SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Provvisti — Speċifikazzjonijiet tekniċi — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni — Obbligu ta’ trasparenza — Riferiment għal prodott tad-ditta — Evalwazzjoni tan-natura ekwivalenti ta’ prodott propost minn offerent — Waqfien tal-manifattura ta’ prodott ta’ riferiment”

Fil-Kawża C‑278/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2014, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

SC Enterprise Focused Solutions SRL

vs

Spitalul Județean de Urgență Alba Iulia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134, p. 114, u rettifika ĠU 2004, L 351, p. 44), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1251/2011 tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 319, p. 43, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 2004/18”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC Enterprise Focused Solutions SRL (iktar ‘il quddiem “EFS”) u Spitalul Județean de Urgență Alba Iulia (sptar reġjonali ta’ emerġenzi ta’Alba Iulia) fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tiċħad l-offerta magħmula minn EFS fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18 hija fformulata kif ġej:

“L-għoti ta’kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu dispożiżżjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet kordinati għandhom għalhekk jiġu interpretati skont ir-regoli imsemmija iktar qabel u l-prinċipji u regoli oħra tat-Trattat”.

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”:

“L-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

5

Konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, dan huwa applikabbli b’mod partikolari għal kuntratti pubbliċi għal provvisti li jkollhom valur, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, (iktar ‘il quddiem il-“VAT”) ta’ jew iktar minn EUR 200000 fir-rigward ta’ kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti, minbarra dawk mogħtija mill-awtoritajiet governattivi ċentrali msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva.

6

Il-kunċett ta’ “speċifikazzjonijiet tekniċi” huwa ddefinit fit-taqsima 1(b) tal-Anness VI tad-Direttiva 2004/18 kif ġej:

“speċifikazzjoni teknika, fil-każ ta’ fornitura pubblika jew kuntratti ta’ servizz, tfisser speċifikazzjoni li tagħti tifsira għall-karatteristiċi rikjesti ta’ prodott jew ta’ servizz, bħal livelli ta’ kwalità, livell ta’ eżekuzzjoni ambjentali, disinn għal kull rikjesta (inkluż l-accessibilità għal persuni b’disabbiltà) assessjar ta’ konformità, eżekuzzjoni, użu tal-prodott, sigurtà u dimensjonijiet inkluż ir-rikjesti rilevanti għall-prodott rigward l-isem taħt liema l-prodott huwa mibjugħ, terminoloġija, simboli, metodi u ta’ ttestjar u testijiet, ippakkettar, l-immarkar u t-tikkettar, instruzzjonijiet għal min se jużah, proċessi u metodi ta’ produzzjoni u proċessi ta’ assessjar dwar konformità”.

7

Skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva:

“[...]

2.   Speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali għal dawk li jixħtu l-offerti u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakli mhux ġustifikati għal ftuħ ta’ dispożizzjoni pubbliku għal kompetizzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli Tekniċi nazzjonali obbligatorji, safejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, l-ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għandhom ikunu formulati:

a)

jew b’riferenza għal speċifikazzjonijiet Tekniċi definit fl-Anness VI u, f’ordni ta’ preferenza, għal bdil ta’ Standards nazzjonali ma’ bdil ta’ Standards Ewropej, approvazzjonijiet Tekniċi Ewropej, speċifikazzjonijiet Tekniċi komuni, Standards internazzjonali, sistemi oħra ta’ referenza teknika stabbiliti mill-korpi standardizzanti Ewropej jew — fejn ma jeżistux — skont Standards nazzjonali, approvazzjonijiet Tekniċi nazzjonali jew speċifikazzjonijiet Tekniċi nazzjonali relatati mat-tifsil, kalkolu u twettiq tax-xogħlijiet u użu tal-prodotti. Kull riferenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem “jew ekwivalenti”;

b)

jew f’termini ta’ twettiq jew ħtiġijiet funzjonali; ta’ l-aħħar jistgħu jinkludu karatteristiċi ambjentali. Madankollu, parametri bħal dawn għandhom ikunu preċiżi biżżejjed li jippermettu lil dawk li jixħtu l-offerti biex jiddeterminaw il-kontenut suġġettiv tal-kuntratt u li jippermettu awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] li jagħtu l-kuntratt;

c)

jew f’termini ta’ twettiq jew ħtiġijiet funzjonali kif imsemmija fis-sub-paragrafu (b), b’riferenza għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fis-sub-paragrafu (a) bħala mezz biex tiġi preżunta konformità ma’ twettiq bħal dan jew ħtiġijiet funzjonali;

d)

jew billi jsir riferiment għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmijin fis-sub-paragrafu (a) għal ċerti karatteristiċi, u billi jsir riferiment għat-twettiq jew ħtiġijiet funzjonali, imsemmijin fis-sub-paragrafu (b) għal karatteristiċi oħra.

[...]

8.   Jekk ma jkunux ġustifikati bil-kontenut suġġettiv tal-kuntratt, speċifikazzjonijiet Tekniċi m’għandhomx jirreferu għal għamla jew sors, jew proċess partikolari, jew marki ta’ ditta, dokumenti ta’ dritt, tipi jew oriġini speċifiku jew produzzjoni bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti intrapriżi jew ċerti prodotti. Riferenza bħal din għandha tkun permessa fuq bażi eċċezzjonali, fejn deskrizzjoni preċiża biżżejjed u tinftiehem tal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt fis-segwiment ta’ paragrafi 3 u 4 mhijiex possibli; referenza bħal din għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti'”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fl-20 ta’ Novembru 2013, Spitalul Județean de Urgență Alba Iulia nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti online bl-iskop li tikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ sistemi u materjali informatiċi. Il-valur stmat ta’ dan il-kuntratt kien jammonta għal 259750 lei Rumeni (RON) eskluża l-VAT. Dan huwa ekwivalenti għal madwar EUR 58600.

9

Id-dokumenti tal-kuntratt jispeċifikaw, f’dak li jirrigwarda l-qafas ċentrali tas-sistema informatika, li l-proċessur għandu jkun konformi ‘bħala minimu’ ma’ proċessur “Intel Core i5 3 2 GHz jew l-ekwivalenti tiegħu”.

10

L-offerta preżentata minn EFS tinkludi proċessur tal-marka AMD u tat-tip Quad Core A8-5600k, b’sitt cores, bi frekwenza standard ta’ 3.6 GHz u bi frekwenza “turbo” ta’ 3.9 GHz.

11

Din l-offerta ġiet miċħuda għar-raġuni li ma kinitx tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt. L-awtorità kontraenti waslet għal din il-konklużjoni wara li kkonstatat, wara konsultazzjoni mas-sit internet tat-trade mark Intel, li l-proċessuri tat-tip Core i5 bi frekwenza ta’ 3.2 GHz tal-ewwel u tat-tieni ġenerazzjoni (Core i5-650) ma kinux għadhom jiġu prodotti jew immonitorjati minn dan il-manifattur, għalkemm kienu għadhom disponibbli kummerċjalment, u li l-proċessur tal-istess tip li issa qed jiġi prodott mill-istess manifattur u li għandu frekwenza ta’ mill-inqas 3.2 GHz kien il-proċessur tat-tielet ġenerazzjoni. Huwa b’relazzjoni ma’ dan il-proċessur tat-tielet ġenerazzjoni, li għandu prestazzjoni superjuri għall-proċessur propost minn EFS, li dan tal-aħħar ġie ddikjarat li ma kienx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt.

12

EFS ressqet ilment quddiem il-Consiliul Național de Soluționare a Contestațiilor (bord nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-ilmenti) kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-offerta tagħha, bl-argument li l-prestazzjoni tal-proċessur previst fl-offerta hija superjuri għal dik tal-proċessur imsemmi fil-kuntest tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt, jiġifieri Intel Core i5-650, ta’ 3.2 GHz. Huwa paċifiku li l-proċessur propost minn EFS huwa effettivament superjuri minn dak tat-trade mark Intel tat-tip Core i5-650. Peress li dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2014, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’Alba Iulia).

13

F’dan il-kuntest, il-Curtea de Apel Alba Iulia ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fejn l-awtorità kontraenti tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodott li huwa suġġett tal-kuntratt b’riferenza għal prodott ta’ marka kummerċjali partikolari, l-Artikolu 23(8), tad-Direttiva 2004/18[...] għandu jiġi interpretat fi-sens l l-karatteristiċi ta’ prodott propost [minn offerent u preżentat bħala] ekwivalenti għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tal- [karatteristiċi] tal-prodotti preżentement manifatturati [mill-manifattur fejn il-prodott kien użat bħala riferenza għas-speċifikazzjonijiet tekniċi konċernati] jew dawn il-karatteristiċi jistgħu wkoll jiġu evalwati ugwalment fid-dawl tal-prodotti [ta’ dan il-manifattur] li jeżistu fis-suq, iżda li l-manifattura tagħhom tkun waqfet?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li d-Direttiva 2004/18 hija applikabbli għall-kuntest tal-kawża prinċipali, mingħajr madankollu ma tipprovdi elementi li minnhom tirriżulta l-applikabbiltà ta’ dan l-att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.

15

Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-proċeduri partikolari u rigorużi previsti mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi japplikaw biss għal dawk il-kuntratti li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu previst espressament f’kull waħda minn dawn id-direttivi. Għalhekk, ir-regoli ta’ dawn id-direttivi ma japplikawx għall-kuntratti li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limitu stabbilit minnhom (sentenza SECAP u Santorso, C‑147/06 u C‑148/06, EU:C:2008:277, punt 19, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18, li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, ma huwiex applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-valur, eskluża l-VAT, tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni huwa ta’ EUR 58600, filwaqt li l-limitu rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif stipulat fl-Artikolu 7(b) tagħha, huwa ta’ EUR 200000.

16

Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-għoti ta’ kuntratti li, fid-dawl tal-valur tagħhom, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huma madankollu suġġetti għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u kif ukoll tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnhom, bil-kundizzjoni li dawn il-kuntratti jkollhom xi interess transkonfinali fir-rigward ta’ ċerti kriterji oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17

Issa, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tagħmel ebda riferiment dirett għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju, minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi tweġiba utli għall-qorti li tkun indirizzat lilha domanda preliminari, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda preliminari tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Medipac – Kazantzidis, C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 34).

18

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx l-elementi neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifka jekk, fil-kawża prinċipali, jeżistix interess transkonfinali ċert. Issa, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha tkun tista’ ssib fit-talba għal deċiżjoni preliminari espożizzjoni tal-fatti li fuqhom id-domandi jkunu bbażati kif ukoll tar-rabta li hemm b’mod partikolari bejn dawn il-fatti u dawn id-domandi. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-elementi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza ta’ xi interess transkonfinali ċert, kif ukoll, b’mod ġenerali, il-konstatazzjonijiet kollha li t-twettiq tagħom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali u li minnhom tiddependi l-applikabbiltà ta’ att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja jew ta’ leġiżlazzjoni primarja tal-Unjoni, għandha ssir qabel it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino”et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 47).

19

Madankollu, fid-dawl tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jipprevali fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura tad-domandi preliminari, l-assenza ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari mill-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ xi interess possibbli transkonfinali ċert mhux bilfors twassal għall-inammissibbiltà tat-talba jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Dan ikun partikolarment il-każ meta d-deċiżjoni tar-rinviju jkollha elementi rilevanti suffiċjenti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza eventwali ta’ tali interess. Madankollu, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun valida biss sakemm ikun hemm xi interess transkonfinali ċert fil-kawża prinċipali li, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ddettaljata tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino”et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tal-kriterji oġġetivi li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ xi interess transkonfinali ċert, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kriterji bħal dawn jistgħu jkunu, b’mod partikolari, l-ammont ta’ ċertu daqs tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew ukoll tal-karatteristiċi tekniċi tal-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tista’, fl-evalwazzjoni globali tagħha tal-eżistenza ta’ xi interess transkonfinali ċert, tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ lmenti minn operaturi fi Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li dawn ikunu reali u mhux fittizji (ara s-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino”et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-elementi fattwali tal-kawża prinċipali, il-valur baxx tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jeskludix, waħdu, l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert.

22

Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina fid-dettall, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw il-kuntest li fih il-kawża tressqet quddiemha, jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali effettivament għandux interess transkonfinali ċert. Huwa b’din ir-riżerva li qed jiġu stabiliti l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

23

Huwa għalhekk meħtieġ li wieħed jifhem id-domanda preliminari bħala waħda li tirrigwarda, fil-kuntest ta’ kuntratt li ma huwiex suġġett għad-Direttiva 2004/18, iżda li għandu interess transkonfinali ċert, l-implikazzjonijiet tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat, b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll tal-obbligu tat-trasparenza li jirriżultaw minnu.

24

Għandu jiġi rrilevat barra minn hekk li, fil-kawża prinċipali, il-waqfien tal-produzzjoni filwaqt li tinżamm id-disponibbiltà fis-suq inkwistjoni ma jikkonċernax il-prodott magħmul minn offerent, iżda l-prodott li tirreferi għalih l-ispeċifikazzjoni teknika kontestata. Għalhekk, il-kwistjoni rilevanti ma hijiex li jsir magħruf jekk, fin-nuqqas ta’ kull informazzjoni dwar dan is-suġġett fid-dokumenti tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, l-awtorità kontraenti tistax teżiġi li l-prodott propost minn offerent għadu qed jiġi mmanifatturat, iżda li jsir magħruf jekk awtorità kontraenti li semmiet speċifikazzjoni teknika b’riferiment għal prodott ta’ trade mark partikolari tistax, fil-każ ta’ waqfien ta’ manifattura tal-prodott imsemmi, tibdel din l-ispeċifikazzjoni b’riferiment għal prodott komparabbli tal-istess marka li issa qed jiġi mmanifatturat, u li l-karatteristiċi tiegħu jkunu differenti.

25

Fir-rigward tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza, l-Istati Membri jgawdu minn ċerta setgħa diskrezzjonali sabiex jadottaw il-miżuri maħsuba li jħarsu l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, li huma imposti wkoll fuq l-awtoritajiet kontraenti matul il-proċedura kollha tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku (ara s-sentenza Serrantoni u Consorzio stabile edili, C‑376/08, EU:C:2009:808, punti 31 u 32).

26

L-obbligu ta’ trasparenza għandu b’mod partikolari l-għan li jiżgura li ma jkun hemm ebda riskju ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti (ara, fir-rigward tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, is-sentenza SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Issa, dan il-għan ma jintlaħaqx jekk l-awtorità kontraenti tkun tista’ tevadi l-kundizzjonijiet li tkun stabbilixxiet hija stess. Għalhekk, l-awtorità kontraenti hija pprojbita li timmodifika l-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt matul il-proċedura tal-għoti. Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza għandhom, f’dan ir-rigward, l-istess effett fil-konfront tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

28

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu lill-awtorità kontraenti milli tiċħad offerta li tissodisfa r-rekwiżiti fl-avviż ta’ sejħa għal offerti u li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq raġunijiet li ma jkunux previsti fl-avviż (sentenza Medipac – Kazantzidis, C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 54).

29

Konsegwentement, l-awtorità kontraenti ma’ tistax, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, tagħmel modifika fl-ispeċifikazzjoni teknika ta’ wieħed mill-elementi tal-kuntratt, bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll tal-obbligu ta’ trasparenza. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-element li tirreferi għalih din l-ispeċifikazzjoni ma jkunx għadu qed jiġi mmanifatturat jew ma jkunx għadu disponibbli fis-suq.

30

Huwa xieraq, għalhekk li tingħata risposta lid-domanda magħmula li l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18 ma huwiex applikabbli għal kuntratt pubbliku li l-valur tiegħu ma jkunx laħaq il-limitu applikabbli previst minn din id-direttiva. Fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li ma jkunx suġġett għall-imsemmija direttiva, iżda li jkollu interess transkonfinali ċert, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti ma tistax tiċħad offerta li tissodisfa r-rekwiżiti tal-avviż ta’ kuntratt u tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq raġunijiet li ma jkunux previsti f’dan l-avviż.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet prinċipali, in- natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 1251/2011 tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Novembru 2011, ma huwiex applikabbli għal kuntratt pubbliku li l-valur tiegħu ma jkunx laħaq il-limitu applikabbli previst minn din id-direttiva. Fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li ma jkunx suġġett għall-imsemmija direttiva, iżda li jkollu interess transkonfinali ċert, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti ma tistax tiċħad offerta li tissodisfa r-rekwiżiti tal-avviż ta’ kuntratt u tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq raġunijiet li ma jkunux previsti f’dan l-avviż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.