Kawża C‑153/14
Minister van Buitenlandse Zaken
vs
K
u
A
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 7(2) — Riunifikazzjoni tal-familja — Miżuri ta’ integrazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi regolarment fl-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika sabiex ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru — Spejjeż ta’ tali eżami — Kompatibbiltà”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86 – Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Miżuri ta’ integrazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika qabel ma jiġu awtorizzati d-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat Membru – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi partikolari li jikkostitwixxu oġġettivament ostakolu sabiex il-persuna tgħaddi minn dan l-eżami – Spejjeż raġonevoli
(Direttiva tal-Kunsill 2003/86, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2))
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika li jinkludi evalwazzjoni tal-għarfien bażiku kemm tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u li jimplika l-ħlas ta’ diversi spejjeż, qabel ma jiġu awtorizzati d-dħul u r-residenza tal-imsemmija ċittadini fit-territorju tagħhom għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ tali obbligu ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, li huwa l-każ meta ma jippermettux li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari li jikkostitwixxu oġġettivament ostakolu sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jgħaddu minn dan l-eżami u meta jistabbilixxu l-ammont tal-ispejjeż marbuta ma’ tali eżami fuq livell għoli żżejjed.
Fil-fatt, peress li l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, u l-effettività tagħha.
F’dan ir-rigward, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-mezzi implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jittrasponu l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandhom ikunu kapaċi jwettqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu.
Għaldaqstant, sa fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 ikopri biss miżuri “ta’ integrazzjoni”, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri li jistgħu jintalbu mill-Istat Membri fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jitqiesu li huma leġittimi biss jekk dawn jippermettu li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-membri tal-familja tal-isponsor. F’dan ir-rigward, l-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika ta’ livell bażiku jippermetti li jiġi żgurat l-akkwist miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ta’ għarfien li huwa deċiżament utli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet mal-Istat Membru ospitanti.
Madankollu, il-kriterju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, f’kull każ, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ tali obbligu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja mfittex mid-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, il-miżuri ta’ integrazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandhom ikollhom bħala għan mhux li jintgħażlu l-persuni li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja, iżda li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-Istati Membri.
Barra minn hekk, ċirkustanzi individwali partikolari, bħall-età, il-livell ta’ edukazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja jew l-istat ta’ saħħa tal-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex huma jiġu eżentati mill-obbligu li jgħaddu minn eżami bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li dawn tal-aħħar ma jkunux f’pożizzjoni li jattendu għal dan l-eżami jew li jgħaddu mill-istess eżami.
Li kieku dan ma kienx il-każ, f’tali ċirkustanzi l-imsemmi obbligu jista’ jikkostitwixxi ostakolu li ma jkunx faċli li jingħeleb sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti mid-Direttiva 2003/86.
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li jimponi eżami individwali tat-talbiet għal riunifikazzjoni.
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ispejjeż marbuta mal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jitolbu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jħallsu l-ispejjeż marbuta mal-miżuri ta’ integrazzjoni adottati skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, kif ukoll jistabbilixxu l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-livell li fih l-imsemmija spejjeż huma stabbiliti la ma għandu jkollu bħala għan u lanqas bħala effett li jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, u dan sabiex ma jiġux ippreġudikati l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 u l-effettività tagħha. Issa, dan kien ikun il-każ, b’mod partikolari, li kieku l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu sabiex persuna tattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu eċċessivi fir-rigward tal-effett finanzjarju kunsiderevoli tagħhom fuq iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati.
(ara l-punti 50-52, 54-60, 64, 65, 71 u d-dispożittiv)