KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2016 ( 1 )

Kawża C‑461/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta ’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu — Livell ta’ prova meħtieġ biex jiġi stabbilit ksur — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Ferrovija ta’ veloċità għolja — Natura xierqa tal-evalwazzjoni — Direttiva 2009/147/KE — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni ta’ habitats naturali”

1. 

X’jikkostitwixxi evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent, meqjus li l-proġett evalwat (f’dan il-każ il-kostruzzjoni ta’ linja ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja) għandu effett fuq żona ta’ importanza ambjentali partikolari? F’liema ċirkustanzi l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura relatata ma’ tali proġett tikser l-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ protezzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent?

2. 

Mill-bidu nett, jidher li dawn id-domandi fundamentali jsawru l-qofol ta’ din il-kawża mibdija mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 258(2) TFUE. Madankollu, minn spezzjoni iktar mill-qrib, din il-kawża hija essenzjalment dwar jekk il-Kummissjoni stabbilitx jew le li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent rilevanti. Kif ser nuri iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni rnexxilha parzjalment biss f’dak ix-xogħol.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva EEA

3.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337/KEE ( 2 ) dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem “id-Direttiva EEA”) jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.

Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4.”

4.

L-Artikolu 3 tad-direttiva jaqra:

“L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:

bnedmin, fawna u flora,

ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,

[...]”

5.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA jipprovdi:

“1.   […] proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond Artikoli 5 sa 10.

2.   Proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.

3.   Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.”

6.

L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337 għandu lista ta’ proġetti suġġetti għall-Artikolu 4(1) tagħha. Il-lista ssemmi inter alia, il-kostruzzjoni ta’ awtostradi, triqat u linji espress għal traffiku tal-ferroviji għal distanzi twal.

7.

Fil-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva EEA artijiet mistagħdra u żoni kklassifikati jew protetti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, jew żoni ta’ protezzjoni speċjali indikati mill-Istati Membri huma identifikati, fost oħrajn, bħala kriterji ta’ għażla li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva.

B – Id-Direttiva “Għasafar

8.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/147/KE ( 3 ) dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Għasafar’”) jaqra:

“1.   Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

[…]”

9.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.

[…]”

10.

Fost diversi speċi oħra msemmija fl-Anness I tad-Direttiva, hemm l-Otis tarda (il-Pitarrun).

C – Id-Direttiva “Habitats

11.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE ( 4 ) dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il-quddiem “id-Direttiva “Habitats”) jgħid:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa [...]

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”

12.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats” jgħid li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-direttiva jissostitwixxu kull obbligu li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” dwar iż-żoni kklassifikati skont l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skont l-Artikolu 4(2) tagħha. Dawn l-obbligi huma ssostitwiti mid-data tal-implementazzjoni tad-Direttiva “Habitats” jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew tal-għarfien minn Stat Membru skont id-Direttiva “Għasafar”, meta d-data tal-aħħar tiġi iktar tard.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

13.

Il-fatti li wasslu għall-kawża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Il-kawża hija dwar proġett biex tinbena linja ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja bejn Sevilla u Almería fi Spanja. Sal-lum, saret evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għal xi xogħlijiet infrastratturali meħtieġa biex titħaddem il-ferrovija ta’ veloċità għolja. L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet sottomessa għal konsultazzjoni pubblika fl-4 ta’ Lulju 2006 u ġiet approvata permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2006 ( 5 ). Ix-xogħlijiet marbuta mal-infrastruttura ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja bdew fl-4 ta’ Diċembru 2007. Dawn ix-xogħlijiet ġew sospiżi fl‑2009.

14.

Il-ferrovija tgħaddi minn sit naturali li fid-29 ta’ Lulju 2008 ġie kklassifikat mill-awtoritajiet Spanjoli bħala żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”) għall-għasafar. Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni kienet saret wara l-approvazzjoni tal-proġett u l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent magħmula mill-awtoritajiet Spanjoli. Qabel ma s-sit kien ikklassifikat bħala ŻPS, kien diġà ġie kklassifikat bħala Sit Nru 238 (pjanuri taċ-ċereali ta’ Ecija-Osuna) fl-Inventarju ta’ Żoni Importanti tal-Għasafar (iktar ’il quddiem “ŻIGħ”) fil-Komunità Ewropea mill-1998 lil hawn. Is-sit jilqa’ fih diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar”, inkluża Otis tarda.

15.

F’dan il-kuntest, tressaq ilment mal-Kummissjoni fi Frar 2010 dwar it-taqsimiet “Marchena-Osuna I”, “Marchena-Osuna II” u “Variante de Osuna” tal-linja tal-ferrovija. Wara dak l-ilment, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Spanjol fis-17 ta’ Ġunju 2011. L-ittra ta’ intimazzjoni kienet tallega li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats”.

16.

Il-Gvern Spanjol wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni fl-20 ta’ Settembru 2011. Minkejja dik it-tweġiba, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja fl-20 ta’ Ġunju 2013 li fiha kkontendiet li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

17.

Fil-21 ta’ Awwissu 2012, il-Gvern Spanjol wieġeb għall-opinjoni motivata.

18.

Billi qieset li l-miżuri meħuda mill-Gvern Spanjol baqgħu ma kinux suffiċjenti, il-Kummissjoni żammet mal-evalwazzjoni tagħha u ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

19.

Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” mid-data li fiha s-sit kien ġie ddikjarat bħala żona ŻPS;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

20.

Il-Gvern Spanjol jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad it-talba tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-Kummissjoni u mill-Gvern Spanjol. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ma nżammet ebda seduta.

IV – L-analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà

22.

Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni sa fejn jikkonċerna t-taqsima tal-ferrovija ta’ “Variante de Osuna”. Il-Gvern Spanjol jikkontendi li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lill-Istat Membru, u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni, jiddelimitaw is-suġġett tat-tilwima. Is-suġġett tat-tilwima ma jistax sussegwentement jiġi estiż.

23.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-opinjoni motivata u r-rikors ppreżentati mill-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk deskritti fl-ittra ta’ intimazzjoni li tat bidu għall-proċedura prekontenzjuża ( 6 ).

24.

F’din il-kawża l-ittra ta’ avviż formali ssemmi t-taqsimiet ta’ “Marchena-Osuna I”, “Marchena-Osuna II” u “Variante de Osuna”. Madankollu l-fatti li l-Kummissjoni tistrieħ fuqhom biex tistabbilixxi l-ksur allegat huma relatati maż-żewġ taqsimiet tal-ferrovija msemmija l-ewwel.

25.

Il-Kummissjoni ma jidhirx li tikkontesta dan il-punt. Fil-fatt, fir-replika tagħha l-Kummissjoni spjegat li l-fatti li abbażi tagħhom hija tqis li ċerti obbligi kienu nkisru speċifikament jirrelataw mat-taqsimiet “Marchena-Osuna I” u “Machena-Osuna II” tal-ferrovija. B’kuntrast, ir-riferiment għat-taqsima “Variente de Osuna” magħmul fir-rikors kien meħtieġ biex titfassal stampa tal-kuntest usa’ tal-proġett.

26.

F’dawk iċ-ċirkustanzi dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jikkonċerna t-taqsima “Variante de Osuna”.

B – L-ewwel ilment: l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA

1. L-argumenti tal-partijiet

27.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA.

28.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega, l-ewwel nett, dak li ma ssostnix. Hija ma ssostnix li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma tkoprix il-proġett kollu. Lanqas ma ssostni li l-proġett kien ġie diviż f’taqsimiet biex tiġi evitata l-evalwazzjoni ta’ dawk li jistgħu jkunu effetti kumulattivi fuq l-ambjent.

29.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tispjega dak li ssostni. Essenzjalment, hija ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jidentifika, jiddeskrivi u jivvaluta b’mod xieraq l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq l-ambjent u b’mod partikolari fuq il-fawna avjarja. Fil-qosor, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA. Dan huwa minħabba li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma qisitx b’mod suffiċjenti, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li l-proġett kien jaqsam żona kklassifikata bħala ŻIGħ. Dik iż-żona kienet sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS ES6180017, “Campiñas de Sevilla”, fl-2008.

30.

Bħala korollarju loġiku għall-ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas ukoll milli jgħarraf lill-pubbliku dwar l-effetti probabbli tal-proġett qabel ma ħa d-deċiżjoni li jinbeda l-proġett.

31.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

32.

L-ewwel nett, il-Gvern Spanjol jargumenta li huwa ssodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA billi identifika l-fawna affettwata u adotta l-miżuri adegwati biex jillimita kull effett potenzjalment ta’ ħsara fuq l-ambjent.

33.

It-tieni nett, il-Gvern Spanjol josserva li klassifikazzjoni ta’ ŻIGħ ma għandhiex effett vinkolanti. Fil-fehma ta’ dan il-Gvern, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA anki jekk ma ssemmix klassifikazzjoni ŻIGħ.

34.

It-tielet nett, il-Gvern Spanjol iqis li l-Kummissjoni naqset milli tispjega għaliex l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti, u inqas u inqas li tipprova li kien seħħ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi.

2. L-evalwazzjoni

35.

Kif semmejt fil-bidu nett, din il-kawża hija dwar jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex tistabbilixxi li kien hemm ksur. Sussegwentement, ser nispjega għaliex ma naħsibx li dan huwa l-każ b’rabta mal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA.

36.

Qabel xejn, huwa meħtieġ li jiġi ddefinit b’mod ċar il-proġett relatat mal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni.

37.

L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — li l-Kummissjoni tqis li tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA — jikkonċerna stadju wieħed speċifiku tal-kostruzzjoni tal-linja ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja. Il-proġett u, għalhekk, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni, jikkonċerna xogħlijiet ta’ infrastruttura meħtieġa għat-tħaddim ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja. Il-proġett jinkludi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-linji u fuq ir-rotta tal-ferrovija, inkluża l-kostruzzjoni ta’ pjattaforma elevata u mwessa’. Iktar xogħlijiet meħtieġa għat-tħaddim tal-ferrovija (fosthom, xogħlijiet tal-elettriku għall-installazzjoni ta’ linji merfugħa ’l fuq) kienu jmorru lil hinn mill-ambitu ta’ dan il-proġett. Kif jirriżulta kemm mill-opinjoni motivata kif ukoll mis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tiddubitax mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jagħmlu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’rabta biss mat-titjib infrastrutturali (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”).

38.

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx xierqa. Dan huwa hekk — kif naraha jiena — minħabba li fil-fehma tagħha l-evalwazzjoni naqset milli tqis kif imiss iż-żona ta’ importanza ambjentali partikolari (kif irrikonoxxuta fl-inventarju ŻIGħ u wara fil-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjoni ta’ dak iż-żona bħala ŻPS) li hija affettwata mill-proġett inkwistjoni.

39.

F’dan l-istadju jkun utli li jitfakkar l-għan ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. L-għan tagħha huwa li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett, mingħajr ma jintesew il-karatteristiċi tal-każ li għandna quddiemna. L-impatt għandu jiġi vvalutat b’rabta ma’, inter alia, il-fawna u l-flora ( 7 ). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EEA huwa wiesa’ u l-għan tagħha huwa wieħed wiesa’ ħafna ( 8 ). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva EEA. L-għan ta’ din id-direttiva huwa li ssir evalwazzjoni ġenerali tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti jew tal-modifika tagħhom ( 9 ).

40.

Madankollu, dan il-fatt waħdu ma jistax jeħles lill-Kummissjoni mid-dmir tagħha li tistabbilixxi li kien nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-allegazzjonijiet magħmula. Hija din l-istituzzjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni biex jiġi stabbilit li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu. Meta tagħmel hekk il-Kummissjoni ma tistax tistrieħ fuq sempliċi preżunzjonijiet ( 10 ).

41.

Minbarra dikjarazzjonijiet ġenerali dwar evalwazzjoni allegatament mhux xierqa tal-effetti fuq l-ambjent, il-Kummissjoni ma tissustanzjax l-ilment tagħha. Biex nagħti eżempju, ejja nqisu l-argumenti rudimentarji mressqa mill-Kummissjoni.

42.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tispjega li biex titqies kif imiss żona ambjentali importanti, li kien imissha ġiet ikklassifikata bħala ŻPS iżda ma kinitx fiż-żmien rilevanti, ma huwiex biżżejjed li sempliċement jiġu elenkati l-ispeċi li jkun hemm fiż-żona. F’dan ir-rigward, hija ssostni wkoll li l-miżuri identifikati fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent biex jittaffew l-effetti negattivi tal-proġett (b’mod partikolari, fir-rigward ta’ fawna avjarja, il-projbizzjoni li titneħħa l-veġetazzjoni bejn Marzu u Lulju biex jiġi evitat effett negattiv fuq ir-riproduzzjoni) ma’ kinux biżżejjed. Madankollu hija sempliċement tonqos milli tispjega għaliex dan huwa hekk.

43.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-fatt illi d-dikjarazzjoni tal-evalwazzjoni fuq l-ambjent ma ssemmix il-laguna Ojuelos, li tagħmel parti miż-żona sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS. Madankollu mid-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-laguna Ojuelos kienet, fil-fatt, imsemmija fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (għalkemm ma ssemmitx fid-dikjarazzjoni ( 11 ) dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent). Dan huwa punt li l-Kummissjoni ma tikkontestax. F’dik l-evalwazzjoni kienu deskritti l-karatteristiċi tal-laguna. Sar ukoll riferiment għad-diversi speċi ta’ fawna avjarja li hemm fiż-żona. Hawn ukoll il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni ma kinitx suffiċjenti, iżda ma tispjegax għaliex hija tqis dan huwa hekk.

44.

It-tielet nett, huwa ċertament minnu li l-effetti ta’ proġett li jkollu impatt fuq żona msemmija f’inventarju ŻIGħ, u sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS, għandhom jiġu vvalutati b’attenzjoni partikolari. Dan jintwera, kif il-Kummissjoni tinnota, mill-Anness III tad-Direttiva EEA. Dan l-anness isemmi artijiet mistagħdra u ŻPSs bħala kriterji ta’ għażla għal evalwazzjoni ta’ proġetti li għalihom ma hemmx obbligu per se li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan is-sens huwa ċar li tali żoni huma meqjusa li huma ta’ importanza ambjentali partikolari mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

45.

Madankollu, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni tonqos milli ssemmi żona ambjentali importanti rrikonoxxuta bħala tali skont inventarju ŻIGħ (jew ŻPS) ma jistax waħdu jammonta għal nuqqas li jiġu identifikati, deskritti u vvalutati b’mod xieraq l-effetti tal-proġetti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA.

46.

Dan huwa hekk għal mill-inqas żewġ raġunijiet.

47.

Minn naħa, in-nuqqas li jissemma l-inventarju ŻIGħ (jew ŻPS) ma jfissirx awtomatikament li dan l-inventarju — jew pjuttost żoni u speċi msemmija fih — ma tqisx. Min-naħa l-oħra, kif il-Gvern Spanjol jinnota sewwa, l-inventarju ŻIGħ ma jipproduċix effetti vinkolantii relatati mal-Istati Membri ( 12 ).

48.

Fir-rigward tal-importanza taż-żona sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS, mid-dokumenti mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li minkejja n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għall-inventarju ŻIGħ, iż-żona kienet deskritta fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bħala żona b’fawna avjarja partikolari, jiġifieri għasafar steppa. F’dan ir-rigward, Otis tarda kienet speċifikatament identifikata fl-evalwazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex dik id-deskrizzjoni ma hijiex adegwata. Hija sempliċement illimitat lilha nfisha biex tallega li dak kien hekk. Għall-finijiet li jiġi stabbilit ksur ta’ obbligu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, sempliċi allegazzjonijiet f’dan ir-rigward ma jistgħux ikunu biżżejjed.

49.

Ir-raba’ nett, kif nifhimha jiena, il-Kummissjoni tinsab partikolarment imħassba bl-effetti tat-tħaddim attwali tal-ferrovija: hija ripetutament argumentat li t-tħaddim tal-ferrovija jista’ jkollu impatt potenzjali kunsiderevoli fuq il-fawna avjarja, partikolarment, għasafar tal-isteppa u għasafar akwatiċi li hemm fis-sit. Din hija r-raġuni għaliex hija tqis li l-evalwazzjoni inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti b’rabta ma’ miżuri identifikati biex tiġi evitata kollużjoni (ma’ infrastruttura u ferroviji) u b’mod partikolari, biex għasafar ma jeħdux xokk elettriku. Dwar dan, hemm qbil li fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma ġewx identifikati speċifikament miżuri partikolari biex jiġu evitati dawn ir-riskji.

50.

Jiena bl-ebda mod ma jiena insensittiv għal dawn l-argumenti. Huwa raġonevoli li t-tħaddim ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja ser ikollu impatt kunsiderevoli fuq ŻPS bħal dik inkwistjoni f’dawn il-proċeduri.

51.

Madankollu, ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed li l-Kummissjoni espliċitament innotat fl-opinjoni motivata u matul dawn il-proċeduri li l-allegazzjoni tagħha ma hijiex li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA minħabba li ma tkoprix il-proġett kollu. Din l-istituzzjoni ma ssostnix speċifikament — apparti rimarki tardivi f’dak is-sens fir-replika — li ksur tad-Direttiva għandu jirriżulta mill-fatt li l-evalwazzjoni kienet limitata għal titjib infrastrutturali minflok ma kienet tkopri l-proġett kollu, inkluż it-tħaddim attwali tal-ferrovija ( 13 ).

52.

Kif iddefinit fid-dikjarazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-proġett inkwistjoni jittratta biss dwar it-titjib ta’ infrastruttura ta’ ferrovija. Iktar xogħlijiet ta’ installazzjoni meħtieġa għat-tħaddim sussegwenti tal-ferrovija għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent addizzjonali. F’dan ir-rigward kull argument relatat ma’ xogħlijiet li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent oħra jew, wara kollox, għat-tħaddim tal-ferrovija, għandu jitqies inammissibbli. Kull konklużjoni oħra tkun qiegħda tippreġudika serjament il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

53.

Il-ħames u l-aħħar nett, il-partijiet skambjaw fehmiet dwar ir-rilevanza tal-fatt li l-linja tal-ferrovija ta’ veloċità għolja kienet inbniet parallela ma’ linja eżistenti li kienet ilha hemm mid-19-il seklu. Il-Kummissjoni targumenta, milli jidher mingħajr ma kienet kontradetta, li r-rekwiżiti relatati ma’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huma l-istess, irrispettivament minn jekk il-ferrovija ta’ veloċità għolja kinitx tgħaddi b’mod parallel ma’ oħra, linja ta’ ferrovija ordinarja. Il-Kummissjoni tinnota li l-eżistenza ta’ dawk iż-żewġ linji tal-ferrovija paralleli jista’ jkollha effetti kumulattivi minn diversi aspetti. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti għal darba oħra huma sempliċi allegazzjonijiet li ma humiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li nkiser xi obbligu. Fi kwalunkwe każ, dawn l-allegazzjonijiet jidher li jikkontradixxu l-fatt li l-Kummissjoni ma sostnitx li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx suffiċjenti minħabba li ma kinux tqiesu effetti kumulattivi.

54.

Meqjus dan ta’ hawn fuq, nikkonkludi li l-ewwel motiv tal-ilment imressaq mill-Kummissjoni dwar ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA għandu jiġi miċħud. L-ilment korollarju dwar nuqqas li l-pubbliku jiġi informat b’mod adegwat dwar l-effetti tal-proġett għandu, għalhekk, jiġi miċħud ukoll.

55.

Fil-fatt, irrispettivament minn x’jiġri mill-ewwel motiv tal-ilment, ma nara ebda raġuni valida għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tittratta l-ilment addizzjonali magħmul mill-Kummissjoni ibbażat fuq id-Direttiva EEA. Il-Kummissjoni ma indikat ebda bażi ġuridika għal dak l-ilment. Apparti minn osservazzjoni aċċidentali f’dan is-sens, ma elaboratx l-argument tagħha dwar dan il-punt.

C – It-tieni lment: l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar

1. L-argumenti tal-partijiet

56.

Il-Kummissjoni tikkontendi li meta awtorizza l-kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija ta’ veloċità għolja f’żona msemmija fl-inventarju ŻIGħ — qabel ma dik iż-żona kienet ikklassifikata bħala ŻPS — ir-Renju ta’ Spanja naqas ukoll milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.

57.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kien jeħtieġ isirulhom bidliet sustanzjali fil-karatteristiċi ambjentali taż-żona, bħat-tneħħija ta’ ammont kbir ta’ terrapien, il-kostruzzjoni ta’ barriera doppja ta’ sigurtà u pjattaforma elevata tul 16-il kilometru ( 14 ). Dawn il-bidliet aktarx li joħolqu limitazzjonijiet sinjifikattivi għall-aċċess tal-għasafar għall-oqsma fejn jitrabbew, jistrieħu u jieklu. Barra dan, il-Kummissjoni tissottometti li n-nuqqas tar-Renju ta’ Spanja li jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA wassal għal identifikazzjoni mhux xierqa tar-riskju li jista’ jkun hemm miġjuba mill-proġett.

58.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol jargumenta li, għall-konformità mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” ma huwiex meħtieġ li jiġu segwiti l-proċeduri stabbiliti f’dik id-Direttiva dwar ŻPS. Fil-fehma ta’ dan il-Gvern ikun biżżejjed li jiġu adottati miżuri li jkollhom l-għan li jippreservaw u jipproteġu l-imsemmija żona qabel il-klassifikazzjoni tagħha. F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol jissottometti li huwa ħa b’mod adegwat tali miżuri billi llimita x-xogħol ta’ kostruzzjoni matul l-istaġuni riproduttivi tal-għasafar u installa tagħmir ta’ kontra l-kolliżjonijiet u bena mogħdijiet għal mixi tul il-linja tal-ferrovija.

2. L-evalwazzjoni

59.

L-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar in-natura mhux xierqa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jinfirxu mar-raġunament kollu ta’ din l-istituzzjoni. Dan huwa wkoll b’rabta mal-punt ewlieni tal-ilment. Meqjusa l-partikolaritajiet ta’ dan il-każ, wieħed jista’ żbaljatament jasal biex jaħseb li teżisti korrelazzjoni inevitabbli bejn konstatazzjoni ta’ ksur taħt id-Direttiva EEA u konstatazzjoni simili skont id-Direttiva tal-Għasafar (u l-Habitats) (jew fin-nuqqas tagħhom). Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex hekk. Dawn il-kwistjonijiet evidentement ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Sempliċement għaliex ma ġiex stabbilit ksur ta’ obbligi skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA ma jfissirx li awtomatikament ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” (u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”), jew viċiversa. Dan huwa għaliex l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA huma essenzjalment proċedurali fin-natura tagħhom. Dawk li joħorġu mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” (u mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”) huma, b’kuntrast, fil-mertu.

60.

Għalhekk, irrispettivament mill-konklużjoni milħuqa dwar l-ewwel ilment, il-fondatezza tat-tieni (u tat-tielet) ilment għandha tiġi eżaminata separatament.

61.

Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, ċerti elementi tal-ġurisprudenza huma ta’ rilevanza partikolari.

62.

L-iktar importanti għall-finijiet ta’ din il-kawża, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) japplikaw ukoll għal żoni li misshom kienu kklassifikati bħala ŻPS iżda, bħal “Campiñas de Sevilla”, ma kinux. Fil-fatt, dawk l-obbligi jibqgħu effettivi sakemm iż-żona tiġi kklassifikata bħala ŻPS ( 15 ).

63.

F’kawżi ppreżentati mill-Kummissjoni — meta jkun ġie kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi — il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ġiet mogħtija provi tad-deterjorazzjoni attwali tal-habitats tal-għasafar ( 16 ), deterjorazzjoni gravi tal-għadd ta’ għasafar u l-qerda attwali ta’ żoni ta’ importanza ambjentali partikolari ( 17 ).

64.

Ta’ sinjifikat partikolari għall-finijiet ta’ din il-kawża huwa wkoll li l-ġurisprudenza tindika li l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu jew inaqqsu d-daqs ġeografiku ta’ ŻPS. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kostruzzjoni ta’ triq ġdida kienet tinvolvi tnaqqis ta’ ŻPS, kuntrarju għall-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”. It-tnaqqis taż-żona kien aggravat bil-kostruzzjoni ta’ binjiet ġodda u tfixkil maħluq mix-xogħlijiet tat-triq ( 18 ).

65.

Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni li żgur kienet ser isseħħ deterjorazzjoni u tfixkil sinjifikattiv bħala konsegwenza ta’ tibdiliet sustanzjali fil-karatteristiċi ambjentali taż-żona. Hija tesprimi wkoll tħassib b’rabta mar-riskji ta’ xokk elettriku u kolliżjoni fi stadji ta’ wara tal-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-ferrovija.

66.

Ma għandix dubju li l-kostruzzjoni ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja tul żona li tilqa’ fiha diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” tammonta għal deterjorazzjoni tal-karatteristiċi ambjentali taż-żona u tfixkil għall-ispeċi li teħtieġ protezzjoni speċjali. Tabilħaqq, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni (li kienu awtorizzati s’issa) iġibu l-ħtieġa, kif iġib kull proġett kbir ta’ kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija, tat-tneħħija ta’ terrapien, il-bini ta’ linji u ta’ pjattaforma elevata, kif ukoll firxa ta’ tipi oħra ta’ intervent fil-morfoloġija taż-żona. Dan tixhdu l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni.

67.

B’kuntrast, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni dwar xokk elettriku u kolliżjoni għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

68.

Din l-inammissibbiltà tirriżulta minn pekuljaretà ta’ dan il-każ. Kuntrarjament għal dak li wieħed jassumi ġeneralment li jkun il-każ, ma hemmx indikazzjoni li l-proġett ser jitlesta. Skont il-partijiet, dan twaqqaf mill-2009 minħabba nuqqas ta’ finanzi. Barra minn hekk, kull xogħol ieħor biex titlesta l-infrastruttura jġib il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni ulterjuri tal-effetti fuq l-ambjent (u, għalhekk, awtorizzazzjoni).

69.

Bla ebda dubju, huwa minnu li l-effettività tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” tkun ippreġudikata serjament jekk ksur iseħħ biss meta attwalment issir ħsara u mhux fil-mument ta’ azzjoni Statali li tippermetti ssir ħsara għall-ġejjieni ( 19 ). Madankollu, f’din il-kawża, il-proġett awtorizzat mill-awtoritajiet Spanjoli jikkonċerna, kif innotat, it-titjib tal-infrastruttura, inklużi l-kostruzzjoni u l-estensjoni ta’ pjattaforma elevata. Ma jikkonċernax xogħlijiet ulterjuri ta’ installazzjoni meħtieġa għat-tħaddim tal-ferrovija. Filwaqt li wieħed jiftakar f’dan, ir-riskju ta’ xokk elettriku u kolliżjoni huma relatati ma’ effetti ipotetiċi li jseħħu biss jekk tingħata awtorizzazzjoni għall-fażi li jmiss tal-proġett wara evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent addizzjonali.

70.

Id-domanda tibqa’, madankollu, jekk jistax jiġi stabbilit li r-Renju ta’ Spanja ma ħax il-passi xierqa biex tiġi evitata d-deterjorazzjoni ta’ habitats jew tfixkil li jkun sinjifikattiv meqjusa l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar”.

71.

Il-Gvern Spanjol jisħaq li l-għadd ta’ għasafar attwalment żdied matul u wara l-perijodu ta’ kostruzzjoni.

72.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligi ta’ protezzjoni u konservazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” jibdew jeżistu qabel ma jkun hemm xi tnaqqis fl-għadd rilevanti ta’ għasafar ( 20 ). Bl-istess mod, prova ta’ żieda fl-għadd ta’ għasafar affettwati ma tfissirx neċessarjament li l-Istat Membru jkun wettaq l-obbligi tiegħu. Tabilħaqq, l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” jeżiġi li Stat Membru jippreserva, iżomm u jistabbilixxi mill-ġdid habitats bħala tali, minħabba l-valur ekoloġiku tagħhom.

73.

Għasafar migratorji huma każ tipiku. Fil-fatt huma jifformaw il-maġġoranza tal-għasafar selvaġġi fit-territorju tal-Unjoni ( 21 ). Għal tali speċi, inkluża l-Otis tarda li hija parzjalment migratorja (is-suġġett ewlieni tad-dibattitu bejn il-partijiet), l-għadd ta’ għasafar ma jistax ikun kruċjali għall-evalwazzjoni. Dan huwa għaliex il-protezzjoni ta’ habitats, li fihom wieħed isib għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva, tiżgura li l-għadd ta’ għasafar li jibqa’ fi jew ikun sejjer f’żona partikolari jkun jista’ jsib kenn fl-Unjoni Ewropea.

74.

Meqjusa f’dan id-dawl, iż-żieda li jista’ jkun hemm fl-għadd ta’ għasafar fiż-żona affettwata hija irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk Stat Membru jkunx wettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.

75.

Irrispettivament minn jekk il-kostruzzjoni tal-ferrovija ta’ veloċità għolja titkompliex fil-ġejjieni, jibqa’ l-fatt li minbarra t-tfixkil ikkawżat mix-xogħlijiet infushom, pjattaforma elevata issa taqsam it-tul kollu taż-ŻPS inkwistjoni. Wieħed jista’ jassumi kważi b’ċertezza li dan jibdel b’mod sinjifikattiv il-karatteristiċi tal-habitat inkwistjoni, u jagħmlu inqas adatt għal speċi mdorrija f’pajsaġġi steppa ( 22 ).

76.

Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Spanjol għamel riferiment għal diversi miżuri li ħa biex joħloq bilanċ max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Dawn jinkludu l-limitazzjoni ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni matul l-istaġuni riproduttivi tal-għasafar u l-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ kontra l-kolliżjoni, kif ukoll il-bini ta’ mogħdijiet għall-mixi tul il-linja tal-ferrovija.

77.

Ma hemmx dubju li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex inaqqsu l-ħsara, li, f’ċerti ċirkustanzi, jillimitaw id-deterjorazzjoni (jew anki jeskluduha). Madankollu, f’dan il-każ partikolari, il-miżuri li għalihom jagħmel riferiment il-Gvern Spanjol, kif naraha jiena, b’ebda mod ma jibdlu l-problema bażika: li pjattaforma elevata ta’ ferrovija llum taqsam minn naħa għal oħra habitat importanti għal speċi mdorrija f’pajsaġġi steppa. Ċertament dawn il-miżuri jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex l-ispeċi ta’ għasafar affettwata ma tgħibx. Madankollu, dawn il-miżuri bl-ebda mod ma jtaffu t-tnaqqis u l-qsim f’biċċiet taż-żona inkwistjoni.

78.

Għal dawn ir-raġunijiet, nikkonkludi li t-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għandu jiġi milqugħ.

D – It-tielet ilment: l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats

1. L-argumenti tal-partijiet

79.

Il-Kummissjoni ssostni li minħabba li s-sit ta’ “Campiñas de Sevilla” kien ikklassifikat bħala ŻPS, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”. Essenzjalment, l-argumenti mressqa huma l-istess bħal dawk tat-tieni motiv tal-ilment.

80.

Il-Gvern Spanjol isostni li minn Lulju 2008 lil hawn, huwa kien konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”. Fil-fehma tiegħu l-Kummissjoni naqset milli turi, minn Lulju 2008 lil hawn, xi tfixkil attwali għall-għasafar jew xi deterjorazzjoni fil-protezzjoni tagħhom. Il-Gvern Spanjol iqis li r-riskji li sar riferiment għalihom mill-Kummissjoni huma dwar “it-tieni proġett” (jiġifieri iktar xogħlijiet u l-bidu tas-servizz tal-ferrovija ta’ veloċità għolja). F’kull każ dawk ir-riskji kienu tqiesu b’mod adegwat fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni.

2. L-evalwazzjoni

81.

“Campiñas de Sevilla”, is-sit inkwistjoni f’din il-kawża, kien ikklassifikat bħala ŻPS fid-29 ta’ Lulju 2008. L-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi li l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għandu jiġi ssostitwit mill-obbligi li jirriżultaw, fost l-oħrajn, mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” mid-data tal-klassifikazzjoni ta’ ŻPS minn Stat Membru skont id-Direttiva “Għasafar” ( 23 ).

82.

Filwaqt li l-kliem tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” jidher iktar strett minn dak tad-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva “Habitats”, jidher li huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra ikbar sabiex jintervjenu f’ŻPSs ġaladarba żona partikolari tkun ġiet ikklassifikata bħala tali ( 24 ). B’mod iktar preċiż, ikun imur kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni li huma l-bażi tad-Direttiva “Habitats” — li huma simili għal dawk tad-Direttiva “Għasafar” — li jitħalla jkun hemm iktar tfixkil mifrux ġaladarba tkun fil-fatt seħħet il-klassifikazzjoni.

83.

Dan huwa għaliex l-analiżi tiegħi iktar ’il fuq dwar il-ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għandha tapplika bl-istess qawwa għad-Direttiva “Habitats”. Ikun biżżejjed, għalhekk, li sempliċement inżid dan li ġej.

84.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li attività titqies kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” sakemm dik l-attività ma toħloqx xi tfixkil li x’aktarx jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ dik id-direttiva, partikolarment l-għanijiet tagħha ta’ konservazzjoni ( 25 ). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat livell relattivament baxx ta’ prova f’dak li għandu x’jaqsam ma’ deterjorazzjoni u tfixkil. B’mod iktar speċifiku, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li jkun hemm probabbiltà jew riskju ta’ tfixkil sinjifikattiv ( 26 ).

85.

Kif spjegajt iktar ’il fuq, effett sinjifikattiv fuq l-ambjent — l-iktar fuq il-habitat tal-għadd ta’ għasafar li hemm fiż-żona inkwistjoni — jidher probabbli, jekk ma huwiex ċert, sempliċement minħabba li pjattaforma elevata tibdel u taqsam f’biċċiet żona kklassifikata bħala ŻPS. Madankollu, għall-finijiet li jiġi stabbilit ksur skont id-Direttiva “Habitats”, il-fatt li jkun hemm b’mod statiku pjattaforma ta’ ferrovija fil-konfini taż-ŻPS fiż-żmien rilevanti, jiġifieri mid-29 ta’ Lulju 2008, ma huwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit ksur tal-l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi li sseħħ xi għamla ta’ deterjorazzjoni jew tfixkil attivi u/jew passivi biex din tkun tapplika. Xorta oħra, il-fatt li seta’ kien hemm qabel xi installazzjoni fiż-żona sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS seta’ jwassal għal ksur ta’ obbligi skont dik id-dispożizzjoni.

86.

F’dan il-każ, madankollu, huwa ċar mis-sottomissjonijiet tal-partijiet li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mal-proġett inkwistjoni tkomplew (u kienu fl-aqwa tagħhom) fil-perijodu rilevanti. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni twaqqfu biss fl‑2009. Fin-nuqqas ta’ xi sottomissjoni fis-sens li x-xogħlijiet li kienu twettqu wara d-29 ta’ Lulju 2008 kienu titjib żgħir fi struttura diġà mibnija jew li kienu jikkonċernaw parti żgħira tal-linja tal-ferrovija fiż-ŻPS, ikolli naqbel mal-Kummissjoni.

87.

Fir-rigward ta’ riskji relatati ma’ xogħlijiet fil-ġejjieni u t-tħaddim tal-ferrovija, il-Gvern Spanjol jargumenta li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” ma jeżiġix li jittieħdu b’mod immedjat miżuri korrettivi jew preventivi għal riskji li jistgħu jseħħu (jew jistgħu ma jseħħux) fil-ġejjieni. Naqbel. Dwar din il-kwistjoni nagħmel riferiment għall-osservazzjonijiet tiegħi fil-punt 69 iktar ’il fuq.

88.

Għalhekk, naqbel mal-Kummissjoni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, mid-data li fiha ż-żona inkwistjoni kienet ġiet ikklassifikata bħala ŻPS.

V – Spejjeż

89.

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta kull parti tirbaħ fuq xi wħud mit-talbiet u titlef fuq oħrajn, il-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Billi l-Kummissjoni rebħet parzjalment fil-kawża tagħha, il-partijiet għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VI – Konklużjoni

90.

Meqjus dan ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tiddikjara, fir-rigward tat-taqsimiet “Marchena-Osuna I” u “Machena-Osuna II” tal-proġett tal-ferrovija kkontestat, li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi sad-data li fiha s-sit naturali affettwat mill-proġett ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, u skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa sa mid-data li fiha s-sit naturali affettwat mill-proġett ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali,

tiċħad il-kumplament tar-rikors, u

tikkundanna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1985, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151) u d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 20, p. 7). Din id-direttiva tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98) kif emendata. Id-dispożizzjonijiet rilevanti hawnhekk ma ġewx emendati b’mod sostanzjali mill-adozzjoni tad-Direttiva 79/409.

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1992 (ĠU L 206, p. 7).

( 5 ) Resolución de 24 de noviembre de 2006 de la Delegación Provincial de la Consejería de Medio Ambiente en Sevilla, por la que se hace pública la Declaración de Impacto Ambiental relativa al Proyecto de renovación de vía, mejora del trazado y duplicación de plataforma del eje ferroviario transversal de Andalucía. Tramo Marchena-Osuna (tramos I y II), en los términos municipales de Marchena y Osuna (Sevilla), promovido por la Consejería de Obras Públicas y Transportes. Din id-dikjarazzjoni min-naħa tagħha tirreferi għall-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent attwali magħmula fil-kuntest tal-proġett.

( 6 ) Ara, inter alia, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑127/12, EU:C:2014:2130, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 7 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 78.

( 8 ) Sentenza Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 42.

( 9 ) Sentenza Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 42.

( 10 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, EU:C:1982:192, punt 6. Ara wkoll is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑117/02, EU:C:2004:266, punt 80, Il-Kummissjoni vs L-Italja,C‑135/05, EU:C:2007:250, punt 26, u Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑308/08, EU:C:2010:281, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 12 ) Ara, fil-kuntest tad-Direttiva “Għasafar”, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 26, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑3/96, EU:C:1998:238, punt 70.

( 13 ) Ara s-sentenza Abraham et, C‑2/07 EU:C:2008:133, punt 43. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li biex tiġi żgurata evalwazzjoni globali adegwata, l-evalwazzjoni ma tistax tkun limitata għall-effetti diretti tax-xogħlijiet previsti. Dik l-evalwazzjoni għandha tqis ukoll l-effett fuq l-ambjent li jista’ jseħħ mill-użu u mill-isfruttament tal-prodott aħħari ta’ xogħlijiet partikolari.

( 14 ) Li minnhom 13-il kilometru jinsabu fit-taqsimiet “Marchena-Osuna I” u “Marchena-Osuna II”.

( 15 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑117/00, EU:C:2002:366, punti 27 sa 30.

( 17 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C‑96/98, EU:C:1999:580, punti 4546.

( 18 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑355/90, EU:C:1993:331, punti 35 sa 37. Ara wkoll dwar dan is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑57/89, EU:C:1991:89, punti 2021.

( 19 ) Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑186/06, EU:C:2007:254, punt 29.

( 20 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑355/90, EU:C:1993:331, punt 15.

( 21 ) Ara l-premessa 4 tad-Direttiva “Għasafar”.

( 22 ) Mill-proċess tal-kawża jirriżulta wkoll li, skont l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, l-effetti tal-proġett fuq l-Otis tarda tqiesu li kienu gravi.

( 23 ) Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C‑374/98, EU:C:2000:670, punti 4446.

( 24 ) L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats” jippermetti li l-Istati Membri li jwettqu, b’ċerti kundizzjonijiet stretti, proġetti f’ŻPSs minkejja implikazzjonijiet li jistgħu jkunu negattivi għas-sit. Tali derogi jkunu permessi sakemm ma jkunx hemm soluzzjonijiet alternattivi. Il-proġett irid jitwettaq biss għal raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku, inklużi proġetti ta’ tip soċjali jew ekonomiku. F’dik is-sitwazzjoni, għandhom jittieħdu miżuri kumpensatorji meħtieġa biex jiġi żgurat li jkun hemm koerenza globali ta’ Natura 2000, u l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa. Madankollu, dik id-dispożizzjoni ma kinitx invokata f’dawn il-proċeduri.

( 25 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 126.

( 26 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata.