SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3(1) — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 26 — Kuntratti pubbliċi — Servizzi postali — Leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li timponi fuq l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku”

Fil-Kawża C‑115/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz (qorti reġjonali superjuri ta’ Koblenz, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

RegioPost GmbH & Co. KG

vs

Stadt Landau in der Pfalz,

fil-preżenza ta’:

PostCon Deutschland GmbH,

Deutsche Post AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal RegioPost GmbH & Co. KG, minn A. Günther, avukat,

għall-iStadt Landau in der Pfalz, minn R. Goodarzi, avukat,

għal PostCon Deutschland GmbH, minn T. Brach, avukat,

għal Deutsche Post AG, minn W. Krohn u T. Schneider, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Salvatorelli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Gvern Norveġiż, minn K. Nordland Hansen u P. Wennerås, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u J. Enegren kif ukoll minn S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431), u tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 319, p. 43, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RegioPost GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “RegioPost” u l-iStadt Landau in der Pfalz (belt ta’ Landau f’Palatinat, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“belt ta’ Landau”), dwar l-obbligu impost fuq offerenti u s-subappaltaturi tagħhom fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi postali ta’ din il-belt, li jintrabtu rwieħhom li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed jeżegwixxi s-servizzi li huma fil-mira ta’ dan il-kuntratt pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 96/71

3

Fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni”, id-Direttiva 96/71 tipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skont paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[...]

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)

jibgħatu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluz bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ mpjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perijodu tal-kollokazzjoni; jew

b)

jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament; jew

c)

billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.

[...]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, jiddisponi fil-paragrafi 1 u 7 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ mpjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

skont liġi, regolament jew disposizzjonijiet amministrattiva, u/jew

bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet msemmija fl-Anness:

[...]

ċ)

ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

[...]

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas msemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mill-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa mibgħut.

[...]

8.   “Ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali” jfisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrjiji kkonċernat.

[...]”

Id-Direttiva 2004/18

5

Il-premessi 2, 33 u 34 tad-Direttiva 2004/18 jistabbilixxu:

“(2)

L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni għandhom għalhekk ikunu interpretati konformement kemm mar-regoli u l-prinċipji msemmija qabel kif ukoll mar-regoli l-oħra tat-Trattat.

[...]

(33)

Il-kondizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva sakemm dawn ma jkunux direttament jew indirettament diskriminatorji u li jkunu indikati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Dawn jistgħu, b’mod partikolari, ikunu intiżi li jiffavorixxu taħriġ vokazzjonali fuq il-post, impjieg għan-nies li qed iġarrbu diffikultà biex jakkwistaw integrazzjoni, il-ġlieda kontra l-qagħad jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent. [...]

(34)

Il-liġijiet, regoli, u l-ftehim kollettiv, fuq livell kemm nazzjonali u dak Komunitarju, li huma fis-seħħ fl-oqsma tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol japplikaw matul l-esekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, bil-kondizzjoni illi dawn ir-regoli, u l-applikazzjoni tagħhom, jikkonformaw mal-liġi Komunitarja. F’sitwazzjonijiet ta’ fruntiera u oħra, fejn il-ħaddiema minn Stat Membru wieħed jipprovdi servizzi lill-Stat Membru ieħor għall-fini ta’ esekuzzjoni ta; kuntratt pubbliku, id-Direttiva [96/71] tistipula l-kondizzjonijiet minimi li għandhom jiġu osservati mill-pajjiż ospitu fir-rigward tal-ħaddiema spustjati. Jekk il-liġi nazzjonali tħaddan disposizzjonijiet f’dan ir-rigward, non konformità ma’ dawk l-obligazzjonijiet tista’ tiġi kkunsidrata bħala kondotta gravi mhux xierqa jew offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali ta’ l-operatur ekonomiku involut, li jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ dak l-operatur ekonomiku mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.”

6

Konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, dan huwa applikabbli b’mod partikolari għal kuntratti pubbliċi għal provvisti li jkollhom valur, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, ta’ jew iktar minn EUR 200000 fir-rigward ta’ kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti, minbarra dawk mogħtija mill-awtoritajiet governattivi ċentrali msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva.

7

L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għall-esekuzzjoni ta’ kuntratti”, jgħid:

“Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt, basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u huma indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-twettieq ta’ kuntratt jistgħu, partikolarment, jirrigwardjaw konsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali.”

8

L-Artikolu 27 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi relatati ma’ taxxi, ħarsien ambjentali, disposizzjonijiet għal ħarsien ta’ xogħol u kondizzjonijiet ta’ xogħol”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità kontraenti tista’ tiddikkjara fid-dokumenti tal-kuntratt, jew tkun obbligata minn Stat Membru biex tagħmel dan, l-awtorità jew l-awtoritajiet li minnhom offerent jista’ jikseb l-informazzjoni approprjata dwar l-obbligi li jirrelataw [...] [għal]l-kondizzjonijiet tax-xogħol li huma fis-seħħ fl-Istat Membru, fir-reġjun jew fil-lokalità li fihom is-servizzi għandhom jitwettqu u li għandhom ikunu applikabbli għas-servizzi provduti fuq is-sit matul it-twettieq tal-kuntratt.

2.   Awtorità kontrattwanti li tissuplixxi t-tagħrif li sar riferiment għalih fil-paragrafu 1 għandha titlob lil min ikun xeħet l-offerta jew kandidati fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt biex jindikaw li huma kienu ħadu akkont, meta fasslu l-offerta tagħhom, ta’ l-obbligi relatati ma’ disposizzjonijiet ta’ ħarsien ta’ xogħol u l-kuindizzjonijiet ta’ xogħol li huma fis-seħħ fil-post ta’ fejn ix-xogħlijiet ikunu se jsiru jew is-servizz ikun se jiġi provdut.

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

Id-dritt federali

9

L-Artikolu 97(4) tal-liġi kontra r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni (Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen), fil-verżjoni tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1750), kif emendata fl-aħħar lok mill-Artikolu 5 tal-liġi tal-21 ta’ Lulju 2014 (BGBl. 2014 I, p. 1066), jipprovdi:

“Il-kuntratti jingħataw lil impriżi speċjalizzati, effikaċi, affidabbli u li josservaw il-liġi. L-eżekuzzjoni tal-kuntratt tista’ tkun suġġetta għal rekwiżiti supplimentari għall-offerent rebbieħ, li jikkonċernaw b’mod partikolari aspetti soċjali, ambjentali jew ta’ innovazzjoni, jekk ikollhom konnessjoni oġġettiva mas-suġġett tal-kuntratt u huma msemmija fid-deskrizzjoni tas-servizz li għandu jiġi pprovdut. L-offerent rebbieħ jista’ jkun suġġett għal rekwiżiti oħra jew għal rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija iktar ’il fuq biss jekk dawn huma previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Federali jew tal-Länder.”

10

Skont il-liġi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol imperattivi applikabbli għall-provvisti ta’ servizzi transkonfinali (Gesetz über zwingende Arbeitsbedingungen bei grenzüberschreitenden Dienstleistungen), tas-26 ta’ Frar 1996 (BGBl. 1996 I, p. 227, iktar ’il quddiem l-“AEntG”), ftehim kollettiv li jistabbilixxi paga minima obbligatorja għall-qasam ta’ servizzi postali ġie konkluż fid-29 ta’ Novembru 2007 u ġie ddikjarat ta’ applikazzjoni ġenerali għall-impriżi kollha ta’ dan il-qasam b’regolament tat-28 ta’ Diċembru 2007. Madankollu, b’sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali), tat-28 ta’ Jannar 2010, dan ir-regolament ġie annullat, hekk li, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma kienx hemm, għall-qasam tas-servizzi postali, paga minima obbligatorja.

11

Il-liġi li tirregola paga minima ġenerali (Gesetz zur Regelung eines allgemeinen Mindestlohns), tal-11 ta’ Awwissu 2014 (BGBl. 2014 I, p. 1348) tipprevedi, fil-prinċipju, għall-ħaddiema kollha, mill-1 ta’ Jannar 2015, id-dritt għal paga minima ta’ ammont gross ta’ EUR 8.50 fis-siegħa.

Id-dritt tal-Land Rheinland-Pfalz

12

L-Artikolu 1 tal-liġi tal-Land Rheinland-Pfalz dwar il-garanzija tal-osservanza tal-ftehimiet kollettivi u ta’ paga minima fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (Landesgesetz zur Gewährleistung von Tariftreue und Mindestentgelt bei öffentlichen Auftragsvergaben), tal-1 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“LTTG”), jipprovdi fil-paragrafu 1:

“Din il-liġi tikkumbatti d-distorsjonijiet li jseħħu waqt fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minħabba l-użu ta’ xogħol bl-irħis u tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Għal dan il-għan, hija tipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti [...] għandhom id-dritt li jagħżlu bħala offerenti rebbieħa ta’ kuntratti pubbliċi, konformement ma’ din il-liġi, biss l-impriżi li jħallsu lill-impjegati tagħhom il-paga minima stabbilita f’din il-liġi u li josservaw il-ftehimiet kollettivi.”

13

L-Artikolu 3 tal-LTTG, intitolat “Paga minima”, fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprovdi:

“Sa fejn l-osservanza tal-ftehimiet kollettivi ma tistax tiġi rikjesta skont l-Artikolu 4, il-kuntratti pubbliċi jistgħu jiġu attribwiti biss lill-impriżi li, meta jippreżentaw l-offerta, jintrabtu bil-miktub li jħallsu lill-persunal tagħhom għall-eżekuzzjoni tas-servizz, paga ta’ mill-inqas EUR 8.50 gross (paga minima) u jimplementaw, favur l-impjegati tagħhom, matul it-tul tal-eżekuzzjoni, il-bidliet fil-paga minima [...]. Jekk id-dikjarazzjoni dwar il-paga minima hija nieqsa meta l-offerta tiġi ppreżentata l-offerta u jekk ma tiġix ippreżentata wara talba f’dan is-sens, l-offerta hija eskluża mill-evalwazzjoni. Jekk is-servizz [kompetenti] ippubblika mudelli [...] ta’ dikjarazzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni minima, dawn jistgħu jintużaw.”

14

Wara l-adozzjoni tar-regolament tal-gvern tal-Land Rheinland-Pfalz tal-11 ta’ Diċembru 2012, il-paga minima msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG issa titla għal ammont gross ta’ EUR 8.70 kull siegħa.

15

Skont l-Artikolu 4 tal-LTTG, intitolat “Obbligu ta’ osservanza ta’ ftehimiet kollettivi”:

“(1)   Il-kuntratti pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli b’mod obbligatorju lill-ħaddiema kkollokati transkonfinali jew impjegati regolarment fit-territorju nazzjonali (Gesetz über zwingende Arbeitsbedingungen für grenzüberschreitend entsandte und für regelmäßig im Inland beschäftigte Arbeitnehmer und Arbeitnehmerinnen), tal-20 ta’ April 2009 (BGBl. 2009 I, p. 799), fil-verżjoni tagħha applikabbli, jistgħu jiġu attribwiti biss lill-impriżi li jintrabtu bil-miktub, meta jiddepożitaw l-offerta, li jħallsu lill-persunal tagħhom, għall-eżekuzzjoni tas-servizz, remunerazzjoni li, minħabba l-ammont tagħha u l-modalitajiet tagħha, tikkorrispondi għal mill-inqas mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv li jorbot l-impriża skont [l-imsemmija liġi].

[...]

(6)   Jekk id-dikjarazzjoni dwar l-osservanza tal-ftehimiet kollettivi tkun nieqsa meta l-offerta tkun iddepożitata u jekk hija ma tiġix ippreżentata wara talba f’dan is-sens, l-offerta hija eskluża mill-evalwazzjoni. Jekk is-servizz [kompetenti] ippubblika mudelli [...] ta’ dikjarazzjonijiet dwar l-osservanza tal-ftehimiet kollettivi, dawn jistgħu jintużaw.”

16

L-Artikolu 5 tal-LTTG, intitolat “Subappaltaturi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ servizzi kuntrattwali minn subappaltaturi, l-impriża tiggarantixxi l-osservanza, minn dawn tal-aħħar, tal-obbligi li hemm fl-Artikoli 3 u 4 u tagħti lill-awtorità kontraenti dikjarazzjonijiet tas-subappaltaturi dwar il-paga minima u l-osservanza tal-ftehimiet kollettivi [...]”

17

L-Artikolu 6 tal-LTTG, intitolat “Provi u kontroll”, jimponi ċerti obbligi fuq l-offerent rebbieħ u s-subappaltaturi, li jirrigwardaw b’mod partikolari il-konservazzjoni u l-provvista ta’ dokumenti u ta’ data, sabiex jippermettu lill-awtorità kontraenti li tistħarreġ l-osservanza tal-obbligi imposti mil-LTTG.

18

L-Artikolu 7 tal-LTTG, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprovdi:

“(1)   Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ddefiniti fl-Artikoli 3 sa 6, l-awtoritajiet kontraenti jiftehmu mal-offerent rebbieħ, għal kull nuqqas bi ħtija, penalità kuntrattwali ta’ 1 tal-valur tal-kuntratt; fil-każ ta’ nuqqasijiet multipli, is-somma totali tal-penalitajiet ma tistax taqbeż 10 % tal-valur tas-suq. L-offerent rebbieħ huwa wkoll obbligat li jħallas il-penalità kuntrattwali msemmija fl-ewwel sentenza meta n-nuqqas huwa tort ta’ wieħed mis-subappaltaturi tiegħu u li l-offerent rebbieħ kien jaf jew kellu jkun jaf b’dan in-nuqqas. Jekk il-penali kuntrattwali tkun ta’ ammont sproporzjonat, hija tista’ tiġi mnaqqsa għal ammont xieraq mill-awtorità kontraenti, fuq talba tal-offerent rebbieħ. [...]

(2)   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiftehmu mal-offerent rebbieħ li n-nuqqas li jikkostitwixxi traskuraġni grossa gravi tal-preskrizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 6 mill-offerent rebbieħ jawtorizza lill-awtorità kontraenti li jxolji l-kuntratt mingħajr avviż minn qabel għal raġuni gravi.

(3)   Jekk l-offerent rebbieħ jew is-subappaltatur naqas għall-inqas b’traskuraġni grossa jew b’mod ripetut milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont din il-liġi, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu lil dan l-offerent jew lil dan is-subappaltatur mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal tul massimu ta’ tliet snin.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-23 ta’ April 2013, il-belt ta’ Landau nediet, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, sejħa għal offerti, fi proċedura miftuħa, maqsuma f’żewġ lottijiet, li għandhom l-għan ta’ kuntratt pubbliku għas-servizzi postali ta’ din il-belt, li għandhom l-għan, b’mod partikolari, tal-konklużjoni ta’ kuntratt-qafas għall-ġbir, it-trasport u t-tqassim ta’ ittri, ta’ pakki u ta’ pakketti. It-tul previst tal-kuntratt kien għal sentejn, filwaqt li l-awtorità kontraenti setgħet testendih darbtejn oħra, kull darba għal perijodu ta’ sena.

20

Konformement mal-punt III 2.2(4) tal-avviż tal-kuntratt, li jinsab taħt it-titolu “Kapaċità ekonomika u finanzjarja”, ‘’l-offerent rebbieħ josserva d-dispożizzjonijiet [tal-LTTG]”.

21

Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma kienx hemm ftehim kollettiv li jistabbilixxi paga minima u li jorbot l-impriżi tal-qasam tas-servizzi postali skont l-AEntG. F’din l-istess data, l-impriżi ma kinux iktar suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas ta’ paga minima ġenerali istitwita bil-liġi tal-11 ta’ Awwissu 2014 li fiha regoli ta’ paga minima ġenerali.

22

L-anness E6 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien intitolat “Mudell ta’ dikjarazzjoni konformi mal-Artikolu 1 tal-LTTG”. Dan l-anness kien imfassal sabiex jippermetti lill-offerenti sabiex jippreżentaw, waqt id-depożitu tal-offerta tagħhom, id-dikjarazzjoni tagħhom stess fuq il-paga minima u dawk tas-subappaltaturi tagħhom.

23

Il-mudell tad-dikjarazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Bil-preżenti, nintrabat/nintrabtu

1.

li nħallas/nħallsu lill-impjegati, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-servizz, għall-inqas ir-remunerazzjoni (grossa) fis-siegħa dovuta skont ir-regolament tal-Land fis-seħħ għall-finijiet tal-istabbiliment tal-paga minima msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 3(2) [tal-LTTG], ħlief fejn is-servizz huwa pprovdut minn min qed jitħarreġ;

2.

li nagħżel/nagħżlu bir-reqqa is-subappaltaturi u b’mod partikolari nivverifika/nivverifikaw jekk l-offerti tagħhom jistgħux ikunu kkalkolati abbażi tal-paga minima li għandha titħallas;

3.

fil-każ ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt minn subappaltaturi jew minn impjegati ta’ aġenzija temporanja jew mill-impjegati tal-aġenzija temporanja tas-subappaltatur, li niggarantixxi/niggarantixxu l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tal-LTTG jew tal-Artikolu 3(1) tal-LTTG u sabiex jippreżentaw lill-awtorità kontraenti dikjarazzjonijiet li bihom is-subappaltaturi u l-aġenziji temporanji jintrabtu li josservaw ir-remunerazzjoni minima u l-ftehimiet kollettivi;

4.

li jkolli/jkollna disponibbli dokumenti kompleti u verifikabbli dwar l-impjegati assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li nippreżenta/nippreżentaw l-imsemmija dokumenti lill-awtorità kontraenti fuq talba ta’ din tal-aħħar u li ninforma/ninformaw lill-impjegati bil-possibbiltà ta’ verifiki magħmula mill-awtorità kontraenti”.

24

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2013, RegioPost sostniet li d-dikjarazzjonijiet dwar il-paga minima msemmija fl-Artikolu 3 tal-LTTG kienu kuntrarji għad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Hija hemżet mal-offerta tagħha, iddepożitata fit-termini rikjesti, dikjarazzjonijiet tas-subappaltaturi tagħha li hija kienet irrediġiet stess. Madankollu, hija ma ddepożitatx għaliha stess dikjarazzjoni ta’ osservanza tal-paga minima.

25

Permezz ta’ posta elettronika tal-25 ta’ Ġunju 2013, il-belt ta’ Landau tat lil RegioPost l-opportunità li tipproduċi, fi żmien erbatax-il jum, id-dikjarazzjonijiet dwar il-paga minima msemmija fl-Artikolu 3 tal-LTTG, filwaqt li indikat li kienet ser teskludi l-offerta ta’ RegioPost fil-każ li hija ma tikkonformax ma’ din it-talba.

26

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2013, RegioPost sempliċement tenniet l-ilmenti tagħha u ħabbret li, fil-każ ta’ esklużjoni tal-offerta tagħha, hija ser tippreżenta azzjoni.

27

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2013, il-belt ta’ Landau informat lil RegioPost li, minħabba l-assenza ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-paga minima msemmija fl-Artikolu 3 tal-LTTG, l-offerta tagħha ma setgħetx tiġi evalwata. Fl-istess ittra, hija indikat li l-ewwel lott tal-kuntratt kien ser jingħata lil PostCon Deutschland GmbH u t-tieni lott lil Deutsche Post AG.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2013, il-Vergabekammer Rheinland-Pfalz (il-bord tal-kuntratti pubbliċi tal-Land Rheinland-Pfalz) ċaħdet l-azzjoni mressqa minn RegioPost, billi qieset, b’mod partikolari, li l-offerta kienet ġiet ġustament eskluża minħabba l-assenza tad-dikjarazzjonijiet relatati mal-paga minima, li kienu ġew mitluba kif suppost, mill-awtorità kontraenti.

29

Adita bit-tilwima fl-appell, il-qorti tar-rinviju qieset li s-soluzzjoni għal dan tal-aħħar tiddependi fuq jekk hijiex marbuta li ma tapplikax l-Artikolu 3 tal-LTTG peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

30

L-imsemmija qorti tqis li l-Artikolu 3 tal-LTTG fih kundizzjoni partikolari li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li, skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, tkun biss leċita jekk tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

31

Issa, il-qorti tar-rinviju tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika din il-kompatibbiltà, fid-dawl ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189).

32

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li RegioPost hija impriża stabbilita fil-Ġermanja u li l-offerenti l-oħra għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ma jipprekludix talba għal deċiżjoni preliminari, peress li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandhiex tibqa’ mhux applikabbli minħabba l-inkompatibbiltà eventwali tagħha mad-dritt tal-unjoni hija kwistjoni ta’ dritt li tqum indipendentement min-nazzjonalità tal-partijiet fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt jew tar-rikors.

33

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 56(1) TFUE, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-obbligu għall-impriżi stabbiliti fi Stati membri oħra barra r-Repubblika Federal tal-Ġermanja li jadattaw il-pagi mħallsin lill-ħaddiema tagħhom għal livell ta’ remunerazzjoni ogħla, applikabbli fil-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt li jinsab f’dan l-aħħar Stat, itellef lil dawn l-impriżi l-vantaġġ kompetittiv li huma għandhom minħabba li l-ispiża tagħhom f’pagi hija iktar baxxa, minkejja li dan il-vantaġġ huwa spiss neċessarju sabiex jikkumpensa l-vantaġġi strutturali li jibbenefikaw minnhom l-impriżi u sabiex ikollhom aċċess għall-kuntratt meqjus. L-obbligu ta’ osservanza tal-paga minima preskritt fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG jikkostitwixxi għaldaqstant xkiel għall-impriżi stabbiliti f’dawn l-Istati Membri l-oħra li huwa fil-prinċipju pprojbit mill-Artikolu 56(1) TFUE.

34

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-LTTG għall-imsemmija impriżi, kemm-il darba jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE kienu ġew issodisfatti. Issa, skont din il-qorti, fuq dan il-punt, jista’ jkun hemm dubji.

35

Minn naħa, din il-qorti tosserva li, għalkemm l-Artikolu 3(1) tal-LTTG jikkostitwixxi dispożizzjoni leġiżlattiva li tistabbilixxi r-rata ta’ paga minima, din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix lill-ħaddiema l-ħlas mill-persuna li timpjegahom il-paga minima. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni nazzjonali tipprojbixxi biss lill-awtoritajiet kontraenti li jagħtu kuntratt pubbliku lil offerenti li ma jkunux intrabtu li jħallsu l-paga minima li hija tipprevedi lill-ħaddiema assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

36

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tirrileva li l-obbligu dwar il-paga minima stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG jikkonċerna biss il-ħaddiema tal-offerent rebbieħ li huma assenjati sabiex jeżegwixxu l-kuntratt pubbliku kkonċernat. Issa, ħaddiem assenjat għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt privat ma jkunx inqas denju ta’ protezzjoni soċjali minn ħaddiem li huwa assenjat għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku.

37

Fir-rigward tat-tagħlim li għandu jinġibed mis-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189), il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-duttrina Ġermaniża, b’mod partikolari ġie sostnut li din is-sentenza għandha tinftiehem fis-sens li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 ma jipprekludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 3(1) tal-LTTG li jistabbilixxi, f’dispożizzjoni leġiżlattiva, rata minima ta’ ħlas, anki jekk din tal-aħħar għandha tiġi osservata biss fil-kuntest biss tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi, ladarba r-rekwiżit ta’ applikazzjoni ġenerali ma jikkonċernax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, iżda l-ftehimiet kollettivi biss.

38

Il-qorti tar-rinviju tafferma, madankollu, li għandha dubji serji dwar l-eżattezza ta’ din it-teżi. Peress li din hija restrizzjoni għal libertà fundamentali bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija tqis li jkun illoġiku li l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiġi interpretat fis-sens li dan tal-aħħar jirrikjedi li l-ftehimiet kollettivi li jistabbilixxu paga minima jkunu ta’ applikazzjoni ġenerali, inklużi l-ħaddiema kollha fis-settur ikkonċernat, kemm jekk ikunu impjegati fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ kuntratti privati, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu paga minima jkun jista’ jiġi ristrett għall-ħaddiema biss assenjati għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi.

39

Din il-qorti tqis li, jekk kellu jiġi konkluż li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3(1) tal-LTTG timponi fuq l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom l-obbligu li jintrabtu li jħallsu lill-persunal li jeżegwixxi s-servizzi li huma fil-mira ta’ kuntratt pubbliku paga minima, hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, ikun hemm lok li ssir id-domanda dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 tas-sanzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, jiġifieri l-esklużjoni tal-offerent milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

40

Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-kompatibbiltà tidher dubjuża ladarba, jekk l-Artikolu 3(1) tal-LTTG jikkostitwixxu hija kundizzjoni partikolari dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar ma tipprevedix motiv ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni għal kuntratt dwar il-ksur ta’ tali kundizzjoni partikolari. Tali motiv ta’ esklużjoni barra minn hekk jinftiehem ħażin ladarba l-kwistjoni tal-osservanza minn offerent ta’ kundizzjonijiet partikolari li għalihom dan tal-aħħar intrabat tqum biss wara l-għoti tal-kuntratt lil dan l-operatur. Għaldaqstant dan ma huwiex kriterju ta’ għażla kwalitattiva li jista’ jiġġustifika l-esklużjoni ta’ offerent.

41

Din il-qorti tqis li s-sanzjoni ta’ esklużjoni tal-offerta fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 3(1) tal-LTTG ma hijiex ibbażata fuq raġuni valida ladarba l-impenji preskritti minn din id-dispożizzjoni huma biss ta’ natura dikjaratorja.

42

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li din is-sanzjoni tidher inutli ladarba, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu dwar il-ħlas tal-paga minima preskritt fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG huwa parti mill-obbligi li jinsabu kemm fl-avviż ta’ kuntratt kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li l-offerent rebbieħ huwa marbut bihom wara l-għoti tal-kuntratt u li l-penalità kuntrattwali stabbilita fl-Artikolu 7(1) tal-LTTG timmira li tiżgura l-osservanza.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Koblenz (qorti reġjonali superjuri ta’ Koblenz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 56(1) [TFUE], flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [96/71], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil awtorità kontraenti pubblika tagħti kuntratti biss lil impriżi li jimpenjaw ruħhom, b’subappaltaturi li wkoll jimpenjaw ruħhom bil-miktub, meta tiġi ppreżentata l-offerta, li jħallsu lill-impjegati tagħhom inkarigati bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, salarju minimu li jiġi stabbilit mill-Istat għall-kuntratti pubbliċi biss, iżda mhux għall-kuntratti privati, meta la jkun jeżisti salarju minimu ġenerali legali u lanqas ftehim kollettiv ta’ portata ġenerali li jorbot lill-eventwali offerent magħżul u lill-eventwali subappaltaturi tiegħu?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari l-Artikolu 26 tad-Direttiva [2004/18], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali [... ] [bħat-tielet sentenza tal-]-Artikolu 3 (1) [tal-]LTTG li jipprevedi l-esklużjoni obbligatorja ta’ offerta fil-każ fejn operatur ekonomiku ma jimpenjax ruħu, mal-preżentazzjoni tal-offerta, f’dikjarazzjoni separata, għal att li, fil-każ tal-għoti tal-kuntratt, ikun kuntrattwalment marbut iwettaq anki jekk ma jkunx ippreżenta din id-dikjarazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

44

Il-belt ta’ Landau kif ukoll il-gvernijiet Ġermaniż u dak Taljan jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda billi jinvokaw l-assenza, ikkonfermata mill-qorti tar-rinviju, ta’ kwalunkwe element transkonfinali li jikkaratterizza t-tilwima fil-kawża prinċipali, sa fejn l-impriżi kollha li ħadu sehem fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni huma stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li taqa’ fih l-awtorità kontraenti, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fin-nuqqas ta’ element transkonfinali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tesprimi ruħha fuq il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 96/71 u/jew l-Artikolu 56 TFUE. Il-Gvern Taljan jikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tat-tieni domanda, għal raġunijiet simili.

45

Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

46

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, il-fatt li qorti tar-rinviju fformulat formalment domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punt 22).

47

F’dan ir-rigward, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li tirregolaha speċifikament, jiġifieri l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, dispożizzjoni li tirreferi espressament għaliha barra minn hekk il-qorti nazzjonali bħala parti tat-tieni domanda tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Rüffert, C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 18).

48

Issa, mill-proċess li hemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Vergabekammer Rheinland-Pfalz (bord tal-kuntratti pubbliċi tal-Land Rheinland-Pfalz) li hemm riferiment għaliha fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jirriżulta kjarament li l-imsemmija direttiva hija applikabbli fil-kawża prinċipali meta l-valur tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni jaqbeż sew il-limitu rilevanti ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva li, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien stabbilit għal EUR 200000.

49

Peress li, f’dan il-każ, id-Direttiva 2004/18 hija applikabbli, li barra minn hekk ma huwa kkontestat minn ħadd mill-partijiet ikkonċernati li ddepożitaw noti ta’ osservazzjonijiet jew li kienu preżenti matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, domanda ta’ interpretazzjoni dwar waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha, f’dan il-każ l-Artikolu 26 tagħha, hija ammissibbli, anki jekk hija magħmula, kif inhu l-każ f’din il-kawża, fil-kuntest ta’ tilwima fejn l-elementi kollha huwa ristretti għal Stat Membru wieħed.

50

Barra minn hekk, għalkemm, f’dan il-każ, l-elementi kollha ta’ din it-tilwima huma ristretti ġo Stat Membru wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-Artikolu 56 TFUE, sa fejn il-grad ta’ armonizzazzjoni previst mill-imsemmija direttiva jippermetti dan.

51

Fil-fatt, peress li l-valur tal-kuntratt s-suq inkwistjoni jaqbeż manifestament il-limitu rilevanti ta’ applikazzjoni li tippermetti l-istess direttiva, għandu jitqies li dan il-kuntratt għandu ċertu interess transkonfinali. Għaldaqstant, bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu interessati li jipparteċipaw fl-imsemmi kuntratt, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt, għalkemm, finalment, huma ddeċidew li ma jipparteċipawx minħabba raġunijiet li jirrigward lihom stess, iżda li, għal xi wħud minn dawn l-impriżi li huma stabbiliti fi Stati Membri fejn l-għoli tal-ħajja u r-rata minima ta’ paga fis-seħħ huma sinjifikattivament iktar baxxi minn dawk prevalenti fil-Land Rheinland-Pfalz, jistgħu jinkludu l-obbligu preskritt espressament li josservaw il-paga minima imposta f’dan il-Land.

52

Minn dan isegwi li l-ewwel domanda, ifformulata mill-ġdid fis-sens li tirrigwarda fl-ewwel lok l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, u t-tieni domanda huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal domanda preliminari, hemm lok li jitqies li, bl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-offerenti u lis-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, b’dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tinhemeż mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat bl-eżekuzzjoni tas-servizzi li huma fil-mira tal-kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

54

F’dan ir-rigward, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-LTTG, sa fejn tipprevedi l-obbligu għal-kwalunkwe offerent u subappaltatur li jintrabat fir-rigward tal-awtorità kontraenti li jħallas lill-persunal sabiex jeżegwixxu l-kuntratt pubbliku kkonċernat paga minima stabbilita bil-liġi, għandha tiġu kklassifikata bħala “kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt” ibbażati fuq “konsiderazzjonijiet soċjali” fis-sens tal-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva.

55

F’dan il-każ, din il-kundizzjoni partikolari ġiet indikata kemm fl-avviż tal-kuntratt kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hekk li l-kundizzjoni proċedurali ta’ trasparenza, magħmula f’dan l-aħħar artikolu, hija ssodisfatta.

56

Barra minn hekk, mill-premessa 33 tal-istess direttiva jirriżulta li kundizzjoni partikolari ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss sa fejn hija ma hijiex direttament jew indirettament diskriminatorja. Issa, huwa paċifiku li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa din il-kundizzjoni.

57

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba miżura nazzjonali tkun f’qasam li saret armonizzazzjoni eżawrjenti tagħha fil-livell tal-Unjoni, din il-miżura għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi DaimlerChrysler, C‑324/99, EU:C:2001:682, punt 32; Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 44, u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, EU:C:2014:253, punt 38).

58

Issa, skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, kundizzjonijiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt jistgħu jiġu rikjesti “basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità”.

59

Minn dan isegwi li l-imsemmija direttiva ma tirregolax b’mod eżawrjenti l-qasam tal-kundizzjonijiet partikolari ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratti, hekk li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni.

60

Madankollu, konformement mal-premessa 34 tad-Direttiva 2004/18, bħala parti mill-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, f’sitwazzjonijiet transkonfinali jew fejn il-ħaddiema ta’ Stat Membru wieħed jipprovdu servizzi lill-Stat Membru ieħor għat-twettiq ta’ kuntratt pubbliku, il-kundizzjonijiet minimi stipulati mid-Direttiva 96/71 għandhomx jiġu osservati mill-pajjiż ospitanti fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati.

61

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effetti tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fuq impriżi stabbiliti barra t-territorju Ġermaniż li setgħu jkollhom interess li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku meqjus u li jaħseb għal kollokament tal-ħaddiema tagħhom f’dak it-territorju, peress li dawn l-impriżi setgħu rrinunzjaw għal din il-parteċipazzjoni minħabba l-obbligu li kien impost fuqhom li jintrabtu li josservaw il-paga minima imposta mil-LTTG. Għaldaqstant, hemm lok li din il-miżura nazzjonali tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71.

62

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-LTTG għandha tiġi kklassifikata bħala “liġi” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmija direttiva li jipprovdi għal “rati minimi ta’ ħlas” fis-sens tal-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 3(1) ta’ l-istess direttiva. Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal-liġi tal-Land Niedersachsen dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189), dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-LTTG tistabbilixxi hija stess l-imsemmija rata ta’ paga minima. Min-naħa l-oħra, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, la l-AEntG u lanqas xi leġiżlazzjoni nazzjonali oħra ma timponi, għall-qasam tas-servizzi postali, paga ta’ livell iktar baxx.

63

Din il-klassifika ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt li l-miżura nazzjonali meqjusa tapplika għall-kuntratti pubbliċi u mhux għall-kuntratti privat ladarba l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali ddefinita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71 tapplika biss għal ftehimiet kollettivi jew għas-sentenzi ta’ arbitraġġ imsemmija fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

64

Barra minn hekk, ladarba l-miżura nazzjonali inkwistjoni taqa’ fil-kuntest tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-impożizzjoni ta’ paga minima fil-kuntratti pubbliċi, ma jistax jiġi rikjest li din il-miżura tmur lil hinn minn dan il-qasam speċifiku billi tkun imposta b’mod ġenerali fil-kuntratti kollha, inklużi l-kuntratti pubbliċi.

65

Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura nazzjonali għall-kuntratti pubbliċi hija l-konsegwenza sempliċi tal-fatt li hemm regoli tad-dritt tal-Unjoni li huma speċifiċi għal dan il-qasam, f’dan il-każ dawk previsti mid-Direttiva 2004/18.

66

Minn dan isegwi li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mad-Direttiva 96/71, jippermetti lill-Istat Membru ospitanti li jipprevedi, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, regola imperattiva ta’ protezzjoni minima li tinsab fl-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi l-osservanza mill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra rata ta’ paga minima għall-benefiċċju tal-ħaddiema tagħhom ikkollokati fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt pubbliku. Fil-fatt, tali regola tagħmel parti mil-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit lill-imsemmija ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punti 748081).

67

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 96/71 hija kkonfermata barra minn hekk minn qari ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, peress li l-għan ta’ din id-direttiva huwa, b’mod partikolari, li titwettaq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li hija waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza Rüffert, C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 36).

68

Barra minn hekk mill-premessa 2 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni li fiha l-istess direttiva għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont għandhom jiġu interpretati konformement mar-regoli u l-prinċipji tat-Trattat, fosthom dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

69

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-impożizzjoni, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ remunerazzjoni minima fuq l-offerenti u s-subappaltaturi eventwali tagħhom stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-awtorità kontraenti u li fih ir-rati ta’ paga minima jkunu iktar baxxi, tikkostitwixxi piż ekonomiku addizzjonali li jista’ jipprojbixxi, ifixkel jew jirrendi inqas attraenti l-eżekuzzjoni tas-servizzi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Bundesdruckerei, C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 30).

70

Tali miżura nazzjonali tista’ bħala prinċipju tiġi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bundesdruckerei, C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 31).

71

Madankollu, kif il-qorti tar-rinviju rrilevat, tqum id-domanda dwar jekk mill-punti 38 sa 40 tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189) jirriżultax li tali ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata peress li l-paga minima li jimponi l-Artikolu 3(1) tal-LTTG tapplika biss għall-kuntratti pubbliċi, bl-esklużjoni ta’ kuntratti privati.

72

Din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.

73

Fil-fatt, mill-imsemmija punti 38 sa 40 tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189) jirriżulta li, għalkemm, fil-kuntest tal-eżami fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din il-miżura ma tistax tiġi ġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, hija bbażata fuq ċerti karatteristiċi tal-imsemmija miżura li jiddistingwuha b’mod evidenti mill-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

74

B’hekk fis-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li inkwistjoni hemm, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ftehim kollettiv japplika biss għall-qasam tal-kostruzzjoni, li ma jkoprix il-kuntratti pubbliċi u li ma kienx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-rata ta’ paga stabbilita minn dan il-ftehim kollettiv teċċedi r-rata ta’ paga minima applikabbli għal dan il-qasam skont l-AEntG.

75

Issa, ir-rata ta’ paga minima imposta mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija stabbilita minn dispożizzjoni leġiżlattiva li, bħala regola imperattiva ta’ protezzjoni minima, tapplika, fil-prinċipju, b’mod ġenerali għall-għoti ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku fil-Land Rheinland-Pfalz, ikun xi jkun il-qasam ikkonċernat.

76

Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni leġiżlattiva tagħti protezzjoni soċjali minima ladarba, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, la l-AEntG u lanqas leġiżlazzjoni nazzjonali oħra ma jimponu, għall-qasam tas-servizzi postali, paga minima ta’ livell iktar baxx.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-offerenti u lis-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, b’dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tinhemeż mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat bl-eżekuzzjoni tas-servizzi li huma fil-mira tal-kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

Fuq it-tieni domanda

78

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ offerenti u tas-subappaltaturi tagħhom li jirrifjutaw li jintrabtu, b’dikjarazzjoni li tiġi mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat li jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

79

Mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 26 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, f’dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tkun mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal li jeżegwixxu s-servizzi koperti mill-kuntratt pubbliku kkunsidrat paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

80

L-Artikolu 3(1) tal-LTTG jipprovdi wkoll li, jekk din id-dikjarazzjoni tkun nieqsa meta l-offerta tiġi ppreżentata u jekk ma tiġix ippreżentata wara talba f’dan is-sens, din l-offerta hija eskluża mill-evalwazzjoni.

81

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-LTTG jipprovdi sistema ta’ sanzjonijiet li tapplika f’diversi ipoteżijiet fejn tali impenn bil-miktub kien mehmuż mal-offerta, iżda ma kienx osservat matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku. Din is-sistema ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali li tikkonċerna l-esklużjoni ta’ offerent li rrifjuta li jehmeż dan l-impenn mal-offerta tiegħu.

82

F’din il-każ, RegioPost kienet eskluża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara li rrifjutaw li tirregolarizza l-offerta tagħha billi tehmeż l-impenn bil-miktub tagħha li tosserva l-obbligu li tħallas il-paga minima prevista fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG.

83

Issa, l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’dan il-kuntratt ma tistax tiġi kklassifikata bħala sanzjoni. Hija biss il-konsegwenza tan-nuqqas, ikkaratterizzat mill-assenza li mal-offerta jinhemżu impenji bil-miktub rikjesti fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG, ta’ rekwiżit ifformulat b’mod trasparenti ħafna fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkunsidrat u intiż li qabel kollox jenfasizza l-importanza tal-osservanza ta’ regola imperattiva għal protezzjoni minima espressament awtorizzata fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18.

84

B’hekk, bl-istess mod kif dan l-aħħar artikolu ma jipprekludix li jkun rikjest impenn bil-miktub għall-osservanza tal-imsemmija regola, jippermetti tali esklużjoni.

85

L-importanza tal-osservanza ta’ din ir-regola imperattiva ta’ protezzjoni minima tirriżulta barra minn hekk mill-premessa 34 tad-Direttiva 2004/18 sa fejn din tal-aħħar tistabbilixxi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi imposti mid-dritt nazzjonali f’dan il-qasam, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jikklassifikaw tali nuqqas ta’ osservanza bħala nuqqas gravi jew bħala offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali tal-operatur ekonomiku li jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ dan l-operatur ekonomiku mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

86

Barra minn hekk, il-limitazzjoni li tirrappreżenta, għall-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom, l-obbligu li jiġi inkluż impenn li tiġi osservata paga minima, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG, hija negliġibbli, speċjalment peress li dawn jistgħu jkunu limitati sabiex jimlew formoli stabbiliti minn qabel.

87

In-natura xierqa u proporzjonata tal-esklużjoni ta’ operatur milli jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħall-esklużjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tal-LTTG, tirriżulta wkoll mill-fatt li din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament li l-imsemmija esklużjoni ma tapplikax jekk, wara li jkun intalab jikkompleta l-offerta tiegħu u jiżdied miegħu l-imsemmi impenn, l-operatur konċernat jirrifjuta, bħal fil-kawża prinċipali, li jikkonforma ruħu.

88

Mill-kunsiderazzjoni kollha preċedenti jirriżulta li għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ offerenti u tas-subappaltaturi tagħhom li jirrifjutaw li jintrabtu, b’dikjarazzjoni li tiġi mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat li jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

89

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], kif emendat bir-Regolament (UE) tal-Kummissjoni Nru 1251/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-offerenti u lis-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, b’dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tinhemeż mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat bl-eżekuzzjoni tas-servizzi li huma fil-mira tal-kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, kif emendata bir-Regolament Nru 1251/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ offerenti u tas-subappaltaturi tagħhom li jirrifjutaw li jintrabtu, b’dikjarazzjoni li tiġi mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat li jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.