SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika ekonomika u monetarja — Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar numru ta’ karatteristiċi tekniċi relatati ma’ tranżazzjonijiet monetarji tal-Eurosistema dwar xiri ta’ titoli fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran — Artikoli 119 TFUE u 127 TFUE — Funzjonijiet tal-BĊE u tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali — Mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja — Żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet — Proporzjonalità — Artikolu 123 TFUE — Projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro”

Fil-Kawża C‑62/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverfassungsgericht (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, fil-proċeduri

Peter Gauweiler,

Bruno Bandulet et,

Roman Huber et,

Johann Heinrich von Stein et,

Fraktion DIE LINKE im Deutschen Bundestag

vs

Deutscher Bundestag,

fil-preżenza ta’:

Bundesregierung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Arabadjiev, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C.G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P. Gauweiler, minn W.-R. Bub, avukat, u D. Murswiek,

għal B. Bandulet et, minn K. A. Schachtschneider,

għal R. Huber et, minn H. Däubler-Gmelin, avukat, kif ukoll minn C. Degenhart u B. Kempen,

għal J. H. von Stein et, minn C. Kerber, avukat,

għall-Fraktion DIE LINKE im Deutschen Bundestag, minn H.‑P. Schneider u A. Fisahn kif ukoll minn G. Gysi, avukat,

għad-Deutscher Bundestag, minn C. Calliess,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, kif ukoll minn U. Häde,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u G. Hodge kif ukoll minn T. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Cush, SC, N. J. Travers, SC, J. Dunne, BL, u D. Moloney, BL,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, S. Lekkou u M. Skorila, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u A. Sampol Pucurull kif ukoll minn E. Chamizo Llatas, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn F. Alabrune, G. de Bergues, D. Colas u F. Fize, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċiprijott, minn K. K. Kleanthous u N. Ioannou, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u C. Herma kif ukoll minn K. Maćkowska, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Machado kif ukoll minn L. Duarte, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn A. Neergaard u U. Rösslein kif ukoll minn E. Waldherr, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk, C. Ladenburger, B. Smulders u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), minn C. Zilioli, kif ukoll minn C. Kroppenstedt, bħala aġenti, assisstiti minn H.-G. Kamann, avukat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tas-6 ta’ Settembru 2012, dwar numru ta’ karatteristiċi tekniċi relatati ma’ tranżazzjonijiet monetarji tal-Eurosistema dwar xiri ta’ titoli fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet dwar l-OMT”) u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 119 TFUE, 123 TFUE u 127 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2012, C 326, p. 230, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ diversi rikorsi kostituzzjonali u ta’ proċedura ta’ tilwima bejn korpi kostituzzjonali dwar l-għajnuna mogħtija mid-Deutsche Bundesbank (bank federali tal-Ġermanja) għall-implementazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet u l-allegat nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tal-Bundesregierung (Gvern Federali) u tad-Deutscher Bundestag (il-kamra inferjuri tal-Parlament Federali) fil-konfront tal-imsemmija deċiżjonijiet.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Id-deċiżjonijiet dwar l-OMT

3

Skont il-minuti tal-laqgħa Nru 340 tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“Kunsill Governattiv”) tal-5 u tas-6 ta’ Settembru 2012, dan il-korp “approva l-parametri prinċipali tat-tranżazzjonijiet monetarji dwar xiri ta’ titoli (OMT) li ser jixxandru fi stqarrija għall-istampa [iktar ’il quddiem l-‘istqarrija għall-istampa’] li ser tiġi ppubblikata wara l-laqgħa”.

4

L-istqarrija għall-istampa msemmija f’dawn il-minuti hija fformulata kif ġej:

“Kif imħabbar fit-2 ta’ Awwissu 2012, il-[Kunsill Governattiv] illum adotta deċiżjonijiet dwar numru ta’ karatteristiċi tekniċi relatati ma[l-OMT] tal-Eurosistema fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw it-trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja u n-natura unika ta’ din il-politika. Dawn it-tranżazzjonijiet, li jissejħu [OMT], jiġu mwettqa f’dan il-qafas:

Kundizzjonalità

Kundizzjoni meħtieġa għa[ll-OMT] hija l-kundizzjonalità stretta u effettiva li tinsab fi programm xieraq tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja/tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà [iktar ’il quddiem rispettivament l-‘EFSF’ u l-‘MES’)]. Dawn il-programmi jistgħu jinkludu programm komprensiv ta’ aġġustament makroekonomiku tal-EFSF/l-MES jew programm prekawzjonarju (Linja ta’ Kreditu b’Kundizzjonalità Msaħħa – Enhanced Conditions Credit Line), sakemm dawn jinkludu l-possibbiltà li l-EFSF/l-MES iwettqu xiri ta’ titoli fis-suq primarju. Il-parteċipazzjoni tal-FMI għandha tiġi mfittxa wkoll fit-tfassil tal-kundizzjonalità speċifika għal kull pajjiż u fil-monitoraġġ tal-programm.

Il-Kunsill Governattiv għandu jikkunsidra [l-OMT] sa fejn dawn ikunu ġġustifikati mill-perspettiva tal-politika monetarja, sakemm il-kundizzjonalità tal-programm tiġi rrispettata bis-sħiħ, u se jissospendihom meta jintlaħqu l-għanijiet tagħhom jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ tlestija tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku jew tal-programm prekawzjonarju.

Wara li jkun wettaq valutazzjoni estensiva, il-Kunsill Governattiv għandu jieħu deċiżjoni dwar il-bidu, it-tkomplija u s-sospensjoni ta[l-OMT], skont id-diskrezzjoni tiegħu u filwaqt li jaġixxi skont il-mandat tiegħu ta’ politika monetarja.

Kopertura

[L-OMT] ser jiġu kkunsidrati għal każijiet futuri ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku jew programmi prekawzjonarji tal-EFSF/l-MES, fit-termini speċifikati hawn fuq. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll għall-Istati Membri li bħalissa qegħdin jimplimentaw programm ta’ aġġustament makroekonomiku filwaqt li jirkupraw l-aċċess għas-swieq tad-dejn.

It-tranżazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-iktar termini ta’ żmien qosra fil-kurva tar-rendiment, u, b’mod partikolari, fuq il-bonds nazzjonali b’terminu ta’ żmien għall-maturità ta’ bejn sena u tliet snin.

Ma huma stabbiliti ebda limiti kwantitattivi ex ante fir-rigward tad-daqs ta[l-OMT].

Trattament tal-kredituri

L-Eurosistema għandha l-għan li tiċċara fl-att legali li jikkonċerna [l-OMT] li taċċetta li tirċievi l-istess trattament (pari passu) bħall-kredituri privati jew kredituri oħrajn, fir-rigward ta’ bonds maħruġa minn pajjiżi taż-żona euro u mixtrija mill-Eurosistema permezz ta[l-OMT], b’mod konformi mal-kundizzjonijiet ta’ dawn it-titoli.

Sterilizzazzjoni

Il-likwidità ġġenerata permezz ta[l-OMT] għandha tiġi sterilizzata kompletament.

Trasparenza

Darba fil-ġimgħa għandu jiġi ppubblikat il-bilanċ akkumulat sa dak il-ħin ta[l-OMT] mwettqa kif ukoll il-valur tas-suq korrispondenti tagħhom. Darba fix-xahar għandhom jiġu ppubblikati t-tul ta’ żmien medju u d-dettalji skont kull pajjiż.

Programm għas-swieq tat-titoli

Wara d-deċiżjoni adottata llum dwar [l-OMT], il-Programm għas-swieq tat-titoli (Securities Markets Programme – SMP,) jitqies bħala konkluż. Il-likwidità injettata permezz tal-SMP ser tkompli tiġi assorbita bħal ma ġara fil-passat, u t-titoli li kienu jeżistu fil-portafoll tal-SMP ser jinżammu sal-maturità tagħhom.”

Il-proċeduri fil-kawża prinċipali u d-deċiżjoni tar-rinviju

5

Diversi gruppi ta’ individwi, fosthom wieħed sostnut minn iktar minn 11000 firmatarju, ippreżentaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, diversi rikorsi kostituzzjonali li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet dwar l-OMT u l-allegat nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tal-Bundesregierung u tad-Deutscher Bundestag fil-konfront ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-Fraktion DIE LINKE im Deutschen Bundestag ippreżentat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tilwima bejn korpi kostituzzjonali, talba sabiex jiġu kkonstatati ċerti obbligi tad-Deutscher Bundestag għal dak li jikkonċerna l-imsemmija deċiżjonijiet.

6

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, minn naħa, li d-deċiżjonijiet dwar l-OMT jikkostitwixxu, kollha flimkien, att ultra vires, inkwantu ma jaqgħux taħt il-mandat tal-BĊE u li jiksru l-Artikolu 123 TFUE, u min-naħa l-oħra, li dawn id-deċiżjonijiet jiksru l-prinċipju ta’ demokrazija stabbilit fil-liġi fundamentali Ġermaniża (Grundgesetz) u jippreġudikaw, minħabba f’hekk, l-identità kostituzzjonali Ġermaniża.

7

Il-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali) tirrileva li, jekk id-deċiżjonijiet dwar l-OMT jmorru lil hinn mill-mandat tal-BĊE jew jiksru l-Artikolu 123 TFUE, hija għandha tilqa’ dawn id-diversi rikorsi.

8

Hija tenfasizza b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, filwaqt li tirreferi għall-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, imsemmi fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, li l-mandat mogħti lis-SEBĊ għandu jiġi limitat b’mod strett sabiex jissodisfa l-eżiġenzi demokratiċi u li l-osservanza ta’ dawn il-limiti għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-indipendenza tal-BĊE ma tipprekludix tali stħarriġ, peress li tali indipendenza hija relatata biss mas-setgħat li t-trattati jagħtu lill-BĊE u mhux mad-determinazzjoni tal-firxa u tal-portata tal-mandat tiegħu.

9

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-fatt li dawn id-deċiżjonijiet huma biss t-tħabbir tal-adozzjoni ta’ atti futuri, anki jekk jitqies li dan ġie stabbilit, ma jirrendix inammissibbli r-rikorsi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa fejn jista’ jkun hemm protezzjoni ġudizzjarja preventiva, b’applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ proċedura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm konsegwenzi irreparabbli.

10

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverfassungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

(a)

Id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2012, dwar Technical features of Outright Monetary Transactions hija inkompatibbli mal-Artikolu 119 u mal-Artikolu 127(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, peress li hija teċċedi l-mandat dwar il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew, irregolat mid-dispożizzjonijiet imsemmija, u tinterferixxi fil-kompetenza tal-Istati Membri?

Jirriżulta, b’mod partikolari, eċċess tal-kompetenza tal-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew meta d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑6 ta’ Settembru 2012:

(a)

tkun marbuta ma’ programm ta’ għajnuna tal-politika ekonomika tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (kundizzjonalità)?

(b)

tipprevedi x-xiri ta’ titoli tal-Istat ta’ ċerti Stati Membri biss (selettività)?

(c)

tipprevedi x-xiri ta’ bonds nazzjonali tal-pajjiżi fil-programm flimkien mal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (natura parallela)?

(d)

tista’ tevita l-limiti u r-rekwiżiti tal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (evitar)?

b)

Id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2012, dwar Technical features of Outright Monetary Transactions hija inkompatibbli mal-projbizzjoni tal-finanzjament tal-baġit monetarju, stabbilita fl-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

Il-kompatibbiltà mal-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija prekluża, b’mod partikolari, mill-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2012

(a)

ma tkun tipprevedi l-ebda limitu kwantitattiv għax-xiri ta’ bonds nazzjonali (volumi)?

(b)

ma tkun tipprevedi l-ebda perijodu ta’ żmien bejn il-ħruġ ta’ bonds nazzjonali fis-suq primarju u x-xiri tagħhom permezz tas-sistema Ewropea tal-Bank Ċentrali fis-suq sekondarju (formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq)?

(c)

tippermetti li l-bonds nazzjonali kollha miksuba jinżammu sad-data ta’ skadenza (interferenza fil-loġika tas-suq)?

(d)

ma tinkludi l-ebda rekwiżit speċifiku dwar l-eventwali solvenza tal-bonds nazzjonali li jkunu ser jinkisbu (riskju li l-bonds ma jiġux onorati)?

(e)

tipprevedi ugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, is-sistema Ewropea tal-Bank Ċentrali u, min-naħa l-oħra, detenturi privati u detenturi oħra tal-bonds nazzjonali (tnaqqis tad-dejn)?

2)

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas‑6 ta’ Settembru 2012, dwar Technical features of Outright Monetary Transactions ma hijiex att ta’ korp tal-Unjoni Ewropea li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba skont il-punt (b) tal-ewwel paragarfu tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

a)

L-Artikolu 119 u l-Artikolu 127 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lis-Sistema Ewropea – b’mod alternattiv jew b’mod kumulattiv,

(a)

tissuġġetta x-xiri ta’ bonds nazzjonali għall-eżistenza u għall-osservanza tal-programm ta’ għajnuna tal-politika ekonomika tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (kundizzjonalità)?

(b)

tixtri bonds nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri biss (selettività)?

(c)

tixtri bonds nazzjonali tal-pajjiżi fil-programm flimkien mal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (natura parellela)?

(d)

tevita l-limiti u r-rekwiżiti tal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (evitar)?

b)

L-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-finanzjament tal-baġit monetarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-Sistema Ewropea hija awtorizzata – b’mod alternattiv jew b’mod kumulattiv,

(a)

tixtri bonds nazzjonali mingħajr limiti kwantitattivi (volum)?

(b)

tixtri bonds nazzjonali mingħajr perijodi minimi ta’ żmien mill-ħruġ tagħhom fis-suq primarju (formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq)?

(c)

iżżomm il-bonds nazzjonali kollha miksuba sad-data ta’ skadenza (interferenza fil-loġika tas-suq)?

(d)

tikseb bonds nazzjonali mingħajr rekwiżiti minimi dwar l-eventwali solvenza (riskju li l-bonds ma jiġux onorati)?

(e)

taċċetta ugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, is-sistema Ewropea tal-Bank Ċentrali u, min-naħa l-oħra, detenturi privati u detenturi oħra tal-bonds nazzjonali (tnaqqis tad-dejn)?

(f)

bid-dikjarazzjoni tal-intenzjoni ta’ xiri jew b’xi mod ieħor, fl-istess żmien tal-ħruġ tal-bonds nazzjonali mill-Istati Membri fiż-żona tal-Euro, teżerċita influwenza fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet (inkoraġġiment għall-ewwel akkwist)?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

11

Il-Gvern Taljan isostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu l-qorti tar-rinviju ma tagħtix valur interpretattiv definittiv u vinkolanti lir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba. Fil-fatt, dan il-Gvern jikkunsidra li din il-qorti tqis li r-responsabbiltà finali li tiddeċiedi dwar il-validità tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tal-limiti imposti mil-liġi fundamentali Ġermaniża hija tagħha.

12

F’dan ir-rigward għandu ċertament jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma għandhiex kompetenza li tiddeċiedi, fis-sentenza Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85), peress li l-qorti tar-rinviju ma hijiex marbuta bl-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-qasam ta’ deċiżjonijiet preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza sabiex tagħti risposti li għandhom effett purament konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kleinwort Benson, C‑346/93, EU:C:1995:85, punti 23 u 24).

13

Madankollu, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma kellhiex effetti vinkolanti f’din il-kawża peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tinterpreta att li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ma kienx jirreferi b’mod dirett u mingħajr kundizzjoni għad-dritt tal-Unjoni iżda sempliċement jieħu bħala mudell att li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u kien jirriproduċi l-kliem parzjalment biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 21, u Les Vergers du Vieux Tauves, C‑48/07, EU:C:2008:758, punt 24).

14

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma definittivament distinti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85), sa fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari hawnhekk tirrigwarda direttament l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan jimplika li s-sentenza preżenti għandha konsegwenzi konkreti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

15

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 9, kif ukoll ATB et, C‑402/98, EU:C:2000:366, punt 29). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi WWF et, C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 31, kif ukoll Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 43), filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza Eckelkamp et, C‑11/07, EU:C:2008:489, punt 52).

16

Għandu jitfakkar ukoll li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Fazenda Pública, C‑446/98, EU:C:2000:691, punt 49, u Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 29).

17

Minn dan isegwi li għandha tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ammissibbiltà

18

L-Irlanda, il-Gvern Elleniku, Spanjol, Franċiż, Taljan, Olandiż, Portugiż u Finlandiż, kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-BĊE, jikkontestaw, b’diversi modi, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew ta’ wħud mid-domandi inklużi fiha.

19

L-ewwel nett, il-Gvern Taljan isostni għalhekk li l-kawża prinċipali hija fittizja u artifiċjali. Fil-fatt, ir-rikorsi fil-kawża prinċipali ma għandhomx skop minħabba li ma hemmx bżonn ipprovat ta’ protezzjoni preventiva jew ta’ preġudizzju għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda anki peress li l-allegat nuqqas ta’ azzjoni tad-Deutscher Bundestag ma jistax, fih innifsu, jiġi kkwalifikat bl-ebda mod. Barra minn hekk, dawn ir-rikorsi kellhom jiġu ddikjarati inammissibbli mill-qorti tar-rinviju inkwantu jirrigwardaw atti mhux legali tal-Unjoni. Apparti dan, il-kawża prinċipali ma tqajjimx realment kwistjoni ta’ eċċess ta’ poter ċar marbut mal-identità kostituzzjonali Ġermaniża.

20

Il-Gvern Taljan iqis, barra minn hekk, li d-domandi huma astratti u ipotetiċi, inkwantu huma bbażati fuq serje ta’ ipoteżijiet, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-rabta bejn l-akkwist ta’ bonds nazzjonali u l-osservanza ta’ programmi ta’ assistenza ekonomika, l-assenza ta’ limiti kwantitattivi tal-volum ta’ dawn l-akkwisti jew in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji ta’ telf għall-BĊE.

21

Il-Gvern Elleniku wkoll isostni li d-domandi magħmula huma ipotetiċi, billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-BĊE ma adotta l-ebda miżura li tinfluwenza direttament id-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-Gvern Finlandiż isostni, min-naħa tiegħu, li t-tieni domanda hija inammissibbli, inkwantu tirrigwarda attività ipotetika tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.

22

Sussegwentement, mingħajr ma jqajjem espressament l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà, il-Gvern Spanjol isostni li l-proċedura nazzjonali li minnha tnisslet it-talba għal deċiżjoni preliminari tmur kontra s-sistema tal-istħarriġ tal-validità tal-atti tal-Unjoni stabbilita mill-Artikoli 263 TFUE u 267 TFUE peress li hija tagħti rimedju dirett kontra l-validità ta’ att tal-Unjoni mingħajr ma tosserva l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti mill-Artikolu 263 TFUE għar-rikorsi għal annullament.

23

Fl-aħħar nett, l-Irlanda, il-Gvern Elleniku, Spanjol, Franċiż, Taljan, Olandiż u Portugiż, kif ukoll il-Parlament, il-Kummissjoni u l-BĊE jqisu li l-ewwel domanda hija inammissibbli peress li domanda dwar l-evalwazzjoni tal-validità ma tistax issir b’mod validu dwar att preparatorju jew li ma għandux effetti legali bħad-deċiżjonijiet dwar l‑OMT.

24

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija fittizja u artifiċjali u li d-domandi preliminari huma ipotetiċi, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 15 tas-sentenza preżenti, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan sabiex jistabbilixxi n-natura fittizja u artifiċjali tat-tilwima fil-kawża prinċipali u n-natura ipotetika tad-domandi magħmula huma bbażati fuq kritika tal-ammissibbiltà tar-rikorsi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta din l-evalwazzjoni li, fil-kuntest tal-proċedura preżenti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 43), u lanqas li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u proċedura legali (sentenza Schnorbus, C‑79/99, EU:C:2000:676, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, dawn l-argumenti ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt preċedenti.

27

Għal dak li jirrigwarda l-fatt, sostnut mill-Gvern Elleniku u Finlandiż, li l-programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali imħabbar fl-istqarrija għall-istampa ma ġiex implementat u li dan jista’ jsir biss wara l-adozzjoni ta’ atti legali ġodda, għandu jiġi rrilevat li dan ma jċaħħadx, hekk kif indikat il-qorti tar-rinviju, lir-rikorsi inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-iskop tagħhom peress li d-dritt Ġermaniż jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja preventiva f’tali sitwazzjoni.

28

Issa, għalkemm huwa minnu li r-rikorsi fil-kawża prinċipali, li huma intiżi sabiex jipprevjenu l-ksur ta’ drittijiet mhedda, għandhom neċessarjament ikunu bbażati fuq previżjonijiet li min-natura tagħhom stess huma inċerti, huma xorta waħda awtorizzati, skont il-qorti tar-rinviju, mid-dritt Ġermaniż. Sa fejn, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali taqa’ esklużivament taħt din il-qorti (sentenza Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 58), il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-OMT ma kinux għadhom ġew implementati u li dan ma jistax isir ħlief wara l-adozzjoni ta’ atti legali ġodda, ma jistax iwassal sabiex jiġi miċħud li t-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwim li għandha quddiemha l-imsemmija qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 65).

29

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-allegata inkompatibbiltà bejn il-proċedura nazzjonali fil-kawża prinċipali u s-sistema stabbilita mill-Artikoli 263 TFUE u 267 TFUE, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, diversi drabi, dwar l-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari li jirrigwardaw il-validità ta’ atti ta’ dritt sekondarju fformulati fil-kuntest ta’ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) li jipprovdi d-dritt tar-Renju Unit. Billi bbażat ruħha fuq il-fatt li bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, il-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw rikors għal stħarriġ tal-legalità tal-intenzjoni jew tal-obbligu tal-Gvern tar-Renju Unit li jikkonforma ruħu ma’ att tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun diġà effettivament kien is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li l-qorti nazzjonali tkun adita b’tilwima reali li fiha tqum, b’mod inċidentali, il-kwistjoni tal-validità ta’ tali att [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 36 u 40, kif ukoll Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 33 u 34]. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan huwa l-każ hawnhekk.

30

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-argumenti esposti fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, li jirrigwardaw speċifikament l-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddetermina jekk l-Artikoli 119 TFUE, 123(1) TFUE u 127(1) u (2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lis-SEBĊ tadotta programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa.

31

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq il-mertu

32

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 119 TFUE, 123(1) TFUE u 127(1) u (2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lis-SEBĊ tadotta programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa.

Fuq l-Artikoli 119 TFUE u 127(1) u (2) TFUE, kif ukoll fuq l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE

33

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jistax jaqa’ taħt il-funzjonijiet tas-SEBĊ, kif iddefiniti mid-dritt primarju.

– Fuq il-funzjonijiet tas-SEBĊ

34

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 119(2) TFUE, l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandhom jinkludu munita waħda, l-euro, kif ukoll id-definizzjoni u l-iżvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rati ta’ kambju waħda (sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 48).

35

Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar speċifiku, il-politika monetarja, mill-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE jirriżulta li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’dan il-qasam għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 50).

36

Skont l-Artikolu 282(1) TFUE, il-BĊE u l-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom jiggwidaw il-politika monetarja tal-Unjoni (sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 49). Skont l-Artikolu 282(4) TFUE, il-BĊE għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu skont l-Artikoli 127 TFUE sa 133 TFUE u 138 TFUE, kif ukoll il-kundizzjonijiet previsti mill-istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

37

F’dan il kuntest, skont l-Artikolu 127(2) TFUE, hija s-SEBĊ li għandha tiddefinixxi u timplementa din il-politika.

38

B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 129(1) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 12(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jirriżulta li l-Kunsill Governattiv għandu jiddefinixxu l-politika monetarja tal-Unjoni u li l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu jimplementa din il-politika skont il-linji gwida u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Governattiv.

39

Barra minn hekk, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ dan il-Protokoll jirriżulta li, sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, il-BĊE għandu jirrikorri għall-banek ċentrali nazzjonali għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet li jagħmlu parti mill-kompiti tas-SEBĊ, filwaqt li skont l-Artikolu 14(3) tal-imsemmi Protokoll, dawn il-banek għandhom jaġixxu skont il-linji gwida u l-istruzzjonijiet tal-BĊE.

40

Barra minn hekk, mill-Artikolu 130 TFUE jirriżulta li s-SEBĊ teżerċita l-kompiti tagħha ta’ definizzjoni u ta’ implementazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni b’mod indipendenti. Mill-kliem ta’ dan l-artikolu jirriżulta li dan għandu huwa intiż għall-protezzjoni tas-SEBĊ u tal-korpi deċiżjonali tagħha minn influwenzi esterni li jistgħu jinterferixxu mat-twettiq tal-kompiti li t-Trattat FUE u l-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jagħtu lis-SEBĊ. Għaldaqstant, l-imsemmi artikolu essenzjalment huwa intiż sabiex iżomm lis-SEBĊ ’il bogħod minn kull pressjoni politika sabiex jippermettilha tilħaq b’mod effettiv l-għanijiet mogħtija lill-kompiti tagħha, permezz tal-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat speċifiċi li hija għandha għal dan il-għan bis-saħħa tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 134).

41

Skont il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi msemmi fl‑Artikolu 5(2) TUE, is-SEBĊ għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mid-dritt primarju u għalhekk ma tistax tadotta jew timplementa b’mod validu programm li jmur lil hinn mill-qasam mogħti lill-politika monetarja mid-dritt primarju. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, l-atti tas-SEBĊ huma suġġetti, taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 135).

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-Trattat FUE ma jinkludi ebda definizzjoni preċiża tal-politika monetarja iżda jiddefinixxi kemm l-għanijiet tal-politika monetarja kif ukoll il-mezzi li għandha s-SEBĊ sabiex timplementa din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 53).

43

Għalhekk, skont l-Artikoli 127(1) TFUE u 282(2) TFUE, l-għan prinċipali tal-politika monetarja tal-Unjoni huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Barra minn hekk, dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprovdu li, bla ħsara għal dan l-għan, is-SEBĊ għandha ssostni lill-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tagħha, kif definiti fl-Artikolu 3 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 54).

44

Għaldaqstant, il-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE huwa kkaratterizzat minn mandat ċar li għandu prinċipalment l-għan li jiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet. In-natura speċifika ta’ dan il-mandat hija msaħħa wkoll mill-proċeduri għar-riforma ta’ ċerti partijiet tal-istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

45

Għal dak li jirrigwarda l-mezzi mogħtija lis-SEBĊ mid-dritt primarju sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet, għandu jiġi enfasizzat li l-Kapitolu IV tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li jippreċiża l-funzjonijiet monetarji u t-tranżazzjonijiet żgurati mis-SEBĊ, jelenka l-istrumenti li s-SEBĊ tista’ tuża fil-kuntest tal-politika monetarja.

– Fuq id-delimitazzjoni tal-politika monetarja

46

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-politika monetarja, għandu jsir riferiment prinċipalment għall-għanijiet ta’ din il-miżura. Huma wkoll rilevanti l-mezzi li din timplementa sabiex tilħaq dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 53 u 55).

47

Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-għanijiet ta’ programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-istqarrija għall-istampa jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jissalvagwarda kemm it-trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja kif ukoll in-natura unika ta’ din il-politika.

48

Issa, minn naħa, l-għan li tiġi ssalvagwardata n-natura unika tal-politika monetarja jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ din il-politika, sa fejn skont l-Artikolu 119(2) TFUE din għandha tkun “unika”.

49

Min-naħa l-oħra, l-għan li tiġi ssalvagwardata trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja huwa fl-istess waqt kemm li jissalvagwarda n-natura unika tal-imsemmija politika kif ukoll li jikkontribwixxi għall-għan prinċipali tagħha li huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

50

Fil-fatt, il-kapaċità tas-SEBĊ li tinfluwenza l-evoluzzjoni tal-prezzijiet permezz tad-deċiżjonijiet tagħha ta’ politika monetarja tiddependi, fil-parti l-kbira, mit-trażmissjoni tal-impulsi li hija tibgħat fis-suq monetarju lid-diversi setturi tal-ekonomija. Konsegwentement, funzjonament degradat tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja jista’ jirrendi ineffettivi d-deċiżjonijiet tas-SEBĊ f’parti miż-żona tal-euro u, għaldaqstant, jimmina n-natura unika tal-politika monetarja. Barra minn hekk, peress li funzjonament degradat tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni jbiddel l-effettività tal-miżuri adottati mis-SEBĊ, il-kapaċità tagħha li tiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet tiġi neċessarjament affettwata minnu. Għalhekk, miżuri intiżi sabiex jissalvagwardaw dan il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni jistgħu jiġu magħquda mal-għan prinċipali definit fl-Artikolu 127(1) TFUE.

51

Il-fatt li programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jista’ possibbilment jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà taż-żona tal-euro, li taqa’ taħt il-politika ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 56), ma jistax jikkontesta din l-analiżi.

52

Fil-fatt, miżura ta’ politika monetarja ma tistax tixxebbah ma’ miżura ta’ politika ekonomika minħabba s-sempliċi fatt li jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro (ara, b’analoġija, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 56).

53

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-mezzi maħsuba sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija minn programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa, huwa paċifiku li l-implementazzjoni ta’ tali programm tinvolvi tranżazzjonijiet monetarji fuq titoli fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran.

54

Issa, mill-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li jinsab taħt il-Kapitolu IV tiegħu, jirriżulta ċarament li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-SEBĊ u jitwettqu l-kompiti tagħha, kif jirriżultaw mid-dritt primarju, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu, bħala prinċipju, jintervjenu fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbigħu fil-mument titoli negozzjabbli f’euro. Minn dan isegwi li t-tranżazzjonijiet ikkunsidrati mill-Kunsill Governattiv fl-istqarrija għall-istampa jużaw wieħed mill-istrumenti tal-politika monetarja previsti mid-dritt primarju.

55

Għal dak li jikkonċerna n-natura selettiva tal-programm imħabbar fl-istqarrija għall-istampa, għandu jitfakkar li dan il-programm għandu l-għan li jirrimedja għall-perturbazzjonijiet tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja ġġenerati mis-sitwazzjoni speċifika tal-bonds nazzjonali maħruġa minn ċerti Stati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-imsemmi programm huwa limitat speċifikament għal dawn il-bonds nazzjonali ma huwiex għaldaqstant tali li jimplika, fih innifsu, li l-istrumenti użati mis-SEBĊ ma jaqgħux taħt il-politika monetarja. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma timponi fuq is-SEBĊ li tintervjeni fis-swieq finanzjarji permezz ta’ miżuri ġenerali li japplikaw neċessarjament għall-Istati taż-żona tal-euro kollha.

56

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi jidher li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa u tal-mezzi previsti sabiex dawn jintlaħqu, tali programm jaqa’ taħt il-qasam tal-politika monetarja.

57

Il-fatt li l-implementazzjoni ta’ tali programm hija suġġetta għall-osservanza integrali tal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku tal-EFSF jew tal-MES ma huwiex tali li jbiddel din il-konklużjoni.

58

Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li programm ta’ bejgħ ta’ bonds nazzjonali li għandu tali karatteristika jista’ jsaħħaħ, b’mod inċidentali, l-inkoraġġiment sabiex jiġu osservati dawn il-programmi ta’ aġġustament u jiffavorixxi b’hekk, sa ċertu punt, it-twettiq tal-għanijiet ta’ politika ekonomika li dawn iridu jilħqu.

59

Madankollu, tali riperkussjonijiet indiretti ma jistgħux jimplikaw li tali programm għandu jixxebbah ma’ miżura ta’ politika ekonomika, sa fejn mill-Artikoli 119(2) TFUE, 127(1) TFUE u 282(2) TFUE jirriżulta li, bla ħsara għall-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ għandha ssostni lill-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni.

60

Għandu jingħad ukoll li, billi tissuġġetta, b’indipendenza sħiħa, l-implementazzjoni tal-programm imħabbar fl-istqarrija għall-istampa għall-osservanza integrali tal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku tal-EFSF jew tal-MES, is-SEBĊ tiżgura li l-politika monetarja tagħha ma toffrix lill-Istati Membri, li mingħandhom takkwista bonds nazzjonali, il-possibbiltajiet ta’ finanzjament li jippermettilhom jevitaw programmi ta’ aġġustament li jkunu jagħmlu parti minnhom. Hija tevita għalhekk li l-miżuri ta’ politika monetarja li adottat imorru kontra l-effettività tal-politika ekonomika mmexxija mill-Istati Membri.

61

Barra minn hekk, sa fejn skont l-Artikolu 127(1) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 119(3) TFUE s-SEBĊ hija obbligata li tosserva l-prinċipju gwida li jipprovdi li l-finanzi pubbliċi għandhom ikunu sodi, il-kundizzjonijiet introdotti fi programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa li jippermettu li jiġi evitat li dan il-programm jikkontribwixxi sabiex jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiddegradaw is-sitwazzjoni baġitarja tagħhom ma jistgħux jitqiesu li jimplikaw li din toħroġ mill-qafas mogħti mid-dritt primarju tal-politika monetarja.

62

Għandu jingħad ukoll li l-osservanza integrali mill-Istat Membru kkonċernat tal-obbligi li jirriżultaw minn programm ta’ aġġustament li jkun jagħmel parti minnu ma tikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, kundizzjoni suffiċjenti sabiex jiġi involut l-intervent tas-SEBĊ, fil-kuntest ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa, billi dan l-intervent jibqa’ b’mod partikolari strettament suġġett għall-eżistenza ta’ perturbazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja jew tan-natura unika ta’ din il-politika.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-akkwist ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji taħt il-kundizzjoni tal-osservanza ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku jista’ jitqies li jaqa’ taħt il-politika ekonomika meta dan isir mill-MES (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 60) ma jimplikax li dan għandu jkun l-istess meta dan l-istrument jintuża mis-SEBĊ fil-kuntest ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa.

64

Fil-fatt, id-differenza bejn l-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-MES u s-SEBĊ hija, f’dan ir-rigward, deċiżiva. Filwaqt li mill-punti 48 sa 52 tas-sentenza preżenti jirriżulta li programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi implementat biss sa fejn huwa neċessarju sabiex il-prezzijiet jibqgħu stabbli, l-intervent tal-MES huwa intiż, min-naħa tiegħu, sabiex iżomm l-istabbiltà taż-żona tal-euro, u dan l-għan tal-aħħar ma jaqax taħt il-politika monetarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 56).

65

Din l-analiżi twassal ukoll sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jintuża sabiex jiġu evażi l-kundizzjonijiet li jillimitaw lill-MES fis-swieq sekondarji, sa fejn l-intervent tas-SEBĊ ma għandux jissostitwixxi lil dak tal-MES biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din iżda għandu, bil-kontra, jiġi implementat b’mod indipendenti skont l-għanijiet speċifiċi tal-politika monetarja.

– Fuq il-proporzjonalità

66

Mill-Artikoli 119(2) TFUE u 127(1) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(4) TUE jirriżulta li programm ta’ akkwisti ta’ bonds li jaqa’ taħt il-politika monetarja jista’ biss jiġi adottat u implementat b’mod validu sakemm il-miżuri inklużi fih ikunu proporzjonati mal-għanijiet ta’ din il-politika.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Association Kokopelli, C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, peress li meta telabora u timplementa programm ta’ operazzjonijiet ta’ suq miftuħ bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa s-SEBĊ għandha tagħmel għażliet ta’ natura teknika u tagħmel previżjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, hemm lok li f’dan il-kuntest tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, b’analoġija, is-sentenzi Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 28, kif ukoll Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 35).

69

Finalment, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali jieħu importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu tas-SEBĊ li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timmotiva biżżejjed id-deċiżjonijiet tagħha.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni meħtiega mill-Artikolu 296(2) TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, punti 98 u 99, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ inkwistjoni, għalkemm eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni jista’ jsir biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni adottata b’mod formali, għandu jiġi rrilevat madankollu li l-istqarrija għall-istampa, kif ukoll l-abbozzi ta’ atti legali eżaminati fil-laqgħa tal-Kunsill Governattiv, li matulha din l-istqarrija għall-istampa ġiet approvata, jippermettu li jiġu magħrufa l-elementi essenzjali ta’ programm bħal dak imħabbar fl-imsemmija stqarrija u huma tali li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.

72

Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kapaċità ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa li jilħaq l-għanijiet imfittxija mis-SEBĊ, minn din l-istqarrija u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-BĊE jirriżulta li dan il-programm huwa bbażat fuq analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro li tipprovdi li fid-data tat-tħabbir tal-imsemmi programm, ir-rati ta’ interessi tal-bonds nazzjonali tad-diversi Stati taż-żona tal-euro sofrew minn volatilità qawwija u differenzi estremi. Skont il-BĊE, dawn id-differenzi ma kinux relatati biss mad-differenzi makroekonomiċi bejn dawn l-Istati iżda kienu parzjalment joriġinaw mill-eżiġenza ta’ primjums ta’ riskju eċċessivi għall-bonds maħruġa minn ċerti Stati Membri, intiżi sabiex ikopru riskju li tikkollassa ż-żona tal-euro.

73

Din is-sitwazzjoni partikolari dgħajfet ħafna l-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja tas-SEBĊ, billi wasslet għal frammentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-banek u tal-ispejjeż tal-kreditu li llimitat ħafna l-effetti tal-impulsi tas-SEBĊ fuq l-ekonomija f’parti sostanzjali taż-żona tal-euro.

74

Fid-dawl tal-elementi trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja matul il-proċedura preżenti, ma jidhirx li din l-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro fid-data tat-tħabbir tal-programm inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

75

F’dan ir-rigward, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-imsemmija analiżi motivata hija kkontestata ma jistax ikun suffiċjenti, fih innifsu, sabiex tiġi kkonfutata din il-konklużjoni peress li, fid-dawl tan-natura kontroversjali li għandhom normalment il-kwistjonijiet ta’ politika monetarja u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tas-SEBĊ, ma jistax jintalab ukoll minn din l-użu tal-għarfien ekonomiku tagħha u tal-mezzi tekniċi neċessarji li hija għandha sabiex twettaq l-istess analiżi bid-diliġenza u l-preċiżjoni kollha.

76

Issa, fis-sitwazzjoni deskritta fil-punti 72 u 73 tas-sentenza preżenti, l-akkwist, fis-swieq sekondarji, ta’ bonds nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati mir-rati ta’ interessi meqjusa bħala estremi mill-BĊE jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ dawn ir-rati billi jelimina l-biżgħat mhux iġġustifikati li tikkollassa ż-żona tal-euro u, għaldaqstant li jipparteċipa fit-tnaqqis jew saħansitra l-għajbien tal-primjums ta’ riskju eċċessivi.

77

F’dan il-kuntest, is-SEBĊ kienet iġġustifikata meta qieset li din l-evoluzzjoni tar-rati tal-interessi hija tali li tiffaċilita t-trażmissjoni tal-politika monetarja tas-SEBĊ u li tissalvagwarda n-natura unika ta’ din il-politika.

78

Għaldaqstant, huwa paċifiku li r-rati tal-interessi tal-bonds nazzjonali ta’ Stat partikolari għandhom rwol determinanti fl-iffissar tar-rati tal-interessi applikabbli għad-diversi atturi ekonomiċi ta’ dan l-Istat, fil-valur tal-portafolli tal-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom tali bonds u fil-kapaċità ta’ dawn l-istituzzjonijiet li jiksbu likwidità. Għaldaqstant, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-primjums ta’ riskju eċċessivi meħtieġa fuq il-bonds nazzjonali ta’ Stat Membru jista’ jevita li l-volatilità tagħhom u l-livell tagħhom ma jostakolawx it-trażmissjoni tal-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ politika monetarja tas-SEBĊ għall-ekonomija ta’ dan l-Istat u ma jikkontestawx in-natura unika ta’ din il-politika.

79

Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tal-BĊE li s-sempliċi tħabbir tal-programm inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien biżżejjed sabiex jinkisbu l-effetti mfittxija, jiġifieri li jiġi stabbilit mill-ġdid il-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u n-natura unika ta’ din il-politika, ma ġietx ikkontestata matul il-proċedura preżenti.

80

Minn dak li ntqal jirriżulta li, f’kundizzjonijiet ekonomiċi bħal dawk irrilevati mill-BĊE fid-data tal-istqarrija għall-istampa, is-SEBĊ setgħet tikkunsidra b’mod validu li programm bħal dak imħabbar f’din l-istqarrija huwa adatt sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet imfittxija mis-SEBĊ u, għaldaqstant, għaż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm bżonn, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk tali programm imurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-istqarrija għall-istampa jirriżulta ċarament li l-programm inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermetti l-akkwist ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji biss jekk dan inkun neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-programm u jekk dawn l-akkwisti jintemmu ladarba dawn l-għanijiet ikunu ntlaħqu.

83

Għandu wkoll jiġi rrilevat li t-tħabbir, fl-istqarrija għall-istampa, tal-programm inkwistjoni fil-kawża prinċipali ser ikun segwit, skont il-każ, mit-tieni stadju, jiġifieri minn dak tal-implementazzjoni ta’ dan il-programm, li ser tkun suġġetta għal evalwazzjoni fid-dettall tal-eżiġenzi tal-politika monetarja.

84

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, iktar minn sentejn wara t-tħabbir tal-programm inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan għadu ma ġiex implementat, billi l-Kunsill Governattiv qies li l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx iġġustifikata mis-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro.

85

Lil hinn mill-issuġġettar strett tal-implementazzjoni ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa għall-għanijiet li hu jrid jilħaq, għandu jiġi rrilevat li l-portata potenzjali ta’ dan il-programm hija limitata b’diversi manjieri.

86

Għaldaqstant jidher li huma biss il-bonds nazzjonali tal-Istati Membri li huma s-suġġett ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku u li għandhom aċċess mill-ġdid għas-suq tal-bonds biss jistgħu jiġu akkwistati mis-SEBĊ fil-kuntest ta’ tali programm. Barra minn hekk, programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċentra fuq il-bonds nazzjonali li l-iskadenza tagħhom hija ta’ inqas minn tliet snin, filwaqt li s-SEBĊ tirriżerva l-fakultà li terġa’ tbigħ fi kwalunkwe mument il-bonds akkwistati.

87

Minn dawn l-elementi jirriżulta, minn naħa, li programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa finalment jirrigwarda biss parti limitata tal-bonds nazzjonali maħruġa mill-Istati taż-żona tal-euro, b’tali mod li l-impenji li l-BĊE jista’ jieħu matul l-implementazzjoni ta’ tali programm ikunu, fil-fatt, definiti u limitati. Min-naħa l-oħra, tali programm jista’ japplika biss meta s-sitwazzjoni ta’ uħud minn dawn l-Istati tkun diġà ġġustifikat intervent tal-MES li jkun għadu għaddej.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li programm li l-volum tiegħu huwa hekk limitat jista’ jiġi adottat b’mod validu mis-SEBĊ mingħajr ma tiffissa limitu kwantitattiv minn qabel għall-implementazzjoni tiegħu, billi tali limitu jista’, fil-fatt, idgħajjef l-effettività ta’ dan il-programm.

89

Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-selettività ta’ tali programm, għandu jitfakkar li dan il-programm għandu l-għan li jirrimedja l-perturbazzjonijiet tal-politika monetarja tas-SEBĊ iġġenerati mis-sitwazzjoni speċifika tal-bonds ta’ ċerti Stati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SEBĊ setgħet leġittimament tqis li programm selettiv ta’ xiri ta’ bonds jista’ jkun neċessarju sabiex isolvi dawn il-perturbazzjonijiet billi l-azzjoni tas-SEBĊ tiġi kkonċentrata fuq il-partijiet taż-żona tal-euro li huma jolqtu b’mod partikolari u billi jiġi evitat għalhekk li tikber inutilment il-portata ta’ dan il-programm lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha jew li titnaqqas l-effettività tiegħu.

90

Għandu, barra minn hekk, jiġi kkonstatat li programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jidentifika lill-Istati Membri li l-bonds tagħhom jistgħu jiġu akkwistati fuq il-bażi ta’ kriterji marbuta mal-għanijiet imfittxija u mhux wara selezzjoni arbitrarja.

91

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li s-SEBĊ ħasbet dwar id-diversi interessi involuti b’mod li effettivament tevita li jkunu jistgħu jinħolqu, matul l-implementazzjoni tal-programm meqjus, inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija minnu.

92

Minn dak li ntqal jirriżulta li programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l-Artikolu 123(1) TFUE

93

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 123(1) TFUE ta’ programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa.

94

Mill-kliem tal-Artikolu 123(1) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-BĊE u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri milli jagħtu self kurrenti jew kwalunkwe tip ieħor ta’ kreditu lill-awtoritajiet u lill-korpi pubbliċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll li jakkwistaw direttament, mingħandhom, strumenti ta’ debitu tagħhom (sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 123).

95

Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni tipprojbixxi kull assistenza finanzjarja tas-SEBĊ lil Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 132), mingħajr madankollu teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għas-SEBĊ, li tixtri mill-ġdid mingħand il-kredituri ta’ tali Stat titoli maħruġa preċedentement minn dan tal-aħħar.

96

Għaldaqstant, l-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jippermetti lis-SEBĊ, tilħaq l-għanijiet tagħha u twettaq il-kompiti tagħha, tintervjeni fis-swieq finanzjarji, fost oħrajn, billi tixtri u tbigħ fil-mument titoli negozjabbli, li minnhom jagħmlu parti l-bonds nazzjonali, mingħajr ma jissuġġetta din l-awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet partikolari ħlief li tinjora n-natura stess tal-operazzjonijiet ta’ suq miftuħ.

97

Madankollu, is-SEBĊ ma tistax takkwista b’mod validu bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji taħt kundizzjonijiet li fil-prattika jagħtu lill-intervent tagħha effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali mingħand awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Istati Membri u b’hekk tpoġġi fid-dubju l-effettività tal-projbizzjoni msemmija fl‑Artikolu 123(1) TFUE.

98

Barra minn hekk, sabiex jiġu ddeterminati l-forom ta’ akkwisti ta’ bonds nazzjonali li huma kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 133).

99

Għal dawn il-finijiet, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 123 TFUE toriġina mill-Artikolu 104 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 101 KE), li ġie inkluż fit-Trattat KE bit-Trattat ta’ Maastricht.

100

Issa, mix-xogħol preparatorju ta’ dan it-trattat tal-aħħar jirriżulta li l-Artikolu 123 TFUE huwa intiż li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri josservaw politika baġitarja għaqlija billi jevitaw li finanzjament monetarju tal-iżbilanċ pubbliku jew aċċess privileġġat tal-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji jwassal għal dejn eċċessiv jew għal żbilanċ eċċessiv tal-Istati Membri (ara l-abbozz tat-trattat li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea sabiex tiġi stabbilita unjoni ekonomika u monetarja, il-Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, suppliment 2/91, p. 22 u 52).

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif tfakkar is-seba’ premessa tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3603/93, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli [123 TFUE] u [125(1) TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 27), ix-xiri mwettaq fis-swieq sekondarji ma jistax validament jintuża sabiex jiġi evitat l-għan imfittex mill-Artikolu 123 TFUE.

102

Minn dan isegwi li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 227 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-BĊE jakkwista bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji, l-intervent tiegħu għandu jsir flimkien ma garanziji suffiċjenti sabiex dan jiġi kkonċiljat mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju li tirriżulta mill-Artikolu 123(1) TFUE.

103

Għal dak li jirrigwarda programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li s-SEBĊ hija awtorizzata, fil-kuntest ta’ tali programm, takkwista bonds nazzjonali mhux direttament, mingħand awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Istati Membri, iżda sempliċement indirettament, fis-swieq sekondarji. L-intervent tas-SEBĊ previst minn programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax għaldaqstant jixxebbah ma’ miżura ta’ assistenza finanzjarja għal Stat Membru.

104

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li l-intervent tas-SEBĊ jista’ jkollu, fil-prattika, effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istati Membri jekk l-operaturi li jistgħu jakkwistaw bonds nazzjonali fis-suq primarju jkollhom iċ-ċertezza li s-SEBĊ ser tixtri mill-ġdid dawn il-bonds f’terminu u taħt kundizzjonijiet li jippermettu lil dawn l-operaturi jaġixxu, de facto, bħala intermedjarji tas-SEBĊ għall-akkwist dirett tal-imsemmija bonds mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat.

105

Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-BĊE matul il-proċedura preżenti jirriżulta li l-implementazzjoni ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa għandha tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet intiżi li jevitaw li l-interventi tas-SEBĊ fis-swieq sekondarji jkollhom effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali fis-suq primarju.

106

F’din il-perspettiva, mill-abbozzi tad-deċiżjoni u tal-linji gwida prodotti mill-BĊE matul il-proċedura preżenti jirriżulta li l-Kunsill Governattiv għandu jkollu kompetenza jiddeċiedi dwar il-portata, il-bidu, is-segwitu u s-sospensjoni tal-interventi fis-swieq sekondarji previsti minn tali programm. Barra minn hekk, il-BĊE ppreċiża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li s-SEBĊ għandha l-intenzjoni, minn naħa, tosserva terminu minimu bejn il-ħruġ ta’ titolu fis-suq primarju u x-xiri mill-ġdid tiegħu fis-swieq sekondarji u, min-naħa l-oħra, teskludi li tħabbar minn qabel id-deċiżjoni tagħha li tagħmel tali xiri mill-ġdid jew il-volum tax-xiri mill-ġdid maħsub.

107

Sa fejn dawn il-garanziji jippermettu li jiġi evitat li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ bonds nazzjonali jinbidlu miċ-ċertezza li dawn il-bonds ser jinxtraw mill-ġdid mis-SEBĊ wara li jinħarġu, huma jippermettu li jiġi eskluż li l-implementazzjoni ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jkollha, fil-prattika, effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istati Membri.

108

Ċertament, minkejja dawn il-garanziji, l-intervent tas-SEBĊ jibqa’ tali li, bħalma rrilevat il-qorti tar-rinviju, ikollu ċertu influwenza fuq il-funzjonament tas-swieq primarji u sekondarji tad-dejn sovran. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex deċiżiv peress li din l-influwenza tikkostitwixxi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 259 tal-konklużjonijiet tiegħu, effett inerenti għall-akkwisti fis-swieq sekondarji awtorizzati mit-Trattat FUE, effett li barra minn hekk huwa indispensabbli sabiex jiġi permess l-użu effiċjenti ta’ dawn l-akkwisti fil-kuntest tal-politika monetarja.

109

Fit-tielet lok, programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jevita l-għan tal-Artikolu 123(1) TFUE, imfakkar fil-punt 100 tas-sentenza preżenti, jekk dan il-programm ikun tali li jelimina l-inkoraġġiment lill-Istati Membri kkonċernati li jmexxu politika baġitarja għaqlija. Fil-fatt, peress li mill-Artikoli 119(2) TFUE, 127(1) TFUE u 282(2) TFUE jirriżulta li, bla ħsara għall-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ issostni lill-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, l-azzjonijiet imwettqa mis-SEBĊ fuq il-bażi tal-Artikolu 123 TFUE ma jistgħux ikunu tali li jmorru kontra l-effettività ta’ dawn il-politiki billi jeliminaw l-inkoraġġiment lill-Istati Membri kkonċernati li jmexxu politika baġitarja għaqlija.

110

Barra minn hekk, it-tmexxija tal-politika monetarja tinvolvi, b’mod permanenti, aġir fuq ir-rati tal-interessi u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-banek, u dan neċessarjament għandu konsegwenzi fuq il-kundizzjonijiet tal-finanzjament mill-ġdid tal-iżbilanċ pubbliku tal-Istati Membri.

111

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jeskludu li dan il-programm jista’ jitqies li huwa tali li jelimina l-inkoraġġiment tal-Istati Membri li jmexxu politika baġitarja għaqlija.

112

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-imsemmi programm ma jipprevedix l-akkwist ta’ bonds nazzjonali ħlief sa fejn huwa neċessarju għas-salvagwardja tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u tan-natura unika ta’ din il-politika u li dawn l-akkwisti jintemmu ladarba dawn l-għanijiet ikunu ntlaħqu.

113

Din il-limitazzjoni tal-intervent tas-SEBĊ timplika, minn naħa, li l-Istati Membri ma jistgħux jiddeterminaw il-politika baġitarja tagħhom billi jibbażaw ruħhom fuq iċ-ċertezza ta’ xiri mill-ġdid fil-futur mis-SEBĊ tal-bonds nazzjonali tagħhom fis-swieq sekondarji u, min-naħa l-oħra, li l-istess programm ma jistax jiġi implementat b’mod li jwassal għal armonizzazzjoni tar-rati tal-interessi applikati għall-bonds nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro indipendentement mid-differenzi relatati mas-sitwazzjoni makroekonomika jew baġitarja tagħhom.

114

Għaldaqstant, l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ tali programm la jippermettu lill-Istati Membri jadottaw politika baġitarja li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li f’każ ta’ żbilanċ huma jkollhom ifittxu finanzjamenti fis-suq u lanqas li jkunu protetti kontra l-konsegwenzi li jista’ jkollha, f’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni makroekonomika jew baġitarja tagħhom.

115

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi serje ta’ garanziji intiżi li jillimitaw l-effetti tiegħu fuq l-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija.

116

Għaldaqstant, billi jillimita dan il-programm għal ċertu tipi ta’ bonds maħruġa biss mill-Istati Membri kkonċernati minn programm ta’ aġġustament strutturali u li għandhom aċċess mill-ġdid għas-suq tal-bonds, il-BĊE irristretta, de facto, il-volum tal-bonds nazzjonali li jistgħu jiġu akkwistati fil-kuntest tal-imsemmi programm u, għaldaqstant, illimita l-portata tal-effetti tal-istess programm fuq il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-Istati taż-żona tal-euro.

117

Barra minn hekk, l-effetti ta’ programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa fuq l-inkoraġġiment sabiex titmexxa politika baġitarja għaqlija huwa limitat ukoll mill-possibbiltà tas-SEBĊ li terġa’ tbigħ il-bonds akkwistati fi kwalunkwe mument. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-konsegwenzi tal-irtirar ta’ dawn il-bonds mis-suq huma potenzjalment temporanji. Din il-possibbiltà tippermetti wkoll lis-SEBĊ tadatta l-programm tagħha skont l-attitudni tal-Istati Membri kkonċernati, b’mod partikolari sabiex tillimita jew tissospendi l-akkwisti ta’ bonds nazzjonali jekk Stat Membru jbiddel il-mod tiegħu kif joħroġ il-bonds billi joħroġ iktar bonds b’data ta’ maturità qasira sabiex jiffinanzja l-baġit tiegħu permezz ta’ bonds eliġibbli għall-intervent tas-SEBĊ.

118

Il-fatt li s-SEBĊ għandha wkoll il-possibbiltà li żżomm il-bonds akkwistati sa ma jimmaturaw ma għandux rwol determinanti f’dan ir-rigward, peress li din il-possibbiltà hija suġġetta għan-neċessità ta’ tali azzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u li hija ma tippermettix, fi kwalunkwe każ, lill-operaturi involuti li jkollhom iċ-ċertezza li s-SEBĊ ser tuża din il-possibbiltà. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li din il-prattika ma hija bl-ebda mod eskluża mill-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE u li hija ma timplika ebda rinunzja għall-ħlas, mill-Istat Membru emittenti, tad-dejn tiegħu ladarba jiskadi t-terminu tal-bond.

119

Barra minn hekk, billi tipprevedi biss l-akkwist ta’ bonds nazzjonali maħruġa mill-Istati Membri li jerġa’ jkollhom aċċess għas-suq tal-bonds, fil-prattika s-SEBĊ teskludi mill-programm li hija għandha l-intenzjoni timplementa lill-Istati Membri li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija tant degradata li ma għadhomx f’pożizzjoni li jkollhom aċċess għal finanzjament fis-suq.

120

Fl-aħħar nett, l-issuġġettar tal-akkwist ta’ bonds nazzjonali għall-osservanza integrali tal-programmi ta’ aġġustament strutturali li għalihom huma suġġetti l-Istati Membri kkonċernati jeskludi li programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa jista’ jinkoraġġixxi lil dawn l-Istati sabiex jirrinunzjaw għall-konsolidament tal-finanzi pubbliċi tagħhom billi jibbażaw ruħhom fuq il-faċilitajiet ta’ finanzjament li tista’ tikkawża l-implementazzjoni ta’ tali programm.

121

Minn dan jirriżulta li programm bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa ma jwassalx sabiex jelimina l-inkoraġġiment tal-Istati Membri kkonċernati li jmexxu politika baġitarja għaqlija. Minn dan isegwi li l-Artikolu 123(1) TFUE ma jipprojbixxix lis-SEBĊ milli tadotta tali programm u milli timplementah taħt kundizzjonijiet li ma jagħtux lill-intervent tas-SEBĊ effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali mingħand awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Istati Membri.

122

Il-karatteristiċi ta’ tali programm speċifikament irrilevati mill-qorti tar-rinviju, li ma ġewx invokati fl-analiżi li tinsab fil-punti preċedenti, ma humiex tali li jikkonfutaw din il-konklużjoni.

123

Għaldaqstant, il-fatt li dan il-programm jista’ jesponi lill-BĊE għal riskju kbir ta’ telf, jekk jitqies li dan ġie stabbilit, ma jdgħajjef bl-ebda mod il-garanziji li għandu l-imsemmi programm sabiex tiġi evitata l-eliminazzjoni tal-inkoraġġiment tal-Istati Membri li jmexxu politika baġitarja għaqlija.

124

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn il-garanziji huma wkoll tali li jnaqqsu r-riskju ta’ telf li għalihom jesponi ruħu l-BĊE.

125

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li bank ċentrali, bħall-BĊE huwa obbligat jieħu deċiżjonijiet li, bħall-operazzjonijiet fis-suq miftuħ, jinvolvu inevitabbilment riskju ta’ telf għalih u li l-Artikolu 33 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jipprevedi ġustament il-mod kif għandu jitqassam it-telf tal-BĊE, mingħajr ma jiddefinixxi speċifikament ir-riskji li huwa awtorizzat jieħu sabiex iwettaq l-għanijiet tal-politika monetarja.

126

Barra minn hekk, għalkemm l-assenza ta’ talba ta’ trattament ipprivileġġat tesponi eventwalment lill-BĊE sabiex isofri tnaqqis tad-dejn deċiż mill-kredituri l-oħrajn tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi kkonstatat li huwa riskju inerenti għall-akkwist ta’ bonds fis-swieq sekondarji, operazzjoni li ġiet awtorizzata mill-awturi tat-trattati, mingħajr ma hija suġġetta għall-għoti lill-BĊE tal-istatus ta’ kreditur privileġġat.

127

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikoli 119 TFUE, 123(1) TFUE u 127(1) u (2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lis-SEBĊ tadotta programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa.

Fuq l-ispejjeż

128

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 119 TFUE, 123(1) TFUE u 127(1) u (2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) tadotta programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji bħal dak imħabbar fl-istqarrija għall-istampa li hija msemmija fil-minuti tal-laqgħa Nru 340 tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-5 u tas-6 ta’ Settembru 2012.

Firem

( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.