SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 7(1)(ċ) — Riunifikazzjoni tal-familja — Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti evalwazzjoni prospettiva tal-probabbiltà li l-isponsor iżomm ir-riżorsi tiegħu — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑558/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit- Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Mimoun Khachab

vs

Subdelegación del Gobierno en Álava,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez‑Miñón, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn G. Szima u Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M. Khachab u s-Subdelegación del Gobierno en Álava (rappreżentanza tal-gvern fil-provinċja ta’ Álava, iktar ’il quddiem ir-“rappreżentanza tal-gvern”), dwar ir-rifjut fir-rigward ta’ M. Khachab li tiġi approvata l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza temporanja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja favur il-konjuġi tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 4 u 6 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdu kif ġej:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali [,iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u [fi]l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”].

[...]

(4)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita [Ewropea] ddikjarat fit-Trattat [KE].

[...]

(6)

Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86, “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

5

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika fejn l-isponsor għandu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru għal perjodu ta’ validita ta’ sena jew iktar li għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, jekk il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ status ikun xi jkun”

6

Skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, b’mod partikolari tal-konjuġi tal-isponsor, skont din id-direttiva u bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet msemmija fil-Kapitolu IV tagħha kif ukoll fl-Artikolu 16 ta’ din tal-aħħar.

7

Taħt il-Kapitolu IV, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”, tad-Direttiva 2003/86, l-Artikolu 7(1) tagħha jipprovdi:

“Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

a)

akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

b)

assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

ċ)

riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in numru ta’ membri tal-familja”.

8

L-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta’ l-isponsor.”

9

L-Artikolu 16(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)

fejn il-kondizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati.”

10

Skont l-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

Id-dritt Spanjol

11

Il-Liġi organika 4/2000 dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-barranin fi Spanja u l-integrazzjoni soċjali tagħhom (Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social), tal-11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tat-12 ta’ Jannar 2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi organika 4/2000”) tipprevedi fl-Artikolu 16(1) u (2) tagħha:

“1.   Il-barranin residenti għandhom dritt għal ħajja tal-familja u għall-intimità tagħha fil-forma prevista minn din il-liġi organika u skont id-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali rrattifikati minn Spanja.

2.   Il-barranin li jirrisjedu fi Spanja għandhom id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja tagħhom imsemmija fl-Artikolu 17.”

12

L-Artikolu 17(1)(a) ta’ din il-liġi organika jipprovdi:

“Il-barrani residenti għandu dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fi Spanja fir-rigward tal-membri sussegwenti tal-familja tiegħu:

a)

il-konjuġi tar-resident, bil-kundizzjoni li ma jkunx isseparat la de facto u lanqas legalment u li ż-żwieġ ma jkunx ġie ċċelebrat bi frodi tal-liġi. [...]”

13

Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja”, l-Artikolu 18(2) tal-liġi organika 4/2000 jipprovdi:

“L-isponsor għandu juri, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, li huwa għandu akkomodazzjoni adegwata u riżorsi suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u lill-familja tiegħu wara r-riunifikazzjoni.

Ir-riżorsi provenjenti mis-sistema ta’ għajnuna soċjali ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-dħul għall-finijiet tar-riunifikazzjoni, iżda d-dħul l-ieħor ipprovdut mill-konjuġi li jirrisjedi fi Spanja u li jgħix mal-isponsor għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

[…]”.

14

Id-Digriet Irjali 557/2011, tal-20 ta’ April 2011, approva r-regolament li jimplementa l-Liġi organika 4/2000, kif emendata bil-Liġi organika 2/2009 (BOE Nru 103, tat-30 ta’ April 2011). L-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Riżorsi li barrani għandu juri li huwa għandu sabiex ikun jista’ jikseb permess ta’ residenza bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja tiegħu”, jipprevedi:

“1.   Il-barrani li japplika għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja tiegħu għandu jippreżenta, fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tiegħu, id-dokumenti li juru li huwa għandu riżorsi suffiċjenti sabiex iżomm lill-familja tiegħu, inkluż fil-qasam tal-kura medika fil-każ li ma jkunx kopert mis-sigurtà soċjali, riżorsi li l-ammont minimu tagħhom fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għandu jkun miktub bl-EUR jew bl-ekwivalenti legali tiegħu f’munita barranija, skont in-numru ta’ persuni li huwa jixtieq jirriunifika filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-membri tal-familja tiegħu li diġà jgħixu miegħu fi Spanja u li għalihom huwa responsabbli:

a)

Fil-każ ta’ unitajiet tal-familja li jinkludu żewġ membri, inkluż l-isponsor u l-persuna li tibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja meta tasal fi Spanja: dħul li jirrappreżenta 150 % tal-[indikatur pubbliku tad-dħul b’effetti multipli (IPREM)] kull xahar.

[...]

2.   Il-permess ta’ residenza għandu jkun rrifjutat jekk jiġi stabbilit b’ċertezza li l-applikant ma jistax iżomm dawn ir-riżorsi matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Sabiex dan jiġi ddeterminat, il-previżjoni taż-żamma ta’ sors ta’ dħul matul is-sena inkwistjoni għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tar-riżorsi li l-isponsor irċieva matul is-sitt xhur preċedenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

M. Khachab, ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi fi Spanja, huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza fit-tul f’dan l-Istat Membru. Fl-20 ta’ Frar 2012 huwa ssottometta applikazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli għal permess ta’ residenza temporanja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja favur martu I. Aghadar. Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2012, ir-rappreżentanza tal-gvern ċaħdet l-applikazzjoni tiegħu minħabba li M. Khachab ma kienx wera li huwa kellu riżorsi suffiċjenti sabiex iżomm lill-familja tiegħu wara r-riunifikazzjoni.

16

Għaldaqstant M. Khachab ippreżenta rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rappreżentanza tal-gvern, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2012, għall-motivi sussegwenti:

“[...] Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, [M. Khachab] ippreżenta l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat li huwa kien ikkonkluda mal-impriża ‘Construcciones y distribuciones constru‑label SL’. Madankollu s-[sistema ta’ informazzjoni tax-xogħol tas-sigurtà soċjali] indikat li huwa kien waqaf jaħdem għal din l-impriża fl-1 ta’ Marzu 2012, li f’dik is-sena speċifika huwa kien ħadem biss għal 15-il ġurnata u li fis-sena 2011 kollha huwa kien ħadem 48 ġurnata. Minn dan li jippreċedi jirriżulta li, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni, huwa ma kellu ebda attività professjonali, fatt li sal-lum għadu l-istess, u li huwa ma kienx wera’ li kellu riżorsi suffiċjenti sabiex iżomm lill-familja tiegħu wara r-riunifikazzjoni. Fl-istess data, xejn ma kien jindika li huwa kien ser ikollu riżorsi simili għas-sena sussegwenti għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Għaldaqstant, ebda waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja ma kienet ġiet issodisfatta.”

17

Għaldaqstant, M. Khachab ippreżenta quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Vitoria-Gasteiz (qorti amministrattiva fuq il-livell provinċjali Nru 1 ta’ Vitoria-Gasteiz) rikors kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, din il-qorti kkonfermat dik id-deċiżjoni billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-istess motivi bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2012.

18

Għaldaqstant M. Khachab appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco). Insostenn tal-appell tiegħu, M. Khachab jafferma li l-qorti tal-ewwel istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni fatt ġdid li fir-rigward tiegħu huwa kien gibed l-attenzjoni tagħha matul il-proċeduri, fatt li jindika li, mis-26 ta’ Novembru 2012, huwa kien qiegħed jaħdem għal impriża agrikola jiġbor il-frott taċ-ċitru u li huwa għandu, għalhekk, xogħol li jipprovdilu dħul suffiċjenti. Huwa jżid li huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza fit-tul u li huwa ilu miżżewweġ ma’ I. Aghadar mill-2009. Barra minn hekk, huwa jafferma li għandu akkomodazzjoni adatta u li kien ilu jħallas kontribuzzjonijiet fi Spanja għal iktar minn ħames snin. Barra minn hekk, huwa jqis li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika attwali, li fiha huwa estremament diffiċli li wieħed ikollu xogħol b’mod kontinwu.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, li jipprovdi li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja huwa kkundizzjonat mill-fatt li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni, “[l-isponsor għandu [...] riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti”. B’mod partikolari hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, ma’ din id-dispożizzjoni, tal-leġiżlazzjoni Spanjola, li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jirrifjutaw il-benefiċċju tar-riunifikazzjoni tal-familja, u għaldaqstant il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza temporanja lil membru tal-familja tal-isponsor, meta, abbażi tal-iżvilupp tad-dħul tiegħu matul is-sitt xhur preċedenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, ikun probabbli li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jżomm, matul is-sena sussegwenti għal din id-data, l-istess livell ta’ riżorsi bħal dak li huwa kellu f’din id-data.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, il-verżjoni bl-Ispanjol, kif ukoll il-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jużaw il-verb “għandu” fl-indikattiv preżent u mhux fil-futur. Minħabba dan, din il-qorti tistaqsi jekk, sabiex ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja, l-isponsor għandux ikollu “riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti” fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni jew jekk tistax tittieħed inkunsiderazzjoni l-probabbiltà li huwa jkollu dawn ir-riżorsi wkoll matul is-sena sussegwenti għal din id-data.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva [2003/86] għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti ċ-ċaħda tar-riunifikazzjoni tal-familja minħabba li l-isponsor ma għandux riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni prospettiva, li titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali, dwar il-probabbiltà li l-isponsor iżomm il-mezzi finanzjarji tiegħu matul is-sena ta’ wara d-data tal preżentazzjoni tal-applikazzjoni u fuq il-bażi tal-iżvilupp tad-dħul tiegħu matul is-sitt xhur ta’ qabel l-imsemmija preżentazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jibbażaw ir-rifjut ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq evalwazzjoni prospettiva tal-probabbiltà li l-isponsor iżomm, jew le, ir-riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru, matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, meta din l-evalwazzjoni tkun bbażata fuq l-iżvilupp tad-dħul tal-isponsor matul is-sitt xhur preċedenti għal din id-data.

23

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, l-Istat Membri għandhom jawtorizzaw d-dħul u r-residenza, b’mod partikolari tal-konjuġi tal-isponsor għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”.

24

Fost il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-Kapitolu IV, l-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jitolbu prova li l-isponsor għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li l-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’riferiment għan-natura u għar-regolarità tagħhom u jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell tal-pagi u tal-pensjonijiet minimi nazzjonali kif ukoll in-numru tal-membri li minnhom il-familja hija komposta.

25

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li peress li l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva u l-effett utli tagħha (sentenza O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan ir-rigward, mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li din għandha bħala għan ewlieni li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri billi tippermetti ħajja tal-familja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja (ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 69).

27

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 ma jistax jiġi applikat b’tali mod li din l-applikazzjoni tikser id-drittijiet fundamentali stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara s-sentenza O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 77).

28

Għalkemm dan l-Artikolu 7 tal-Karta ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jċaħħad lill-Istati Membri mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom meta jeżaminaw applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom madankollu, matul dan l-eżami, jiġu interpretati u applikati, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 7 tal-Karta, kif barra minn hekk jirriżulta mit-termini tal-premessa 2 ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni bil-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 79 u 80).

29

Huwa fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq li huwa neċessarju, l-ewwel nett, li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tevalwa jekk il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi stabbli u regolari u li huma suffiċjenti tal-isponsor tkomplix tiġi ssodisfatta lil hinn mid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.

30

Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tipprevedix espressament tali possibbiltà, madankollu mill-kliem stess tagħha, u b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “stabbli” u “regolari”, jirriżulta li dawn ir-riżorsi finanzjarji għandhom sa ċertu punt ikunu permanenti u kontinwi. F’dan ir-rigward, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’riferiment, b’mod partikolari għar-“regolarita” tagħhom, fatt li jimplika analiżi perijodika tal-iżvilupp tagħhom.

31

Għaldaqstant mill-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li l-kliem tagħha ma jistax jiġi interpretat li jipprekludi li awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat minn applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja teżamina jekk il-kundizzjoni relatata mar-riżorsi tal-isponsor hijiex issodisfatta b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ evalwazzjoni dwar jekk dawn ir-riżorsi jinżammux lil hinn mid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.

32

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontradetta mill-fatt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 juża l-preżent tal-indikattiv, meta dan l-artikolu jipprevedi li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jeżiġi li l-persuna li tkun ippreżentat l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tipproduċi l-prova li l-isponsor “għandu” l-elementi msemmija fl-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ). Fil-fatt, l-isponsor għandu jagħti prova li huwa għandu dawn l-elementi kollha, fosthom b’mod partikolari “riżorsi [...] li huma suffiċjenti”, fil-mument li l-applikazzjoni tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun eżaminata, fatt li jiġġustifika l-użu tal-preżent tal-indikattiv. Mandankollu, sa fejn mill-kliem tal-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li r-riżorsi tal-isponsor għandhom ikunu mhux biss “suffiċjenti” iżda wkoll “stabbli u regolari”, tali rekwiżiti jimplikaw eżami prospettiv ta’ dawn ir-riżorsi min-naħa tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

33

Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-Artikolu 7(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjonijiet relatati mal-pussess ta’ “akkomodazzjoni meqjusa bħala normali” u ta’ “assigurazzjoni kontra l-mard”, previsti, rispettivament, f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li jagħtu lill-Istati Membri, għall-finijiet li tiġi żgurata stabbiltà u permanenza tal-isponsor fit-territorju tagħhom, il-possibbiltà li jibbażaw ruħhom, fl-eżami tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, fuq il-probabbiltà li din ir-riunifikazzjoni tkompli tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet lil hinn mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

34

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 mogħtija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza hija wkoll sostnuta mill-Artikoli 3(1) u 16(1)(a) ta’ din id-direttiva.

35

Fil-fatt, minn naħa, dan l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/86 jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva għall-isponsor li jkun kiseb permess ta’ residenza ta’ mill-inqas sena u li għandu prospettiva fondata li jikseb permess ta’ residenza permanenti. Issa, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali prospettiva teħtieġ neċessarjament li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat twettaq eżami tal-iżvilupp futur tas-sitwazzjoni tal-isponsor fir-rigward tal-kisba ta’ dan il-permess ta’ residenza.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 li l-imsemmija awtorità ma tistax twettaq evalwazzjoni taż-żamma, lil hinn mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni, tar-riżorsi stabbli u regolari u li huma suffiċjenti tal-isponsor ma tkunx koerenti mas-sistema prevista minn din id-direttiva.

37

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/86 ma humiex iktar issodisfatti, l-Artikolu 16(1)(a) tagħha jippermetti lill-Istati Membri jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja jew jirrifjutaw li jġeddulu dan il-permess.

38

Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’, b’mod partikolari, tirtira l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja meta l-isponsor ma jkollux iktar riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7(1)(ċ). Tali possibbiltà ta’ rtirar ta’ din l-awtorizzazzjoni timplika li din l-awtorità tista’ teħtieġ li l-isponsor jkollu dawn ir-riżorsi lil hinn mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu.

39

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan ta’ dan l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, il-prova tal-kundizzjoni ta’ riżorsi, prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ), tippermetti lill-awtorità kompetenti tiżgura ruħha li, la darba ssir ir-riunifikazzjoni tal-familja, kemm l-isponsor kif ukoll il-membri tal-familja tiegħu ma jirrikorrux ir-riskju li jsiru, matul ir-residenza tagħhom, piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chakroun, C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 46).

40

Minn dan li ntqal jirriżulta li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 timplika neċessarjament li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tevalwa b’mod prospettiv jekk l-isponsor iżommx riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti lil hinn mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

41

Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, hemm lok, it-tieni nett, li wieħed jistaqsi dwar jekk din id-dispożizzjoni tippermettix lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tissuġġetta l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għall-probabbiltà li dawn ir-riżorsi jinżammu matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul tal-isponsor matul is-sitt xhur preċedenti għal din id-data.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-mezzi implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 għandhom ikunu adatti sabiex iwettqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, is-sentenza K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 51).

43

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jimponi eżami individwali tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 60) u li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jimplementaw id-Direttiva 2003/86 u meta jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, għandhom iwettqu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 81).

44

F’dan il-każ, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tad-Digriet Irjali 557/2011 jipprevedi li l-permess ta’ residenza bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja għandu jkun rrifjutat jekk jiġi stabbilit b’ċertezza li ma hemmx prospettiva li r-riżorsi jinżammu matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Din id-dispożizzjoni tindika li l-previżjoni taż-żamma ta’ sors ta’ dħul matul is-sena inkwistjoni għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tar-riżorsi li l-isponsor irċieva matul is-sitt xhur preċedenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

45

F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li l-perijodu ta’ sena, li matulu l-isponsor għandu probabbilment ikollu riżorsi li huma suffiċjenti, jidher li huwa raġonevoli u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jippermetti li jiġi evalwat, b’mod individwali, ir-riskju potenzjali li l-isponsor ikollu jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat ladarba ssir ir-riunifikazzjoni tal-familja. Fil-fatt, dan il-perijodu ta’ sena jikkorrispondi għat-tul minimu ta’ validità tal-permess ta’ residenza li l-isponsor għandu jkollu, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/86, sabiex ikun jista’ japplika għar-riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(1)(a) tagħha, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom il-possibbiltà li jirtiraw il-permess ta’ residenza tal-familja tal-isponsor jekk l-isponsor ma jkollux iktar riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti matul it-tul ta’ residenza ta’ dan il-membru tal-familja u sa meta dan tal-aħħar jikseb permess ta’ residenza separat, jiġifieri, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86, mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza f’dan l-Istat Membru.

46

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ proporzjonalità fuq livell nazzjonali, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tad-Digriet Irjali 557/2011, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tirrifjuta li tagħti permess ta’ residenza bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja biss jekk ikun stabbilit “b’ċertezza” li l-isponsor ma jkunx jista’ jżomm riżorsi suffiċjenti matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni timponi biss fuq l-isponsor l-obbligu ta’ żamma prevedibbli tar-riżorsi tiegħu sabiex huwa jkun jista’ jikseb dan il-permess ta’ residenza bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja.

47

Fir-rigward tal-iffissar għal sitt xhur tal-perijodu preċedenti għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni li fuqu tista’ tkun ibbażata l-evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi tal-isponsor, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2003/86 ma tinkludi ebda preċiżazzjoni fuq dan il-punt. F’kull każ, tali perijodu ma jistax jippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva.

48

Għaldaqstant, minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jibbażaw ir-rifjut ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq evalwazzjoni prospettiva tal-probabbiltà li l-isponsor iżomm, jew le, ir-riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru, matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, meta din l-evalwazzjoni tkun bbażata fuq l-iżvilupp tad-dħul tal-isponsor matul is-sitt xhur preċedenti għal din id-data.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jibbażaw ir-rifjut ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq evalwazzjoni prospettiva tal-probabbiltà li l-isponsor iżomm, jew le, ir-riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru, matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, meta din l-evalwazzjoni tkun bbażata fuq l-iżvilupp tad-dħul tal-isponsor matul is-sitt xhur preċedenti għal din id-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.