KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-23 ta’ Diċembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑558/14
Mimoun Khachab
vs
Subelegación del Gobierno en Álava
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-komunità awtonoma tal-País Vasco, Spanja)]
“Rinviju preliminari — Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Ċittadin ta’ pajjiż terz — Direttiva 2003/86/KE — Kundizzjonijiet — Artikolu 7(1)(ċ) — Riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti — Evalwazzjoni prospettiva — Metodu ta’ evalwazzjoni — Probabbiltà li l-isponsor iżomm dawn ir-riżorsi wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja — Żmien li matulu l-isponsor għandu jkollu dawn ir-riżorsi”
1. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw id‑dħul u r-residenza tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tagħhom. Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat‑22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal‑familja ( 2 ), li tirregola d-dħul u r-residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-isponsor ikollu akkomodazzjoni, assigurazzjoni kontra l-mard u riżorsi stabbli, regolari u li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-membri tal‑familja tiegħu, u li huwa jikkonforma ruħu mal-miżuri ta’ integrazzjoni. |
2. |
Huwa dwar ir-rekwiżit ta’ riżorsi li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar preċiż dwar jekk l-isponsor jissodisfax din il-kundizzjoni meta huwa jkollu riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu fid-data li fiha jissottometti l‑applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jew jekk dan l-Istat Membru jistax jirrikjedi li jkollu tali riżorsi wara din id-data, b’mod li jiżgura li, anki wara d-dħul tal-familja tiegħu fit-territorju, huwa jkompli jsostni l-bżonnijiet tagħha. |
3. |
Issa, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il‑miżuri ta’ integrazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi li l‑isponsor jikkonforma ruħu magħhom ( 3 ), jew dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi, li biha l-isponsor ma jkollux għalfejn jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru ( 4 ), mill-banda l-oħra, hija qatt ma kienet mistoqsija dwar jekk l-isponsor jistax jiġi rikjest li jistabbilixxi li, probabbilment, huwa ser iżomm ir-riżorsi li huwa għandu wara l‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, u jekk ikun il-każ, sa meta. Din il-kawża tipprovdi għalhekk l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina dan il-punt. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2003/86 huwa li “jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar‑riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. |
5. |
Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, din id-direttiva tapplika, “fejn l‑isponsor għandu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru għal perjodu ta’ validita ta’ sena jew iktar li għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, jekk il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ status ikun xi jkun”. |
6. |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skont din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:
|
7. |
Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/86 jinkludi l-Artikolu 7(1) tagħha, li jipprevedi: “Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:
|
8. |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li: “L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
[…]”. |
9. |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li “l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l‑eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu”. |
B – Id-dritt Spanjol
10. |
L-Artikolu 16(2) tal-Liġi organika 4/2000 dwar id-drittijiet u libertajiet tal-barranin fi Spanja u l-integrazzjoni soċjali tagħhom (Ley Orgánica 4/2000, de 11 de enero, sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social), tal-11 ta’ Jannar 2000 ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi organika 4/2000”) jipprevedi li “il-barranin li jirresjedu fi Spanja għandhom id-dritt għar‑riunifikazzjoni tal-membri tal-familja tagħhom imsemmija fl-Artikolu 17”. L-Artikolu 17(1)(a) tal-istess test jipprovdi li dawn għandhom dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, b’mod partikolari, fir‑rigward tal-“konjuġi tar-resident, bil-kundizzjoni li ma jkunx isseparat la de facto u lanqas legalment u li ż-żwieġ ma jkunx ġie ċċelebrat bi frodi tal-liġi”. |
11. |
L-Artikolu 18(2) tal-Liġi organika 4/2000, dwar il-“kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja”, jipprevedi li “l-applikant għandu juri, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, li huwa għandu akkomodazzjoni adegwata u riżorsi suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u lill-familja tiegħu wara r-riunifikazzjoni. Ir-riżorsi provenjenti mis-sistema ta’ għajnuna soċjali ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-dħul għall-finijiet tar-riunifikazzjoni, iżda d-dħul l-ieħor ipprovdut mill-konjuġi li jirrisjedi fi Spanja u li jgħix mal-applikant jittieħdu inkunsiderazzjoni […]”. |
12. |
L-Artikolu 54(1) tad-Digriet Irjali 557/2011 li japprova r-regolament tal-Liġi organika 4/2000 dwar id-drittijiet u libertajiet tal-barranin fi Spanja u l-integrazzjoni soċjali tagħhom, kif emendat mil-Liġi organika 2/2009 (El Real Decreto 557/2011, de 20 de abril, por el que se aprueba el Reglamento de la Ley Orgánica 4/2000, sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social, tras su reforma por Ley Orgánica 2/2009), tal-20 ta’ April 2011 ( 6 ) (iktar ’il quddiem id‑“Digriet Irjali 557/2011”) jipprevedi: “Il-barrani li japplika għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja tiegħu għandu jippreżenta, fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tiegħu, id‑dokumenti li juru li huwa għandu riżorsi suffiċjenti sabiex iżomm lill-familja tiegħu, inkluż fil-qasam tal-kura medika fil-każ li ma jkunx kopert mis-sigurtà soċjali, riżorsi li l-ammont minimu tagħhom fil‑mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jkun miktub bl-EUR jew bl-ekwivalenti legali tiegħu f’munita barranija, skont in-numru ta’ persuni li huwa jixtieq jirriunifika filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-membri tal-familja tiegħu li diġà jgħixu miegħu fi Spanja u li għalihom huwa responsabbli:
|
13. |
L-IPREM huwa indizju użat fi Spanja bħala referenza għall-għoti, b’mod partikolari ta’ għajnuna, ta’ boroż, ta’ sussidji jew ta’ allowances tal-qgħad. Maħluq fl-2004, huwa ssostitwixxa l-paga minima interprofessjonali bħala referenza għall-għoti ta’ din l-għajnuna. |
14. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tad-Digriet Irjali 557/2011 jipprevedi li “il-permess ta’ residenza għandu jkun rrifjutat jekk jiġi stabbilit b’ċertezza li l-applikant ma jistax iżomm dawn ir-riżorsi matul is-sena sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Sabiex dan jiġi ddeterminat, il-previżjoni taż-żamma ta’ sors ta’ dħul matul is-sena inkwistjoni għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l‑iżvilupp tar-riżorsi li l-applikant irċieva matul is-sitt xhur preċedenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni”. |
II – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15. |
M. Khachab għandu permess ta’ residenza fit-tul fi Spanja. Ilu miżżewweġ lil Ilham Aghdar sa mill-2009. |
16. |
Fl-20 ta’ Frar 2012, M. Khachab ippreżenta quddiem is‑Subdelegación del Gobierno en Álava (subdelegazzjoni tal-gvern ta’ Álava) talba għal permess ta’ residenza temporanja għar-riunifikazzjoni tal-familja għall-konjuġi tiegħu. |
17. |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2012, is-subdelegazzjoni tal-gvern ta’ Álava ċaħdet din l-applikazzjoni, għar-raġuni li M. Khachab ma “weriex li huwa għandu [kellu] riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu wara r-riunifikazzjoni”. |
18. |
M. Khachab ippreżenta rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2012, is-subdelegazzjoni tal-gvern ta’ Álava ċaħdet dan ir-rikors. Hija rrilevat li l‑kuntratt tax-xogħol prodott minn M. Khachad, li huwa ffirma fis-16 ta’ Frar 2012 mal-impriża Construcciones y distribuciones constru‑label SL, kien spiċċa fl-1 ta’ Marzu 2012, li M. Khachab kien ħadem biss ma’ din l-impriża għal 15-il jum fl-2012 u 48 jum fl-2011, u li fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni li hija suġġett tar-rikors, huwa ma kellu ebda attività professjonali. Minn dan hija ddeduċiet li ma kellux riżorsi suffiċjenti sabiex iżomm lill-familja tiegħu wara r‑riunifikazzjoni. Hija enfasizzat ukoll li xejn ma jindika li huwa kien ser jibqagħlu dawn ir-riżorsi fis-sena ta’ wara l-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni tiegħu. |
19. |
Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Vitoria-Gasteiz (qorti kontenzjuża amministrattiva Nru 1 ta’ Vitoria-Gasteiz) ikkonfermat id‑deċiżjoni tas-subdelegazzjoni tal-gvern ta’ Álava tal-25 ta’ Mejju 2012. Hija rrilevat li M. Khachab ħadem biss 63 jum matul is-sitt snin ta’ qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, mal-impriża Construcciones y distribuciones constru-label SL, u dan għal paga ta’ EUR 929. Hija enfasizzat ukoll li l-kuntratti tax-xogħol ippreżentati minn M. Khachab, konklużi qabel dak iffirmat ma’ din l-impriża, kienu għal żmien limitat. Minn dan hija ddeduċiet li ma kien hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li M. Khachab kien ser jibqagħlu, fis-sena ta’ wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, riżorsi li huma suffiċjenti sabiex iżomm lill-familja tiegħu. |
20. |
M. Khachad appella mis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013 quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jikkritika b’mod partikolari li l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Vitoria-Gasteiz ma ħaditx inkunsiderazzjoni fatt ġdid, li wara s-26 ta’ Novembru 2012, huwa ħadem fil-ġbir tal-frott taċ-ċitru għalhekk huwa għandu riżorsi li huma suffiċjenti sabiex isostni l-bżonnijiet tal-familja tiegħu. L-Abogado del Estado talab li dan l-appell jiġi miċħud, billi sostna li l-fatti ġodda ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u li mill-fajl amministrattiv jirriżulta li l-appellant ma kellu ebda prospett li jżomm, matul is-sena ta’ wara l‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, riżorsi suffiċjenti. |
21. |
It-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti suprema tal-País Vasco) iddeċieda għalhekk li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id‑domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE[...] għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti ċ-ċaħda tar‑riunifikazzjoni tal-familja minħabba li l-isponsor ma għandux riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni prospettiva, li titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali, dwar il-probabbiltà li l-isponsor iżomm il‑mezzi finanzjarji tiegħu matul is-sena ta’ wara d-data tal‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni u fuq il-bażi tal-iżvilupp tad-dħul tiegħu matul is-sitt xhur ta’ qabel l-imsemmija preżentazzjoni?” |
22. |
Din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal‑Ungerija u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
III – Evalwazzjoni
23. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, li jipprovdi li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi li l-isponsor ikollu “riżorsi stabbli, regolari u li huma suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha”, jawtorizzax lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat iwettqu evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi tal-isponsor, jiġifieri jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss ir-riżorsi li huwa jkollu fid-data tal-preżentazzjoni u/jew tal‑eżami tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, iżda wkoll ir-riżorsi li huwa ser ikollu fis-sena ta’ wara l-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni tiegħu, u dan bil-ħsieb li l-probabbiltà li l-isponsor iżomm għal sena r-riżorsi li huwa għandu tiġi evalwata abbażi tar‑riżorsi li huwa kellu matul is-sitt xhur ta’ qabel il-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni. |
24. |
Ninnota li d-domanda preliminari tirrigwarda, mhux in-natura “suffiċjenti” tar-riżorsi, jiġifieri dwar l-ammont tagħhom fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ dawk tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet minimi nazzjonali, iżda dwar in-natura “regolari” u “stabbli” ta’ dawn ir-riżorsi, peress li tirrigwarda d-determinazzjoni ta’ jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħux jirrikjedu wkoll li l‑isponsor, mhux biss kellu riżorsi suffiċjenti fil-passat, iżda ser ikollu wkoll fil-futur, għal tul u skont frekwenza li għandha tiġi stabbilita. |
25. |
Konsegwentement, f’dawn il-konklużjonijiet, ma jienx ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Spanjoli jistgħux, mingħajr ma jiksru l-Artikolu 7(1) bidu u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad‑Direttiva 2003/86, jirrikjedu mill-isponsor dħul minimu ta’ 150 % tal‑IPREM ( 7 ). Madankollu nippreċiża li, fis-sentenza Chakroun, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Istati Membri jistgħu jindikaw ċerta somma bħala l-ammont ta’ riferiment, iżda mhux fis-sens li huma jistgħu jimponu ammont ta’ dħul minimu, fejn ammont li jkun inqas minnu jwassal sabiex kull riunifikazzjoni tal-familja tiġi rrifjutata, u dan indipendentement minn eżami konkret tas-sitwazzjoni ta’ kull applikant” ( 8 ), u li tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 ( 9 ), li jimponi eżami individwali tat-talbiet għal riunifikazzjoni. |
26. |
B’mod iktar preċiż, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li tinkludi żewġ partijiet. Minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fakultà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li jieħdu inkunsiderazzjoni riżorsi futuri tal-isponsor, jiġifieri dwar il-prinċipju nnifsu ta’ evalwazzjoni prospettiva tal-kundizzjoni ta’ riżorsi prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad‑Direttiva 2003/86. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, jiġifieri fuq it-tul tal-perijodu li matulu l-isponsor għandu jkollu riżorsi li huma suffiċjenti (skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, sena wara d-data tal-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja) u dwar il-probabbiltà li dawn ir-riżorsi jibqgħu disponibbli matul dan il-perijodu (skont il‑leġiżlazzjoni Spanjola, il-probabbiltà li l-isponsor iżomm ir-riżorsi tiegħu wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni hija evalwata abbażi tal‑iżvilupp tar-riżorsi tiegħu matul is-sitt xhur ta’ qabel din l-applikazzjoni). |
27. |
Għalhekk hawn isfel ser neżamina, l-ewwel, jekk l‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 jawtorizzax l-evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi tar-rikorrent. Diġà indikajt li fl-opinjoni tiegħi ma hemm l-ebda dubju li din id-direttiva tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu tali evalwazzjoni. Fit-tieni lok, ser neżamina l-metodu segwit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jevalwaw jekk huwiex probabbli li l-isponsor iżomm ir-riżorsi li huwa għandu, u għal kemm. F’dan ir-rigward, nirrileva li, jekk, peress li d‑Direttiva 2003/86 ma tipprevedi xejn, l-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-metodu ta’ evalwazzjoni tar-riżorsi tal-isponsor, madankollu ma jistgħux jeżerċitaw tali fakultà ħlief b’osservanza tal‑għan ta’ din id-direttiva, li huwa li jiffavorixxu r-riunifikazzjoni tal‑familja. Huwa fir-rigward ta’ dan l-għan li ser neżamina l-metodu ta’ evalwazzjoni ddefinit mil-leġiżlazzjoni Spanjola, kif dan tfakkar fil-punt preċedenti. |
A – Fuq il-fakultà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li jagħmlu evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86
28. |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi li l-Istat Membru kkonċernat “jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l‑applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu”, b’mod partikolari, “riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat”. Madankollu, dan l-artikolu ma jiddefinixxix ir-riżorsi “stabbli” u “regolari”. Huwa minnu li jippreċiża li l-Istati Membri “għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r‑regolarita tagħhom” ( 10 ), iżda dawn l-indikazzjonijiet, tant huma vagi, li ma humiex ta’ għajnuna kbira sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-riżorsi inkwistjoni humiex “stabbli” u “regolari”. Għall-kuntrarju, dan l‑artikolu mhux biss jiddefinixxi, tal-inqas b’mod negattiv, ir-riżorsi “suffiċjenti” (riżorsi li l-livell tagħhom jippermetti lill-isponsor u lill‑familja tiegħu jgħixu mingħajr ma jirrikorru għall-għajnuna soċjali), iżda jipprovdi wkoll indikazzjonijiet dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni tagħhom. Fil-fatt, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 7(1)(ċ) tippreċiża li l‑Istati Membri jistgħu, sabiex jevalwaw dawn ir-riżorsi, “jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u pensjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja”. |
29. |
Fi kliem ieħor, il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu ma jispeċifikax jekk l‑istabbiltà u r-regolarità tar-riżorsi jistgħux ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni prospettiva. Fil-fatt, jidhirli li ma għandu jingħata l-ebda sinjifikattiv partikolari għall-użu, minn dan l-istess artikolu tal-preżent indikattiv (“l-Istat Membru jista’ jirrikjedi […] li l-isponsor għandu”) ( 11 ): ma jistax jiġi dedott mill-użu tal-preżent u mhux tal-futur (“l-Istati Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi li l-isponsor […] ser ikollu”) li tali evalwazzjoni prospettiva hija eskluża ( 12 ). Bl-istess mod, dan l-artikolu ma jistax jinqara fis-sens li huwa “meta l-applikazzjoni għar‑riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa” li l-isponsor għandu jkollu riżorsi suffiċjenti. Il-kumplament taż-żmien jirreferi, fl-opinjoni tiegħi, mhux għall-pussess ta’ dawn ir-riżorsi, iżda għall-fakultà tal-Istat Membru kkonċernat li jirrikjedi d-dimostrazzjoni tiegħu: huwa “meta l‑applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa” li “l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi” lill-applikant jistabbilixxi li l‑isponsor għandu riżorsi suffiċjenti ( 13 ). |
30. |
Madankollu, minkejja li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 ma jispeċifikax jekk l-istabbiltà u r-regolarità tar-riżorsi jistgħux ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni prospettiva, l-Artikolu 16 tagħha jidhirli li jipprovdi r-risposta għal din il-kwistjoni. |
31. |
Fil-fatt, l-Artikolu 16(1) bidu u (a) tad‑Direttiva 2003/86 jipprevedi li “l‑Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja”, b’mod partikolari, “fejn il‑kondizzjonijiet preskritti b’din id‑Direttiva mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati” ( 14 ). Fi kliem ieħor jekk wara l-awtorizzazzjoni td-dħul u tar-residenza tal-membri tal-familja, wieħed mir-rekwiżiti tar-riunifikazzjoni tal-familja previsti mid-Direttiva 2003/86 ma “għadux osservat”, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom il-fakultà li jirtiraw il-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja. Il-pussess, mill‑isponsor, ta’ riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat huwa wieħed mir-“rekwiżiti” li d-Direttiva 2003/86 tissuġġetta espressament għalihom l-awtorizzazzjoni tar‑riunifikazzjoni tal-familja. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jinsab fil-fatt fost id‑dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja” ( 15 ). Konsegwentement, mill-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri kkonċernati għandhom il-fakultà li jirrikjedu li l‑isponsor ikollu riżorsi li huma suffiċjenti biex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu matul ir-residenza tagħha kollha fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri sakemm il-membri tal-familja jiksbu permess ta’ residenza indipendenti minn dak tal-isponsor. Fil-fatt, imbagħad huma ma jibqgħux jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/86, dwar id-dritt għar‑riunifikazzjoni tal-familja. |
32. |
L-eżami tax-xogħol preparatorju tal-Artikoli 7 u 16 tad‑Direttiva 2003/86 jikkonferma l-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt preċedenti. Fil-fatt dan juri li dan l-Artikolu 16, kif jidher fl-abbozz inizjali tad-direttiva tal-Kummissjoni, kien jipprovdi bħala raġunijiet għall‑irtirar jew għar-rifjut tat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza tal-familja, minn naħa, il-falsifikazzjoni tad-dokumenti jew il-frodi, u min-naħa l‑oħra, żwieġ jew adozzjoni ta’ konvenjenza ( 16 ). Għalhekk fil-verżjoni inizjali, l-imsemmi Artikolu 16 kien jipprevedi biss li l-permessi ta’ residenza tal‑membri tal-familja jistgħu jiġu rtirati jekk l-isponsor ma jibqagħlux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu. Kien wara l-proposta, imressqa mid‑delegazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri, li jiġi introdott fit-test tal‑Artikolu 7(1), terminu minimu li matulu l-isponsor għandu jissodisfa, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ riżorsi suffiċjenti ( 17 ), u tal‑impossibbiltà li jinstab qbil fejn id-delegazzjonijiet dwar it-tul ta’ tali terminu ( 18 ), li l-istess Artikolu 16 kien emendat b’mod li jipprevedi l-fakultà, għall-Istati Membri, li jirtiraw il-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja jekk l-isponsor ma jibqax jissodisfa r-rekwiżit previst fl‑Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/98. Għalhekk huwa proprju għaliex l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-isponsor ikollu riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu wara d-dħul tagħhom fit-territorju li l‑Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jawtorizzahom jirtiraw il-permess ta’ residenza tal‑membri tal-familja tiegħu jekk, wara l-awtorizzazzjoni tar‑riunifikazzjoni tal-familja, l-isponsor ma jibqax jissodisfa dan ir‑rekwiżit. |
33. |
Dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/86 timmilita favur il‑fakultà tal-Istati Membri li jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jagħmlu evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi tal-isponsor. L‑Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva 2003/86 jipprevedi li din “għandha tapplika meta l-isponsor għandu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru għal perijodu ta’ validita ta’ sena jew iktar u għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, jekk il‑membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, indipendentement mill-istatus legali tagħhom” ( 19 ). Dan l-artikolu ma jippreċiżax f’hiex jikkonsistu “prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti”. Mill-banda l-oħra, il-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rigward il-linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tat-3 ta’ April 2014 ( 20 ) (iktar ’il quddiem, il‑“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”), tindika li l-isponsor li l-permess ta’ residenza tiegħu “nħareġ għal skopijiet partikolari, għal żmien ta’ validità limitat u li [ma] huwiex rinnovabbli” ma għandux tali prospetti ( 21 ). Issa, ladarba l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/86 jirrikonoxxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat il-fakultà li jagħmlu evalwazzjoni prospettiva tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti, ikun inkonsistenti jekk tiġi rrifjutata l-fakultà li jagħmlu tali evalwazzjoni fir-rigward tar-riżorsi li l-isponsor ser ikollu wara l‑awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja. |
34. |
Barra minn hekk, nirrileva li din hija l-interpretazzjoni tal‑Kummissjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, il‑Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tippreċiża li “l-evalwazzjoni tal‑istabbiltà u tar-regolarità tar-riżorsi għandha tkun ibbażata fuq previżjoni li r-riżorsi jistgħu jkunu raġonevolment disponibbli fil-futur previdibbli, b’tali mod li l-applikant ma jkollux bżonn jirrikorri għas‑sistema ta’ għajnuna soċjali” ( 22 ). |
35. |
F’dan il-każ, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tad-Digriet Irjali 557/2011 jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi tal-isponsor, peress li jipprevedi li dawn għandhom jevalwaw “il-previżjoni taż-żamma ta’ sors ta’ dħul matul is‑sena” ta’ wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar‑riunifikazzjoni tal-familja. Issa, kif rajna, id-Direttiva 2003/86 tawtorizza tali evalwazzjoni. |
36. |
Għalhekk, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal‑Artikoli 16(1)(a) u 3(1) ta’ din id-direttiva, ma jipprekludux jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi tal-isponsor, jiġifieri li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss ir-riżorsi li għandu l-isponsor waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, iżda wkoll tar-riżorsi li ser ikollu wara l-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. |
B – Fuq l-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-probabbiltà li l-isponsor iżomm, wara l-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, ir-riżorsi li huwa għandu
37. |
Għalkemm mid-Direttiva 2003/86 jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jawtorizzaw l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħmlu evalwazzjoni prospettiva tar-riżorsi tal-isponsor, mill‑banda l-oħra, din id-direttiva ma tippreċiżax il-metodu li għandu jintuża għall-evalwazzjoni dwar jekk l-isponsor huwiex ser iżomm ir-riżorsi li huwa għandu, u lanqas tindika t-tul li matulu huwa għandu jżommhom sabiex ikunu kkunsidrati “stabbli” u “regolari”, fis-sens tal‑Artikolu 7(1)(ċ) tagħhom ( 23 ). Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu dan il-metodu ta’ evalwazzjoni u jiddeterminaw għal kemm żmien l-isponsor għandu jżomm ir-riżorsi li huwa jkollu waqt l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja ( 24 ). |
38. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett” u li “il-marġni ta’ mmanuvrar mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan tad-Direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja” ( 25 ). F’dan ir-rigward, nirrileva li, jekk l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal‑familja hija “r-regola”, dan għaliex din hija dritt. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, li jipprevedi li l-Istati Membri “jawtorizzaw” id-dħul u r-residenza ta’ ċerti membri tal-familja, “jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi definiti b’mod ċar, għaliex jobbligahom, fil-każijiet stabbiliti mid-Direttiva, li jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom” ( 26 ). |
39. |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fakultà mogħtija lill-Istati Membru mill-Artikolu 7(1) bidu u mill-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 li jirrikjedu mill-isponsor li jkollu riżorsi stabbli, regolari u li huma suffiċjenti, għandha tkun interpretata fid-dawl tad-dritt tar‑rispett tal-ħajja tal-familja ( 27 ). Tali fakultà għandha tkun eżerċitata wkoll fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 28 ). Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li jirrikjedi eżami konkret tas-sitwazzjoni ta’ kull applikant ( 29 ). |
40. |
Ladarba l-fakultà tal-Istati Membri li jirrikjedu l-prova ta’ riżorsi stabbli, regolari u li huma suffiċjenti għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta, huwa ovvju li l-fakultà tal-Istati Membri li jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iwettqu evalwazzjoni prospettiva ta’ dawn ir-riżorsi, li jirriżulta minnha, li għandha tkun suġġetta wkoll għal interpretazzjoni stretta. Bl-istess mod, din għandha ssir b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 17 tad‑Direttiva 2003/86. |
41. |
F’dan il-każ, infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tad-Digriet Irjali 557/2011 jipprevedi li l-isponsor għandu jżomm ir‑riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu matul is-sena ta’ wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal‑familja, u li l-probabbiltà li huwa jżomm dawn ir-riżorsi matul tali żmien huwa evalwat abbażi tal-iżvilupp tar-riżorsi tiegħu matul is-sitt xhur ta’ qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. |
42. |
Għal dak li jirrigwarda ż-żmien ta’ sena li matulha, skont il‑leġiżlazzjoni Spanjola, l-isponsor għandu jżomm riżorsi suffiċjenti, ma jidhirlix li huwa sproporzjonat. F’dan ir-rigward infakkar li fil‑kuntest tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2003/86, uħud mid‑delegazzjonijiet kienu pproponew termini itwal, ta’ bejn sentejn u ħames snin. Infakkar ukoll li ċerti Stati Membri kienu pproponew li ż‑żmien li matulu l-isponsor għandu jissodisfa r-rekwiżit tar-riżorsi previst fl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jiġi allinjat mal-perijodu ta’ residenza li jippermetti lill-membri tal-familja tiegħu jiksbu permess ta’ residenza awtonomu, li ma jkunx għadu jiddependi fuq dak tal-isponsor, ikun, skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, għal massimu ta’ ħames snin ( 30 ). |
43. |
Għal dak li jirrigwarda l-metodu li għandu jintuża għall‑evalwazzjoni dwar jekk l-isponsor huwiex ser iżomm ir-riżorsi li huwa għandu matul, għalhekk, sena li tibda mill-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni, jiena ma narax kif it-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tar-riżorsi tal-isponsor fis-sitt xhur ta’ qabel jista’ jippreġudika l-għan jew l-effettività tad-Direttiva 2003/86. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żmien itwal, pereżempju ta’ sena, ma jkunx neċessarjament iktar favorevoli għall-isponsor u għall-familja tiegħu. Dan ikun favorevoli jekk kien, pereżempju, huwa ħadem matul seba’ xhur imbagħad tilef l-impjieg tiegħu u reġa’ sab ieħor erba’ xhur wara ( 31 ). Dan ma jkunx favorevoli jekk, matul is-sena preċedenti, huwa kien ħadem biss matul il-ħames xhur preċedenti għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni ( 32 ). |
44. |
F’dan il-każ, M. Khachab ippreżenta applikazzjoni għar‑riunifikazzjoni tal-familja fl-20 ta’ Frar 2012. Mid-digriet tar‑rinviju jirriżulta li, matul is-sitt xhur preċedenti, huwa kien ħadem biss 63 jum (mal-impriża Construcciones y distribuciones constru-label SL) ( 33 ). Jekk din hija effettivament is-sitwazzjoni tiegħu, jidhirli li ma jistax ikun ikkunsidrat li ser ikollu riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal‑konjuġi tiegħu wara d-dħul tagħha fit-territorju Spanjol. Madankollu, nirrileva li M. Khachab jidher li għandu permess ta’ residenza fit-tul u li huwa ddikjara li huwa ħallas il-kontribuzzjonijiet tiegħu fi Spanja għal iktar minn ħames snin, li jagħti x’jifhem li huwa għandu dħul regolari, jew, tal-inqas, li kellu minn kemm ilu li ngħatalu dan il-permess. Nirrileva wkoll li huwa sab impjieg ieħor fis-26 ta’ Novembru 2012, fatt li, huwa minnu, li r-regoli proċedurali nazzjonali ma jidhrux li jawtorizzaw lill-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni. |
45. |
Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u permezz tal-eżami tas-sitwazzjoni personali ta’ M. Khachab prevista fl‑Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, jekk huwiex probabbli li huwa għandu riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-konjuġi tiegħu, u jekk iva, jekk iżommx tali riżorsi wara l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja. |
IV – Konklużjoni
46. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mit‑Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-komunità awtonoma tal-País Vasco)
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.
( 3 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:287, punti 44 sa 61 kif ukoll is-sentenza K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453). Nippreċiża li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet dwar il-miżuri ta’ integrazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva tal‑Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272). Ara s-sentenza P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369).
( 4 ) Sentenzi Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117) kif ukoll O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 70 sa 81). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi rikjesti mill-isponsor meta ma jkunx, bħal f’din il-kawża, ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda ċittadin tal-Unjoni, li s-sitwazzjoni tiegħu hija rregolata mid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal‑membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal‑Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 61) u Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63).
( 5 ) BOE Nru 10 tat-12 ta’ Jannar 2000.
( 6 ) BOE Nru 103 tat-30 ta’ April 2011.
( 7 ) Ara l-punti 12 u 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48.
( 9 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) F’dan ir-rigward nirrileva li l-abbozz li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill dwar id‑dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Mejju 2002 [COM(2002) 225 finali)], jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn ”stabbiltà” u “regolarità” tar-riżorsi, li ma kinitx inkluża fil-verżjoni finali tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86. Dan l-abbozz jindika fil-fatt li “il-kriterju ta’ riżorsi stabbli huwa ddeterminati b’riferiment għan-natura u r-regolarità tar-riżorsi”.
( 11 ) Enfasi miżjuda minni.
( 12 ) F’dan ir-rigward, nippreċiża li fl-opinjoni tiegħi, lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-użu tal-preżent indikattiv fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 li l-isponsor li jippreżenta kuntratt ta’ xogħol iffirmat għal żmien mhux determinat jew determinat, iżda li għadu mhux fis-seħħ, għandu awtomatikament jiġi kkunsidrat bħala li jissodisfa r-rekwiżit tar-riżorsi: analiżi tas-sitwazzjoni personali tiegħu hija mitluba. Ara l-punti 25 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll, dwar id-Direttiva 2004/38, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:197, punti 23 sa 30).
( 13 ) Ovvjament, mingħajr ħsara għar-regoli proċedurali nazzjonali li jawtorizzaw li tali prova tkun prodotta matul il-proċedura. Ara f’dan ir-rigward il-Kawża Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:197, punti 31 sa 32.
( 14 ) Enfasi miżjuda minni.
( 15 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86 jagħmel riferiment espress għar-riżorsi previsti fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, huwa jipprovdi li “meta jġedded il-permess ta’ residenza, fejn l-isponsor m’għandux riżorsi suffiċjenti mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru, kif jirreferi l-Artikolu 7(1)(ċ), l-Istat Membru għandu jqis il-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-familja għall-introjtu tad-dar”.
( 16 ) Ara l-Artikolu 14(1) tal-abbozz tad-Direttiva tal-Kunsill dwar ir-riunifikazzjoni tal‑familja, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Diċembru 1999 [COM(1999) 638 finali].
( 17 ) Fil-fatt diversi delegazzjonijiet staqsew dwar “jekk il-konstatazzjoni li l-isponsor jissodisfa r-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni għandhiex issir biss fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew [jekk] tistax issir ukoll fi stadju ulterjuri”. Huma staqsew, b’mod partikolari, liema trattament għandu jingħata lil applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja meta l-isponsor jissodisfa r‑rekwiżit ta’ riżorsi fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, iżda imbagħad ma jibqax jissodisfah, pereżempju għaliex jitlef l-impjieg tiegħu. Ara pereżempju, id-dokument tal-Kunsill Nru 11524/00, tal-4 ta’ Jannar 2011, aċċessibbli fuq is-sit internet tar-reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-Kunsill (in-nota ta’ qiegħ il-paġna fl-Artikolu 9 tal-abbozz tad-direttiva, li mbagħad sar l-Artikolu 7 fil-verżjoni finali tagħha, tirriproduċi l-proposti tad-delegazzjonijiet Ġermaniża u Awstrijaka dwar id-data li fiha għandu jiġi evalwat jekk l-isponsor jissodisfax ir‑rekwiżit ta’ riżorsi).
( 18 ) Wara l-mistoqsijiet ta’ diversi delegazzjonijiet nazzjonali msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, il-Presidenza tal-Kunsill ipproponiet li fl-Artikolu 9(1) tal-abbozz tad-direttiva jiżdied il-paragrafu segwenti: “l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi li l-isponsor jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 matul perijodu li ma jistax jeċċedi sentejn wara d-dħul tal-membri tal-familja […]” (dokument tal-Kunsill Nru 7145/01, tat-23 ta’ Marzu 2001). Madankollu, diversi delegazzjonijiet (Ġermaniża, Griega, Olandiża, Awstrijaka) indikaw il-preferenza tagħhom għal tul itwal, ta’ tlieta jew ħames snin (dokument tal-Kunsill Nru 7144/01, tat-23 ta’ Marzu 2001; dokument tal-Kunsill Nru 7612/01, tal-11 ta’ April 2001, u dokument tal-Kunsill Nru 9019/01, tal-21 ta’ Mejju 2001). Uħud mid‑delegazzjonijiet (Ġermaniża, Griega, Awstrijaka) ipproponew l-allinjar tat-terminu li matulu l-isponsor għandu jkollu riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu mat-tul tal-perijodu ta’ residenza li jippermettilu li jikseb permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dik tal-isponsor, jiġifieri erba’ snin minn meta ssir tali proposta (ħames snin fil-verżjoni finali tad-Direttiva 2003/86, kif previst fl-Artikolu 15(1) tagħha) (dokument tal-Kunsill Nru 7144/01, tat-23 ta’ Marzu 2001; dokument tal-Kunsill Nru 8491/01, tal-10 ta’ Mejju 2001, u dokument tal-Kunsill Nru 9019/01, tal-21 ta’ Mejju 2001). Għall-kuntrarju, delegazzjonijiet oħra (Belġjana, Spanjola, Franċiża) xtaqu jnaqqsu għal sena t-terminu li fiha l‑isponsor għandu jkollu riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu (dokument tal-Kunsill Nru 7144/01, tat-23 ta’ Marzu 2001; dokument tal-Kunsill Nru 7612/01, tal-11 ta’ April 2001; dokument tal-Kunsill Nru 8491/01, tal-10 ta’ Mejju 2001; dokument tal-Kunsill Nru 9019/01, tal-21 ta’ Mejju 2001, u dokument tal-Kunsill Nru 11330/01, tat-2 ta’ Awwissu 2001). Billi kkonstatat l-assenza ta’ qbil bejn id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, il-Presidenza tal-Kunsill ipproponiet għalhekk li tintroduċi termini massimi distinti għall-konjuġi u t-tfal minuri (sena), axxendent fl-ewwel grad u wild maġġorenni (sentejn) u s-sieħeb mhux miżżewweg (tliet snin, imbagħad sentejn). Madankollu din il-proposta ma ġietx segwita (dokument tal-Kunsill Nru 10922/01, tal-20 ta’ Lulju 2001, u dokument tal-Kunsill Nru 11542/01, tal-11 ta’ Settembru 2001).
( 19 ) Enfasi miżjuda minni.
( 20 ) COM(2014) 210 finali.
( 21 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, punt 2.1. Il-Kummissjoni tippreċiża, f’dan ir-rigward, li “peress li t-tip u l-għan ta’ permessi ta’ residenza jinbidlu b’mod sinjifikattiv minn Stat Membru għall-ieħor, kull wieħed minnhom għandu jiddetermina t-tip ta’ permessi ta’ residenza li huwa jikkunsidra sodisfaċenti sabiex tkun aċċettata l-eżistenza ta’ prospetti raġonevoli” (Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni, punt 2.1). Nippreċiża li r-rekwiżit ta’ “prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti”, jista’, fl-opinjoni tiegħi, ikun interpretat bħala riferiment għall-akkwist tal-istatus ta’ residenza fit-tul previst mid‑Direttiva 2003/109. Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) ta’ din id-Direttiva 2003/109 jipprevedi li “l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9” (enfasi miżjuda minni). Ara Beck, C.,H., EU Immigration and Asylum Law. Commentary on EU Regulations and Directives, K. Hailbronner (ed.), Hart, Nomos, 2010 (ara l-Kapitolu III, kummentarju tal-Artikolu 3, punti 5 u 6); u Schaffrin, D., “Which standard for family reunification of third-country nationals in the European Union?”, f’Immigration and Asylum Law of the EU: current debates, dir. Carlier, J.Y., Bruylant, Bruxelles, 2005, p. 90 s. (ara p. 102).
( 22 ) Ara l-punt 4.4(2) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
( 23 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 24 ) Infakkar li skont l-Artikolu 16(1) bidu u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86, imsemmi fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istati Membri “jistgħu” jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja meta l-isponsor ma jkollux riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu: din hija fakultà, mhux obbligu, tal-Istati Membri. Konsegwentement, id-Direttiva 2003/86 ma tistax tkun interpretata fis-sens li l‑Istati Membri għandhom jirrikjedu mill-isponsor il-prova għandu riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu matul it-tul kollu tar-residenza tagħha fit-territorju tal‑Istat Membru ospitanti, jiġifieri sakemm il-membri tal-familja tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ħames snin residenza li jippermettilhom li japplikaw għal permess ta’ residenza awtonomu. Xejn ma jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrikjedu, fil-mument tal-eżami tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, is‑sempliċi prova li l-isponsor għandu riżorsi li huma suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-familja tiegħu, matul, pereżempju, sentejn wara l-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni. Ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2003/86, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jimmilita lejn dan is-sens.
( 25 ) Sentenzi Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43) kif ukoll O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 74); u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punt 44). Ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad‑Direttiva 2003/86, is-sentenza K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 50), u, fir-rigward tad-Direttiva 2003/109, is-sentenza Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 86).
( 26 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 60) (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll is-sentenzi Chakroun, (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 41); O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 70), u K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 46). Ara, fl-aħħar nett, Beck, C.H., EU Immigration and Asylum Law. Commentary on EU Regulations and Directives, K. Hailbronner (ed.), Hart, Nomos, 2010, p. 171-172.
( 27 ) Sentenzi Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 44), u O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 77).
( 28 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, is-sentenza K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 51). Ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2003/109, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 75).
( 29 ) Sentenza Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48). Ara fir-rigward tal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, is-sentenza K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 58 sa 60.
( 30 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Jekk il-perijodu ta’ referenza huwa ta’ sena qabel il-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni, l-isponsor ikun ħadem tmien xhur minn tnax. Jekk mill-banda l‑oħra, dan il-perijodu huwa ta’ sitt xhur qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, huwa jkun ħadem xahrejn minn sitt xhur.
( 32 ) Jekk il-perijodu ta’ referenza huwa ta’ sena qabel il-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni, l-isponsor ikun ħadem ħames xhur minn tnax. Jekk mill-banda l‑oħra, dan il-perijodu jkun ta’ sitt xhur qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, huwa jkun ħadem ħames xhur minn sitta.
( 33 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.