KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SANCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2016 ( 1 )

Kawża C‑613/14

James Elliott Construction Limited

vs

Irish Asphalt Limited

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

“Artikolu 267 TFUE — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kunċett ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet — Standard Ewropew EN 13242:2002 ippubblikat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) skont mandat tal-Kummissjoni — Direttiva 89/106/KEE dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini — Inkorporazzjoni tal-Istandard Ewropew EN 13242:2002 fid-dritt nazzjonali — Granulat użat fil-kostruzzjoni — Metodu u mument ta’ verifika tal-konformità ta’ prodott mal-imsemmi standard — Marka ‘CE’ — Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi — Kamp ta’ applikazzjoni — Invokabbiltà f’tilwima bejn partijiet”

Werrej

 

I – Il-kuntest ġuridiku

 

A – Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea

 

1. Id-Direttiva 89/106

 

2. L-Istandard EN 13242:2002

 

3. Id-Direttiva 98/34

 

B – Id-dritt Irlandiż

 

II – Il-fatti u l-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali

 

III – Analiżi tad-domandi preliminari

 

A – L-ewwel domanda preliminari, il-punt a): ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta b’mod preliminari l-istandards tekniċi armonizzati

 

1. L-użu ta’ direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid ma jistax imur kontra l-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Il-Kummissjoni teżerċita kontroll sinjifikattiv fuq il-proċedura ta’ tfassil tal-istandards tekniċi armonizzati mis-CEN

 

3. Il-funzjonament tas-CEN bħala korp ta’ standardizzazzjoni jiddependi mill-Unjoni Ewropea

 

B – L-ewwel domanda preliminari, punt b): Metodi ta’ prova tal-osservanza tal-Istandard armonizzat EN 13242:2002

 

C – It-tielet domanda preliminari: Il-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu tal-prodotti li jikkonformaw mad-Direttiva 89/106

 

D – Ir-raba’ domanda preliminari: Il-kontenut massimu ta’ kubrit stabbiliti fl-Istandard armonizzat EN 13242:2002

 

E – Il-ħames domanda preliminari: L-użu tal-marka “CE”

 

F – It-tieni domanda preliminari: L-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 u tal-ġurisprudenza CIA Security International u Unilever

 

IV – Konklużjoni

1. 

Is-Supreme Court tal-Irlanda, skont l-Artikolu 267 TFUE, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari li permezz tagħha titlob l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar: a) ċerti artikoli tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini ( 2 ), b) l-Istandard Ewropew armonizzat EN 13242:2002 (iktar ’il quddiem, “Standard EN 13242:2002”), adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (iktar ’il quddiem, “CEN”); u ċ) id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi ( 3 ).

2. 

Ir-rinviju preliminari sar fil-kuntest ta’ kawża għal ksur ta’ kuntratt bejn il-kumpannija tal-kostruzzjoni James Elliott Construction Limited (iktar ’il quddiem, “James Elliott”) u l-impriża Irish Asfalt Company Limited (iktar ’il quddiem, “Irish Asphalt”). Din tal-aħħar ipprovdiet lill-ewwel waħda granulati tat-tip Clause 804 li allegatament ma kinux jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kwalità stabbiliti mill-Istandard EN 13242:2002, implementat fl-Irlanda min-National Standards Authority of Ireland (iktar ’il quddiem, “NSAI”) permezz tal-Istandard I.S. EN 13242:2002.

3. 

F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija, għall-ewwel darba u b’mod dirett, jekk għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi, permezz ta’ deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ standard tekniku armonizzat adottat mis-CEN u mbagħad maqlub fi standard tekniku nazzjonali, flimkien ma’ diversi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni dwar il-kontenut tal-istandard armonizzat u l-invokazzjoni tagħhom f’tilwimiet bejn individwi.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea

4.

It-tneħħija tal-ostakoli tekniċi li kienu jxekklu l-moviment liberu tal-prodotti għall-kostruzzjoni fis-suq intern saret permezz tal-adozzjoni ta’ direttiva li kienet tapplika l-“metodu ġdid” fil-qasam ta’ armonizzazzjoni, b’mod partikolari, id-Direttiva 89/106 li tistabbilixxi l-kriterji bażiċi meħtieġa għal dawn il-prodotti. L-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal kull wieħed minnhom kien ikkummissjonat mill-Kummissjoni lis-CEN, bħala entità Ewropea ta’ standardizzazzjoni. Fir-rigward tal-granulati, il-Kummissjoni tat lis-CEN il-Mandat M/125, li għall-eżekuzzjoni tiegħu s-CEN approva l-Istandard EN13242:2002 dwar “żrar għal materjali mhux magħġunin u magħġunin idrawlikament biex jintużaw f’xogħol ta’ inġinerija ċivili u bini ta’ toroq)” ( 4 ).

5.

Id-Direttiva 89/106 ġiet imħassra u sussegwentement issostitwita bir-Regolament (UE) Nru 305/2011 ( 5 ). L-Istandard EN 13242:2002 ukoll ġie emendat wara, fl-2007 ( 6 ), mingħajr ma dawn il-bidliet kienu applikabbli għall-każ.

6.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika l-ostakoli tekniċi futuri, id-Direttiva 83/189/KEE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi ( 7 ), stabbiliet proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ regolamenti tekniċi li ppermettiet li jiġu identifikati l-oqsma li jeħtieġu armonizzazzjoni permezz ta’ direttivi tal-hekk imsejjaħ “metodu ġdid”. Id-Direttiva 83/189 ġiet issostitwita, wara diversi riformi, bid-Direttiva 98/34, applikabbli għal dan il-każ kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE ( 8 ). Reċentement din il-proċedura għat-tneħħija tal-ostakoli tekniċi ġiet emendata u kkodifikata permezz tad-Direttiva (UE) 2015/1535 ( 9 ).

1. Id-Direttiva 89/106

7.

Sabiex jitneħħew l-ostakoli tekniċi fil-qasam tal-prodotti għall-kostruzzjoni u jissaħħaħ il-moviment liberu tagħhom fis-suq intern, id-Direttiva 89/106 wettqet armonizzazzjoni mhux eżawrjenti li segwiet il-metodu ġdid stabbilit fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1985 ( 10 ). Skont dan, l-Artikolu 3 jirreferi għall-ħtiġijiet essenzjali li jgħoddu għal dawk ix-xogħlijiet li jaffettwaw il-karatteristiċi tal-prodotti, identifikati fl-Anness I tad-Direttiva (reżistenza mekkanika u stabbilità; sigurtà fil-każ ta’ ħruq; iġjene, saħħa u l-ambjent; sigurtà fl-użu; ħarsien kontra storbju u ekonomija fl-enerġija u żamma tas-sħana).

8.

L-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi bħala mezz prinċipali ta’ prova ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà, għall-prodotti għall-kostruzzjoni, il-konformità “man-normi nazzjonali relevanti li jbiddlu l-pożizzjoni tan-normi armonizzati, li kien hemm riferenza għalihom ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Stati Membri jippubblikaw ir-referenzi ta’ dawn in-normi nazzjonali”. Din il-konformità tintwera permezz tal-marka “CE”.

9.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/106,

“[…]

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, in-normi armonizzati għandhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati mis-CEN, Cenelec jew mit-tnejn, b’mandat maħruġ mill-Kummissjoni b’konformità mad-Direttiva 83/189/KEE skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19 u bi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jolqtu l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ korpi ffirmata fit-13 ta’ Novembru, 1984.”

10.

Kif jidher, id-Direttiva 89/106 tagħmel armonizzazzjoni minima tar-rekwiżiti essenzjali applikabbli għall-prodotti għall-kostruzzjoni u tagħmel riferiment, għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, għall-istandards ulterjuri żviluppati mill-entitajiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-istandards tekniċi armonizzati, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprevedi li dawn l-entitajiet ifassluhom b’mod konformi mal-mandati tal-Kummissjoni maħruġa skont id-Direttiva 83/189. L-istandards tekniċi armonizzati huma ppubblikati mill-Kummissjoni fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali ( 11 ).

Il-prodotti għall-kostruzzjoni li jissodisfaw l-istandards tekniċi armonizzati jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 89/106, li l-Artikolu 6(1) tagħha jiggarantixxi l-moviment liberu tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri kollha, ħlief jekk tkun applikabbli l-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 21 ( 12 ).

2. L-Istandard EN 13242:2002

11.

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/106, il-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 1998 adottat il-Mandat M/125, mogħti lis-CEN sabiex jitħejja standard tekniku fuq tip ta’ materjal għall-kostruzzjoni, jiġifieri, l-granulati. Skont dan il-Mandat, is-CEN adotta l-Istandard EN 13242:2002.

12.

Il-Mandat M/125 ( 13 ) inkariga lis-CEN jadotta l-istandards tekniċi dwar granulati użati fil-kostruzzjoni, li jippermettu li dawn ikunu xierqa għall-użu intiż tagħhom, skont id-definizzjoni ta’ dak it-terminu fid-Direttiva 89/106 ( 14 ).

13.

Il-Kapitolu II, paragrafi 8 u 9 ( 15 ), u l-Kapitolu III, paragrafu 2, ( 16 ), tal-mandat fihom linji gwida dwar il-metodi ta’ ttestjar għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard armonizzat. Taħt il-paragrafu 1 tal-Kapitolu III, “l-istandards armonizzati għandhom jiġu mfassla sabiex jippermettu li jiġi akkreditat li l-prodotti relatati fl-Annessi 1 u 2 jissodisfaw ir-rekwiżiti bażiċi. Peress li wieħed mill-għanijiet tad-direttiva huwa li jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ, l-istandards li ġejjin minnha għandhom għalhekk jiġu espressi, jekk ikun possibbli, f’termini ta’ prestazzjoni tal-prodotti (l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/106) u b’kunsiderazzjoni tad-dokumenti interpretattivi.”

14.

Fl-implementazzjoni tal-Mandat M/125, is-CEN adotta l-Istandard EN 13242:2002, li l-paragrafu 2 tiegħu dwar “riferimenti normattivi”, jinkludi riferiment għal standards tekniċi oħra tas-CEN ( 17 ) u li fil-paragrafu 6 tiegħu intitolat “Rekwiżiti kimiċi”, jistipula dan li ġej:

“6.1   Ġenerali

Il-ħtieġa li jitwettqu t-testijiet sabiex jiġu ddeterminati u ddikjarati l-proprjetajiet kollha ta’ dan il-kapitolu għandha tiddependi fuq l-użu finali jew fuq l-oriġini tal-granulat. Meta jkunu meħtieġa, għandhom jitwettqu t-testijiet speċifikati fil-Kapitolu 6 sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet kimiċi korrispondenti.

[…]

NOTA 2 – Meta ma tkunx meħtieġa proprjetà, tista’ tintuża kategorija “mingħajr rekwiżit”.

NOTA 3 – Fil-liġi nazzjonali tal-post fejn jintuża l-granulat wieħed jista’ jsib linji gwida għall-għażla tal-kategoriji xierqa għall-applikazzjonijiet speċifiċi.

[…]

6.3   Total ta’ kubrit

Meta jkun meħtieġ, il-kontenut totali ta’ kubrit fil-granulat, iddeterminat skont il-kapitolu 11 tal-Istandard EN 1744‑1:1998, għandu jiġi ddikjarat skont il-kategorija korrispondenti speċifikata fit-Tabella 13.

Image

15.

Il-kapitolu ZA.1 tal-Anness ZA tal-imsemmi standard jiżgura li jkun ġie mfassla skont mandat mogħti lis-CEN mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 89/106 u li l-granulati li jikkonformaw jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu ( 18 ).

16.

Ir-riferimenti għall-istandard tas-CEN ġew ippubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali fis-27 ta’ Marzu 2003 ( 19 ).

3. Id-Direttiva 98/34

17.

Id-Direttiva 98/34 ikkodifikat u ssostitwiet il-kontenut tad-Direttiva 83/189, inklużi l-emendi għaliha. Essenzjalment, id-Direttiva 98/34 toħloq proċedura ta’ prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ ostakoli tekniċi fis-suq intern, li hija komplementari għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet. Tiġi stabbilita sistema ta’ informazzjoni għall-istandards tekniċi mfassla mill-korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni u oħra għar-regolamenti tekniċi adottati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri.

18.

B’lingwa kemxejn ambigwa, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jagħmel differenza bejn “standard” u “regolament tekniku” ( 20 ), fuq il-bażi tan-natura volontarja tal-istandards tekniċi vis-à-vis in-natura obbligatorja tar-regolamenti tekniċi. In-natura differenti toriġina mill-fatt li l-istandards tekniċi huma adottati minn entitajiet privati, jiġifieri, l-aġenziji ta’ standardizzazzjoni nazzjonali u Ewropej, filwaqt li r-regolamenti tekniċi jikkostitwixxu atti regolatorji tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali. Madankollu, l-interazzjoni bejn ir-regolamenti tekniċi u l-istandards tekniċi hija qawwija ħafna fi ħdan id-dritt tal-Unjoni Ewropea, speċjalment minn meta beda jintuża l-metodu ġdid fl-1985 fil-qasam tal-armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet sabiex isir avvanz fis-suq intern.

19.

Saret ċerta kjarifika permezz tas-separazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri ta’ informazzjoni dwar standards tekniċi u regolamenti tekniċi. Ir-Regolament (UE) 1025/2012 ( 21 ) issa jinkludi regoli dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea u d-Direttiva 2015/1535 tirregola l-proċedura ta’ informazzjoni dwar regolamenti tekniċi.

20.

Il-proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ regolamenti tekniċi hija primarjament irregolata mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34. L-Artikolu 8 jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw l-abbozzi tar-regolamenti tekniċi tagħhom lill-Kummissjoni ( 22 ). L-Artikolu 9 jistabbilixxi perijodu ta’ tliet xhur li matulu l-Istat li jinnotifika l-abbozz ma jkunx jista’ japprovah b’mod permanenti. Dan il-perijodu jiżdied meta Stat wieħed jew diversi stati joħorġu opinjonijiet iddettaljati li jindikaw li l-abbozz tar-regolament tekniku nnotifikat jista’ jiġġenera ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, kif ukoll meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda t-tfassil ta’ regola ta’ armonizzazzjoni.

B – Id-dritt Irlandiż

21.

Bħala membru integrali tas-CEN, l-NSAI rriproduċiet kelma b’kelma l-Istandard EN 13242:2002 fl-Istandard tekniku Irlandiż I.S. EN 13242:2002.

22.

L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-bejgħ ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi tal-1980 (Sale of Goods and Supply of Services Act 1980; iktar ’il quddiem, “Liġi tal-1980”) emenda l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-bejgħ ta’ oġġetti (Sale of Goods Act) tal-1893, u tah din il-formulazzjoni l-ġdida:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u ta’ kwalunkwe liġi f’dan ir-rigward, ma teżisti ebda garanzija jew kundizzjoni impliċita ta’ kwalità jew ta’ adegwatezza għal użu partikolari fir-rigward ta’ oġġetti pprovduti taħt kuntratt ta’ bejgħ.

2.   Meta bejjiegħ ibigħ oġġetti fil-kuntest ta’ negozju, teżisti kundizzjoni impliċita li l-oġġetti pprovduti taħt il-kuntratt huma kummerċjabbli, ħlief li ma jkun hemm ebda tali kundizzjoni:

a)

fir-rigward ta’ difetti li jiġu murija espressament lix-xerrej qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, jew,

b)

jekk ix-xerrej jeżamina l-oġġetti qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, fir-rigward ta’ difetti li kellhom jiġu żvelati permezz ta’ din l-eżaminazzjoni.

3.   L-oġġetti għandhom ikunu kummerċjabbli meta jkunu adattati għall-użu li għalih is-soltu jinxtraw oġġetti ta’ dan it-tip u meta jkollhom in-natura durabbli li tista’ tkun raġonevolment mistennija skont id-deskrizzjoni tagħhom, il-prezz (jekk applikabbli), u ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra, u kwalunkwe riferiment li jinsab f’din il-liġi għal oġġetti mhux kummerċjabbli għandhom jiġu interpretati skont dan.

4.   Meta l-bejjiegħ ibigħ oġġetti matul l-operazzjonijiet tan-negozju ordinarji u x-xerrej jinfurmah, b’mod espliċitu jew impliċitu, dwar ir-raġuni għaliex xtara dawk l-oġġetti, teżisti l-kundizzjoni impliċita li l-oġġetti pprovduti skont il-kuntratt huma raġonevolment adattati għal dan il-għan, irrispettivament minn jekk din hijiex raġuni li għaliha normalment jiġu pprovduti dawn l-oġġetti, ħlief meta miċ-ċirkustanzi jirriżulta li x-xerrej ma joqgħodx fuq jew ma jkunx raġonevoli li huwa joqgħod fuq, il-ħiliet jew il-ġudizzju tal-bejjiegħ.”

23.

Skont l-Artikolu 55 tal-Liġi tal-1980, jekk xerrej jixtri fil-kapaċità tiegħu bħala konsumatur, ma jistgħux jiġu esklużi l-kundizzjonijiet impliċiti stabbiliti fl-Artikolu 14. Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, ix-xerrej ma jkunx konsumatur, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 jistgħu jiġu mmodifikati, mibdula jew kompletament esklużi permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet.

24.

Fil-każ preżenti l-kontraenti ma mmodifikawx, ma bidlux u ma eskludewx il-kundizzjonijiet impliċiti tal-Artikolu 14(2) u (4) tal-Liġi tal-1980, u għalhekk il-High Court qieset li kienu jiffurmaw parti mill-kuntratt.

II – Il-fatti u l-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali

25.

James Elliott ħarrek lil Irish Asphalt minħabba ksur ta’ kuntratt tal-provvista ta’ granulati, magħrufa fl-Irlanda bħala Clause 804, prodott inizjalment użat fil-kostruzzjoni tat-toroq u, bħala mili ta’ kwalità għolja, fil-kostruzzjoni tal-bini. James Elliott uża dan il-granulat fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ballymun fil-belt ta’ Dublin. Irish Asphalt ipprovdiet il-granulat lil James Elliott bejn is-27 ta’ Awwissu u s-17 ta’ Diċembru 2004, għall-prezz totali ta’ EUR 25000 flimkien mal-VAT.

26.

Wara li tlesta, bdew jidhru kunsenturi fil-pavimenti u mal-ħitan tal-bini li tant kienu gravi li l-bini ma setax jintuża. James Elliott ħadet ir-responsabbiltà u wettqet xogħol ta’ tiswija bi spiża totali ta’, mill-inqas, EUR 1550000. Peress li qieset li l-ħsara kien ikkawżata minn fenomenu li jissejjaħ “nefħa piritika” li, fl-opinjoni tagħha, oriġina mill-preżenza ta’ pirite fil-granulat Clause 804 pprovdut minn Irish Asphalt, James Elliot talbet, mingħajr suċċess, lil din il-kumpannija kumpens għall-ksur ta’ kuntratt.

27.

Fit-13 ta’ Ġunju 2008 James Elliot ressqet azzjoni għad-danni kontra Irish Asphalt. Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Mejju 2011 il-High Court iddeċidiet li l-ħsara kienet ikkawżata min-nefħa piritika minħabba l-preżenza ta’ pirite frambojdali fil-granulati pprovduti minn Irish Asphalt.

28.

Il-High Court qieset li l-kuntratt bejn iż-żewġ impriżi kien jeħtieġ il-provvista tal-granulat Clause 804 skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard Irlandiż dwar il-granulati (I.S. EN 13242:2002), li japplika l-Istandard EN 13242:2002. Wara li eżaminat il-provi dwar diversi testijiet fuq l-granulat estratt mill-bini fl‑2009, ħames snin wara li ġie pprovdut u wara li ntuża fil-kostruzzjoni tiegħu, il-High Court qieset li l-materjal ma kienx konformi mal-istandard f’diversi aspetti, partikolarment fil-kontenut tiegħu ta’ kubrit. Skont il-High Court, Irish Asphalt kienet kisret il-kuntratt tagħha ma’ James Elliott, fejn kienet obbligata, skont l-Artikolu 14(2) tal-Liġi tal-1980, li tipprovdi granulat ta’ kwalità kummerċjali u adegwat għall-użu maħsub mill-fornitur.

29.

Irish Asphalt appellat id-deċiżjoni tal-High Court quddiem is-Supreme Court, iżda matul il-proċeduri tal-appell ammettiet li l-ħsara fil-kostruzzjoni kien ikkawżat min-nefħa piritika. Fit-2 ta’ Diċembru 2014 is-Supreme Court iddeċidiet dwar il-kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali, ċaħdet l-appell u ddikjarat li l-konklużjonijiet tal-High Court fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit kienu sostnuti mill-provi u li l-evalwazzjonijiet tagħha tal-fatti kienu fundati u ma kienx hemm għalfejn jiġu riveduti.

30.

Madankollu, is-Supreme Court ma solvietx l-aspetti tal-appell relatati mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, minħabba li kellha dubji dwar in-natura legali tal-istandards tekniċi Ewropej u l-invokazzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet privati, dwar l-interpretazzjoni tal-Istandard EN 13242: 2002 u dwar l-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-istandards Irlandiżi dwar il-bejgħ tal-oġġetti. Konsegwentement, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Meta l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat jobbligaw lil parti tipprovdi prodott immanifatturat skont standard nazzjonali, li min-naħa tiegħu jkun ġie adottat b’applikazzjoni ta’ standard Ewropew adottat bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/106/KEE dwar il-prodotti għall-bini, l-interpretazzjoni tal-imsemmi standard tikkostitwixxi kwistjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE?

b)

Jekk tingħata risposta pożittiva għad-domanda 1(a), l-[I]standard EN 13242:2002 jeżiġi li l-osservanza jew il-ksur tal-imsemmi standard jiġu stabbiliti biss permezz tal-prova li tikkonsisti f’testijiet imwettqa skont l-istandards (li ma jirriżultawx minn mandat) adottati mis-CEN (Comité européen de normalisation) u indikati fl-[I]standard EN 13242:2002 u biss meta dawn it-testijiet jitwettqu fil-mument tal-produzzjoni u/jew tal-provvista; jew il-ksur tal-istandard (u konsegentement il-ksur tal-kuntratt) jista’ jiġi stabbilit permezz tal-prova li tikkonsisti f’testijiet imwettqa sussegwentement jekk ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet jipprovaw loġikament il-ksur tal-istandard?

2)

Meta tiddeċiedi fuq rikors għal ksur ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat li jirrigwarda prodott immanifatturat skont standard Ewropew adottat bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni Ewropea skont id-Direttiva 89/106 dwar il-prodotti għall-bini, qorti nazzjonali hija obbligata teskludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jinkludu kundizzjonijiet dwar il-kummerċjabbiltà tal-prodott u dwar kemm huwa tajjeb għall-użu jew dwar il-kwalità tiegħu, għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet legali jew l-applikazzjoni tagħhom joħolqu standards jew jimponu speċifikazzjonijiet jew rekwiżiti tekniċi li ma ġewx innotifikati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE dwar l-istandards tekniċi?

3)

Qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq rikors għal ksur ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat li allegatament jirriżulta mill-ksur ta’ kundizzjoni dwar il-kummerċjabbiltà tal-prodott jew dwar kemm huwa tajjeb għall-użu (impliċita, bil-liġi, f’kuntratt bejn il-partijiet u mhux immodifikata jew eskluża minnhom), liema kuntratt jirrigwarda prodott immanifatturat skont l-[I]standard EN 13242:2002, hija obbligata tippreżumi li l-prodott huwa ta’ kwalità kummerċjabbli u tajjeb għall-użu u, jekk dan ikun il-każ, tali preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss bil-prova tan-nuqqas ta’ osservanza tal-[I]standard EN 13242:2002 permezz ta’ testijiet imwettqa skont it-testijiet u l-protokolli previsti fl-[I]standard EN 13242:2002 u mwettqa fil-mument tal-provvista tal-prodott?

4)

Jekk tingħata risposta pożittiva kemm għad-domanda 1(a) kif ukoll għad-domanda 3, l-[I]standard EN 13242:2002 jimponi limitu għall-kontenut totali ta’ kubrit fl-aggregati [fil-granulati], b’mod li l-osservanza ta’ tali limitu hija meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex tagħti lok għal preżunzjoni ta’ kummerċjabbiltà tal-prodott jew li huwa tajjeb għall-użu?

5)

Jekk tingħata risposta pożittiva kemm għad-domanda 1(a) kif ukoll għad-domanda 3, il-prova li l-prodott kellu l-marka “CE” hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-preżunzjoni stabbilita mill-Anness ZA tal-[I]standard EN 13242:2002 u/jew mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/106/KEE dwar il-prodotti għall-bini?”

31.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Diċembru 2014 u fil-proċedura bil-miktub ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn James Elliott, minn Irish Asphalt mill-Kummissjoni u mill-Gvern Irlandiż.

32.

Fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2015, dehru u ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom, ir-rappreżentanti ta’ James Elliott, ta’ Irish Asphalt, tal-Kummissjoni u tal-Irlanda.

III – Analiżi tad-domandi preliminari

33.

L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court f’din il-kawża hija ċara fl-opinjoni tiegħi. Fil-fatt, l-Irlanda biss sostniet li t-tilwima bejn James Elliot u Irish Asphalt tirrigwarda sitwazzjoni jew relazzjoni kummerċjali purament interna (il-ksur ta’ kuntratt bejn żewġ kumpanniji Irlandiżi), limitata għall-Irlanda, li l-konsegwenzi tagħha jiġu solvuti taħt id-dritt Irlandiż, li fir-rigward tagħha ma hija applikabbli ebda regola legali tal-Unjoni Ewropea li l-validità jew interpretazzjoni tagħha tqajjem dubji.

34.

L-argument tal-Gvern Irlandiż, ma huwiex aċċettabbli, peress li, bi qbil mas-Supreme Court, nemmen li sabiex tiġi solvuta t-tilwima jeħtieġ li jiġi interpretat l-Istandard EN 13242:2002, adottat skont id-Direttivi 89/106 u 98/34, u inkorporat fl-Istandard tekniku Irlandiż I.S. EN 13242:2002. Id-deċiżjoni dwar il-ksur potenzjali tal-kuntratt għandha tittieħed mis-Supreme Court iżda l-evalwazzjoni tagħha tista’ tkun tiddependi fuq interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ċirkustanza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi permezz ta’ deċiżjoni preliminari għad-domandi magħmula lilha mill-qrati nazzjonali ( 23 ).

A – L-ewwel domanda preliminari, il-punt a): ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta b’mod preliminari l-istandards tekniċi armonizzati

35.

Is-Supreme Court tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, biex tinterpreta b’mod preliminari standard tekniku armonizzat. L-ammissibbiltà tad-domanda preliminari hija ċara, bħalma hija r-rilevanza u l-interess tagħha, speċjalment minħabba li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi direttament fuq din il-problema.

36.

Ir-risposta għandha tanalizza jekk l-istandards tekniċi armonizzati tas-CEN, adottati permezz ta’ mandat tal-Kummissjoni u ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali, jistgħux jiġu deskritti bħala “atti adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-entitajiet tal-Unjoni” għall-finijiet tat-tressiq ta’ domandi preliminari ta’ validità u interpretazzjoni.

37.

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, kemm il-Kummissjoni kif ukoll Irish Asphalt isostnu li s-soluzzjoni għal din id-domanda diġà ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Latchways u Eurosafe Solutions. Madankollu, inqis li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Istandard EN 795 relatati mal-mezzi ta’ ankraġġ tal-Klassi A1 ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686, għax ma kinux speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati peress li ma kinux aċċettati mill-Kummissjoni u ġew espressament esklużi mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minn din il-premessa niddeduċi li ma kinux jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpretahom ( 24 ).

38.

Fil-fehma tiegħi, mis-sentenza Latchways u Eurosafe Solutions ma jistax jiġi dedott, għall-kuntrarju, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni li kieku l-Istandard EN 795 kien standard tekniku armonizzat, b’mod konformi mad-Direttiva 89/686 ( 25 ). Barra minn hekk, f’dik l-okkażjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni dwar in-natura legali tal-istandards armonizzati ( 26 ), analiżi li nqis li hija indispensabbli għall-evalwazzjoni ta’ jekk dawn l-istandards jistgħux ikunu s-suġġett ta’ domandi preliminari.

39.

Għas-Supreme Court l-ewwel domanda tagħha għandha tingħata risposta fin-negattiv, peress li l-istandard nazzjonali li japplika standard Ewropew żviluppat mis-CEN, taħt mandat mogħti mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 89/106, ma huwiex att adottat minn istituzzjoni, korp jew entità tal-Unjoni. James Elliott u l-Irlanda huma tal-istess opinjoni u l-argumenti li jużaw huma bażikament tnejn: minn-naħa, il-karattru privat tas-CEN u, min-naħa l-oħra, in-natura mhux obbligatorja tal-istandards tekniċi armonizzati. Is-CEN huwa assoċjazzjoni privata mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Belġjan u komposta mill-entitajiet ta’ standardizzazzjoni ta’ 33 pajjiż Ewropew, li lkoll huma entitajiet privati, b’tali mod li ma jistax jikkwalifika bħala istituzzjoni, korp jew entità tal-Unjoni ( 27 ). L-awtonomija tiegħu, skont l-Irlanda, ma hijiex affettwata mill-fatt li s-CEN jiżviluppa standards tekniċi f’isem il-Kummissjoni, peress li huwa liberu li jaċċetta jew jirrifjuta l-mandat ( 28 ). Barra minn hekk, il-konformità mal-istandards tekniċi armonizzati tas-CEN hija dejjem volontarja u, skont James Elliott, il-loġika tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet permezz tad-direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid tiġi żnaturata li kieku l-applikazzjoni tagħha tiġi suġġetta għal deċiżjoni ta’ qorti.

40.

Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix. Nibda billi ngħid li r-risposta tiegħi għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni biex issolvi d-domandi preliminari ta’ interpretazzjoni dwar l-istandards tekniċi armonizzati, bħal dawk f’dan il-każ. Dawn għandhom jitqiesu “atti tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni”, għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE.

41.

L-opinjoni tiegħi hija bbażata fuq it-tliet argumenti li se nipprovdi hawn taħt: a) l-użu ta’ direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid ma jistgħux imorru kontra l-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja; b) il-Kummissjoni teżerċita kontroll sinjifikattiv fuq il-proċedura ta’ tfassil ta’ standards tekniċi armonizzati mis-CEN u ċ) it-tħaddim tas-CEN bħala korp ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea jiddependi fuq l-azzjoni ta’ din tal-aħħar.

1. L-użu ta’ direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid ma jistax imur kontra l-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja

42.

Id-Direttiva 89/106, li ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti u fid-dettall tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti għall-kostruzzjoni, fosthom, il-granulati, hija direttament relatata mal-Istandard EN 13242:2002. Id-direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-materjali għall-kostruzzjoni sabiex ix-xogħlijiet ikunu żguri u tagħti lill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni l-kompitu li jistabbilixxu b’mod ulterjuri l-istandards li jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi preċiżi sabiex l-imsemmija materjali jkunu konformi mar-rekwiżiti bażiċi tad-direttiva. L-applikazzjoni tal-istandards armonizzati hija volontarja u l-manifattur dejjem jista’ japplika speċifikazzjonijiet tekniċi oħra sabiex jissodisfa r-rekwiżiti. Il-prodotti mmanifatturati li jkunu konformi mal-istandards armonizzati jibbenefikaw, madankollu, minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 89/106 ( 29 ).

43.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni juża l-metodu ta’ riferiment għall-istrument ta’ standardizzazzjoni teknika, frekwenti fil-liġijiet domestiċi u fil-liġi internazzjonali, li l-Unjoni Ewropea saħħet sabiex tiffaċilità l-ilħuq tas-suq intern sa mill-1985 ’il quddiem ( 30 ). Skont dan il-metodu, id-Direttiva 89/106 fiha biss l-elementi essenzjali tar-regolamenti armonizzati applikabbli għall-prodotti għall-kostruzzjoni, peress li l-istandards tas-CEN huma pass neċessarju għall-moviment liberu tagħhom fis-suq intern.

44.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, kif huwa ovvju, għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta b’mod preliminari d-Direttiva 89/106 ( 31 ), hija għandha wkoll l-istess possibbiltà biex tirrispondi d-domandi preliminari dwar l-istandards tekniċi armonizzati li jissupplimentaw din id-direttiva. Jekk ikun mod ieħor, l-armonizzazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni titlef l-effettività tagħha sa fejn ikunu jistgħu jingħataw interpretazzjonijiet differenti tal-istandards tekniċi armonizzati (f’dan il-każ, tal-Istandard EN 13242:2002) fl-Istati Membri differenti.

45.

L-użu tal-“metodu ġdid” fid-direttivi għall-armonizzazzjoni ma jistax jimplika limitazzjoni fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta b’mod preliminari l-leġiżlazzjoni armonizzata kollha (jiġifieri, id-direttiva u l-istandards tekniċi armonizzati li jissupplimentawha) applikabbli għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott partikolari. Jekk permezz ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni sħiħa l-ġurisdizzjoni preliminari tiġi estiża għall-istandards armonizzati kollha relatati mal-prodott inkwistjoni, l-istess soluzzjoni għandha tapplika għad-direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid, li l-użu tagħhom ma jistax imur kontra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Il-Kummissjoni teżerċita kontroll sinjifikattiv fuq il-proċedura ta’ tfassil tal-istandards tekniċi armonizzati mis-CEN

46.

It-teknika leġiżlattiva li jsir riferiment għall-istandardizzazzjoni Ewropea hija rregolata mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kemm b’mod ġenerali, kif ukoll b’mod speċifiku f’kull direttiva li tużaha. Il-leġiżlazzjoni ġenerali oriġinarjament kienet tinsab fid-Direttiva 83/189 u iktar tard fid-Direttiva 98/34, reċentement issostitwita bid-Direttiva 2015/1535. Fir-rigward tal-prodotti għall-kostruzzjoni, il-leġiżlazzjoni speċifika kienet tinsab fid-Direttiva 89/106, issostitwita sussegwentement bir-Regolament Nru 305/2011. Konsegwentement, dan ma huwiex każ ta’ standardizzazzjoni teknika purament privata, imwettqa fuq l-inizjattiva tas-CEN u mingħajr rabta mad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, jeżisti kontroll tal-Kummissjoni fuq il-proċedura tat-tfassil tal-istandards tekniċi armonizzati mis-CEN, li jirriżulta b’mod konkret mid-diversi elementi li se niddiskuti iktar ’il quddiem.

47.

L-ewwel nett, standard tekniku armonizzat huwa dejjem imfassal abbażi ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni lis-CEN. Il-bidu tal-Istandard EN 13242:2002 huwa l-Mandat M/125.

48.

Id-Direttiva 89/106 tipprevedi fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 7(1) tagħha li l-istandards armonizzati huma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati mis-CEN, mill-European Committee for Electrotechnical Standardization (iktar ’il quddiem is-“Cenelec”) jew mit-tnejn li huma, “b’mandat maħruġ mill-Kummissjoni b’konformità mad-Direttiva 83/189/KEE skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19 u bi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jolqtu l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ korpi ffirmata fit-13 ta’ Novembru, 1984”. Għaldaqstant, mingħajr mandat ma jkun hemm ebda standard armonizzat tas-CEN u dan il-mandat ikun fih l-elementi bażiċi li għandhom jirregolaw l-iżvilupp tal-istandard tekniku armonizzat mis-CEN.

49.

Għalhekk, mingħajr il-Mandat M/125 is-CEN ma kienx jadotta l-Istandard EN 13242:2002. Għalkemm is-CEN ifassal ukoll standards tekniċi Ewropej fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dawn ma humiex se jkunu standards armonizzati marbutin ma’ direttiva u l-prodotti li jirrispettawhom ma jibbenefikawx mill-preżunzjoni ta’ konformità mad-direttiva u ta’ moviment liberu ( 32 ). Dan kien il-każ, pereżempju, tal-Istandard EN 795, li kien suġġett tal-kawża Latchways u Eurosafe Solutions ( 33 ), li n-nuqqas ta’ rabta tiegħu mad-dritt tal-Unjoni wassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tinterpretaha fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet preliminari.

50.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li ssir il-pubblikazzjoni tar-referenza għall-istandards tekniċi armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 89/106 jipprevedi hekk, bħala rekwiżit sabiex dawn l-istandards ikunu jistgħu jipproduċu l-effett prinċipali attribwit lilhom mid-direttiva, jiġifieri, il-preżunzjoni li konformitha magħhom tippreżupponi kompatibbiltà mad-direttiva nnifisha u tiggarantixxi l-moviment liberu tal-prodott fl-Unjoni.

51.

Ċertament, dak li jidher f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija biss ir-referenza għall-istandard armonizzat, iżda mhux il-kontenut kollu tiegħu. L-istandards tekniċi armonizzati tas-CEN huma mfassla bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, peress li huma l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni li jiffurmaw parti mis-CEN li jabbozzaw il-verżjonijiet nazzjonali u jbigħuhom lill-partijiet interessati. Dawn il-korpi nazzjonali huma sidien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-verżjonijiet nazzjonali rispettivi tal-istandard tekniku armonizzat u jitħallsu għat-tixrid tagħhom, ċirkustanza li wasslet għal ġurisprudenza differenti f’xi Stati Membri dwar il-ħtieġa ta’ pubblikazzjoni uffiċjali tal-istandards tekniċi nazzjonali meta l-leġiżlaturi jagħmlu riferiment għalihom ( 34 ). Għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma nqisx li huwa essenzjali li tiġi approfondita l-kwistjoni importanti dwar jekk il-pubblikazzjoni uffiċjali kompluta tal-istandards tekniċi armonizzati għandhiex tkun meħtieġa sabiex dawn jipproduċu effetti legali ( 35 ) u jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ pubblikazzjoni ta’ liġijiet. Dan ir-rekwiżit ikollu impatt sinjifikattiv ħafna fuq is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, b’mod partikolari fuq il-bejgħ tal-istandards tekniċi armonizzati mill-korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni.

52.

L-obbligu ta’ pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard armonizzat f’Il-Ġurnal Uffiċjali jimplika li l-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-kontenut tiegħu sabiex tivverifika jekk ikunx konformi kemm mal-mandat mogħti lis-CEN kif ukoll mad-direttiva. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/106 kien jistabbilixxi dan l-obbligu b’mod kemxejn ambigwu, iżda l-Artikolu 10(6) tar-Regolament 1025/2012, kif ukoll l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 305/2011, applikabbli issa għall-prodotti għall-kostruzzjoni, ma jħallu ebda dubju. Id-deċiżjoni tal-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni tipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, hija att li kontrih jista jitressaq rikors għal annullament ( 36 ).

53.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/106, li joġġezzjonaw għall-istandard abbozzat mis-CEN, jekk jaħsbu li dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-direttiva jew il-mandat tal-Kummissjoni. L-oġġezzjoni tista’ timpedixxi l-pubblikazzjoni tal-istandard armonizzat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew timplika l-irtirar ulterjuri ta’ tali pubblikazzjoni, meta dan iseħħ a posteriori. F’dawn il-każijiet, l-istandard tekniku tas-CEN ma joħloqx preżunzjoni ta’ konformità ta’ prodott mad-direttiva.

54.

Fid-dawl tad-differenzi fid-direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid fir-rigward tal-proċedura għat-tressiq ta’ oġġezzjoni kontra standards tekniċi armonizzati, din il-proċedura ġiet irregolata b’mod uniformi fl-Artikolu 11 tar-Regolament 1025/2012 ( 37 ). Issa jeżisti kontroll ex ante tal-Kummissjoni, qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. L-oġġezzjonijiet formali jistgħu jitressqu mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew, iżda mhux mill-Kummissjoni, li tikkontrolla l-istandard tekniku armonizzat bħala prerekwiżit għall-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu. Bħad-deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tal-istandards tekniċi armonizzati, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-oġġezzjonijiet formali għal dawn l-istandards mressqa mill-Istati Membri jew mill-Parlament Ewropew huma atti legali li kontrihom jista’ jitressaq rikors għal annullament ( 38 ).

55.

Kemm il-possibbiltà ta’ oġġezzjoni formali mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew, kif ukoll l-azzjoni tal-Kummissjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-istandards tekniċi armonizzati jenfasizzaw li dan huwa każ ta’ delegazzjoni leġiżlattiva, “ikkontrollata”, favur korp ta’ standardizzazzjoni privat ( 39 ).

3. Il-funzjonament tas-CEN bħala korp ta’ standardizzazzjoni jiddependi mill-Unjoni Ewropea

56.

Kif diġà indikajt, is-CEN huwa korp ta’ standardizzazzjoni privat, irregolat mid-dritt Belġjan u integrat mill-korpi nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-EFTA. L-istruttura u l-funzjonament tiegħu huma simili għal dawk tal-maġġoranza tal-korpi ta’ standardizzazzjoni, b’karatteristiċi partikolari transnazzjonali ( 40 ). In-natura privata tintwera b’mod sħiħ meta s-CEN jabbozza standards tekniċi Ewropej mhux armonizzati, iżda s-CEN innifsu jadotta metodu ta’ prestazzjoni differenti meta l-attività tiegħu tkun ibbażata fuq it-twettiq tal-mandati li tagħtih il-Kummissjoni sabiex jabbozza standards armonizzati.

57.

L-attività tas-CEN fir-rigward tal-istandards tekniċi armonizzati hija bbażata fuq il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, irregolata bi ftehim inkorporat f’linji gwida ġenerali, imġedda perjodikament ( 41 ). Fihom hija enfasizzata l-importanza tal-istandardizzazzjoni għall-politika Ewropea u għall-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi, kif ukoll għat-titjib tal-kompetittività bejn il-produtturi Ewropej ( 42 ). Għal dawn il-finijiet, jiġu stabbiliti prinċipji komuni li jirregolaw ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom, li abbażi tagħhom il-korpi ta’ standardizzazzjoni jintrabtu li jwettqu t-tfassil tal-istandards bl-iktar mod xieraq għall-interessi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tintrabat li tappoġġja u timpenja ruħha fil-ħidmiet ta’ dawn il-korpi.

58.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġa finanzjarjament lis-CEN biex jabbozza l-istandards tekniċi armonizzati. Id-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE ( 43 ) tipprevedi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li l-istandards Ewropej armonizzati jiġu mfassla u riveduti b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet, tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-Unjoni. In-numru ta’ standards armonizzati mitluba mill-Kummissjoni lis-CEN u lill-korpi l-oħra huwa limitat u jirrappreżenta proporzjon żgħir tan-numru totali ta’ standards mfassla. Hija l-industrija li tassumi l-ikbar spiża tal-istandardizzazzjoni, b’tali mod li l-fatt li l-Unjoni Ewropea tuża s-servizzi tas-CEN jikkostitwixxi għażla “ekonomikament vijabbli”, peress li ma ġietx aċċettata l-idea li tinħoloq aġenzija eżekuttiva għall-adozzjoni tal-istandards tekniċi meħtieġa mid-direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid ( 44 ).

59.

In-natura privata tal-korpi ta’ standardizzazzjoni (f’dan il-każ, is-CEN) ma timplikax li l-attività tagħhom ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza Fra.bo ( 45 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 34 TFUE japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ korp privat, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tqis li l-prodotti ċċertifikati minn dan il-korp li jkunu konformi mad-dritt nazzjonali jostakolaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk li ma humiex iċċertifikati minn dak il-korp.

60.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex dubju biex tanalizza l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni (b’mod konkret, mal-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi) tal-attivitajiet ta’ korp nazzjonali ta’ standardizzazzjoni marbutin ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, a fortiori, għandu jkollha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar jekk l-istandards tekniċi armonizzati tas-CEN humiex kompatibbli ma’ dik il-projbizzjoni u biex tinterpretahom u biex tinterpreta d-direttiva li tirreferi għalihom.

61.

Bħala argument finali, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta dan it-tip ta’ standards tekniċi hija imposta, fil-fehma tiegħi, meta tiġi nnotata l-flessibbiltà li wriet meta rrispondiet domandi preliminari dwar atti differenti li jipproduċu effetti legali, li ma humiex regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet. Fis-sentenza Grimaldi ( 46 ), pereżempju, fir-rigward ta’ rakkomandazzjoni adottata skont it-Trattat KEE, indikat li “l-Artikolu 177 jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjonijiet, b’mod preliminari, dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità mingħajr eċċezzjoni” ( 47 ). L-istess approċċ flessibbli tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie applikat reċentement fil-kawża Gauweiler et, fejn hija rrispondiet, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, għad-dubji tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża fuq il-programm OMT (“Outright Monetary Transactions”, tranżazzjonijiet monetarji dwar xiri ta’ titoli), li kien att b’karatteristiċi atipiċi ( 48 ).

62.

Nemmen, finalment, li l-Istandard EN 13242:2002, li rriżulta mill-Mandat M/125 adottat mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 89/106 u d-Direttiva 98/34, jipproduċi effetti legali fis-suq intern u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tinterpretah. B’mod partikolari, il-fatt li prodott (granulat għall-kostruzzjoni) ikun konformi mal-istandard armonizzat joħloq il-preżunzjoni li dan jirrispetta r-rekwiżiti tad-Direttiva 89/106, u dan jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu mingħajr ostakoli fis-suq intern.

63.

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari, punt a) kif ġej: Meta t-termini ta’ kuntratt privat jobbligaw lil waħda mill-partijiet tipprovdi prodott immanifatturat skont standard tekniku nazzjonali, adottat skont standard tekniku armonizzat approvat mis-CEN, fuq mandat tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni tiddeċiedi b’mod preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ tali standard tekniku armonizzat.

B – L-ewwel domanda preliminari, punt b): Metodi ta ’ prova tal-osservanza tal-Istandard armonizzat EN 13242:2002

64.

Is-Supreme Court tixtieq tkun taf jekk l-Istandard EN 13242:2002 jeħtieġx li l-osservanza tiegħu tintwera: a) esklużivament permezz tal-metodi ta’ prova tal-osservanza deskritti fih u mwettqa fil-mument tal-manifattura jew provvista tal-prodott, jew b) permezz ta’ mezzi oħra ta’ prova użati sussegwentement, meta r-riżultati ta’ dawn il-metodi juru loġikament in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-istandard.

65.

Għas-Supreme Court l-osservanza jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-Istandard EN 13242:2002 jista’ jiġi stabbilit fil-mument tal-manifattura jew provvista tal-prodott, iżda wkoll matul il-ħajja utli raġonevoli tiegħu u permezz ta’ kwalunkwe metodu ta’ prova loġiku. James Elliott, l-Irlanda u l-Kummissjoni huma tal-istess fehma, filwaqt li Irish Asphalt targumenta li l-Istandard EN 13242:2002 jippermetti biss l-użu tal-metodu ta’ prova li jsemmi, u fil-mument tal-manifattura jew tal-provvista tal-prodott biss.

66.

Il-Mandat M/125 (punt 9 tal-Kapitolu II) inkariga lis-CEN jinkludi fl-istandard armonizzat indikazzjoni dwar il-metodu jew metodi ta’ ttestjar sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi ta’ prodott u l-konformità tiegħu mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard. Il-paragrafu 2 tal-Kapitolu III kien jindika, fl-istess sens li “l-istandard armonizzat għandu jkun fih [...] il-metodi (ta’ kalkolu, ittestjar jew ta’ tip ieħor) jew referenza għal standard li jkun fih il-metodi għad-determinazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi”.

67.

L-Istandard EN 13242:2002 inkluda fil-paragrafu 6 tiegħu l-metodi ta’ ttestjar meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu, billi għamel riferiment għal dawk previsti f’diversi standards Ewropej mhux armonizzati tas-CEN (b’mod konkret, l-Istandards EN 1097-2:1998, EN 1367-2 u EN 1744-1:1998) ( 49 ). Għalhekk, dan huwa każ ta’ inkorporazzjoni, permezz ta’ riferiment, tal-kontenut tal-istandards tekniċi Ewropej mhux armonizzati fi standard tekniku armonizzat. Din il-prattika hija komuni fl-istandardizzazzjoni teknika tas-settur tal-kostruzzjoni, għax fiha, iktar milli l-karatteristiċi fihom infushom ta’ materjal, tinkludi d-determinazzjoni ta’ metodi ta’ analiżi tar-riżultati tagħha għas-sigurtà tal-bini ( 50 ).

68.

Mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ analiżi iktar fid-dettall ta’ dawn it-tip ta’ referenzi, jidher li huwa ċar fl-opinjoni tiegħi li l-użu tal-metodi ta’ ttestjar, li l-użu tagħhom huwa volontarju, jipprovdi l-prova ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard armonizzat fil-mument tal-kummerċjalizzazzjoni jew tal-provvista ta’ prodott, li jippermetti li jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 89/106 u jgawdu mil-libertà ta’ moviment. Din il-prova tista’ tiġi prodotta billi jintużaw tipi oħra ta’ testijiet teknikament validi, possibbiltà li ma hijiex eskluża mill-Istandard EN 13242:2002 innifsu.

69.

Barra minn hekk inqis li prodott għall-kostruzzjoni (il-granulat f’din il-kawża) jista’ jiġi suġġett għal provi li jikkonsistu f’testijiet li jikkonfermaw l-osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Istandard EN 13242:2002, mhux biss fil-mument tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu mill-manifattur, iżda matul il-ħajja ekonomikament utli tal-oġġett. Dan jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/106, li jgħid li r-rekwiżiti essenzjali li din id-direttiva tistabbilixxi japplikaw għall-prodotti u għandhom jiġu rrispettati matul “żmien ta’ xogħol ekonomikament raġonevoli”.

70.

Il-klawżola ta’ salvagwardja tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 89/106 toħloq l-istess riżultat, peress li Stat jista’ jneħħi mis-suq prodott li jkun ġie ddikjarat preċedentement konformi ma’ dik id-direttiva biss jekk iwettaq ittestjar retrospettiv u jiskopri li fir-realtà ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali ta’ din fil-qasam tas-sigurtà. Li kieku t-testijiet ta’ konformità jkunu jistgħu jsiru biss fil-mument tal-kummerċjalizzazzjoni inizjali, il-manifattur ikollu kontroll kważi assolut fuqhom, fid-dawl tal-ispiża ekonomika li x-xerrej ikollu sabiex jissuġġetta l-oġġetti mixtrija għal dawn it-testijiet. Il-preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 89/109 tgħaddi minn waħda iuris tantum għal waħda kważi inkonfutabbli, kif tafferma James Elliott fl-osservazzjonijiet tagħha.

71.

Għalhekk nissuġġerixxi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari, punt b), tkun kif ġej: L-Istandard armonizzat EN 13242:2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li n-nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu jiġi kkonfermat permezz ta’ metodi ta’ ttestjar differenti minn dawk espressament previsti fih, u li kemm wieħed kif ukoll l-ieħor jistgħu jintużaw fi kwalunkwe mument tal-ħajja ekonomikament utli tal-prodott.

C – It-tielet domanda preliminari: Il-preżunzjoni ta ’ adegwatezza għall-użu tal-prodotti li jikkonformaw mad-Direttiva 89/106

72.

Permezz tat-tielet domanda tagħha s-Supreme Court tistaqsi jekk il-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu ta’ materjal għall-kostruzzjoni, idderivata mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, hijiex imposta wkoll sabiex tiġi ddeterminata l-kwalità kummerċjali ta’ dak il-prodott, meta din tal-aħħar tkun meħtieġa minn regolamentazzjoni nazzjonali ġenerali applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti.

73.

Il-parteċipanti kollha fil-proċedura, ħlief Irish Asphalt, jipproponu li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, u jiena naqbel magħhom. Il-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu, prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, hija valida fil-kuntest tal-imsemmi standard tal-Unjoni Ewropea u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fis-suq intern mingħajr ostakoli tekniċi. Loġikament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-preżunzjoni u d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 89/106 relatati magħha. Il-preżunzjoni, madankollu, ma tistax tiġi estrapolata u lanqas ma tista’ tintuża biex tiġi ddeterminata l-kwalità kummerċjali ta’ prodott għall-kostruzzjoni, meta għar-relazzjonijiet kummerċjali privati tiġi applikata leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti fl-Irlanda.

74.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-liġijiet nazzjonali u lanqas, għaldaqstant, dwar l-elementi sabiex tiġi evalwata l-kwalità kummerċjali tal-oġġetti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-qrati għandhom jiddeċiedu dwar il-ksur ta’ kuntratti privati.

75.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari f’dawn it-termini: Il-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu tal-prodotti għall-kostruzzjoni prevista fid-Direttiva 89/106, intiża li tiffaċilita l-moviment liberu tagħhom fis-suq intern, ma hijiex effettiva għall-evalwazzjoni tal-kwalità kummerċjali tagħhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti.

D – Ir-raba ’ domanda preliminari: Il-kontenut massimu ta ’ kubrit stabbiliti fl-Istandard armonizzat EN 13242:2002

76.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, is-Supreme Court tistaqsi jekk l-Istandard EN 13242:2002 jistabbilixxix (jew jistax jistabbilixxi skont dan) limitu fuq il-kontenut totali ta’ kubrit fil-granulati, b’tali mod li dan il-limitu għandu jiġi osservat inkwantu rekwiżit sabiex ikun jista’ jittieħed benefiċċju mill-preżunzjoni tal-adegwatezza għall-użu.

77.

Ir-risposta għal din id-domanda hija, bħala prinċipju, negattiva. Il-punt 6(3) tal-Istandard EN 13242:2002 jeħtieġ dikjarazzjoni tal-kontenut totali ta’ kubrit fil-granulati, iżda ma jistabbilixxix limitu massimu tal-1 % tal-preżenza ta’ din is-sustanza. It-tabella numru 13, imsemmija fil-punt 6(3) tirreferi għal “Granulati li ma jkunux granulati tal-ħadid u tal-azzar tal-forn tal-blast imkessħa bl-arja” (l-granulati involuti f’dan il-każ), u tikkontempla l-possibbiltà li jkollhom inqas minn 1 % kubrit jew iktar minn 1 % kubrit. Fil-fehma tiegħi, dan il-paragrafu ma jħalli ebda dubju.

78.

Fl-2004 l-NSAI ppubblikat gwida dwar l-użu tal-I.S. EN 13242:2002, ibbażata fuq it-tielet nota tal-punt 6(1) tal-Istandard EN 13242:2002 li fir-rigward tal-applikazzjoni speċifika tal-granulati tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-post fejn għandhom jintużaw il-granulati. Il-gwida tillimita l-kontenut totali ta’ kubrit fil-granulati inkwistjoni sa 1 %. Nemmen, madankollu, li t-tielet nota msemmija ma tawtorizzax l-istabbiliment ta’ dan il-limitu assolut.

79.

Fl-opinjoni tiegħi, l-istandard tekniku nazzjonali li jittrasponi standard tekniku armonizzat tas-CEN ma jistax ikollu kontenut li jikkontradixxi dak tal-istandard armonizzat. Jekk l-Istandard EN 13242:2002 ma jistabbilixxix limitu massimu fuq l-ammont ta’ kubrit preżenti fil-granulati, il-korp ta’ standardizzazzjoni ta’ Stat Membru ma jistax jimponi bħala limitu assolut il-1 %. Din l-impożizzjoni tkun tmur kontra l-effettività tal-istandard armonizzat, li tista’ tiġi applikata b’mod differenti fid-diversi Stati Membri, u tkun tmur kontra l-għan tad-Direttiva 89/106, jiġifieri, il-promozzjoni tal-moviment liberu tal-prodotti għall-kostruzzjoni fis-suq intern. L-Artikolu 17(5) tar-Regolament 305/2011 issa jipprevedi b’mod ċar: “l-istandards nazzjonali konfliġġenti għandhom jiġu rtirati [jiġu rtirati] u l-Istati Membri għandhom itemmu l-validità ta’ kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti”.

80.

Għalhekk, nipproponi li għar-raba’ domanda, ir-risposta tkun kif ġej: L-Istandard armonizzat EN 13242:2002 ma jistabbilixxix limitu ta’ 1 % tal-kontenut totali ta’ kubrit fil-granulati u għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe standard tekniku nazzjonali li jmur kontra dan.

E – Il-ħames domanda preliminari: L-użu tal-marka “CE

81.

Is-Supreme Court tixtieq tkun taf, ukoll, jekk huwiex meħtieġ li jintwera li l-prodott ikollu l-marka “CE” biex jibbenefika mill-preżunzjoni stabbilita bl-anness ZA tal-Istandard EN 13242:2002 jew bl-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/106. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-marka “CE” hijiex rekwiżit sabiex għall-granulati tiġi applikata l-preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 89/106 jew, għall-kuntrarju, jekk din il-marka hijiex biss prova li r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva ġew osservati.

82.

Għall-kuntrarju tal-osservazzjonijiet tal-Irlanda u ta’ James Elliott, naħseb li l-marka “CE” hija biss mezz ta’ prova tal-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 89/106 u ma hijiex kundizzjoni biex tiġi kkonfermata din l-osservanza. Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, il-marka “CE” turi li prodott huwa konformi mal-istandards nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tal-istandards armonizzati u li dan huwa adegwat għall-użu intenzjonat tiegħu ( 51 ). Skont il-paragrafu 6 tal-istess artikolu, il-marka “CE” tfisser li l-prodotti josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) u (4), u jiġu mwaħħla mill-manifattur jew mill-aġent tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 15 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw l-użu korrett tal-marka “CE” u jippermettilhom jipprojbixxu l-użu tagħha meta jkun stabbilit li twaħħlet ma’ prodott li ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 89/106. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-aħħar nett, iddikjarat li Stat Membru ma jistax jeħtieġ li l-prodotti għall-kostruzzjoni li jużaw u jkollhom kif suppost il-marka “CE” jkollhom marka nazzjonali addizzjonali, bl-iskuża li l-istandards armonizzati ma jkunux kompluti ( 52 ).

83.

Għalhekk, l-marka “CE” hija dikjarazzjoni, magħmula mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għat-twaħħil tagħha, li tattesta li l-prodott jikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 89/106 u mal-Istandard EN 13242:2002 u li jkun għadda mill-proċeduri rilevanti ta’ evalwazzjoni. Il-manifattur huwa l-persuna finalment responsabbli għall-konformità tal-prodott mad-direttiva u għat-twaħħil tal-marka “CE”, ladarba l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità tkun kompluta. Il-marka “CE” hija, għalhekk, biss mod wieħed ta’ kif jiġi rrikonoxxut li l-granulati jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 89/106 u tal-Istandard EN 13242:2002, sabiex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom ( 53 ).

84.

Fil-leġiżlazzjoni ġenerali sussegwenti (mhux applikabbli għal dan il-każ), il-marka “CE” ġiet imsaħħa u saret l-uniku mod biex tiġi ċċertifikata l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli, stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni. Dan huwa previst fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li jinkludi d-definizzjoni, fil-format u fil-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-marka “CE”, u fid-Deċiżjoni 768/2008 applikabbli għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità li jwassal għat-twaħħil tagħha ( 54 ). L-użu esklużiv tal-marka “CE” tal-prodotti għall-kostruzzjoni jinsab ukoll fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 305/2011.

85.

L-interpretazzjoni proposta hawnhekk hija kkonfermata mill-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 89/106, fejn, skont is-sentenza Elenca ( 55 ), leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod awtomatiku u komplut, minħabba nuqqas tal-marka “CE”, id-distribuzzjoni fit-territorju nazzjonali tal-prodotti legalment ikkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra, ma tirrispettax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. Din is-sentenza tiċħad, għalhekk, li l-marka “CE” għandha natura sostantiva u tagħtiha natura probatorja.

86.

Għalhekk, nissuġġerixxi li r-risposta għall-ħames domanda tal-qorti nazzjonali tkun kif ġej: Il-marka “CE” ma hijiex kundizzjoni iżda biss mezz biex tingħata prova li granulat huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 89/106 u tal-Istandard armonizzat EN 13242:2002.

F – It-tieni domanda preliminari: L-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 u tal-ġurisprudenza CIA Security International u Unilever

87.

Is-Supreme Court tixtieq tkun taf jekk għandhiex teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet impliċiti dwar il-kummerċjabbiltà u l-adegwatezza għal għan jew kwalità partikolari, peress li dawn huma regolamenti tekniċi mhux innotifikati skont id-Direttiva 98/34.

88.

Bħall-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, ħlief Irish Asphalt, nemmen li r-risposta għal din id-domanda hija ċara. Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 14(2) tal-Liġi tal-1893, kif emendata fl-1980, li tipprevedi li l-kuntratti huma suġġetti — bil-possibbiltà ta’ esklużjoni permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet — għal klawżola impliċita relatata mal-kwalità kummerċjali tal-prodotti, ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ regolament tekniku prevista fid-Direttiva 98/34. Għalhekk il-ġurisprudenza ta’ CIA Security International u Unilever ( 56 ) ma hijiex applikabbli għal dan il-każ u, għall-istess raġuni, ma hijiex meħtieġa li tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni fil-fażi tal-abbozzar.

89.

L-argument ta’ Irish Asphalt, fis-sens li s-sentenza tal-High Court kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, peress li tikkostitwixxi regolament tekniku de facto, ma għandux bażi soda. Is-sentenza tapplika biss id-dritt Irlandiż għal każ speċifiku, bl-iskop ewlieni li ssolvi tilwima bejn kumpanniji kummerċjali fid-dawl tal-kuntratt bejniethom, inklużi l-klawżoli impliċiti tiegħu.

90.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 jirriżulta li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” jinkludi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, “speċifikazzjoni teknika” skont l-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva; fit-tieni lok, “ħtiġijiet oħra”, kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4), u fit-tielet lok, il-projbizzjoni ta’ manufattura, importazzjoni, kummerċjalizzazzjoni jew użu ta’ prodott kopert bl-Artikolu 1(11) ( 57 ). Il-leġiżlazzjoni Irlandiża — u, a fortiori, is-sentenza tal-High Court — ma hijiex miżura leġiżlattiva li tipprojbixxi l-manifattura, l-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu ta’ prodott.

91.

Lanqas l-Artikolu 14(2) tal-Liġi tal-1893 (jew, għal darb’oħra, is-sentenza li tapplikah għal kuntratt speċifiku) ma jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” previst fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34. Speċifikazzjoni teknika tfisser “dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità”.

92.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” jippresupponi li l-miżura nazzjonali neċessarjament tikkonċerna l-prodott jew l-imballaġġ tiegħu fihom infushom u tipprovdi, għalhekk, waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott ( 58 ). Il-leġiżlazzjoni Irlandiża analizzata hawnhekk ma tirreferix għall-karatteristiċi ta’ prodott u lanqas għall-imballaġġ jew il-preżentazzjoni tiegħu, iżda sempliċement tiddikjara, b’mod astratt, li fir-relazzjonijiet kuntrattwali hemm preżunzjoni fir-rigward tal-kwalità kummerċjali tal-prodott mibjugħ. Għalhekk, ma tikkonċernax prodott partikolari u hija dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali għall-bejgħ ta’ kwalunkwe prodott, u għalhekk ma taqax taħt il-kunċett ta’ speċifikazzjoni teknika previst fid-Direttiva 98/34.

93.

Għal raġunijiet analogi, l-Artikolu 14(2), tal-Liġi tal-1893 ma jistax jiġi inkluż fost il-“ħtiġijiet l-oħra” skont it-tifsira tad-Direttiva 98/34, peress li ma huwiex “ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq”.

94.

Għalhekk, nissuġġerixxi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tkun kif ġej: Dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 14(2) tal-liġi Irlandiż dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-1893, kif emendata fl-1980, ma tistax titqies li hija “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34, u l-ġurisprudenza ta’ CIA Security International u Unilever ma hijiex applikabbli għaliha.

IV – Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mis-Supreme Court kif ġej:

1)

Meta t-termini ta’ kuntratt privat jobbligaw lil waħda mill-partijiet tipprovdi prodott immanifatturat skont standard tekniku nazzjonali, adottat skont standard tekniku armonizzat approvat mis-CEN, fuq mandat tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni tiddeċiedi b’mod preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ tali standard tekniku armonizzat.

2)

L-Istandard armonizzat EN 13242:2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li n-nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu jiġi kkonfermat permezz ta’ metodi ta’ ttestjar differenti minn dawk espressament previsti fih, u li kemm wieħed kif ukoll l-ieħor jistgħu jintużaw fi kwalunkwe mument tal-ħajja ekonomikament utli tal-prodott.

3)

Il-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu tal-prodotti għall-kostruzzjoni prevista fid-Direttiva 89/106, intiża li tiffaċilita l-moviment liberu tagħhom fis-suq intern, ma hijiex effettiva għall-evalwazzjoni tal-kwalità kummerċjali tagħhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti.

4)

L-Istandard armonizzat EN 13242:2002 ma jistabbilixxix limitu ta’ 1 % tal-kontenut totali ta’ kubrit fil-granulati u għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe standard tekniku nazzjonali li jmur kontra dan.

5)

Il-marka “CE” ma hijiex kundizzjoni iżda biss mezz biex tingħata prova li granulat huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 89/106 u tal-istandard armonizzat EN 13242:2002.

6)

Dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 14(2) tal-liġi Irlandiż dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-1893, kif emendata fl-1980, ma tistax titqies li hija “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34, u l-ġurisprudenza ta’ CIA Security International u Unilever ma hijiex applikabbli għaliha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337.

( 4 ) Il-verżjoni Spanjola tal-Istandard EN 13242:2002 ippubblikat mill-Assoċjazzjoni Spanjola dwar l-Istandardizzazzjoni tipprevedi “áridos para capas granulares y capas tratadas con conglomerados hidráulicos para uso en capas estructurales de firmes”. Hawnhekk, wieħed għandu jinnota li d-differenza fit-traduzzjoni Spanjola hija notevoli meta mqabbla mat-test Ingliż “Aggregates for unbound and hydraulically bound materials for use in civil engineering work and road construction”.

( 5 ) Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, p. 5).

( 6 ) EN 13242:2002 + A1:2007.

( 7 ) ĠU L 109, p. 8; mhux disponibbli bil-Malti.

( 8 ) Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 li temenda d-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).

( 9 ) Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, p. 1).

( 10 ) ĠU C 136, p. 1.

( 11 ) Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/106,

“1.   Biex tkun żgurata l-kwalità tan-normi armonizzati għal prodotti, in-normi għandhom ikunu stabbiliti minn organizzazzjonijiet ta’ normi Ewropej skond il-mandati maħruġa mill-Kummissjoni bi konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 83/189/KEE u, wara konsultazzjoni mal-kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19, bi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jolqtu l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn il-korpi ffirmata fit-13 ta’ Novembru, 1984.

2.   In-normi li joħorġu għandhom ikunu mfissra kemm jista’ jkun b’mod prattiku fejn tidħol il-ħidma ta’ prodott, billi jitqiesu d-dokumenti interpretattivi.

3.   Ladarba n-normi jkunu stabbiliti mill-organizzazzjonijiet ta’ normi Ewropej, il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riferenzi tan-normi fis-serje ‘Ċ’ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

( 12 ) Il-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 89/106 tipprevedi espressament li “f’każ li Stat Membru jiżgura li prodott iddikjarat li huwa konformi mal-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaqbilx ma’ Artikoli 2 u 3, hu għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirtira dawk il-prodotti mis-suq, jipprojbixxi t-tqegħid tagħhom fis-suq jew jirristrinġi l-moviment liberu tagħhom”.

( 13 ) M/125: Mandate to CEN/CENELEC concerning the execution of standardisation work for harmonized standards on aggregates. It-test sħiħ tiegħu ma huwiex disponibbli bil-Malti u jeżistu biss verżjonijiet bl-Ingliż, Franċiż u Ġermaniż fis-sit tal-Internet tal-Kummissjoni relatat mal-mandati ta’ standardizzazzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/mandates/index.cfm?fuseaction=search.detail&id=249. Dan il-Mandat M/125 ġie emendat fid-29 ta’ Ġunju 2010, M/125 rev.1 EN.

( 14 ) Skont il-preambolu tal-Mandat M/l25, “l-għan ta’ dan il-mandat huwa li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-iżvilupp u l-kwalità ta’ standards armonizzati Ewropej li jippermettu, minn naħa, l-“approssimazzjoni” tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali (iktar ’il quddiem imsejħa, “dispożizzjonijiet”) u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti li jikkonformaw magħhom jitqiesu xierqai għall-użu intiż tagħhom, skont kif din l-espressjoni hija ddefinita fid-direttiva”.

( 15 ) Il-paragrafi 8 u 9 tal-Kapitolu II ta’ dan il-mandat jistabbilixxu:

“8.

Il-kumitati tekniċi tas-CEN għandhom jipprovdu soluzzjoni teknika għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi tal-mandat, b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet stipulati hawn taħt. Il-metodi ta’ ttestjar proposti għandhom ikunu direttament relatati mal-karatteristika meħtieġa rilevanti u ma għandhomx jirreferu għal metodi ta’ determinazzjoni ta’ karatteristiċi li ma humiex meħtieġa mill-mandat. Ir-rekwiżiti ta’ durabbiltà għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-istat attwali tat-teknika.

9.

Ir-referenzi għal metodi ta’ ttestjar/kalkolu għandhom jikkonformaw mal-armonizzazzjoni mfittxija. B’mod ġenerali, għandhu jsir riferiment biss għal metodu għad-determinazzjoni ta’ kull karatteristika ta’ prodott partikolari jew grupp ta’ prodotti.

Madankollu, meta jsir riferiment għal iktar minn metodu wieħed sabiex tiġi ddeterminata l-istess karatteristika fi prodott jew grupp ta’ prodotti għal raġunijiet iġġustifikati, din iċ-ċirkustanza għandha tkun immotivata. F’dan il-każ, il-metodi kollha użati għandhom ikunu marbuta bil-konġunzjoni “jew” u għandha tingħata indikazzjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom.

Fil-każijiet l-oħra, ikunu aċċettati biss żewġ metodi jew iktar ta’ ttestjar/kalkolu għad-determinazzjoni ta’ karatteristika, jekk teżisti jew jekk jista’ jkun hemm korrelazzjoni bejn it-tnejn li huma. Imbagħad, permezz tal-istandard tal-prodott armonizzat rilevanti għandu jintgħażel f’dan il-każ wieħed minnhom bħala l-metodu ta’ riferiment.

Sa fejn ikun possibbli, il-metodi ta’ ttestjar u/jew kalkolu għandhom ikunu ta’ natura orizzontali sabiex ikopru kemm jista’ jkun prodotti.”

( 16 ) Il-paragrafu 2 tal-kapitolu III jipprevedi, inter alia, kif ġej:

“L-istandard armonizzat għandu jkun fih:

[…]

Il-metodi (ta’ kalkolu, ittestjar jew ta’ tip ieħor) jew riferiment għal standard li jkun fih il-metodi għad-determinazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi.”

( 17 ) B’mod konkret: “[d]an l-istandard Ewropew permezz tar-riferimenti tiegħu, bid-data jew mingħajr data, jinkorpora dispożizzjonijiet minn pubblikazzjonijiet oħra. Dawn ir-riferimenti għall-istandards huma pprovduti fil-postijiet xierqa tat-test tal-istandard u se jiġu stipulati hawn taħt”. B’mod speċjali nsibu l-Istandards EN 1097‑2:1998 — Testijiet sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi tal-granulati. Parti 2: Metodi għad-determinazzjoni tar-reżistenza għall-frammentazzjoni, EN 1367‑2 — Testijiet sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet termali u ta’ tibdil fl-granulati. Parti 2: Test tas-sulfat tal-manjeżju u EN 1744‑1:1998 — Testijiet għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet kimiċi tal-granulati. Parti 1: Analiżi kimika.

( 18 ) Il-kapitolu ZA.1 tal-Anness ZA tal-Istandard EN 13242:2002 jipprevedi:

“Dan l-istandard Ewropew ġie abbozzat permezz ta’ Mandat [...] mogħti lis-CEN mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

Il-kapitoli ta’ dan l-istandard u ta’ standards Ewropej oħra applikabbli indikati f’dan l-anness jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Mandat mogħti taħt id-Direttiva tal-UE dwar il-Prodotti għall-Bini (89/106/KEE).

It-twettiq ta’ dawn il-kapitoli jagħti preżunzjoni ta’ konformità lill-granulati koperti b’dan l-istandard Ewropew għall-użi stabbiliti fih. Għandu jsir riferiment għall-informazzjoni li takkumpanja l-marka CE.”

( 19 ) ĠU C 75, p. 8.

( 20 ) Id-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 94/48, tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

3)

‘speċifikazzjoni teknika’: speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott fir-rigward tal-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4)

‘ħtiġiet oħra’: ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

[…]

6)

‘standard’: speċifikazzjoni teknika approvata minn korp rikonoxxut ta’ l-istandardizzazzjoni għal applikazzjoni mtennija jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja u li hija waħda minn dawn li ġejjin:

standard internazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni internazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku,

standard Ewropew: standard adottat minn organizzazzjoni Ewropea ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku,

standard nazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku;

[…]

11)

‘regolament tekniku’: speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]”

( 21 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 316, p. 12).

( 22 ) L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jipprevedi kif ġej:

“1.   Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha; tista’ wkoll tirreferi dan l-abbozz, għal opinjoni, lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u, fejn xieraq, lill-kumitat responsabbli mill-qasam involut inkwistjoni.

[…]

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

[…]”

( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369), punt 27.

( 24 ) Kawża C‑185/08, EU:C:2010:619, punt 36.

( 25 ) Direttiva tal-Kunsill 89/686/kee, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 98)

( 26 ) Kawża C‑185/08, EU:C:2010:619, punt 35.

( 27 ) Skont l-Artikolu 1 tal-istatuti tiegħu, “Il est constitué une association internationale sans but lucratif (AISBL), avec le numéro d’entreprise 0415.455.651, régie par les lois coordonnées relatives aux associations sans but lucratif, aux associations internationales sans but lucratif et aux fondations. ”. It-test tal-istatuti tas-CEN, approvati permezz ta’ laqgħa ġenerali straordinarja tat-22 ta’ Lulju 2013 huwa disponibbli bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż, il-verżjoni Franċiża tinstab fl-indirizz li ġej: ftp://ftp.cencenelec.eu/CEN/AboutUs/Statutes/Statuts_CEN_FR_20140213.pdf.

( 28 ) Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 316, p. 12).

( 29 ) Ara, għal iktar dettall, Kummissjoni Ewropea, Gwida għall-applikazzjoni tad-direttivi bbażati fuq il-metodu l-ġdid u l-approċċ globali, 2000.

( 30 ) Ara f’dan ir-rigward, Álvarez García, V., Industria, Iustel, Madrid, 2010; Aubry,H.; Brunet, A.; Peraldi Leneuf, F., La normalisation en France et dans l’Union européenne, Presses universitaires d’Aix-Marseille, 2012; Scheppel, H., The Constitution of Private Governance: Products Standards in the Regulation of Integrating Markets, Hart Publishing, Oxford, 2005.

( 31 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑432/03, EU:C:2005:669); Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑227/06, EU:C:2008:160); Ascafor u Asidac, (C‑484/10, EU:C:2012:113) u Elenca (C‑385/10, EU:C:2012:634).

( 32 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-perċentwal ta’ standards armonizzati fost l-istandards tekniċi Ewropej adottati mis-CEN, mis-Cenelec u mill-European Telecommunications Standards Institute (iktar ’il quddiem l-“ETSI”) żdied minn 3.55 % fl-1989 għal 20 % fl-2009 (SEC(2011) 671 final, p. 6).

( 33 ) Kawża C‑185/08, EU:C:2010:619.

( 34 ) Il-Bundesgerichtshof Ġermaniża (BGH, 30 ta’ Ġunju 1983, GRUG 1984, pp. 117 sa 119) u l-Bundesverfassungsgericht (BVerfGE, 29 ta’ Lulju 1998, ZUM 1998, p. 926) qiesu li l-istandards tekniċi tal-Istitut Ġermaniż ta’ standardizzazzjoni (Deutsches Institut für Normung, “DIN”) ma kinux koperti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kellhom jiġu ppubblikati. Il-Hoge Raad tal-Pajjiżi l-Baxxi (Hoge Raad, 22 ta’ Ġunju 2012, LNJ:BW0393) iddeċidiet, fil-kawża Knooble, li l-istandards tekniċi tal-Istitut ta’ standardizzazzjoni Netherlandiż (Nederlands Normalisatie Instituut, “NEN”) kienu koperti minn dawn id-drittjiet u ma kienx hemm obbligu li jiġu ppubblikati uffiċjalment. Ara l-analiżi ta’ Van Gestel, R.; Micklitz, H.-W., “European integration through standardization: How judicial review is breaking down the club house of private standardization bodies”, Common Market Law Review, 2013, Nru 1, p. 145 sa 182.

( 35 ) Fis-sentenza reċenti Balázs (C‑251/14 EU:C:2015:687), punt 54, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 98/34 fis-sens li ma jeħtieġx li l-istandards taħt din id-dispożizzjoni jkunu disponibbli għall-pubbliku fil-lingwa uffiċjali tal-Istat ikkonċernat. F’dak il-każ kien l-istandard Ungeriż MSZ EN 590:2009, dwar l-ispeċifikazzjoni tal-punt li fih jaqbad il-karburant tad-diżil, li kien intiż li jittrasponi tal-Istandard Ewropew EN 590:2009 u li sar vinkolanti fid-dritt Ungeriż taħt l-Artikolu 110(13) tal-Liġi dwar Dazji Speċjali. L-istandard nazzjonali MSZ EN 590:2009 ma kienx disponibbli bl-Ungeriż iżda bl-Ingliż biss.

( 36 ) L-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 1025/2012 jipprevedi li “meta standard armonizzat jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, Il-Kummissjoni għandha tippubblika referenza ta' tali standard armonizzat mingħajr dewmien f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta' mezzi oħra f' konformita' mal-kundizzjonijiet stipulati fl-att korrispondenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni”. Fl-istess sens, l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 305/2011 jipprevedi b’mod ċar li “l-Kummissjoni għandha tevalwa l-konformità tal-istandards armonizzati stabbiliti mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni bil-mandat rilevanti”. Ara Schepel, H., “The new approach to the New Approach: The juridification of harmonized standards in EU law”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, 2013, Nru 4, p. 531.

( 37 ) L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1025/2012 jipprevedi, fir-rigward tal-oġġezzjonijiet formali kontra strandards armonizzati:

“1.   Meta Stat Membru jew il-Parlament Ewropew iqisu li standard armonizzat ma jissodisfax kompletament ir-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni relevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjni, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan bi spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-kumitat stabbilit mill-leġislazzjoni korrispondenti dwar l-armonizzazzjoni tal-Unjoni, jekk ikun jeżisti, jew wara forom oħra ta’ konsultazzjoni tal-esperti settorjali, tiddeċiedi:

a)

li tippubblika, li ma tippubblikax jew li tippubblika b’restrizzjoni r-referenzi għall-istandard armonizzat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

b)

li żżomm, li żżomm b’restrizzjoni jew li tirtira r-referenzi għall-istandard armonizzat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika informazzjoni fil-websajt tagħha dwar l-istandards armonizzati li kienu suġġetti għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni kkonċernata dwar id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u, jekk ikun meħtieġ, titlob li jiġu riveduti l-istandards armonizzati kkonċernati.

[…]”

( 38 ) Ara l-kawża Schmoldt et vs Il-Kummissjoni (C‑342/04 P, EU:C:2005:562), li ddikjarat in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti f’dak il-każ sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2003/312/CE tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ April 2003, dwar il-pubblikazzjoni tar-referenzi ta’ l-istandards li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iżolazzjoni termali, il-ġeotessili, it-tagħmir fiss tat-tifi tan-nar u l-blokki tal-ġibs skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/196/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 183), li permezz tagħha ġiet miċħuda l-oġġezzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentata skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva fir-rigward ta’ dawn l-għaxar standards tas-CEN dwar prodotti ta’ iżolament termali, bin-numri EN 13162:2001 sa EN 13171:2001.

( 39 ) Sempliċement ser niġbed l-attenzjoni hawnhekk dwar id-dubji ta’ xi awturi dwar il-kompatibbiltà mal-ġurisprudenza Meroni tal-użu, mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid , tal-metodi ta’ referenza għall-istandards tekniċi armonizzati. Ara Hofmann, H.; Rowe, G.; Türk, A., Administrative Law and Policy of the European Union, Oxford University Press, 2011, p. 598 sa 600.

( 40 ) Il-parti l-kbira tal-korpi ta’ standardizzazzjoni jirrispettaw il-prinċipju ta’ standardizzazzjoni stabbiliti fl-Anness 3 tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ tad-WTO, li jinkludi l-Kodiċi ta’ Prattika Tajba għall-Abbozzar, l-Adozzjoni u l-Applikazzjoni ta’ Standards. Test disponibbli fuq http://www.wto.org/spanish/docs_s/legal_s/17-tbt_s.htm#ann3. L-Artikoli 2 u 5 tal-Ftehim dwar l-OTK u l-Anness 3 ġew żviluppati bid-Deċiżjoni tal-Kumitat OTK fuq il-prinċipji għall-abbozzar ta’ standards, gwidi u rakkomandazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikoli 2 u 5 u l-Anness 3 tal-Ftehim, G/TBT/9, 13 ta’ Novembru 2000. Dawn il-prinċipji bażiċi huma: t-trasparenza, il-ftuħ, l-imparzjalità u l-kunsens, l-effettività u r-rilevanza, kif ukoll il-koerenza.

( 41 ) Linji gwida Ġenerali għall-Kooperazzjoni bejn is-CEN, is-Cenelec u l-ETSI u l-Kummissjoni Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles — 28 ta’ Marzu 2003 (ĠU 2003, C 91, p. 7). L-ewwel Linji Gwida ġew approvati fit-13 ta’ Novembru 1985.

( 42 ) Ara d-dokument COM(2011) 311 final, li fih il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bit-titolu “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja ’l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020”.

( 43 ) Id-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 2000, dwar il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea (ĠU L 315, p. 9). Din id-deċiżjoni tħassret u d-dispożizzjonijiet tagħha ġew inkorporati fl-Artikoli 15 sa 19 tar-Regolament Nru 1025/2012.

( 44 ) Din l-alternattiva ġiet speċifikament miċħuda matul il-ħidmiet preparatorji tar-Regolament Nru 1025/2012. Ara d-dokument SEC(2011) 671 finali, p. 24

( 45 ) Kawża C‑171/11 (EU:C:2012:453), punt 32. Dan kien il-każ ta’ korp privat ta’ standardizzazzjoni Ġermaniż li abbozza standards tekniċi fil-qasam tal-gass u tal-ilma, billi segwa skema li tixbah lil dik tad-direttivi li jużaw il-metodu l-ġdid, jiġifieri, l-aġenzija Ġermaniża kienet abbozzat l-Istandard tekniku W534 u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża stabbiliet li l-prodotti għall-installazzjoni, l-espansjoni, il-modifika u l-manutenzjoni ta’ installazzjonijiet tal-klijent konnessi man-netwerk pubbliku ta’ provvista tal-ilma huwa preżunt li kienu konformi mal-istat tat-teknika rikonoxxut jekk kienu konformi ma’ dak l-Istandard tekniku W534. F’dan il-kuntest, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, skont kif espost mill-qorti tar-rinviju, twassal biex fil-Ġermanja prattikament ma tkunx possibbli l-kummerċjalizzazzjoni ta’ pajpijiet u fittings għall-provvista tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem mingħajr iċ-ċertifikat korrispondenti tal-korp ta’ standardizzazzjoni DVGW, li juri konformità mal-istandard tekniku.

( 46 ) Kawża C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8. F’dan l-istess sens, is-sentenza Deutsche Shell, C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 18.

( 47 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonfermat, skont l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta, b’mod preliminari, l-atti ta’ “soft law” adottati skont it-Trattat, billi indikat li dawn l-atti ma humiex nieqsa minn effetti legali u, għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom “iqisu[hom]” sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawżi mressqa quddiemhom, b’mod partikolari meta jkunu ta’ għajnuna fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew adottati sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni tagħhom jew bil-għan li jikkompletaw dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ natura vinkolanti. Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer fil-Kawża Lodato & C. (C‑415/07, EU:C:2008:658), punt 34.

( 48 ) Kawża C‑62/14, EU:C:2015:400, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón ippreżentati f’din il-kawża (C‑62/14, EU:C:2015:7), punti 73 sa 80.

( 49 ) Standards EN 1097‑2:1998, Testijiet sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi tal-granulati. Parti 2: Metodi għad-determinazzjoni tar-reżistenza għall-frammentazzjoni, EN 1367‑2, Testijiet sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet termali u ta’ tibdil fl-granulati. Parti 2: Test tas-sulfat tal-manjeżju u EN 1744‑1:1998, Testijiet għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet kimiċi tal-granulati. Parti 1: Analiżi kimika.

( 50 ) Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 305/2011.

( 51 ) Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, il-marka “CE” tindika wkoll jekk prodott huwiex konformi mad-dokument ta’ approvazzjoni teknika Ewropea, maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 89/106, u jekk prodott jikkonformax mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali inizjalment innotifikati lill-Kummissjoni fin-nuqqas ta’ standards armonizzati.

( 52 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑100/13, EU:C:2014:2293), punt 63.

( 53 ) Ara d-dokument tal-Kummissjoni Ewropea, Gwida blu dwar l-applikazzjoni tal-istandards ta’ prodott tal-UE, tas-17 ta’ Lulju 2015, p. 55 et seq.

( 54 ) Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, p. 30) u d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, p. 82).

( 55 ) Kawża C‑385/10, EU:C:2012:634, punti 2829.

( 56 ) Sentenzi CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172) u Unilever (C‑443/98, EU:C:2000:496).

( 57 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246), punt 54, u s-sentenza Schwibbert (C‑20/05 EU:C:2007:652), punt 34.

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sapod Audic (C‑159/00, EU:C:2002:343), punt 30; Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246), punt 57, u Schwibbert (C‑20/05 EU:C:2007:652), punt 35.