SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 7(2) — Riunifikazzjoni tal-familja — Miżuri ta’ integrazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi regolarment fl-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika sabiex ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru — Spejjeż ta’ tali eżami — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑153/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2014, fil-proċedura

Minister van Buitenlandse Zaken

vs

K,

A,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K, minn G. J. Dijkman, advocaat,

għal A, minn W. P. R. Peeters, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Gijzen, M. Bulterman u B. Koopman, kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-Minister van Buitenlandse Zaken (Ministru tal-Affarijiet Barranin) u K u A rispettivament, dwar it-talba tagħhom għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja mal-konjuġi tagħhom li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

4

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“[L]-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

[...]”

5

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/86, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”, fih l-Artikoli 6 sa 8 tagħha. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

“[L]-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal dħul u residenza ta’ membri tal-familja għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurta pubblika u saħħa pubblika.”

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

(a)

akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)

assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

(c)

riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u pen[s]jonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu [li] ċittadini ta’ pajjiżi terzi [...] jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tar-refuġjati u/jew membri tal-familja ta’ refuġjati li jirreferi għalihom l-Artikolu 12 il-miżuri ta’ integrazzjoni li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu jistgħu biss ikunu applikati meta l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.”

7

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

Id-dritt Olandiż

8

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli 4(1) u 7(2) tad-Direttiva 2003/86 ġew trasposti fl-Artikolu 14, fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 16(1)(h) tal-liġi tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), kif ukoll fl-Artikoli 3.71a, 3.98a u 3.98b tad-digriet tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenbesluit 2000, iktar ’il quddiem il-“Vb 2000”).

9

Il-politika applikata mis-Segretarju tal-Istat fl-implementazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet hija deskritta fil-paragrafu B1/4.7.1.2 taċ-ċirkolari tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingencirculaire 2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Vc 2000”).

10

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-liġi dwar l-integrazzjoni ċivika (Wet inburgering, iktar ’il quddiem il-“Wi”) kif ukoll ir-regolament tal-2000 dwar il-barranin (Voorschrift Vreemdelingen 2000, iktar ’il quddiem ir-“regolament tal‑2000”) u l-istruzzjoni pubblika ta’ ħidma Nru 2011/7 tad-dipartiment tal-immigrazzjoni u tan-naturalizzazzjoni (iktar ’il quddiem l-“istruzzjoni ta’ ħidma”).

Il-Vw 2000

11

L-Artikolu 1(h) tal-Vw 2000 huwa fformulat kif ġej:

“Fis-sens tal-liġi preżenti u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha,

[...]

h)

awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja tfisser viża għal residenza ta’ iktar minn tliet xhur mitluba personalment minn barrani lir-rappreżentanza diplomatika jew konsulari [tar-Renju] tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza permanenti jew, fin-nuqqas, fil-pajjiż l-iktar viċin fejn ikun hemm rappreżentanza [...] u maħruġa mill-imsemmija rappreżentanza bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin [...]”

12

Skont l-Artikolu 8 tal-Vw 2000:

“Barrani jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi:

a)

jekk ikollu permess ta’ residenza għal żmien determinat kif imsemmi f-Artikolu 14;

b)

jekk ikollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat kif imsemmi f-Artikolu 20;

c)

jekk ikollu permess ta’ residenza għal żmien determinat kif imsemmi f-Artikolu 28;

d)

jekk ikollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat kif imsemmi f-Artikolu 33;

[...]”

13

Skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-Vw 2000, il-ministru jista’ japprova, jiċħad jew anki ma jiħux inkunsiderazzjoni t-talba intiża sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat.

14

Skont l-Artikolu 16(1)(h) tal-Vw 2000, talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat, imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi, tista’ tiġi miċħuda jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li ma jkunx jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-istess liġi, jiġi suġġett, wara li jkun irċieva l-awtorizzazzjoni ta’ residenza regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Wi u ma jkollux għarfien bażiku dwar il-lingwa u s-soċjetà Olandiża.

15

L-Artikolu 17(1) tal-Vw 2000 jindika ċertu numru ta’ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li lilhom it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat, fis-sens tal-Artikolu 14 tal-istess liġi, ma għandhomx jiġu rrifjutati minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja.

Il-Wi

16

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Wi:

“L-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika huwa impost fuq il-barrani li jirrisjedi regolarment fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) jew tal-Artikolu 8(1) tal-Vw 2000 li:

a.

jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi għal għan differenti minn dak tar-residenza temporanja [...]”

17

L-Artikolu 5 tal-Wi jindika ċertu numru ta’ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika.

Il-Vb 2000

18

L-Artikolu 3.71(1) tal-Vb 2000 huwa fformulat kif ġej:

“It-talba għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat imsemmija fl-Artikolu 14 tal-[Vw 2000] għandha tiġi miċħuda jekk il-barrani ma jkunx fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja valida [...]”

19

Skont l-Artikolu 3.71a tal-Vb 2000:

“1.   Barrani jkollu għarfien bażiku tal-lingwa Olandiża u tas-soċjetà Olandiża fis-sens tal-Artikolu 16(1)(h) tal-[Vw 2000] jekk ikun għadda, fis-sena immedjatament qabel it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika, imsemmi fl-Artikolu 3.98a.

2.   It-talba għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat imsemmija fl-Artikolu 14 tal-[Vw 2000], ma għandix tiġi miċħuda abbażi tal-Artikolu 16(1)(h) tal-[imsemmija liġi], jekk il-barrani:

[...]

c.

ikun wera b’mod sodisfaċjenti lill-Minister voor Wonen, Wijken en Integratie [iktar ’il quddiem il-‘Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni’] li, minħabba diżabbiltà fiżika jew mentali, huwa ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jgħaddi mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika, imsemmi fl-Artikolu 3.98a;

d.

ma jkunx għadda mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika, imsemmi fl-Artikolu 3.98a, u jekk iċ-ċaħda ta’ din it-talba tkun twassal, skont il-Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni, għal inġustizzja gravi.

[...]”

20

L-Artikolu 3.98a tal-Vb 2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni għandu jistabbilixxi l-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika intiż sabiex jiġi evalwat l-għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà Olandiża, kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)(h) tal-[Vw 2000], permezz ta’ sistema awtomatizzata.

2.   L-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika għandu jinkludi evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tal-barrani ta’ komprensjoni fil-qari u [ta’ komprensjoni] fis-smigħ kif ukoll ta’ espressjoni orali bl-Olandiż.

3.   Il-Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni għandu jistabbilixxi programm ta’ eżami għall-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ komprensjoni fil-qari u [ta’ komprensjoni] fis-smigħ kif ukoll ta’ espressjoni orali. Dan il-programm ta’ eżami huwa intiż sabiex jiġi ggarantit li l-barrani li jkun għadda mill-eżami jkollu l-kapaċitajiet segwenti fil-lingwa Olandiża ta’ livell A1 tal-qafas ta’ riferiment komuni Ewropew għal-lingwi moderni barranin:

a.

komprensjoni fil-qari;

b.

komprensjoni fis-smigħ;

c.

espressjoni orali.

4.   Il-kapaċitajiet fil-qasam tal-komprensjoni fil-qari u [tal-komprensjoni] fis-smigħ kif ukoll f’dak tal-espressjoni orali fl-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika għandhom jiġu evalwati skont wieħed mil-livelli tal-qafas ta’ riferiment komuni Ewropew għal-lingwi.

5.   L-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-għarfien tas-soċjetà Olandiża.

6.   Il-Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni għandu jistabbilixxi programm ta’ eżami għall-evalwazzjoni tal-għarfien meħtieġ tas-soċjetà Olandiża. Dan il-programm ta’ eżami huwa intiż sabiex jiġi ggarantit li l-barrani li jkun għadda mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika jkollu għarfien prattiku bażiku tal-affarijiet segwenti:

a.

[ir-Renju tal-]Pajjiżi l-Baxxi, inklużi t-topografija, l-istorja u l-organizzazzjoni politika tiegħu;

b.

l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa pubblika u l-integrazzjoni ċivika fil-Pajjiżi l-Baxxi;

c.

id-drittijiet u l-obbligi tiegħu wara l-wasla tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi;

d.

id-drittijiet u l-obbligi ta’ terzi fil-Pajjiżi l-Baxxi;

e.

ir-regoli tal-ħajja fis-soċjetà fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi.

7.   L-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika għandu jsir bl-Olandiż u ma għandux jeċċedi l-livell imsemmi fil-paragrafu 3.

8.   Il-programmi ta’ eżami msemmija fil-paragrafi 3 u 6 għandhom ikunu disponibbli skont ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni, permezz tal-ħlas ta’ ammont li għandu jiġi stabbilit minn dan tal-aħħar.”

21

L-Artikolu 3.98b tal-Vb 2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Barrani ma għandux jiġi ammess għall-eżami bażiku ta’ integrazzjoni jekk:

a.

ma jkunx ħallas l-ispejjeż marbuta mal-eżami skont ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni [...]

[...]

2.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1(a) għandhom jammontaw għal EUR 350. [...]”

Ir-regolament tal-2000

22

L-Artikolu 3.11 tar-regolament tal-2000 jipprevedi li:

“1.   Il-programmi ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3.98a(3) u (6) [tal-Vb 2000], li għandhom jiġu inklużi fil-pakkett għall-istudju awtonomu Naar Nederland, għandhom ikunu disponibbli fil-ħwienet tal-kotba kollha awtorizzati kif ukoll permezz ta’ ħwienet tal-kotba online.

2.   Il-prezz irrakkomandat tal-pakkett għall-istudju awtonomu għandu jkun ta’ EUR 110.”

Il-Vc 2000

23

Skont il-paragrafu B1/4.7.1.2 tal-Vc 2000, it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat ma għandhiex tiġi rrifjutata, skont l-Artikolu 3.71a(2)(d) tal-Vb 2000, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx għadda mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika u jekk iċ-ċaħda tat-talba tiegħu tkun twassal għal sitwazzjoni ta’ inġustizzja gravi. Dan huwa l-każ jekk, minħabba ċirkustanzi personali partikolari ħafna, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jgħaddi mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika. Skont il-Vc 2000, is-sempliċi fatt li huwa jkun attenda darba jew iktar għall-imsemmi eżami ma jippermettix li tiġi invokata b’suċċess il-klawżola ta’ ekwità prevista fl-Artikolu 3.71a(2)(d) tal-Vb 2000.

L-istruzzjoni ta’ ħidma

24

Skont il-qorti tar-rinviju, l-istruzzjoni ta’ ħidma tindika li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja qabel il-wasla tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jmorru fil-Pajjiżi l-Baxxi bl-għan li jirrisjedu hemmhekk b’mod mhux temporanju fis-sens tal-Wi u li ma humiex eżenti mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Wi, huma suġġetti għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika.

25

L-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika, imsemmi fl-Artikolu 3.98a tal-Vb 2000, huwa kompost minn eżami tal-lingwa Olandiża mitkellma, minn eżami tal-għarfien tas-soċjetà Olandiża kif ukoll minn eżami tal-komprensjoni fil-qari. Dan l-eżami jsir f’ambaxxata jew f’konsulat ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza permanenti tal-membru tal-familja tal-isponsor u jsir permezz ta’ telefon imqabbad direttament ma kompjuter li jitkellem.

26

L-eżami tal-lingwa Olandiża jikkonsisti fir-repetizzjoni ta’ sentenzi, fl-għoti ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet qosra, fl-għoti tas-sens oppost u fil-formulazzjoni mill-ġdid u għal darbtejn ta’ storja qasira. Il-livell lingwistiku meħtieġ huwa l-livell A1 tal-qafas ta’ riferiment komuni Ewropew għal-lingwi. Il-parti tal-eżami ddedikata għall-għarfien tas-soċjetà Olandiża tikkonsisti f’mistoqsijiet dwar il-film Fil-Pajjiżi l-Baxxi, li l-membru tal-familja għandu jara d-dar tiegħu. Il-mistoqsijiet possibbli jirrigwardaw b’mod partikolari l-punti dwar jekk l-irġiel u n-nisa għandhomx l-istess drittijiet, fejn tinsab is-sede tal-Gvern Olandiż, jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrikonixxix separazzjoni bejn il-knisja u l-Istat, liema pajjiż okkupa lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi matul it-Tieni Gwerra Dinjija, jekk l-assigurazzjoni għall-mard hijiex obbligatorja u sa liema età l-edukazzjoni tat-tfal hija obbligatorja. Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet kollha jistgħu jiġu studjati d-dar bl-għajnuna ta’ pakkett għall-istudju awtonomu. Dan il-pakkett huwa disponibbli fi 18-il lingwa u fih b’mod partikolari DVDs, album tar-ritratti, ktieb tal-eżerċizzji, diski kumpatti awdjo, ktieb dwar l-istudju awtonomu u karti tal-eżami għall-prattika. Mix-xahar ta’ Marzu 2011, l-imsemmi pakkett fih ukoll modulu ta’ litteriżmu li jippermetti lil dak li jkun jipprepara ruħu għall-eżami ta’ komprensjoni fil-qari. Dan l-eżami jevalwa jekk il-membru tal-familja huwiex kapaċi jaqra l-Olandiż tal-livell A1 tal-qafas ta’ riferiment komuni Ewropew għal-lingwi.

27

Għal dak li jirrigwarda l-klawżola ta’ ekwità prevista fl-Artikolu 3.71a(2(d) tal-Vb 2000, skont il-qorti tar-rinviju, l-istruzzjoni ta’ ħidma jipprevedi li din il-klawżola ta’ ekwità għandha tiġi applikata jekk, minħabba ċirkustanzi personali partikolari ħafna, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jgħaddi mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu juri f’dan ir-rigward li għamel kull sforz raġonevolment mistenni minnu sabiex jgħaddi mill-eżami. Dan jista’ jintwera b’mod partikolari mill-fatt li huwa jkun attenda darba jew iktar għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika u li huwa, pereżempju, ikun għadda mill-eżamijiet tal-lingwa Olandiża mitkellma u tal-għarfien tas-soċjetà Olandiża, iżda mhux mill-eżami ta’ komprensjoni fil-qari. L-istruzzjoni ta’ ħidma tindika li s-sempliċi fatt li l-kandidat ma jkollux riżorsi finanzjarji jew tekniċi suffiċjenti sabiex jipprepara ruħu u jattendi għall-eżami jew li huwa qed jesperjenza problemi relatati mal-vjaġġ tiegħu jew diffikultajiet oħra ta’ dan it-tip ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jinvoka b’suċċess l-imsemmija klawżola ta’ ekwità. Barra minn hekk, is-sempliċi ċirkustanza li l-materjal edukattiv ma jkunx disponibbli f’lingwa mitkellma mill-kandidat, li dan tal-aħħar ma jkollux sostenn xieraq sabiex jipprepara ruħu għall-eżami jew li huwa jkun illitterat lanqas ma hija biżżejjed sabiex tiġi invokata b’suċċess l-istess klawżola ta’ ekwità.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-kawża K

28

K hija ċittadina Azerbajġana li, fit-22 ta’ Frar 2011, ressqet, fl-Ambaxxata tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’Ankara (it-Turkija), talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja sabiex tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi mal-konjuġi tagħha li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru. Għal dan il-għan, hija ppreżentat ċertifikat mediku billi ssostni li, minħabba problemi ta’ saħħa indikati fl-imsemmi ċertifikat, hija ma setgħetx tattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika barra mit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2011, il-Minister van Buitenlandse Zaken ċaħad it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja ta’ K.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2012, il-Minister van Buitenlandse Zaken iddikjara li l-ilment imressaq minn K kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2011 ma kienx fondat, billi sostna li l-problemi ta’ saħħa ta’ K ma kinux jagħtu lok għal eżenzjoni mill-obbligu li tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika. Skont il-Minister van Buitenlandse Zaken, il-fatt li jiġi impost fuq K l-obbligu li hija tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika qabel il-kisba tal-awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ din tal-aħħar ma jmurx, barra minn hekk, kontra d-Direttiva 2003/86.

31

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2012, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali ta’ Den Haag) iddikjarat li r-rikors ta’ K kontra d-deċiżjoni tal-Minister van Buitenlandse Zaken tat-28 ta’ Frar 2012 kien fondat u, konsegwentement, annullat din id-deċiżjoni u ddeċidiet li dan tal-aħħar kellu jagħti awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja lil K.

32

Il-Minister van Buitenlandse Zaken appella, quddiem il-qorti tar-rinviju, mid-deċiżjoni tar-Rechtbank ’s-Gravenhage tat-23 ta’ Novembru 2012.

Il-kawża A

33

A hija ċittadina Niġerjana li, fit-18 ta’ Ġunju 2008, ressqet, fir-rappreżentanza tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’Abuja (in-Niġerja), talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja sabiex tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi mal-konjuġi tagħha li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru. Għal dan il-għan, hija ppreżentat dokumenti mediċi li jistabbilixxu li hija ssofri minn disturbi mentali li għalihom hija tieħu mediċini.

34

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2009, il-Minister van Buitenlandse Zaken ċaħad it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja ta’ A.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2012, il-Minister van Buitenlandse Zaken iddikjara li l-ilment imressaq minn A kontra l-imsemmija deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2009 ma kienx fondat, billi sostna li d-disturbi mentali ta’ din tal-aħħar ma kinux jagħtu lok għal eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ integrazzjoni ċivika u li hija ma setgħetx tibbenefika mill-klawżola ta’ ekwità prevista fl-Artikolu 3.71a(2)(d) tal-Vb 2000, peress li hija ma kinitx tat il-prova li hija għamlet sforz raġonevoli sabiex tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika. Skont il-Minister van Buitenlandse Zaken, l-argument li jgħid li A ma tinsabx f’pożizzjoni li tivvjaġġa sal-Ambaxxata tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba d-disturbi mentali tagħha ma huwiex ammissibbli, għaliex ma ngħatat l-ebda prova ta’ din iċ-ċirkustanza. Barra minn hekk, il-Minister van Buitenlandse Zaken iqis li r-rekwiżit ta’ integrazzjoni ċivika ma jmurx kontra d-Direttiva 2003/86.

36

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tlett itfal ta’ A ressqu wkoll talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza sabiex jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ missierhom u li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fir-rigward ta’ A, permezz tal-istess deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2012, il-Minister van Buitenlandse Zaken iddikjara li l-ilment imressaq mill-imsemmija tfal kontra ċ-ċaħda tat-talba tagħhom għal awtorizzazzjoni ta’ residenza kien fondat.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ddikjarat li r-rikors ta’ A kontra d-deċiżjoni tal-Minister van Buitenlandse Zaken tat-30 ta’ Lulju 2012 kien fondat u, konsegwentement, annullat din id-deċiżjoni u ddeċidiet li dan tal-aħħar kellu jagħti awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja lil A.

38

Il-Minister van Buitenlandse Zaken appella, quddiem il-qorti tar-rinviju, mid-deċiżjoni tar-Rechtbank ’s-Gravenhage tat-12 ta’ Diċembru 2012.

Kunsiderazzjonijiet dwar iż-żewġ kawżi

39

Ma huwiex qed jiġi kkontestat li K u A huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li l-isponsors huma l-konjuġi ta’ K u A u li dawn l-isponsors qegħdin jirrisjedu legalment fis-sens tal-Artikolu 8(a) jew (b) tal-Vw 2000. Lanqas ma huwa qed jiġi kkontestat li K u A ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-liġi Olandiża, li għalihom it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat, fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Vw 2000, ma jistgħux jiġu miċħuda minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, u li huwa impost fuqhom l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(h) tal-Vw 2000.

40

F’dawn iż-żewġ kawżi prinċipali, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ddeċidiet li l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ressaq, barra mill-Unjoni Ewropea, talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja, jiġi obbligat jissodisfa r-rekwiżit ta’ integrazzjoni ċivika qabel id-dħul tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi jmur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86. Ir-Rechtbank ’s-Gravenhage qieset bħala deċiżiv, f’dan ir-rigward, il-fatt li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-digriet Mohammad Imran (C‑155/11 PPU, EU:C:2011:387) u li ddaħħlu fil-proċess minn K quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage, il-Kummissjoni Ewropea sostniet li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 ma jippermettix lil Stat Membru jirrifjuta d-dħul u r-residenza lill-konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jirrisjedi regolarment f’dan l-Istat Membru għas-sempliċi raġuni li l-imsemmi konjuġi ma jkunx irnexxielu, barra mill-Unjoni Ewropea, jgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika previst mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru.

41

Issa, fil-kuntest tal-appelli mid-deċiżjonijiet tar-Rechtbank ’s-Gravenhage, il-Minister van Buitenlandse Zaken isostni li mill-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea (Direttiva 2003/86 [COM (2011) 735 final] (iktar ’il quddiem il-“Green Paper”), sussegwenti għall-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni msemmija fil-punt preċedenti, jirriżulta li l-Kummissjoni ma tqisx li l-obbligu għall-konjuġi tal-isponsors li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika qabel il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat imur kontra l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 f’kull każ.

42

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li, effettivament, fil-punt II, 2.1 tal-Green Paper, intitolat “Miżuri ta’ integrazzjoni”, il-Kummissjoni tindika li l-ammissibbiltà ta’ miżuri ta’ integrazzjoni tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn humiex intiżi jew le li jiffaċilitaw l-integrazzjoni u jekk josservawx jew le l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.

43

Peress li la d-Direttiva 2003/86 u lanqas il-kriterju ta’ proporzjonalità kif iddefinit fil-Green Paper ma jindika l-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri sabiex jimponu miżuri ta’ integrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva, u fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar il-kunċett ta’ “miżuri ta’ integrazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod li l-portata ta’ dan il-kunċett ma ġietx ikkjarifikata, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Il-kunċett ta’ ‘miżuri ta’ integrazzjoni’ – fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva [2003/86] [...] – jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li membru tal-familja ta’ sponsor jippreżenta prova li għandu għarfien tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru sa livell li jikkorrispondi għal-livell A1 tal-qafas ta’ riferiment komuni Ewropew għal-lingwi barranin, u li għandu għarfien bażiku dwar is-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, qabel ma dawn l-awtoritajiet jawtorizzaw id-dħul u r-residenza ta’ dan il-membru tal-familja?

b)

Għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, anki fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, kif deskritt fil-Green Paper [...], skont ir-regoli nazzjonali, li jinkludu l-obbligu msemmija fid-domanda 1.a, sakemm il-membru tal-familja ma jkunx stabbilixxa li, minħaba diżabbiltà mentali jew fiżika huwa ma jiinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni [ċivika], l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għad-dħul u għar-residenza hija miċħuda biss jekk ikunu ssodisfatti ċirkustanzi personali partikolari ħafna li jiġġustifikaw il-preżunzjoni li l-membru tal-familja ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ integrazzjoni?

2)

L-għan tad-Direttiva [2003/86] u b’mod partikolari tal-Artikolu 7(2) tagħha, fid-dawl tal-eżami tal-proporzjonalità, kif deskritt fl-imsemmija Green Paper, jipprekludi li, għall-eżami li permezz tiegħu jiġi stabbilit jekk il-membru tal-familja jissodisfax l-imsemmija rekwiżiti ta’ integrazzjoni, ikollu jitħallas ammont ta’ EUR 350 għal kull darba li jittieħed l-eżami u li, fir-rigward tal-fajl għall-preparazzjoni għall-eżami, ikollu jitħallas ammont ta’ darba li jammonta għal EUR 110?”

Fuq id-domandi preliminari

44

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jinkludi evalwazzjoni tal-għarfien bażiku kemm tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u li jimplika l-ħlas ta’ diversi spejjeż, qabel ma jiġu awtorizzati d-dħul u r-residenza tal-imsemmija ċittadini fit-territorju tagħhom għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja.

45

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, l-Istat Membri għandhom jawtorizzaw d-dħul u r-residenza tal-konjuġi tal-isponsor għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”.

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi definiti b’mod ċar, għaliex tobbligahom, fil-każijiet stabbiliti mill-imsemmija direttiva, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja ta’ l-isponsor mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (sentenza Chakroun, C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 41).

47

Fost il-kundizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/86, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tagħha jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali.

48

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li, għal dak li jirrigwarda r-refuġjati u/jew il-membri tal-familja ta’ refuġjati, il-miżuri ta’ integrazzjoni li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu applikati biss meta l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.

49

Konsegwentement, fil-kuntest tar-riunifikazzjonijiet tal-familji li ma jirrigwardawx ir-refuġjati u l-membri tal-familja tagħhom, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju tagħhom lill-membri tal-familja tal-isponsor għall-obbligu li dawn josservaw ċerti miżuri ta’ integrazzjoni qabel id-dħul.

50

Madankollu, peress li l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, u l-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chakroun, C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43).

51

F’dan ir-rigward, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-mezzi implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jittrasponu l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandhom ikunu kapaċi jwettqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 75).

52

Għaldaqstant, sa fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 ikopri biss miżuri “ta’ integrazzjoni”, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri li jistgħu jintalbu mill-Istat Membri fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jitqiesu li huma leġittimi biss jekk dawn jippermettu li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-membri tal-familja tal-isponsor.

53

F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi kkontestat li l-akkwist ta’ għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti jiffaċilita ħafna l-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċittadini nazzjonali u, barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-interazzjoni u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet soċjali bejniethom. Lanqas ma jista’ jiġi kkontestat li l-akkwist ta’ għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti jirrendi inqas diffiċli l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-suq tax-xogħol u għat-taħriġ professjonali [ara, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), is-sentenza P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 47)].

54

Minn din il-perspettiva, l-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika ta’ livell bażiku jippermetti li jiġi żgurat l-akkwist miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ta’ għarfien li huwa deċiżament utli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet mal-Istat Membru ospitanti.

55

Barra minn hekk, fid-dawl tal-livell bażiku ta’ għarfien rikjest sabiex persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jitqies li, bħala prinċipju, l-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ma jippreġudikax, fih innifsu, l-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja mfittex mid-Direttiva 2003/86.

56

Madankollu, il-kriterju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, f’kull każ, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ tali obbligu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-imsemmi għan jintlaħaq. Dan kien ikun il-każ, b’mod partikolari, li kieku l-applikazzjoni tal-imsemmi obbligu kien iwaqqaf b’mod awtomatiku r-riunifikazzjoni tal-familja tal-membri tal-familja tal-isponsor meta, minkejja ma jkunux għaddew mill-eżami ta’ integrazzjoni, huma jkunu taw prova tar-rieda tagħhom li jgħaddu minn dan l-eżami u tal-isforz li jkunu għamlu għal dan il-għan.

57

Fil-fatt, il-miżuri ta’ integrazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandhom ikollhom bħala għan mhux li jintgħażlu l-persuni li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja, iżda li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-Istati Membri.

58

Barra minn hekk, ċirkustanzi individwali partikolari, bħall-età, il-livell ta’ edukazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja jew l-istat ta’ saħħa tal-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex huma jiġu eżentati mill-obbligu li jgħaddu minn eżami bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li dawn tal-aħħar ma jkunux f’pożizzjoni li jattendu għal dan l-eżami jew li jgħaddu mill-istess eżami.

59

Li kieku dan ma kienx il-każ, f’tali ċirkustanzi l-imsemmi obbligu jista’ jikkostitwixxi ostakolu li ma jkunx faċli li jingħeleb sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti mid-Direttiva 2003/86.

60

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li jimponi eżami individwali tat-talbiet għal riunifikazzjoni.

61

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sakemm il-membru tal-familja ma jkunx stabbilixxa li, minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika, huwa ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza hija miċħuda biss fil-każ li tiġi applikata l-klawżola ta’ ekwità prevista fl-Artikolu 3.71a(2)(d) tal-VB 2000.

62

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li huwa biss jekk, minħabba ċirkustanzi personali partikolari ħafna, il-membru tal-familja kkonċernat ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jgħaddi mill-imsemmi eżami li jkun hemm il-lok li tiġi applikata l-imsemmija klawżola ta’ ekwità.

63

Jidher għalhekk li l-klawżola ta’ ekwità prevista fl-Artikolu 3.71a(2)(d) tal-VB 2000 ma tippermettix li jiġu eżentati, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari għas-sitwazzjoni tagħhom, il-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati mill-obbligu li jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika fil-każijiet kollha possibbli fejn iż-żamma ta’ dan l-obbligu tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli r-riunifikazzjoni tal-familja.

64

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ispejjeż marbuta mal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jitolbu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jħallsu l-ispejjeż marbuta mal-miżuri ta’ integrazzjoni adottati skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 kif ukoll jistabbilixxu l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-livell li fih l-imsemmija spejjeż huma stabbiliti la ma għandu jkollu bħala għan u lanqas bħala effett li jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, u dan sabiex ma jiġux ippreġudikati l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 u l-effettività tagħha.

65

Dan kien ikun il-każ, b’mod partikolari, li kieku l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu sabiex persuna tattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu eċċessivi fir-rigward tal-effett finanzjarju kunsiderevoli tagħhom fuq iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 74).

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kemm l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni sabiex persuna tattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kif ukoll l-ispejjeż li jirrigwardaw il-preparazzjoni għalih għandhom jitħallsu mill-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati.

67

Għandu jiġi osservat ukoll li l-ispiża tal-fajl għall-preparazzjoni għall-eżami, li għandu jitħallas darba biss, tammonta għal EUR 110, u l-ammont tal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni jammonta għal EUR 350, fejn dawn tal-aħħar għandhom jitħallsu mill-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati kull darba li jittieħed l-eżami.

68

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-membru tal-familja tal-isponsor ikkonċernat li ma jkunx ħallas l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni ma jiġix ammess għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-ispejjeż marbuta mal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa ta’ natura li jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ir-riunifikazzjoni tal-familja.

70

Dan huwa iktar u iktar il-każ fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni għandhom jitħallsu kull darba li jittieħed dan l-eżami u dan minn kull membru tal-familja tal-isponsor li jkun jixtieq jingħaqad ma’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti, u li, flimkien ma’ dawn l-ispejjeż, iridu jiżdiedu dawk li l-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati għandhom iħallsu sabiex imorru fis-sede tar-rappreżentanza Olandiża l-iktar viċina sabiex jittieħed l-imsemmi eżami.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jinkludi evalwazzjoni tal-għarfien bażiku kemm tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u li jimplika l-ħlas ta’ diversi spejjeż, qabel ma jiġu awtorizzati d-dħul u r-residenza tal-imsemmija ċittadini fit-territorju tagħhom għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ tali obbligu ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet, sa fejn ma jippermettux li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari li jikkostitwixxu oġġettivament ostakolu sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jgħaddu minn dan l-eżami, u sa fejn jistabbilixxu l-ammont tal-ispejjeż marbuta ma’ tali eżami fuq livell għoli żżejjed, irendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jinkludi evalwazzjoni tal-għarfien bażiku kemm tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u li jimplika l-ħlas ta’ diversi spejjeż, qabel ma jiġu awtorizzati d-dħul u r-residenza tal-imsemmija ċittadini fit-territorju tagħhom għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ tali obbligu ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet, sa fejn ma jippermettux li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari li jikkostitwixxu oġġettivament ostakolu sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jgħaddu minn dan l-eżami, u sa fejn jistabbilixxu l-ammont tal-ispejjeż marbuta ma’ tali eżami fuq livell għoli żżejjed, irendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.