SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2014/40/UE — Artikolu 2(25), l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 7(1) sa (5), l-ewwel sentenza tal-paragrafu (7), u (12) sa (14), u l-Artikolu 13(1)(c) — Validità — Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk — Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti — Prodotti tat-tabakk li fihom il-mentol — Bażi legali — Artikolu 114 TFUE — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ sussidjarjetà”

Fil-Kawża C‑358/14,

li għandna bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2014,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Szwarc, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn R.-H. Radu kif ukoll minn D. M. Bulancea u A. Vacaru, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u J. Rodrigues kif ukoll minn A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn O. Segnana, J. Herrmann u K. Pleśniak kif ukoll minn M. Simm, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. Barrington u J. Cooke, SC, kif ukoll minn E. Carolan, BL,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentati minn V. Kaye u C. Brodie kif ukoll minn M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn I. Rogers, QC, kif ukoll minn S. Abram u E. Metcalfe, barristers,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Van Hoof kif ukoll minn C. Cattabriga u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur), C. Lycourgos u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob l-annullament tal-Artikolu 2(25), l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 7(1) sa (5), l-ewwel sentenza tal-paragrafu (7), u (12) sa (14), u l-Artikolu 13(1)(c), tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk

2

Fil-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (iktar ’il quddiem il-“FCTC”), iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003, li għaliha huma parti l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, il-partijiet għal din il-konvenzjoni jirrikonoxxu li, minn naħa, “evidenza xjentifika stabbilixxiet inekwivokalment li l-konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk twassal għal mewt, għal mard u għal diżabbiltà”, u, min-naħa l-oħra, “li s-sigaretti u xi prodotti oħra li fihom it-tabakk huma prodotti sofistikati, li joħolqu u jżommu d-dipendenza, għal numru kbir ta’ sustanzi li fihom u li d-duħħan li jipproduċu huma farmakoloġikament attivi, tossiċi, mutaġeniċi u karċinoġeniċi, u li d-dipendenza fuq it-tabakk hija s-suġġett ta’ klassifikazzjoni separata bħala disturb fil-klassifikazzjonijiet internazzjonali ewlenin tal-mard”.

3

L-Artikolu 7 tal-FCTC, intitolat “Miżuri oħra għajr dawk finanzjarji intiżi għat-tnaqqas fit-talba għat-tabakk”, jipprevedi:

“[…] Kull Parti għandha tadotta u timplementa miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi neċessarji sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 8 sa 13 u għandha tikkopera kif meħtieġ mal-Partijiet l-oħra, direttament jew permezz ta’ organi internazzjonali kompetenti sabiex jinfurzawhom. Il-Konferenza tal-Partijiet tipproponi linji gwida xierqa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dawn l-artikoli.”

4

L-Artikolu 9 tal-FCTC, intitolat “Regoli għall-kompożizzjoni tal-prodotti tat-tabakk”, jipprevedi:

“Il-Konferenza tal-Partijiet, f’konsultazzjoni mal-organi internazzjonali kompetenti, għandha tipproponi linji gwida għall-ittestjar u għall-analiżi tas-sustanzi u tal-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk, u għar-regolamentazzjoni ta’ dawn is-sustanzi u dawn l-emissjonijiet. Kull Parti għandha tadotta u tapplika, suġġetta għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi għal dan l-ittestjar u analiżi, u għal din ir-regolamentazzjoni.”

5

Skont it-Taqsima 1.1 tal-linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (iktar ’il quddiem il-“linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC”), il-partijiet “huma […] mħeġġa japplikaw miżuri li jmorru lil hinn minn dawk rakkomandati minn dawn il-linji gwida”.

6

It-Taqsima 3.1.2 ta’ dawn il-linji gwida parzjali, intitolati “Ingredjenti (regolamentazzjoni)”, jiddeskrivu l-miżuri li l-partijiet kontraenti jistgħu jieħdu għar-regolamentazzjoni tal-ingredjenti, billi jistabbilixxu dan li ġej:

“[...]

3.1.2.1 Sfond

Ir-regolamentazzjoni tal-ingredjenti intiża sabiex l-attrazzjoni lejn il-prodotti tat-tabakk tonqos tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-prevalenza tat-tipjip u tad-dipendenza fost il-konsumaturi ġodda kif ukoll fost il-konsumaturi regolari […]

[...]

3.1.2.2 Prodotti tat-tabakk

i) Ingredjenti użati sabiex tittejjeb it-togħma

In-natura ħarxa u irritanti tad-duħħan tat-tabakk huwa ostaklu sinjifikattiv għall-esperimentazzjoni u għall-użu inizjali. Dokumenti tal-industrija tat-tabakk werew li kienu saru sforzi kbar sabiex jitnaqqsu dawn il-karatteristiċi spjaċevoli. In-natura ħarxa tad-duħħan tista’ tittaffa b’diversi modi, pereżempju biż-żieda ta’ ingredjenti varji, li jeliminaw sustanzi li huma magħrufa għall-proprjetajiet irritafnti tagħhom, billi jinsab bilanċ għall-irritazzjoni flimkien permezz ta’ effetti sensorji sinjifikattivi oħra, jew bit-tibdil tal-proprjetajiet kimiċi tal-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk biż-żieda jew bit-tneħħija ta’ sustanzi speċifiċi.

[...]

Il-ħabi tan-natura ħarxa tad-duħħan tat-tabakk permezz ta’ togħmiet, jikkontribwixxi għall-promozzjoni u għaż-żamma tal-użu tat-tabakk. L-aromi użati huma pereżempju il-benzaldeid, il-maltol, il-mentol u l-vanillin.

Wieħed jista’ juża wkoll ħwawar u estratti tal-pjanti biex tittejjeb it-togħma tal-prodotti tat-tabakk, pereżempju kannella, ġinġer u menta.

Rakkomandazzjoni

Il-Partijiet għandhom jirregolaw, billi jillimitaw jew jipprojbixxu, l-użu tal-ingredjenti li jistgħu jintużaw biex itejbu t-togħma tal-prodotti tat-tabakk.

[...]”

Id-Direttiva 2014/40

7

Il-premessi 4, 7, 15 sa 17, 33 u 60 tad-Direttiva 2014/40 jipprevedu:

“(4)

F’oqsma oħra għad fadal differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u tal-prodotti relatati, li huma ta’ ostakolu għat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern. Fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali, xjentifiċi u tas-suq, dawn id-diskrepanzi huma mistennija li jiżdiedu. Dan japplika wkoll għal sigaretti elettroniċi u għal kontenituri ta’ rikarika, għal sigaretti elettroniċi (‘kontenituri ta’ rikarika’), il-prodotti erbali għat-tipjip, l-ingredjenti u l-emissjonijiet minn prodotti tat-tabakk, ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar u l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk.

[...]

(7)

Tinħtieġ ukoll azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’) ta’ Mejju 2003, li d-dispożizzjonijiet għaliha huma vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-FCTC huma dwar ir-regolamentazzjoni tal-kontenuti tal-prodotti tat-tabakk, ir-regolamentazzjoni dwar l-informazzjoni li trid tidher fuq il-prodotti tat-tabakk, l-ippakkjar u t-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk, ir-reklamar u il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk huma ta’ rilevanza partikolari. Il-Partijiet għall-FCTC, inklużi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, adottaw b’kunsens, sett ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FCTC waqt diversi Konferenzi tal-Partijiet.

[...]

(15)

In-nuqqas ta’ approċċ armonizzat għar-regolamentazzjoni tal-ingredjenti ta’ prodotti tat-tabakk jaffettwa t-tħaddim bla xkiel tas-suq intern u għandu impatt negattiv fuq il-moviment liberu tal-prodotti mal-Unjoni kollha. Ċerti Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni jew daħlu fi ftehimiet vinkolanti mal-industrija li jippermettu jew jipprojbixxu ċerti ingredjenti. Bħala riżultat, xi ingredjenti huma rregolati f’ċerti Stati Membri, iżda mhux f’oħrajn. L-Istati Membri qegħdin ukoll jieħdu approċċi differenti fir-rigward tal-addittivi fil-filtri tas-sigaretti kif ukoll tal-addittivi koloranti tad-duħħan tat-tabakk. Mingħajr armonizzazzjoni, l-ostakli tat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern huma mistennija li jiżdiedu fis-snin li ġejjin, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni tal-FCTC u l-linji gwida rilevanti tal-FCTC fl-Unjoni kollha u fid-dawl tal-esperjenza miksuba f’ġuriżdizzjonijiet oħra barra l-Unjoni. Il-linji gwida tal-FCTC fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kontenuti tal-prodotti tat-tabakk u r-regolamentazzjoni tal-iżvelar tal-prodott tat-tabakk jitolbu partikolarment it-tneħħija tal-ingredjenti li jżidu l-palat, joħolqu l-impressjoni li prodotti tat-tabakk għandhom benefiċċji għas-saħħa, huma assoċjati mal-enerġija u l-vitalità jew ikollhom proprjetajiet koloranti.

(16)

Il-probabbiltà tar-regolamentazzjoni diverġenti qed tiżdied aktar minħabba t-tħassib dwar il-prodotti tat-tabakk li jkollhom togħma karatterizzanti għajr waħda tat-tabakk, li jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk jew jaffettwaw ix-xejriet tal-konsum. Miżuri li jintroduċu differenzi ta’ trattament mhux ġustifikati bejn tipi differenti ta’ sigaretti aromatizzati għandhom jiġu evitati. Madankollu, prodotti b’togħma karatterizzanti b’volum ogħla ta’ bejgħ għandhom jitneħħew fuq perijodu ta’ żmien estiż sabiex il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat biex jaqilbu għal prodotti oħra.

(17)

Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti ma tipprekludix għal kollox l-użu ta’ addittivi individwali, iżda tobbliga lill-manifatturi biex inaqqsu l-addittiv jew it-taħlita ta’ addittivi sal-punt li l-addittivi ma jibqgħux jirriżultaw f’togħma karatterizzanti. [...]

[...]

(33)

Bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk transkonfinali mill-bogħod jista’ jiffaċilita l-aċċess għal prodotti ta’ tabakk li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva. Hemm ukoll ir-riskju miżjud li ż-żgħażagħ jiksbu aċċess għal prodotti ta’ tabakk. Konsegwentement, hemm riskju li l-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tat-tabakk tiddgħajjef. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ traskonfinali mill-bogħod. Fejn il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod mhuwiex projbit, jenħtieġu regoli komuni dwar ir-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li huma impenjati f’tali bejgħ sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din id-Direttiva. [...]

[...]

(60)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu minħabba l-iskala u l-effett tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu dawk l-għanijiet.”

8

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Suġġett” jipprevedi:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:

(a)

l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk u l-obbligi tar-rappurtar relatati inkluż il-livelli massimi ta’ emissjonijiet għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju għas-sigaretti;

(b)

ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk inklużi t-twissijiet tas-saħħa li jridu jidhru fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk u fuq l-ippakkjar estern kif ukoll il-miżuri ta’ traċċabbiltà u l-karatteristiċi ta’ sigurtà li huma applikati għal prodotti tat-tabakk biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom ma’ din id-Direttiva;

(c)

il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali;

(d)

il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk;

(e)

l-obbligu li tiġi ppreżentata notifika dwar prodotti tat-tabakk ġodda;

(f)

it-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta’ ċerti prodotti, li huma relatati mal-prodotti tat-tabakk, jiġifieri sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika,u prodotti erbali għat-tipjip;

sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-[FCTC].”

9

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 25 tiegħu, li, għall-finijiet tal-istess direttiva dan li ġej:

“‘togħma karatterizzanti’ tfisser riħa jew togħma oħra għajr ta’ tabakk li tista’ tiġi nnotata b’mod ċar, li tirriżulta minn addittiv jew taħlita ta’ addittivi, li tinkludi iżda mhijiex limitata għal frott, ħwawar, ħxejjex aromatiċi, alkoħol, ħelu, mentol jew vanilla, li tista’ tiġi osservata qabel jew matul il-konsum tal-prodott tat-tabakk.”

10

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Lista ta’ prijorità ta’ addittivi u obbligi ta’ rappurtar imsaħħa”, jipprevedi li:

“1.   Minbarra l-obbligi ta’ rappurtar stipulati fl-Artikolu 5, obbligi ta’ rappurtar imsaħħa għandhom japplikaw għal ċerti addittivi li jinsabu fis-sigaretti u tabakk tal-brim li huma inklużi f’lista ta’ prijorità. [...]

[...]

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-manifatturi u lill-importaturi tas-sigaretti u tat-tabakk tal-brim li fihom addittiv li huwa inkluż fil-lista ta’ prijorità prevista fil-paragrafu 1, biex iwettqu studji komprensivi, li għandhom jeżaminaw għal kull addittiv jekk huwa:

[...]

(b)

jirriżultax f’togħma karatterizzanti;

[...]”

11

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regolamentazzjoni ta’ ingredjenti”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti.

L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu l-użu ta’ addittivi li huma essenzjali għall-manifattura tal-prodotti tat-tabakk, pereżempju taz-zokkor biex jieħu post iz-zokkor mitluf waqt il-proċess ta’ preservazzjoni, dment li dawk l-addittivi ma jirriżultawx fi prodott b’togħma karatterizzanti u ma jżidux b’mod sinifikanti jew li jista’ jitkejjel l-effett ta’ dipendenza, it-tossiċità jew il-proprjetajiet [karċinoġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni] tal-prodott tat-tabakk.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu.

2.   Il-Kummissjoni għandha, wara talba ta’ Stat Membru, jew tista’ fuq inizjattiva tagħha stess, tiddetermina permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni jekk prodott tat-tabakk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli uniformi tal-proċeduri biex jiġi determinat jekk prodott jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

4.   Għandu jiġi stabbilit bord konsultattiv indipendenti fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jikkonsultaw lil dan il-bord qabel ma jadottaw miżura skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri għall-istabbiliment u l-operat ta’ dan il-bord.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

5.   Fejn il-livell ta’ kontenut jew konċentrazzjoni ta’ ċerti addittivi jew taħlita tagħhom irriżulta fi projbizzjonijiet skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’tal-anqas tliet Stati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 biex tistabbilixxi livelli ta’ kontenut massimi għal dawk l-addittivi jew taħlita ta’ addittivi li jirriżultaw fit-togħma karatterizzanti.

[...]

7.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom. [...]

[...]

12.   Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27, sabiex tirtira dik l-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodott jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.

13.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jimponu tariffi proporzjonali fuq il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk għall-evalwazzjoni biex jiddeterminaw jekk prodott tat-tabakk għandux togħma karatterizzanti, jekk jintużawx addittivi jew aromi pprojbiti u jekk prodott tat-tabakk fihx addittivi fi kwantitajiet li jżidu b’mod sinifikanti u li jitkejjel l-effett tossiku u ta’ dipendenza jew il-proprjetajiet [karċinoġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni] tal-prodott tat-tabakk ikkonċernat.

14.   Fil-każ ta’ prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti li l-volum tal-bejgħ tagħhom mal-Unjoni kollha jirrappreżenta 3 % jew aktar ta’ kategorija partikolari ta’ prodott, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mill-20 ta’ Mejju 2020.

[...]”

12

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Preżentazzjoni tal-prodott”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   It-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ma għandhom jinkludu ebda element jew karatteristika li:

[...]

c)

tirreferi għat-togħma, ir-riħa, kwalunkwe aromi jew addittivi oħra jew l-assenza tagħhom;

[...]”

13

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk” jipprevedi b’mod partikolari fil-paragrafu 1 tiegħu li, l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk lill-konsumaturi.

14

Skont l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ din għandhom ikunu trasposti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri sal-20 ta’ Mejju 2016 u għandhom jidħlu fis-seħħ minn din id-data.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

15

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 2(25), l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 7(1) sa (5), l-ewwel sentenza tal-paragrafu (7), u (12) sa (14), u l-Artikolu 13(1)(c) [...] (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”), u

tikkundanna lill-Parlament Ewropewu lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

16

Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors u

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

17

Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li tiddeċiedi li tannulla d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2014/40, tordna, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, li l-effetti tagħhom jinżammu sakemm tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam inkwistjoni.

18

Permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Diċembru 2014, ir-Rumanija tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li r-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

19

Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka tliet motivi bbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 114 TFUE, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Fuq l-ammissibbiltà

20

Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ motiv li r-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba l-fatt li dan il-motiv ġie invokat tardivament, fir-replika, u għaldaqstant jikkostitwixxi motiv ġdid fis-sens tal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21

Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tirriżulta madankollu minn interpretazzjoni żbaljata tal-motivi u tal-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Polonja. Jekk huwa minnu li dan l-Istat Membru sostna diversi drabi, b’mod partikolari fir-rikors tiegħu, li l-prodotti tat-tabakk tal-mentol jinsabu f’sitwazzjoni partikolari, differenti minn dik tal-prodotti l-oħra tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, ma invokax motiv distint ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif barra minn hekk, ikkonferma matul is-seduta, iżda llimita ruħu li jsostni, permezz dan l-argument, it-tliet motivi li ġew invokati.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 114 TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

23

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2014/40, sa fejn dawn tal-aħħar jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom il-mentol bħala togħma karatterizzanti jew huma strettament marbuta ma’ din il-projbizzjoni.

24

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-obbligu, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, li jiddistingwi l- prodotti tat-tabakk li fihom il-mentol minn dawk li fihom togħma karatterizzanti oħra minħabba l-fatt, l-ewwel nett, tal-preżenza ta’ dawn tal-ewwel għal żmien twil fis-suq li tagħtihom karattru “tradizzjonali”, it-tieni nett, tal-kwalitajiet gustattivi differenti tagħhom, peress li l-mentol ma jeliminax kompletament it-togħma u r-riħa tat-tabakk, u, it-tielet nett, minħabba l-fatt li ma humiex attraenti għaż-żgħażagħ daqs il-prodotti l-oħra tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti.

25

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, l-ewwel nett, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma weriex l-eżistenza ta’ diverġenzi, fid-data tal-adozzjoni tal-istess direttiva, bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda speċifikament l-użu tal-mentol bħala addittiv fil-prodotti tat-tabakk. Imbagħad, ma jeżistux raġunijiet oġġettivi li jippermettu li jiġi stabbilit li huwa probabbli li jidhru, fil-futur, diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet. Fl-aħħar nett, peress li l-kunċett ta’ “togħma karatterizzanti” ma hijiex suffiċjentement speċifikata fid-Direttiva 2014/40, it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali turi differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali fil-qasam.

26

Ir-Rumanija tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma għandhomx bħala għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern kif jeżiġi wkoll l-Artikolu 114 TFUE iżda huma intiżi, prinċipalment, li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, anki jekk, l-Artikolu 168(5) TFUE jeskludi kull armonizzazzjoni f’dan il-qasam. Fil-fatt, inkunsiderazzjoni tad-differenzi sinjifikattivi bejn il-livelli ta’ konsum ta’ prodotti tat-tabakk tal-mentol fl-Istati Membri, tal-parti negliġibbli tas-suq ta’ dawn il-prodotti u tal-importanza żgħira tal-kummerċ intra-Komunitarju, il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-imsemmija prodotti ma jikkontribwixxux għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

27

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, l-ewwel nett, li, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jittratta b’mod identiku t-togħmiet kollha, għandha tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jista’ jkollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq intern f’dak li jirrigwarda l-addittivi kollha li jistgħu jagħtu togħma karatterizzanti, ikkunsidrati flimkien. Madankollu, skont dawn l-istituzzjonijiet, l-Irlanda u r-Renju Unit, l-eżistenza ta’ dawn id-diverġenzi jirriżultaw b’mod ċar mill-analiżi tal-impatt tad-19 ta’ Diċembru 2012 stabbilita mill-Kummissjoni u li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati [SWD (2012) 452 finali, iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt”].

28

It-tieni nett, huwa probabbli li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam ikunu jistgħu jevolvu b’mod eteroġenu, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda, il-linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC. Bħala eżempju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprojbixxiet it-tqegħid fis-suq tal-kapsuli tal-mentol.

29

It-tielet nett, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-kunċett ta’ “togħma karatterizzanti” hija ddefinita b’mod ġenerali u astratt. Huma l-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u skont il-kriterji stabbiliti minnha, li għandhom jidentifikaw speċifikament il-prodotti li fihom tali togħma. F’dan ir-rigward, il-mekkaniżmi stabbiliti mill-Artikolu 7(2) u (5) tad-Direttiva 2014/40 jippermettu li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni uniformi tal-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti.

30

Fl-aħħar nett, dawn l-istituzzjonijiet jikkontestaw l-allegazzjoni skont liema l-parti tas-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti u l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ dawn il-prodotti huwa negliġibbli.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

L-Artikolu 114(1) KE jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

32

F’dan ir-rigward, jekk is-sempliċi konstatazzjoni ta’ differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-riferiment għall-Artikolu 114 TFUE, dan huwa differenti fil-każ ta’ diskrepanzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punti 8495; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 5960; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 30; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 29; Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 37; kif ukoll Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 32].

33

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, jekk ir-riferiment għall-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali huwa wkoll possibbli għall-finijiet ta’ prevenzjoni ta’ ostakoli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw minħabba l-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, il-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli jkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom [sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 61; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 31; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 30; Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-380/03, EU:C:2006:772, punt 38; kif ukoll Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 33].

34

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 114 TFUE ikun jista’ jintuża bħala bażi legali jiġu sodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi ostakolat milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija determinanti fl-għażliet li għandhom isiru [sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 32; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 31, kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 39].

35

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE jipprevedi li għandu jkun iggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-istrateġiji u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni u li l-Artikolu 114(3) TFUE espliċitament jeżiġi li, fl-armonizzazzjoni li titwettaq, jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem [sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 33; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 32, kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 40].

36

Minn dan isegwi li, meta jkunu jeżistu ostakoli għall-kummerċ jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm ostakoli bħal dawn, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri diverġenti b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u b’tali mod li, minħabba f’hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla mill-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, l-Artikolu 114 TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa konformement, minn naħa, mal-Artikolu 114(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat FUE jew identifikati mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 34; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 33, kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 41).

37

Għandu jiġi osservat ukoll li, permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi (sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 42, kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 102).

38

Skont iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu f’obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, intiżi sabiex jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ wieħed jew ta’ ċerti prodotti (sentenzi Arnold André, C-434/02, EU:C:2004:800, punt 35; Swedish Match, C-210/03, EU:C:2004:802, punt 34; Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, EU:C:2005:449, punt 33, kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-380/03, EU:C:2006:772, punt 43).

39

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 114 TFUE jintuża bħala l-bażi legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2014/40 humiex issodisfatti.

40

L-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tat-talba tagħha għall-annullament li tirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-projbizzjoni tal-mentol bħala togħma karatterizzanti. Għalhekk, dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa skont liema l-prodotti tat-tabakk bil-mentol għandhom pożizzjoni partikolari meta mqabbla mal-prodotti l-oħra tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jirreferi għall-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali tal-projbizzjoni tagħhom mingħajr ma jkun stabbilixxa minn qabel li jeżistu diverġenzi reali jew probabbli bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom, b’mod partikolari, il-mentol.

41

Għaldaqstant, l-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat, jekk, sabiex l-Artikolu 114 TFUE jkun jista’ jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu juri l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda speċifikament il-prodotti li fihom il-mentol bħala togħma karatterizzanti, ta’ natura li jostakolaw il-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk, jew il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ dawn id-diskrepanzi fil-futur.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jadotta regoli uniformi għas-sigaretti tat-tabakk u għat-tabakk tal-brim li fihom togħma karatterizzanti. Huwa kkunsidra, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2014/40, li dawn il-prodotti jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk jew ikollhom effett fuq ix-xejriet ta’ konsum.

43

Barra dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni, kif huwa evidenzjat fil-premessa 15 tal-imsemmija direttiva, tal-Linji Gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC, jitolbu partikolarment it-tneħħija tal-ingredjenti li jżidu l-palat, joħolqu l-impressjoni li prodotti tat-tabakk għandhom benefiċċji għas-saħħa, huma assoċjati mal-enerġija u l-vitalità jew ikollhom proprjetajiet koloranti.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, li l-imsemmija linji gwida parzjali jistabbilixxu biss distinzjoni bejn it-togħmiet differenti li jistgħu jiżdiedu fil-prodotti tat-tabakk. Għall-kuntrarju, huwa rrakkomandat, fil-punt 3.1.2.2 ta’ dawn l-istess linji gwida parzjali, li jiġi rregolat, billi jiġi imitat jew ipprojbit, l-użu ta’ ingredjenti li jistgħu jtejbu t-togħma tal-prodotti tat-tabakk. Hemm riferiment espliċitu għall-mentol bħala togħma li tgħatti l-ħruxija tat-tipjip tat-tabakk billi tikkontribwixxi sabiex jiġi promoss u miżmum it-tipjip.

45

Jekk huwa eżatt li l-linji gwida tal-FCTC ma għandhomx saħħa vinkolanti, dawn għandhom bħala għan, konformement mal-Artikoli 7 u 9 tal-FCTC, li jassistu lill-partijiet kontraenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet vinkolanti ta’ din il-Konvenzjoni.

46

Barra minn hekk, dawn il-linji gwida huma bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli kif ukoll fuq l-esperjenza tal-partijiet tal-FCTC, kif jirriżulta mill-punt 1.1 tagħhom, u ġew adottati b’kunsens, inklużi mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, kif huwa rrilevat fil-premessa 7 tad-Direttiva 2014/40.

47

Għaldaqstant, ir-rakkomandazzjonijiet hekk żviluppati huma maħsuba sabiex jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni fil-qasam inkwistjoni, kif evidenzjat mid-deċiżjoni espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeħodhom inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tad-direttiva, kif ġie kkonstatat fil-premessi 7 u 15 tad-Direttiva 2014/40.

48

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, kemm jekk hija mentol jew togħma oħra, juru, minn naħa, karatteristiċi oġġettivi analogi, u, min-naħa l-oħra, effetti simili fuq il-bidu tal-konsum tat-tabakk u ż-żamma tat-tipjip.

49

F’dan ir-rigward, l-oġġezzjonijiet magħmula mir-Repubblika tal-Polonja ma jistgħux jirnexxu.

50

Fil-fatt, inizjalment, il-fatt li l-prodotti tat-tabakk tal-mentol huma prodotti “tradizzjonali” minħabba l-preżenza tagħhom għal żmien twil fis-suq Ewropew, ma tbiddel xejn mill-konstatazzjoni li l-karatteristiċi oġġettivi tagħhom huma, essenzjalment, simili għal dawk ta’ prodotti tat-tabakk oħra li fihom togħma karatterizzanti, peress li t-togħma tagħhom tgħatti jew tnaqqas il-ħruxija tad-duħħan tat-tabakk.

51

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-Konklużjonijiet tagħha, jista’ jkun iġġustifikat li ċerti prodotti jkunu ttrattati b’mod iktar strett (sentenzi Arnold André, C-434/02, EU:C:2004:800, punt 69, u Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 71), madankollu dan ma jistax iwassal għall-argument kuntrarju li għal prodotti diġà stabbiliti fis-suq, għandhom, minħabba din ir-raġuni waħedha, jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni inqas stretti.

52

Sussegwentement, anki jekk wieħed jassumi li biex tiġi pprovata l-allegazzjoni li l-mentol ma huwiex daqstant attraenti għaż-żgħażagħ minn togħmiet oħra, li huwa dak li qegħdin jikkontestaw il-konvenuti, dan huwa bħala tali, inkonklussiv. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li l-attrazzjoni tal-prodotti inkwistjoni ma tistax tiġi evalwata fir-rigward biss tal-gosti u d-drawwiet ta’ grupp wieħed biss ta’ konsumaturi b’mod iżolat minn oħrajn.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li, skont it-Taqsimiet 3.1.2.1 u 3.1.2.2 tal-linji gwida parzjali għall-implementazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC, il-mentol, bit-togħma pjaċevoli tiegħu, intiż li jagħmel il-prodotti tat-tabakk iktar attraenti għall-konsumaturi u li t-tnaqqis tal-attrazzjoni ta’ dawn il-prodotti jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tipjip u għad-dipendenza kemm fost il-konsumaturi ġodda kif ukoll fost il-konsumaturi abitwali.

54

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni skont liema l-kwalitajiet gustattivi tal-prodotti tat-tabakk tal-mentol huma differenti minn dawk ta’ prodotti tat-tabakk oħra li għandhom togħma karatterizzanti peress li tal-ewwel, b’mod differenti mit-tieni, ma jeliminawx kompletament it-togħma u r-riħa tat-tabakk, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex stabbilit biżżejjed. Fil-fatt, jekk ma jistax jiġi eskluż li ċerti togħmiet jibdlu fi gradi differenti t-togħma u r-riħa tat-tabakk, jibqa’ l-fatt li t-togħmiet kollha, inkluż il-mentol, jgħattu jew inaqqsu l-ħruxija tad-duħħan tat-tabakk u jikkontribwixxu għall-promozzjoni u ż-żamma tat-tipjip, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, fir-realtà, għandu t-tendenza li jistabbilixxi differenzi fit-trattament mhux iġġustifikati fi ħdan l-istess kategorija ta’ prodotti tat-tabakk li l-karatteristiċi oġġettivi u l-effetti tagħhom huma simili.

56

Għalhekk, sabiex l-Artikolu 114 TFUE jista’ jikkostitwixxi bażi legali xierqa għad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2014/40, huwa biżżejjed li tintwera l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-prodotti tat-tabakk li jkun fihom togħma karatterizzanti, meta kkunsidrati flimkien, li jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti, jew il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ tali diverġenzi fil-futur.

57

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argument li jgħid li l-projbizzjoni prevista fil-premessa 15 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mill-analiżi tal-impatt imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, (il-parti 1, p. 34, u l-parti 4, p. 6 et seq), li meta d-direttiva kienet adottata kienu jeżistu diverġenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, billi xi wħud minnhom kienu stabbilixxew listi differenti ta’ togħmiet permessi jew ipprojbiti, filwaqt li oħrajn ma kinux adottaw leġiżlazzjoni speċifika dwar dan il-punt.

58

Barra minn hekk, jidher probabbli li, fl-assenza ta’ miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni, kienu ser jiġu implementati fil-livell nazzjonali sistemi differenti applikabbli għall-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, inkluż il-mentol.

59

Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Linji gwida parzjali għall-implementazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC jirrakkomandaw lill-partijiet li “jirregolaw, billi jillimitaw jew jipprojbixxu, l-użu tal-ingredjenti li jistgħu jintużaw biex itejbu t-togħma tal-prodotti tat-tabakk”, inkluż il-mentol.

60

Filwaqt li jħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-partijiet kontraenti, dawn il-linji gwida parzjali jippermettu li jiġi previst, bi probabbiltà suffiċjenti, li fl-assenza ta’ miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam ikunu jistgħu jevolvu b’mod eteroġenu, inkluż f’dak li jirrigwarda l-użu tal-mentol.

61

Billi jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 jimpedixxi preċiżament tali żvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.

62

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda, l-argument skont liema d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex intiżi li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 114 TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-suq tal-prodotti tat-tabakk huwa suq li fih il-kummerċ bejn Stati Membri jirrappreżenta parti relattivament kbira u li, għaldaqstant, ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu suġġetti għalihom dawn il-prodotti, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kompożizzjoni tagħhom, jistgħu min-natura tagħhom, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punt 64].

63

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 114 TFUE jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu fil-projbizzjoni, provviżorja jew definittiva, tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott wieħed jew ta’ ċerti prodotti.

64

Għaldaqstant, l-eliminazzjoni ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-prodotti tat-tabakk jew il-prevenzjoni tal-evoluzzjoni eteroġena tagħhom, inkluż bi projbizzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ċerti addittivi, hija intiża sabiex tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti kkonċernati.

65

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegazzjoni skont liema l-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti ma jwasslux għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern iżda, kuntrarjament, għat-tnissil ta’ diverġenzi fil-qasam fil-livell nazzjonali waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/40 minħabba l-impreċiżjoni tal-kunċett ta’ “togħma karatterizzanti”, għandu jiġi rrilevat li din hija ddefinita fl-Artikolu 2(25) ta’ din id-direttiva bħala: “riħa jew togħma oħra għajr ta’ tabakk li tista’ tiġi nnotata b’mod ċar, li tirriżulta minn addittiv jew taħlita ta’ addittivi, li tinkludi iżda mhijiex limitata għal frott, ħwawar, ħxejjex aromatiċi, alkoħol, ħelu, mentol jew vanilla, li tista’ tiġi osservata qabel jew matul il-konsum tal-prodott tat-tabakk”.

66

L-Artikolu 7(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva, jipprevedi tliet mekkaniżmi li għandhom bħala għan id-determinazzjoni tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma. Għalhekk, l-ewwel nett, skont l-Artikolu 7(2), il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ Stat Membru, jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddetermina permezz ta’ atti ta’ implementazzjoni jekk prodott tat-tabakk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti. It-tieni nett, il-Kummissjoni, konformement mal-paragrafu (3) tal-istess artikolu, għandha tadotta atti ta’ implementazzjoni li jistabbilixxu regoli uniformi tal-proċeduri biex jiġi determinat jekk prodott jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni. It-tielet nett, fejn il-livell ta’ kontenut jew konċentrazzjoni ta’ ċerti addittivi jew taħlita tagħhom irriżulta fi projbizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq f’tal-inqas tliet Stati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 biex tistabbilixxi livelli ta’ kontenut massimi applikabbli għal dawn l-addittivi jew għal taħlita ta’ addittivi li jirriżultaw fit-togħma karatterizzanti.

67

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija mekkaniżmi huma intiżi preċiżament li jistabbilixxu regoli komuni fil-qasam ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti bil-għan li jipprevjenu l-ħolqien eventwali ta’ diverġenzi waqt it-traspożizzjoni jew l-applikazzjoni tal-istess direttiva jew li jiġu eliminati dawn id-diverġenzi f’każ li jinħolqu.

68

Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 114 TFUE jikkonferixxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi.

69

F’dan il-każ, xejn ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma osservax din is-setgħa diskrezzjonali meta stabbilixxa l-mekkaniżmi deskritti fil-punt 66 ta’ din is-sentenza. Kuntrarjament, dawn il-mekkaniżmi dinamiċi juru vantaġġi fir-rigward għall-adozzjoni, irrakkomandata mir-Repubblika tal-Polonja, ta’ listi ta’ togħmiet projbiti jew awtorizzati, li jistgħu jsiru rapidament skaduti mill-evoluzzjoni kostanti ta’ strateġiji kummerċjali ta’ manifatturi jew jiġu faċilment evitati.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 114 TFUE, għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

– L-argumenti tal-partijiet

71

Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Rumanija jsostnu, l-ewwel nett, li l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk tal-mentol ma jikkostitwixxix miżura li tista’ twettaq l-għanijiet mixtieqa mid-Direttiva 2014/40, peress li, minħabba l-motivi indikati fl-aħħar sentenza tal-punt 25 ta’ din is-sentenza, hija twassal għat-tnissil ta’ ostakoli għall-kummerċ. Barra dan, din il-projbizzjoni ma tistax tkun xierqa sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa peress li, minn naħa, il-prodotti tat-tabakk tal-mentol ma humiex attraenti għaż-żgħażagħ daqs il-prodotti l-oħra tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, u li min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tagħhom ma tirriżultax fi tnaqqis sinjifikattiv tan-numru ta’ persuni li jpejpu, li parti kbira minnhom imorru, probabbilment, lejn prodotti tat-tabakk mingħajr togħma karatterizzanti. Barra minn hekk, il-projbizzjoni inkwistjoni tista’ tikkawża t-tkabbir tal-bejgħ illegali tal-prodotti pprojbiti.

72

It-tieni nett, dawn l-Istati Membri jikkritikaw lil-leġiżlatur tal-Unjoni li impona l-miżura l-iktar vinkolanti mingħajr ma studja l-possibbiltà li jippreferi miżuri oħra inqas restrittivi, fil-livell tal-Unjoni, bħalma huma, iż-żieda tal-limiti ta’ età li minnha l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk tal-mentol huwa permess, il-projbizzjoni ta’ bejgħ transkonfinali ta’ dawn il-prodotti u l-inklużjoni fuq it-tikketta tagħhom ta’ twissija li tindika li dawn huma wkoll ta’ ħsara daqs il-prodotti l-oħra tat-tabakk.

73

It-tielet nett, fil-fehma tal-imsemmija Stati Membri, l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk tal-mentol, f’termini ta’ telf ta’ impjiegi u ta’ dħul, huma sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi eventwali li jistgħu jirriżultaw minn din il-projbizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti Stati membri, fosthom il-Polonja, fejn il-manifattura u l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk tal-mentol huma kbar.

74

Il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Renju Unit isostnu li l-projbizzjoni inkwistjoni tista’ tikseb l-għan mixtieq mid-Direttiva 2014/40.

75

Huma jikkunsidraw li l-ebda waħda mill-miżuri inqas restrittivi rrakkomandati mir-Repubblika tal-Polonja ma tista’ tikseb l-għan intiż b’mod daqstant effikaċi.

76

Skont il-Parlament, is-sempliċi fatt li l-projbizzjoni inkwistjoni tista’ timplika spejjeż kbar f’ċerti Stati Membri iktar milli f’oħra ma huwiex biżżejjed sabiex turi n-natura sproporzjonata ta’ din il-projbizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-effetti tal-imsemmija projbizzjoni fis-suq tal-prodotti tat-tabakk ma humiex daqstant kbar kif qiegħed jiġi allegat, inkunsiderazzjoni tal-fatt, minn naħa, li ħafna persuni li jpejpu jduru għall-prodotti tat-tabakk mingħajr togħma u, min-naħa l-oħra, li l-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 jippermetti lill-operaturi li jadattaw ruħhom għar-regoli ġodda.

77

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jżidu li, skont l-analiżi tal-impatt, il-projbizzjoni inkwistjoni twassal fi tnaqqis ta’ 0.5 % sa 0.8 % tal-konsum ta’ sigaretti f’ħames snin, li mhux probabbli li tirriżulta fl-okkorrenza ta’ konsegwenzi sproporzjonati għall-industrija tat-tabakk. Barra minn hekk, ċerti konsegwenzi negattivi tal-projbizzjoni inkwistjoni jistgħu jiġu kkumpensati permezz ta’ miżuri ta’ sostenn finanzjarju mogħtija taħt il-programm ta’ żvilupp rurali.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda vinkolanti, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punt 122; ERG et, C-379/08 u C-380/08, EU:C:2010:127, punt 86, kif ukoll Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 6791].

79

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu diskrezzjoni wiesgħa f’qasam, bħal dak f’dan il-każ, li jimplika għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom l-intenzjoni li jiksbu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punt 123].

80

L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura xierqa tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom il-mentol bħala togħma karatterizzanti, għandu jiġi rrilevat li din, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40, għandha għan doppju, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa waħda, li kif jirriżulta mill-punti 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti tista’ tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati.

82

Min-naħa l-oħra, din il-projbizzjoni hija wkoll xierqa sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li ċerti togħmiet huma partikolarment attraenti għal dawn tal-aħħar u li jiffaċilitaw l-inizjazzjoni għall-konsum tat-tabakk.

83

L-argument tar-Repubblika tal-Polonja li huwa intiż li juri, minn naħa, li ż-żgħażagħ ma humiex attratti lejn il-mentol b’tali mod li l-użu tiegħu ma jiffaċilitax l-inizjazzjoni tal-konsum tat-tabakk, u, min-naħa l-oħra, li l-projbizzjoni ta’ din it-togħma ma tikkontribwixxix għat-tnaqqis ta’ persuni li jpejpu, ma jistax jintlaqa’.

84

Fil-fatt, dan l-argument huwa ineffettiv, peress li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ validament jissuġġetta t-togħmiet karatterizzanti kollha għall-istess sistema legali. Għaldaqstant, l-adegwatezza ta’ din il-projbizzjoni sabiex tikseb l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li din issegwi ma jistax jiġi kkontestat biss għal togħma speċifika.

85

Barra minn hekk, skont il-linji gwida parzjali għall-implementazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC, li, minħabba l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrikonoxxut valur probatorju partikolarment għoli, il-mentol, fost togħmiet oħra, jikkontribwixxi għall-promozzjoni u ż-żamma tat-tipjip u huwa intiż, permezz tan-natura pjaċevoli tiegħu, li jrendi l-prodotti tat-tabakk iktar attraenti għall-konsumaturi.

86

Madankollu, id-Direttiva 2014/40 hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għall-konsumaturi kollha, b’tali mod li l-adegwatezza tagħha sabiex tilħaq dan l-għan ma tistax tiġi evalwata biss fir-rigward ta’ kategorija waħda ta’ konsumaturi.

87

Barra dan, l-argument skont liema l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom il-mentol ma tikkontribwixxix għat-tnaqqis tan-numru ta’ persuni li jpejpu, jekk jiġi preżunt, ma jistax jiġi milqugħ peress li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-funzjoni ta’ din il-projbizzjoni li hija li tnaqqas l-inizjazzjoni għall-konsum tat-tabakk.

88

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument skont liema l-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti tikkawża t-tkabbir tal-bejgħ klandestin tal-prodotti tat-tabakk aromatizzati, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jiħux inkunsiderazzjoni suffiċjentement tal-mekkaniżmi stabbiliti bid-Direttiva 2014/40, b’mod partikolari fl-Artikoli 15 u 16, sabiex jiġi indirizzat dan ir-riskju.

89

Għaldaqstant, l-imsemmija projbizzjoni ma tistax titqies li hija manifestament mhux xierqa sabiex tikseb l-għan li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

90

It-tieni nett, fir-rigward tan-natura neċessarja tal-istess projbizzjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-linji gwida parzjali għall-implementazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC jirrakkomandaw lill-parties tal-FCTC, b’mod partikolari, li tipprojbixxi l-użu ta’ ingredjenti, bħalma huwa l-mentol, li jista’ jtejjeb it-togħma tal-prodotti tat-tabakk. Barra dan, konformement mat-Taqsima 1.1 ta’ dawn il-linji gwida parzjali, il-partijiet għal din il-Konvenzjoni Qafas huma inkoraġġuti li japplikaw il-miżuri lil hinn minn dawk irrakkomandati mill-imsemmija direttivi.

91

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ leġittimament, inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jimponi projbizzjoni ta’ kull togħma karatterizzanti.

92

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-miżuri inqas restrittivi rrakkomandati mir-Repubblika tal-Polonja, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jidhrux li huma daqstant adegwati sabiex jiksbu l-għan segwit.

93

Fil-fatt, iż-żieda fil-limitu tal-età li minnha huwa permess il-konsum tagħhom biss għall-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, ma jistax inaqqas l-attrazzjoni ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, li jipprevjeni l-inizjazzjoni għall-konsum tat-tabakk ta’ persuni li l-età tagħhom hija fuq il-limitu magħżul. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ bejgħ li jirriżulta minn tali żieda fil-limitu ta’ età tista’, fi kwalunkwe każ, tiġi faċilment evitata waqt il-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti.

94

Il-possibbiltà ta’ projbizzjoni tal-bejgħ transkonfinali tal-prodotti tat-tabakk, bħal tali, hija diġà prevista fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40. Kif jirriżulta wkoll mill-premessa 33 tagħha, din il-projbizzjoni hija intiża b’mod partikolari li tipprevjeni l-evitar tar-regoli ta’ konformità tal-prodotti tat-tabakk stabbiliti minn din id-direttiva. Madankollu, hija ma hijiex, bħala tali, adegwata sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, peress li, fl-assenza ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, dawn jibqgħu jattiraw il-konsumaturi.

95

Fir-rigward għall-inklużjoni fuq it-tikketta ta’ twissija tas-saħħa li tindika li l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti jagħmlu ħsara lis-saħħa daqs il-prodotti tat-tabakk l-oħra, din ma tidhirx li hija adegwata li tipproteġi s-saħħa tal-konsumaturi daqs il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom tali aroma, peress li l-preżenza ta’ din l-aroma tista’ min-natura tagħha tippromwovi u żżomm it-tipjip, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza.

96

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti ma tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan intiż.

97

Fir-rigward, It-tielet nett, tal-effetti allegatament sproporzjonati tal-projbizzjoni tal-użu tal-mentol bħala togħma karatterizzanti, minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi li twassal għalihom din il-projbizzjoni, għandu jitfakkar li, anki fil-preżenza, bħal f’dan il-każ, ta’ setgħa leġiżlattiva wiesgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u li jeżamina jekk l-għanijiet segwiti mill-miżura magħżula tiġġustifikax il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-176/09, EU:C:2011:290, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Fil-fatt, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2) fuq l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u ta’ Proporzjonalità anness mat-Trattat UE u mat Trattat FUE, l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi għandu jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat li kwalunkwe oneru fuq l-operaturi ekonomiċi jiġi mminimizzat u proporzjonat għall-għan li għandu jintlaħaq.

99

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni żgura li l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti jiġu attenwati.

100

Għalhekk, l-ewwel nett, sabiex jingħata kemm lill-industrija tat-tabakk kif ukoll lill-konsumaturi perijodu ta’ adattament, l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti partikolari, li l-volum ta’ bejgħ tagħhom fil-livell tal-Unjoni jirrappreżenta 3 % jew iktar fil-kategorija ta’ prodotti speċifiċi, il-projbizzjoni ta’ dawn il-prodotti tapplika biss mill-20 ta’ Mejju 2020.

101

It-tieni nett, mill-analiżi tal-impatt (parti 1, p. 114 u parti 6, p. 2), jirriżulta b’mod mhux ikkontestat fuq dan il-punt, li din il-projbizzjoni tissarraf fi tnaqqis ta’ 0.5 % sa 0.8 % tal-konsum ta’ sigaretti fl-Unjoni fuq perijodu ta’ ħames snin.

102

Dawn il-provi juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, il-konsegwenzi ekonomiċi tal-imsemmija projbizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jiġi żgurat, konformement mal-Artikolu 114(3) TFUE, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa f’dak li jirrigwarda prodott ikkaratterizzat mill-proprjetajiet karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni.

103

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li s-sempliċi fatt li att leġiżlattiv tal-Unjoni jista’ jaffettwa Stat Membru iktar minn oħrajn ma jistax jitqies li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sakemm il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 78 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti. Fil-fatt, id-Direttiva 2014/40 għandha impatt fl-Istati Membri kollha u teħtieġ li jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti, inkunsiderazzjoni tal-għanijiet segwiti f’din id-direttiva. Għaldaqstant, it-tfittxija għal tali bilanċ, li tieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-508/13, EU:C:2015:403, punt 39).

104

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

– L-argumenti tal-partijiet

105

Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Rumanija jsostnu li l-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandha titwettaq biss fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, peress li, fl-assenza ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tabakk tal-mentol, kif intwera fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-għan ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern ma għadx għandu skop.

106

Inkunsiderazzjoni ta’ differenzi sinjifikattivi fil-konsum ta’ dawn il-prodotti bejn l-Istati Membri, l-effetti soċjali, ekonomiċi u fuq is-saħħa pubblika tal-projbizzjoni tagħhom kien essenzjalment ta’ natura lokali b’tali mod li azzjoni meħuda fil-livell tal-Istati Membri li fihom il-konsum tal-imsemmija prodotti huwa sinjifikattiv, kien ikun iktar effikaċi.

107

Barra dan, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li d-dikjarazzjoni tal-premessa 60 tad-Direttiva 2014/40 hija formulazzjoni standard nieqsa minn portata konkreta fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

108

Il-Parlament, il-Kunsill, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu li l-argument li fuqu huwa bbażat it-tielet motiv huwa ineffettiv fl-intier tiegħu peress li, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, l-imsemmija direttiva ma għandhiex bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa pubblika iżda t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

109

Madankollu, kien ġie pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt, b’mod partikolari fl-analiżi tal-impatt, imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li d-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jiġġustifikaw azzjoni fil-livell tal-Unjoni bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern. Il-fatt li l-konsegwenzi ta’ din il-leġiżlazzjoni jinħassu b’iktar saħħa f’ċerti Stati Membri milli f’oħra ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ġie miksur.

110

Fir-rigward tal-motivazzjoni tar-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-Parlament, il-Kunsill, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-premessa 60 tad-Direttiva 2014/40, iżda wkoll il-premessi 4, 7, 15 u 16 tagħha, li, anki jekk ma jagħmlux riferiment għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, juru n-neċessità ta’ azzjoni fuq livell tal-Unjoni.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ddikjarat fl-Artikolu 5(3) TUE, li jistabbilixxi li f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss, jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mill-Unjoni. Barra minn hekk, il-Protokoll (Nru 2) fuq l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u ta’ Proporzjonalità, tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE, fl-Artikolu 5 tiegħu, jistabbilixxi linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti (sentenza Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-508/13, EU:C:2015:403, punt 44).

112

L-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jiġi eżerċitat, inizjalment, fil-livell politiku, mill-parlamenti nazzjonali skont il-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan minn dan il-protokoll.

113

Sussegwentement, dan l-istħarriġ jirritorna għand il-qorti tal-Unjoni, li għandha tivverifika kemm l-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 5(3) TUE kif ukoll l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti minn dan il-protokoll.

114

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi previsti fl-Artikolu 5(3) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni setax jikkunsidra, fuq il-bażi ta’ elementi dettaljati, li l-għan tal-azzjoni proposta setax jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni.

115

F’dan il-każ, fir-rigward ta’ qasam, bħat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, li ma huwiex fost dawk li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/40 setax jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 179180].

116

F’dan ir-rigward, u kif issemma fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva għandha għan doppju, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

117

Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li t-tieni parti ta’ dan l-għan tista’ tintlaħaq aħjar fil-livell tal-Istati Membri, kif tallega r-Repubblika tal-Polonja, jikkonsolida, jekk ma jikkawżax, sitwazzjonijiet li fihom ċerti Stati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom ċerti togħmiet karatterizzanti, filwaqt li oħrajn jipprojbixxuhom biex b’hekk imorru għall-oppost preċiż tal-għan prinċipali tal-istess direttiva, jiġifieri t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati.

118

Mill-interdipendenza taż-żewġ għanijiet intiżi mid-Direttiva 2014/40 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis leġittimament li l-azzjoni tiegħu kellha tinkludi wkoll sistema ta’ tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti u li, minħabba din l-interdipendenza, dan l-għan doppju seta’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 78, kif ukoll L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-508/13, EU:C:2015:403, punt 48).

119

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma għandux l-għan li jillimita l-kompetenza tal-Unjoni skont is-sitwazzjoni ta’ xi Stat Membru partikolari meħud individwalment, iżda jimponi biss li l-azzjoni proposta tista’, minħabba d-dimensjoni jew l-effetti tagħha, tinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, fid-dawl tal-għanijiet tagħha, elenkati fl-Artikolu 3 TUE u d-dispożizzjonijiet speċifiċi għal diversi oqsma, b’mod partikolari għas-suq intern, imsemmija mit-trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 53).

120

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-provi għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jurux, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, li l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk tal-mentol iseħħ essenzjalment fil-Polonja, fl-Islovakkja u fil-Finlandja, fil-waqt li jkun negliġibbli fl-Istati Membri l-oħra. Fil-fatt, skont l-informazzjoni esposta mir-Repubblika tal-Polonja fir-rikors tagħha, f’ta’ mill-inqas tmien Stati Membri oħra, il-parti tas-suq nazzjonali ta’ dawn il-prodotti hija ikbar mill-parti tas-suq fil-livell tal-Unjoni.

121

Għaldaqstant, l-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Polonja intiżi sabiex juru li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem setgħet tintlaħaq aħjar fil-livell nazzjonali f’dak li jirrigwarda speċifikament il-projbizzjoni tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom il-mentol, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-effetti ta’ dawn il-prodotti huma limitati għal numru żgħir ta’ Stati Membri, għandu jiġi miċħud.

122

It-tieni nett, fir-rigward, tal-osservanza tar-rekwiżiti formali, u b’mod partikolari tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tal-att ikkontestat, iżda wkoll mill-kuntest u miċ-ċirkustanzi tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-508/13, EU:C:2015:403, punt 61).

123

F’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li l-proposta ta’ Direttiva 2014/40 ippreżentata mill-Kummissjoni, kif ukoll l-analiżi tal-impatt stabbilita minnha, jinkludu biżżejjed provi li juru b’mod ċar u mhux ekwivoku l-vantaġġi marbuta ma’ azzjoni meħuda fil-livell tal-Unjoni, pjuttost milli mill-Istati Membri.

124

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-provi li ppermettew kemm lil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali li jevalwaw jekk l-imsemmija proposta hijiex konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, filwaqt li jkunu ta’ natura li jippermettu lill-individwi li jieħdu konjizzjoni tar-raġunijiet li jirrelataw ma’ dan il-prinċipju u għall-Qorti tal-Ġustizzja li tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

125

Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-Repubblika tal-Polonja pparteċipat, skont il-modalitajiet previsti mit-Trattat FUE, fil-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, li hija indirizzata lilha bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra rrappreżentati fil-Kunsill. Għaldaqstant, hija ma tistax validament tinvoka minn dan li l-Parlament u l-Kunsill, l-awturi ta’ din id-direttiva, ma setgħux ikunu f’pożizzjoni li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-għażla tal-miżuri li jkunu biħsiebhom jadottaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-508/13, EU:C:2015:403, punt 62).

126

Għalhekk, it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu jiġi miċħud.

127

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tar-rikors tagħha ma seta’ jintlaqa’, dan għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

128

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Rumanija, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

L-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Rumanija u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.