KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

Kawża C‑560/14

M

vs

Minister for Justice and Equality Ireland and the Attorney General

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2004/83/KE — Regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja — Protezzjoni sussidjarja — Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat — Dritt għal smigħ — Portata — Ħtieġa ta’ smigħ — Dritt li jiġu indikati xhieda u li jiġu kkontroeżaminati”

1. 

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex tippreċiża iżjed il-portata tad-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni ( 2 ), b’riferiment partikolari għall-proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni sussidjarja mid-Direttiva 2004/83 ( 3 ).

2. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court Irlandiża qamet fil-kuntest tal-appell li hemm quddiemha mis-sentenza li tat il-High Court wara s-sentenza fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-domanda preliminari tas-Supreme Court taqa’ fil-kuntest tas-sistema Irlandiża għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża, li diġà tat lok għal diversi domandi preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ). Il-partikolarità tal-leġiżlazzjoni Irlandiża, issa rriformata darbtejn ( 5 ), kienet fl-għażla li titwaqqaf sistema doppja, ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ żewġ proċeduri speċifiċi u distinti fl-ipproċessar, min-naħa, tal-applikazzjonijiet għall-ażil u, min-naħa l-oħra, tal-applikazzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjara.

3. 

Fis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li, f’sistema bħal dik, id-dritt għal smigħ ( 6 ), fid-dawl tan-natura fundamentali li dan għandu, jiġi ggarantit għalkollox fil-kuntest ta’ kull waħda miż-żewġ proċeduri. Iżda mill-atti ta’ din il-kawża jirriżulta li s-sentenza M. kienet suġġetta għal interpretazzjonijiet diverġenti fost il-partijiet għal dak li jirrigwarda l-portata eżatta li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għal dan id-dritt. B’mod iktar partikolari, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk jirriżultax jew le minn dik is-sentenza li, sabiex f’sistema ta’ dan it-tip id-dritt għal smigħ jiġi garantit għalkollox fil-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, huwiex meħtieġ jew le li jingħata lil min jitlobha, quddiem l-amministrazzjoni li tiddeċiedi l-applikazzjoni tiegħu, smigħ fejn jistgħu jissejħu xhieda, meta jkun diġà sar smigħ fil-kuntest tal-proċedura preċedenti dwar l-applikazzjoni tiegħu ta’ ażil. Essenzjalment, din hija l-kwistjoni li hija mitluba tirrispondi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża presenti.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/83 għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi dwar, minn naħa, ir-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew dawk mingħajr stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, u min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

5.

Skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83, persuna hija eliġibbli għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja meta jeżistu raġunijiet fondati sabiex jiġi deċiż li, jekk il-persuna terġa’ tmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini inkwistjoni, hija tgħaddi mir-riskju reali ta’ periklu serju kif iddefinit fl-Artikolu 15 tal-istess direttiva. Skont dan l-aħħar artikolu huma kkunsidrati bħala periklu serju l-piena kapitali jew l-eżekuzzjoni [paragrafu (a)], jew it-tortura jew forma oħra ta’ piena jew trattament inuman jew degradanti ta’ ħsara għaliha [paragrafu (b)], jew ukoll, it-theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern [pragrafu (ċ)].

6.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, inkluż fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, bl-isem “[s]tima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali” jagħti indkazzjonijiet fuq kif għandu jsir l-eżami tal-fatti u ċ-ċirkustanzi wara dawn it-talbiet. Dan l-artikolu jistabbilixxi b’mod partikolari, fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istat Membru huwa obbligat, f’kooperazzjoni mal-applikant, li jeżamina l-elementi kollha sinjifikattivi tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jiriżulta wkoll li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jsir fuq bażi individwali u jipprevedi l-evalwazzjoni ta’ sensiela ta’ elementi indikati hemmhekk, fosthom, b’mod partikolari skont is-subparagrafu (ċ) ta’ dan il-paragrafu, is-sitwazzjoni individwali u personali tal-applikant sabiex jiġi evalwat jekk, skont iċ-ċirkustanzi personali tiegħu, l-atti li kien jew seta’ kien espost għalihom jikkwalifikawx bħala persekuzzjoni jew ta’ periklu serju.

7.

Id-Direttiva 2005/85 ( 7 ) tistabbilixxi r-regoli minimi għall-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. L-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu, li din tapplika għall-applikazzjonijiet kollha ta’ ażil. Madankollu, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, “[f]ejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83/KE, dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom”. Il-paragrafu 4, tal-istess artikolu, jgħid li “[b]arra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva fi proċeduri sabiex jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal kull tip ta’ protezzjoni internazzjonali”.

8.

L-Artikolu 12(1), tad-Direttiva 2005/85, bl-intestatura “Intervista personali” jistabbilixxi “[q]abel ma’ tiġi meħuda deċiżjoni mill-awtorita determinanti, l-applikant għall-ażil għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista”. Madankollu, skont il-paragrafi 2 u 3, tal-istess artikolu din l-intervista tista’ ma ssirx f’sensiela ta’ każijiet indikati hemmhekk ( 8 ).

B – Id-dritt nazzjonali

9.

Kif ġie osservat preċedentement, fl-Irlanda, meta kienet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-fatti tal-każ, l-applikazzjoni għall-ażil u dik għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja kienu s-suġġett ta’ proċeduri speċifiċi u distinti li kienu jsiru waħda wara l-oħra.

10.

Il-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja kienet irregolata mill-European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006 [regolament tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ protezzjoni)], li adotta l-Minister for Justice, Equality and Law Reform (iktar ’il quddiem il-“Minister”) fid-9 ta’ Ottubru 2006, u b’mod partikolari kellha bħala għan it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83.

11.

Dak ir-regolament ma kellu l-ebda dispożizzjoni li kienet tipprevedi li l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja kellu jinstema’ f’intervista personali fil-kuntest tal-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu. Fil-frattemp, ir-regoli dwar il-proċedura għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni sussidjarja kienu suġġetti għal żewġ riformi ( 9 ) li, madankollu, ma humiex rilevanti, rationae temporis, f’din il-kawża.

II – Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari

12.

L-iżvolġiment tal-proċeduri dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja ta’ M. quddiem l-awtoritajiet Irlandiżi huwa spjegat fid-dettall fil-punti 39 sa 46 tas-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) u li għaliha qed isir riferiment speċifiku. Għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ din il-kawża, ser nillimita ruħi sabiex infakkar li M., ċittadin mir-Rwanda ta’ etniċità Tutsi, oriġinarjament daħal fl-Irlanda fl-2006 u kellu viża ta’ student, u meta din skadiet, fl-2008, applika sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat. Fil-kuntest tal-proċedura dwar din l-applikazzjoni, M. nstema’ matul l-intervista personali li saret għand l-Office of the Refugee Application Commissioner [uffiċċju tal-kummissarju għall-applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat]. M. ppreżenta appell mid-deċiżjoni negattiva ta’ din l-aħħar entità quddiem ir-Refugee Appeal Tribunal [tribunal ta’ appell tar-refuġjati], li, wara proċedura li saret esklużivament bil-miktub, ċaħad b’mod definittiv l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. billi qies li ma kienu xejn kredibbli l-affermazzjonijiet tiegħu dwar ir-riskji ta’ persekuzzjoni li kien jgħaddi minnhom kieku mar lura fir-Rwanda.

13.

F’Diċembru 2008, M. ippreżenta applikazzjoni lill-Minister intiża sabiex jikseb il-protezzjoni sussidjarja, li iżda wkoll ġiet miċħuda. Fid-deċiżjoni negattiva tiegħu, adottata mingħajr ma ngħata l-ebda smigħ lil M. dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja, il-Minister ikkonkluda li M. ma weriex l-eżistenza ta’ raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jaħseb li jekk imur lura r-Rwanda, kien jgħaddi minn riskju li jbati periklu serju fis-sens indikat mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83. Mill-fajl jirriżulta li sabiex tiġi ġġustifikata din id-deċiżjoni, il-Minister, sabiex jiċħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M., kien illimita ruħu l-iktar billi rrefera għar-raġunijiet invokati preċedentement.

14.

M. ikkontesta d-deċiżjoni tal-Minister fil-High Court li, waqt il-proċeduri dwar dan ir-rikors, rrinvjat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. B’din id-domanda, il-High Court riedet taf mill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk, f’każ bħal dak ta’ M. fejn persuna titlob li tingħata l-protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda tal-għoti tal-istatus ta’ rifuġjat, l-obbligu ta’ kooperazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, jeħtieġx li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, meta jkun fi ħsiebhom li jadottaw deċiżjoni negattiva, jipprovdux lill-applikant, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik, ir-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom b’mod li jkun jista’ jesprimi ruħu fuq hekk dwar l-aspetti tad-deċiżjoni proposta li jipprevedu eżitu negattiv.

15.

Fis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), wara li rrispondiet b’mod negattiv għad-domanda preliminari li għamlitilha l-High Court ( 10 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 75 et seq, enfasizzat b’mod speċifiku r-rwekwiżit li jiġu rrispettati fil-kuntest ta’ kull waħda miż-żewġ proċeduri ‐ jiġifieri dik tal-ażil u dik dwar il-protezzjoni sussidjarja ‐ id-drittijiet fundamentali tal-appellant u, b’mod iktar partikolari d-dritt tiegħu għal smigħ, fis-sens li għandu jkun jista’ jesprimi b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tiċħadlu l-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. B’mod iktar partikolari, fit-tieni inċiż tal-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostniet li, f’sistema doppja bħal dik Irlandiża, “iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jifissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja”.

16.

Wara li tat is-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, fit-23 ta’ Jannar 2013 il-High Court tat is-sentenza tagħha ( 11 ). Hija kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li sostna M., il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) ma riditx issostni li, f’sistema doppja bħal dik Irlandiża, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi, b’mod ġenerali, li l-applikant għandu d-dritt għal smigħ personali fil-kuntest tal-proċedura tal-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja, anki għalkemm f’ħafna każijiet, dan id-dritt jista’ jeżisti. Minkejja dan, il-High Court annullat id-deċiżjoni tal-Minister billi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa ma rrispettax id-dritt għal smigħ ta’ M. fil-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja, billi minn naħa, huwa kien ibbaża ruħu kompletament fuq konstatazzjonijiet negattivi, magħmulin fil-kuntest tal-analiżi tal-applikazzjoni għall-ażil, dwar il-kredibbiltà tal-affermazzjonijiet ta’ M. fuq il-perikli li kien ibati kieku mar lura r-Rwanda u, min-naħa l-oħra huwa ma kien għamel l-ebda evalwazzjoni distinta u indipendenti tal-affermazzjonijiet li għamel M sabiex isostni l-applikazzjoni tiegħu ( 12 ).

17.

Il-Minister, l-Irlanda u l-Attorney General ikkontestaw is-sentenza tal-High Court quddiem il-qorti tar-rinviju, u sostnew li l-High Court interpretat b’mod żbaljat is-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744). Min-naħa tiegħu, M. ppreżenta rikors inċidentali fejn sostna li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-High Court, mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa għandu dritt għal intervista personali fil-proċedura dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja.

18.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva l-ħtieġa ta’ spjegazzjoni dwar l-applikazzjoni korretta tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 85 et seq tas-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), fil-każ bħal dak tal-lum, fejn jeżistu proċeduri separati għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja.

19.

Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura prinċipali u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-‘dritt ta’ smigħ’ [dritt għal smigħ] fid-dritt tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li persuna li tagħmel talba għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2004/83/KE tingħata l-benefiċċju ta’ smigħ relatat ma’ din it-talba, inkluż id-dritt li ssejjaħ jew li tagħmel kontroeżami tax-xhieda, meta t-talba titressaq f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru kkonċernat jipprevedi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami tat-talba intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, rispettivament?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari wasal għand ir-Reġistratur fil-5 ta’ Diċembru 2014. Ippreżentaw osservazzjonijiet M., il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta, li saret fit-18 ta’ Frar 2016, ħadu sehem M., il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni.

IV – Analiżi ġuridika

21.

Bid-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk fid-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ġiet ippreżentata fi Stat Membru li jistabbilixxi żewġ proċeduri distinti, waħda li ssegwi l-oħra, rispettivament għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja, dan id-dritt jirrikjedix neċessarjament li l-applikant jingħata smigħ dwar l-applikazzjoni tiegħu ta’ protezzjoni sussidjarja, fejn huwa jkollu dritt isejjaħ xhieda u jikkontroeżaminahom.

22.

Kif ġie rrilevat diġà, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari isegwi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ngħatat fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), li l-interpretazzjoni tagħha hija deċiżiva għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll l-intervenjenti fil-proċedura tal-lum isostnu pożizzjonijiet opposti dwar il-mod kif din is-sentenza għandha tiġi interpretata.

23.

Minn naħa, M isostni li fis-sentenza ċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet il-ħtieġa li lill-applikant għall-protezzjoni sussidjarja jingħata smigħ sabiex, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-proċedura prinċipali, ikun jista’ jitqies li ġie rrispettat id-dritt tiegħu għal smigħ. Anki l-Kummissjoni tqis li, fil-każ ta’ dan it-tip, ir-rispett tad-dritt għal smigħ jirrikjedi li jsir smigħ. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Irlandiż, li l-pożizzjoni tiegħu hija sostnuta mill-Gvern Franċiżi u l-Gvern Ċek, isostni l-pożizzjoni opposta u jqis li, fil-każ ta’ dan it-tip, sabiex id-dritt għal smigħ jiġi rrispettat, huwa biżżejjed li l-applikant kellu l-possibbiltà li jesprimi ruħu b’mod eżawrjenti, anki jekk sempliċiment bil-miktub, dwar ir-raġunijiet kollha li qegħdin fil-bażi tat-talba tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja.

24.

Sa fejn, proprju bħal fil-kawża M., anki dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem, b’mod ġenerali, il-kwistjoni tal-portata tad-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni partikolari bħal dik li hija s-suġġett fil-proċeduri prinċipali ( 13 ), inqis li jkun utli, sabiex nirrispondi d-domanda preliminari, li nsemmi fil-qosor il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza reċenti tagħha dwar dan id-dritt.

A – Prinċipji mill-ġurisprudenza dwar id-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni

25.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li parti integrali minnhom huwa d-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura ( 14 ).

26.

Id-dritt ta’ kull individwu li jingħata smigħ qabel ma tiġi adottata fil-konfront tiegħu miżura individwali li tippreġudikah huwa issa sanċit espressament fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħala espressjoni partikolari tad-dritt għal amministrazzjoni tajba ( 15 ).

27.

Kif kelli okkażjoni nfakkar riċentement ( 16 ), il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 41 tal-Karta għall-Istati Membri, meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 17 ), tibqa’ suġġetta għal kontroversja fil-ġurisprudenza. Skont l-ewwel linja ġurisprudenzjali, li jiena nikkondividi ( 18 ), dak l-artikolu jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li tapplika mhux biss għall-istituzzjonijiet għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, iżda wkoll għall-Istati Membri meta huma jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 19 ). Skont linja ġurisprudenzjali oħra, li hija bbażata fuq is-sinjifikat litterali tad-dispożizzjoni, jirriżulta mill-fatt li din id-dispożizzjoni hija indirizzata b’mod espliċitu unikament lill-istituzzjonijietlill-korpi u lill-organi tal-Unjoni, u mhux lill-Istati Membri, li d-dritt għal smigħ ta’ individwu li huwa parti fi proċeduri quddiem l-amministrazzjoni ta’ Stat Membru fejn din timplementa d-dritt tal-Unjoni ma huwiex ibbażat fuq l-Artikolu 41 tal-Karta, iżda fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ( 20 ).

28.

Madankollu, fil-kawża preżenti din il-kwistjoni, għalkemm għandha ċerta importanza fir-rigward tad-definizzjoni eżatta tal-bażi ġuridika li fuqha jistrieħ id-dritt għal smigħ ta’ M., fil-verità, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma għandhiex effett prattiku għaliex ma hemm l-ebda dubju fuq il-ħtieġa tar-rispett ta’ dan id-dritt quddiem l-awtoritajiet Irlandiżi, indipendentement mill-fatt li huwa bbażat fuq l-Artikolu 41 tal-Karta jew fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

29.

Dwar il-kontenut tad-dritt ta’ smigħ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà tal-manifestazzjoni, b’mod utli u effikaċi, tal-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrativa u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tiegħu ( 21 ). Dan id-dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni kompetenti tagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa għall-osservazzjonijiet tal-persuna involuta billi teżamina, b’mod attent u imparzjali, l-elementi kollha rilevanti taċ-ċirkustanzi tal-każ u billi timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha ( 22 ).

30.

Ġie osservat li d-dritt għal smigħ għandu funzjoni doppja: minn naħa, jippermetti li wieħed isir jaf x’fih il-fajl u jaċċerta ruħu bl-iktar mod preċiż u korrett possibbli dwar il-fatti, u min-naħa l-oħra, dak li jiżgura protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. B’mod partikolari, għandu l-għan li jiggarantixxi li kwalunkwe deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’għarfien sħiħ tal-fatti ( 23 ) u, b’mod partikolari, ikollha l-għan li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tikkorreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni tali elementi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni personali tagħha b’mod li d-deċiżjoni tiġi adottata jew le, jew li jkollha kontenut pjuttost milli ieħor ( 24 ).

31.

Meta l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża, u għalhekk anki d-dritt għal smigħ, tad-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjfikattiv l-interessi tagħhom, u dan anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament formalità bħal dik ( 25 ).

32.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li għalihom għandu jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-qafas ta’ proċedura partikolari, id-determinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-miżuri adottati f’dan ir-rigward ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli (prinċipju ta’ ekwivalenza) irregolati mid-dritt nazzjonali u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 26 ). Dawn ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività huma espressjoni tal-obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali ( 27 ).

33.

Madankollu, id-drittijiet fundamentali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jkunu suġġetti għal xi restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u inaċċettabbli li jikser is-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti ( 28 ).

34.

Barra minn hekk, l-eżistenza tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku u, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest li fih ġie adottat u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett partikolari ( 29 ). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat espliċitament li l-modalitajiet, li skont dawn il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrigwardaha għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 30 ).

35.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa fil-kuntest ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif spjegat fil-punti preċedenti, kif ukoll tas-sistema u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni, li l-Istati Membri, fil-limiti tal-awtonomija proċedurali tagħhom, għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet sabiex jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal smigħ tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod rilevanti l-interessi tagħhom ( 31 ), u dan dejjem fir-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività msemmija fil-punt 32 preċedenti.

B – Dwar il-portata tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja

36.

Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix regoli preċiżi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet sabiex jiġi ggarantit, fil-proċedura amministrattiva, ir-rispett tad-dritt għal smigħ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għal protezzjoni sussidjarja.

37.

B’mod iktar partikolari, f’kuntest leġiżlattiv bħal dak quddiem il-qorti tar-rinviju, dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet ma huma stabbiliti la mid-Direttiva 2004/83, li ma fihiex regoli proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali ( 32 ), u lanqas mid-Direttiva 2005/85, li skont l-Artikolu 3 tagħha, ma tapplikax għall-applikazzjonijiet ta’ protezzjoni sussidjarja, ħlief fil-każ fejn Stat Membru jistitwixxi proċedura waħda għall-ipproċessar taż-żewġ applikazzjonijiet tiegħu ta’ protezzjoni internazzjonali (ażil u protezzjoni sussidjarja) ( 33 ), li, ġie rrilevat, ma kienx il-każ tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Irlanda fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali ( 34 ).

38.

Isegwi mill-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2005/85 li l-kwistjoni tal-eżistenza eventwali ta’ dritt għal smigħ fil-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja ta’ M. fi kwalunkwe każ ma tistax tiġi analizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/85. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ, lanqas b’analoġija, billi, kif sostniet ġustament l-Irlanda, l-applikazzjoni tagħha, anki b’mod indirett, ikollha bħala konsegwenza, minn naħa, li tispiċċa mingħajr effettività l-għażla tal-leġiżlatur ta’ Stat Membru li jkun għażel, meta kienet fis-seħħ id-Direttiva 2005/85, li jissuġġetta l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja għal sistemi proċedurali distinti u, min-naħa l-oħra, li jispiċċaw mingħajr effett utli d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) u (4) tal-istess direttiva sabiex, essenzjalment, tiġi imposta l-applikazzjoni ta’ dak l-att leġiżlattiv anki għal każijiet fejn din ma tapplikax.

39.

Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, sabiex jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali dwar ir-rispett tad-dritt għal smigħ fil-proċedura dwar l-eżami ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni sussidjarja, sabiex fl-istess ħin jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 35 ).

40.

B’mod iktar partikolari, mir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja li r-regoli proċedurali nazzjonali għandhom jirregolaw l-iżvolġiment tal-proċedura dwar l-applikazzjonijiet intiżi għall-għoti ta’ din il-protezzjoni b’mod tali li l-applikanti jiġu ggarantiti aċċess effettiv għad-drittijiet li tagħtihom id-Direttiva 2004/83 ( 36 ). Għal dak li jirrigwarda speċifikament il-każ tal-lum, dan ifisser li r-regoli nazzjonali għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet u modalitajiet proċedurali għall-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ fil-proċedura b’mod li l-persuni kkonċernati jiġu ggarantiti aċċess effettiv għad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus tal-protezzjoni sussidjarja.

41.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-portata tad-dritt għal smigħ, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali meħtieġa sabiex jiġi rrispettat, għandhom jiġu evalwati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-għanijiet tal-proċedura inkwistjoni, jiġifieri ta’ dak intiż għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, kif previst mid-Direttiva 2004/83.

42.

Issa, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja bħal dik prevista fid-Direttiva 2004/83 għandha l-iskop espliċitu li toffri “stat xieraq” lill-persuni li, anki mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu refuġjati, jeħtieġu, minkejja dan, protezzjoni internazzjonali ( 37 ). Il-protezzjoni sussidjarja għalhekk tikkostitwixxi forma ta’ protezzjoni kumplimentari u supplimentari ( 38 ), li tingħata jekk jiġu ssodisfatti rekwiżiti differenti minn dawk previsti għall-għoti tad-dritt tal-ażil u li tagħti drittijiet li għandhom natura differenti minn dawk attribwiti mill-istatus ta’ refuġjat ( 39 ).

43.

Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja hija kkaratterizzata mill-fatt li s-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant għandha rwol essenzjali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, li huwa rifless barra minn hekk fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83.

44.

Fil-fatt, min-naħa, għal dak li jirrigwarda t-tipi ta’ periklu serju previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, li r-riskju tal-eżistenza tagħhom jiġġustifika l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja ( 40 ), mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn jippreżumu t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant. Fil-fatt, kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ittri (a) u (b) ta’ dak l-artikolu jirrigwardaw sitwazzjonijiet fejn l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja huwa espost b’mod speċifiku għar-riskju ta’ periklu ta’ tip partikolari, filwaqt li l-perikolu ddefinit fil-paragrafu (ċ) tal-istess artikolu jirrigwarda r-riskju ta’ periklu iktar ġenerali. Fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li, anki f’dan il-każ tal-aħħar, is-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant jista’ jkollha rwol fundamentali fid-deċiżjoni finali. Fil-fatt, hija indikat li, iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament affettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata mitluba sabiex jista’ jkun jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja ( 41 ).

45.

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta b’mod espliċitu li, fl-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, u għalhekk anki f’dik dwar il-protezzjoni sussidjarja, għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni individwali u personali tal-applikant sabiex jiġi evalwat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi personali tiegħu, l-atti li ġie jew seta’ ġie espost għalihom jitqisux bħala periklu serju.

46.

Barra minn hekk, ġie rrilevat ġustament li l-proċedura intiża għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, l-istess bħal dak għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, hija kkaratterizzata minn sitwazzjoni umana u materjali diffiċli u tirrigwarda l-preservazzjoni ta’ drittijiet essenzjali tal-persuna kkonċernata, li għaliha d-deċiżjoni li ser tingħata għandha importanza vitali. Għalhekk, proċedura bħal din hija kkaratterizzata mill-pożizzjoni assolutament ċentrali tal-persuna kkonċernata, li mhux biss tibda dik il-proċedura, iżda hija l-unika waħda li tista’ konkretament tesponi l-istorja personali tagħha li tista’ twassal għall-għoti ta’ dak l-istatus, kif ukoll il-kuntest li fih din żvolġiet ( 42 ).

47.

Huwa fuq kollox preċiżament minħabba l-partikolarità tal-għanijiet u tan-natura tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja u tal-aspetti tagħha ta’ differenzjazzjoni dwar il-proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) tat importanza kbira lin-natura fundamentali tad-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kif ukoll fuq ir-rekwiżit li dan id-dritt jiġi ggarantit għal ollox f’din il-proċedura, u dan anki f’sistema doppja bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali ( 43 ).

48.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tan-natura partikolari u tal-għanijiet tal-proċedura intiża għall-verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, l-effettività tal-aċċess għad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus tippresupponi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’kundizzjoni li teżerċita b’mod partikolarment effettiv id-dritt għal smigħ f’din il-proċedura. Fil-fatt, huwa biss jekk l-applikant għandu l-possibbiltà effettiva li jippreżenta b’mod utli u effikaċi l-istorja tiegħu personali u l-kuntest li fiha tiżvolġi, bl-espożizzjoni lill-amministrazzjoni kompetenti b’mod komplet u xieraq tal-fatti u l-elementi kollha insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, li huwa jista’ jkollu aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus, kif previst mid-Direttiva 2004/83.

49.

F’dan ir-rigward nirrileva wkoll li r-rekwiżit li jiġi ggarantit l-eżerċizzju b’mod partikolari l-effettività tad-dritt għal smigħ xieraq, li għadni kif irreferejt għalih, jgħodd bl-istess mod kemm għall-proċedura dwar l-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja kif ukoll għal dik dwar l-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, anki għalkemm, kif għedt, huma differenti r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-għoti taż-żewġ status, iż-żewġ proċeduri għandhom il-karatteristiċi li ntwerew fil-punti preċedenti minn 43 sa 46, jiġifieri ċ-ċentralità tal-persuna tal-applikant u l-importanza vitali tal-interessi tiegħu involuti, kif ukoll l-importanza, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, tas-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-Artikolu 4(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 tapplika għaż-żewġ status.

50.

Barra minn hekk, miċ-ċirkustanza li ż-żewġ status jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji differenti, kif ukoll mir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 4(3)(ċ) ċċitat tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li s-sitwazzjoni individwali u personali tal-applikant għandha tiġi evalwata speċifikament u b’mod distint fir-rigward taż-żewġ kriteriji differenti (jiġifieri, minn naħa, ir-riskju ta’ persekuzzjoni jew, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ periklu serju), li fiż-żewġ proċeduri d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi garanzija proċedurali li tirriferi għal diversi elementi.

C – Fuq il-kwistjoni tal-ħtiega ta’ smigħ tal-applikant għall-protezzjoni sussidjarja għar-rispett tad-dritt għal smigħ f’sistema doppja ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali

51.

F’dan il-punt tqum il-kwistjoni, fondamentali fil-proċedura fil-kawża prinċipali, jekk ir-rekwiżit iċċitat iktar 'il fuq ta’ garanzija tal-effettività tad-dritt għal smigħ fil-proċedura dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja jistax jiġi ssodisfatt esklużivament permezz ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata, jew jekk minflok, kif isostni l-Gvern Irlandiż, f’sistema doppja għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, jistax jitqies biżżejjed għal dan il-għan il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub, meta dan is-smigħ ikun seħħ diġà fil-proċedura preċedenti dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

52.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok nirrileva li, kuntrarjament għal dak li jidher li jqis M., mis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li fil-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, huwa dejjem meħtieġ smigħ tal-persuna kkonċernata.

53.

B’mod partikolari, interpretazzjoni bħal din ma tirriżultax mill-affermazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni inċiż tal-aħħar sentenza tal-punt 95 ta’ dik is-sentenza, imtennija kelma b’kelma fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din l-affermazzjoni għandha titpoġġa fil-kuntest tas-sentenza. B’mod partikolari hija tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi risposta għall-argument imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u deskritta minnha fil-punt 90 tal-istess sentenza fejn ingħad li f’sistema doppja, fil-każ fejn is-smigħ tal-persuna kkonċernata jkun diġà sar fil-kuntest tal-istruttorja tal-applikazzjoni għall-ażil “ma huwiex neċessarju li jsir smigħ ġdid ta’ din tal-aħħar għall-ħtiġijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, peress li din il-formalità b’ċertu mod tapplika flimkien ma’ dik li minnha l-barrani diġà bbenefika f’kuntest paragunabbli ħafna”.

54.

Fid-dawl ta’ dan, kif ukoll tal-punt 91 tal-istess sentenza, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet issostni li, f’sistema doppja, il-fatt li smigħ tal-persuna kkonċernata jkun seħħ diġà fil-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-ażil ma jimplikax, jew ma għandux bħala konsegwenza (inżid ngħid meħtieġa), li s-smigħ tal-persuna ma għandux isir fil-proċedura dwar il-protezzjoni sussidjarja, billi d-dritt għal smigħ għandu fi kwalunkwe każ jiġi ggarantit għalkollox anki f’din l-aħħar proċedura.

55.

Għalhekk, is-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) għandha fil-fehma tiegħi tinqara mhux tant fis-sens ta’ ħtieġa assoluta ta’ smigħ fil-proċedura dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, iżda pjuttost bħala sejħa qawwija għar-rekwiżit li d-dritt għal smigħ jiġi rrispettat għalkollox f’dik il-proċedura anki f’sistema doppja. Interpretazzjoni bħal din hija fuq kollox konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil, fejn huma possibbli eċċezzjonijiet għall-fakultà li jkun hemm smigħ personali ( 44 ).

56.

Jekk kunsiderazzjonijiet bħal dawn ma jiffavorixxux ir-rikonoxximent ta’ dritt assolut għal smigħ personali fil-każijiet kollha fil-proċedura dwar il-protezzjoni sussidjarja, ir-rekwiżit partikolari ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ f’din it-tip ta’ proċedura, fid-dawl tan-natura partikolari tagħha u tal-għanijiet tagħha, iwassalni sabiex inqis, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, li s-smigħ personali tal-applikant għandu madankollu jikkostitwixxi r-regola u mhux l-eċċezzjoni u li għalhekk dan jista’ ma jsirx biss f’każijiet eċċezzjonali, u dan anki f’sistema doppja.

57.

F’dan ir-rigward, skont kif għedt fil-punt 30 preċedenti, il-funzjoni tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja hija dik li tippermetti lill-amministrazzjoni kompetenti sabiex il-persuna kkonċernata tieħu pożizzjoni fuq il-fatti li huma fil-bażi tal-applikazzjoni tagħha, b’mod li jiġi żgurat, minn naħa, il-protezzjoni effettiva tagħha u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tal-amministrazzjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti.

58.

Issa, is-smigħ personali jikkostitwixxi l-ikbar espressjoni tad-dritt għal smigħ. Għall-applikant, hija tikkostitwixxi l-unika okkażjoni sabiex jesponi personalment l-istorja tiegħu u sabiex jitkellem direttament mal-persuni l-iktar ikkwalifikati sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu ( 45 ). F’din l-okkażjoni, huwa jista’ jippreżenta elementi eventwali ġodda sabiex isostni l-applikazzjoni tiegħu li ma jkunx daħħal fl-argumenti tiegħu, kif ukoll u fuq kollox, jipprovdi spjegazzjonijiet fuq dubji eventwali li jkunu nqalgħu jew fuq elementi eventwali mifhuma bħala kontradittorji.

59.

Għall-awtorità nazzjonali kompetenti, dan is-smigħ huwa l-okkażjoni sabiex jiġu eżaminati b’mod konkret elementi, anki ta’ tip soġġettiv, u għaldaqstant diffiċli li setgħu jiġu rrilevati bil-miktub, li setgħu ma kinux rilevanti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li jistgħu jkunu rilevanti għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja.

60.

Fi proċedura bħal dik dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, fejn il-persuna kkonċernata għandha rwol ċentrali u fejn ta’ spiss ikun impossibbli li jiġu prodotti provi dokumentali, is-smigħ personali jikkostitwixxi mument li għandu importanza fundamentali fir-rigward, anki għall-evalwazzjoni tal-personalità tal-individwu u l-affidabbiltà tal-elementi invokati fl-applikazzjoni tiegħu.

61.

Inqis li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti jgħoddu anki f’sitwazzjoni fejn f’sistema doppja, bħal dik fis-seħħ fl-Irlanda fil-mument tal-fatti tal-kawża, l-applikazzjoni ta’ għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja hija bbażata fuq qafas fattwali analogu għal dak li fuqu tistrieħ l-applikazzjoni għall-ażil li ġiet miċħuda.

62.

Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.. meta Stat Membru għażel li jistitwixxi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil u għall-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ għandha tiġi ggarantita bis-sħiħ fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri ( 46 ).

63.

Minn dan jirriżulta li l-fatt li d-dritt għal smigħ ġie rrispettat bis-sħiħ fil-kuntest tal-proċedura anteċedenti dwar l-applikazzjoni għall-ażil ma jfissirx li r-rekwiżit partikolari ta’ garanzija tal-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt, imsemmi fil-punt 48 preċedenti, jitnaqqas fil-proċedura distinta suċċessiva, dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 50 preċedenti, id-dritt għal smigħ fiż-żewġ proċeduri huwa relatat ma’ diversi kriterji u jikkostitwixxi għalhekk garanzija proċedurali li tkopri kuntesti differenti ( 47 ).

64.

Minn dan isegwi li, f’sistema doppja bħal din ‐ li l-adozzjoni tagħha hija r-riżultat ta’ għażla libera tal-Istat Membru inkwistjoni ‐ il-konstatazzjonijiet li waslet għalihom l-amministrazzjoni fl-ewwel proċedura ma jistgħux jiġu trasposti awtomatikament għat-tieni proċedura. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li “jiġi ttrasferit” ir-rispett tad-dritt ta’ smigħ minn proċedura għal oħra. F’kuntest bħal dak tal-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tan-natura fundamentali li għandu d-dritt għal smigħ, dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu dejjem iktar għall-konstatazzjonijiet negattivi fuq il-kredibbiltà li jista’ jkollhom impatt deċiżiv fuq id-deċiżjoni finali.

65.

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod li hija s-sistema ġuridika interna ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet proċedurali għall-evalwazzjoni ta’ dik il-kredibbiltà ( 48 ), l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri hija suġġetta għal-limitu tal-prinċipju ta’ effettività, li jikkonsisti kif rajna fin-neċessità li jiġi ggarantit l-aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja, li min-naħa tagħha, tippresupponi eżerċizzju partikolarment effettiv tad-dritt għal smigħ ( 49 ).

66.

Interpretazzjoni tad-dritt għal smigħ intiża għall-għarfien tar-rwol fundamentali tas-smigħ fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali hija, wara kollox, skont l-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-kwistjoni, li, minn naħa, fid-Direttiva 2013/32, naqqas drastikament l-ipoteżijiet fejn huwa possibbli li ma ssirx intervista personali fil-kuntest tal-proċedura, issa waħdanija, dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ( 50 ) u, min-naħa l-oħra, fir-Regolament Nru 604/2013 (Dublin III) ( 51 ), li introduċa l-obbligu għall-Istati Membri li jagħmlu intervista individwali fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

67.

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar dritt eventwali li jissejħu xhieda u li jiġu kkontroeżaminati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, nosserva li ma jirriżultax mill-konfigurazzjoni tad-dritt għal smigħ li jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 29 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet li dan neċessarjament jinkludi tali dritt. Madankollu, dan ma jeskludix li Stat Membru, fil-kuntest tal-fakultà tiegħu li jintroduċi jew iżomm fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli inkwistjoni ( 52 ), jista’ jipprevedi d-dritt li jsejjaħ xhieda u jikkontroeżaminahom fil-kuntest tal-proċedura.

V – Konklużjonijiet

68.

B’hekk, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Supreme Court:

Meta applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni bla ċittadinanza bħala refuġjati, jew bħala persuni li b’mod ieħor jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, tiġi ppreżentata fi Stat Membru li jistabbilixxi żewġ proċeduri distinti, waħda ssegwi l-oħra, rispettivament għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja, id-dritt għal smigħ, fi kwalunkwe proċedura li teżisti fid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li dak id-dritt jirrekjedi, bħala prinċipju, smigħ personali tal-applikant, li jista’ ma jsirx biss f’każijiet eċċezzjonali. F’dak il-kuntest, id-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura ma jinkludix, min-naħa l-oħra, dritt li jissejħu u li jiġu kontroeżaminati xhieda.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement kellha diversi okkażjonijiet sabiex tittratta kwistjonijiet dwar id-dritt ta’ smigħ fil-proċedura amministrattiva. Minbarra s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari qiegħed fid-dawl tagħha, ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533), tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041), tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336) u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431). Fl-aħħar lok, fir-rigward tad-dritt għal smigħ, ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175).

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni bla ċittadinanza bħala refuġjati jew bħala persuni li b’mod ieħor jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). Id-Direttiva 2004/83 ġiet abrogata mid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9).

( 4 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tittratta din il-proċedura fi tliet kawżi, b’mod speċifiku fis-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45) u tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302). Dik il-proċedura qiegħda wkoll suġġetta għall-kawża pendenti, C‑429/15, Danqua.

( 5 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 6 ) Ma jidhirx li hemm univoċità fit-traduzzjoni Taljana tal-kunċett Franċiż ta’ “droit d’être entendu” (“right to be heard”, bl-Ingliż, “Recht auf Anhörung”, bil-Ġermaniż, “Derecho a ser oído”, bl-Ispanjol). Fil-verżjoni Taljana tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kultant jiġi użat il-kliem “diritto al contraddittorio” [“dritt għall-kontradittorju”] [ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 82, 85 jew 87)], drabi oħra jintuża l-kliem “diritto di essere sentiti” [“dritt li wieħed jinstema’”] [ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punti 27, 28 jew 32) jew tas-17 ta’ Marzu 2016Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punti 21 jew 35)] u wkoll il-kliem “diritto di essere ascoltato” [ukoll “dritt li wieħed jinstema’”] [ara pereżempju s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 1, 2830); dak il-kliem jikkorrespondi ma’ dak użat fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) u jikkorrispondi litteralment mal-kliem iċċitat iktar ’il fuq fil-verżjonijiet lingwistiċi bil-Franċiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bl-Ispanjol]. Id-dritt inkwistjoni, li jmur lura għall-massimi legali bil-Latin “audi alteram partem” jew “audiatur et altera pars”, huwa dritt proċedurali espressjoni tad-dritt iktar ġenerali tad-difiża li, fid-dritt tal-Unjoni, għandu l-kontenut indikat fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mil-lat lingwistiku, il-kliem “diritto al contraddittorio” [“dritt għall-kontradittorju”] huwa ta’ użu iktar komuni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali Taljan, speċjalment fir-rigward ta’ proċeduri li għandhom natura ġudizzjarja. Dan jenfasizza litteralment l-element tal-kontradittorjetà, fis-sens tan-neċessità, sabiex dan id-dritt jiġi rrispettat, li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tirrispondi argumenti eventwali kuntrarji jew sfavorevoli mressqin matul il-proċedura. Il-kliem “diritto di essere sentito” u “diritto di essere ascoltato” [“dritt għal smigħ”] min-naħa l-oħra jpoġġu aċċent ikbar fuq in-neċessità li dak li jkun jesprimi l-perspettiva tiegħu stess matul il-proċedura. Ir-riferiment għal li jkunu “sentiti” jew “ascoltati” [“mismugħa”] jidher ukoll li jindika ċertu element ta’ espressjoni bil-fomm. Issa, fid-dawl tal-konstatazzjoni li dak huwa l-kliem użat fid-dritt primarju u li huwa jikkorrespondi l-iktar, mil-lat litterali, mal-verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, f’dawn il-konkużjonijiet ser nuża sabiex nindika d-dritt inkwistjoni l-espressjoni “diritto di essere ascoltato” [dritt għal smigħ].

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU 2005 L 326, p. 13). Dik id-direttiva tħassret mid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 60). Din l-aħħar direttiva stabbiliet proċeduri komuni għall-għoti u r-revoka tal-protezzjoni internazzjonali (l-istatus ta’ refuġjat u l-protezzjoni mogħtija lill-persuni mhux refuġjati, iżda li qegħdin f’periklu serju jekk jerġgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom). Kif tindika l-premessa 58 tagħha, l-Irlanda ma hijiex marbuta biha skont l-Artikoli 1, 2 u 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Ttrattat fuq l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

( 8 ) B’mod iktar speċifiku, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-intervista personali tista’ ma ssirx jekk l-awtorità determinanti tista’ tieħu deċiżjoni pożittiva skont il-provi disponibbli (subparagrafu (ċ)); jew jekk l-awtorità kompetenti tkun diġà ltaqgħet mal-applikant, sabiex tgħinu fit-tlestija tal-applikazzjoni u fit-trażmissjoni tal-informazzjoni essenzjali rilevanti għaliha (subparagrafu)(b)); jew jekk l-awtorità determinanti, skont eżami komplet tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, tqis li d-domanda hija bla bażi fil-każijiet fejn japplikaw iċ-ċirkustanzi skont l-Artikolu 23(4)(a), (c), (g), (h), u (j) (subparagrafu (ċ)). Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-intervista personali tista’ ma ssirx ukoll meta ma tkunx raġonevolment prattika, b’mod partikolari meta l-awtorità kompetenti tqis li l-applikant għall-ażil minħabba ċirkustanzi fit-tul li fuqhom ma jkollux kontroll.

( 9 ) L-ewwel riforma, adottata fl-2013, żammet is-sistema doppja, imma stabbiliet il-ħtieġa li jkun hemm intervista personali tal-applikant anki fil-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni ta’ protezzjoni sussidjarja [ara l-European Union (Subsidiary Protection) Regulations 2013, S.I.426 2013 (Regolament tal-2013 dwar l-Unjoni Ewropea (protezzjoni sussidjarja)]. Mill-affermazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż waqt is-seduta jirriżulta li t-tieni riforma, adottata fl-2015, abbolixxiet is-sistema doppja u introduċiet sistema waħda għall-ipproċessar taż-żewġ applikazzjonijiet.

( 10 ) B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, f’sistema doppja bħal dik Irlandiża, dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, tinforma lill-applikant bl-eżitu negattiv li se jkun hemm għall-applikazzjoni tiegħu u li tikkomunikalu l-argumenti li fuqhom fiħsiebha tibbaża ċ-ċaħda tagħha b’mod li tippermettilu li jsostni l-perspettiva tiegħu f’dan ir-rigward. Ara s-sentenz tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 74 u l-ewwel inċiż tal-punt 95).

( 11 ) Sentenza tal-High Court tat-23 ta’ Jannar, M.M v Minister for Justice & Anor, kawża 2011 8 JR, [2013] IEHC 9.

( 12 ) Ibid. il-punt 46. B’mod partikolari, fil-punt 47 ta’ dik is-sentenza, il-High Court ikkunsidrat li, sabiex id-dritt għal smigħ jista’ jitqies bħala effettiv fis-sens intiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), huwa neċessarju li fil-proċedura inkwistjoni: (i) l-applikant jiġi mistieden jesponi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar kwalunkwe konstatazzjoni sfavorevoli dwar il-kredibbiltà tiegħu waqt il-każ li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil; (ii) l-applikant jingħata possibbiltà għalkollox ġdida li jirrivedi l-kwistjonijiet kollha dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja; u (iii) issir evalwazzjoni totalment ġdida tal-kredibbiltà tal-applikant, fejn is-sempliċi fatt li r-Refugee Appeals Tribunal kien iddeċieda negattivament fuq din il-kwistjoni fih innifsu ma huwiex biżżejjed u lanqas direttament rilevanti għall-finijiet tat-tali evalwazzjoni ġdida tal-kredibbiltà.

( 13 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 73).

( 14 ) Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 36), tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 8182 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha) u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha).

( 15 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 31 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara l-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:3).

( 17 ) Jiġifieri meta l-miżuri nazzjonali li huma jadottaw jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 18 sa 21).

( 18 ) Ara l-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:3).

( 19 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 84). Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 4950). Ara wkoll, implicitament, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 29), li kienet limitata sabiex teskludi biss l-applikabbiltà rationae temporis tal-Artikolu 41(2) tal-Karta għaċ-ċirkustanzi partikolari li oriġinaw il-proċedura fil-kawża prinċipali. Din il-pożizzjoni ġiet sostnuta diversi drabi mill-Avukati Ġenerali. Minbarra l-konklużjonijiet iċċitati iktar 'il fuq fil-kawża Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:3) u dawk li tajt fil-kawża CO Sociedad de Gestion y Participación et (C‑18/14, EU:C:2015:95, nota ta’ qiegħi il-paġna 48), jeħtieġ li tiġi indikata l-fehma tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:553, punti 49 sa 53), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2031, punt 56) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2032, punti 46 sa 48).

( 20 ) Din il-linja ġurisprudenzjali tirriżulta minn diversi sentenzi reċenti. Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28), tas-17 ta’ Lulju 2014, Y S et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67), tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 44), u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 3233).

( 21 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 36).

( 22 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 88) u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 48).

( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punti 3536), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2032, punt 58). F’dan ir-rigward ara wkoll il-punt 59 tas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431).

( 24 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 49), tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 38) u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 37).

( 25 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punti 4950 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha) u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 3940).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha) u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 41) kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha) u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 42).

( 28 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 53) u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

( 29 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha), tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533 punt 34) u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 54).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 45).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 37) u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 55).

( 32 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 7273) u tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 47).

( 33 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 79) u tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 38 sa 40).

( 34 ) F’dak ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont id-Direttiva 2013/32 l-ġdida, li ma hijiex applikabbli għal dan il-każ (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), it-twaqqif ta’ proċedura unika ma hijiex biss fakultà, kif kienet meta kienet fis-seħħ id-Direttiva 2005/85, iżda llum tikkostitwixxi obbligu. Ara f’dan ir-rigward il-premessa 11 u l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32/UE u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża N. (C‑604/12, EU:C:2013:714, punti 5556).

( 35 ) F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41). Għal dak li jirrigwarda l-limitu tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ekwivalenza, M sostna li dan il-prinċipju jirrikjedi sistema proċedurali nazzjonali analoga għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet kemm għall-ażil kif ukoll għall-protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan ir-rigward il-kawża C‑429/15, Danqua, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja). Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ eventwalment jiġi invokat sabiex jiġi sostnut li dan jipprojbixxi li Stat Membru jistabbilixxi modalitajiet proċedurali inqas favorevoli għall-applikazzjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni mqabbla ma’ dawk bbażati fuq id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata u s-sentenza Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 41). Iżda, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-protezzjoni ġejja mill-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dik ġejja mill-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83 [li, min-naħa tagħha, għall-ewwel status, hija bbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati u, it-tieni wieħed minn dawk l-istatus, huwa ispirat minn strumenti internazzjonali oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem; ara fir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Diakite (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 63). Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex rilevanti f’sitwazzjonijiet li jirrigwardaw applikazzjonijiet fondati it-tnejn fuq id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 34 u tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 74). Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għalhekk jirrigwarda, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni mhux tant tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza imma pjuttost tal-prinċipju ta’ effettività.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 42).

( 37 ) Ara l-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999, kif ukoll il-premessa 5 tad-Direttiva 2004/83. F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 58 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Diakite (C‑285/12, EU:C:2013:500).

( 38 ) Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2004/83 kif ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti minn 30 sa 32). Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2011/95, ara l-premessi 6 u 33 ta’ din id-direttiva, kif ukoll is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 31).

( 39 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 92). F’dan l-aħħar rigward hemm bżonn ukoll li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi tagħha 8, 9 u 39 fid-Direttiva 2011/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, billi emenda l-approċċ inizjalment adottat fid-Direttiva 2004/83, b’risposta għall-istedina tal-programm ta’ Stokkolma, jistitwixxi status uniformi favur il-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali, u għaldaqstant huwa għażel li jagħti lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja l-istess drittijiet u l-istess benefiċċji bħal dawk li jgawdu minnhom ir-refuġjati, ħlief għad-derogi meħtieġa u ġġustifikati oġġettivament (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 32).

( 40 ) Ara l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 kif ukoll is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 31), tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 18) u tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 30).

( 41 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 32, 3339). Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 31).

( 42 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża M (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 43) u fil-kawża N. (C‑604/12, EU:C:2013:714, punt 49).

( 43 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 9192).

( 44 ) F’dan ir-rigward, għalkemm, kif irrilevajt fil-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlazzjoni proċedurali tal-Unjoni fis-seħħ fil-mument tal-fatti inkwistjoni dwar l-ażil (jiġifieri d-Direttiva 2005/85) ma tapplikax, lanqas b’analoġija, għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ġie madankollu rrilevat fil-punt 48 li s-sistema dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil jaqsam, ma’ dak tal-protezzjoni sussidjarja, ir-rekwiżit ta’ garanzija partikolari ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ matul il-proċedura.

( 45 ) Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 83). Fuq il-funzjoni tal-intervista personali, ara wkoll il-punt 68 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2111).

( 46 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 91). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 47 ) Dan huwa l-element fundamentali li jiddistingwi din il-kawża minn dik deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet li d-dritt għal smigħ kien jeħtieġ in-neċessità ta’ smigħ għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni fil-qafas tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008 L 348, p. 98). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qiesetli d-deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni hija t-tkomplija loġika u neċessarja tad-deċiżjoni ta’ konstatazzjoni tal-irregolarità tar-residenza, li qabel l-adozzjoni tagħha l-persuna kkonċernata kienet instemgħet, u li, fi kliem ieħor, din id-deċiżjoni kellha ssegwi awtomatikament għar-rifjut ta’ permess ta’ residenza, mingħajr il-bżonn li jingħataw motivazzjonijiet distinti (ara l-punt 72 tas-sentenza).

( 48 ) Fuq l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà fil-kuntest tal-protezzjoni internazzjonali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2111, punti 50 et seq).

( 49 ) Ara l-punti preċedenti minn 40 sa 48.

( 50 ) Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/32, l-intervista personali dwar il-mertu tal-applikazzjoni tista’ issa ma ssirx f’żewġ każijiet biss: jekk l-awtorità determinanti tista’ tieħu deċiżjoni pożittiva dwar l-istatus ta’ refuġjat billi tibbaża ruħha fuq provi miksuba; jew jekk l-awtorità determinanti tqis li l-applikant għall-ażil ma huwiex kapaċi jew ma huwiex f’pożizzjoni li jagħmel intervista personali minħabba ċirkustanzi persistenti li ma humiex fil-kontroll tiegħu.

( 51 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 L 180 p. 31).

( 52 ) Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 ‐ li fir-rigward tagħha hemm is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 114) u tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 42) – kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/85. Dwar l-assenza tal-possibbiltà ta’ kontroeżami ta’ xhieda fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, għalkemm f’settur tad-dritt tal-Unjoni kompletament differenti, ara l-punt 200 tas-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6).