SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza — Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi — Artikolu 48(3) — Possibbiltà li wieħed jinvoka l-abilitajiet ta’ entitajiet oħra — Artikolu 51 — Possibbiltà li l-offerta tiġi kkompletata — Artikolu 45(2)(g) — Esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku minħabba nuqqas serju”

Fil-Kawża C‑387/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Esaprojekt sp. z o.o.

vs

Województwo Łódzkie,

fil-preżenza ta’:

Konsultant Komputer sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Województwo Łódzkie, minn M. Popielarczyk u A. Faliszek-Rosiak, radcy prawni, kif ukoll minn P. Krystynowicz u M. Kaczmarczyk, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Esaprojekt sp. z o.o. u l‑Województwo Łódzkie (Provinċja ta’ Łódź, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) dwar il-kundizzjonijiet ta’ selezzjoni ta’ offerta mitfugħa mill-operatur ekonomiku Konsultant Komputer sp. z o.o. fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ sistemi tal-IT għal sptarijiet fil-Polonja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18 tiddikjara:

“Kuntratti għandhom jiġu assenjati fuq il-bażi ta’ kriterja oġġettiva li tassigura konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, bla diskriminazzjoni u trattament ugwali u li tiggarantixxi illi l-offerti huma assessjati fuq il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. Bħala riżultat, huwa xieraq li [tiġi aċċettata] l-applikazzjoni ta’ [żewġ] kriterj[i] [ta’] l-għoti […] biss: ‘l-inqas prezz’ u ‘l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament’.

Biex tassigura konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-għoti tal-kuntratti, huwa xieraq li tistipula obbligazzjoni – stabbilita b’każ legali [bil‑ġurisprudenza] – biex tassigura t-trasparenza neċessarja sabiex tgħin lil dawk kollha li jitfgħu l-offerti biex ikunu infurmati tajjeb fuq il-kriterji u l-arranġamenti li se jkunu applikabbli biex tiġi identifikata l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament. […]”

4

L-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv [suġġett] tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni [il-provvista] tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

6

L-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, intitolat “Verifikata l-adattabilità u għażla ta’ parteċipanti u għoti ta’ kuntratti” jipprovdi:

“1.   Kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji imniżżlin fl-Artikoli 53 u 55, jittieħed akkont l-Artikolu 24, wara li l-adattabilità ta’ operaturi ekonomiċi mhux eklużi taħt l-Artikoli 45 u 46 ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti skond il-kriterji ta’ permessi [kapaċitajiet] ekonomiċi u finanzjarji, ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52, u, fejn xieraq, mar-regoli non-diskriminatorji u kriterji li sar riferiment għalihom fil-paragrfu 3.

2.   L-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta [l-offerenti] jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skond l-Artikoli 47 u 48.

Il-limitu ta’ l-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt.

Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntratt.

[…]”

7

L-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva, intitolat “Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ min jixħet l-offerta”, fil-paragrafu 2 tiegħu jistabbilixxi:

“Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku:

[…]

g)

huwa ħati ta’ rappreżentazzjoni ħażina ta’ certa serjetà fil-forniment ta’ l-informazzjoni meħtieġa taħt din it-Taqsima jew ma forniex informazzjoni bħal din.

Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward għal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan il-paragrafu.”

8

L-Artikolu 48 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Abilità teknika [Kapaċitajiet tekniċi] u/jew professjonali”, jipprevedi:

“1.   L-abilitajiet Tekniċi u/jew professjonali ta’ l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati u eżaminati skond il-paragrafi 2 u 3.

2.   Evidenza ta’ l-abilitajiet Tekniċi ta’ l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu fornuti [ġustifikati] b’mezz jew aktar ta’ dan li ġej skond in-natura, kwantità jew importanza, u użu tax-xogħlijiet, fornimenti jew servizzi:

(a)

[…]

(ii)

lista ta’ konsenji ewliena effettwati jew is-servizzi ewlenin provduti fl-aħħar tliet snin, bl-ammonti, dati u riċevituri, sew pubbliċi jew privati, involuti. […]

[…]

3.   Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Hu għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, per eżempju, billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġ[u] r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku.

4.   Taħt l-istess kondizzjonijiet grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif sar riferiment għalihom fl-Artikolu 4 jista’ joqgħod fuq il-ħiliet ta’ parteċipanti fil-grupp jew f’entitajiet oħrajn.

[…]”

9

L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Dokumentazzjon[i] u informazzjoni addizzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“L-awtorità kontrattwanti tista’ tistieden lil operaturi ekonomiċi li jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u dokumenti sottomessi fis-segwitu ta’ l-Artikoli 45 sa 50.”

Id-dritt Pollakk

10

Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Pollakk permezz tal-Ustawa Prawo zamówień publicznych (Liġi dwar Kuntratti Pubbliċi, test ikkodifikat, Dz. U. tal-2013, intestaturi 907, 984, 1047, u 1473, kif ukoll Dz. U. tal‑2014, intestatura 423, iktar ’il quddiem il-“Liġi KP”).

11

L-Artikolu 24(2), punti 3 u 4 tal-Liġi KP huwa fformulat kif ġej:

“[G]ħandu wkoll jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kull operatur li:

3)

ikun ikkomunika informazzjoni falza li taffettwa, jew li tista’ taffettwa, ir-riżultat tal-proċedura pendenti;

4)

ma uriex li ssodisfa l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fl-imsemmija proċedura.”

12

L-Artikolu 26(2b) u (4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“2b.   Operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-konoxxenzi, l-esperjenza, il-kapaċità teknika u l-persuni li huma idonei sabiex jeżegwixxu l-kuntratt jew il-kapaċitajiet finanzjarji ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura ġuridika tar-rabtiet eżistenti bejnu u dawn l-entitajiet. F’dan il-każ, huwa għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari, permezz tal-produzzjoni ta’ garanzija bil-miktub ta’ dawn l-entitajiet li skontha huwa ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi neċessarji għat-tul ta’ użu ekwivalenti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt […]

4.   Fi żmien li hija tistabbilixxi, l-awtorità kontraenti għandha titlob ukoll kjarifikazzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijiet jew dokumenti msemmija fl-Artikolu 25(1).”

13

L-Artikolu 93(1), punt 7 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha tannulla l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta din […] tkun irrimedjabbilment ivvizzjata minn irregolarità li tirrendi impossibbli l-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku li ma jkunx ivvizzjat minn kawża għal annullament.”

14

L-Artikolu 1(6) tar-Rozporządzenie Prezesa Rady Ministrów z dnia 19 lutego 2013 r. w sprawie rodzajów dokumentów, jakich może żądać zamawiający od wykonawcy, oraz form, w jakich te dokumenty mogą być składane (Regolament tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, tad‑19 ta’ Frar 2013, dwar it-tip ta’ dokumenti meħtieġa, mill-awtorità kontraenti, min-naħa ta’ operatur ekonomiku u dwar il-forma tal-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti (Dz. U. tal-2013, intestatura 231)) huwa fformulat b’dan il-mod:

“ Jekk, sabiex juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(1) tal-Liġi [KP], operatur ekonomiku jinvoka l-mezzi ta’ entitajiet oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2b) tal-Liġi [KP], l-awtorità kontraenti, sabiex tevalwa jekk l-operatur ekonomiku huwiex ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu mezzi ta’ entitajiet oħra sabiex jeżegwixxi l-kuntratt b’mod tajjeb, jew jekk ir-rabta bejn l-operatur ekonomiku u dawn l-entitajiet tiggarantixxix effettivament l-aċċess għal dawn il-mezzi, tista’ teħtieġ:

1)

għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(1), punt 4 tal-Liġi [KP], id-dokumenti elenkati fil-paragrafu 1, punti 9 sa 11, kif ukoll dokumenti oħra relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, kif previsti fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt;

2)

dokumenti dwar, b’mod partikolari:

a)

il-portata tal-mezzi ta’ entità oħra li għalihom operatur ekonomiku jista’ jaċċedi,

b)

il-modalitajiet ta’ użu ta’ mezzi ta’ entità oħra mill-operatur ekonomiku sabiex jeżegwixxi l-kuntratt,

ċ)

in-natura tar-rabta bejn operatur u entità oħra, u

d)

il-portata u t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ entità oħra fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità kontraenti fetħet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku dwar il-“modernizzazzjoni ta’ sistemi tal-IT eżistenti u l-implementazzjoni ta’ sistemi ġodda fi stabbilimenti tas-saħħa li jaqgħu taħt il-kollettività tal-Województwo Łódzkie (il-Polonja) skont il-proġett ta’ servizzi tas-sistema ta’ informazzjoni medika reġjonali (servizzi RSIM)”. Is-sejħa għal offerti ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta’ Novembru 2013, bin-numru 2013/S 232-402292.

16

Għall-finijiet tal-għoti tal-imsemmi kuntratt, l-awtorità kontraenti għażlet l-iżvolġiment ta’ proċedura miftuħa u qasmet is-suġġett tal-kuntratt f’diversi lottijiet li jkopru diversi stabbilimenti. Għaldaqstant hija ppermettiet lill-operaturi ekonomiċi interessati jippreżentaw offerti mhux biss għall-kuntratt sħiħ, iżda anki għal parti biss minnu.

17

Il-kawża prinċipali tikkonċerna, b’mod partikolari, l-għoti tal-lott Nru 3, dwar ix-xiri u mal-provvista ta’ sistema integrata għal sptarijiet sabiex taqdi d-dipartimenti amministrattivi (griż) u mediċi (abjad) fl-isptar reġjonali Nicolaus Copernicus fi Piotrkóv Tribunalski (il-Polonja). Il-kuntratt jirrigwarda softwer standard li l-operatur ekonomiku għandu jikkunsinna, jinstalla u jwettaq konfigurazzjoni tiegħu għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

18

Kif jipprevedu l-punt 6.1 u s-sub-punt 6.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sabiex jiġġustifika l-esperjenza tiegħu, kull kandidat offerent li jixħet offerta għal-lott Nru 3 kellu b’mod partikolari juri li eżegwixxa tal-inqas żewġ kuntratti li, għal kull wieħed minnhom, kienu inklużi kunsinna, installazzjoni, konfigurazzjoni u implementazzjoni ta’ sistema integrata għal sptarijiet (SIS) fid-dipartimenti abjad u griż għal stabbiliment tas-saħħa b’numru minimu ta’ 200 sodda, ta’ valur ta’ mhux inqas minn 450000 złoty Pollakk (PLN) (madwar EUR 101676.08), bit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) inkluża.

19

Għal dan l-għan, kull operatur ekonomiku kellu jipprovdi, b’mod partikolari, inventarju tal-kunsinni prinċipali mwettqa matul it-tliet snin ta’ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-offerta jew, fejn ikun xieraq, matul it-tul ta’ attività inferjuri, billi jippreċiża s-suġġett, il-valur, id-data ta’ eżekuzzjoni u l-entitajiet li għalihom twettqu dawn il-kunsinni, u billi jannetti d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni li jindikaw l-eżekuzzjoni tajba tagħhom.

20

Fl-offerta tiegħu, l-operatur ekonomiku Konsultant Komputer ippreżenta lista ta’ provvisti, li jinkludu żewġ taqsimiet, dwar il-kunsinna, l-installazzjoni, il-konfigurazzjoni u l-implementazzjoni ta’ żewġ sistemi integrati għal sptarijiet u eżegwiti għal, rispettivament, l-isptar reġjonali speċjalizzat J. Korczak ta’ Słupsk (il-Polonja) u għall-isptar speċjalizzat J. Śniadecki f’Nowy Sącz (il-Polonja), mill-konsorzju kompost minn Konsultant IT sp. z o.o. u minn Konsultant Komputer.

21

L-awtorità kontraenti għażlet l-offerta ta’ Konsultant Komputer, peress li qisitha l-iktar waħda vantaġġuża ekonomikament għal-Lott Nru 3.

22

Bħala kandidat eskluż fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, Esaprojekt ippreżentat rikors quddiem il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli, il-Polonja) kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li għażlet l-offerta ta’ Konsultant Komputer. Esaprojekt essenzjalment ikkritikat lill-awtorità kontraenti li ma kkonstatatx li l-offerta inkwistjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni ineżatta u ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi sub-punt 6.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Konsegwentement, din l-offerta kellha tiġi miċħuda, konformement mal-Artikolu 24(2), punt 3 tal-Liġi KP.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2014, il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli) ordnat lill-awtorità kontraenti tannulla l-għażla tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament li tikkonċerna l-Lott Nru 3 u titlob lil Konsultant Komputer sabiex, konformement mal-Artikolu 26(4) tal-Liġi KP, tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-kuntratti li hija kienet semmiet fl-offerta tagħha. L-awtorità kontraenti għaldaqstant annullat id-deċiżjoni tagħha u talbet lil Konsultant Komputer sabiex tikkompleta d-dokumenti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-kundizzjoni ta’ konoxxenza u ta’ esperjenza sabiex wieħed ikun kandidat, prevista fis-sub-punt 6.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kienet issodisfatta.

24

Bi tweġiba għal din it-talba, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2014, Konsultant Komputer indikat, minn naħa, li l-kuntratt li hija kienet semmiet kien jirrigwarda funzjonalitajiet li l-awtorità kontraenti kienet iddefinixxiet bħala d-dipartiment griż u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ kunsinni annessa mal-offerta tagħha kienet tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ żewġ kuntratti, jiġifieri l-kuntratt Nru 51/2/2010 tal‑5 ta’ Ottubru 2010 u l-kuntratt Nru 62/2010 tas-6 ta’ Diċembru 2010.

25

Madankollu, mill-informazzjoni pprovduta minn Konsultant Komputer kien jirriżulta li, fil-verità, il-provvisti relatati mal-isptar reġjonali speċjalizzat J. Korczak ta’ Słupsk kienu ġew eżegwiti fil-kuntest ta’ żewġ kuntratti distinti, fejn wieħed minnhom ma kienx jinkludi d-dipartiment abjad u l-ieħor ma kienx jinkludi d-dipartiment griż.

26

Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifikazzjonijiet, l-awtorità kontraenti qieset li l-provvisti eżegwiti għall-isptar reġjonali speċjalizzat J. Korczak ta’ Słupsk ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fis-sub-punt 6.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li skontu kull kuntratt kellu jinkludi l-elementi kollha elenkati hemmhekk, b’mod partikolari kunsinna, installazzjoni, konfigurazzjoni u implementazzjoni ta’ sistema integrata għal sptarijiet (SIS) fid-dipartimenti abjad u griż. L-awtorità kontraenti għaldaqstant talbet lil Konsultant Komputer sabiex tikkompleta l-fajl tagħha f’dan ir-rigward.

27

Għal dan l-għan, Konsultant Komputer ipprovdiet lista ġdida ta’ kunsinni li fiha hija invokat l-esperjenza ta’ entità oħra, Medinet Systemy Informatyczne sp. z o.o., fir-rigward ta’ żewġ kunsinni, jiġifieri, l-ewwel waħda għall-istabbiliment pubbliku tas-saħħa ta’ Janów Lubelski u, it-tieni waħda, għall-isptar distrettwali tad-dipartiment tas-saħħa tal-ferroviji ta’ Lublin (il-Polonja). Hija għaddiet ukoll garanzija ta’ Medinet Systemy Informatyczne li, bħala entità li tagħti l-pariri u konsulent, ser tipprovdi l-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u mill-ġdid indikat il-kunsinna mwettqa għall-isptar speċjalizzat J. Śniadecki f’Nowy Sącz.

28

Sodisfatta b’din ir-risposta, l-awtorità kontraenti għażlet l-offerta ta’ Konsultant Komputer mill-ġdid, peress li kienet l-iktar waħda vantaġġuża ekonomikament għal-Lott Nru 3.

29

Esaprojekt ippreżentat appell quddiem il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli) intiża għall-kisba tal-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, kif ukoll evalwazzjoni ġdida tal-offerti u l-esklużjoni ta’ Konsultant Komputer, għar-raġuni li din kienet ippreżentat informazzjoni falza u li hija ma urietx li ssodisfat il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura, b’mod partikolari dawk previsti fis-sub-punt 6.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

30

Skont il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli), il-kawża prinċipali tqajjem, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikoli 2 u 51 tad-Direttiva 2004/18 jipprekludux li operatur ekonomiku, meta jikkompleta dokumenti fuq talba tal-awtorità kontraenti, milli jsemmi provvisti oħra minbarra dawk li kien indika fl-offerta inizjali tiegħu, u li f’dan ir-rigward huwa jsemmi provvisti mwettqa minn entità oħra li huwa ma kienx semma l-mezzi tagħha fl-offerta inizjali tiegħu.

31

Fit-tieni lok, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-possibbiltà li l-operatur ekonomiku għandu sabiex, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jinvoka d-dritt previst fl-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18, li jsemmi l-kapaċitajiet ta’ entitajiet terzi meta huwa waħdu ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi meħtieġa sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal servizzi.

32

Barra minn hekk, il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli) tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni ta’ f’liema ċirkustanzi operatur ekonomiku jista’ jinżamm responsabbli għal nuqqas serju u għaldaqstant jista’ jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 51 [tad-Direttiva 2004/18], moqri flimkien mal-prinċipj[i] ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u [m]al-prinċipju ta’ trasparenza, li jidhru fl-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2004/18], jippermetti li operatur ekonomiku jirreferi għal twettiq ieħor ta’ kuntratti sabiex jikkompleta jew jikkjarifika d-dokumenti (jiġifieri jirreferi għal kunsinni mwettqa) [minbarra dawk] li jkunu jidhru fl-inventarju tal-kunsinni annessi mal-offerta u, b’mod partikolari, li jirreferi għal twettiq ta’ kuntratti ta’ entità oħra li tagħha ma jkunx indika l-użu tal-mezzi fl-offerta?

2)

Fid-dawl tas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, [(C‑336/12, EU:C:2013:647)], li minnha jirriżulta li ‘l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti titlob lil applikant jikkomunikalha dokumenti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, bħalma hija l-karta tal-bilanċ ippubblikata, li l-eżistenza tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tista’ tiġi vverifikata oġġettivament sakemm id-dokumenti tal-imsemmi kuntratt ma [imponewx] espliċitament li fil-każ li ma jiġux ikkomunikati l-applikazzjoni tiġi eskluża’, l-Artikolu 51 tad-[Direttiva 2004/18] għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu kkompletati biss id-dokumenti li l-eżistenza tagħhom, qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat għas-sottomissjoni tal-offerta jew tat-talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura, tkun tista’ oġġettivament tista’ tiġi vverifikata, jew il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss waħda mill-possibbiltajiet, u għaldaqstant id-dokumenti jistgħu jiġu kkompletati wkoll f’każijiet oħrajn, pereżempju bill[i] jiġu annessi dokumenti li ma kinux jeżistu qabel l-imsemmi terminu, imma li jippermettu oġġettivament li jikkonfermaw li rekwiżit wieħed kien ġie sodisfatt?

3)

Jekk tingħata risposta lit-tieni domanda fis-sens li jistgħu wkoll jiġu kkompletati dokumenti oħra barra minn dawk indikati fis-sentenza [tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647)], jistgħu jiġu kkompletati dokumenti stabbiliti minn operatur ekonomiku, subofferent jew entitajiet oħra li tagħhom l-operatur ekonomiku jinvoka l-kapaċitajiet jekk da[w]n id-dokumenti ma jkunux ġew annessi mal-offerta?

4)

L-Artikolu 44 [tad-Direttiva 2004/18,] moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) [ta’ din id-direttiva], u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidh[er] fl-Artikolu 2 [tagħha], jippermettilhom jinvokaw il-mezzi ta’ entità oħra kif imsemmija fl-Artikolu 48(3) [tal-imsemmija direttiva], billi jaqqdu [jgħaqqdu] l-konoxxenzi u l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet li, individwalment, ma jkunux jiddisponu mill-konoxxenzi u mill-esperjenza mitluba mill-awtorità kontraenti meta jkun hemm l-indiviżibbiltà ta’ din l-esperjenza (l-operatur ekonomiku għandu jissodisfa l-kundizzjoni kollha sabiex ikun kandidat) u tat-twettiq tal-kuntratt (li jikkostitwixxi ħaġa waħda)?

5)

L-Artikolu 44 [tad-Direttiva 2004/18,] moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) [ta’ din id-direttiva], u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operturi ekonomiċi li jidh[er] fl-Artikolu 2 [tagħha], jippermetti lil operatur ekonomiku, li jkun wettaq kuntratt bħala membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiku [ekonomiċi], jinvoka l-esperjenza ta’ dan il-grupp, indipendentement min-natura tal-parteċipazzjoni tiegħu fit-twettiq tal-kuntratt, jew li jinvoka biss l-esperjenza li jkun verament kiseb waħdu meta jwettaq lott speċifiku ta’ kuntratt li jkun ġie attribwit lilu fil-grupp?

6)

L-Artikolu 45(2)(g) tad-[Direttiva 2004/18], li jgħid li kull operatur ekonomiku jista’ jiġi eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku jkun gravement ħati ta’ dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni […] jew ma jkunx ta din l-informazzjoni, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti kull operatur ekonomiku li jkun ta informazzjoni falza li tkun jew li tista’ jkollha effett fuq ir-riżultat tal-proċedura billi dan l-operatur ekonomiku jkun ħati ta’ dikjarazzjonijiet foloz bis-sempliċi fatt li jkun ittrażmetta lill-awtorità kontraenti informazzjoni mhux konformi mal-istat ta’ fatt li jkollha effett fuq id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludi operatur ekonomiku (u tiċħad l-offerta tiegħu), indipendentement mill-fatt li jsir magħruf jekk l-operatur ikunx aġixxa xjentement u b’disinn jew mhux xjentement, b’imprudenza, negliġenza jew bi ksur tad-dmir ta’ diliġenza? Għandu jitqies li wieħed ma jkunx ‘[gravement] ħati ta’ […] [dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni] […] jew [ta’ nuqqas milli jagħti] informazzjoni bħal din’ meta l-operatur ekonomiku jippreżenta informazzjoni falza (mhux konformi mal-istat ta’ fatt) jew ukoll meta jippreżenta informazzjoni ċertament sinċiera, imma b’tali mod li tikkonvinċi lill-awtorità kontraenti li huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha li hija tkun stabbilixxiet, filwaqt li fil-verità huwa ma jkunx qed jissodisfahom?

7)

L-Artikolu 44 [tad-Direttiva 2004/18] moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) [tagħha], u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidh[er] fl-Artikolu 2 [ta’ din id-direttiva], jippermett[i] lil operatur ekonomiku jinvoka esperjenza billi jindika fl-istess ħin tnejn jew diversi kuntratti bħala kuntratt wieħed, minkejja li l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat din il-possibbiltà, la fl-avviż ta’ kuntratt u lanqas fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi preliminari

34

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi għal kuntratt pubbliku, operatur ekonomiku jittrażmetti lill-awtorità kontraenti, u dan sabiex jagħti prova li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku, dokumenti li ma jidhrux fl-offerta inizjali tiegħu, bħal kuntratt eżegwit minn entità terza kif ukoll il-garanzija ta’ din tal-aħħar li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur il-kapaċitajiet u r-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

35

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi għandu jitfakkar li, skont il-premessa 46 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali, b’mod nondiskriminatorju u trasparenti (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 60).

36

Għaldaqstant, minn naħa, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jimponu li l-offerenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplikaw li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ trasparenza għandu bħala għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan l-obbligu jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti li l-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza diġà jirriżulta li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, u dan jimplika li, bħala prinċipju, offerta ma tistax tiġi emendata wara li tintefa’, sew jekk dan ikun fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti jew fuq dik tal-offerent. Minn dan isegwi li l-awtorità kontraenti ma tistax titlob kjarifiki mingħand offerent li hija tqis li l-offerta tiegħu hija impreċiża jew li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tekniċi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix il-possibbiltà li d-data dwar l-offerta tiġi kkoreġuta jew ikkompletata fuq punti speċifiċi, b’mod partikolari għaliex ikun evidenti li teħtieġ sempliċi kjarifika, jew sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għal dan il-għan, hija l-awtorità kontraenti li għandha tiżgura, b’mod partikolari, li t-talba għal kjarifika ta’ offerta ma twassalx għall-preżentazzjoni, mill-offerent ikkonċernat, ta’ dik li fir-realtà tkun tidher li hija offerta ġdida (sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li titlob lill-kandidati jiċċaraw l-offerta tagħhom, l-awtorità kontraenti għandha tittratta lill-kandidati b’mod ugwali u leali, b’mod li talba għal kjarifika ma tkunx tista’ tidher, fi tmiem il-proċedura għall-għażla tal-offerti jew fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-għażla, bħala li tkun ivvantaġġjat jew żvantaġġjat indebitament lill-kandidat jew lill-kandidati li kien jew li kienu s-suġġett ta’ din it-talba (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, Konsultant Komputer ippreżentat lill-awtorità kontraenti, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentata tal-kandidaturi għall-kuntratt pubbliku kkonċernat, dokumenti li ma kinux jinsabu fl-offerta inizjali tagħha. B’mod partikolari, hekk kif ġie indikat fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, dan l-operatur indika kuntratt eżegwit minn entità terza kif ukoll il-garanzija ta’ din tal-aħħar li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imsemmi operatur il-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

Issa, tali preċiżazzjonijiet, lil hinn milli jirrappreżentaw sempliċi kjarifikazzjoni fuq punti speċifiċi jew korrezzjoni ta’ żbalji materjali manifesti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, fil-verità jikkostitwixxu modifika sostanzjali u sinjifikattiva tal-offerta inizjali li pjuttost tixbah preżentazzjoni ta’ offerta ġdida.

43

Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva essenzjalment fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali komunikazzjoni taffettwa direttament elementi essenzjali tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jiġifieri l-identità stess tal-operatur ekonomiku li, eventwalment, jirbaħ il-kuntratt pubbliku kkonċernat, kif ukoll il-verifika tal-kapaċitajiet ta’ dan l-operatur, u għaldaqstant l-adattabbiltà tiegħu sabiex jeżegwixxi l-kuntratt ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2004/18.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi taċċetta l-preżentazzjoni, mill-operatur ekonomiku kkonċernat, tad-dokumenti inkwistjoni sabiex jikkompleta l-offerta inizjali tiegħu, l-awtorità kontraenti tasal sabiex tiffavorizza b’mod indebitu lil dan l-operatur meta mqabbel mal-kandidati l-oħra u b’hekk tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, li għalihom l-awtoritajiet kontraenti huma suġġetti skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18.

45

Minn dak suespost jirriżulta li r-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi għal kuntratt pubbliku, operatur ekonomiku jittrażmetti lill-awtorità kontraenti, u dan sabiex jagħti prova li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku, dokumenti li ma jidhrux fl-offerta inizjali tiegħu, bħal kuntratt eżegwit minn entità terza kif ukoll il-garanzija ta’ din tal-aħħar li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur il-kapaċitajiet u r-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

Fuq ir-raba’ domanda

46

Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil operatur ekonomiku jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entità oħra, fis-sens tal-Artikolu 48(3) tal-imsemmija direttiva, billi jgħaqqad il-konoxxenzi u l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet li, individwalment, ma jkunux jiddisponu mill-kapaċitajiet mitluba għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tqis li l-kuntratt ikkonċernat huwa indiviżibbli u għaldaqstant għandu jitwettaq minn operatur wieħed.

47

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, preliminarjament għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jagħtu d-dritt lil kull operatur ekonomiku sabiex, għal kuntratt partikolari, jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-kundizzjoni li tingħata prova lill-awtorità kontraenti li l-kandidat jew l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi ta’ dawn l-entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludux li l-eżerċizzju tad-dritt stabbilit bl-Artikolu 47(2) u bl-Artikolu 48(3) ta’ din id-direttiva jkun limitat f’ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li jeżistu xogħlijiet li għandhom karatteristiċi li jirrikjedu ċerta kapaċità li ma tistax tinkiseb billi ssir akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet inferjuri ta’ diversi operaturi. F’tali ipoteżi, l-awtorità kontraenti tkun iġġustifikata teħtieġ li l-livell minimu tal-kapaċità kkonċernata tintlaħaq minn operatur ekonomiku uniku jew, fejn xieraq, billi jsir użu minn numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18, sa fejn dan ir-rekwiżit ikun marbut u proporzjonat mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, hekk kif ġie indikat fil-punt 18 tas-sentenza preżenti, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jirrikjedu li l-offerenti jippreżentaw tal-inqas żewġ kuntratti eżegwiti f’qasam speċifiku.

51

Wara t-talba tal-awtorità kontraenti, sabiex tagħti prova li hija għandha l-kompetenzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Konsultant Komputer invokat l-esperjenza ta’ entità oħra li tikkonsisti f’żewġ kunsinni, kif imsemmija fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, imwettqa minn Medinet Systemy Informatyczne.

52

Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-domanda preliminari tistrieħ fuq il-premessa, ivverifikata mill-qorti tar-rinviju, li skontha l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kuntratt indiviżibbli, ta’ tali mod li l-livell minimu tal-kapaċità kkonċernata għandu jintlaħaq minn operatur ekonomiku uniku u mhux billi wieħed jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ diversi operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli) tqis li l-esklużjoni mill-possibbiltà li wieħed jinvoka l-esperjenzi ta’ diversi operaturi ekonomiċi hija marbuta u proporzjonata mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 tas-sentenza preżenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jistax jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entità terza sabiex jagħti prova li huwa għandu l-kapaċitajiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54

Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lil operatur ekonomiku jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entità oħra, fis-sens tal-Artikolu 48(3) tal-imsemmija direttiva, billi jgħaqqad il-konoxxenzi u l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet li, individwalment, ma jkunux jiddisponu mill-kapaċitajiet mitluba għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tqis li l-kuntratt ikkonċernat huwa indiviżibbli, fis-sens li għandu jitwettaq minn operatur uniku, u li tali esklużjoni mill-possibbiltà li jiġu invokati l-esperjenzi ta’ diversi operaturi ekonomiċi hija marbuta u proporzjonata mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, liema kuntratt għaldaqstant għandu jitwettaq minn operatur wieħed.

Fuq il-ħames domanda

55

Permezz tal-ħames domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil operatur ekonomiku, li jipparteċipa individwalment fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jinvoka l-esperjenza ta’ grupp ta’ impriżi, li fih huwa ħa sehem fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, irrispettivament min-natura tal-parteċipazzjoni tiegħu fit-twettiq ta’ dan tal-aħħar.

56

Din id-domanda tirrigwarda l-fatt, imsemmi fil-punt 20 tas-sentenza preżenti, li, fil-kawża prinċipali, il-provvisti tas-sistemi integrati għal sptarijiet għall-isptarijiet ikkonċernati ġew ikkunsinnati minn grupp magħmul minn żewġ impriżi, jiġifieri Konsultant Komputer u Konsultant IT.

57

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2004/18, hija l-awtorità kontraenti li għandha tivverifika l-adattabbiltà tal-kandidati jew tal-offerenti skont il-kriterji msemmija fl-Artikoli 47 sa 52 ta’ din id-direttiva.

58

Minbarra dan, skont l-Artikolu 44(2) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi li l-operaturi ekonomiċi jissodisfaw livelli minimi ta’ kapaċitajiet ekonomiċi u finanzjarji kif ukoll ta’ kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali, skont l-Artikoli 47 u 48 tal-istess direttiva.

59

B’mod partikolari, l-Artikolu 48(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi li l-kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu ġġustifikati, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tan-natura u tal-importanza tal-provvisti mwettqa, permezz tal-preżentazzjoni tal-lista tax-xogħlijiet imwettqa matul l-aħħar ħames snin kif ukoll permezz tal-preżentazzjoni ta’ lista tal-kunsinni prinċipali jew tas-servizzi prinċipali mwettqa matul l-aħħar tliet snin.

60

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 48(3) tal-imsemmija direttiva tippermetti lil operatur ekonomiku jinvoka, għal kuntratt partikolari, il-kapaċitajiet ta’ entità oħra, bħal grupp ta’ impriżi li ħa sehem fih, sa fejn tingħata prova lill-awtorità kontraenti li l-imsemmi operatur effettivament se jkollu l-mezzi ta’ din l-entità li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

61

F’dan il-kuntest, l-esperjenza miksuba minn operatur ekonomiku tikkostitwixxi kriterju partikolarment importanti tas-selezzjoni kwalitattiva ta’ dan l-operatur sa fejn din tippermetti lill-awtorità kontraenti tivverifika, konformement mal‑Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2004/18, l-adattabbiltà tal-kandidati jew tal-offerenti sabiex jeżegwixxu kuntratt pubbliku partikolari.

62

Għalhekk, meta operatur ekonomiku jinvoka l-esperjenza ta’ grupp ta’ impriżi li jkun ħa sehem fih, din għandha tiġi evalwata b’rabta mal-parteċipazzjoni konkreta ta’ dan l-operatur u għaldaqstant mal-kontribuzzjoni effettiva tiegħu fl-eżerċizzju ta’ attività meħtieġa fl-imsemmi grupp fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku partikolari.

63

Fil-fatt, kif il-Gvern Pollakk irrileva ġustament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, operatur ekonomiku jikseb verament l-esperjenza mhux bis-sempliċi fatt li jkun membru ta’ grupp ta’ impriżi u indipendentement mill-kontribuzzjoni tiegħu fih, iżda biss billi jipparteċipa direttament fit-twettiq ta’, mill-inqas, lott mill-kuntratt, li l-eżekuzzjoni globali tiegħu ikun ġie fdat lil dan il-grupp.

64

Minn dan isegwi li, għall-esperjenza meħtieġa mill-awtorità kontraenti, operatur ekonomiku ma jistax jinvoka l-provvisti mwettqa mill-membri l-oħra ta’ grupp ta’ impriżi li fit-twettiq tagħhom huwa ma pparteċipax b’mod effettiv u konkret.

65

Fid-dawl tas-suespost, ir-risposta għall-ħames domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lil operatur ekonomiku, li jipparteċipa individwalment fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jinvoka l-esperjenza ta’ grupp ta’ impriżi, li fih huwa ħa sehem fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku ieħor, jekk huwa ma pparteċipax b’mod effettiv u konkret fit-twettiq ta’ dan tal-aħħar.

Fuq is-sitt domanda

66

Permezz tas-sitt domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18, li jippermetti l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku, b’mod partikolari jekk ikun gravement ħati ta’ dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi applikat meta din l-informazzjoni tkun ta’ natura li tinfluwenza r-riżultat tas-sejħa għal offerti, indipendentement mill-fatt li dan l-operatur ekonomiku jkun aġixxa xjentement.

67

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandu jitfakkar li fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi sensiela ta’ raġunijiet, obbligatorji u fakultattivi rispettivament, ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku ta’ offerent meta tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu.

68

B’mod partikolari, fis-sens tal-Artikolu 45(2)(g) tal-imsemmija direttiva, operatur ekonomiku jista’ jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku jekk ikun “gravement ħati” ta’ dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti jekk ma jkunx ta din l-informazzjoni.

69

Permezz tad-domanda tagħha l-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli) tixtieq tkun taf jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwiex neċessarju li l-kandidat offerent ikun aġixxa xjentement u li l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kontraenti influwenzat, jew setgħet tinfluwenza r-riżultat tas-sejħa għal offerti.

70

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18 ma fih ebda riferiment għall-aġir intenzjonali tal-operatur ekonomiku. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ta’ tali aġir ma tistax titqies li hija element neċessarju sabiex tali operatur jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku.

71

Min-naħa l-oħra, sabiex il-kandidat offerent jitqies li huwa “gravement ħati”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u għaldaqstant jiġi eskluż minn kuntratt pubbliku, huwa biżżejjed li dan ikun responsabbli ta’ negliġenza ta’ ċerta serjetà, jiġifieri negliġenza li tista’ tinfluwenza b’mod determinanti d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni, ta’ selezzjoni jew ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

72

Konsegwentement, sabiex tissanzjona operatur ekonomiku li jkun ippreżenta dikjarazzjonijiet foloz permezz tal-esklużjoni tiegħu mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu b’mod partikolari l-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea, li tinġieb il-prova tal-eżistenza ta’ nuqqas intenzjonali f’moħħ dan l-operatur ekonomiku.

73

Fit-tieni lok għandu jiġi osservat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, l-Istati membri għandhom jispeċifikaw, skont il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rispett għad-dritt Komunitarju, il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

74

Minn dawn isegwi li l-kunċetti li jidhru fl-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2), fosthom dak ta’ “gravement ħati”, jistgħu jiġu speċifikati u indikati b’mod espliċitu, fid-dritt nazzjonali, b’rispett, madankollu, tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 26).

75

F’dan il-każ, l-Artikolu 24(2), punt 3 tal-Liġi KP jipprevedi l-possibbiltà li jiġi eskluż mill-għoti ta’ kuntratt kull operatur ekonomiku li kkomunika informazzjoni falza li taffettwa, jew li hija ta’ natura li taffettwa, ir-riżultat tal-proċedura li tkun għaddejja.

76

Issa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dikjarazzjonijiet u l-informazzjoni pprovduta mill-operatur ekonomiku kkonċernat effettivament kellhom effett fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli), huwa preċiżament abbażi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u ta’ din l-informazzjoni li Konsultant Komputer rebħet is-sejħa għal offerti.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li, billi pprovda tali dikjarazzjonijiet u informazzjoni, l-operatur ekonomiku kkonċernat kien responsabbli ta’ negliġenza li kellha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni, ta’ selezzjoni jew ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku msemmi, u dan b’tali mod li dan l-operatur jista’ jitqies li kien “gravement ħati”, fis-sens tal-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18. Konsegwentement, tali atitudni tista’ tiġġustifika d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludi lill-imsemmi operatur mill-kuntratt pubbliku kkonċernat.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għas-sitt domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18, li jippermetti l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku, b’mod partikolari jekk ikun “gravement ħati” ta’ dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi applikat meta l-operatur ikkonċernat ikun responsabbli ta’ negliġenza ta’ ċerta serjetà, jiġifieri negliġenza ta’ natura li jkollha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni, ta’ selezzjoni jew ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku, u dan indipendentement mill-konstatazzjoni ta’ nuqqas intenzjonali f’moħħ dan l-operatur.

Fuq is-seba’ domanda

79

Permezz tas-seba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil operatur ekonomiku jinvoka esperjenza billi jindika fl-istess ħin tnejn jew diversi kuntratti bħala kuntratt wieħed, minkejja li l-awtorità kontraenti ma tkunx ipprevediet din il-possibbiltà b’mod espress, la fl-avviż ta’ kuntratt u lanqas fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

80

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tfakkar fil-punt 57 tas-sentenza preżenti, skont l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2004/18, l-awtorità kontraenti hija obbligata tivverifika l-adattabbiltà tal-kandidati jew tal-offerenti sabiex jeżegwixxu l-kuntratt ikkonċernat skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 47 sa 52 ta’ din id-direttiva.

81

Min-naħa tagħhom, il-kandidati jew l-offerenti għandhom jagħtu prova lill-awtorità kontraenti li huma għandhom jew ser ikollhom effettivament il-kapaċitajiet neċessarji sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt pubbliku kkonċernat.

82

F’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti hija ġustifikata tindika b’mod espress, bħala prinċipju fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ir-rekwiżit li jiġu ssodisfatti kapaċitajiet partikolari u modalitajiet konkreti li skonthom il-kandidat offerent għandu juri l-adattabbiltà tiegħu sabiex jirbaħ u jwettaq il-kuntratt ikkonċernat. Bl-istess mod, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fid-dawl tan-natura tax-xogħlijiet ikkonċernati kif ukoll is-suġġett u l-għanijiet tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti tista’ tipprevedi limitazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna li jsir użu minn numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, skont l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punti 39 sa 41, u tal-5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Madankollu, meta l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tirrikorri għal tali possibbiltà, din ikollha tiżgura li r-regoli preċiżi li hija tistabbilixxi jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punti 4056).

84

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, minkejja li huwa minnu li l-awtorità kontraenti ma pprevedietx b’mod espliċitu fid-dokumenti tal-kuntratt il-possibbiltà li l-kandidat offerent isemmi tnejn jew diversi kuntratt bħala kuntratt wieħed, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali possibbiltà lanqas ma ġiet espressament eskluża, la fl-avviż ta’ kuntratt u lanqas fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi a priori eskluż li l-esperjenza meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikkonċernat, miksuba mill-operatur ekonomiku fil-kuntest mhux ta’ kuntratt wieħed, iżda ta’ tnejn jew ta’ diversi kuntratti differenti, ma tistax titqies bħala suffiċjenti mill-awtorità kontraenti u għaldaqstant tippermetti lill-imsemmi operatur jirbaħ il-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

86

Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk ir-rekwiżiti ta’ kuntratt partikolari jistgħu, bħala prinċipju, jiġu ssodisfatti billi l-kapaċitajiet u l-esperjenzi ta’ diversi operaturi jingħaqdu, ikun iktar u iktar illoġiku li a priori tiġi eskluża l-possibbiltà li wieħed jakkumula l-kapaċitajiet u l-esperjenzi li operatur wieħed ikun kiseb effettivament fil-kuntest ta’ diversi kuntratti.

87

Għalhekk, u sa fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-possibbiltà li wieħed jinvoka diversi esperjenzi miksuba fil-kuntest ta’ diversi kuntratti la ġiet eskluża fl-avviż ta’ kuntratt u lanqas fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hija l-awtorità kontraenti, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali li jkollhom ġurisdizzjoni, li, fid-dawl tan-natura tax-xogħlijiet ikkonċernati kif ukoll fid-dawl tas-suġġett u tal-għanijiet tal-kuntratt ikkonċernat, għandha tivverifika jekk l-esperjenza magħquda ta’ tnejn jew ta’ diversi kuntratti tippermettix li tiġi żgurata eżekuzzjoni korretta tiegħu.

88

Fid-dawl tas-suespost, ir-risposta għas-seba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil operatur ekonomiku jinvoka esperjenza billi jindika fl-istess ħin tnejn jew diversi kuntratti bħala kuntratt wieħed, sakemm l-awtorità kontraenti ma tkunx eskludiet tali possibbiltà minħabba rekwiżiti marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-kuntratt pubbliku kkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

89

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi għal kuntratt pubbliku, operatur ekonomiku jittrażmetti lill-awtorità kontraenti, u dan sabiex jagħti prova li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku, dokumenti li ma jidhrux fl-offerta inizjali tiegħu, bħal kuntratt eżegwit minn entità terza kif ukoll il-garanzija ta’ din tal-aħħar li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur il-kapaċitajiet u r-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

 

2)

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lil operatur ekonomiku jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entità oħra, fis-sens tal-Artikolu 48(3) tal-imsemmija direttiva, billi jgħaqqad il-konoxxenzi u l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet li, individwalment, ma jkunux jiddisponu mill-kapaċitajiet mitluba għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tqis li l-kuntratt ikkonċernat huwa indiviżibbli u li tali esklużjoni mill-possibbiltà li jiġu invokati l-esperjenzi ta’ diversi operaturi ekonomiċi hija marbuta u proporzjonata mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, liema kuntratt għandu jitwettaq minn operatur wieħed.

 

3)

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lil operatur ekonomiku, li jipparteċipa individwalment fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jinvoka l-esperjenza ta’ grupp ta’ impriżi, li fih huwa ħa sehem fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku ieħor, jekk huwa ma pparteċipax b’mod effettiv u konkret fit-twettiq ta’ dan tal-aħħar.

 

4)

L-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18, li jippermetti l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku, b’mod partikolari jekk ikun “gravement ħati” ta’ dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi applikat meta l-operatur ikkonċernat ikun responsabbli ta’ negliġenza ta’ ċerta serjetà, jiġifieri negliġenza ta’ natura li jkollha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni, ta’ selezzjoni jew ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku, u dan indipendentement mill-konstatazzjoni ta’ nuqqas intenzjonali f’moħħ dan l-operatur.

 

5)

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil operatur ekonomiku jinvoka esperjenza billi jindika fl-istess ħin tnejn jew diversi kuntratti bħala kuntratt wieħed, sakemm l-awtorità kontraenti ma tkunx eskludiet tali possibbiltà minħabba rekwiżiti marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-kuntratt pubbliku kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.