Kawża C‑62/14

Peter Gauweiler et

vs

Deutscher Bundestag

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverfassungsgericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika ekonomika u monetarja — Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar numru ta’ karatteristiċi tekniċi relatati ma’ tranżazzjonijiet monetarji tal-Eurosistema dwar xiri ta’ titoli fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran — Artikoli 119 TFUE u 127 TFUE — Funzjonijiet tal-BĊE u tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali — Mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja — Żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet — Proporzjonalità — Artikolu 123 TFUE — Projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Ġunju 2015

  1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Domandi preliminari — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Effetti

    (Artikolu 267 TFUE)

  3. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Kompetenza sabiex tingħata risposta għal domandi magħmula fil-kuntest ta’ proċedura li tirriżulta minn azzjoni ta’ prevenzjoni awtorizzata mid-dritt nazzjonali

    (Artikolu 267 TFUE)

  4. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għall-interpretazzjoni ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali li ma kienx is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni fid-dritt nazzjonali — Ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-qorti nazzjonali — Inklużjoni

    (Artikolu 267 TFUE)

  5. Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Kamp ta’ applikazzjoni — Programm ta’ xiri mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji — Inklużjoni — Programm li jwassal għal konsegwenzi favorevoli għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika ekonomika — Assenza ta’ impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ politika monetarja

    (Artikoli 119(2) TFUE, 127(1) TFUE u 282(2) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 18(1))

  6. Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Implementazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

    (Artikolu 5(4) TUE; Artikoli 119(2) TFUE u 127(1) TFUE)

  7. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

    (Artikolu 296(2) TFUE)

  8. Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Implementazzjoni — Programm ta’ xiri mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

    (Artikolu 5(4) TUE; Artikoli 119(2) TFUE u 127(1) TFUE)

  9. Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju — Kamp ta’ applikazzjoni — Programm ta’ xiri mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji — Esklużjoni — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 123(1) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikoli 18(1) u 33; Regolament tal-Kunsill Nru 3603/93, is-seba’ premessa)

  10. Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju — Għan — Inkoraġġiment lill-Istati Membri sabiex imexxu politika baġitarja għaqlija.

    (Artikoli 119(2) TFUE, 123 TFUE, 127(1) TFUE u 282(2) TFUE)

  11. Bank Ċentrali Ewropew — Kompetenzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali — Adozzjoni ta’ programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji — Inklużjoni

    (Artikoli 119 TFUE, 123(1) TFUE u 127(1) u (2) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikoli 17 sa 24)

  1.  Fil-qasam ta’ deċiżjonijiet preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza sabiex tagħti deċiżjoni peress li l-qorti tar-rinviju ma hijiex marbuta bl-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din tal-aħħar ma għandhiex il-kompetenza sabiex tagħti risposti li għandhom effett purament konsultattiv. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza sabiex tinterpreta att li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ma jirreferix b’mod dirett u mingħajr kundizzjoni għad-dritt tal-Unjoni iżda sempliċement jieħu bħala mudell att li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u jirriproduċi l-kliem parzjalment biss. Madankollu, dan ma japplikax meta t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda direttament l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan jimplika li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha konsegwenzi konkreti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-waqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni.

    Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha.

    (ara l-punti 12-15, 24, 25)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 16)

  3.  Għal dak li jirrigwarda rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew relattivi għal programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali, il-fatt li dan il-programm ma ġiex implementat u li dan jista’ jsir biss wara l-adozzjoni ta’ atti legali ġodda, ma jċaħħadx ir-rikors fil-kawża prinċipali mill-iskop tiegħu, meta d-dritt nazzjonali inkwistjoni jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja preventiva f’tali sitwazzjoni. Issa, għalkemm huwa minnu li r-rikors fil-kawża prinċipali, li huwa intiż sabiex jipprevjenu l-ksur ta’ drittijiet mhedda, għandu neċessarjament ikun ibbażat fuq previżjonijiet li min-natura tagħhom stess huma inċerti, huwa xorta waħda awtorizzat mid-dritt nazzjonali. Konsegwentement, sa fejn, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl‑Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali taqa’ esklużivament taħt din il-qorti il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux għadhom ġew implementati u li dan ma jistax isir ħlief wara l-adozzjoni ta’ atti legali ġodda, ma jistax iwassal sabiex jiġi miċħud li t-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwim li għandha quddiemha l-imsemmija qorti.

    (ara l-punti 27, 28)

  4.  Meta, skont id-dritt nazzjonali, il-partijiet f’kawża li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha għal deċiżjoni preliminari jkunu jistgħu jippreżentaw rikors għal stħarriġ tal-legalità tal-intenzjoni jew tal-obbligu tal-Gvern tal-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ruħu ma’ att tal-Unjoni, il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun diġà effettivament kien is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li l-qorti nazzjonali tkun adita b’tilwima reali li fiha tqum, b’mod inċidentali, il-kwistjoni tal-validità ta’ tali att.

    (ara l-punt 29)

  5.  Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-politika monetarja, għandu jsir riferiment prinċipalment għall-għanijiet ta’ din il-miżura. Huma wkoll rilevanti l-mezzi li din timplementa sabiex tilħaq dawn l-għanijiet.

    Jaqa’ taħt il-qasam tal-politika monetarja, programm ta’ xiri mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji, li huwa intiż sabiex jissalvagwarda kemm it-trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja kif ukoll in-natura unika ta’ din il-politika. Fl-ewwel lok, minn naħa, l-għan li tiġi ssalvagwardata n-natura unika tal-politika monetarja jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ din il-politika, sa fejn skont l-Artikolu 119(2) TFUE din għandha tkun unika. Min-naħa l-oħra, l-għan li tiġi ssalvagwardata trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja huwa fl-istess waqt kemm li jissalvagwarda n-natura unika tal-imsemmija politika kif ukoll li jikkontribwixxi għall-għan prinċipali tagħha li huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Din l-analiżi ma tistax tiġi mminata mill-fatt li l-imsemmi programm jista’ possibbilment jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà taż-żona tal-euro, li taqa’ taħt il-politika ekonomika. Fil-fatt, miżura ta’ politika monetarja ma tistax tixxebbah ma’ miżura ta’ politika ekonomika minħabba s-sempliċi fatt li jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro.

    Fit-tieni lok, mill-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, li jinsab taħt il-Kapitolu IV tiegħu, jirriżulta ċarament li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-SEBĊ u jitwettqu l-kompiti tagħha, kif jirriżultaw mid-dritt primarju, il‑Bank u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu, bħala prinċipju, jintervjenu fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbigħu fil-mument titoli negozzjabbli f’euro. Għal dak li jikkonċerna n-natura selettiva tal-programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali, peress li għandu l-għan li jirrimedja għall-perturbazzjonijiet tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja ġġenerati mis-sitwazzjoni speċifika tal-bonds nazzjonali maħruġa minn ċerti Stati Membri, is-sempliċi fatt li l-imsemmi programm huwa limitat speċifikament għal dawn il-bonds nazzjonali ma huwiex għaldaqstant tali li jimplika, fih innifsu, li l-istrumenti użati mis-SEBĊ ma jaqgħux taħt il-politika monetarja. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma timponi fuq is-SEBĊ li tintervjeni fis-swieq finanzjarji permezz ta’ miżuri ġenerali li japplikaw neċessarjament għall-Istati taż-żona tal-euro kollha.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-implementazzjoni ta’ programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali huwa suġġett għall-osservanza integrali tal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku ma huwiex tali li jemenda din il-konklużjoni. Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali li għandu tali karatteristika jista’ jsaħħaħ, b’mod inċidentali, l-inkoraġġiment sabiex jiġu osservati dawn il-programmi ta’ aġġustament u jiffavorixxi b’hekk, sa ċertu punt, it-twettiq tal-għanijiet ta’ politika ekonomika li dawn iridu jilħqu. Madankollu, tali riperkussjonijiet indiretti ma jistgħux jimplikaw li tali programm għandu jixxebbah ma’ miżura ta’ politika ekonomika, sa fejn mill-Artikoli 119(2) TFUE, 127(1) TFUE u 282(2) TFUE jirriżulta li, bla ħsara għall-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ għandha ssostni lill-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni.

    (ara l-punti 46-49, 51, 52, 54-59)

  6.  Mill-Artikoli 119(2) TFUE u 127(1) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(4) TUE jirriżulta li programm ta’ akkwisti ta’ bonds li jaqa’ taħt il-politika monetarja jista’ biss jiġi adottat u implementat b’mod validu sakemm il-miżuri inklużi fih ikunu proporzjonati mal-għanijiet ta’ din il-politika. Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li meta telabora u timplementa programm ta’ operazzjonijiet ta’ suq miftuħ bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għandha tagħmel għażliet ta’ natura teknika u tagħmel previżjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, hemm lok li f’dan il-kuntest tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

    Finalment, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali jieħu importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu tas-SEBĊ li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timmotiva biżżejjed id-deċiżjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, il-fatt li analiżi motivata tas-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro hija kkontestata ma jistax ikun suffiċjenti, fih innifsu, sabiex tiġi kkonfutata l-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li, fid-dawl tan-natura kontroversjali li għandhom normalment il-kwistjonijiet ta’ politika monetarja u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tas-SEBĊ, ma jistax jintalab ukoll minn din l-użu tal-għarfien ekonomiku tagħha u tal-mezzi tekniċi neċessarji li hija għandha sabiex twettaq l-istess analiżi bid-diliġenza u l-preċiżjoni kollha.

    (ara l-punti 66, 68, 69, 74, 75)

  7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 70)

  8.  L-akkwist, fis-swieq sekondarji, mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) ta’ bonds nazzjonali ta’ Stati Membri taż-żona tal-euro li r-rati ta’ interessi tagħhom sofrew minn volatilità qawwija u differenzi estremi, b’mod partikolari minħabba primjums ta’ riskju eċċessivi intiżi sabiex ikopru riskju li tikkollassa ż-żona tal-euro, jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ dawn ir-rati billi jelimina l-biżgħat mhux iġġustifikati li tikkollassa ż-żona tal-euro u, għaldaqstant, li jipparteċipa fit-tnaqqis jew saħansitra l-għajbien ta’ dawn il-primjums.

    F’dan il-kuntest, is-SEBĊ kienet iġġustifikata meta qieset li din l-evoluzzjoni tar-rati tal-interessi hija tali li tiffaċilita t-trażmissjoni tal-politika monetarja tas-SEBĊ u li tissalvagwarda n-natura unika ta’ din il-politika. Għaldaqstant, is-SEBĊ setgħet tikkunsidra b’mod validu li tali programm huwa adatt sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet imfittxija mis-SEBĊ u, għaldaqstant, għaż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Tali programm ma jmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, peress li, fost oħrajn, dan jippermetti l-akkwist ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji biss jekk dan ikun neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-programm u jekk dawn l-akkwisti jintemmu ladarba dawn l-għanijiet ikunu ntlaħqu.

    Tali programm jirrigwarda biss parti limitata tal-bonds nazzjonali maħruġa mill-Istati taż-żona tal-euro, b’tali mod li l-impenji li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jieħu matul l-implementazzjoni ta’ tali programm ikunu, fil-fatt, definiti u limitati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li programm li l-volum tiegħu huwa hekk limitat jista’ jiġi adottat b’mod validu mis-SEBĊ mingħajr ma tiffissa limitu kwantitattiv minn qabel għall-implementazzjoni tiegħu, billi tali limitu jista’, fil-fatt, idgħajjef l-effettività ta’ dan il-programm. Għandu, barra minn hekk, jiġi kkonstatat li tali programm jidentifika lill-Istati Membri li l-bonds tagħhom jistgħu jiġu akkwistati fuq il-bażi ta’ kriterji marbuta mal-għanijiet imfittxija u mhux wara selezzjoni arbitrarja.

    Barra minn hekk, filwaqt li taħseb dwar id-diversi interessi involuti, is-SEBĊ tipproċedi b’mod li effettivament tevita li jkunu jistgħu jinħolqu, matul l-implementazzjoni tal-programm meqjus, inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali programm ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    ara l-punti 72, 76, 77, 80-82, 87, 88, 90-92 )

  9.  Mill-kliem tal-Artikolu 123(1) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull assistenza finanzjarja tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) lil Stat Membru, mingħajr madankollu teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għas-SEBĊ, li tixtri mill-ġdid mingħand il-kredituri ta’ tali Stat titoli maħruġa preċedentement minn dan tal-aħħar. Għaldaqstant, l-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jippermetti lis-SEBĊ, tilħaq l-għanijiet tagħha u twettaq il-kompiti tagħha, tintervjeni fis-swieq finanzjarji, fost oħrajn, billi tixtri u tbigħ fil-mument titoli negozjabbli, li minnhom jagħmlu parti l-bonds nazzjonali, mingħajr ma jissuġġetta din l-awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet partikolari ħlief li tinjora n-natura stess tal-operazzjonijiet ta’ suq miftuħ.

    Madankollu, is-SEBĊ ma tistax takkwista b’mod validu bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji taħt kundizzjonijiet li fil-prattika jagħtu lill-intervent tagħha effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali mingħand awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Istati Membri u b’hekk tpoġġi fid-dubju l-effettività tal-projbizzjoni msemmija fl‑Artikolu 123(1) TFUE. Madankollu, hekk kif tfakkar is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 3603/93, li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli [123 TFUE] u [125(1) TFUE], ix-xiri mwettaq fis-swieq sekondarji ma jistax validament jintuża sabiex jiġi evitat l-għan imfittex mill-Artikolu 123 TFUE. Minn dan isegwi li meta l-Bank jakkwista bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji, l-intervent tiegħu għandu jsir flimkien ma garanziji suffiċjenti sabiex dan jiġi kkonċiljat mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju li tirriżulta mill-Artikolu 123(1) TFUE.

    Ċertament, għal dak li jirrigwarda programm ta’ xiri mis-SEBĊ ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji, minkejja l-eżistenza ta’ garanziji li jippermettu li jiġi evitat li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ bonds nazzjonali jinbidlu miċ-ċertezza li dawn il-bonds ser jinxtraw mill-ġdid mis-SEBĊ wara li jinħarġu, l-intervent mis-SEBĊ jibqa’ tali li għandu ċerta influwenza fuq il-funzjonament tas-swieq primarji u sekondarji tad-dejn sovran. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex deċiżiv peress li din l‑influwenza tikkostitwixxi effett inerenti għall-akkwisti fis-swieq sekondarji awtorizzati mit-Trattat FUE, effett li barra minn hekk huwa indispensabbli sabiex jiġi permess l-użu effiċjenti ta’ dawn l-akkwisti fil-kuntest tal-politika monetarja.

    Apparti dan, il-fatt li tali programm ta’ xiri jista’ jesponi lill-Bank għal riskju kbir ta’ telf, jekk jitqies li dan ġie stabbilit, ma jdgħajjef bl-ebda mod il-garanziji li għandu l-imsemmi programm sabiex tiġi evitata l-eliminazzjoni tal-inkoraġġiment tal-Istati Membri li jmexxu politika baġitarja għaqlija. Barra minn hekk, bank ċentrali, bħall-Bank Ċentrali Ewropew, huwa obbligat jieħu deċiżjonijiet li, bħall-operazzjonijiet fis-suq miftuħ, jinvolvu inevitabbilment riskju ta’ telf għalih. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-Bank jipprevedi ġustament il-mod kif għandu jitqassam it-telf tal-Bank, mingħajr ma jiddefinixxi speċifikament ir-riskji li huwa awtorizzat jieħu sabiex iwettaq l-għanijiet tal-politika monetarja. Barra minn hekk, għalkemm l-assenza ta’ talba ta’ trattament ipprivileġġat tesponi eventwalment lill-Bank sabiex isofri tnaqqis tad-dejn deċiż mill-kredituri l-oħrajn tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi kkonstatat li huwa riskju inerenti għall-akkwist ta’ bonds fis-swieq sekondarji, operazzjoni li ġiet awtorizzata mill-awturi tat-trattati, mingħajr ma hija suġġetta għall-għoti lill-Bank tal-istatus ta’ kreditur privileġġat.

    (ara l-punti 94-97, 101, 102, 107, 108, 123, 125, 126)

  10.  l-Artikolu 123 TFUE huwa intiż li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri josservaw politika baġitarja għaqlija billi jevitaw li finanzjament monetarju tal-iżbilanċ pubbliku jew aċċess privileġġat tal-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji jwassal għal dejn eċċessiv jew għal żbilanċ eċċessiv tal-Istati Membri. Dan l-għan jiġi evitat jekk is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) issegwi programm li jkun tali li jelimina l-inkoraġġiment lill-Istati Membri kkonċernati li jmexxu politika baġitarja għaqlija. Fil-fatt, peress li mill-Artikoli 119(2) TFUE, 127(1) TFUE u 282(2) TFUE jirriżulta li, bla ħsara għall-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ issostni lill-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, l-azzjonijiet imwettqa mis-SEBĊ fuq il-bażi tal-Artikolu 123 TFUE ma jistgħux ikunu tali li jmorru kontra l-effettività ta’ dawn il-politiki billi jeliminaw l-inkoraġġiment lill-Istati Membri kkonċernati li jmexxu politika baġitarja għaqlija.

    Barra minn hekk, it-tmexxija tal-politika monetarja tinvolvi, b’mod permanenti, aġir fuq ir-rati tal-interessi u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-banek, u dan neċessarjament għandu konsegwenzi fuq il-kundizzjonijiet tal-finanzjament mill-ġdid tal-iżbilanċ pubbliku tal-Istati Membri.

    (ara l-punti 100, 109, 110)

  11.  L-Artikoli 119 TFUE, 123(1) TFUE u 127(1) u (2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali tadotta programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji.

    (ara l-punt 127 u d-dispożittiv)