SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2009/147/KE — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Żoni ta’ protezzjoni speċjali — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni ta’ habitats naturali”

Fil-Kawża C‑461/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes, E. Sanfrutos Cano, D. Loma-Osorio Lerena u G. Wilms, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħax il-miżuri xierqa sabiex jevita, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) “Campiñas de Sevilla”, id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom ġiet stabbilita din iż-żona, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”), taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2009, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Għasafar’”), u taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 85/337

2

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, l-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex, qabel tingħata awtorizzazzjoni, il-proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

3

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

4

Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

“1.   […] [I]l-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

2.   […] [G]ħall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

b)

[limiti minimi] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3.   Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-[limiti minimi] jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

[…]”

5

L-Anness I tad-Direttiva 85/337 jinkludi lista ta’ proġetti msemmija fl-Artikolu 4(1) tagħha. Fil-punt 7(a) u (b) tagħha, din il-lista ssemmi l-“bini ta’ linji tal-ferrovija għat-traffiku fuq distanzi twal u ta’ ajruporti b’tul bażiku tar-runway ta’ 2100 m jew iktar” kif ukoll il-“bini ta’ toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)”.

6

Il-punt 2, intitolat “Il-loka[lizza]zzjoni tal-proġetti”, tal-Anness III ta’ din id-direttiva jipprevedi, fir-rigward tal-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva:

“Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta’ ż-żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:

l-użu eżistenti ta’ l-art,

l-abbundanza relattiva, il-kwalità u l-ħila tar-riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali fiż-żona;

il-kapaċità dwar kemm jixrob l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni li ġejjin:

(a)

l-artijiet mistgħadra;

[…]

(d)

ir-riservi naturali u ġonna kbar;

(e)

iż-żoni kklassifikati jew protetti skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri; żoni ta’ protezzjoni speċjali ddisinjati mill-Istati Membri skond [id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), u skont id-Direttiva ‘Habitats’];

[…]”

Id-Direttiva “Għasafar

7

Id-Direttiva 79/409 ġiet emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali. B’hekk, għal finijiet ta’ ċarezza u ta’ razzjonalità, l-imsemmija direttiva kienet is-suġġett ta’ kodifikazzjoni permezz tad-Direttiva “Għasafar”.

8

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva “Għasafar” tikkonċerna l-konservazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu b’mod naturali fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat FUE. L-għan tagħha huwa l-protezzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tirregola l-isfruttament tagħhom.

9

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

(a)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

(b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

(c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

10

Fost id-diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” tinsab l-Otis tarda (pitarrun).

Id-Direttiva “Habitats

11

Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva “Habitats” huwa li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri fejn japplika t-Trattat.

12

L-Artikolu 6(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għas-sit u skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

13

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

14

Wara li fi Frar 2010 tressaq ilment dwar il-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ linja ġdida tal-ferrovija b’veloċità għolja bejn Sevilla (Spanja) u Almería (Spanja), fil-partijiet imsejħa “Marchena-Osuna I”, “Marchena‑Osuna II” kif ukoll “Variante de Osuna”, il-Kummissjoni, fis-17 ta’ Ġunju 2011, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja fejn sostniet li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”. Din l-akkuża kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-effetti potenzjali tax-xogħlijiet marbuta mar-rotta tal-ferrovija li taqsam l-Andalucía meta tgħaddi miż-ŻPS “Campiñas de Sevilla”.

15

B’mod globali, il-proġett jipprevedi, minn naħa, xogħlijiet ta’ infrastruttura ta’ titjib u ta’ adattament tal-linji tal-ferrovija eżistenti u, min-naħa l-oħra, xogħlijiet ta’ installazzjonijiet komplementari meħtieġa għall-implementazzjoni u għad-dħul fis-servizz tal-pjattaforma tal-ferrovija ġdida.

16

Fir-rigward tal-parti li tikkonċerna t-titjib u l-adattament tal-linji eżistenti, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet suġġetta għal dibattitu pubbliku fl-4 ta’ Lulju 2006. Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2006 ġiet adottata dikjarazzjoni dwar l-impatt ambjentali konformement mal-imsemmija evalwazzjoni. Ix-xogħlijiet marbuta mal-infrastruttura bdew fl-4 ta’ Diċembru 2007 u twaqqfu fl-2009. L-imsemmi proġett jipprevedi l-mogħdija minn żona naturali, ikklassifikata mill-awtoritajiet Spanjoli fid-29 ta’ Lulju 2008 bħala ŻPS għall-għasafar. Id-dikjarazzjoni ta’ din iż-żona bħala ŻPS hija sussegwenti għall-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni u għad-dikjarazzjoni dwar l-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett mill-awtoritajiet Spanjoli. Madankollu, is-sit inkwistjoni kien diġà jinstab, sa mis-sena 1998, taħt in-numru 238 tal-inventarju ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar tal-Ewropa, jiġifieri l-Inventory of Important Bird Areas in the European Community (iktar ’il quddiem l-“IBA 98”).

17

Fl-20 ta’ Lulju 2011, ir-Renju ta’ Spanja talab lill-Kummissjoni estensjoni tat-terminu għat-tweġiba tiegħu, talba li ntlaqgħat mill-Kummissjoni.

18

Fl-20 ta’ Settembru 2011, ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni.

19

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn akkużat lir-Renju ta’ Spanja b’nuqqas li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

20

Fil-21 ta’ Awwissu 2013, ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għal din l-opinjoni motivata filwaqt li annetta, mal-ittra tiegħu, anness b’rapport intitolat “Análisis de la afección del Eje Ferroviario Transversal a la avifauna de la ZEPA Campiñas de Sevilla” (Analiżi tal-effetti tar-rotta trasversali tal-ferrovija fuq l-avifawna taż-ŻPS “Campiñas de Sevilla”), li kien tfassal f’Lulju 2013 mill-Aġenzija għall-ambjent u għall-ilma fi ħdan il-Consejería de Agricultura, Pesca y Medio Ambiente de la Junta de Andalucia (Ministeru reġjonali għall-Agrikoltura, għas-Sajd u għall-Ambjent tal-Junta tal-Andalucía, Spanja).

21

Peress li qieset li l-miżuri meħuda mir-Renju ta’ Spanja xorta waħda ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

L-argumenti tal-partijiet

22

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors għaliex ir-rikors huwa bbażat, skontu, fuq ilment differenti minn dak invokat matul il-proċedura prekontenzjuża.

23

Dan l-Istat Membru jsostni, f’dan ir-rigward, li, matul il-proċedura prekontenzjuża, is-suġġett tat-tilwima kien limitat b’mod ċar għall-partijiet tal-linja tal-ferrovija “Marchena-Osuna I” u “Marchena-Osuna II”. Issa, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni qiegħda takkużah li naqas milli josserva r-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337 fir-rigward tal-parti “Variante de Osuna”, ta’ tul ta’ 3 km, b’tali mod li qiegħda twessa’ s-suġġett tat-tilwima.

24

Il-Kummissjoni tfakkar li l-proċedura dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu nfetħet wara lment li jikkonċerna l-proġett ta’ linja ġdida tal-ferrovija b’veloċità għolja bejn Sevilla u Almería, fil-partijiet imsejħa “Marchena-Osuna I”, “Marchena‑Osuna II” u “Variante de Osuna”. Għaldaqstant, għalkemm il-fatti li jikkostitwixxu n-nuqqas imsemmija espliċitament fil-proċedura huma dawk li jikkonċernaw il-partijiet “Marchena-Osuna I” u “Marchena-Osuna II”, huwa rilevanti riferiment għall-kuntest usa’ li minnu jagħmel parti l-proġett.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, f’dan il-każ, ma hijiex qiegħda tiġi kkontestata r-regolarità tal-opinjoni motivata u tal-proċedura preċedenti għaliha. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ilment ifformulat fir-rikors huwa differenti minn dak li kien jinsab fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat u mbagħad l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tat-tilwima li, għalhekk, ma jkunx jista’ jiġi estiż. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat u l-osservanza tagħha hija rekwiżit proċedurali sostanzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Għaldaqstant, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk tal-ittra ta’ intimazzjoni li tagħti bidu għall-proċedura prekontenzjuża (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑127/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2130, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Madankollu, il-Kummissjoni tista’, wara l-ittra ta’ intimazzjoni, tispeċifika l-ilmenti tagħha, sakemm is-suġġett tagħhom jibqa’ essenzjalment l-istess (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑127/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2130, punt 24).

28

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li s-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit matul il-proċedura prekontenzjuża, ġie estiż jew mibdul.

29

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-parti “Variante de Osuna” ma kinitx eżaminata matul il-proċedura prekontenzjuża u li r-rikors, għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jikkonċerna din il-parti.

Fuq in-nuqqas ta ’ Stat li jwettaq obbligu

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337

L-argumenti tal-partijiet

30

Il-Kummissjoni tispeċifika, qabel kollox, li hija ma hijiex qiegħda tiċħad li saret evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fir-rigward tal-proġett inkwistjoni b’mod globali u lanqas ma qiegħda tallega li dan il-proġett inqasam f’diversi partijiet sabiex tiġi evitata evalwazzjoni tal-effetti kumulattivi ta’ dawn il-partijiet fuq l-ambjent. Fil-fatt, l-ewwel ilment tagħha jikkonċerna l-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337.

31

Il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva sa fejn la identifika, la ddeskriva u lanqas ma evalwa b’mod adegwat l-effetti tal-proġett ta’ linja tal-ferrovija b’veloċità għolja inkwistjoni fuq l-ambjent u b’mod iktar speċifiku fuq l-avifawna. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kontenzjuża ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-linja tal-ferrovija kienet ser tgħaddi minn żona ekoloġikament sensittiva li l-importanza tagħha kienet irrikonoxxuta mill-komunità xjentifika sa mis-sena 1998 u li kienet inkluża fl-IBA 98.

32

Skont il-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni dwar l-impatt ambjentali inkwistjoni ma semmietx habitats ta’ importanza kapitali għall-ħajja tal-għasafar, bħalma huma ż-żoni mistgħadra, jiġifieri l-laguna ta’ Ojuelos. Barra minn hekk, l-ispeċi tal-għasafar li jinsabu fiż-żona inkwistjoni kienu sempliċement ġew elenkati u ma saret ebda evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq l-ispeċi kkonċernati. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa sempliċement jindikaw żewġ miżuri ta’ protezzjoni ġenerali, jiġifieri l-waqfien tax-xogħlijiet matul il-perijodi ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-frieħ kif ukoll il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ elettrokuzzjoni tal-għasafar.

33

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-proġett inkwistjoni ser ikompli jipproduċi effetti fuq l-għasafar anki wara li jintemmu x-xogħlijiet. Il-funzjonament ta’ linja tal-ferrovija b’veloċità għolja ser ikollu, b’mod ċar, effetti fuq il-ħajja tal-għasafar bħalma huma l-ħsejjes, ir-riskju ta’ kolliżjoni jew inkella r-riskju ta’ elettrokuzzjoni, effetti dawn li ma ġewx indirizzati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-għan aħħari tal-proġett huwa l-implementazzjoni u d-dħul fis-servizz ta’ linja ġdida b’veloċità għolja u għalhekk il-fażi ta’ sfruttament ta’ din il-linja kien imissha ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni inizjali tal-effetti sabiex jiġi evitat li s-separazzjoni tal-proġett f’partijiet twassal għal nuqqas ta’ koerenza fil-protezzjoni ambjentali integrali mixtieqa.

34

Skont il-Kummissjoni, minħabba l-assenza ta’ evalwazzjoni adegwata tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni, l-awtoritajiet Spanjoli kienu naqsu wkoll milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jinformaw lill-pubbliku kkonċernat dwar l-effetti probabbli ta’ dan il-proġett fuq is-sit ikkonċernat qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni għall-implementazzjoni tal-imsemmi proġett.

35

Hija tqis li l-fatt li l-linja tal-ferrovija b’veloċità għolja ppjanata ser tkun parallela għal linja tal-ferrovija ordinarja ma għandux l-effett li jillimita l-konsegwenzi dannużi għall-għasafar. Fil-fatt, linja tal-ferrovija b’veloċità għolja jkollha effetti iktar intensi u iktar invażivi minn dawk li jistgħu jimmaterjalizzaw fil-każ ta’ linja tal-ferrovija ordinarja, effetti li ma ġewx evalwati b’mod korrett mhux biss fir-rigward tax-xogħlijiet u tal-installazzjonijiet meħtieġa iżda wkoll fir-rigward tal-isfruttament ulterjuri tal-linja tal-ferrovija b’veloċità għolja.

36

Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 85/337 tagħti importanza partikolari lill-evalwazzjoni tal-effetti probabbli ta’ proġett meta dan ikun ser jiġi implementat f’siti ta’ importanza ekoloġika, b’mod partikolari fil-punt 2, intitolat “Il-loka[lizza]zzjoni tal-proġetti”, tal-Anness III ta’ din id-direttiva li jindika, fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva, l-attenzjoni partikolari mogħtija lill-artijiet mistgħadra.

37

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-impenn meħud mir-Renju ta’ Spanja li jwettaq evalwazzjoni supplimentari tal-effetti fuq l-ambjent jikkonferma li l-awtorizzazzjoni tal-proġett ma kinitx ippreċeduta minn evalwazzjoni adegwata ta’ dawn l-effetti.

38

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Huwa jsostni, l-ewwel nett, li ma teżisti ebda dispożizzjoni legali li teżiġi li, fid-dikjarazzjonijiet dwar l-impatt ambjentali, għandu jiġi indikat li sit jinsab f’inventarju ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar tal-Ewropa (iktar ’il quddiem “IBA”). Fil-fatt, skontu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet diversi drabi li IBA ma għandux natura vinkolanti (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi,C‑3/96, EU:C:1998:238, point 70). L-uniku valur li tirrikonoxxilu l-Qorti tal-Ġustizzja huwa li jista’ jintuża minn Stat Membru bħala element ta’ referenza sabiex jevalwa jekk, fl-assenza ta’ provi xjentifiċi, ikklassifikax numru u medda suffiċjenti ta’ territorji bħala ŻPS (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑235/04, EU:C:2007:386, punti 2627).

39

B’hekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-argument imressaq mill-Kummissjoni huwa kompletament irrilevanti meta tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 minħabba l-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma tikkonċernax l-effetti diretti u indiretti fuq l-ambjent b’mod ġenerali u fuq l-għasafar b’mod partikolari. Huwa rilevanti biss il-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tidentifika l-fawna affettwata u tippermetti l-adozzjoni tal-miżuri adegwati sabiex jiġu evitati l-effetti dannużi li jista’ jkun hemm u sabiex dawn jiġu rrimedjati. Issa, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa kienet issodisfat kompletament dawn ir-rekwiżiti, anki jekk ma semmietx l-IBA 98.

40

It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-eżistenza ta’ żoni mistgħadra jew ta’ żoni ddikjarati legalment bħala żoni protetti ma kinitx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 85/337 iżda fl-Anness III tagħha, b’tali mod li tali elementi huma kkunsidrati mill-Unjoni Ewropea bħala elementi ta’ importanza relattiva u mhux ta’ importanza essenzjali.

41

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-eżistenza ta’ linja tal-ferrovija parallela għal dik ippjanata tipproduċi effetti iktar intensi u iktar invażivi li jistgħu jikkawżaw effetti kumulattivi li ma ġewx evalwati, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa tippermetti li jiġi konkluż li dawn l-effetti ser ikunu kunsiderevolment imnaqqsa minħabba l-kostruzzjoni tal-linja tal-ferrovija l-ġdida b’mod parallel u ftit ’il bogħod minn dik diġà eżistenti.

42

Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa minnu tipprevedi miżuri preventivi u rimedjali suffiċjenti, jiġifieri l-osservanza tal-perijodi ta’ riproduzzjoni tal-għasafar li jgħixu f’art watja, billi jitwaqqfu x-xogħlijiet, il-ħolqien ta’ mogħdijiet li jsegwu l-linja, li saru wara li dawn ix-xogħlijiet ġew eżaminati mill-ġdid sabiex jiġi evitat li l-ispeċi tal-fawna avjarja jiġu affettwati direttament, kif ukoll miżuri oħra għall-protezzjoni tal-ambjent atmosferiku, tal-art u tas-sistema idroloġika li jsaħħu wkoll il-prevenzjoni ta’ effetti negattivi għall-għasafar.

43

Barra minn hekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, dawn il-miżuri ġew estiżi fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ parti miż-żona kkonċernata bħala ŻPS.

44

Il-ħames nett, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni tikkonċerna biss il-proġett dwar ix-xogħlijiet ta’ livellar tal-art, ta’ kostruzzjoni ta’ pjattaformi u ta’ għeluq.

45

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li l-Kummissjoni qiegħda tinterpreta b’mod ippreġudikat l-intenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jwettqu evalwazzjoni ġdida tal-effetti fuq l-ambjent sa fejn kien espliċitament previst li, fi stadju sussegwenti, kellu jinbeda proġett ieħor li jikkonċerna t-twettiq tax-xogħlijiet neċessarji sabiex tiddaħħal fis-servizz il-linja tal-ferrovija, li tinkludi linja tal-elettriku, proġett li min-naħa tiegħu ser ikun ukoll neċessarjament suġġett għall-evalwazzjoni korrispondenti. Huwa jsostni li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni baqgħet ma stabbilixxietx li l-fatt li jkunu previsti żewġ proġetti konsekuttivi li jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjonijiet rispettivi jikkomprometti l-finalità u l-proċeduri previsti mid-Direttiva 85/337.

46

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-fatt li l-populazzjoni tal-għasafar li jgħixu f’art watja żdiedet matul u wara l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet juri li l-evalwazzjoni mwettqa hija suffiċjenti. Skontu, il-miżuri adottati fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa pproteġew lill-għasafar u ppermettew li jintlaħaq l-għan finali tad-direttivi inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-portata tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, li jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa b’mod adegwat, fid-dawl ta’ kull każ partikolari u konformement mal-Artikoli 4 sa 11 ta’ din id-direttiva, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-bniedem, il-fawna u l-flora, l-art, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ, il-beni materjali u l-patrimonju kulturali, kif ukoll l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 78).

48

Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll, f’diversi okkażjonijiet, li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 huwa wieħed estiż u li l-għan tagħha huwa wiesa’ ħafna (sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 42). Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jobbliga lill-Istati Membri jissuġġettaw għal studju ta’ effetti l-proġetti li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, din id-direttiva teħtieġ evalwazzjoni globali tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti jew tal-bidla tagħhom (sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 42).

49

F’dan il-każ, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, imwettqa skont id-Direttiva 85/337, li tkopri x-xogħlijiet ta’ infrastruttura neċessarji għall-funzjonament tal-linja tal-ferrovija b’veloċità għolja bejn Sevilla u Almería, fil-partijiet imsejħa “Marchena-Osuna I” u “Marchena-Osuna II”, u li jinkludu x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-linji u l-mogħdija tagħhom kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ pjattaforma elevata u mwessa’, hija inadegwata peress li ma ssemmix l-eżistenza ta’ sit li jinsab fl-IBA 98 u peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proġett kontenzjuż jgħaddi minn sit ta’ importanza ekoloġika partikolari.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Fil-fatt, hija din tal-aħħar li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑308/08, EU:C:2010:281, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni fis-sens, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa kien imissha semmiet li s-sit ikkonċernat mill-proġett kontenzjuż kien żona importanti għall-għasafar tal-Ewropa u kien ilu mis-sena 1998 inkluż fl-IBA 98, qabel ma ġie kklassifikat bħala ŻPS mill-awtoritajiet Spanjoli matul is-sena 2008, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-inventarju, għalkemm ma huwiex legalment vinkolanti, seta’ jintuża minnha bħala element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kienx ikklassifika numru u medda suffiċjenti ta’ territorji bħala ŻPS (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 26).

52

Għandu jiġi kkonstatat li l-IBA 98 jippreżenta inventarju aġġornat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar fi Spanja li, fl-assenza ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, jikkostitwixxi element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk dan l-Istat Membru kklassifikax bħala ŻPS territorji suffiċjenti, bħala numru u bħala medda, sabiex joffri protezzjoni lill-ispeċi ta’ għasafar kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll lill-ispeċi migratorji li ma jissemmewx f’dan l-anness (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 27, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 30).

53

Madankollu, għandu jiġi osservat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 85/337 ma teżiġi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha ssemmi li sit ikkonċernat minn proġett suġġett għal tali evalwazzjoni jinsab f’IBA. Għaldaqstant, l-imsemmi argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

54

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni la identifikat, la ddeskriviet u lanqas ma evalwat b’mod adegwat l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq l-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, fuq l-avifawna, għandu jiġi osservat li, fl-assenza ta’ spjegazzjonijiet iktar preċiżi u ddettaljati, ma jistax jiġi konkluż, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ġie pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt li dan kien il-każ.

55

Fil-fatt, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar preżenti fiż-żona kkonċernata mill-proġett inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li minkejja l-assenza ta’ referenza għall-IBA 98, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ssemmi n-natura partikolari ta’ din iż-żona fir-rigward tal-avifawna, tinkludi inventarju tal-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” li jinsabu fl-imsemmija żona, b’mod partikolari l-Otis tarda, u tindika l-kategorija ta’ protezzjoni applikabbli għal kull waħda minnhom. Bl-istess mod, l-imsemmija evalwazzjoni tidentifika ċerti miżuri maħsuba sabiex jitħarsu dawn l-ispeċi, bħalma huma l-waqfien tax-xogħlijiet matul il-perijodi ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-frieħ jew inkella l-projbizzjoni li titneħħa l-veġetazzjoni bejn Marzu u Lulju sabiex jiġu evitati effetti dannużi fuq ir-riproduzzjoni. Issa, il-Kummissjoni ma tispeċifikax ir-raġunijiet għaliex, fid-dawl tal-proġett speċifikament kopert mill-evalwazzjoni inkwistjoni, dawn il-miżuri huma insuffiċjenti.

56

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni fis-sens li d-dikjarazzjoni dwar l-impatt ambjentali ma koprietx il-laguna ta’ Ojuelos, li tinsab f’żona li sussegwentement kienet ikklassifikata bħala ŻPS, minn eżami tal-elementi fil-proċess jirriżulta li din il-laguna kif ukoll ir-rwol u l-importanza tagħha ġew deskritti fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni.

57

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-proġett inkwistjoni ser ikompli jipproduċi effetti fuq l-għasafar anki wara li jintemmu x-xogħlijiet peress li l-funzjonament ta’ linja tal-ferrovija b’veloċità għolja ser ikollu, b’mod ċar, effetti fuq il-ħajja tal-għasafar bħalma huma l-ħsejjes, ir-riskju ta’ kolliżjoni jew inkella r-riskju ta’ elettrokuzzjoni, effetti li skont il-Kummissjoni ma kinux ġew indirizzati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija evalwazzjoni ma identifikatx b’mod preċiż il-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu evitati dawn ir-riskji.

58

Madankollu, għandu jiġi indikat, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha kif ukoll fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma hijiex kuntrarja għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 minħabba li ma tkoprix il-proġett kontenzjuż kollu. Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-ilment imressaq f’dan is-sens mill-Kummissjoni għall-ewwel darba fir-replika tagħha għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

59

Fil-ħames lok, il-Kummissjoni targumenta li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti l-konsegwenzi marbuta max-xogħlijiet u mal-installazzjonijiet neċessarji fid-dawl tal-kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija b’veloċità għolja parallela għal linja tal-ferrovija eżistenti kif ukoll mal-isfruttament sussegwenti tal-imsemmija linja ppjanata.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni wriet li l-linja parallela għal-linja tal-ferrovija eżistenti kienet l-iktar soluzzjoni adegwata minn perspettiva ambjentali, mingħajr ma l-Kummissjoni, li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza għandha tressaq il-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, ma ssostanzjat l-allegazzjonijiet tagħha fis-sens li ż-żewġ linji tal-ferrovija paralleli seta’ jkollhom effetti negattivi addizzjonali minn diversi aspetti fuq l-ambjent.

61

Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar

L-argumenti tal-partijiet

62

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tqajjem fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja l-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw mill-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija b’veloċità għolja bejn Sevilla u Almería għal ċerti speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar”.

63

Il-Kummissjoni tqis li, bl-approvazzjoni tal-kostruzzjoni tal-linja tal-ferrovija b’veloċità għolja f’żona msemmija fl-IBA 98, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.

64

Skont il-Kummissjoni, peress li s-sit “Campiñas de Sevilla” kien ġie kklassifikat tardivament bħala ŻPS, jiġifieri f’Lulju 2008, meta l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet diġà ntemmet u meta x-xogħlijiet kienu diġà bdew, l-awtoritajiet Spanjoli kien imisshom ħadu miżuri ta’ konservazzjoni adegwati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja,C‑388/05, EU:C:2007:533, punt 18, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 27). Dan l-obbligu jeżisti sal-klassifikazzjoni taż-żona bħala ŻPS u, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu għandu jitwettaq qabel ma jiġi kkonstatat kwalunkwe tnaqqis fil-populazzjoni tal-għasafar u qabel ma jimmaterjalizza r-riskju ta’ għejbien ta’ speċi protetti (sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑355/90, EU:C:1993:331, punt 15). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, meta awtorizza l-linja tal-ferrovija b’veloċità għolja li tgħaddi minn sit li jinsab fl-IBA 98, ir-Renju ta’ Spanja ma osservax l-obbligi tiegħu taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, jiġifieri li jieħu l-miżuri adegwati sabiex jevita d-disturbi pprojbiti fiż-żoni affettwati minn dan il-proġett li kien imisshom ġew ikklassifikati bħala ŻPS.

65

Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mwettqa bidlu b’mod sostanzjali l-karatteristiċi ambjentali taż-żona kkonċernata b’mod partikolari minħabba l-installazzjoni ta’ pjattaforma elevata u ta’ barriera doppja ta’ sigurtà. Skontha, dawn il-bidliet setgħu jostakolaw l-aċċess tal-għasafar għaż-żoni tagħhom ta’ mistrieħ, ta’ trejjiq u ta’ riproduzzjoni.

66

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa rriżultat li kienet insuffiċjenti fir-rigward tal-effetti possibbli tal-proġett inkwistjoni fuq l-għasafar li jinsabu fiż-żona kkonċernata u fir-rigward tal-miżuri rimedjali u kumpensatorji, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, u dan wassal għal identifikazzjoni inadegwata tar-riskji kkawżati minn dan il-proġett.

67

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, sabiex Stat Membru jikkonforma ruħu mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, ma huwiex meħtieġ li jsegwi l-proċeduri previsti minn din id-direttiva fir-rigward taż-żoni ddikjarati espliċitament bħala ŻPS. Għall-kuntrarju, huwa jqis li huwa suffiċjenti għall-Istati Membri li jkunu adottaw miżuri li jħarsu u li jipproteġu lill-għasafar saħansitra qabel il-klassifikazzjoni ta’ dawn iż-żoni. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jqis li kien adotta miżuri ta’ konservazzjoni adegwati b’mod partikolari billi illimita d-dati ta’ xogħlijiet ta’ livellar tal-art skont il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar u billi implementa mogħdijiet li jsegwu l-linja sabiex jiġu evitati effetti diretti għall-ispeċi tal-fawna avjarja kif ukoll billi installa tagħmir maħsub sabiex jiġu evitati l-kolliżjonijiet mal-għasafar.

68

Barra minn hekk, huwa jqis li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” kien osservat peress li l-populazzjoni taż-ŻPS “Campiñas de Sevilla” ma naqsitx, iżda żdiedet, matul il-perijodu bejn is-sena 2001 u s-sena 2012.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jevitaw, fiż-ŻPS, it-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa lill-għasfar, sa fejn dawn ikollhom effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmi artikolu.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, anki meta ż-żoni kkonċernati ma kinux ikklassifikati bħala ŻPS, f’sitwazzjoni fejn jidher li dawn kien imisshom ġew ikklassifikati bħala tali (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija,C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 67).

71

Għall-kuntrarju, fir-rigward taż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, l-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats” jipprevedi li l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” huma ssostitwiti, b’mod partikolari, bl-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, b’effett mid-data tal-applikazzjoni tagħha jew mid-data ta’ klassifikazzjoni skont id-Direttiva “Għasafar” jekk din id-data tal-aħħar tkun iktar tard (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Għaldaqstant, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” japplika biss għas-sitwazzjoni li tippreċedi l-klassifikazzjoni taż-żona ġeografika msejħa “Campiñas de Sevilla” bħala ŻPS.

73

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-IBA 98, li jippreżenta inventarju aġġornat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar fi Spanja jikkostitwixxi, fl-assenza ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk dan l-Istat Membru kklassifikax bħala ŻPS territorji suffiċjenti, bħala numru u bħala medda, sabiex joffri protezzjoni lill-ispeċi ta’ għasafar kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” kif ukoll lill-ispeċi migratorji li ma jissemmewx f’dan l-anness.

74

Issa, huwa paċifiku li ż-żona ġeografika msejħa “Campiñas de Sevilla”, li tinsab fil-provinċja ta’ Sevilla, tospita speċi ta’ għasafar li jgħixu f’art watja li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar”, b’tali mod li kienet ġiet inkluża fl-IBA 98 qabel ma kienet ikklassifikata bħala ŻPS permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2008.

75

Għaldaqstant, jidher li tali żona, li kellha tiġi kklassifikata bħala ŻPS qabel id-29 ta’ Lulju 2008, kienet taqa’ taħt is-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza.

76

Fit-tieni lok, sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, għandu jsir riferiment, mutatis mutandis, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, peress li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jikkorrispondu, fil-parti l-kbira tagħhom, għal dawk tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija,C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Skont din il-ġurisprudenza, ksur tad-dispożizzjoni kkonċernata għandu jiġi kkonstatat meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza tal-probabbiltà jew tar-riskju li proġett jikkawża deterjorament għall-habitats ta’ speċi ta’ għasafar protetti jew joħloq tfixkil sinjifikattiv għal dawn l-ispeċi (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija,C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 70).

78

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza tal-probabbiltà jew tar-riskju li l-proġett inkwistjoni jikkawża, fis-sit “Campiñas de Sevilla”, ikklassifikat tardivament bħala ŻPS, id-deterjorament u t-tfixkil imsemmi fil-punt preċedenti.

79

Mill-proċess jirriżulta li l-kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija b’veloċità għolja li teħtieġ, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni tal-linji, ta’ pjattaforma elevata kif ukoll xogħlijiet ta’ livellar tal-art u li tgħaddi minn żona li tospita diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar”, tista’ tikkawża tfixkil sinjifikattiv u deterjorament tal-habitats tal-ispeċi ta’ għasafar protetti.

80

Huwa minnu li, kif sostna r-Renju ta’ Spanja, dan l-Istat Membru ħa ċerti miżuri maħsuba sabiex jikkumpensa l-effetti tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, bħalma huma l-limitazzjoni ta’ tali xogħlijiet matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar u l-installazzjoni ta’ mogħdijiet li jsegwu l-linja tal-ferrovija.

81

Madankollu, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-miżuri ma jeskludux li l-pjattaforma l-ġdida tal-ferrovija li tgħaddi minn habitat importanti għal ċerti speċi tal-għasafar, fosthom l-Otis tarda, tista’ tikkawża tfixkil sinjifikattiv u deterjorament tal-habitats ta’ speċi ta’ għasafar protetti.

82

Il-fatt li, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-populazzjoni tal-għasafar inkwistjoni żdiedet ma jistax idaħħal inkwistjoni dan ir-raġunament.

83

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-obbligi ta’ protezzjoni jeżistu sa minn qabel ma jkun ikkonstatat tnaqqis fin-numru tal-għasafar jew sa minn qabel ma jimmaterjalizza r-riskju ta’ estinzjoni ta’ speċi ta’ għasfur protett (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija,C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, qabel id-29 ta’ Lulju 2008, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ dwar dan il-punt.

85

Għall-kuntrarju, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-isfruttament tal-linja tal-ferrovija inkwistjoni ser ikollu effetti kunsiderevoli fuq l-għasafar li jinsabu fiż-żona kkonċernata minħabba, b’mod partikolari, it-tfixkil ikkawżat mill-ħsejjes kif ukoll minħabba r-riskji ta’ elettrokuzzjoni u ta’ kolliżjoni.

86

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn huma effetti marbuta mal-awtorizzazzjoni eventwali tax-xogħlijiet meħtieġa fi stadju sussegwenti għall-funzjonament tal-linja tal-ferrovija wara li tkun saret evalwazzjoni supplimentari tal-effetti fuq l-ambjent, filwaqt li l-proġett kontenzjuż jikkonċerna t-titjib tal-infrastruttura eżistenti, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni ta’ pjattaforma elevata.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats

L-argumenti tal-partijiet

87

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja, minn meta ż-żona “Campiñas de Sevilla” ġiet ikklassifikata bħala ŻPS, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

88

F’dan ir-rigward, hija tirriproduċi, essenzjalment, l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni lment u msemmija fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza.

89

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li, minn meta ż-żona inkwistjoni ġiet iddikjarata bħala ŻPS, ġew adottati l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikun osservat l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

90

Huwa jqis li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi li juru l-insuffiċjenza jew l-ineżistenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni adegwati sabiex jiġi evitat impatt sinjifikattiv fuq l-għasafar matul ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja tal-ferrovija inkwistjoni u l-isfruttament tagħha.

91

Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” ma jeħtieġx l-adozzjoni immedjata ta’ miżuri rimedjali fir-rigward tar-riskji li jistgħu joħorġu minn azzjonijiet futuri. Fil-verità, ir-riskji identifikati mill-Kummissjoni jirriżultaw biss fil-każ li tiġi implementata t-tieni fażi tax-xogħlijiet, li għadu ma huwiex magħruf meta ser tibda, u ser ikunu nnewtralizzati qabel ma jimmaterjalizzaw.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats” jipprevedi, fir-rigward taż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, li l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” huma ssostitwiti, b’mod partikolari, bl-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tal-aħħar jew mid-data ta’ klassifikazzjoni skont id-Direttiva “Għasafar”, jekk din id-data tal-aħħar tkun iktar tard (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Peress li ż-żona “Campiñas de Sevilla” ġiet ikklassifikata bħala ŻPS fid-29 ta’ Lulju 2008, minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” għandu japplika għal din iż-żona sa minn dik id-data.

94

Għandu jiġi osservat li attività tkun konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” fil-każ biss li jkun iggarantit li din l-attività ma tikkawża ebda tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni segwiti minnha (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija,C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, jobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati sabiex jevitaw, fiż-ŻPS ikklassifikati konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, id-deterjorament tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-ispeċi li għalihom iż-ŻPS ikunu ġew ikklassifikati (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja,C‑388/05, EU:C:2007:533, punt 26).

96

Minn dan jirriżulta li t-tielet ilment ikun fondat biss jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-Renju ta’ Spanja ma ħax il-miżuri ta’ protezzjoni adegwati, li jikkonsistu f’li jiġi evitat li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja tal-ferrovija b’veloċità għolja fiż-żona “Campiñas de Sevilla”, sa fejn seħħew wara l-klassifikazzjoni tas-sit “Campiñas de Sevilla” bħala ŻPS fid-29 ta’ Lulju 2008, jipproduċu deterjorament tal-habitats tal-ispeċi ta’ għasafar li jgħixu f’art watja li jissemmew fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” kif ukoll tfixkil ta’ dawn l-ispeċi li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan tad-Direttiva “Habitats”, li huwa li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-imsemmija speċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 128).

97

Madankollu, sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni kawżali bejn il-kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija b’veloċità għolja u tfixkil sinjifikattiv ikkawżat għall-ispeċi kkonċernati. Fil-fatt, huwa biżżejjed li din l-istituzzjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li din il-kostruzzjoni tikkawża tfixkil sinjifikattiv għal dawn l-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija,C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja tal-ferrovija inkwistjoni komplew wara l-klassifikazzjoni taż-żona kkonċernata bħala ŻPS fid‑29 ta’ Lulju 2008 u ma twaqqfux qabel l-2009, u li l-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, b’mod partikolari l-kostruzzjoni tal-pjattaforma elevata, tista’ tikkawża tfixkil sinjifikattiv u deterjorament tal-habitats ta’ speċi ta’ għasafar protetti, u dan sa fejn ir-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa li l-proġett inkwistjoni kien ser jimplika definittivament tnaqqis fil-habitas favorevoli għall-populazzjoni ta’ Otis tarda.

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jitqies li t-tielet ilment huwa parzjalment fondat.

100

Għall-kuntrarju, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-isfruttament tal-linja tal-ferrovija inkwistjoni ser ikollu effetti kunsiderevoli fuq l-għasafar li jinsabu fiż-żona kkonċernata minħabba, b’mod partikolari, it-tfixkil ikkawżat mill-ħsejjes kif ukoll minħabba r-riskji ta’ elettrokuzzjoni u ta’ kolliżjoni.

101

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, billi ma ħax il-miżuri adegwati sabiex jevita, fiż-ŻPS “Campiñas de Sevilla”, id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jolqot l-ispeċi li għalihom ġiet stabbilita din iż-żona, ir-Renju ta’ Spanja naqas, fir-rigward tal-perijodu qabel id-29 ta’ Lulju 2008, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u, fir-rigward tal-perijodu wara dik id-data, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

Fuq l-ispejjeż

102

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

103

F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li ċerti lmenti tal-Kummissjoni ma ntlaqgħux.

104

Għaldaqstant, hemm lok li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħax il-miżuri adegwati sabiex jevita, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Campiñas de Sevilla”, id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jolqot l-ispeċi li għalihom ġiet stabbilita din iż-żona, ir-Renju ta’ Spanja naqas, fir-rigward tal-perijodu qabel id-29 ta’ Lulju 2008, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, u, fir-rigward tal-perijodu wara dik id-data, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju ta’ Spanja huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.