SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Oppożizzjoni tardiva — Artikolu 20(2) — Talba għal eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea — Eċċezzjoni ta’ karenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini — Ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa b’mod żbaljat fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti mir-regolament — Assenza ta’ natura ‘manifesta’ — Assenza ta’ ċirkustanzi ‘eċċezzjonali’”

Fil-Kawża C‑245/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Thomas Cook Belgium NV

vs

Thurner Hotel GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tat-Tielet Awla, fil-kwalità tiegħu ta’ President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Thurner Hotel GmbH, minn C. Linser u P. Linser, avukati,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn M.L. Inez Fernandes u E. Pedrosa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012, tal-4 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 283, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1896/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Thomas Cook Belgium NV (iktar ’il quddiem “Thomas Cook”), kumpannija stabbilita fil-Belġju, u Thurner Hotel GmbH (iktar ’il quddiem “Thurner Hotel”), kumpannija stabbilita fl-Awstrija, dwar proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1896/2006

3

Il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1896/2006 hija redatta kif ġej:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet transkonfinali li jirrigwardjaw talbiet ta’ flus mhux ikkontestati billi joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea [...]”

4

Il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li:

“Il-qorti għandha teżamina l-applikazzjoni, inkluż il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni u d-deskrizzjoni tal-provi, abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ applikazzjoni. Dan ikun jippermetti lill-qorti teżamina prima facie l-merti tat-talba u inter alia li teskludi talbiet li jkunu kjarament bla bażi jew applikazzjonijiet inammissibbli. L-eżami m’għandux għalfejn jitwettaq minn imħallef”

5

Il-premessa 25 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

“Wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, f’ċerti każijiet eċċezzjonali l-konvenut għandu jkun intitolat japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. Ir-reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali m’għandux ifisser li l-konvenut ikun qed jingħata opportunità oħra biex jopponi t-talba. Matul il-proċedura ta’ reviżjoni l-merti tat-talba m’għandhomx jiġu valutati lil hinn mir-raġunijiet li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali invokati mill-konvenut. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali l-oħra jistgħu jinkludu sitwazzjoni fejn l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta’ l-applikazzjoni.”

6

Skont il-premessa 29 ta’ dan l-istess regolament, l-għan segwit minn dan tal-aħħar huwa “li jinħalaq mekkaniżmu uniformi, effiċjenti u rapidu għall-irkuprar ta’ talbiet ta’ flus mhux ikkontestati fl-Unjoni Ewropea kollha”.

7

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

li

jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

[...]”

8

Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, il-“‘Qorti ta’ oriġini’: tfisser il-qorti li toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea”.

9

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)].”

10

L-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“L-applikazzjoni [għal ordni ta’ ħlas Ewropea] għandha tiddikjara:

a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, u tal-qorti li lilha ssir l-applikazzjoni;

[...]

e)

deskrizzjoni ta’ evidenza li tappoġġa t-talba;

f)

ir-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni;

[...]”

11

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Eżami ta’ l-applikazzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“Il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista’ jkun u abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-[Artikoli 6 u 7] intlaħqux u jekk it-talba tidhirx li għandha bażi u hi ammissibbli. Dan l-eżami jista’ jsir permezz ta’ proċedura awtomatizzata.”

12

L-Artikolu 12(1) u (3) sa (5) tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa redatt kif ġej:

“1.   Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu, il-qorti għandha toħroġ, malajr kemm jista’ jkun u normalment fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard E kif stabbilit fl-Anness V.

[...]

3.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

a)

iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

jew

b)

jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni lill-konvenut.

4.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat li:

a)

l-ordni nħarġet biss abbażi ta’ l-informazzjoni li ġiet provduta mill-konvenut u ma kinitx verifikata mill-qorti;

b)

l-ordni ser issir esegwibbli sakemm ma tiġix ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 16;

[...]

5.   Il-qorti għandha tiżgura li l-ordni ġiet notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali permezz ta’ metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.”

13

L-Artikolu 16(1) sa(3) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini [...]

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.”

14

Taħt it-titolu “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, l-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.”

Ir-Regolament Nru 44/2001

15

Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

[...]

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

[...]”

16

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. [...]

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fit-3 ta’ Settembru 2009, l-aġenzija tal-ivvjaġġar Thomas Cook ikkonkludiet kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi lukandiera ma’ Thurner Hotel.

18

Thurner Hotel ressqet quddiem il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (qorti kantonali għall-kwsitjonijiet kummerċjali ta’ Vjenna), talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea fil-konfront ta’ Thomas Cook għall-finijiet tal-ħlas ta’ EUR 15232.28 bħala saldu għall-fatturi li jikkorrispondu għal servizzi pprovduti minn din l-ewwel kumpannija fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt. Thurner Hotel sostniet li l-qorti adita kellha l-ġurisdizzjoni meħtieġa abbażi tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija servizzi.

19

Fis-26 ta’ Ġunju 2013, l-ordni ta’ ħlas Ewropea ġiet innotifikata lil Thomas Cook skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006.

20

Din tal-aħħar ippreżentat oppożizzjoni fil-25 ta’ Settembru 2013, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tletin jum previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, billi talbet ukoll lil Bezirksgericht für Handelssachen Wien (qorti kantonali għall-kwistjonijiet kummerċjali ta’ Vjenna) li twettaq eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

21

Għal dan l-għan, Thomas Cook sostniet li Thurner Hotel ma kinitx ipprovditilha, tal-inqas b’mod tempestiv, il-fattur korrispondenti u li d-dejn ikkontestat kien ibbażat fuq pretensjonijiet falzi. Barra minn hekk, Thomas Cook qajmet eċċezzjoni ta’ karenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi, billi pprevalixxiet ruħha mill-eżistenza ta’ klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani li kienet inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kunratt ikkontestat. Billi invokat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, Thomas Cook sostniet li l-karenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini tikkostitwixxi raġuni għal eżami mill-ġdid fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

22

Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Ottubru 2013, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (qorti kantonali għall-kwistjonijiet kummerċjali ta’ Vjenna) ċaħdet din it-talba peress li l-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta. Skont din il-qorti, l-għoti ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea minn qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni ma jikkostitwixxix ċirkustanza li tippermetti lid-debitur li jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni ta’ ħlas abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

23

Thomas Cook għamlet riferiment għal dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kienet ingħatat evalwazzjoni legali żbaljata u li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 kellu jippermettilha li titlob eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, id-duttrina Awstrijaka tiddefendi interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, iżda kienet madankollu ekwivoka fuq il-kwistjoni dwar jekk l-għoti ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea minn qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni jikkostitwixxix raġuni valida għal eżami mill-ġdid ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” previst minn din id-dispożizzjoni, li l-eżistenza tagħhom tikkundizzjona l-eżami mill-ġdid ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, ma humiex iddefiniti minn dan ir-regolament.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut jista’ wkoll jitlob reviżjoni mill-qorti tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, skont l-Artikolu 20(2) [ta’ dan ir-regolament], meta l-ordni ta’ ħlas ġiet effettivament innotifikata lilu, iżda li, fuq il-bażi ta’ informazzjoni relatata mal-kompetenza stabbilita fil-formola ta’ applikazzjoni, hija qorti li ma għandhiex kompetenza li tkun ħarġet l-ordni?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda: il-fatt li l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet inħarġet fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni li tista’ sussegwentement tirriżulta li tkun falza, b’mod partikolari meta l-kompetenza ta’ qorti tiddependi minn dan, huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 skont il-premessa 25 tal-(proposta emendata tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea ippreżenatata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE, [COM(2006) 57 finali])?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lill-konvenut, li jkun ġie nnotifikat, skont dan ir-regolament, b’ordni ta’ ħlas Ewroprea, milli jkun jista’ jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni billi jsostni li l-qorti ta’ oriġini ddikjarat b’mod żbaljat li hija kellha ġurisdizzjoni billi bbażat ruħha fuq informazzjoni allegatament falza pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni għal din l-ordni ta’ ħlas.

27

Qabelxejn, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1896/2006, ġaladarba l-konvenut jiġi nnotifikat bl-ordni ta’ ħlas Ewropea, skont dan ir-regolament, l-imsemmi konvenut għandu jiġi informat bil-possibbiltà li jħallas lill-applikant l-ammont li jidher f’din l-ordni, jew li jopponiha, b’mod konformi mal-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, quddiem il-qorti ta’ oriġini f’terminu ta’ tletin jum li jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmija ordni ta’ ħlas.

28

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza tagħha Goldbet Sportwetten (C‑144/12, EU:C:2013:393), din il-possibbiltà li għandu l-konvenut li jippreżenta oppożizzjoni hija maħsuba sabiex tikkumpensa għall-fatt li s-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1896/2006 ma tipprovdix għall-parteċipazzjoni tal-imsemmi konvenut fil-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, billi tippermettilu li jikkontesta d-dejn wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

29

Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi eżaminata mill-ġdid l-ordni ta’ ħlas Ewropea, ġaladarba jiskadi t-terminu għall-preżenatata tal-oppożizzjoni, dan l-eżami mill-ġdid ikun jista’ jsir biss, kif jindika t-titolu stess tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, f’“każijiet eċċezzjonali”.

30

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jirriżulta li jista’ jsir eżami mill-ġdid ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea f’każ ta’ inosservanza tat-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni meta jkun jidher manifestament li l-ordni ta’ ħlas inħarġet b’mod żbaljat, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 1896/2006, jew minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali oħra.

31

Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-imsemmija dispożizzjoni għandha neċessarjament tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex “manifest” li din l-ordni nħarġet b’mod żbaljat fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament Nru 1896/2006.

33

Skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, it-talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea tinkludi, b’mod partikolari, l-indikazzjoni tal-qorti adita bit-talba għal ordni ta’ ħlas kif ukoll il-kap li fuqu hija msejsa l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

34

Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, l-imsemmija qorti għandha teżamina, kemm jista’ jkun malajr filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-formola ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea (iktar ’il quddiem il-“formola ta’ applikazzjoni”), jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, li skonthom il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-qasam, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 44/2001, u hekk it-talba tidhirx fondata. Jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006 jkunu ssodisfatti, il-qorti għandha toħroġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea kemm jista’ jkun malajr u fil-prinċipju f’terminu ta’ tletin jum dekorribbli mit-tressiq tat-talba, permezz tal-formola tip E li tinsab fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament.

35

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Thomas Cook qajmet il-karenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini billi pprevalixxiet ruħha mill-eżistenza, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ikkontestat konkluż ma’ Thurner Hotel, ta’ klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani.

36

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li jekk il-partijiet, li minnhom tal-inqas wieħed għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru, ikun qablu fuq qorti jew qrati ta’ Stat Membru sabiex din jew dawn isolvu d-diżgwid li nqala’ jew li jista’ jinqala’ bejniethom inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, din il-qorti jew dawn il-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni, liema ġurisdizzjoni għandha tkun esklużiva, salv għal kull ftehim kuntrarju bejn il-partijiet.

37

Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li dan l-Artikolu japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-qorti adita għandha teżamina t-talba, inkluża l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni u d-deskrizzjoni tal-provi, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ applikazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, din il-qorti għandha teżamina, kemm jista’ jkun malajr u filwaqt li tibbaża ruħha fuq it-talba, jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament u jekk it-talba tidhirx fondata.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006 jispeċifika li l-konvenut għandu jiġi infurmat, fl-aħħar tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, b’mod partikolari bil-fatt li l-ordni nħarġet sempliċiment abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant u ma ġietx ivverifikata mill-imsemmija qorti u l-Artikolu 12(4)(b) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li din l-ordni għandha ssir eżiġibbli ġaladarba ma tkunx ġiet ippreżentata oppożizzjoni quddiem il-qorti skont l-Artikolu 16. Dan għandu jirriżulta wkoll b’mod ċar min-notifika tal-konvenut, permezz tal-formola tat-tip E, li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 1896/2006, tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

39

Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konvenut huwa obbligat, meta dan tal-aħħar ikun jixtieq iqajjem eċċezzjoni ta’ karenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini minħabba n-natura allegatament falza tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni, li jaġixxi fit-terminu ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006.

40

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li din il-possibbiltà ta’ azzjoni hija ffaċilitata mill-fatt li l-applikant ma huwiex obbligat li jispeċifika r-raġunijiet għall-kontestazzjoni, u li jista’ sempliċiment jikkontesta d-dejn, skont l-Artikolu 16(3) tal-imsemmi regolament.

41

Peress li l-interess tal-proċedura stabbilita bir-Regolament Nru 1896/2006 huwa dak li tiġi kkonċiljata l-ħeffa u l-effikaċja ta’ proċedura ġudizzjarja mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-konvenut għandu għalhekk jeżerċita d-drittijiet tiegħu fit-termini imposti fuqu u jista’ jinvoka biss, sussegwentement, motivi limitati sabiex jopponi l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

42

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-verifika tal-ġurisdizzjoni mill-qorti ta’ oriġini fil-kuntest tal-proċedura Ewropea ta’ ordni ta’ ħlas tista’ tqajjem punti ta’ dritt kumplessi, bħall-validità ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni, li l-evalwazzjoni tagħhom tista’ tkun tirrikjedi eżami iktar fil-fond meta mqabbel ma’ dak li jeħtieġ li jsir fil-kuntest tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006.

43

Isegwi li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa manifest li l-ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa fil-konfront tal-konvenut kienet inħarġet b’mod żbaljat fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament Nru 1896/2006.

44

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex meħtieġ li jiġi kkunsidrat li huwa “manifest” li din l-ordni nħarġet b’mod żbaljat minħabba “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

45

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, li tirrifletti l-premessa 25 tal-proposta emendata tar-Regolament COM(2006) 57 finali, li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju, li dawn iċ-“ċirkostanzi eċċezzjonali oħra” jistgħu b’mod partikolari jirreferu għall-każ li fih l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni.

46

Madankollu, f’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-konvenuta eċepixxiet, insostenn tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid, il-karenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini, billi sostniet li ż-żewġ partijiet fil-kuntratt inkwistjoni qablu li l-qrati Belġjani kellhom ikollhom il-ġursidizzjoni.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġaladarba li l-ordni ta’ ħlas Ewropea ġiet innotifikata lill-konvenuta, skont ir-Regolament Nru 1896/2006, u din tal-aħħar filwaqt li ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ tali klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni, setgħet tevalwa n-natura allegatament falza tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni, marbuta f’dan il-każ mal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini. Għaldaqstant hija kellha l-possibbiltà li tinvokaha fil-kuntest tal-oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006.

48

Kif huwa indikat fil-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, il-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid tal-ordni, prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, ma għandhiex twassal sabiex tagħti lill-konvenut it-tieni possibbiltà sabiex jopponi d-dejn.

49

Isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ordni ta’ ħlas inħarġet b’mod żbaljat minħabba “ċirkustanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

50

Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija kkorroborata mill-għan segwit mill-imsemmi regolament. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 9 u mill-Artikolu 1(1)(a) tal-istess regolament, li dan tal-aħħar għandu l-għan li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-proċedura fil-kawżi transkonfinali li jikkonċernaw djun pekunjarji mhux ikkontestati bl-użu ta’ proċedura Ewropea ordni ta’ ħlas. Il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1896/2006 żżid li l-għan segwit minn dan tal-aħħar huwa li jiġi stabbilit mekkaniżmu mħaffef u uniformi għall-irkupru ta’ dawn id-djun.

51

Issa, dan l-għan jitpoġġa f’dubju jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 kellu jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-konvenut li jitlob eżami mill-ġdid tat-talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

52

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li konvenut, li jkun ġie nnotifikat skont dan ir-regolament, b’ordni ta’ ħlas Ewropea, ikun jista’ jitlob eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni billi jsostni li l-qorti ta’ oriġini ddikjarat b’mod żbaljat li għandha ġurisdizzjoni billi bbażat ruħha fuq informazzjoni allegatament falza pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, kif emendata bir-Regolament tal‑Kummissjoni (UE) Nru 936/2012, tal-4 ta’ Ottubru 2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li konvenut, li jkun ġie nnotifikat, skont dan ir-regolament, b’ordni ta’ ħlas Ewropea, ikun jista’ jitlob eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni billi jsostni li l-qorti ta’ oriġini ddikjarat b’mod żbaljat li għandha ġurisdizzjoni billi bbażat ruħha fuq informazzjoni allegatament falza pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.