SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/475/ĠAI — Regolament (KE) Nru 2580/2001 — Artikolu 2(3) — Inklużjoni tal-organizzazzjoni “Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam (LTTE)” fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi — Domanda preliminari dwar il-validità ta’ din l-inklużjoni — Konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali — Kunċett ta’ “att terroristiku” — Attivitajiet tal-forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat”

Fil-Kawża C‑158/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2014, fil-proċedura

A,

B,

C,

D

vs

Minister van Buitenlandse Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, E. Juhász u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, F. Biltgen u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A u B, minn A. M. van Eik, A. Eikelboom u T. Buruma, avukati,

għal C u D, minn H. Seton u X. B. Sijmons, avukati,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull u L. Banciella Rodríguez-Miñón kif ukoll minn M.J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u L. Christie kif ukoll minn V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn M. Lester, barrister,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Naert u G. Étienne, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castillo de la Torre, F. Ronkes Agerbeek u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tad-Deciżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 18), kif emendata bid-Deciżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/919/ĠAI, tat-28 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2008, L 330, p. 21) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/475”), tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18 Vol. 1, p. 217), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18 Vol. 1, p. 207) u, min-naħa l-oħra, il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU 2010, L 178, p. 1) sa fejn iżomm l-entità tat-“Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam (LTTE)” (jew, bl-Ingliż, il-“Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE)”, iktar ’il quddiem l-“entità LTTE”) fil-lista ta’ gruppi u entitajiet indikata fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ ffriżar tal-fondi”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A, B, C u D rispettivament (iktar ’il quddiem, flimkien, “A et”) u l-minister van Buitenlandse Zaken (Ministru tal-Affarijiet Barranin, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq dawn il-persuni b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra atti terroristiċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

3

Wara l-attakki terroristiċi mwettqa fil-11 ta’ Settembru 2001 fi New York (l-Istati Uniti), f’Washington (L-Istati Uniti) u f’Pennsylvania (L-Istati Uniti), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fit-28 ta’ Settembru 2001, adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001).

4

Il-preambolu ta’ din ir-riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid b’mod partikolari “il-ħtieġa tal-ġlieda b’kull mezz, skont il-[k]arta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi”. Huwa jenfasizza wkoll l-obbligu tal-Istati li “jikkompletaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni fit-territorju tagħhom, b’kull mezz leċitu, tal-finanzjament u tal-preparazzjoni ta’ kull att ta’ terroriżmu”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Skont il-punt 1 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti:

“Jiddeċiedi li l-Istati kollha għandhom:

(a)

Jipprevjenu u jrażżnu l-finanzjament ta’ atti terroristiċi;

(b)

Jistabbilixxu bħala reat il-provvista jew il-ġbir intenzjonat, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, ta’ fondi miċ-ċittadini tagħhom jew fit-territorji tagħhom bl-intenzjoni li l-fondi għandhom jintużaw, jew fl-għarfien li ser jintużaw, sabiex jitwettqu atti terroristiċi;

[…]

(d)

Jipprojbixxu liċ-ċittadini tagħhom jew lil kull persuna jew entità oħra li tinsab fit-territorju tagħhom milli jpoġġu fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi jew servizzi oħra relatati, għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni li jikkommettu jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jiffaċilitaw jew jipparteċipaw fit-twettiq ta’ atti terroristiċi, ta’ entitajiet li jappartjenu jew li huma kkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom, u ta’ persuni u ta’ entitajiet li jaġixxu għan-nom ta’ jew fuq struzzjonijiet ta’ dawn il-persuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

L-Erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom

6

L-Artikolu 2, komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949, jiġifieri, il-Konvenzjoni għat-Titjib tal-Kundizzjoni tal-Midruba u l-Morda fil-Forzi Armati fil-Kamp (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 31, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Konvenzjoni ta’ Genève”), il-Konvenzjoni għat-Titjib tal-Kundizzjoni tal-Midruba, il-Morda u l-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 85, iktar ’il quddiem it-“Tieni Konvenzjoni ta’ Genève”), il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 135, iktar ’il quddiem it-“Tielet Konvenzjoni ta’ Genève”), il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Ċivili fiż-Żmien ta’ Gwerra (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 287, iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève”), rispettivament, (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“erba’ konvenzjonijiet ta’ Genève”), jipprovdi:

“Flimkien mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implementati fi żmien ta’ paċi, din il-[k]onvenzjoni għandha tapplika għall-każijiet kollha ta’ gwerra ddikjarata jew ta’ kull kunflitt armat li jista’ jkun hemm bejn tnejn jew iżjed mill-Partijiet Kontraenti Għolja, anki jekk l-istat ta’ gwerra ma huwiex irrikonoxxut minn wieħed minnhom.

Il-[k]onvenzjoni għandha tapplika wkoll għall-każijiet kollha ta’ okkupazzjoni parzjali jew totali tat-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja, anki jekk dik l-okkupazzjoni ma tiltaqa’ mal-ebda reżistenza armata.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 33 tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève:

“L-ebda persuna protetta ma tista’ tiġi kkastigata għal ksur li hija ma wettqitx personalment. Il-pieni kollettivi, kif ukoll il-miżuri kollha ta’ intimidazzjoni jew ta’ terroriżmu huma pprojbiti. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-erba’ konvenzjonijiet ta’ Genève kienu s-suġġett ta’ diversi protokolli addizzjonali: il-Protokoll Addizzjonali għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Kunflitti Armati Internazzjonali (Protokoll I), tat-8 ta’ Ġunju 1977 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1125, p. 3), il-Protokoll Addizzjonali għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Kunflitti Armati Mhux Internazzjonali (Protokoll II), tat-8 ta’ Ġunju 1977 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1125, p. 609) u l-Protokoll Addizzjonali għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève dwar l-Adozzjoni ta’ Emblema Distintiva Addizzjonali (Protokoll III), tat-8 ta’ Diċembru 2005 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2404, p. 261) (iktar ’il quddiem, il-“protokolli addizzjonali”).

9

L-Artikolu 1(3) u (4) tal-Protokoll I jipprevedi:

“3.   Dan il- [p]rotokoll, li jissupplimenta l-[erba’ konvenzjonijiet ta’ Genève], għandu japplika fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2, li huwa komuni għal dawn il-[k]onvenzjonijiet.

4.   Is-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu preċedenti jinkludu kunflitti armati fejn popli jkunu qed jiġġieldu kontra dominazzjoni kolonjali u okkupazzjoni aljena u kontra reġimi razzisti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ awtodeterminazzjoni, kif sanċit fil-[k]arta tan-Nazzjonijiet [u]niti u fid-[d]ikjarazzjoni fuq il-Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali dwar Relazzjonijiet ta’ Ħbiberija u Kooperazzjoni fost l-Istati skont il-[k]arta tan-Nazzjonijiet [u]niti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 51(2) ta’ dan il-protokoll huwa fformulat kif ġej:

“La l-populazzjoni ċivili bħala tali, u lanqas il-persuni ċivili individwali ma għandhom ikunu s-suġġett ta’ attakki. Atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma pprojbiti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll II:

“1.   Dan il-[p]rotokoll, li jiżviluppa u jissupplimenta l-Artikolu 3, li huwa komuni għall-[erba’ konvenzjonijiet ta’ Genève] mingħajr ma jimmodifika l-kundizzjonijiet eżistenti ta’ applikazzjoni, għandu japplika għall-kunflitti armati kollha li ma humiex koperti bl-Artikolu 1 tal-[protokoll I], u li jsiru fit-territorju ta’ [p]arti kontraenti għolja bejn il-forzi armati tagħha u forzi armati dissidenti jew gruppi armati organizzati li, taħt kmand responsabbli, jeżerċitaw dak il-kontroll fuq parti mit-territorju tagħha sabiex ikunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet militari sostnuti u miftehma u sabiex jiġi implementat dan il-[p]rotokoll.

2.   Dan il-[p]rotokoll ma huwiex applikabbli għal sitwazzjonijiet ta’ disturbi u tensjonijiet interni, bħar-rewwixti, atti iżolati u sporadiċi ta’ vjolenza u atti oħrajn simili, li ma jitqisux bħala kunflitti armati”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan il-protokoll huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-persuni kollha li ma jiħdux sehem dirett jew waqfu milli jieħdu sehem f’ostilitajiet, kemm jekk humiex imċaħħda mil-libertà jew le, għandhom id-dritt għar-rispett tal-persuna tagħhom, tal-unur tagħhom, tat-twemmin u tal-prattiċi reliġjużi tagħhom. Huma għandhom, f’kull ċirkustanza jkunu trattati b’umanità, mingħajr ebda distinzjoni sfavorevoli. Ordni li ma jkunx hemm superstiti hija pprojbita.

2.   Bla ħsara għan-natura ġenerali tad-dispożizzjonijiet preċedenti, huma u jibqgħu pprojbiti f’kull żmien u f’kull post li jkun fir-rigward tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1:

[…]

d)

l-atti terroristiċi;

[…]

h)

it-theddida ta’ twettiq tal-atti fuq imsemmija.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

L-Artikolu 6 tal-protokoll imsemmi jipprovdi:

“1.   Dan l-artikolu huwa applikabbli għall-prosekuzzjoni u għas-sanzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-kunflitt armat.

[…]

5.   Fi tmiem l-ostilitajiet, l-awtoritajiet fis-setgħa għandhom jippruvaw jagħtu l-amnestija l-iktar wiesgħa possibbli lil persuni li pparteċipaw fil-kunflitt armat jew lil dawk imċaħħdin mil-libertà tagħhom għal raġunijiet relatati mal-kunflitt armat, kemm jekk huma internati kif ukoll jekk huma detenuti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

L-Artikolu 13(2) tal-istess protokoll huwa fformulat kif ġej:

“La l-populazzjoni ċivili bħala tali, u lanqas il-persuni ċivili individwali ma għandhom ikunu s-suġġett ta’ attakki. Atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma pprojbiti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti la għall-erba’ konvenzjonijiet ta’ Genève u lanqas għall-protokolli addizzjonali. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri kollha huma partijiet għalihom.

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi

16

L-aħħar premessa tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi, iffirmata f’New York fil-15 ta’ Diċembru 1997 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2149, p. 256), taqra kif ġej:

“Billi l-attivitajiet ta’ forzi armati tal-Istati huma rregolati minn regoli tad-dritt internazzjonali li jinsabu barra mill-qafas ta’ din il-[k]onvenzjoni, u li l-esklużjoni ta’ ċerti azzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-[k]onvenzjoni ma tiskużax jew tillegalizza atti altrimenti illegali, jew tipprekludi l-prosekuzzjoni taħt liġijiet oħra,

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

L-Artikolu 19(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi:

“L-attivitajiet tal-forzi armati matul il-kunflitt armat, kif inhu mifhum dak il-kliem skont id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati b’dak id-dritt, ma humiex irregolati bil-[k]onvenzjoni, u l-attivitajiet magħmulin mill-forzi militari ta’ Stat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati minn regoli oħra tad-dritt internazzjonali, huma ukoll mhux irregolati minn din il-[k]onvenzjoni.”

18

L-Unjoni ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri kollha huma partijiet għaliha.

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

19

L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, iffirmata f’New York fid-9 ta’ Diċembru 1999 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2178, p. 197) jipprovdi:

“Kull persuna twettaq reat fit-tifsira ta’ din il-[k]onvenzjoni jekk dik il-persuna bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, illegalment u bil-ħsieb, tipprovdi jew tiġbor fondi bl-intenzjoni li għandhom jintużaw jew fl-għarfien li ser jintużaw, għalkollox jew parzjalment, sabiex jitwettaq:

[…]

(b)

kull att ieħor intenzjonat li jikkawża l-mewt jew offiża gravi fuq persuna ċivili, jew fuq kull persuna oħra li ma tiħux parti attiva fl-ostilitajiet f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat, meta l-għan ta’ dak l-att, min-natura jew il-kuntest tiegħu, huwa l-intimidazzjoni ta’ popolazzjoni, jew biex il-gvern jew organizzazzjoni internazzjonali jiġu mġiegħla jagħmlu jew ma jagħmlux kwalunkwe att.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20

Skont l-Artikolu 8(1) ta’ din il-konvenzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa, skont il-prinċipji tad-dritt nazzjonali tagħhom, għall-identifikazzjoni, l-iżvelar u l-iffriżar jew qbid ta’ kwalunkwe fondi użati jew allokati għall-finijiet tat-twettiq tar-reati taħt l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni msemmija, flimkien mill-qligħ ġej minn dawn ir-reati, għall-finijiet ta’ konfiska possibbli.

21

Skont l-Artikolu 21 tal-istess konvenzjoni:

“Xejn fil-[k]onvenzjoni ma għandu jaffettwa drittijiet, obbligi u responsabbiltajiet oħra tal-Istati u l-individwi taħt id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-finijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt umanitarju internazzjonali u konvenzjonijiet rilevanti oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22

L-Unjoni ma hijiex parti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri kollha huma partijiet għaliha.

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari

23

L-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari, iffirmata f’New York fit-13 ta’ April 2005 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2445, p. 89), huwa fformulat kif ġej:

“L-attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat, kif dan il-kliem huwa mifhum skont id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati b’dik il-liġi ma humiex irregolati mill-[k]onvenzjoni, u l-attivitajiet magħmulin mill-forzi armati ta’ Stat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati b’regoli oħra tad-dritt internazzjonali, ukoll ma humiex irregolati minn din il-[k]onvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24

L-Unjoni ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni. Għall-kuntrarju, parti kbira mill-Istati Membri huma partijiet għaliha.

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu

25

L-Artikolu 26(5) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, iffirmata f’Varsavja fit-16 ta’ Mejju 2005 (Sensiela ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 196) huwa fformulat kif ġej:

“L-attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat, kif inhu mifhum dak il-kliem skont id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati minn dak id-dritt, ma humiex irregolati minn din il-[k]onvenzjoni, u l-attivitajiet li jsiru mill-forzi militari ta’ [p]arti fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati b’regoli oħra tad-dritt internazzjonali, ma humiex irregolati minn din il-[k]onvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26

Skont id-Deciżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1913, tat-18 ta’ Settembru 2015, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (ĠU 2015, L 280, p. 22), l-Unjoni ffirmat din il-konvenzjoni, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Din ġiet iffirmata u rratifikata wkoll mill-maġġoranza tal-Istat Membri.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931

27

Kif jirriżulta mill-premessi tagħha, l-iskop tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa l-implementazzjoni, permezz ta’ azzjonijiet immexxija kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, tar-Riżoluzzjoni 1373(2001), li permezz tagħha l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jiddeċiedi li l-Istati kollha għandhom jipprevjenu u joħonqu l-finanzjament tal-atti terroristiċi.

28

L-Artikolu 1 ta’ din il-pożizzjoni komuni jipprevedi:

“1.   Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem [tapplika] flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin [għall‑]persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.

2.   Għall‑fini ta’ din il‑Pożizzjoni Komuni, ‘persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi’ għandha tfisser:

il-persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew, jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi,

gruppi u entitajiet [li jappartjenu lil jew li huma] ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il‑persuni, gruppi jew entitajiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il‑persuni, gruppi u entitajiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjeta [li tappartjeni lil] jew [li hija kkontrollata] direttament jew indirettament minn dawn il‑persuni u persuni, gruppi u entitajiet assoċjati.”

3.   Għall-fini ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, att terroristiku għandu jfisser wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li:

(i)

jintimida serjament lill-popolazzjoni, jew

(ii)

jostakola organizzazzjoni governattiva jew internazzjonali li twettaq jew tastjeni mit-twettiq ta’ att, jew

(iii)

tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali:

(a)

attakk fuq il-ħajja ta’ persuna li jista’ jikkaġuna mewt;

(b)

attakki fuq l-integrita fiżika ta’ persuna;

(ċ)

is-sekwestru jew it-teħid ta’ ostaġġi;

(d)

toħloq distruzzjoni estensiva lil faċilita governattiva jew pubblika, sistema ta’ trasport, facilità infrastrutturali, li tinkludi sistema informattiva, [pjattaforma fissa li tkun tinsab fuq il-blata kontinentali], post pubbliku jew proprjeta privata, x’aktarx li jqiegħed ħajja umana jew tirriżulta f’telf ekonomiku akbar;

(e)

is-sekwestru ta’ ajruplan, vapur jew mezz ieħor ta’ trasport pubbliku jew ta’ merkanzija;

(f)

il-fabbrikar, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-provvista jew l-użu ta’ armi, splussivi jew ta’ armi nukleari, bioloġiċi jew kimiċi, kif ukoll ir-riċerka dwar armi bioloġiċi jew kimiċi u l-iżvilupp tagħhom;

(g)

ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi, jew li jikkawżaw nirien, splużjonijiet jew għargħar liema effett jipperikola l-ħajja umana;

(h)

jinterferixxi jew ifixkel il-provvista (jew fornitura) ta’ ilma, enerġija jew riżors naturali u fundamentali, liema effett jipperikola l-ħajja umana;

(i)

theddid li jitwettaq xi wieħed mill-atti listjati taħt (a) għal (h);

(j)

imexxi grupp terroristiku;

(k)

parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l-forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, grupp terroristiku għandu jfisser grupp organizzat ta’ aktar minn żewġ persuni, stabbilit matul perjodu ta’ żmien u li jaġixxi bi skop li jwettaq atti terroristiċi. ‘Grupp Strutturat’ ifisser grupp li ma jkunx iffurmat għall-twettiq immedjat ta’ att terroristiku u li m’għandux bżonn li jkollu rwoli definiti għall-membri tiegħu, kontinwita fis-sħubija miegħu jew struttura żviluppata.

4.   Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. […].

[…]”

Ir-Regolament Nru 2580/2001

29

Skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2580/2001, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, id-definizzjoni ta’ “att terroristiku” għandha tkun dik li tinsab fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

30

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

(a)

Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

[…]

2.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.   Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931]. Din il-lista għandha tinkludi:

(i)

persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

(ii)

persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

[…]”

31

Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess regolament il-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan tagħhom huwa li, direttament jew indirettament, jaħarbu mill-Artikolu 2 tiegħu, hija pprojbita.

32

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2580/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti meta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jinkisru. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, u dissważivi.”

Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/475

33

Kif jirriżulta mill-premessi 6 u 7 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2002/475 għandha b’mod partikolari bħala għan li d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi tiġi approssimata fl-Istati Membri kollha, li jingħataw pieni u sanzjonijiet li jirriflettu s-serjetà ta’ dawn ir-reati kif ukoll l-istabbiliment ta’ regoli ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat li r-reat terroristiku jkun jista’ jiġi mħarrek b’mod effikaċi.

34

Il-premessa 11 ta’ din id-Deciżjoni Qafas tgħid:

“Azzjonijiet mill-forzi armati matul il-perjodi ta’ kunflitt bl-armi, li huma rregolati mid-dritt umantiarju internazzjonali skond it-tifsira ta’ dawn it-termini f’dik il-liġi, u sakemm dawn huma regolati minn regoli oħra tad-dritt internazzjonali, l-azzjonijiet mill-forzi armati ta’ l-Istat fl-eżerċizzju ta’ l-obbligi uffiċjali tagħhom ma humiex regolati minn din id-Deċijoni Kwadru,

[…]”

35

L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija Deciżjoni Qafas, intitolat “Reati terroristiċi u d-drittijiet u prinċipji fundamentali”, jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-atti intenzjonali msemmija hawn taħt fil-punti (a) sa (i), kif imfissra bħala reati skond il-liġi nazzjonali, li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali fejn dawn isiru bl-iskop illi:

jintimidaw b’mod serju lill-popolazzjoni, jew

b’mod illeċitu iġiegħlu lill-Gvern jew organizzazzjoni internazzjonali li jagħmlu jew jonqsu milli tagħmel xi att, jew

jidestabilizzaw jew ikissru l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiz jew organizzazzjoni internazzjonali,

għandhom jitqiesu bħala reati terroristiċi:

(a)

l-attakki fuq il-ħajja ta’ persuna li jistgħu jikkaġunaw il-mewt;

(b)

attakki fuq l-integrità fiżika tal-persuna;

(ċ)

il-ħtif ta’ persuna jew il-ħtif ta’ ostaġġi;

(d)

id-distruzzjoni estensiva lil Gvern jew faċilità pubblika, sistema ta’ trasport, faċili ta’ infrastruttura, inkluża sistema ta’ informazzjoni, pjattaforma fissa li tkun tinsab fuq il-blata kontientali, post pubbliku jew proprjetà privata li x’aktarx toħloq periklu lill-ħajja jew tirriżulta f’telf ekonomiku kbir;

(e)

il-ħtif ta’ ajruplani, vapuri, jew mezzi oħra tat-trasport pubbliku jew tal-merkanzija;

(f)

il-fabbrikazzjoni, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-kunsinna jew l-użu ta’ armi, splussivi jew ta’ armi nukleari, bioloġiċi jew kimiċi, kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ armi bijoloġiċi u kimiċi;

(g)

il-ħelsien ta’ sustanzi perikolużi, jew li joħolqu n-nirien, għargħar jew splussjonijiet li l-effett tagħhom huwa li joħolqu periklu għall-ħajja tal-bniedem;

(h)

jinterferixxu jew ifixxklu l-kunsinna ta’ ilma, dawl jew riżorsi naturali u fundamentali oħra li l-effett tagħhom huwa li joħolqu periklu għall-ħajja tal-bniedem;

(għ)

jheddu li jwettqu xi waħda mill-atti msemmija f’(a) sa (h).”

36

L-Artikolu 2 ta’ din l-istess Deċiżjoni Qafas, intitolat “Reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku”, jipprovdi kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Decijoni Kwadru [Qafas], “grupp terroristiku” għandha tfisser: grupp li għandu struttura ta’ aktar minn żewġ persuni, mwaqqaf fuq perjodu ta’ żmien u li jaġixxi flimkien sabiex iwettaq reati terroristiċi. ‘Grupp strutturat’ għandha tfisser grupp li ma ġiex iffurmat bl-addoċċ għat-twettieq immedjat ta’ reati u li ma għandux il-ħtieġà ta’ rwoli definiti formalment għall-membri tiegħu, kontinwità tas-sħubija tiegħu jew struttura żviluppata.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżgura li l-atti intenzjonali li ġejjin ikunu kastigabbli:

(a)

it-tmexxija ta’ grupp terroristiku;

(b)

il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, inkluż bl-ogħti ta’ informazzjonji jew riżorsi materjali, jew bl-iiffinanzjar ta’ l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mod, bil-konoxxenza tal-fatt illi parteċipazzjoni bħal din ser tgħin lill-attivitajiet kriminali tal-grupp terroristiku.”

Id-Deċiżjonijiet 2001/927/KE u 2006/379/KE

37

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE, tas-27 ta’ Diċembru 2001, li tistabbilixxi l‑lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU L 344, p. 83) adottat l-ewwel lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplika r-regolament imsemmi.

38

Bid-Deċiżjoni 2006/379/KE, tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 249M, p. 169), il-Kunsill inkluda l-entità LTTE f’din il-lista. Sussegwentement, b’applikazzjoni tad-deċiżjonijiet u tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni suċċessivi li ssostitwixxew l-istess lista b’waħda ġdida u ħassru d-deċiżjoni jew ir-regolament ta’ implimentazzjoni preċedenti, din l-entità nżammet inkluża fil-lista msemmija. Għalhekk, l-entità LTTE sabet ruħha inkluża fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi annessa mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010.

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

39

Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sanctieregeling terrorisme 2007-II (deċiżjoni ta’ sanzjonijiet fil‑qasam tat‑terroriżmu ta’ 2007-II, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ sanzjonijiet tal-2007”), il-Ministru jista’ jadotta deċiżjoni “ta’ tismija” fir-rigward ta’ persuni jew organizzazzjonijiet li, fl-opinjoni tiegħu, jappartjenu għall-grupp ta’ persuni jew gruppi suġġetti għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001).

40

Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, ir-riżorsi kollha li jappartjenu għall-persuni u għall-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tagħha huma ffriżati.

41

L-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni msemmija jipprekludi li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji lill-persuni u lill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tagħha jew għall-benefiċċju tagħhom.

42

Skont l-Artikolu 2(4) ta’ din id-deċiżjoni ta’ sanzjonijiet tal-2007, huwa pprojbit li jitqiegħdu, direttament jew indirettament, riżorsi għad-dispożizzjoni ta’ persuni u organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess deċiżjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

43

Mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fit-8 ta’ Ġunju 2010, il-Ministru ħa deċiżjonijiet ta’ tismija fir-rigward ta’ A et (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010”), abbażi tad-deċiżjoni ta’ sanzjonijiet tal-2007, li wassal bħala konsegwenza għall-iffriżar tar-riżorsi finanzjarji rispettivi tagħhom. B’deċiżjonijiet tal-10 ta’ Jannar 2011, tat-8 ta’ Diċembru 2010 u tal-25 ta’ Novembru 2010, il-Ministru ċaħad il-kontestazzjonijiet li dawn il-persuni għamlu kontra d-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010. Huwa bbaża dawn iċ-ċaħdiet fuq il-fatt li, fil-fehma tiegħu, A et ilkoll jappartjenu għal grupp ta’ persuni u ta’ organizzazzjonijiet imsemmija fir-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Barra minn hekk, il-Ministru ħa inkunsiderazzjoni memorandum uffiċjali tal-Algemene Inlichtingen- en Veiligheidsdienst (Servizz Ġenerali għall-Intelligence u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi), tal-14 ta’ Ottubru 2008, li jgħid li l-persuni msemmija kienu involuti fil-ġbir ta’ fondi għall-entità LTTE. Il-Ministru ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-inklużjoni ta’ din l-entità fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi. Minbarra dan, huwa bbaża ruħu wkoll fuq il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien beda proċeduri kriminali kontra A et, għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni terrorista, fis-sens tal-Kodiċi Kriminali tal-Pajjiżi l-Baxxi, u għal ksur tal-interdizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2580/2001, għall-benefiċċju tal-entità LTTE.

44

Permezz ta’ sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2011, tat-18 ta’ Jannar 2012 u tat-30 ta’ Awwissu 2012 rispettivament, it-taqsimiet tad-dritt amministrattiv tar-rechtbank Zwolle-Lelystad (qorti ta’ Zwolle-Lelystad, il-Pajjiżi l-Baxxi), tar-rechtbank ‘s Gravenhage (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) u tar-rechtbank Alkmaar (qorti ta’ Alkmaar, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddikjaraw infondati l-appelli ppreżentati minn A et mid-deċiżjonijiet tal-Ministru li permezz tagħhom dan tal-aħħar ikkonferma d-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010. Dawn il-persuni appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).

45

Fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, A et isostnu, b’mod partikolari, li l-entità LTTE ma hijiex organizzazzjoni terrorista peress li l-kunflitt bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u din l-entità għandu jiġi kkunsidrat bħala kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali. Huma jallegaw li l-inklużjoni tal-entità msemmija fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi hija, konsegwentement, illegali.

46

Il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ta’ sanzjonijiet tal-2007 huwa intiż għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373(2001) u li din id-dispożizzjoni ma tirreferi la għar-Regolament Nru 2580/2001 u lanqas għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Madankollu, din il-qorti tikkunsidra li, sa fejn il-Ministru espressament ibbaża l-fehma tiegħu, li l-entità LTTE hija organizzazzjoni terrorista, fuq l-inklużjoni ta’ din l-entità fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi, din l-inklużjoni tikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010. Skont il-qorti tar-rinviju, peress li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 jirreferu għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001), b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, il-Ministru kellu jqis l-entitajiet inklużi f’din il-lista bħala organizzazzjonijiet terroristiċi. Madankollu, din il-qorti tikkunsidra li, fir-rigward tal-argumenti mressqa minn A et, hemm lok li tiġi ddubitata l-legalità tal-atti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħhom dan żamm lill-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi li kienet applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010, kif ukoll il-legalità tal-atti sussegwenti ta’ din l-istituzzjoni li permezz tagħhom hija żammet lill-entità LTTE f’din il-lista.

47

Fit-tieni lok, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90) u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk A et għandhomx jiġu rrikonoxxuti d-dritt li jeċċepixxu quddiemha l-illegalità ta’ dawn l-atti, peress li dawn il-persuni ma talbux l-annullament tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni. Skont din il-qorti, A et jinsabu f’sitwazzjoni fattwali simili għal dik tal-persuni akkużati li huma membri tal-Devrimci Halk Kurtulus Partisi-Cephesi (DHKP-C) fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li ma kienx hemm ċertezza li dawn il-persuni kellhom mingħajr ebda dubju locus standi, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, li jitolbu l‑annullament tal-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-soluzzjoni li wasslet għaliha din is-sentenza tistax tiġi applikata, skont l-Artikolu 263 TFUE, peress li din id-dispożizzjoni estendiet il-possibbiltà għall-individwi li jikkontestaw il-legalità tal-atti tal-Unjoni. Hija tosserva, b’mod partikolari, li li kieku kellu jiġi deċiż li, fir-rigward tal-Artikolu 263 TFUE, il-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ A et ma jistgħux jeċċepixxu quddiem il-qrati nazzjonali, l-illegalità tal-inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, kull min jibża’ li awtorità nazzjonali tieħu fir-rigward tiegħu miżuri ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu minħabba l-involviment tiegħu, reali jew preżunt, f’organizzazzjoni inkluża f’din il-lista, għandu jippreżenta rikors kontra l-inklużjoni ta’ din l-organizzazzjoni fil-lista msemmija taħt titolu kawtelatorju. Madankollu, tali sitwazzjoni tkun, skont il-qorti tar-rinviju, inkompatibbli mad-dritt ta’ persuna li ma tinkriminax ruħha.

48

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li rikors għal annullament ippreżentat minn A et kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 ċertament ma huwiex ammissibbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tielet lok, dwar il-validità tal-inklużjoni tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi. Hija tqis, l-ewwel nett li, minkejja l-formulazzjoni tal-premessa 11 tad-Deciżjoni Qafas 2002/475, ma huwiex eskluż li l-attivitajiet ta’ forza armata f’perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala reati terroristiċi. Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tidher li tħalli d-definizzjoni ta’ “reat terroristiku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, skont il-qorti tar-rinviju, fid-determinazzjoni ta’ jekk l-attivitajiet tal-entità LTTE għandhomx jiġu kklassifikati bħala “reati terroristiċi”, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din kienet qiegħda taġixxi bħal forzi armati involuti f’kunflitt armat.

49

Fit-tieni nett, din il-qorti tirrileva li la l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u lanqas ir-Regolament Nru 2580/2001 ma jippreċiżaw jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-atti jew reati li jissemmew twettqux minn forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali. Hija tqis, madankollu, li, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rabta bejn id-definizzjoni ta’ “att terroristiku” imsemmija fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u dik ta’ “reat terroristiku”, inkluża fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, jekk attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat għandhom jitqiesu li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “reat terroristiku”, fis-sens ta din id-deċiżjoni qafas, dawn lanqas ma jistgħu jitqiesu li huma “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001.

50

Fit-tielet nett, b’riferiment għall-erba’ konvenzjonijiet ta’ Genève tal-1949 u għall-protokolli addizzjonali, għall-Artikolu 19(2) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi, għall-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari, għall-Artikolu 26(5) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, kif ukoll għall-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Teħid ta’ Ostaġġi, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tat-terroriżmu jeskludu l-attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiva tagħhom li jindika li jeżisti kunsens internazzjonali dwar il-fatt li l-attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, ma għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet terroristiċi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 2(1)(b) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, għall-Artikolu 33 tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll għall-Artikolu 4(2)(d) tal-Protokoll II u tirrileva li, skont dawn il-konvenzjonijiet, tali attivitajiet ma għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet terroristiċi sakemm ma humiex immirati lejn persuni ċivili jew persuni oħra li ma jipparteċipawx b’mod dirett fl-ostilitajiet.

51

Fir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li r-raġuni għalfejn il-Kunsill inkluda lill-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi hija minħabba sensiela ta’ attakki li din l-entità wettqet matul il-perijodu mit-12 ta’ Awwissu 2005 sat-12 ta’ April 2009 fis-Sri Lanka u li, għaldaqstant, jippreżentaw rabta mal-kunflitt ta’ bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u din l-organizzazzjoni. Hija tispjega, barra minn hekk, li permezz ta’ memorandum ta’ Awwissu 2009, il-Ministru kkunsidra li, abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu1 tal-Protokoll II, dan il-kunflitt kien, sat-18 ta’ Mejju 2009, kunflitt armat mhux internazzjonali. Minbarra dan, sa Lulju 2009, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati kklassifika l-kunflitt imsemmi bħala “kunflitt armat”. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-importanza, fil-fehma tagħha, li jiġi ddeterminat jekk il-kunflitt armat huwiex ta’ natura mhux internazzjonali, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-Artikolu 47 tal-[Karta], rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 sa fejn dan ir-regolament inkluda [l-entità LTTE] fil-lista [ta’ ffriżar tal-fondi] ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali [minn A et] f’din il-proċedura f’isimhom abbażi tal-Artikolu 263 TFUE kien ikun ċertament ammissibbli?

2)

(a)

Fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-premessa 11 fil-preambolu tad-Deċiżjoni kwadru [qafas] 2002/475 […], azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi, fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu reati terroristiċi fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni kwadru [qafas]?

(b)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) tingħata fl-affermattiv, azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi, fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 […] u tar-Regolament Nru 2580/2001?

3)

L-azzjonijiet li jifformaw il-bażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn inkluda l-LTTE fil-lista [ta’ ffriżar tal-fondi], huma azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali?

4)

Fid-dawl, fost l-oħrajn, tar-risposti għad-domandi 1, 2(a), 2(b) u 3, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn il-LTTE kienet b’dan il-mod inkluża fil-lista [ta’ ffriżar tal-fondi] huwa invalidu?

5)

Jekk ir-risposta għad-domanda 4 tingħata fl-affermattiv, din l-invalidità tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet preċedenti u sussegwenti tal-Kunsill li jaġġornaw il-lista [ta’ ffriżar tal-fondi], sa fejn dawn id-deċiżjonijiet irriżultaw fl-inklużjoni tal-LTTE f’din il-lista?”

Osservazzjonijiet preliminari

53

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fil-11 ta’ April 2011 (Kawża T‑208/11) u fit-28 ta’ Settembru 2011 (Kawża T‑508/11) quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, l-entità LTTE talbet l-annullament rispettiv ta’ żewġ regolamenti ta’ implementazzjoni, sa fejn dawn l-atti jirrigwardawha minħabba l-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, din l-entità adattat it-talbiet tagħha billi talbet għall-annullament tar-regolamenti ta’ implementazzjoni li jirrigwardawha, adottati wara l-preżentata tar-rikorsi u fejn inżammet inkluża f’din il-lista.

54

Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv tal-entità LTTE, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2001 għall-kunflitt kontra l-Gvern ta’ Sri Lanka, li permezz tiegħu din l-entità sostniet li dan ir-regolament ma kienx applikabbli għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati, peress li dawn setgħu jaqgħu biss taħt id-dritt umanitarju internazzjonali.

55

Madankollu, il-Qorti Ġenerali laqgħet ċerti motivi tal-entità LTTE, billi kkunsidrat li l-Kunsill kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll, fl-assenza ta’ riferiment fil-motivazzjoni għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti dwar il-fatti imputati lil din l-entità, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni. Konsegwentement, din annullat ir-regolamenti kkontestati, sa fejn dawn jirrigwardaw lill-entità msemmija.

56

Permezz ta’ rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill appella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża tikkonċerna l-atti tal-Unjoni adottati bejn is-snin 2006 u 2010, li inkludew lill-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi, liema inklużjoni ġiet immotivata, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, minn sensiela ta’ attakki mwettqa minn din l-entità matul il-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Awwissu 2005 u t-12 ta’ April 2009. Għall-kuntrarju, il-Kawża C‑599/14 P, dwar l-appell tal-Kunsill imsemmi fil-punt preċedenti, tirrigwarda l-atti tal-Unjoni adottati wara s-sena 2010, fejn l-entità msemmija nżammet inkluża fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba tal-Gvern Olandiż għas-sospensjoni ta’ din il-kawża sakemm tingħata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑559/14 P għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

59

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex ċert, fis-sens tal-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), li kienu jkunu ammissibbli rikorsi għall-annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, minn persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-appellanti fil-kawża prinċipali, kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, dwar l-inklużjoni tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi.

60

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li kemm il-fatti relatati mal-kawża prinċipali kif ukoll id-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010 huma preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kwistjoni ma tirrigwardax biss dan ir-regolament ta’ implementazzjoni, iżda tirrigwarda wkoll l-atti preċedenti għal dak li permezz tagħhom l-entità LTTE ġiet inkluża, u mbagħad inżammet inkluża, fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi.

61

Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), tistax tiġi applikata f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), qorti nazzjonali kienet, permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa matul is-sena 1992, għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata matul is-sena 1986, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx ġiet ikkontestata mill-kumpannija li bbenefikat mill-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni msemmija, għalkemm kopja ta’ din tal-aħħar intbagħtitilha mill-awtorità nazzjonali kompetenti u għalkemm din kienet indikatilha speċifikament li hija setgħet tappella mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

63

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali jwasslu għall-esklużjoni tal-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna, li seta’ jikkontesta din id-deċiżjoni u li ħalla jgħaddi t-terminu tassattiv stabbilit f’dan ir-rigward mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, li jikkontesta l-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali f’rikors imressaq kontra l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 1217).

64

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), matul is-sena 1999, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ regolament antidumping, adottat matul is-sena 1992 u li ġie kkontestat b’suċċess permezz ta’ rikors għal annullament li wassal għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill (T‑163/94 u T‑165/94, EU:T:1995:83), ikkonfermat permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, (C‑245/95 P, EU:C:1998:46), fejn ir-rikors għal annullament kien ġie ppreżentat minn ċertu numru ta’ produtturi kkonċernati minn dan ir-regolament antidumping, iżda mhux minn Nachi Fujikoshi, il-kumpannija omm tar-rikorrenti fil-kawża, li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), jiġifieri Nachi Europe.

65

Wara li kkunsidrat, fil-punt 39 tas-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), li Nachi Europe setgħet titqies bħala direttament u individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li kien jimponi dazju antidumping speċifiku għall-prodotti mmanifatturati minn Nachi Fujikoshi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li importatur tal-prodotti indikati fir-regolament imsemmi, bħal Nachi Europe, li kellu mingħajr ebda dubju dritt għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikseb l-annullament tad-dazju antidumping li jolqot dawn il-prodotti, iżda li ma kienx eżerċita din l-azzjoni legali, ma jistax sussegwentement jinvoka l-invalidità ta’ dan id-dazju antidumping quddiem qorti nazzjonali.

66

Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, jekk jiġi ammess li individwu li, lil hinn minn kull dubju, kellu locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-annullament ta’ att, ikun jista’ wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-validità tal-istess att, dan ikun ifisser li tali individwu jkun jista’ jevadi n-natura definittiva li jkollu l-att imsemmi fil-konfront tiegħu wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 18; tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 30; tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 41, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 28).

67

Huwa biss, madankollu, f’ċirkustanzi fejn ir-rikors għal annullament kien ċertament ammissibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li individwu ma jistax jinvoka l-invalidità ta’ att tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 17 sa 25; tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo, C‑178/95, EU:C:1997:46, punti 15 sa 25; tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punti 29 sa 40, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union, C‑241/01, EU:C:2002:604, punti 34 sa 39). F’ħafna każijiet oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li din in-natura ċerta tal-ammissibbiltà ma kinitx stabbilita (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 uC‑529/03, EU:C:2006:130, punti 30 sa 34; tat-8 ta’ Marzu 2007, Roquette Frères, C‑441/05, EU:C:2007:150, punti 35 sa 48; tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punti 37 sa 52; tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 24 sa 38, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punti 27 sa 32).

68

Ċertament, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi fir-rigward tal-atti tal-Unjoni, it-Trattat ta’ Lisbona estenda l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, bl-adozzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jawtorizza tali rikors ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardaw direttament tali persuna u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

69

Madankollu, din l-estensjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ma għandhiex bħala konsegwenza l-impossibbiltà li tiġi kkontestata l-validità ta’ att tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali minħabba li rikors għal annullament li wieħed mill-partijiet ikun ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienx ċertament ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 57).

70

Konsegwentement, talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi miċħuda biss fil-każ fejn, għalkemm ir-rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni kien ċertament ammissibbli, il-persuna fiżika jew ġuridika li setgħet tippreżenta tali rikors naqset milli tagħmel dan fit-terminu stabbilit u invokat l-illegalità ta’ dan l-att fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali sabiex twassal lill-qorti nazzjonali tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni dwar il-validità tal-att imsemmi, u b’hekk taħrab min-natura definittiva li għandu fir-rigward tagħha l-att imsemmi wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 18, u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 30).

71

Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

72

Fil-fatt, qabelxejn, l-appellanti fil-kawża prinċipali ma kinux huma stess inklużi fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi.

73

Sussegwentement, ma huwiex ċert li huma kienu “individwalment” ikkonċernati minn dawn l-atti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, l-inklużjoni tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi għandha, fir-rigward tal-persuni oħra minbarra din l-entità, portata ġenerali peress li din timponi fuq numru indeterminat ta’ persuni l-osservanza ta’ miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra l-entità msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 241 sa 244; tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 51, u tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56).

74

Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni tal-appellanti fil-kawża prinċipali ma ġietx direttament affettwata mill-atti tal-Unjoni relatati ma’ din l-inklużjoni, iżda mill-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ibbażati biss fuq id-dritt Olandiż li, fost affarijiet oħra, ħadet din l-inklużjoni inkunsiderazzjoni.

75

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ma huwiex ċert, fis-sens tal-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), li kienu jkunu ammissibbli rikorsi għall-annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, minn persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-appellanti fil-kawża prinċipali, kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 jew kontra l-atti tal-Unjoni preċedenti għal dan ir-regolament ta’ implementazzjoni, dwar l-inklużjoni tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi.

Fuq it-tieni sar-raba ’ domandi

76

Qabelxejn, fir-rigward tat-tielet domanda intiża, essenzjalment, sabiex tistaqsi jekk l-attivitajiet li jikkostitwixxu r-raġuni għall-inklużjoni u għaż-żamma, mill-2006 sal-2010, tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi humiex “attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat”, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-kuntest ta’ din il-kawża, indikazzjonijiet biżżejjed sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni.

77

Permezz tat-tieni u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-inklużjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 u permezz tal-atti tal-Unjoni preċedenti għal dan ir-regolament ta’ implementazzjoni, tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi hijiex valida. Hija tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk azzjonijiet ta’ forzi armati matul perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħux jikkostitwixxu “reati terroristiċi” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, jew “atti terroristiċi” fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001.

78

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, dwar jekk l-attivitajiet tal-entità LTTE li kienu r-raġuni tal-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi għandhomx jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001, filwaqt li dawn l-atti għandhom jinqraw flimkien mad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, li l-premessa 11 tagħha tispeċifika li din ma tirregolax l-attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat.

79

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regolament li jipprevedi miżuri restrittivi, bħalma jagħmlu r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 u l-atti tal-Unjoni preċedenti għal dan ir-regolament ta’ implementazzjoni, relatati mal-inklużjoni tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi, għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, imsemmija fl-Artikolu 215(2) TFUE, iżda wkoll fil-kuntest storiku li jaqgħu taħtu d-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni u li r-regolament jagħmel parti minnu (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-atti tal-Unjoni msemmija rispettivament fil-punti a) u b) tat-tieni domanda, jiġifieri, minn naħa, id-Deciżjoni Qafas 2002/475 u, min-naħa l-oħra, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll ir-Regolament Nru 2580/2001. Għaldaqstant, ma humiex daqshekk il-kunċetti ta’ “reati terroristiċi”, fis-sens tad-Deciżjoni Qafas 2002/475, u ta’ “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll tar-Regolament Nru 2580/2001, li għandhom jiġu eżaminati u mqabbla, iżda huma l-għanijiet tad-Deciżjoni Qafas 2002/475, li taqa’ taħt il-qasam tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI), u dawk tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll tar-Regolament Nru 2580/2001, li jaqgħu essenzjalment taħt il-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK).

81

Fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, din għandha bħala għan, b’mod partikolari, li d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi tiġi approssimata fl-Istati Membri kollha, li jingħataw pieni u sanzjonijiet li jirriflettu s-serjetà ta’ dawn ir-reati kif ukoll l-istabbiliment ta’ regoli ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat li r-reat terroristiku jkun jista’ jiġi mħarrek b’mod effikaċi.

82

Huwa f’dan il-kuntest ta’ dritt kriminali li taqa’ l-premessa 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, li tipprovdi li din ma tirregolax azzjonijiet ta’ forzi armati matul perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija lil dawn it-termini fid-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati permezz ta’ dan id-dritt, u l-azzjonijiet immexxija mill-forzi armati ta’ Stat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn dawn huma rregolati minn regoli oħra ta’ dritt internazzjonali.

83

Fir-rigward, għall-kuntrarju, tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001, l-għan tagħhom huwa l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001), adottata sussegwentement għall-attakki terroristiċi mwettqa fl-Istati Uniti fil-11 ta’ Settembru 2001, u hija intiża prinċipalment għall-prevenzjoni ta’ atti terroristiċi permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi sabiex ixekklu l-atti preparatorji għal tali atti, bħalma huwa l-finanzjament ta’ persuni jew ta’ entitajiet li jistgħu jwettqu atti terroristiċi.

84

It-tismija ta’ persuni u ta’ entitajiet għall-inklużjoni fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 ma tikkostitwixxix, f’dan il-kuntest, sanzjoni, iżda miżura preventiva adottata skont sistema b’żewġ livelli, fis-sens li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jinkludi f’din il-lista biss il-persuni u l-entitajiet li fir-rigward tagħhom teżisti deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti, kemm jekk din tkun il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet, ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli, marbuta mat-twettiq, mat-tentattiv ta’ twettiq, mal-parteċipazzjoni jew mal-faċilitazzjoni ta’ att terroristiku, kemm jekk tkun kundanna għal tali fatti.

85

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-premessa 11 tad-Deciżjoni Qafas 2002/475 li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-uniku għan tagħha huwa li tiċċara l-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deciżjoni qafas, ma hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001.

86

Il-qorti tar-rinviju tqis li diversi konvenzjonijiet internazzjonali jistgħu possibbilment jinqraw f’dan is-sens li l-attivitajiet ta’ forza armata f’perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet terroristiċi. Minn dan il-fatt, hija tesprimi dubji dwar il-klassifikazzjoni li għandha tiġi applikata għall-attivitajiet tal-entità LTTE li ġġustifikaw, skont il-Kunsill, l-atti tal-Unjoni adottati bejn is-snin 2006 u 2010, dwar l-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi.

87

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Unjoni ma hijiex parti għal dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali u li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija konvenzjonijiet ma jipprekludux li attivitajiet ta’ forzi armati matul perijodu ta’ kunflitt armat jistgħu jikkostitwixxu “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001, mingħajr ma jkun hemm indizji li dawn il-konvenzjonijiet jikkontradixxu kwalunkwe regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbtu lill-Unjoni.

88

Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tad-dritt umanitarju internazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 33 tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève jipprevedi l-interdizzjoni ta’ kull miżura ta’ intimidazzjoni jew ta’ terroriżmu. Bl-istess mod, l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll I u l-Artikolu 13(2) tal-Protokoll II jipprevedu li atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma pprojbiti. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll II jiddisponi li huma pprojbiti f’kull ħin u kullimkien l-atti terroristiċi mmirati lejn persuni li ma jipparteċipawx b’mod dirett jew li ma jipparteċipawx iktar fl-ostilitajiet.

89

Għandu jiġi wkoll enfasizzat li d-dritt umanitarju internazzjonali jfittex li jilħaq għanijiet differenti għal dawk tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll tar-Regolament Nru 2580/2001 u jistabbilixxi mekkaniżmi distinti.

90

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 107 sa 109 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-regoli previsti mid-dritt umanitarju internazzjonali ma jipprekludux l-adozzjoni, lil hinn mill-kuntest stabbilit minn dan id-dritt, ta’ miżuri preventivi bħal dawk li tagħhom l-entità LTTE kienet is-suġġett.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li ċerti attivitajiet imsemmija fil-punt 86 ta’ din is-sentenza ma humiex ipprojbiti mid-dritt umanitarju internazzjonali, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, fi kwalunkwe każ ma huwiex determinanti, sa fejn l-applikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 ma tiddependix fuq il-klassifikazzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt umanitarju internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punti 24 sa 26).

92

Fir-rigward sussegwentement tad-dritt internazzjonali dwar it-terroriżmu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1)(b) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu jipprevedi l-inkriminazzjoni ta’ “kull att ieħor intenzjonat li jikkawża l-mewt jew offiża gravi fuq persuna ċivili, jew fuq kull persuna oħra li ma tiħux parti attiva fl-ostilitajiet f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat, meta l-għan ta’ dak l-att, min-natura jew il-kuntest tiegħu, huwa l-intimidazzjoni ta’ popolazzjoni, jew biex il-gvern jew organizzazzjoni internazzjonali jiġu mġiegħla jagħmlu jew ma jagħmlux kwalunkwe att”.

93

L-Artikolu 8(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi, barra minn hekk, l-obbligu ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi użati għat-twettiq tar-reati msemmija fl-Artikolu 2 tagħha u ma jipprojbix l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi intiżi għal reati terroristiċi oħra.

94

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-aħħar premessa tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, tal-attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat “ma tiskużax jew tillegalizza atti altrimenti illegali, jew tipprekludi l-prosekuzzjoni taħt liġijiet oħra”. Konsegwentement, il-fatt li tali attivitajiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni ma jeskludix, madankollu, li dawn jistgħu jitqiesu bħala attivitajiet illegali li jistgħu jiġu mħarrka, bħalma huma “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001.

95

Fl-aħħar nett, għalkemm ċerti konvenzjonijiet internazzjonali li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, huma ma jipprekludux lill-Istati li huma partijiet għalihom milli jikklassifikaw bħala “atti terroristiċi” uħud minn dawn l-attivitajiet, jew milli jipprevjenu t-twettiq ta’ tali atti.

96

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 ma għandhomx l-għan li jissanzjonaw l-atti terroristiċi, iżda għandhom l-għan li jiġġieldu kontra t-terroriżmu billi jipprevjenu l-finanzjament ta’ atti terroristiċi, kif irrakkomandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 1373 (2001).

97

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodi ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu “atti terroristiċi” fis-sens ta’ dawn l-atti tal-Unjoni.

98

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni u għar-raba’ domandi għandha tkun li, peress li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 ma jipprekludux li attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, jikkostitwixxu “atti terroristiċi”, fis-sens ta’ dawn l-atti tal-Unjoni, il-fatt li l-attivitajiet tal-entità LTTE jistgħu jikkostitwixxu tali attivitajiet ma jaffettwax il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 kif ukoll atti tal-Unjoni preċedenti għal dan ir-regolament ta’ implementazzjoni, dwar l-inklużjoni tal-entità LTTE fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi.

99

Peress li l-ħames domanda tressqet biss fil-każ fejn l-atti msemmija fil-punt preċedenti kienu invalidi, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

Fuq l-ispejjeż

100

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ma huwiex ċert, fis-sens tal-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), li kienu jkunu ammissibbli rikorsi għall-annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, minn persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-appellanti fil-kawża prinċipali, kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 kif ukoll kontra l-atti tal-Unjoni preċedenti għal dan ir-regolament ta’ implementazzjoni, dwar l-inklużjoni tal-entità “Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam (LTTE)” fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu.

 

2)

Peress li l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-Regolament Nru 2580/2001 ma jipprekludux li attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodu ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, jikkostitwixxu “atti terroristiċi”, fis-sens ta’ dawn l-atti tal-Unjoni, il-fatt li l-attivitajiet tat-“Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam (LTTE)” jistgħu jikkostitwixxu tali attivitajiet ma jaffettwax il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 kif ukoll atti tal-Unjoni preċedenti għal dan ir-regolament ta’ implementazzjoni, dwar l-inklużjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv.

 

Firem


( *1 ) * Langue de procédure: l-Olandiż