SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ ‘ħaddiema normalment impjegati’ fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) — Kunċetti ta’ ‘tkeċċija’ u ta’ ‘terminazzjonijiet ta’ kuntratt tax-xogħol assimilabbli ma’ tkeċċija’ — Modalitajiet ta’ kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema mkeċċija”

Fil-Kawża C‑422/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura

Cristian Pujante Rivera

vs

Gestora Clubs Dir SL,

Fondo de Garantía Salarial,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Pujante Rivera, minn V. Aragonés Chicharro, abogado,

għal Gestora Clubs Dir SL, minn L. Airas Barreal, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Vidal Puig, M. Kellerbauer u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal‑20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn C. Pujante Rivera minn naħa, u l-persuna li timpjegah, Gestora Clubs Dir, SL (iktar ’il quddiem “Gestora”) kif ukoll il-Fondo de Garantía Salarial (fond ta’ garanzija tal-pagi) min-naħa l-oħra fir-rigward tal-legalità tat-tkeċċija tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 1998/59 għandhom jinqraw kif ġej:

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tifsiriet u l-iskop”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘redundancies [tkeċċijiet] kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Isati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

i)

jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed;

ii)

jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

b)

‘rappreżentanti tal-ħaddiema’ jfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mill-liġijiet jew mill-prattiċi ta’ l-Istati Membri.

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

a)

redundancies kollettivi effettwat taħt kuntratti tax-xogħol konklużi għal perjodi limitati taż-żmien jew għal xogħlijiet speċifiċi ħlief meta dan il- redundancies iseħħ qabel id-data ta’ skadenza jew il-kompletazzjoni ta’ dawn il-kuntratti;

[...]”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.”

Id-dritt Spanjol

6

Id-Direttiva 98/59 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-Artikolu 51 tal-Liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema (Ley del Estatuto de los Trabajadores), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 1995, p. 9654, iktar ’il quddiem l-“ET”).

7

L-Artikolu 41(1) u (3) tal-ET, li jitratta l-bdil sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, jipprovdi:

“1.   Il-bord tad-diretturi tal-impriża jista’ jistabbilixxi bidliet sinjifikattivi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jekk jiġi pprovat li jeżistu raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni biex jagħmel dan. Għandhom jitqiesu bħala tali r-raġunijiet marbuta mal-kompetittività, il-produttività jew l-organizzazzjoni teknika jew tax-xogħol fl-impriża. Il-bidliet li jirrigwardaw wieħed mill-oqsma li ġejjin għandhom jitqiesu bħala bidliet sinjifikattivi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol:

[...]

d)

is-sistema ta’ remunerazzjoni u l-ammont tas-salarji;

[...]

3.   [...] Fil-każijiet li huma previsti taħt il-punti (a), (b), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-ħaddiem, jekk iġarrab danni minħabba l-bidla sinjifikattiva fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandu d-dritt jirrexxindi l-kuntratt tiegħu, u għandu wkoll id-dritt jitlob kumpens ta’ 20 ġurnata ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz b’applikazzjoni ta’ prorata ta’ kull xahar għall-perijodi ta’ inqas minn sena u b’massimu ta’ disa’ xhur.”

8

Konformement mal-Artikolu 50 tal-ET, il-bidliet sinjifikattivi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol imwettqa mill-persuna li timpjega mingħajr ma jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 tal‑ET u li jippreġudikaw id-dinjità tal-ħaddiem jikkostitwixxu raġuni valida għall-ħaddiem sabiex jitlob it-terminazzjoni tal-kuntratt. Fit-tali każ, il-ħaddiem għandu dritt għall-kumpensi previsti għal tkeċċija mhux ġustifikata.

9

L-Artikolu 51(1) u (2) tal‑ET jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dak li tistabbilixxi din il-liġi, tkeċċija kollettiva tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, relatati mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni, meta, matul perijodu ta’ 90 ġurnata, din it-terminazzjoni tkun taffettwa tal-inqas:

a)

10 ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw inqas minn 100 ħaddiem;

b)

10 % tan-numru tal-ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw bejn 100 u 300 ħaddiem;

c)

30 ħaddiem f’impriżi li jimpjegaw iktar minn 300 ħaddiem.

[...]

Għandha titqies ukoll bħala tkeċċija kollettiva t-terminazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol tal-persunal kollu tal-impriża, bil-kundizzjoni li n-numru ta’ ħaddiema affettwati jkun iktar minn ħamsa, meta din tirriżulta mill-waqfien sħiħ tal-attività tal-impriża, għall-istess kawżi indikati iktar ’il fuq.

Biex jiġi kkalkolat in-numru ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha titqies ukoll kull terminazzjoni oħra li seħħet fil-perijodu ta’ referenza fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega, għal raġunijiet oħrajn, li ma humiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati u li jkunu differenti mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 49(1)(c) ta’ din il-liġi, sakemm in-numru ta’ terminazzjonijiet ikun mill-inqas ħamsa.

Meta, matul il-perijodi suċċessivi ta’ 90 ġurnata u sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, l-impriża tittermina kuntratti taħt l-Artikolu 52(c) ta’ din il-liġi f’numru inferjuri għal-limiti indikati u mingħajr ma jkun hemm kawża ġdida li tiġġustifika l-azzjoni tagħha, dawn it-terminazzjonijiet jitqiesu li jkunu twettqu b’mod frawdolenti taħt il-liġi u jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

2.   It-tkeċċija kollettiva għandha tiġi ppreċeduta minn perijodu ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għal tul massimu ta’ 30 ġurnata ċivili jew ta’ 15‑il ġurnata għall-impriżi b’inqas minn 50 ħaddiem. Il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti legali għandha tirrigwarda, mill-inqas, il-possibbiltà li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet u li jittaffu l-konsegwenzi tal-miżuri soċjali li jmorru magħhom, bħal miżuri ta’ riklassifikazzjoni jew ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ riċiklaġġ professjonali sabiex titjieb il-possibbiltà ta’ impjieg mill-ġdid.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Gestora tagħmel parti mill-grupp Dir, li l-attività prinċipali tiegħu huwa l-operat ta’ installazzjonijiet sportivi, bħas-swali ta’ ġinnastika u ta’ fitness. Gestora tipprovdi servizzi lill-entitajiet differenti li jiġġestixxu dawn l-installazzjonijiet b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal, tal-promozzjonijiet u tal-marketing.

11

C. Pujante Rivera ġie impjegat minn Gestora fil‑15 ta’ Mejju 2008 abbażi ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ sitt xhur. Wara numru ta’ prorogi, l-imsemmi kuntratt ġie konvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat fl‑14 ta’ Mejju 2009.

12

Fit‑3 ta’ Settembru 2013, Gestora kienet timpjega 126 ħaddiem, li minnhom 114 b’kuntratt għal żmien indeterminat u 12‑il ħaddiem kellhom kuntratt għal żmien determinat.

13

Bejn is‑16 u s‑26 ta’ Settembru 2013, Gestora wettqet għaxar tkeċċijiet individwali għal raġunijiet oġġettivi. Wieħed minn dawn il-persuni mkeċċija kien C. Pujante Rivera li, fis‑17 ta’ Settembru 2013, irċieva ittra li kienet tinformah li l-kuntratt tiegħu ġie tterminat għal raġunijiet ekonomiċi u ta’ produzzjoni.

14

Matul id‑90 ġurnata li jippreċedu l-aħħar waħda minn dawn it-tkeċċijiet għal raġunijiet oġġettivi, li tmur lura għas‑26 ta’ Settembru 2013, seħħew it-terminazzjonijiet kuntrattwali li ġejjin:

17 minħabba tmiem tas-servizz li kien is-suġġett tal-kuntratt (tul tal-kuntratt inferjuri għal erba’ ġimgħat);

1 minħabba t-twettiq tal-kompitu previst fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi;

2 tluq volontarji;

1 tkeċċija dixxiplinari rikonoxxuta u kkumpensata bħala “mhux ġustifikata” fis-sens tal‑ET, u

1 terminazzjoni ta’ kuntratt mitlub minn ħaddiema abbażi tal-Artikolu 50 tal‑ET.

15

Il-ħaddiema kkonċernata minn din l-aħħar terminazzjoni ġiet informata fil‑15 ta’ Settembru 2013, konformement mal-Artikolu 41 tal‑ET, dwar tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, jiġifieri tnaqqis ta’ 25 % tar-remunerazzjoni fissa tagħha, li kien ibbażat fuq l-istess raġunijiet oġġettivi bħal dawk invokati fil-kuntest tat-terminazzjonijiet l-oħra individwali li seħħew bejn is‑16 u s‑26 ta’ Settembru 2013. Ħamest ijiem wara, il-ħaddiema kkonċernata aċċettat kuntratt ta’ rexissjoni. Matul proċedura ta’ konċiljazzjoni amministrattiva ulterjuri, Gestora madankollu rrikonoxxiet li l-bidliet fil-kuntratt tax-xogħol ikkomunikati lill-ħaddiema kienu jmorru lil hinn mill-portata tal-Artikolu 41 tal-ETI, u aċċettat it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi, permezz tal-ħlas ta’ kumpens.

16

Matul id-90 ġurnata wara l-aħħar waħda minn dawn it-tkeċċijiet għal raġunijiet oġġettivi, seħħew ħames terminazzjonijiet ta’ impjieg oħra, minħabba l-iskadenza ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat u tliet tluq volontarji.

17

Fid‑29 ta’ Ottubru 2013, C. Pujante Rivera ippreżenta rikors kontra Gestora u l-Fondo de Garantía Salarial quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona). Il-ħaddiem jikkontesta l-validità tat-tkeċċija tiegħu għal raġunijiet oġġettivi minħabba l-fatt li Gestora jmissha applikat il-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva, konformement mal-Artikolu 51 tal‑ET. Fil-fatt, skont C. Pujante Rivera, li kieku wieħed kellu jieħu inkunsiderazzjoni t-terminazzjonijiet ta’ kuntratt li seħħew fil-perijodi ta’ 90 ġurnata li rispettivament ippreċedew u ġew wara t-tkeċċija tiegħu, il-limitu numeriku previst fl-Artikolu 51(1)(b) tal‑ET intlaħaq ġaladarba, minbarra l-ħames tluq volontarji, it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti l-oħra kollha jikkostitwixxu tkeċċijiet jew terminazzjonijiet ta’ kuntratti assimilabbli ma’ tkeċċijiet.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fl-ipoteżi fejn ikun ikkunsidrat li l-ħaddiema temporanji li l-kuntratti tagħhom jintemmu minħabba l-iskadenza regolari tat-terminu, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni u ta’ protezzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE skont l-Artikolu 1(2)(a) tagħha [...] ikun konformi mal-għan ta’ din id-direttiva li, għall-kuntrarju, dawn il-ħaddiema jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ persuni ‘normalment’ impjegati fl-istabbiliment (jew fl-impriża, fi Spanja) li jservi sabiex jiġi kkalkolat il-limitu numeriku tat-tkeċċijiet kollettivi (10 % jew 30 ħaddiem) imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-direttiva?

2)

Ir-regola ta’ ‘assimila[zzjoni]’ tat-‘terminazzjonijiet’ mar-‘redundancies [tkeċċijiet]’ imsemmija fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 98/59 hija suġġetta għall-kundizzjoni li jkun ‘hemm mill-inqas ħames redundancies [tkeċċijiet]’. Din ir-regola għandha tiġi interpretata fis-sens li din il-kundizzjoni tirreferi għar-‘redundancies [tkeċċijiet]’ li jkunu saru qabel jew li jkunu saru fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) tad-direttiva u mhux għan-numru minimu ta’ ‘terminazzjonijiet assimilabbli’ sabiex issir din l-assimilazzjoni?

3)

Il-kunċett ta’ ‘termin[azzjoni] ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali’, imsemmi fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, jinkludi t-terminazzjoni kuntrattwali miftehma bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem u li, minkejja li bbażata fuq inizjattiva tal-ħaddiem, tirriżulta minn bidla fil-kundizzjonijiet ta’ xogħol magħmula mill-persuna li timpjega f’kuntest ta’ kriżi għall-impriża u tagħti finalment lok għall-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti għal dak dovut f’każ ta’ tkeċċija?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Gestora qiegħdet inkwistjoni l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 li dwarhom qed tintalab li ssir interpretazzjoni, bħal dawk tad-dritt nazzjonali, huma ċari u ma jikkontradixxux lil xulxin. Il-qorti tar-rinviju tuża d-domanda preliminari bis-sempliċi għan li tissostanzja l-interpretazzjoni tagħha. Issa, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar id-diverġenzi fl-opinjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 63; Zanotti, C‑56/09, EU:C:2010:288, punt 15, kif ukoll Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27).

21

Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

22

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/59 u, b’mod partikolari tal-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatti li taw lok għat-tilwima jikkostitwixxux jew le tkeċċija kollettiva fis-sens ta’ din id-direttiva.

23

Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema li jibbenefikaw minn kuntratt konkluż għal żmien jew għal kompitu determinat għandhomx jitqiesu li jagħmlu parti mill-ħaddiema “normalment” impjegati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 67 tas-sentenza tagħha Rabal Cañas (C‑392/13, EU:C:2015:318), diġà ddeċidiet li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni li seħħew “redundancies [tkeċċijiet] kollettivi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew kompitu determinat, meta dawn it-terminazzjonijiet iseħħu fid-data tal-iskadenza tal-kuntratt jew fid-data li fiha l-kuntratt laħaq l-għanijiet tiegħu.

26

Għaldaqstant il-ħaddiema li l-kuntratti tagħhom jintemmu minħabba li jkun iddekorra b’mod regolari t-terminu tagħhom ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “redundancy [tkeċċija] kollettiva”, fis-sens tad-Direttiva 98/59.

27

Għalhekk, tifdal biss il-kwistjoni dwar jekk il-ħaddiema li jibbenefikaw minn kuntratt konkluż għal żmien jew kompitu determinat għandhomx jitqiesu li jagħmlu parti mill-ħaddiema “normalment” impjegati fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59.

28

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li l-kunċett ta’ “ħaddiem”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, iżda għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 33).

29

Sussegwentement, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi kunċett ta’ “ħaddiem” għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tax-xogħol b’teħid ta’ kunsiderazzjoni tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati fejn il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑596/12, EU:C:2014:77, punt 17, u Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 34).

30

Sa fejn, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kuntratti tax-xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu determinat jissodisfaw il-karatteristiċi essenzjali hekk iddefiniti, għandu jiġi kkunsidrat li l-persuni li jibbenefikaw minnhom għandhom jitqiesu bħala “ħaddiema”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59.

31

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti ffissati fl-ewwel subparagrafu (a)(i) u (ii) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, dawn il-ħaddiema jistgħu jitqiesu bħala “normalment” impjegati fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li din id-direttiva ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dawn il-limiti, u għalhekk l-imsemmija termini nnifishom, huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, ġaladarba interpretazzjoni bħal din tippermetti lil dawn tal-aħħar ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u għaldaqstant iċċaħħada mill-effettività sħiħa tagħha (sentenza Confédération générale du et, C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 47).

32

Għandu jingħad ukoll li billi l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess Direttiva 98/59, jsemmi “stabbilimenti li normalment jimpjegaw” numru speċifiku ta’ ħaddiema, ma jagħmilx distinzjoni skont it-tul ta’ impjieg ta’ dawn il-ħaddiema.

33

B’hekk, ma jistax qabel kollox jiġi konkluż li l-persuni li jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien jew għal kompitu determinat ma jistgħux jitqiesu bħala ħaddiema “normalment” impjegati mill-istabbiliment ikkonċernat.

34

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, anki jekk temporanjament, kategorija speċifika ta’ ħaddiema mill-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati previst minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li dispożizzjoni nazzjonali bħal din tista’ ċċaħħad, anki jekk temporanjament, lill-ħaddiema kollha impjegati minn ċerti stabbilimenti normalment b’iktar minn 20 ħaddiem mid-drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 98/59, hija tippreġudika l-effettività ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Confédération générale du travail et, C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 48).

35

Issa, interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 li ssostni li l-ħaddiema li jibbenefikaw minn kuntratti tax-xogħol konklużi għal żmien jew kompitu determinat ma humiex ħaddiema impjegati “normalment” mill-istabbiliment ikkonċernat tista’ ċċaħħad lill-ħaddiema kollha impjegati minn dan l-istabbiliment mid-drittijiet rikonoxxuti lilhom mill-imsemmija direttiva u għalhekk tippreġudika l-effettività ta’ din tal-aħħar.

36

Għalhekk, fil-kawża prinċipali, is‑17‑il ħaddiema li l-kuntratti tagħhom skadew fix-xahar ta’ Lulju 2013 għandhom jitqiesu li ġew “normalment” impjegati fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat ġaladarba, kif osservat il-qorti tar-rinviju, dawn il-ħaddiema kienu ġew impjegati kull sena għal kompitu determinat.

37

Għandu jingħad ukoll li l-konklużjoni enfasizzata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bl-argument sostnut mill-qorti tar-rinviju li jkun kontradittorju li l-ħaddiema li l-kuntratti tagħhom jiġu tterminati minħabba l-iskadenza regolari tat-terminu tagħhom ma jibbenefikawx mill-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 98/59, filwaqt li dawn l-istess ħaddiema jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-numru ta’ persuni impjegati “normalment” minn stabbiliment.

38

Fil-fatt, bħalma osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 u 32 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-diverġenza hija dovuta għall-finalitajiet distinti segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

39

B’hekk, minn naħa, il-leġiżlatur ikkunsidra li l-persuni li jibbenefikaw minn kuntratti tax-xogħol konklużi għal żmien jew kompitu determinat u li l-kuntratti tagħhom jintemmu b’mod regolari malli jiskadi t-terminu jew jitwettaq il-kompitu ma jirrikjedux protezzjoni bl-istess mod bħall-ħaddiema għal żmien indeterminat. Konformement mal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59, dawn l-ewwel persuni jistgħu madankollu jgawdu mill-istess protezzjoni bħal dik mogħtija lill-ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat jekk ikunu jinsabu f’sitwazzjoni analoga, jiġifieri, jekk ir-relazzjoni tax-xogħol tiġi mitmuma qabel it-terminu ffissat fil-kuntratt jew qabel ma jitwettaq il-kompitu li għalih ġew impjegati.

40

Min-naħa l-oħra, billi ssuġġetta l-applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mill-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għal kriterji kwantitattivi, l-imsemmi leġiżlatur kellu l-intenzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-persunal globali tal-istabbilimenti inkwistjoni sabiex ma jimponix fuq il-persuni li jimpjegaw oneru eċċessiv meta mqabbel mad-daqs tal-istabbiliment tagħhom. Issa, għall-finijiet tal-kalkolu tal-persunal ta’ stabbiliment għall-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, in-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg hija nieqsa minn rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punti 3536).

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema li jibbenefikaw minn kuntratt konkluż għal żmien jew għal kompitu determinat għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-ħaddiema “normalment” impjegati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “redundancy [tkeċċija] kollettiva” fis-sens tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, li tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, il-kundizzjoni li tirriżulta fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jkun “hemm mill-inqas ħames redundancies [tkeċċijiet]” għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda esklużivament it-tkeċċijiet jew jekk tkoprix ukoll it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti tax-xogħol assimilati ma’ tkeċċija.

43

F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, li mill-kliem innifsu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jirriżulta mingħajr ambigwità li l-kundizzjoni prevista fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss “redundancies [tkeċċijiet]”, bl-esklużjoni tat-terminazzjonijiet ta’ kuntratti assimilati ma’ tkeċċija.

44

Fil-fatt, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jispeċifika l-metodu ta’ kalkolu “tar-redundancies [tkeċċijiet]” iddefiniti fl-ewwel subparagrafu (a) ta’ dan l-istess artikolu u li din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi l-limiti ta’ “redundancies [tkeċċijiet]” li taħthom l-imsemmija direttiva ma tapplikax, kull interpretazzjoni oħra intiża sabiex testendi jew tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkollha bħala effett li ċċaħħad il-kundizzjoni inkwistjoni, jiġifieri li jkun “hemm mill-inqas ħames redundancies [tkeċċijiet]”, minn kull effettività.

45

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bl-għan tad-Direttiva, hekk kif jirriżulta fil-preambolu tagħha. Fil-fatt, skont il-premessa 8 ta’ din id-direttiva, huwa meħtieġ, għall-kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet kollettivi, li jiġu assimilati mat-tkeċċijiet forom oħra ta’ terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol dovuti għall-inizjattiva tal-persuna li timpjega, sa fejn ir‑“redundancies [tkeċċijiet]” ikunu mill-inqas ħamsa. Hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, huma dawn it-tkeċċijiet “ġenwini” li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu f’moħħu permezz tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mat-tkeċċijiet kollettivi.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “redundancy [tkeċċija] kollettiva”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, li tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, il-kundizzjoni li tirriżulta fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jkun “hemm mill-inqas ħames redundancies [tkeċċijiet]” għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tirrigwardax esklużivament it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti tax-xogħol assimilati ma’ tkeċċija, iżda esklużivament it-tkeċċijiet fis-sens strett tal-kelma.

Fuq it-tielet domanda

47

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 98/59 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li persuna li timpjega tipproċedi, unilateralment u għad-detriment tal-ħaddiem, għal bidla sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiem jew jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”, imsemmi fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, jew jikkostitwixxi terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol assimilabbli ma’ tali tkeċċija, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 98/59 ma tiddefinixxix espressament il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”. Madankollu, fid-dawl tal-għan segwit minn din id-direttiva u tal-kuntest li fih jidħol l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tagħha, hemm lok biex jitqies li dan huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri. F’dan il-każ, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jiġbor fih kull terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol mhux mixtieq mill-ħaddiem, u għaldaqstant mingħajr il-kunsens tiegħu (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punti 49 sa 51, kif ukoll Agorastoudis et, C‑187/05 sa C‑190/05, EU:C:2006:535, punt 28).

49

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tkeċċijiet huma differenti mit-terminazzjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol li huma, fiċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, assimilati mat-tkeċċijiet ġaladarba jkun hemm in-nuqqas ta’ kunsens tal-ħaddiem (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 56).

50

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, peress li hija l-ħaddiema li talbet it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol abbażi tal-Artikolu 50 tal‑ET, jista’, inizjalment, jitqies li hija kkonsentiet għal din it-terminazzjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tagħha, it-terminazzjoni tal-imsemmija relazzjoni tax-xogħol toriġina fil-bidla unilaterali magħmula mill-persuna li timpjega fuq element sostanzjali tal-kuntratt tax-xogħol għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ din il-ħaddiema.

51

Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 98/59 li hu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, b’mod partikolari, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, il-kunċetti li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jistgħux jirċievu interpretazzjoni restrittiva, inkluż il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]” imsemmi fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 44).

52

Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tnaqqis tar-remunerazzjoni fissa tal-ħaddiema inkwistjoni ġie impost unilateralment mill-persuna li timpjega għal raġunijiet ekonomiċi kif ukoll ta’ produzzjoni u tat lok, fl-assenza ta’ kunsens min-naħa tal-persuna kkonċernata, għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol flimkien mal-ħlas ta’ kumpens ikkalkolat fuq l-istess bażi bħal dawk li huma dovuti fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva.

53

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għat-tkeċċijiet kollettivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fl-istess waqt, li jiżgura protezzjoni paragunabbli tad-drittijiet tal-ħaddiema fid-diversi Stati Membri kif ukoll li jarmonizza l-oneri kkawżati mir-regoli ta’ protezzjoni għall-impriżi tal-Unjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑383/92, EU:C:1994:234, punt 16, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 48).

54

Issa, il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”, li jinsab fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, jikkundizzjona, hekk kif jirriżulta mill-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, direttament l-applikazzjoni tal-protezzjoni kif ukoll tad-drittijiet li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema skont din id-direttiva. Għalhekk dan il-kunċett għandu effett immedjat fuq l-oneri kkawżati minn din il-protezzjoni. Għaldaqstant, kull leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett li jasal jikkunsidra li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol ma hijiex “redundancy [tkeċċija]”, fis-sens tad-Direttiva 98/59, tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u għaldaqstant iċċaħħdilha l-effettività sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Confédération générale du travail et, C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 47).

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 98/59 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li persuna li timpjega tipproċedi, unilateralment u għad-detriment tal-ħaddiem, għal bidla sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiem jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”, imsemmi fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal‑20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema li jibbenefikaw minn kuntratt konkluż għal żmien jew għal kompitu determinat għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-ħaddiema “normalment” impjegati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat.

 

2)

Bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “redundancy [tkeċċija] kollettiva”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, li tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, il-kundizzjoni li tirriżulta fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jkun “hemm mill-inqas ħames redundancies [tkeċċijiet]” għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tirrigwardax esklużivament it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti tax-xogħol assimilati ma’ tkeċċija, iżda esklużivament it-tkeċċijiet fis-sens strett tal-kelma.

 

3)

Id-Direttiva 98/59 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li persuna li timpjega tipproċedi, unilateralment u għad-detriment tal-ħaddiem, għal bidla sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiem jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”, imsemmi fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.