u li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001 jesprimu l-intenzjoni li jiżguraw li, fil-kuntest tal-għanijiet tiegħu, il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jsiru filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

B’mod partikolari, fir-rigward tal-punt ta’ f’liema ċirkustanzi l-fatt li deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru tkun ngħatat bi ksur tal-garanziji proċedurali tista’ tikkostitwixxi motiv għar-rifjut ta’ rikonoxximent taħt l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżola ta’ ordni pubbliku prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika biss fis-sitwazzjoni fejn tali ksur jimplika li r-rikonoxximent tad-deċiżjoni kkonċernata fl-Istat Membru mitlub iwassal għal ksur manifest ta’ regola essenzjali tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk ta’ dan l-Istat Membru (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 50).

47

Għandu jiġi osservat ukoll li s-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Hija din il-fiduċja, li l-Istati Membri reċiprokament jagħtu lis-sistemi legali tagħhom u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, li tippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema ta’ rimedji stabbiliti f’kull Stat Membru, sostnuta mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 63).

48

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 44/2001 jistrieħ fuq l-idea fundamentali li l-partijiet fil-kawża huma obbligati, bħala prinċipju, li jużaw ir-rimedji kollha li huma disponibbli skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini. Ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jirrendu diffiċli ħafna jew impossibbli l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 64).

49

Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-digriet ikkontestat ma estendiex effetti legali kontra terz qabel ma ġie informat u li huwa għar-rikorrenti li jfittxu li japprofittaw ruħhom minn dan sabiex jiżguraw li d-digriet ikun debitament innotifikat lit-terzi kkonċernati u li jipprovaw li n-notifika tkun seħħet. Barra minn hekk, meta dan l-istess digriet ikun ġie nnotifikat lilu, terz li ma kienx parti fil-proċedura quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini, jista’ jressaq quddiem din rikors kontra dan id-digriet u jitlob li dan ikun immodifikat jew annullat.

50

Din is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tirrifletti r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punti 4244), dwar il-garanziji proċedurali li jiżguraw lit-terzi kollha kkonċernati possibbiltà effettiva li jikkontestaw miżura adottata mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini. Minn dan jirriżulta li din is-sistema ma tistax titqies li hija ta’ natura tali li tikser l-Artikolu 47 tal-Karta.

51

Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et (C‑167/08, EU:C:2009:263, punt 31), li l-kreditur ta’ debitur ma jistax jippreżenta rikors kontra deċiżjoni fuq talba għal dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva jekk ma jkunx intervjena formalment bħala parti fil-kawża li fil-kuntest tagħha kreditur ieħor ta’ dan id-debitur ikun talab is-saħħa eżekuttiva għal din id-dikjarazzjoni.

52

Fil-fatt, jekk il-qorti tal-Istat Membru mitlub setgħet tevalwa l-eżistenza ta’ dritt eventwali li terz, li ma kienx involut fil-proċedura quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini, seta’ jqajjem fil-konfront tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija, din il-qorti jista’ jkollha teżamina l-mertu ta’ din id-deċiżjoni.

53

Minn dan isegwi li l-argument imressaq minn R. Meroni quddiem il-qorti tar-rinviju x’aktarx iwassal lil din tal-aħħar sabiex twettaq eżami li jkun manifestament kuntrarju għall-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li permezz tiegħu, fi kwalunkwe każ, is-sentenza barranija ma tistax tiġi riveduta fuq il-merti tagħha.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ digriet mogħti minn qorti ta’ Stat Membru, li ngħata mingħajr ma terz, li d-drittijiet tiegħu jistgħu jiġu affettwati minn dan id-digriet, ma jkun instema’, ma għandhomx jitqiesu li huma manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub u kontra d-dritt għal smigħ xieraq fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, sa fejn ikun possibbli għalih li jsostni d-drittijiet tiegħu quddiem din il-qorti.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ digriet mogħti minn qorti ta’ Stat Membru, li ngħata mingħajr ma terz, li d-drittijiet tiegħu jistgħu jiġu affettwati minn dan id-digriet, ma jkun instema’, ma għandhomx jitqiesu li huma manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub u kontra d-dritt għal smigħ xieraq fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn ikun possibbli għalih li jsostni d-drittijiet tiegħu quddiem din il-qorti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.