SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikoli 1(2) u 49 — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Materji esklużi — Dritt tal-familja — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 47(1) — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess li timponi pagamenti ta’ penalità — Eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża C‑4/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Christophe Bohez

vs

Ingrid Wiertz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, E. Levits, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Bohez, minn L. Koskenvuo, asianajaja,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez‑Miñón, bħala aġent,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Dzikovič, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud‑Joët u E. Paasivirta, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2) u 49 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn C. Bohez u I. Wiertz dwar eżekuzzjoni fil-Finlandja tal-pagamenti ta’ penalità ordnata fid-deċiżjoni mogħtija minn qorti Belġjana sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess mogħtija lil C. Bohez fir-rigward ta’ uliedu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. […]

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

[…]”

4

L-Artikolu 45(2) ta’ dan ir-regolament, imdaħħal fil-Kapitolu III, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jipprevedi:

“Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

5

L-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament, li jidher taħt l-istess Kapitolu III, jipprovdi:

“Sentenza barranija li tordna pagamenti perjodiċi bħala penali għandu jkun eżegwibbli, fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, biss jekk l-ammont tal-pagament ikun ġie finalment determinat mill-qrati ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.”

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003

6

Ir-Regolament Nru 2201/2003 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209).

7

Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 tfakkar li l-prinċipju tar- rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa l-bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u li, f’dan ir-rigward, id-dritt taż-żjara [id-dritt tal-aċċess] ġie identifikat bħala prijorità.

8

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

(b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

(a)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, “Taħt l-ebda ċirkustanzi m’għandha sentenza tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza tagħha”.

10

Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess, l-Artikolu 28(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk.”

11

Taħt ċerti ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet relatati mad-dritt ta’ aċċess jistgħu jibbenefikaw minn sistema ta’ infurzar awtomatika. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi f’dan ir-rigward:

“Id-drittijiet ta’ aċċess […] mogħtija f’sentenza nfurzabbli li tkun ingħatat fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti u jkunu nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li ssir opposizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom jekk is-sentenza tkun ġiet iċcertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il-paragrafu 2.”

12

L-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija rregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar.

Id-dritt nazzjonali

Id-dritt Belġjan

13

Fid-dritt Belġjan, il-pagamenti ta’ penalità huma rregolati mill-Artikoli 1385a sa 1385h tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Skont l-Artikolu 1385a ta’ dan il-kodiċi:

“Il-qorti tista’, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tikkundanna lill-parti l-oħra, fil-każ fejn hija ma tkunx issodisfatta mill-kundanna prinċipali, għall-pagament ta’ somma ta’ flus, imsejħa pagamenti ta’ penalità, bla ħsara għad-danni, jekk ikun hemm lok. […]”

14

Skont l-Artikolu 1385b tal-imsemmi kodiċi:

“Il-qorti tista’ tiffissa l-pagamenti ta’ penalità jew f’somma waħda, jew f’somma speċifika għal perijodu partikolari jew għal ksur. F’dawn l-aħħar żewġ każijiet, il-qorti tista’ tistabbilixxi wkoll ammont li jekk jinqabeż, il-kundanna għal pagamenti ta’ penalità titlef l-effetti tagħha.”

15

Skont l-Artikolu 1385c tal-istess kodiċi, peress li t-titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru tal-pagamenti ta’ penalità huwa kkostitwit mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwarhom, il-benefiċjarju ma għandux bżonn jikseb, qabel l-eżekuzzjoni, il-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità.

16

Il-benefiċjarju tal-pagamenti ta’ penalità għandu l-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet tal-eżiġibbiltà tagħhom ġew issodisfatti. Fil-każ ta’ kontestazzjoni min-naħa tad-debitur, huwa l-kreditur tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jipproduċi l-prova tan-nuqqasijiet allegati. Hija għalhekk il-qorti mitluba teżegwixxi li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-pagamenti ta’ penalità humiex issodisfatti.

Id-dritt Finlandiż

17

Fid-dritt Finlandiż, il-pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tad-dritt ta’ aċċess huma rregolati mil-Liġi dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess (lapsen huoltoa ja tapaamisoikeutta koskevan päätöksen täytäntöönpanosta annettu laki, iktar ’il quddiem it-“TpL”) kif ukoll mil-Liġi dwar il-pagamenti ta’ penalità (uhkasakkolaki).

18

Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tat-TpL, il-qorti li, wara li tingħata deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, hija adita minn kawża li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ dan id-dritt tista’ tobbliga lill-konvenut għall-eżekuzzjoni sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità.

19

Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tat-TpL, il-pagamenti ta’ penalità huma, bħala regola, iffissati bħala somma waħda. Jekk raġunijiet partikolari jiġġustifikawhom, l-ammont tagħhom jista’ madankollu jkun stabbilit ukoll f’forma ta’ somom kumulattivi.

20

Il-pagamenti ta’ penalità għandhom dejjem jitħallsu lill-Istat u mhux lill-parti l-oħra.

21

B’applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) u (2) tat-TpL, il-qorti tista’, fuq talba ġdida, tordna l-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità li kienu ffissati jekk hija tiddeċiedi li din it-talba hija ġġustifikata. Il-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità ma jistax ikun ordnat jekk il-parti kkundannata turi li hija għandha raġuni valida għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu jew jekk fil-frattemp l-obbligu jkun twettaq.

22

L-Artikolu 11 tal-liġi fuq il-pagamenti ta’ penalità jawtorizza lill-qorti li tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jitħallas meta mqabbel ma’ dak li kien inizjalment iffissat jekk parti sostanzjali mill-obbligu prinċipali tkun issodisfatta jew jekk il-kapaċità li tħallas tal-persuna kkundannata naqset b’mod sinjifikattiv jew jekk teżisti raġuni oħra valida għat-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

C. Bohez u I. Wiertz iżżewġu fil-Belġju matul is-sena 1997 u minn dan iż-żwieġ twieldu żewġt itfal. Il-koppja ddivorzjat matul is-sena 2005 u I. Wiertz marret toqgħod fil-Finlandja.

24

Fit-28 ta’ Marzu 2007, ir-rechtbank van eerste aanleg te Gent (qorti tal-ewwel istanza ta’ Gand, il-Belġju) tat deċiżjoni dwar il-kustodja, ir-residenza, id-dritt ta’ aċċess u l-manteniment fir-rigward ta’ dawn it-tfal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007”). Hija akkumpanjat ukoll id-deċiżjoni tagħha b’pagamenti ta’ penalità intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess mogħti lil C. Bohez, iffissata għal EUR 1,000 għal kull wild għal kull ġurnata li fiha t-tfal ma jittiħdux għall-aċċess. L-ammont massimu tal-pagamenti ta’ penalità kien iffissat għal EUR 25,000.

25

Quddiem il-qrati Finlandiżi, C. Bohez talab li I. Wiertz tkun ikkundannata tħallsu l-pagamenti ta’ penalità ffissati fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007, jew tiddikjara din id-deċiżjoni eżekuttiva fil-Finlandja. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa sostna quddiem l-Itä-Uudenmaan käräjäoikeus (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Itä Uusimaa, il-Finlandja) li diversi aċċessi ma seħħewx u ma bbenefikax mid-dritt ta’ aċċess tiegħu, b’tali mod li l-ammont massimu tal-pagamenti ta’ penalità ffissati minn din is-sentenza kien diġà ntlaħaq. Abbażi tal-fatt li, fid-dritt Belġjan, l-irkupru tal-pagamenti ta’ penalità jitwettaq direttament mill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ġustizzja, mingħajr ma hija neċessarja għal dan il-għan, proċedura ġudizzjarja ġdida, C. Bohez iqis li t-talba tiegħu għandha titqies li hija intiża għall-irkupru ta’ kreditu pekunjarju eżekuttiv u, għalhekk, bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

26

I. Wiertz, min-naħa tagħha, oġġezzjonat li l-kundanna tagħha għall-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità ma ġietx ikkonfermata b’mod definittiv mill-qorti Belġjana u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007 ma hijiex eżekuttiva. Ebda awtorità ma kienet stabbilixxiet l-eżistenza ta’ nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għall-obbligu tal-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2012, l-Itä-Uudenmaan käräjäoikeus ikkonstatat li t-talba ta’ C. Bohez ma tirrigwardax l-eżekuttività tad-deċiżjoni relattiva għad-dritt ta’ aċċess, iżda sempliċement l-infurzar ta’ pagamenti ta’ penalità imposti sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-imsemmija deċiżjoni. Hija ddeduċiet li, ladarba hija tirrigwarda l-infurzar ta’ sentenza li tistabbilixxi obbligu pekunjarju, din it-talba taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Madankollu peress li rrilevat li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007 tipprovdi biss, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-Artikolu 49 ta’ dan ir-regolament, pagamenti ta’ penalità perijodiċi li l-ammont definittiv tagħhom ma ġiex iffissat, l-Itä-Uudenmaan käräjäoikeus ddikjarat inammissibbli t-talba ta’ C. Bohez.

28

Adita b’appell ta’ C. Bohez, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2012, il-Helsingin hovioikeus (Qorti tal-appell ta’ Helsinki), ikkonfermat iċ-ċaħda tat-talba ta’ C. Bohez bħala inammissibbli. Madankollu, fil-motivazzjoni tagħha li fuqha bbażat din is-sentenza, hija għamlet analiżi differenti minn dik tal-qorti tal-ewwel istanza. Billi kkunsidrat li t-talba taqa’ fil-kuntest tal-infurzar ta’ deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, il-Helsingin hovioikeus ddeċidiet li, fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, din it-talba ma taqax taħt dan tal-aħħar, iżda taħt ir-Regolament Nru 2201/2003. Għalhekk, skont l-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija, f’dan il-każ, iddeterminata mid-dritt Finlandiż, jiġifieri mit-TpL.

29

C. Bohez appella quddiem il-Korkein oikeus (Qorti Suprema), billi talab l-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2012 tal-Helsingin hovioikeus filwaqt li sostna t-talbiet tiegħu tal-ewwel istanza.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kawżi li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tal-obbligu prinċipali impost f’deċiżjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament?

2)

Jekk il-kawżi li hemm riferiment għalihom fid-domanda preċedenti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001], l-Artikolu 49 ta’ dan l-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, li fl-Istat ta’ oriġini, huma fihom infushom direttament infurzabbli fl-ammont stabbilit, iżda li l-ammont definittiv tagħhom jista’ jinbidel fuq talba jew minħabba argumenti tal-parti kkundannata għall-pagamenti ta’ penalità, huma biss infurzabbli fi Stat Membru ieħor jekk l-ammont tagħhom ikun ġie speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat ta’ oriġini?

3)

Jekk il-kawżi identifikati iktar ’il fuq ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001], l-Artikolu 47(1) tar-Regolament [Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri intiżi għall-osservanza ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja jew tad-dritt ta’ aċċess, jagħmlu parti mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni ddeterminata mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew jistgħu jitqiesu li huma parti integrali mid-deċiżjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess u li, skont ir-Regolament [Nru 2201/2003], hija infurzabbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor?

4)

Meta l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tintalab fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ li l-ammont tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità jkun speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ oriġini, anki fis-sitwazzjoni fejn ir-Regolament [Nru 44/2001] ma jkunx applikabbli fil-kuntest ta’ din l-eżekuzzjoni?

5)

Jekk pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tad-dritt ta’ aċċess huma infurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr ma l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ma jkun speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ oriġini;

a)

l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità madankollu teħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess tkun ġiet prekluża b’motivi li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien indispensabbli sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-wild, u

b)

liema qorti għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni li teżamina l-preżenza ta’ tali fatturi, iktar preċiżament

i)

il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni hija dejjem limitata esklużivament għall-eżami tal-allegat annullament tad-dritt ta’ aċċess, li toriġina minn raġuni li tkun espressament prevista fid-deċiżjoni tal-mertu, jew

ii)

id-drittijiet tal-wild li huma ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-‘Karta’) jimplikaw li l-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha dritt jew obbligu iktar estiż li jiġi eżaminat jekk l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess tkunx ġiet prekluża b’motivi li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien indispensabbli sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-wild?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ pagamenti ta’ penalità ordnati f’sentenza, mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan id-dritt ta’ aċċess mid-detentur tad-dritt ta’ kustodja.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huwa limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa essenzjalment iddeterminat minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fil-kawża jew is-suġġett tagħha (ara s-sentenza Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Iktar partikolarment, f’dak li jikkonċerna l-miżuri provviżorji, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-appartenenza tagħhom għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 hija ddeterminata, mhux min-natura tagħhom stess, iżda min-natura tad-drittijiet li tagħhom jiżguraw is-salvagwardja (ara s-sentenza Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, dwar l-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ kundanna għall-ħlas ta’ multa, imposta minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, sabiex tiġi osservata projbizzjoni stabbilita f’sentenza ġudizzjarja mogħtija f’dan l-Istat f’materji ċivili u kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li n-natura ta’ dan id-dritt ta’ eżekuzzjoni tiddependi minn dik tad-dritt suġġettiv skont il-ksur li għalih l-eżekuzzjoni ġiet ordnata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 42).

35

F’dan il-każ, mill-Artikolu 1385a tal-Kodiċi Ġudizzjarja Belġjana jirriżulta, li fuq il-bażi tiegħu l-qorti tal-Istat ta’ oriġini tat il-pagament ta’ penalità inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li din il-miżura għandha tiġi analizzata bħala l-kundanna, fuq talba ta’ parti, tal-parti l-oħra li tħallas is-somma ta’ flus fl-ipoteżi fejn din tal-aħħar ma tissodisfax l-obbligu prinċipali li jaqa’ fuqha. Minn dan jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dan l-obbligu prinċipali.

36

Barra minn hekk, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom bħala għan li tiġi żgurata l-effettività ta’ dritt ta’ aċċess mogħti, fl-istess sentenza, mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini. Dawn il-pagamenti ta’ penalità intiżi fil-fatt li jeżerċitaw pressjoni finanzjarja fuq il-ġenitur li miegħu jirrisjedi l-wild sabiex jikkoopera mal-implementazzjoni ta’ tali dritt ta’ aċċess.

37

Issa, l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-istatus ta’ persuni fiżiċi, kunċett li jinkludi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-persuna ta’ wild.

38

Huwa minħabba din l-esklużjoni u sabiex timtela’ din il-lakuna li ġew adottati r-Regolamenti Nri 1347/2000 u 2201/2003, li l-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom jinkludu, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Fost dawn il-kwistjonijiet jidhru, fost oħrajn, kif jispeċifika l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, id-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-pagamenti ta’ penalità li qed tintalab l-eżekuzzjoni tagħhom fil-kawża prinċipali huma miżura aċċessorja intiża li tiżgura s-salvagwardja ta’ dritt li jaqa’ mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, iżda taħt dak tar-Regolament Nru 2201/2003.

40

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma japplikax għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ pagamenti ta’ penalità ordnati f’sentenza, mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan id-dritt ta’ aċċess mid-detentur tad-dritt ta’ kustodja.

Fuq it-tieni domanda

41

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

42

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-irkupru ta’ pagamenti ta’ penalità, ordnati mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tat id-deċiżjoni dwar il-mertu fuq id-dritt ta’ aċċess sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan id-dritt, għandu jiġi kkunsidrat li jagħmel parti mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni tad-dritt ta’ aċċess, li, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa rregolat mid-dritt nazzjonali, jew bħala li jaqa’ taħt l-istess sistema bħad-dritt ta’ aċċess li jiżgura u għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat infurzabbli skont ir-regoli definiti mir-Regolament Nru 2201/2003.

43

Kif tenfasizza l-premessa 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji relatati mad-dritt ta’ aċċess ġie identifikat bħala prijorità fil-kuntest ta’ żona ġuridika tal-Unjoni Ewropea. Ikkunsidrati bħala partikolarment importanti, dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu taħt sistema speċifika. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi, fl-Artikoli 28(1) u 41(1) tiegħu, sistema ta’ infurzar li tħaffef, saħansitra awtomatika, li tibbaża fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

44

Minħabba din il-fiduċja reċiproka u skont l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, ma jistgħux jiġu riveduti dawn is-sentenzi fuq is sustanza tagħhom.

45

F’dan il-każ, il-pagamenti ta’ penalità li qed tintalab l-eżekuzzjoni tagħhom fil-kuntest tal-kawża prinċipali ġew ordnati mill-qorti kompetenti, skont ir-Regolament Nru 2201/2003, biex tingħata deċiżjoni dwar il-mertu fuq id-dritt ta’ aċċess.

46

Ċertament, bid-differenza tar-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 2201/2003, l-istess bħall-predeċessur tiegħu, ir-Regolament Nru 1347/2000, ma jinkludix regoli dwar il-pagamenti ta’ penalità. Madankollu, kif argumentat il-Kummissjoni Ewropea, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li din il-kwistjoni ma ġietx diskussa matul it-tfassil ta’ dawn ir-regolamenti li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li tiġi eskluża l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, tali miżura sa fejn tikkontribwixxi għall-osservanza ta’ deċiżjonijiet mogħtija, b’applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess, toqgħod fl-għan tal-effettività li jsegwi r-Regolament Nru 2201/2003.

47

Kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-pagamenti ta’ penalità inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom biss natura aċċessorja meta mqabbla mal-obbligu prinċipali, li jiggarantixxu, jiġifieri l-obbligu, għall-ġenitur li lilu ngħatatlu d-dritt ta’ kustodja, li jikkoopera mal-implementazzjoni tad-dritt ta’ aċċess skont ir-regoli stabbiliti mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini, li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konoxxenza tal-mertu.

48

L-eżekuzzjoni ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità hija, għaldaqstant, direttament marbuta mal-eżistenza kemm ta’ dan l-obbligu prinċipali u ta’ nuqqas ta’ dan tal-aħħar.

49

Fid-dawl ta’ din ir-rabta, il-pagamenti ta’ penalità ordnati f’sentenza dwar id-dritt ta’ aċċess ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat li jikkostitwixxu obbligu awtonomu, iżda għandhom jiġu kkunsidrati b’mod indissoċjabbli mid-dritt ta’ aċċess li tiegħu jiżguraw is-salvagwardja.

50

Fuq din il-bażi, l-irkupru tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità għandu jaqa’ taħt l-istess sistema ta’ eżekuzzjoni bħad-dritt ta’ aċċess li għandu jiġi ssalvagwardjat, jiġifieri taħt ir-regoli previsti fl-Artikoli 28(1) u 41(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

51

Jekk is-sistema ta’ eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità tiġi sseparata minn dik applikabbli għad-dritt ta’ aċċess sabiex tkun tiddependi, kif issuġġerew il-Gvernijiet Finlandiżi u Litwani, mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni stess, li, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, hija rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, dan ikun iwassal sabiex il-qorti ta’ dan l-Istat tkun tista’ tivverifika hija stess l-eżistenza ta’ nuqqas tad-dritt ta’ aċċess.

52

Issa, tali stħarriġ, li għandha titwettaq skont ir-regoli tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u li timplika evalwazzjoni, mill-qorti ta’ dan l-Istat, taċ-ċirkustanzi tal-każ, tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi, għas-sentenzi mogħtija f’dan il-qasam, sistema ta’ eżekuzzjoni uniformi u ssemplifikata, li tipprojbixxi kull interferenza tal-qorti ta’ eżekuzzjoni dwar il-mertu u li hija bbażata fuq il-fiduċja fil-qorti tal-Istat ta’ oriġini bħala qorti meqjusa li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti sentenza dwar id-dritt ta’ aċċess.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-irkupru ta’ pagamenti ta’ penalità ordnati mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tat deċiżjoni dwar il-mertu fuq id-dritt ta’ aċċess għall-finijiet li tiġi żgurata l-effettività ta’ dan id-dritt, jaqa’ taħt l-istess sistema ta’ eżekuzzjoni bħad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess li jiggarantixxi l-imsemmija pagamenti ta’ penalità u li dawn tal-aħħar għandhom, għalhekk, jiġu ddikjarati eżekuttivi skont ir-regoli definiti mir-Regolament Nru 2201/2003.

Fuq ir-raba ’ domanda

54

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, sentenzi barranin li jordnaw pagamenti perjodiċi bħala penali għandhom ikunu eżegwibbli, fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, biss jekk l-ammont tal-pagament ikun ġie finalment iddeterminat mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

55

Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità li qed tintalab l-eżekuzzjoni tagħhom fil-kuntest tal-kawża prinċipali ġew ordnati mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini għal somma ta’ EUR 1,000 għal nuqqas tad-dritt tal-aċċess, b’ammont massimu ta’ EUR 25,000. Minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li, skont l-Artikolu 1385c tal-Kodiċi Ġudizzjarja Belġjana, il-benefiċjarju ma għandux bżonn jikseb, qabel l-eżekuzzjoni, il-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità. Id-dritt Belġjan jiddistingwi ruħu fuq dan il-punt tar-regoli fis-seħħ fi Stati Membri oħrajn, fost l-oħrajn tad-dritt Finlandiż, fis-sens li, konformement mal-Artikolu 19(1) u (2) tat-TpL, il-benefiċjarju għandu jitlob lill-Qorti, qabel ma jista’ titlob l-eżekuzzjoni, il-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità.

56

Huwa biex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw minn diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni li ġiet inserita fl-Artikolu 43 tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1972, L 299, p. 32) ir-regola li tipprovdi li sentenzi barranin li jordnaw pagamenti perjodiċi bħala penali għandhom ikunu eżegwibbli, fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, biss jekk l-ammont tal-pagament ikun ġie finalment iddeterminat mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini [ara r-rapport elaborat minn P. Schlosser fuq il-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1979, C 59, p. 71, punt 213)]. Din ir-regola issemmiet fl-istess kliem tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001.

57

Ir-Regolament Nru 2201/2003, u, qablu, ir-Regolament Nru 1347/2000, ma jinkludix, kuntrarjament, regola ekwivalenti. Madankollu, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-Konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta’ likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrikonċilja tajjeb man-natura sensittiva li jippreżenta d-dritt ta’ aċċess.

58

Kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-importanza ta’ dan id-dritt, essenzjali biex jipproteġi d-dritt tal-wild, imdaħħal fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li jinżammu relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mill-wild maż-żewġ ġenituri tiegħu, wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi sistema speċifika bil-għan li jiġi ffaċilitat l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jikkonċernah. Din is-sistema tibbaża fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom huma kapaċi jagħtu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta (sentenza Aguirre Zarraga, C–491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 70), u teskludi kull forma ta’ reviżjoni tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini.

59

Fl-ipoteżi fejn id-detentur ta’ dritt ta’ aċċess mogħti fi Stat Membru, jitlob, billi jagħmel użu min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dritt, l-eżekuzzjoni, fi Stat Membru ieħor ta’ pagamenti ta’ penalità li l-ammont definittiv tagħhom ma jkunx ġie iffissat mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini, imur kontra s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2201/2003 li tippermetti lill-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tintervjeni fid-determinazzjoni tas-somma finali li għandha titħallas mill-ġenitur li miegħu jirrisjedi l-wild sabiex jikkoopera għall-implementazzjoni tad-dritt ta’ aċċess. Fil-fatt, din id-determinazzjoni timplika stħarriġ tan-nuqqasijiet allegati mid-detentur tad-dritt ta’ aċċess. Tali stħarriġ, li huwa tal-ikbar importanza għall-interess superjuri tal-wild, ma jimplikax biss il-konstatazzjoni tan-numru ta’ okkażjonijiet li fihom il-wild ma kienx preżenti, iżda wkoll l-evalwazzjoni tar-raġunijiet li wasslu għal dawn in-nuqqasijiet. Madankollu, hija biss il-qorti tal-Istat ta’ oriġini, bħala qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, li hija awtorizzata tagħmel evalwazzjonijiet ta’ din in-natura.

60

Konsegwentement, f’tali sitwazzjoni, huwa l-benefiċjarju tal-pagamenti ta’ penalità li għandu juża’ r-rimedji proċedurali disponibbli fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex jinkiseb titolu li jiffissa l-ammont definittiv tal-pagamenti ta’ penalità.

61

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li hemm lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, sentenzi barranin li jordnaw pagamenti ta’ penalità huma eżekuttivi fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni biss jekk l-ammont ikun ġie ffissat definittivament mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

Fuq il-ħames domanda

62

Fid-dawl tar-risposta mogħtija tar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma japplikax għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ pagamenti ta’ penalità ordnati f’sentenza, mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan id-dritt ta’ aċċess mid-detentur tad-dritt ta’ kustodja.

 

2)

L-irkupru ta’ pagamenti ta’ penalità ordnati mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tat sentenza dwar il-mertu fuq id-dritt ta’ aċċess għall-finijiet li tiġi żgurata l-effettività ta’ dan id-dritt, jaqa’ taħt l-istess sistema ta’ eżekuzzjoni bħas-sentenza dwar id-dritt ta’ aċċess li jiggarantixxi l-imsemmija pagamenti ta’ penalità u li dawn tal-aħħar għandhom, għalhekk, jiġu ddikjarati eżekuttivi skont ir-regoli definiti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

 

3)

Fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, sentenzi barranin li jordnaw pagamenti ta’ penalità huma eżekuttivi fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni biss jekk l-ammont ikun ġie ffissat definittivament mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.