KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-20 ta’ Ottubru 2016 ( 1 )

Kawża C‑413/14 P

Intel Corporation Inc.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Werrej

 

I – Il-kuntest ġuridiku

 

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

 

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

 

V – L-analiżi tal-aggravji

 

A – Osservazzjonijiet ta’ introduzzjoni

 

B – L-ewwel aggravju: it-test legali li għandu jiġi applikat għall-hekk imsejħa “tnaqqis għal esklużività”

 

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

a) L-analiżi prinċipali tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet tal-appellanti magħmula mill-Qorti Ġenerali

 

i) In-normi bażiċi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar tnaqqis

 

ii) Iċ-ċirkustanzi tal-każ bħala mezz sabiex ikun iddeterminat jekk l-imġiba kkontestata aktarx ikollha effett fuq il-kompetizzjoni

 

iii) Hemm biss żewġ kategoriji ta’ tnaqqis skont il-ġurisprudenza

 

– Preżunzjoni ta’ illegalità minħabba l-forma ma tistax tiġi kkonfutata

 

– Tnaqqis għal fedeltà mhux dejjem ikunu ta’ ħsara

 

– L-effetti ta’ tnaqqis għal fedeltà jiddependu mill-kuntest

 

– Prattiki relatati jeżiġu li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha

 

iv) Konklużjoni intermedja

 

b) L-evalwazzjoni sussidjarja tal-kapaċità magħmula mill-Qorti Ġenerali

 

i) Kapaċità u/jew probabbiltà

 

ii) Il-fatturi meqjusa mill-Qorti Ġenerali insostenn ta’ konstatazzjoni ta’ abbuż

 

iii) Ċirkustanzi oħra

 

– Kopertura tas-suq

 

– Tul

 

– Il-prestazzjoni tal-kompetitur fis-suq u prezzijiet jonqsu

 

– It-test AEC

 

c) Konklużjoni

 

C – It-tieni aggravju: kopertura tas-suq sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża tkunx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha

 

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

 

2. Analiżi 42

 

D – It-tielet aggravju: klassifikazzjoni ta’ ċertu tnaqqis bħala “tnaqqis għal esklużività”

 

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

E – Ir-raba’ aggravju: id-drittijiet tad-difiża

 

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

a) Il-laqgħa inkwistjoni kienet intervista skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003

 

b) In-nota fil-fajl ma ssanatx l-iżball proċedurali

 

c) Il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-laqgħa inkwistjoni

 

F – Il-ħames aggravju: ġurisdizzjoni

 

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

a) Osservazzjonijiet ġenerali: implementazzjoni u/jew effetti?

 

b) Analiżi tal-applikazzjoni tal-kriterji ġurisdizzjonali rilevanti mill-Qorti Ġenerali

 

i) Implementazzjoni

 

ii) Effetti “kklassifikati”

 

G – Is-sitt aggravju: l-ammont tal-multa

 

1. Is-sottomissjonijiet prinċipali tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

VI – Konsegwenzi tal-analiżi

 

VII – Konklużjoni

(Appell — Artikolu 102 TFUE — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Tnaqqis għal fedeltà — Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva — Test legali applikabbli — Ksur uniku u kontinwat — Drittijiet tad-difiża — Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 — Intervista relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni — Ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni — Implementazzjoni — Effetti)

1. 

Permezz ta’ dan l-appell, Intel Corporation (iktar ’il quddiem “Intel” jew “l-appellanti”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014 fil-kawża Intel vs Il-Kummissjoni ( 2 ), li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 finali tat-13 ta’ Mejju 2009 b’rabta ma’ proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (li issa sar l-Artikolu 102 TFUE) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/C‑3/37.990 — Intel) (iktar ’il qudiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) ( 3 ).

2. 

Il-kawża tqajjem għadd ta’ kwistjonijiet ta’ prinċipju importanti. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwat” fil-kuntest ta’ dak li issa sar l-Artikolu 102 TFUE, id-diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandu jkollha fir-reġistrazzjoni tal-intervista li żżomm fl-investigazzjonijiet tagħha u fil-portata tal-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel investigazzjonijiet ta’ ksur li joriġinaw minn barra l-Unjoni.

3. 

Barra minn dan, il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tirfina l-ġurisprudenza tagħha relatata mal-abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE. B’mod iktar speċifiku, id-domanda hija dwar jekk, fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali li joħorġu mill-kawża Hoffmann-La Roche ( 4 ), ikunx iġġustifikat li ssir distinzjoni bejn tipi differenti ta’ tnaqqis. Meqjusa din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina t-test legali korrett li għandu jiġi applikat b’rabta ma’ kategorija partikolari ta’ tnaqqis, li l-Qorti Ġenerali sejħet “tnaqqis għal esklużività” fis-sentenza appellata.

4. 

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta li tqis li tnaqqis tat-tip inkwistjoni f’din il-kawża huwiex b’mod inerenti antikompetittiv. Jekk dan it-tnaqqis ikun ta’ natura antikompetittiva inerenti ma jkunx meħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ sabiex ikun iddeterminat jekk l-imġiba inkwistjoni għandhiex, effettivament, il-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq partikolari.

I – Il-kuntest ġuridiku

5.

Il-premessa 25 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 5 ) tispjega li l-Kummissjoni għandha b’mod partikolari jkollha s-setgħa tintervista lil kull persuna li jista’ jkollha informazzjoni utli u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet magħmula.

6.

L-Artikolu 19 tar-regolament jirrigwarda s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu stqarrijiet. Il-paragrafu 1 tiegħu jgħid:

“Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna naturali jew legali li jagħti l-kunsens li jiġi intervistat għall-għan li jinġabar informazzjoni relata mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni.”

7.

L-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri […]”.

8.

Il-premessa 3 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 ( 6 ) tispjega li, meta l-Kummissjoni twettaq intervista, il-persuni mismugħa għandhom jiġu mgħarrfa bil-għan tal-intervista u b’kull reġistrazzjoni li tista’ ssir.

9.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament huwa bbażat fuq is-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu dikjarazzjonijiet. Dan jipprevedi li:

“1.   Fejn il-Kummissjoni tintervista persuna bil-kunsens tagħha skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, hija għandha, fil-bidu ta’ l-intervista, tiddikjara l-bażi legali u l-għan ta’ l-intervista, u tfakkar in-natura volontarja tagħha. Hija għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja (tirreġistra) l-intervista.

2.   L-intervista tista’ ssir b’kull mezz inkluż telefon jew mezzi elletroniċi.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla. Kopja ta’ reġistrazzjoni/rekord għandha tintgħamel disponibbli lill-persuna intervistata għal approvazzjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda ta’ żmien li fiha l-persuna intervistata tista’ tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

10.

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif deskritti fis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

11.

Intel hija kumpannija bbażata fl-Istati Uniti li tiżgura d-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ mikroproċessuri (iktar ’il quddiem is-“CPU”), “chipsets” u komponenti oħra semi-kondutturi kif ukoll soluzzjonijiet għal pjattaformi fil-kuntest tal-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

12.

Fit-18 ta’ Ottubru 2000, Advanced Micro Devices (iktar ’il quddiem “AMD”) ippreżentat quddiem il-Kummissjoni ilment formali skont ir-Regolament Nru 17 ( 7 ), li hija kkompletat b’fatti u allegazzjonijiet ġodda, fil-kuntest ta’ lment addizzjonali tas-26 ta’ Novembru 2003.

13.

F’Mejju 2004, il-Kummissjoni bdiet investigazzjonijiet sabiex tifli allegazzjonijiet li kien hemm fl-ilment addizzjonali ta’ AMD.

14.

Fis-17 ta’ Lulju 2006, AMD ippreżentat ilment quddiem il-Bundeskartellamt (uffiċċju federali tal-akkordji, il-Ġermanja), fejn allegat li Intel kienet daħlet inter alia fi prattiki kummerċjali ta’ esklużjoni ma’ Media-Saturn-Holding GmbH (iktar ’il quddiem “MSH”), bejjiegħa bl-imnut Ewropea ta’ mezzi mikroelettroniċi u l-ikbar distributriċi ta’ kompjuters desktop fl-Ewropa. L-uffiċċju federali tal-akkordji skambja informazzjoni mal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett.

15.

Fit-23 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni għamlet laqgħa ma’ uffiċjal eżekuttiv anzjan, D1, ta’ Dell Inc., klijent ta’ Intel ( 8 ). Il-Kummissjoni ma daħħlitx il-lista indikattiva tas-suġġetti għal-laqgħa fil-fajl tal-każ u ma żammitx minuti tagħha. Membru tat-tim tal-Kummissjoni responsabbli għall-fajl abbozza nota xi żmien wara l-laqgħa li kienet deskritta bħala interna mill-Kummissjoni. Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni tat lill-appellanti verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din in-nota.

16.

Fis-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lill-appellanti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007”) dwar l-imġiba tagħha vis-à-vis ħames manifatturi kbar tal-informatika (Original Equipment Manufacturer, iktar ’il quddiem “OEMs”), jiġifieri Dell, Hewlett-Packard Company (HP), Acer Inc., NEC Corp. u International Business Machines Corp. (IBM).

17.

Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni bagħtet lill-appellanti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali dwar l-imġiba tagħha fir-rigward ta’ MSH u Lenovo Group Ltd (iktar ’il quddiem “Lenovo”). Din id-dikjarazzjoni kienet tinkludi provi ġodda dwar l-imġiba ta’ Intel vis-à-vis xi wħud mill-OEMs koperti bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007, li l-Kummissjoni kienet kisbet wara l-pubblikazzjoni tagħha.

18.

Wara diversi stadji proċedurali, fit-13 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni li fiha kienet tal-fehma li Intel kienet kisret l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007, billi implementat strateġija li kellha l-għan li teskludi kompetitur, AMD, mis-suq tal-mikroproċessuri CPU x86 (iktar ’il quddiem “CPUs x86”).

19.

Din id-deċiżjoni kienet tinkludi l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

20.

Il-prodotti kkonċernati huma CPUs. Arkitettura x86 hija prodott standard imfassal minn Intel għas-CPUs tagħha. Din tista’ topera kemm is-sistema ta’ operazzjoni Windows kif ukoll dik Linux. Windows hija primarjament konnessa mas-sett ta’ istruzzjonijiet x86. Qabel is-sena 2000 kien hemm diversi manifatturi ta’ CPUs x86. Madankollu, il-parti l-kbira ta’ dawn il-manifatturi kollha minn dak iż-żmien ’l hawn ħarġu mis-suq. Skont id-deċiżjoni inkwistjoni Intel u AMD huma essenzjalment l-uniċi żewġ kumpanniji li għadhom jimmanifatturaw CPUs x86.

21.

Barra dan, fid-deċiżjoni inkwistjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq rilevanti tal-prodott ma kienx usa’ mis-suq għal CPUs x86. Madankollu, ħalliet mingħajr risposta d-domanda jekk hemmx suq wieħed ta’ CPUs x86 għall-kompjuters kollha jew jekk jeħtieġx issir distinzjoni bejn tlett iswieq separati ta’ CPUs x86, jiġifieri s-suq ta’ kompjuters desktop, is-suq ta’ kompjuters notebook u s-suq ta’ servers. Skont id-deċiżjoni inkwistjoni, fid-dawl tas-sehem tas-suq ta’ Intel għal kull wieħed minn dawn is-segmenti, il-konklużjoni dwar id-dominanza tibqa’ l-istess.

22.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni s-suq ġeografiku kien iddefinit bħala dinji.

23.

Fir-rigward tad-dominanza, fil-perijodu ta’ għaxar snin eżaminat mill-Kummissjoni (1997-2007), Intel kellha sehem tas-suq ta’ iktar minn jew madwar 70 %. Barra minn dan, il-Kummissjoni identifikat ostakoli sinjifikattivi għal dħul u espansjoni fis-suq ta’ CPUs x86. Dawn l-ostakoli jirriżultaw minn investimenti li ma jistgħux jiġu rkuprati fir-riċerka u l-iżvilupp, il-proprjetà intellettwali u l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni neċessarji għall-manifattura tas-CPUs x86. Abbażi tas-sehem tas-suq ta’ Intel u tal-ostakoli għal dħul u espansjoni fis-suq rilevanti, il-Kummissjoni kkonkludiet li Intel kellha pożizzjoni dominanti f’dan is-suq għall-inqas fil-perijodu kopert mid-deċiżjoni, jiġifieri, minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007.

24.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni l-Kummissjoni identifikat żewġ tipi ta’ mġiba min-naħa ta’ Intel vis-à-vis l-imsieħba tagħha fil-kummerċ, jiġifieri tnaqqis kundizzjonali u l-hekk imsejħa “restrizzjonijiet ovvji” (naked restrictions).

25.

Fir-rigward tal-ewwel tip, Intel tat lil erba’ OEMs, jiġifieri Dell, Lenovo, HP u NEC, tnaqqis li kien suġġett għall-kundizzjoni li dawn l-OEMs jixtru s-CPUs x86 kollha tagħhom jew kważi kollha mingħand Intel. Intel tat ukoll ħlasijiet lil MSH, li kienu suġġett għall-kundizzjoni li MSH tbigħ esklużivament kompjuters li kellhom CPUs x86 ta’ Intel.

26.

Skont id-deċiżjoni inkwistjoni t-tnaqqis kundizzjonali mogħti minn Intel huwa deskritt bħala tnaqqis għal fedeltà. Fir-rigward ta’ ħlasijiet kundizzjonali ta’ Intel lil MSH il-Kummissjoni kkonkludiet li l-mekkaniżmu ekonomiku ta’ dawn il-ħlasijiet huwa ekwivalenti għal tnaqqis kundizzjonali lil OEMs.

27.

Id-deċiżjoni inkwistjoni tgħaddi wkoll sabiex tanalizza f’termini ekonomiċi l-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet lil MSH li jeskludu kompetitur ipotetiku effiċjenti daqs Intel (as efficient competitor test; iktar ’il quddiem it-“test AEC”) ( 9 ).

28.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis u l-ħlasijiet kundizzjonali ta’ Intel kellhom il-konsegwenza li jiżguraw il-fedeltà tal-OEMs strateġiċi u ta’ MSH. L-effetti ta’ dawn il-prattiki kienu komplementari, li b’mod sinjifikattiv naqqsu l-kapaċità ta’ kompetituri li jikkompetu fuq il-bażi tal-kapaċitajiet tas-CPUs x86 tagħhom. Bħala konsegwenza, l-imġiba antikompetittiva ta’ Intel ġabet magħha tnaqqis fl-għażla tal-konsumaturi u inċentivi iktar baxxi għall-innovazzjoni.

29.

Fir-rigward tat-tieni tip ta’ mġiba identifikata fid-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri “restrizzjonijiet ovvji”, il-Kummissjoni qieset li Intel kienet tat lil tliet OEMs, jiġifieri HP, Acer u Lenovo, ħlasijiet li kienu suġġetti għall-kundizzjoni li dawn l-OEMs jipposponu jew jannullaw il-varar ta’ prodotti mgħammra b’CPU li joriġina minn AMD u/jew jimponu restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-imġiba ta’ Intel fir-rigward ta’ restrizzjonijiet ovvji kienet tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni minħabba li kienet iċaħħad lil klijenti minn għażla li, mod ieħor, huma kien ikollhom. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ma kienx jikkostitwixxi kompetizzjoni normali, ibbażata fuq il-kapaċitajiet.

30.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, kull darba, l-imġiba ta’ Intel vis-à-vis tal-OEMs imsemmija iktar ’il fuq u ta’ MSH kienet tikkostitwixxi abbuż skont l-Artikolu 102 TFUE, iżda li kull abbuż individwali jagħmel ukoll parti minn strateġija waħda li għandha l-għan li teskludi lil AMD, l-unika kompetitriċi ta’ sustanza ta’ Intel, mis-suq ta’ CPUs x86. Dawn l-abbużi individwali, għalhekk, jifformaw parti minn ksur uniku tal-Artikolu 102 TFUE.

31.

Filwaqt li applikat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”) ( 10 ), il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 1.06 biljun.

32.

Id-deċiżjoni inkwistjoni tipprevedi:

“Artikolu 1

Intel […] wettqet ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 billi implementat strateġija maħsuba sabiex teskludi kompetituri mis-suq tas-CPUs x86, li kien jikkonsisti fil-fatturi li ġejjin:

(a)

l-għoti ta’ tnaqqis lil Dell bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li Dell kellha tixtri t-totalità tas-CPUs x86 tagħha mingħand Intel;;

(b)

l-għoti ta’ tnaqqis lil HP bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li HP kellha tixtri minn tal-inqas 95 % tas-CPUs x86 maħsuba għad-desktops għall-impriżi mingħand Intel;

(ċ)

l-għoti ta’ tnaqqis lil NEC bejn Ottubru 2002 u Novembru 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li NEC kellha tixtri minn tal-inqas 80 % tas-CPUs x86 maħsuba għall-klijenti PC tagħha mingħand Intel;

(d)

l-għoti ta’ tnaqqis lil Lenovo bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li Lenovo kellha tixtri t-totalità tas-CPUs x86 maħsuba għal-laptops tagħha mingħand Intel;

(e)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil [MSH] bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 li l-livell tagħhom kien ikkundizzjonat mill-fatt li [MSH] kellha tbigħ biss kompjuters mgħammra b’CPUs x86 ta’ Intel;

(f)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil HP bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 bil-kundizzjoni li: i) HP torjenta d-desktops ta’ HP mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD maħsuba għal impriżi lejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju lejn il-klijenti tas-settur pubbliku, edukattiv u mediku minflok lejn l-impriżi l-kbar; ii) HP tipprojbixxi lill-imsieħba tagħha ta’ distribuzzjoni milli jistokkjaw desktops ta’ HP mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD maħsuba għal impriżi b’tali mod li dawn il-kompjuters ikunu disponibbli biss għall-klijenti li jordnawhom mingħand HP (direttament, jew permezz tas-sieħba ta’ distribuzzjoni ta’ HP li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ aġenti kummerċjali); iii) HP tipposponi b’sitt xhur il-varar tad-desktop tagħha mgħammar b’CPU x86 ta’ AMD maħsub għal impriżi fir-reġjun [Ewropa, Lvant nofsani u Afrika];

(g)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil Acer bejn Settembru 2003 u Jannar 2004 bil-kundizzjoni li Acer tipposponi l-varar ta’ laptop mgħammar b’CPU x86 ta’AMD;

(h)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil Lenovo bejn Ġunju 2006 u Diċembru 2006 bil-kundizzjoni li Lenovo tipposponi u fl-aħħar tannulla l-varar tal-laptops tagħha mgħammra b’ CPU x86 ta’AMD.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

33.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2009, l-appellanti talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni. L-Association for Competitive Technology, Inc (iktar ’il quddiem l-“ACT”) interveniet bħala sostenn għal Intel.

34.

Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

35.

Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2014, Intel talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla totalment jew parzjalment is-sentenza appellata;

tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni inkwistjoni;

tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

36.

ACT issottomettiet risposta insostenn tat-talbiet tal-appellanti.

37.

Il-Kummissjoni tikkontendi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

38.

Intel, ACT u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2016.

V – L-analiżi tal-aggravji

39.

L-appellanti tistrieħ fuq sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju jallega żbalji ta’ liġi fil-karatterizzazzjoni legali ta’ tnaqqis deskritti bħala “tnaqqis għal esklużività” mill-Qorti Ġenerali. It-tieni aggravju jallega żball ta’ liġi fil-konstatazzjoni ta’ ksur fl-2006 u fl-2007 u fl-analiżi tar-rilevanza ta’ kopertura tas-suq. It-tielet aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “tnaqqis għal esklużività” ta’ ċerti arranġamenti ta’ tnaqqis li sempliċement ikopru għadd żgħir ta’ xirjiet li jagħmel klijent. Ir-raba’ aggravju jallega żball proċedurali li jirriżulta minn interpretazzjoni skorretta tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, dwar in-nuqqas ta’ obbligu li intervista tiġi rreġistrata. Il-ħames aggravju jistrieħ fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE u jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 102 TFUE għall-arranġamenti tal-appellanti fiċ-Ċina ma’ Lenovo fl-2006 u fl-2007. Fl-aħħar nett, is-sitt aggravju jirrigwarda l-ammont tal-multa li joriġina minn żball ta’ liġi dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi.

40.

Ser nittratta dawn il-kwistjonijiet kollha waħda wara l-oħra. Iżda qabel ma nagħmel dan, inqis li jkun utli nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-istruttura u tal-motivazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Dawn l-osservazzjonijiet jikkostitwixxu l-punt tat-tluq tal-analiżi li ġejja tal-ewwel tliet aggravji.

A – Osservazzjonijiet ta’ introduzzjoni

41.

Mill-bidu nett, ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kellhom l-għan li jwaqqfu sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħala parti mis-suq intern stabbilit mill-Unjoni ( 11 ). F’dan ir-rigward ma jistax jiġi enfasizzat iżżejjed li l-protezzjoni skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tingħata lill-proċess kompetittiv bħala tali, u mhux, pereżempju, lil kompetituri ( 12 ). Bl-istess mod, kompetituri li jkunu mġiegħla joħorġu mis-suq minħabba kompetizzjoni ħarxa, iktar milli minħabba mġiba antikompetittiva, ma humiex protetti. Għalhekk mhux kull ħruġ mis-suq ikun neċessarjament sinjal ta’ mġiba abbużiva, iżda jkun aktarx sinjal ta’ kompetizzjoni aggressiva, imma ta’ ġid u permissibbli ( 13 ). Ir-raġuni hija li, minħabba l-karattru ekonomiku tagħha, id-dritt tal-kompetizzjoni għandu l-għan, fl-aħħar mill-aħħar, li jsaħħaħ l-effiċjenza. L-importanza li tingħata lill-effiċjenza hija wkoll, fil-fehma tiegħi, riflessa b’mod ċar fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.

42.

Minn din l-enfasi jsegwi naturalment li d-dominanza bħala tali ma titqisx li tmur kontra l-Artikolu 102 TFUE. Anzi, hija biss l-imġiba li tikkostitwixxi espressjoni tas-saħħa fis-suq bi ħsara għall-kompetizzjoni u, għalhekk, għal konsumaturi, li hija pprojbita u, għaldaqstant, issanzjonata bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti.

43.

Korollarju loġiku għall-objettiv ta’ effiċjenza ikbar huwa li l-effetti antikompetittivi ta’ prattika partikolari jassumu importanza kruċjali. Irrispettivament minn jekk aħniex nittrattaw sitwazzjoni ta’ ekonomija ta’ infurzar bħal dik offruta mill-kunċett ta’ “restrizzjonijiet minħabba l-għan” fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE ( 14 ), jew waħda ta’ imġiba ta’ azjenda waħda li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jfittxu li jolqtu mġiba li jkollha effetti antikompetittivi. Sal-lum, l-għamla ta’ prattika partikolari ma tqisitx importanti.

44.

Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ tnaqqis: tnaqqis skont il-volum, “tnaqqis għal esklużività” u tnaqqis ibbażat fuq mekkaniżmu li jista’ jkollu effett li jiżgura l-fedeltà. B’kuntrast ma’ skema ta’ tnaqqis ibbażata biss fuq il-volum ta’ xiri (kategorija 1), li tirrifletti kisbiet fl-effiċjenza u fl-ekonomiji ta’ skala, skemi ta’ tnaqqis għal esklużività (kategorija 2), skont it-tassonomija użata mill-Qorti Ġenerali, huma inkompatibbli mal-objettiv ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern. Tnaqqis bħal dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jikseb dak kollu li jkun jeħtieġ jew kważi kollox mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti ( 15 ).

45.

Flimkien maż-żewġ kategoriji ta’ tnaqqis imsemmija qabel, is-sentenza appellata tagħmel riferiment għal kategorija ta’ tnaqqis residwali li għandha mekkaniżmu li jibni l-fedeltà mingħajr ma jkun hemm rabta diretta ma’ provvista esklużiva jew kważi esklużiva (kategorija 3). Din il-kategorija tinkludi tnaqqis bħal tnaqqis retroattiv ( 16 ). Il-Qorti Ġenerali qieset li tnaqqis tal-kategorija 3 għandu jkun distint minn “tnaqqis għal esklużività” minħabba li ma huwiex direttament suġġett għall-kundizzjoni tal-esklużività. Għal din ir-raġuni l-Qorti Ġenerali aċċettat li kellhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk tnaqqis bħal dan kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 17 ).

46.

Minħabba l-karattru kundizzjonali tat-tnaqqis, il-Qorti Ġenerali kklassifikat it-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti mill-appellanti bħala “tnaqqis għal esklużività”. Filwaqt li straħet fuq il-ġurisprudenza li tiddevolvi minn Hoffmann-La Roche, il-Qorti Ġenerali qieset li, sabiex hija tiddetermina jekk l-impriża inkwistjoni kinitx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, kien biżżejjed li t-tnaqqis kien “tnaqqis għal esklużività” tal-kategorija 2. Ladarba dan kien ġie stabbilit, ma kienx iktar meħtieġ li jitqiesu “iċ-ċirkustanzi kollha” sabiex jiġi vverifikat li l-imġiba kellha l-kapaċità tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Abbażi biss tal-għamla tal-imġiba, wieħed seta’ jassumi li hija kellha tali kapaċità. Dan kien minnu, skont il-Qorti Ġenerali, minħabba li tali tnaqqis huwa intenzjonat, bħala regola, li jneħħi jew li jirrestrinġi l-libertà tax-xerrej li jagħżel is-sorsi ta’ provvista tiegħu u, f’dan is-sens, ma jħallix lil klijenti jiksbu l-provvisti tagħhom mingħand produtturi kompetituri ( 18 ).

47.

Skont din il-metodoloġija l-preżunzjoni li “tnaqqis għal esklużività” offrut minn impriża dominanti jirriżulta dejjem, u mingħajr eċċezzjoni, f’esklużjoni antikompetittiva, tispira s-sentenza appellata kollha. Huwa abbażi ta’ din il-preżunzjoni li r-rilevanza tal-kuntest, u bħala estensjoni, il-ħtieġa li l-imġiba titqies li tkun kapaċi jkollha effetti antikompetittivi, ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

48.

Filwaqt li nżommu dan f’moħħna, l-eżitu tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet aggravju jiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, fuq jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqisx li din il-preżunzjoni hija korretta.

B – L-ewwel aggravju: it-test legali li għandu jiġi applikat għall-hekk imsejħa “tnaqqis għal esklużività”

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

49.

Bħala t-teżi primarja tagħha Intel, bl-appoġġ ta’ ACT, issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-klassifikazzjoni ġuridika tagħha ta’ dawk li hija sejħet “tnaqqis għal esklużività”, jiġifieri, “tnaqqis għal fedeltà fis-sens tal-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche” ( 19 ). Fil-fehma ta’ Intel il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li, b’kuntrast ma’ prattiki oħra ta’ tnaqqis u ta’ ffissar ta’ prezzijiet, tali tnaqqis huwa kapaċi b’mod inerenti jirrestrinġu l-kompetizzjoni u, għalhekk, huma antikompetittivi mingħajr ebda ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti tat-tnaqqis inkwistjoni jew il-probabbiltà li t-tnaqqis jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 20 ). F’dan il-kuntest l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta laqgħet il-konstatazzjoni ta’ abbuż mingħajr ma qieset il-probabbiltà ta’ ħsara antikompetittiva. Barra minn dan, Intel tissottometti li, f’kull każ, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-konstatazzjoni sussidjarja tagħha li tgħid li t-tnaqqis inkwistjoni f’dan il-każ kien kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 21 ).

50.

Il-Kummissjoni tikkontendi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. Issostni, essenzjalment, li dan l-aggravju huwa bbażat fuq fallaċja: li “tnaqqis għal esklużività” jikkostitwixxi sempliċement prattika ta’ ffissar ta’ prezzijiet. Il-Kummissjoni tissottometti li “tnaqqis għal esklużività” huwa b’mod inerenti differenti minn prattiki oħra ta’ ffissar ta’ prezzijiet. Fil-fehma tagħha tnaqqis b’kundizzjoni ta’ esklużività juri karatteristiċi li ma joħolqux il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk ikunux kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni f’każ speċifiku. Il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar tnaqqis ma ssostnix il-fehma tal-appellanti li ma għandha ssir ebda distinzjoni bejn “tnaqqis għal esklużività” u tnaqqis ieħor li jkollu l-effett li jiżgura l-fedeltà jew, jekk niġu f’dan, bejn prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet.

51.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni sussidjarja taċ-ċirkustanzi kollha, il-Kummissjoni tqis li l-appellanti ma għamlet l-ebda sottomissjoni li tixħet dubju dwar l-evalwazzjoni sussidjarja tal-kapaċità magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

2. Analiżi

52.

L-ewwel aggravju huwa essenzjalment intiż għad-determinazzjoni tat-test legali korrett li għandu jiġi applikat għall-hekk imsejjaħ “tnaqqis għal esklużività”. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija jekk il-Qorti Ġenerali kinitx iġġustifikata meta kkonstatat li ma kienx meħtieġ jitqiesu “ċ-ċirkustanzi kollha” sabiex jiġi vverifikat li dan it-tnaqqis kien kapaċi jkollu effett antikompetittiv. Fi kliem sempliċi: il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qieset li, minħabba l-forma tiegħu, lanqas il-kuntest ma jista’ jsalva “tnaqqis għal esklużività” minn kundanna.

53.

Mill-bidu nett, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssuġġeriet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma nara ebda raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu. Skont dan l-aggravju l-appellanti qiegħda titlob b’mod ċar li tikkontesta l-iżbalji ta’ liġi li fil-fehma tagħha jivvizzjaw il-klassifikazzjoni tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet ta’ Intel bħala “tnaqqis għal esklużività” distint minn tnaqqis ieħor li jiżgura l-fedeltà. B’mod iktar partikolari hija tikkontesta l-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx jeħtiġilha teżamina ċ-ċirkustanzi kollha qabel ma waslet għall-konklużjoni li l-imġiba kkontestata kienet tammonta għal abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE. Intel tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni sussidjarja ta’ “kapaċità” ( 22 ) li għamlet il-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tagħha din l-analiżi ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod xieraq diversi ċirkustanzi li huma rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-imġiba kkontestata hijiex kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għalkemm marbuta mill-qrib ma’ stħarriġ tal-fatti, din il-kwistjoni ma tistax tevita stħarriġ ġudizzjarju minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 256 TFUE, tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali u l-konklużjonijiet legali li hija siltet minnhom.

54.

Dwar il-mertu tal-ewwel aggravju, nibda sabiex neżamina jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta li tqis li meta evalwat it-“tnaqqis għal esklużività” offrut minn Intel lill-OEMs inkwistjoni u l-prattiki kummerċjali miftiehma ma’ MSH, ma kienx jeħtieġ jiġu evalwati “iċ-ċirkustanzi kollha” sabiex ikun iddeterminat jekk l-imġiba kkontestata kinitx tammonta għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE. F’dan il-kuntest, in-normi bażiċi tal-ġurisprudenza rilevanti ser jiġu esposti sabiex jintwera li l-ġurisprudenza teżiġi analiżi taċ-ċirkustanzi kollha. Bħala korollarju loġiku ta’ din il-konklużjoni, ngħaddi sabiex neżamina l-evalwazzjoni sussidjarja magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-kapaċità tat-tnaqqis offrut mill-appellanti sabiex tiġi ristretta l-kompetizzjoni.

a) L-analiżi prinċipali tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet tal-appellanti magħmula mill-Qorti Ġenerali

55.

Kif imsemmi iktar ’il fuq (punti 44 sa 46), abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ tnaqqis: tnaqqis skont il-volum (kategorija 1), “tnaqqis għal esklużività” suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jikseb dak kollu li jkun jeħtieġ jew kważi kollox mingħand l-impriża dominanti (kategorija 2), u tipi oħra ta’ tnaqqis fejn l-għoti ta’ inċentiv finanzjarju ma jkollux rabta diretta ma’ provvista esklużiva jew kważi esklużiva (kategorija 3) ( 23 ).

56.

B’mod speċifiku l-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tnaqqis mogħti lil Dell, HP, NEC u Lenovo li għalih il-Kummissjoni għamlet riferiment, b’mod partikolari fl-Artikolu 1(a) sa (d) tad-deċiżjoni kkontestata, huwa “tnaqqis għal esklużività” tal-kategorija 2. Dan kien hekk għaliex dan it-tnaqqis kien suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-kumpanniji jixtru mingħand Intel, għall-inqas f’ċertu segment, jew is-CPUs x86 kollha li kienu jeħtieġu (fil-każ ta’ Dell u Lenovo) jew kważi kollha li kienu jeħtieġu (jiġifieri 95 % fil-każ ta’ HP u 80 % fil-każ ta’ NEC) ( 24 ). B’rabta mal-ħlasijiet magħmula lil MSH, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kienx jeħtiġilha teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ, iżda kien jeħtiġilha biss turi li l-appellanti kienet tat inċentiv finanzjarju li kien suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività ( 25 ).

57.

B’mod partikolari, billi straħet fuq id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Hoffmann-La Roche ( 26 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kwistjoni ta’ jekk “tnaqqis għal esklużività” jistax jiġi kklassifikat bħala abbużiv ma tiddependix fuq evalwazzjoni tal-kapaċità tat-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ( 27 ).

58.

L-appellanti tissottometti li din il-konklużjoni hija żbaljata fil-liġi. B’mod partikolari ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod skorrett, injorat ir-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi oħra li kienu jirrigwardaw tnaqqis skont l-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll dawk li kienu jittrattaw prattiki oħra ta’ ffissar ta’ prezzijiet.

59.

F’dan li ġej ser nispjega għaliex naqbel mal-appellanti.

i) In-normi bażiċi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar tnaqqis

60.

Fuq nota ġenerali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi nuqqas ta’ fiduċja f’varjetà ta’ mekkaniżmi differenti ta’ tnaqqis offrut minn impriżi dominanti. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li huwa ġeneralment meqjus li impriżi dominanti għandhom responsabbiltà speċjali li ma jħallux l-imġiba tagħhom iddgħajjef il-kompetizzjoni fis-suq intern ( 28 ). Minn din ir-responsabbiltà speċjali jsegwi li mekkaniżmi li b’xi mod jew ieħor jorbtu lil klijenti jiksbu provvisti mill-impriża dominanti partikolari, jitqiesu bħala li jiżguraw il-fedeltà u, għalhekk, presumibbilment abbużivi.

61.

Mill-prinċipji ġurisprudenzjali li joħorġu mis-sentenza fundamentali Hoffmann-La Roche isegwi li tnaqqis li huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jixtri kollox jew kważi kollox li jkun jeħtieġlu mill-impriża dominanti huwa presumibbilment illegali. L-istess preżunzjoni ta’ illegalità tapplika għal tnaqqis ieħor li wkoll jiżgura l-fedeltà, anki jekk ma jkunx ibbażat formalment fuq esklużività. Tnaqqis, kemm jekk ikun retroattiv u individwalizzat, bħal fil-kawżi Michelin I ( 29 ), British Airways ( 30 ) u Tomra ( 31 ), jew ikun ibbażat fuq is-sehem tas-suq u individwalizzat bħal fil-kawża Hoffmann-La Roche ( 32 ), tqies bħala antikompetittiv mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sa issa l-uniku tip ta’ tnaqqis li ma ntlaqatx mill-preżunzjoni ta’ illegalità huwa dak li huwa bbażat fuq il-volum. Dan it-tnaqqis għandu rabta biss mal-volum ta’ xiri magħmul minn impriża f’pożizzjoni dominanti ( 33 ).

62.

Ir-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti minn Intel jistgħu jiġu deskritti bħala tnaqqis għal fedeltà abbażi tas-sehem tas-suq ( 34 ). Sabiex ikun eliġibbli għal skont il-klijent għandu jikseb ċertu perċentwali tal-ħtiġijiet tiegħu mill-impriża dominanti. Kif ġie spjegat, filwaqt li siltet mid-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Hoffmann-La Roche, il-Qorti Ġenerali qieset li, meta tnaqqis ikun tnaqqis għal esklużività tal-kategorija 2, ma jkunx meħtieġ jitqies jekk tali tnaqqis ikunx kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ ( 35 ).

63.

Hoffmann-La Roche kienet tirrigwarda skema ta’ tnaqqis ibbażata fuq is-sehem tas-suq li kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-klijent jixtri ċertu perċentwali tal-ħtiġijiet tiegħu mill-impriża dominanti. B’mod iktar speċifiku, it-tnaqqis kien inkrementali skont il-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ magħmul mix-xiri ( 36 ). F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tnaqqis għal fedeltà ma huwiex ibbażat fuq tranżazzjoni ekonomika li tiġġustifika dan l-oneru jew il-benefiċċju. Minflok, dan huwa, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, intenzjonat li jneħħi jew jirrestrinġi l-libertà tax-xerrej milli jagħżel minn fejn jikseb il-provvista tiegħu u sabiex iċaħħad lil produtturi oħra minn aċċess għas-suq ( 37 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, “impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti f’suq u torbot lil xerrejja […] b’obbligu jew wegħda min-naħa tagħhom li jiksbu l-ħtiġijiet kollha jew kważi kollha tagħhom esklużivament minn dik l-impriża, tkun qiegħda tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu [102 TFUE], kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr kwalifika ulterjuri kif ukoll jekk ix-xerrej jidħol għalih bħala korrispettiv għall-għoti ta’ tnaqqis” ( 38 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiddeċiedi li “l-istess japplika jekk l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja b’obbligu formali, tapplika, skont it-termini tal-ftehimiet milħuqa ma’ dawk ix-xerrejja jew unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri, skonti suġġetti għall-kundizzjoni li l-klijent jikseb — kemm jekk il-kwantità tax-xiri tiegħu tkun kbira jew le — il-ħtiġijiet kollha jew kważi kollha tiegħu mill-impriża f’pożizzjoni dominanti” ( 39 ).

64.

Meta għamlet dik id-dikjarazzjoni fundamentali l-Qorti tal-Ġustizzja ma semmiet xejn dwar il-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk abbuż minn pożizzjoni dominanti jkunx ġie stabbilit skont l-istandard legali meħtieġ.

65.

Meqjus minn dan l-aspett, forsi ma huwiex ta’ sorpriża li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’dan il-mod.

66.

Madankollu għandu diġà jiġi nnotat li f’Hoffmann-La Roche il-konklużjoni dwar l-illegalità tat-tnaqqis inkwistjoni kienet, madankollu, ibbażata fuq analiżi bir-reqqa ta’, inter alia, il-kundizzjonijiet dwar l-għoti tat-tnaqqis u tas-sehem tas-suq li kien ikopri ( 40 ). Kien abbażi ta’ din l-analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tnaqqis għal fedeltà inkwistjoni kien, f’dik il-kawża, intenzjonat, billi jagħti vantaġġ finanzjarju, li ma jħallix li l-klijenti jiksbu l-provvisti tagħhom mingħand produtturi kompetituri.

67.

Minn Hoffmann-La Roche ’il hawn, kif il-Qorti Ġenerali sewwa nnotat ( 41 ), il-ġurisprudenza ffokat prinċipalment fuq li tistabbilixxi l-kriterji xierqa sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża tkunx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi tuża skemi ta’ tnaqqis li ma jkollhomx rabta diretta ma’ provvista esklużiva jew kważi esklużiva. Dan huwa t-tnaqqis li, fit-tassonomija użata fis-sentenza appellata, jaqa’ fil-kategorija 3.

68.

F’din il-ġurisprudenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet b’mod kostanti d-dikjarazzjoni ta’ prinċipju li toħroġ minn Hoffmann-La Roche dwar l-abbużività preżunta tat-tnaqqis għal fedeltà. Mandankollu, kif ACT korrettement innotat fis-seduta, fil-prattika l-Qorti tal-Ġustizzja dejjem konsistentement qieset “iċ-ċirkustanzi kollha” sabiex taċċerta jekk l-imġiba kkontestata tammontax għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarja għall-Artikolu 102 TFUE.

69.

F’Michelin I, kawża ewlenija dwar tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun meħtieġ jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fil-każ ta’ sistema ta’ skonti li ma tkunx ibbażata fuq negozju esklużiv jew fuq obbligu li porzjon speċifiku ta’ provvisti jinkiseb mill-impriża dominanti ( 42 ). F’kawżi oħra sussegwenti relatati ma’ tnaqqis li ma jkunx b’mod dirett suġġett għall-kundizzjoni tal-esklużività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża tkunx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, ikun utli jitqiesu l-kriterji u r-regoli għall-għoti tal-iskont u jekk, billi jagħti vantaġġ li ma jkunx ibbażat fuq xi servizz ekonomiku li jiġġustifikah, l-iskont għandux it-tendenza li jneħħi jew jirrestrinġi l-libertà tax-xerrej li jagħżel minn fejn jixtri l-provvisti tiegħu, li jxekkel l-aċċess tal-kompetituri għas-suq jew li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti billi jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 43 ).

70.

Madankollu, repetizzjoni insistenti ta’ dikjarazzjoni ta’ prinċipju dwar l-abbużività preżunta ma hijiex, kif turi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ekwivalenti għal nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi f’każ konkret. Fil-fatt is-sentenza appellata tikkostitwixxi waħda mill-ftit kawżi fejn id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Hoffmann-La Roche kienet applikata verbatim, mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li impriża kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha ( 44 ). Bħala ġustifikazzjoni għal dan l-approċċ strett fir-rigward tat-“tnaqqis għal esklużività”, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li t-tnaqqis u l-ħlasijiet magħmula minn Intel kienu suġġetti għall-kundizzjoni tal-esklużività (b’mod simili, iżda mhux identiku għal dawk f’Hoffmann-La Roche, meqjus in-nuqqas ta’ obbligu ta’ esklużività formali). Din iċ-ċirkustanza serviet sabiex tiddistingwi din il-kawża minn dawk imsemmija fil-punt ta’ qabel dan.

71.

Għalhekk, jista’ faċilment jiġi konkluż li, prima facie, is-sentenza appellata sempliċement tafferma mill-ġdid il-ġurisprudenza eżistenti u tapplikaha għall-imġiba ta’ Intel.

72.

Madankollu tali konklużjoni tħalli barra l-importanza tal-kuntest legali u ekonomiku skont din l-istess ġurisprudenza.

ii) Iċ-ċirkustanzi tal-każ bħala mezz sabiex ikun iddeterminat jekk l-imġiba kkontestata aktarx ikollha effett fuq il-kompetizzjoni

73.

F’din it-taqsima ser nispjega għaliex abbuż minn pożizzjoni dominanti qatt ma huwa stabbilit fl-astratt: anki fil-każ ta’ prattiki preżunti illegali l-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement eżaminat il-kuntest legali u ekonomiku tal-imġiba kkontestata. F’dan is-sens, l-analiżi tal-kuntest tal-imġiba taħt skrutinju tikkostitwixxi korollarju neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx seħħ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Dan ma huwiex ta’ sorpriża. L-imġiba taħt skrutinju għandha, għall-inqas, tkun tista’ teskludi kompetituri mis-suq sabiex taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE ( 45 ).

74.

Anki jekk wieħed jifli ftit il-kawżi diskussi iktar ’il fuq (punti 66 sa 69), wieħed jara li l-ġurisprudenza ma tonqosx milli teżamina l-kuntest legali u ekonomiku tal-imġiba ‑ jew, fil-kawżi relatati mal-Artikolu 102 TFUE, li tuża l-formula standard “iċ-ċirkustanzi kollha” ‑ sabiex tiddetermina jekk impriża tkunx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha. Dan huwa l-każ kemm għal tnaqqis suġġett għall-kundizzjoni tal-esklużività, kif ukoll għal tipi oħra ta’ arranġamenti li jiżguraw il-fedeltà.

75.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ Hoffmann-La Roche tħalli barra punt importanti. Kuntrarjament għal dak li kien deċiż fis-sentenza appellata ( 46 ) f’Hoffmann-La Roche, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset diversi ċirkustanzi relatati mal-kuntest legali u ekonomiku tat-tnaqqis sabiex tiddeċiedi li l-impriża inkwistjoni kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha. Huwa minnu li din is-sentenza ma tgħidx espliċitament li analiżi taċ-ċirkustanzi kollha hija kruċjali sabiex ikun iddeterminat jekk l-imġiba kkontestata tammontax għal abbuż minn pożizzjoni dominanti. Madankollu, kif ġie nnotat iktar ’il fuq (punt 66), ħarsa iktar mill-qrib lejn is-sentenza turi li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat dettaljatament b’mod ta’ min ifaħħru l-karatteristiċi tas-suq farmaċewtiku inkwistjoni, il-kopertura tas-suq tat-tnaqqis, kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti bejn l-impriża dominanti u l-klijenti tagħha ( 47 ). Abbażi ta’ din l-analiżi ddettaljata tal-kuntest legali u ekonomiku tat-tnaqqis, jiġifieri l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis, il-kopertura tas-suq li dan kellu, kif ukoll it-tul tal-arranġamenti ta’ tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li tnaqqis għal fedeltà huwa illegali, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 48 ).

76.

Kif il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fis-sentenza appellata ( 49 ), minbarra Hoffmann-La Roche, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar skemi ta’ tnaqqis (minbarra dawk ibbażati purament fuq il-volum) irriteniet konsistentement u espliċitament li jkun ta’ importanza partikolari li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba kkontestata tammontax għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarja għall-Artikolu 102 TFUE ( 50 ). Bħala tali dan ma huwiex sorprendenti: apparti Hoffmann-La Roche, ma nafx li l-Qorti tal-Ġustizzja semgħet kawżi oħra dwar obbligi ta’ provvista esklużiva simili għal dawk inkwistjoni hemmhekk. Ma huwiex sorprendenti, għalhekk, li l-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha ttenniet għal darb’oħra wkoll fil-kawża Post Danmark II, deċiżjoni preliminari mogħtija wara li kienet ingħatat is-sentenza appellata, b’rabta ma’ tnaqqis retroattiv li ma kienx marbut b’obbligu ta’ esklużività ( 51 ).

77.

Iżda x’timplika analiżi taċ-“ċirkustanzi kollha”?

78.

Fil-fehma tiegħi, l-analiżi tal-“kuntest” ‑ jew taċ- “ċirkustanzi kollha”, kif tissejjaħ fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ‑ għandha l-għan li b’mod sempliċi imma kritiku taċċerta li jkun ġie stabbilit, sal-istandard legali meħtieġ, li impriża tkun abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha ( 52 ). Anki fil-każ ta’ mġiba li apparentement tkun evidentement esklużiva, bħal iffissar ta’ prezzijiet inqas mill-ispejjeż, il-kuntest ma jistax jitħalla barra ( 53 ). Mod ieħor, imġiba li, xi drabi, sempliċement ma tkunx kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni tinqabad bi projbizzjoni ġenerali. Tali projbizzjoni ġenerali jkollha r-riskju taqbad u tippenalizza mġiba favur il-kompetizzjoni.

79.

Għal din ir-raġuni l-kuntest huwa essenzjali.

iii) Hemm biss żewġ kategoriji ta’ tnaqqis skont il-ġurisprudenza

80.

Għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE, tnaqqis għal fedeltà jikkositwixxi ‑ fil-fehma tiegħi ‑ kważi l-ekwivalenti ta’ restrizzjonijiet minħabba l-għan abbażi tal-Artikolu 101 TFUE. Dan minħabba li tnaqqis għal fedeltà, bħal restrizzjonijiet minħabba l-għan, presumibbilment huwa illegali. Madankollu, kif diġà ġie nnotat iktar ’il fuq (punt 61), tnaqqis għal fedeltà għandu jinftiehem li jinkludi mhux biss dak suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jikseb il-ħtiġijiet kollha jew kważi kollha tiegħu speċifikament mill-impriża dominanti, imma wkoll dak bi strutturi ta’ ffissar ta’ prezzijiet b’kundizzjoni li l-klijent jilħaq mira partikolari.

81.

Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tiddistingwi bejn żewġ, mhux tliet, kategoriji ta’ tnaqqis. Minn naħa, xi tnaqqis huwa presumibbilment legali, bħal tnaqqis skont il-volum ( 54 ). Kull investigazzjoni dwar il-legalità jew l-illegalità ta’ tali tnaqqis bilfors teħtieġ eżami sħiħ tal-effetti attwali jew potenzjali tiegħu. Dan it-tip ta’ tnaqqis ma huwiex inkwistjoni hawnhekk.

82.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ tnaqqis għal fedeltà (li presumibbilment huwa illegali), irrispettivament minn jekk dan it-tnaqqis huwiex direttament suġġett għall-kundizzjoni tal-esklużività jew le, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża approċċ li juri ċertu xebh mal-approċċ ta’ restrizzjonijiet minħabba l-għan abbażi tal-Artikolu 101 TFUE. Dan minħabba li, anki skont din id-dispożizzjoni, sabiex jiġi aċċertat jekk ċerta mġiba tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan, il-kuntest legali u ekonomiku tal-imġiba kkontestata għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat sabiex tiġi eskluża kull spjegazzjoni plawsibbli oħra għal din l-imġiba. Fi kliem ieħor, il-kuntest partikolari tal-imġiba kkontestata qatt ma jiġi injorat.

83.

Kif diġà ssemma iktar ’il fuq, f’Hoffmann-La Roche, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset iċ-ċirkustanzi kollha. Rekwiżit f’dan is-sens kien iktar tard ifformulat b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Michelin I b’rabta ma’ tnaqqis li ma kienx relatat direttament ma’ esklużività. Dan ir-rekwiżit kien sussegwentement irfinat f’kawżi bħal British Airways, Michelin II u Tomra. L-għan ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi kollha huwa li jiġi aċċertat jekk ikunx ġie stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti sal-istandard legali meħtieġ u jekk, bħala konsegwenza ta’ dan, it-tnaqqis jistax ikollu effett ta’ esklużjoni antikompetittiva.

84.

Fis-sentenza appellata, madankollu, il-Qorti Ġenerali marret pass lil hinn. Billi applikat id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Hoffmann-La Roche letteralment, mingħajr ma qiegħdet din id-dikjarazzjoni fil-kuntest proprju tagħha, hija ddistingwiet tip sekondarju wieħed ta’ tnaqqis għal fedeltà, li hija sejħet “tnaqqis għal esklużività”, minn tipi oħra ta’ tnaqqis li jiżguraw il-fedeltà ( 55 ). Meta għamlet hekk hija ħolqot “kategorija superjuri” ta’ tnaqqis li fir-rigward tagħha ma huwiex meħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi deċiż li l-imġiba kkontestata tkun tfisser abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE. Iktar importanti huwa li l-abbużività ta’ tali tnaqqis hija preżunta b’mod astratt, abbażi purament tal-għamla tiegħu.

85.

Dan bl-ebda mod ma huwa pass metodoloġikament evidenti minnu nnifsu li wieħed għandu jieħu. L-erba’ raġunijiet li ġejjin jispjegaw għaliex.

– Preżunzjoni ta’ illegalità minħabba l-forma ma tistax tiġi kkonfutata

86.

L-ewwel nett, kieku kellu jiġi aċċettat li “tnaqqis għal esklużività” jikkostitwixxi kategorija distinta ta’ tnaqqis li għandha tiġi distinta minn tipi oħra ta’ skemi ta’ tnaqqis li jiżguraw il-fedeltà, il-preżunzjoni sottostanti ta’ illegalità ma tkunx tista’ iktar tiġi kkonfutata ( 56 ). Dan huwa hekk minħabba li tali projbizzjoni hija bbażata fuq il-forma tal-imġiba minflok fuq l-effetti tagħha.

87.

Fil-fatt is-sentenza appellata tidher li tieħu bħala l-punt tat-tluq li “tnaqqis għal esklużività”, meta jiġi offrut minn impriża dominanti, ma jista’ jkollu taħt l-ebda ċirkustanza effetti ta’ ġid għall-kompetizzjoni. Dan huwa għaliex, skont il-Qorti Ġenerali, il-kompetizzjoni tiġi ristretta sempliċement bl-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti nfisha ( 57 ). Din il-perspettiva tammonta għal ċaħda tal-possibbiltà, diġà aċċettata f’Hoffmann-La Roche ( 58 ), u mtennija fis-sentenza appellata ( 59 ), li wieħed jinvoka ġustifikazzjoni oġġettiva (favur il-kompetizzjoni) għall-użu tat-tnaqqis inkwistjoni.

88.

Bil-kontra ta’ dak li ssuġġeriet il-Kummissjoni fis-seduta, ma hemmx effiċjenza jew xi kunsiderazzjoni oħra li jistgħu jgħinu lil impriża tiġġustifika l-użu ta’ “tnaqqis għal esklużività” meta l-projbizzjoni tirrigwarda l-forma, iktar milli l-effetti ( 60 ). Tabilħaqq, irrispettivament mill-effetti, il-forma tibqa’ l-istess. Dan huwa problematiku. L-impriża dominanti għandha tkun kapaċi, kif il-Qorti Ġenerali sewwa nnotat fis-sentenza appellata ( 61 ), u kif il-Kummissjoni nfisha aċċettat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, tiġġustifika l-użu ta’ skema ta’ tnaqqis billi ġġib provi li l-effett ta’ esklużjoni prodott jista’ jiġi kkontrobbilanċjat jew saħansitra megħlub minn vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza ( 62 ).

– Tnaqqis għal fedeltà mhux dejjem ikunu ta’ ħsara

89.

It-tieni nett, il-ħolqien ta’ “kategorija superjuri” ta’ tnaqqis ikun iġġustifikat biss jekk jitqies li ma jista’ jkun hemm ebda karatteristika pożittiva fir-rigward ta’ arranġamenti suġġetti għall-kundizzjoni tal-esklussività, irrispettivament miċ-ċirkustanzi individwali tal-każ speċifiku. B’mod paradossali, madankollu, il-Qorti Ġenerali nfisha ammettiet li anki kundizzjonijiet ta’ esklużività jista’ jkollhom effetti benefiċi. Madankollu hija ċaħdet kull ħtieġa li dawn l-effetti jiġu eżaminati u dan għar-raġuni li, minħabba l-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq, il-kompetizzjoni hija diġà u b’mod innegabbli ristretta ( 63 ).

90.

L-esperjenza u l-analiżi ekonomika ma jissuġġerux b’mod inekwivoku li tnaqqis għal fedeltà huwa, bħala regola, ta’ ħsara jew antikompetittiv, anki meta offrut minn impriżi dominanti ( 64 ). Dan għaliex it-tnaqqis isaħħaħ ir-rivalità, il-qofol proprju tal-kompetizzjoni.

91.

Huwa minnu, madankollu, li, fir-rigward tat-tnaqqis, l-ikbar tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni jingħad li jinqala’ meta l-klijenti ta’ impriża dominanti jkollhom jassorbu perċentwali tal-prodotti tagħha u/jew meta l-iskont ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jixtri l-ħtiġijiet kollha tiegħu (jew parti sostanzjali minnhom) mingħandha. Dan jista’ jitqies bħala argument favur li “tnaqqis għal esklużività” jiġi ttrattat b’mod iktar strett. Madankollu, tipi oħra ta’ tnaqqis jista’ jkollhom effett simili ta’ distorsjoni. Dan huwa hekk anki meta l-iskema ma tkunx relatata espliċitament ma’ esklużività ( 65 ).

92.

Tabilħaqq, kif turi b’mod ċar il-ġurisprudenza, mekkaniżmu li jiżgura l-fedeltà jista’ jieħu għamliet differenti. Bħalma kien il-każ f’Hoffmann-La Roche ( 66 ) u f’Tomra ( 67 ), il-mekkaniżmu ta’ fedeltà jista’ jkun inerenti fir-rekwiżit li l-klijent jixtri l-ħtiġijiet materjali kollha tiegħu jew kważi kollha mill-impriża dominanti. Jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ miri ta’ bejgħ jew bonuses individwalizzati ( 68 ) jew bonuses ( 69 ), li ma jkunux neċessarjament marbuta ma’ proporzjon partikolari ta’ ħtiġijiet jew bejgħ.

93.

Meqjus f’dan id-dawl, ma hemmx raġuni oġġettiva għaliex tnaqqis tal-kategorija 2 għandu jingħata trattament iktar strett minn dak tal-kategorija 3.

– L-effetti ta’ tnaqqis għal fedeltà jiddependu mill-kuntest

94.

It-tielet nett, letteratura kontemporanja dwar l-ekonomija komunement tenfasizza li l-effetti ta’ esklużività jiddependu mill-kuntest ( 70 ). Għall-kuntrarju, ftit huma l-kummentaturi li jiċħdu li tnaqqis għal fedeltà b’mod partikolari jista’ ‑ jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu ‑ ikollhom effett ta’ esklużjoni antikompetittiva.

95.

L-għarfien ta’ dipendenza fuq kuntest jista’ jgħin ukoll fl-ispjegazzjoni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza reċenti tagħha dwar l-Artikolu 102 TFUE, saħqet dwar l-importanza li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha. Għamlet hekk, inter alia, f’Tomra. Bla ebda dubju, kif osservat il-Qorti Ġenerali ( 71 ), it-tnaqqis taħt skrutinju fl-appell f’Tomra kien jirrigwarda tnaqqis individwalizzat retroattiv, jiġifieri, tnaqqis tal-kategorija 3 fit-tassonomija użata fis-sentenza appellata. Madankollu, f’Tomra l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx b’mod espliċitu distinzjoni bejn tnaqqis tal-kategoriji 2 u 3. Hija sempliċement osservat li meta tnaqqis ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jikseb il-ħtiġijiet kollha jew kważi kollha tiegħu mill-impriża dominanti, ikun meħtieġ jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba kkontestata tkunx tammonta għal abbuż minn pożizzjoni dominanti ( 72 ).

96.

Il-partijiet jisiltu konklużjonijiet opposti mid-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: iż-żewġ partijiet jissottomettu li din tagħlaq il-kontroversja dwar it-test legali li għandu jiġi applikat b’rabta ma’ “tnaqqis għal esklużività” darba għall dejjem. Iżda jkomplu ma jaqblux dwar x’għandu jkun dan it-test.

97.

Fil-fehma tiegħi, id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Tomra ma tgħinix hawnhekk. Kif juru l-interpretazzjonijiet dijametrikament opposti tal-partijiet, il-lingwaġġ użat f’dik is-sentenza fir-rigward tat-tip ta’ tnaqqis li għandu jkun suġġett għal analiżi taċ-ċirkustanzi kollha huwa sempliċement ambigwu wisq.

98.

Anzi hemm dubju dwar jekk id-distinzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata bejn Tomra u Hoffmann-La Roche hijiex iġġustifikata. F’dan ir-rigward irrid niġbed l-attenzjoni dwar żewġ punti.

99.

Minn naħa, bħal f’Tomra, f’Hoffmann-La Roche, it-tnaqqis inkwistjoni f’dik il-kawża kien wera ċerti karatteristiċi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat. Fil-fatt diversi kuntratti eżaminati f’Hoffmann-La Roche mhux biss kienu jinkludu klawżola dwar tnaqqis b’rabta mal-parti l-kbira tal-ħtiġijiet tax-xerrej iżda kienu jinkludu wkoll klawżoli dwar tnaqqis li kienu jipprovdu għal skont, li l-perċentwali tiegħu kellu jiżdied skont jekk ikunx ġie ssodisfatt il-perċentwali tal-istima tal-ħtiġijiet tax-xerrej matul il-perijodu ta’ riferiment ( 73 ). Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li distinzjoni kienet iġġustifikata minħabba differenza intrinsika preżunta bejn it-tnaqqis involut fiż-żewġ kawżi ‑ li nqis li ma huwiex il-każ ‑ il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma injorat il-kuntest tat-tnaqqis ikkontestat f’Hoffmann-La Roche. Għaliex kellha tagħmel hekk f’Tomra iktar minn tletin sena wara?

100.

Jekk xejn, id-differenza bejn it-tnaqqis inkwistjoni f’Tomra u f’Hoffmann‑La Roche huwa wieħed ta’ grad iktar milli ta’ tip. L-istess jista’ jingħad dwar Post Danmark II, kawża li fiha r-rilevanza tal-kuntest u taċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba kkontestata kinitx tfisser abbuż minn pożizzjoni dominanti kienet ikkonfermata reċentement ( 74 ).

– Prattiki relatati jeżiġu li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha

101.

Ir-raba’ u l-aħħar nett, il-ġurisprudenza relatata mal-iffissar tal-prezzijiet u mal-prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni, teżiġi, kif l-appellanti sewwa tinnota, li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża inkwistjoni abbużatx mill-pożizzjoni dominanti tagħha ( 75 ).

102.

Il-Qorti Ġenerali warrbet ir-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza minħabba li, b’kuntrast għal inċentiv għal provvista esklużiva, prezz partikolari ma jistax ikun abbużiv fi u minnu nnifsu ( 76 ). Iżda s-sentenza appellata tqis li t-tnaqqis ta’ Intel huwa antikompetittiv minħabba l-prezz ( 77 ). Fil-fehma tiegħi, it-twarrib tar-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza joħloq problema: tirriżulta f’distinzjoni mhux iġġustifikata bejn tipi differenti ta’ prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet. Tabilħaqq, tnaqqis għal fedeltà, prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni, kif ukoll prezzijiet predatorji għandhom il-karatteristika komuni li jikkostitwixxu “esklużjoni abbażi tal-prezz” ( 78 ).

103.

Ma hemmx għalfejn jingħad li huwa tal-ikbar importanza li testijiet legali applikati għal kategorija waħda ta’ mġiba jkunu koerenti ma’ dawk applikati għal prattiki komparabbli. Kategorizzazzjoni legali soda u legali hija ta’ benefiċċju mhux biss għal impriżi f’termini ta’ ċertezza legali ikbar, iżda tgħin ukoll lil awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni. Kategorizzazzjoni arbitrarja ma tagħmilx dan.

104.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li taqbel. L-iktar reċenti f’Post Danmark II, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-ġurisprudenza relatata ma’ ffissar ta’ prezzijiet u ma’ prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni insostenn tal-konstatazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ skema ta’ tnaqqis offruta minn impriża dominanti ( 79 ). Huwa minnu, madankollu, li Post Danmark II tista’ tiġi interpretata wkoll bħala li ssostni l-fehma li, f’dak li jirrigwarda “tnaqqis għal esklużività”, jista’ ma jkunx meħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha ( 80 ). Ir-raġuni għal dan hija li f’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet it-tnaqqis inkwistjoni minn dak ibbażat fuq obbligu ta’ esklużività qabel ma ddeċidiet li għandhom jitqiesu ċ-ċikustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża dominanti abbużatx mill-pożizzjoni dominanti tagħha. Tabilħaqq, jekk xejn, it-tnaqqis retroattiv li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset f’dik il-kawża kien jixbah dak li ġie meqjus, fis-sentenza appellata, li kien tnaqqis li jiżgura l-fedeltà li jaqa’ taħt il-kategorija 3 ( 81 ).

105.

Kif spjegat iktar ’il fuq, tali distinzjoni hija distinzjoni mingħajr differenza (peress li d-differenza hija fil-forma iktar milli fl-effetti). B’mod iktar fundamentali, madankollu, tali interpretazzjoni ta’ din is-sentenza hija f’kuntrast mal-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja ‑ fil-kulleġġ ġudikanti tal-Awla Manja ‑ f’Post Danmark I, fejn kien ġie deċiż li fir-rigward ta’ prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha ( 82 ). B’mod indikattiv, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet, f’punt differenti tas-sentenza tagħha Post Danmark II ‑ u hemmhekk mingħajr ma ddistingwiet bejn tipi differenti ta’ skemi ta’ tnaqqis ‑ li “l-analiżi jekk skema ta’ tnaqqis tkunx kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha” ( 83 ). Ċertament hija għamlet dan sabiex jiġi żgurat approċċ ġurisdizzjonali koerenti għall-analiżi ta’ mġiba koperta mill-Artikolu 102 TFUE.

iv) Konklużjoni intermedja

106.

Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, “tnaqqis għal esklużività” ma għandux jitqies li huwa kategorija separata u unika ta’ tnaqqis li ma jeħtieġx li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba kkontestata tammontax għal abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li “tnaqqis għal esklużività” jista’ jiġi kkategorizzat bħala abbużiv mingħajr evalwazzjoni tal-kapaċità tat-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

107.

Wara li qalet dan, il-Qorti Ġenerali għaddiet, sussidjarjament, sabiex tevalwa fid-dettall jekk it-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti mill-appellanti kinux kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Jiġifieri stħarrġet “iċ-ċirkustanzi kollha”. Din hija r-raġuni għaliex il-konstatazzjoni fir-rigward ta’ żball ta’ liġi magħmula fil-punt ta’ qabel ma timplikax neċessarjament li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. Anzi, tali konklużjoni tista’ tintlaħaq biss sakemm jirriżulta li kien hemm żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni sussidjarja magħmula mill-Qorti Ġenerali.

108.

Għalhekk, jeħtieġ li ngħaddi sabiex inqis din l-evalwazzjoni sussidjarja.

b) L-evalwazzjoni sussidjarja tal-kapaċità magħmula mill-Qorti Ġenerali

109.

L-appellanti tissottometti, essenzjalment, tliet settijiet ta’ argumenti li jixħtu dubju fuq l-evalwazzjoni sussidjarja magħmula mill-Qorti Ġenerali. L-ewwel nett, hija tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni ta’ abbuż magħmula mill-Kummissjoni mingħajr ma qieset il-probabbiltà ta’ effetti antikompetittivi. It-tieni nett, il-fatturi li l-Qorti Ġenerali qieset kienu jew irrilevanti jew eżaminati b’mod żbaljat. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina b’mod korrett diversi fatturi oħra li huma kruċjali għal konstatazzjoni ta’ abbuż.

110.

Il-Kummissjoni ssostni li ma hemmx limitu ogħla ta’ “probabbiltà” li għandu jiġi ssodisfatt (b’paragun mal-istandard tal-“kapaċità”) sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti: il-kapaċità hija biżżejjed. Fil-fehma tagħha s-sottomissjonijiet magħmula mill-appellanti ma jixħtux dubju fuq il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata fir-rigward tal-kapaċità tal-imġiba ta’ Intel li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

111.

Permezz tas-sottomissjonijiet tagħha, l-appellanti tiddubita mit-test legali li kien applikat fis-sentenza appellata sabiex ikun żgurat li l-imġiba kkontestata kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-ewwel nett: x’livell ta’ probabbiltà huwa meħtieġ f’evalwazzjoni tal-kapaċità? It-tieni nett: liema huma ċ-ċirkustanzi rilevanti li għandhom jitqiesu sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba inkwistjoni hijiex kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni? Ser neżamina kull waħda minn dawn iż-żewġ domandi waħda wara l-oħra.

i) Kapaċità u/jew probabbiltà

112.

L-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni ta’ abbuż mingħajr ma qieset il-probabbiltà ta’ ħsara antikompetittiva bl-imġiba kkontestata.

113.

Fl-evalwazzjoni sussidjarja tagħha l-Qorti Ġenerali spjegat li l-Kummissjoni tista’ tillimita lilha nfisha għad-determinazzjoni li l-imġiba taħt skrutinju kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Barra dan, hija nnotat li l-Kummissjoni ma jeħtiġilhiex tipproduċi provi li effettivament kien hemm esklużjoni meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha ( 84 ).

114.

Ċertament, ma jeħtieġx li jiġu prodotti provi ta’ effetti reali. Dan għaliex huwa biżżejjed, fir-rigward ta’ mġiba preżunta illegali, li l-imġiba kkontestata tkun kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, huwa importanti li l-kapaċità ma tistax biss tkun ipotetikament jew teoretikament possibbli. Inkella lanqas biss ma jkun hemm ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha.

115.

Huwa minnu li hemm xi ftit tad-diskrepanza fil-ġurisprudenza fir-rigward tat-terminoloġija użata. Il-ġurisprudenza tirreferi għall-kapaċità u għall-probabbiltà, xi minn daqqiet anki b’mod interkambjabbli ( 85 ). Fil-fehma tiegħi dawn it-termini jindikaw l-istess stadju obbligatorju f’analiżi intiża li tiddetermina jekk l-użu ta’ tnaqqis għal fedeltà jammontax għal abbuż minn pożizzjoni dominanti.

116.

Iżda x’inhuwa l-livell meħtieġ ta’ probabbiltà ta’ esklużjoni antikompetittiva? Din id-domanda hija l-qofol tan-nuqqas ta’ ftehim bejn l-appellanti u l-Kummissjoni fir-rigward ta’ kemm hija adegwata l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-kapaċità: filwaqt li l-Kummissjoni temmen li l-analiżi kienet adegwata, Intel issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk l-imġiba tal-appellanti setgħatx, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

117.

L-għan tal-evalwazzjoni tal-kapaċità huwa li jiġi aċċertat jekk, wisq probabbli, l-imġiba kkontestata għandhiex effett ta’ esklużjoni antikompetittiva. Għal din ir-raġuni, il-probabbiltà għandha tkun kunsiderevolment iktar minn sempliċement possibbiltà li ċerta mġiba tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 86 ). Għall-kuntrarju, il-fatt li effett ta’ esklużjoni jkun jidher iktar probabbli milli n-nuqqas tagħha sempliċement ma huwiex biżżejjed ( 87 ).

118.

Għalkemm huwa ċertament minnu li fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja saħqet konsistentement dwar ir-responsabbiltà speċjali ta’ impriżi dominanti, din ir-responsabbiltà ma tistax titqies li tfisser li l-limitu għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ abbuż stabbilit fl-Artikolu 102 TFUE jista’ jitbaxxa tant li jsir kważi ineżistenti. Dan ikun il-każ jekk il-livell ta’ probabbiltà meħtieġ sabiex ikun aċċertat li l-imġiba kkontestata tammonta għal abbuż minn pożizzjoni dominanti ma jkun xejn għajr sempliċement il-possibbiltà teoretika ta’ effett ta’ esklużjoni, kif jidher li huwa ssuġġerit mill-Kummissjoni. Jekk tali livell baxx ta’ probabbiltà kellu jiġi aċċettat, wieħed ikollu jaċċetta li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jissanzjona l-forma, mhux l-effetti antikompetittivi.

119.

Ċertament, dan ifixkel kunsiderevolment il-kisba tal-objettivi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Jekk l-eżistenza ta’ prattika abbużiva tiġi preżunta minħabba li, wara li jitqiesu l-affarijiet, esklużjoni antikompetittiva tkun tidher iktar probabbli milli n-nuqqas tagħha, dan iġib ir-riskju li jinqabdu mhux biss każijiet iżolati ta’ prattiki, iżda għadd mhux negliġibbli ta’ prattiki li jistgħu, fir-realtà, ikunu favur il-kompetizzjoni. Il-konsegwenzi negattivi ta’ tali approċċ ikunu għoljin b’mod inaċċettabbli minħabba inklużjoni żejda.

120.

Sabiex tiġi evitata inklużjoni żejda, l-evalwazzjoni tal-kapaċità li tirrigwarda mġiba presumibbilment illegali għandha tinftiehem bħala li tfittex li taċċerta li, meqjusa ċ-ċirkustanzi kollha, l-imġiba inkwistjoni ma jkollhiex biss effetti ambivalenti fuq is-suq jew tipproduċi biss effetti restrittivi anċillari meħtieġa sabiex titwettaq xi ħaġa li tkun favur il-kompetizzjoni, iżda li l-effetti restrittivi preżunti jkunu fil-fatt ikkonfermati. Jekk ma jkunx hemm tali konferma għandha ssir analiżi sħiħa.

121.

Konsegwentement, id-domanda li tqum hawnhekk hija jekk l-evalwazzjoni tal-kapaċità magħmula mill-Qorti Ġenerali hijiex konklużiva għaliex, abbażi ta’ din l-analiżi, huwa possibbli li jiġi kkonfermat li l-appellanti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. B’mod partikolari, għandu jkun aċċertat jekk, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, din l-analiżi tistax tikkonferma li t-tnaqqis ineħħi jew jirrestrinġi l-libertà tal-klijent milli jagħżel is-sorsi ta’ provvista tiegħu, jostakola lill-kompetituri milli jkollhom aċċess għas-suq jew isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti billi jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 88 ).

ii) Il-fatturi meqjusa mill-Qorti Ġenerali insostenn ta’ konstatazzjoni ta’ abbuż

122.

Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali bbażat il-konstatazzjoni li t-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti mill-appellanti kienu kapaċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq il-fatturi li ġejjin: (i) l-appellanti kienet, għall-klijenti kkonċernati, soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat; (ii) il-marġni operazzjonali dgħajfa tal-OEMs għamlu t-tnaqqis attraenti u saħħew l-inċentiv tagħhom li jkunu konformi mal-kundizzjoni ta’ esklużività; (iii) it-tnaqqis tal-appellanti kien ittieħed inkunsiderazzjoni mill-klijenti tagħha meta ddeċidew li jiksbu l-ħtiġijiet kollha jew kważi kollha tagħhom mingħand din il-kumpannija; (iv) iż-żewġ prattiki differenti tal-appellanti kkomplementaw u saħħew lil xulxin; (v) l-appellanti kellha fil-mira tagħha impriżi li kienu ta’ importanza strateġika partikolari għall-aċċess għas-suq; u fl-aħħar nett (vi) it-tnaqqis tal-appellanti kien parti minn strateġija fit-tul bil-għan li tostakola l-aċċess ta’ AMD għal kanali ta’ bejgħ l-iktar importanti ( 89 ).

123.

Intel tqis li dawn il-fatturi ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit, sal-istandard legali meħtieġ, li t-tnaqqis u l-ħlasijiet ta’ Intel kienu kapaċi jipproduċu effett ta’ esklużjoni antikompetittiva. B’mod iktar speċifiku l-appellanti ssostni li l-fatturi li l-Qorti Ġenerali straħet fuqhom jinġabru fil-qosor f’żewġ punti: li l-OEMs kienu qiesu t-tnaqqis ta’ Intel minħabba li t-tnaqqis kien attraenti, u li Intel kienet wettqet żewġ tipi ta’ ksur komplementari sabiex teskludi lil AMD minn klijenti importanti.

124.

L-ewwel nett, għalhekk, l-appellanti tikkontesta r-rilevanza taċ-ċirkustanza li t-tnaqqis u l-ħlasijiet inkwistjoni kienu attwalment tqiesu fid-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ dawk li kienu bbenefikaw minnhom ( 90 ).

125.

Naqbel mal-appellanti.

126.

Offerta attraenti, li ssarraf f’inċentiv finanzjarju sabiex wieħed jibqa’ mal-fornitur li jagħmel dik l-offerta, tista’ tkun fattur li jindika effett li jiżgura l-fedeltà fil-livell ta’ klijent individwali. Madankollu, ma tgħinx sabiex jiġi stabbilit li t-tnaqqis aktarx għandu effett ta’ esklużjoni antikompetittiva. Tabilħaqq, kif l-appellanti sewwa tinnota, huwa l-qofol tal-kompetizzjoni li klijenti jqisu prezzijiet iktar baxxi meta jieħdu deċiżjonijiet dwar xiri. Fi kliem differenti, il-fatt li prezz iktar baxx ikun fil-fatt tqies jagħmilha possibbli li jkun hemm effett ta’ esklużjoni, iżda, min-naħa l-oħra, lanqas ma jeskludi l-kuntrarju. Fi kliem ieħor, dan il-fattur huwa sempliċement inkonklużiv għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-imġiba kkontestata hijiex kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni sal-istandard meħtieġ ta’ probabbiltà.

127.

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-eżistenza ta’ strateġija globali li tinkludi żewġ tipi ta’ ksur (tnaqqis u ħlasijiet, kif ukoll restrizzjonijiet ovvji), li kienu tqiesu li jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin, ma tistax tistabbilixxi l-kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 91 ).

128.

Filwaqt li strateġija ta’ esklużjoni tista’ ċertament tipprovdi indikazzjoni ta’ intenzjoni suġġettiva sabiex jiġu esklużi kompetituri, ir-rieda biss li jsir hekk ma ssarrafx f’kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, wieħed jista’ jinferixxi problema iktar fundamentali mill-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, ħarsa iktar mill-qrib lejn is-sentenza appellata turi li l-Qorti Ġenerali qiegħdet il-karrettun qabel iż-żiemel: hija straħet fuq l-eżistenza ta’ strateġija globali bbażata fuq żewġ tipi ta’ ksur komplementari sabiex tiddetermina l-kapaċità tal-imġiba kkontestata li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali bdiet il-motivazzjoni tagħha mill-preżunzjoni li l-istrateġija inkunsiderazzjoni kienet abbużiva, minflok ma evalwat iċ-ċirkustanzi kollha sabiex tiddetermina jekk kienx ġie stabbilit ksur sal-istandard legali meħtieġ.

129.

Wara li l-ewwel indirizzajt dawn iż-żewġ aspetti speċifiċi ta’ kritika, issa ser ngħaddi sabiex neżamina l-kritika iktar ġenerali mressqa mill-appellanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità. L-appellanti ssostni li l-fatturi meqjusa bħala rilevanti ma humiex suffiċjenti sabiex ikun aċċertat li l-imġiba kkontestata hija kapaċi ġġib esklużjoni antikompetittiva. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tattribwixxi rilevanza lil fatturi oħra li huma ta’ importanza fundamentali f’tali analiżi.

130.

Infakkar li l-analiżi taċ-ċirkustanzi kollha għandha l-għan li taċċerta li l-imġiba kkontestata, wisq probabbli, tirriżulta f’esklużjoni antikompetittiva. B’dan f’moħħna, id-domanda li tqum hija din li ġejja: il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata ‑ li Intel kienet soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat u li t-tnaqqis u l-ħlasijiet ikkontestati kellhom fil-mira tagħhom impriżi li kienu ta’ importanza strateġika għall-aċċess għas-suq ‑ huma suffiċjenti fid-dritt sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Intel? Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi minn jekk iċ-ċirkustanzi li Intel issottomettiet bħala li kienu kruċjali, u meqjusa irrilevanti mill-Qorti Ġenerali, setgħux jitfgħu dubju fuq l-imġiba preżunta antikompetittiva ta’ Intel.

131.

Ser nindirizza din il-kwistjoni issa.

iii) Ċirkustanzi oħra

132.

L-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-analiżi tagħha taċ-ċirkustanzi tal-każ meta naqset milli tqis iċ-ċirkustanzi li ġejjin: (i) it-tnaqqis u l-ħlasijiet ikkontestati ma kellhomx kopertura tas-suq suffiċjenti; (ii) it-tnaqqis ikkontestat dam għal ftit taż-żmien; (iii) il-prestazzjoni tal-kompetitur fis-suq u prezzijiet jonqsu; u (iv) it-test AEC magħmul mill-Kummissjoni.

133.

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni tqis li s-sentenza appellata stabbilixxiet, sal-istandard legali meħtieġ, li t-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti minn Intel kienu kapaċi jġibu esklużjoni antikompetittiva. Il-fatturi mhux ikkontestati huma biżżejjed sabiex jikkonfermaw il-konklużjoni li t-tnaqqis u l-ħlasijiet ta’ Intel kienu kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

134.

Ma naqbilx mal-Kummissjoni.

135.

Kif ġie spjegat diġà, b’mod li jixbah xi ftit l-ekonomija ta’ infurzar fir-rigward tar-restrizzjonijiet minħabba l-għan, abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, l-analiżi taċ-ċirkustanzi kollha skont l-Artikolu 102 TFUE tinvolvi l-eżami tal-kuntest tal-imġiba kkontestata sabiex jiġi aċċertat jekk jistax jiġi kkonfermat li din għandha effett antikompetittiv. Jekk xi waħda miċ-ċirkustanzi hekk eżaminata tixħet dubju fuq in-natura antikompetittiva tal-imġiba, tkun meħtieġa analiżi tal-effetti iktar iddettaljata.

136.

Kif ser nispjega fil-punti li ġejjin, l-analiżi taċ-ċirkustanzi kollha kellha twassal sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba kkontestata kinitx tammonta għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE, kienet meħtieġa analiżi tal-effetti attwali jew potenzjali ta’ din l-imġiba.

– Kopertura tas-suq

137.

L-appellanti ssostni li fil-kunsiderazzjoni tal-probabbiltà ta’ effett fuq il-kompetizzjoni għandu jittieħed qies tal-kopertura tas-suq li t-tnaqqis inkwistjoni għandu. Fil-fehma tagħha ma huwiex probabbli li tnaqqis għal fedeltà jirrestrinġi l-kompetizzjoni meta l-kopertura tas-suq tiegħu tkun baxxa, minħabba li porzjonijiet ikbar tas-suq ikunu jistgħu jintlaħqu minn kompetituri mingħajr il-ħtieġa li dawn tal-aħħar joffru skonti ekwivalenti. L-appellanti tinnota wkoll li, fil-każ tagħha, is-sehem marbut tas-suq kien, b’paragun, bħala medja, kunsiderevolment iktar baxx milli f’kawżi bħal Tomra u Van den Bergh Foods ( 92 ). Pereżempju, f’Tomra, is-sehem marbut tas-suq kien (bħala medja) 39 % ( 93 ). Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tqis li l-kwistjoni tal-kopertura tas-suq hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba kkontestata hijiex kapaċi twassal għal esklużjoni antikompetittiva.

138.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni sussidjarja tal-kapaċità, il-Qorti Ġenerali qalet li l-kopertura tas-suq tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet offruti mill-appellanti kienet ta’ madwar 14 % bħala medja matul il-perijodu kollu tal-ksur (jekk il-kalkolu ma huwiex limitat biss għas-sehem kontestabbli tat-talba) ( 94 ). Dehrilha li dan kien sinjifikattiv ( 95 ). Skont is-sentenza appellata, it-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti minn Intel huma differenti miċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata s-sentenza Van den Bergh Foods minħabba li l-forma tal-iskema inkunsiderazzjoni kienet differenti minn dik inkwistjoni f’dawn il-proċeduri ( 96 ).

139.

Mhux konvint li l-ġurisprudenza msemmija mill-appellanti hija irrilevanti, kif qalet il-Qorti Ġenerali. Tabilħaqq, il-mekkaniżmu ta’ esklużività f’Van den Bergh Foods kien jiffunzjona billi kien jingħata freezer b’xejn. Iżda din hija distinzjoni mingħajr differenza. L-għoti ta’ dan il-freezer kien b’kundizzjoni li jintuża esklużivament għall-ħżin tal-ġelati tal-impriża dominanti. Minħabba f’hekk, 40 % tal-bejjiegħa bl-imnut tal-ġelati kienu suġġetti għall-esklużività tal-prodott ( 97 ).

140.

Kif ġie spjegat, il-mira tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni konsistentement kienet fuq l-effetti, mhux fuq il-forma. Meqjus f’dan id-dawl, id-daqs tal-parti marbuta tas-suq hija ugwalment rilevanti, irrispettivament mill-forma tal-iskema. Din hija r-raġuni għaliex huwa ġeneralment aċċettat li l-probabbiltà ta’ effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni tiżdied skont id-daqs tas-sehem marbut tas-suq ( 98 ).

141.

Dan espost, id-definizzjoni tal-livell ta’ kopertura tas-suq li jista’ joħloq effetti antikompetittivi bl-ebda mod ma huwa eżerċizzju aritmetiku. Ma huwiex ta’ sorpriża, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-idea li għandu jiġi ddeterminat limitu preċiż għal esklużjoni mis-suq, li lil hinn minnu l-prattiki inkwistjoni jkunu jistgħu jitqiesu bħala abbużivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Dan kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Tomra ( 99 ).

142.

Huwa ċertament minnu li limiti jistgħu jkunu problematiċi minħabba l-partikolaritajiet ta’ swieq differenti u ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari. Pereżempju, meta tnaqqis għal fedeltà jkollhom fil-mira tagħhom klijenti li jkunu ta’ importanza partikolari għal kompetituri sabiex jidħlu u jespandu s-sehem tagħhom tas-suq, anki kopertura modesta tas-suq tista’ ċertament tirriżulta f’esklużjoni antikompetittiva. Jekk dan ikunx il-każ jiddependi minn għadd ta’ fatturi speċifiċi dwar dan.

143.

Meqjusa f’dan id-dawl, kopertura tas-suq ta’ 14 % tista’ jew ma tistax ikollha effett ta’ esklużjoni antikompetittiva. Dak li huwa ċert, madankollu, huwa li tali kopertura tas-suq ma tistax teskludi li t-tnaqqis inkwistjoni ma jkollux effett ta’ esklużjoni antikompetittiva. Dan huwa hekk anki jekk wieħed jassumi li t-tnaqqis u l-ħlasijiet inkwistjoni jkollhom klijenti importanti fil-mira tagħhom ( 100 ). Sempliċi ħafna, 14 % huwa inkonklużiv.

144.

Dan in-nuqqas ta’ konklużività ma jissewwiex bid-dipendenza, fis-sentenza appellata, fuq il-fatt stabbilit li l-appellanti kienet soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat fis-suq ta’ CPUs. Għandu jitfakkar li skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li impriża tkun soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat jindika, minn tal-inqas, li “tnaqqis għal esklużività” jew ħlas offrut minn tali impriża huma kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni ( 101 ).

145.

Din il-konklużjoni hija korretta biss jekk jiġi aċċettat li l-livell ta’ probabbiltà meħtieġ ma jfisser xejn iktar mis-sempliċi possibbiltà li ċerta mġiba jkollha effetti antikompetittivi. Kif spjegat qabel, madankollu, l-analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tfittex li taċċerta li l-imġiba kkontestata, wisq probabbli, għanda effett antikompetittiv.

146.

Abbażi ta’ dan nikkonkludi li l-analiżi tal-kopertura tas-suq magħmula fis-sentenza appellata ma hijiex konklużiva. Huwa importanti l-fatt li hija ma tistax tistabbilixxi, sal-istandard legali meħtieġ li s-sehem tas-suq affettwat mit-tnaqqis u mill-ħlasijiet kien biżżejjed sabiex ikun hemm esklużjoni antikompetittiva.

– Tul

147.

L-appellanti tqis li t-tul ta’ arranġament ta’ tnaqqis huwa kruċjali għal evalwazzjoni tal-kapaċità li tiġi ristretta l-kompetizzjoni. B’mod partikolari tiddubita mill-evalwazzjoni tat-tul magħmula fis-sentenza appellata, li kienet ibbażata fuq l-akkumulazzjoni ta’ bosta ftehimiet ta’ ftit tul.

148.

Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tissottometti li Intel hija żbaljata meta tqis li l-effett potenzjali ta’ esklużjoni ta’ tnaqqis għal fedeltà jista’ joriġina biss minn obbligu kuntrattwali; għall-kuntrarju, is-setgħa fis-suq tal-impriża dominanti jagħmel tali obbligi kuntrattwali inutli. Fil-qosor: it-tul huwa irrilevanti.

149.

B’mod speċifiku l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kriterju rilevanti ma huwiex it-tul tal-perijodu ta’ avviż għat-terminazzjoni ta’ kuntratt jew it-tul fiss ta’ kuntratt partikolari li jkun jagħmel parti minn sensiela ta’ kuntratti suċċessivi. Minflok, il-kriterju rilevanti huwa, fil-fehma tagħha, il-perijodu globali li matulu l-appellanti applikat tnaqqis għal esklużività u ħlasijiet vis-à-vis klijent ( 102 ). Dan il-perijodu kien ifisser madwar ħames snin fil-każ ta’ MSH, tliet snin fil-każ ta’ Dell u NEC, iktar minn sentejn fil-każ ta’ HP u madwar sena fil-każ ta’ Lenovo. L-għoti ta’ “tnaqqis għal esklużività” u ħlasijiet matul tali perijodi tqies li ġeneralment kien kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, dan kien partikolarment minnu fir-rigward tas-suq ta’ CPUs, li huwa dinamiku ħafna u kkaratterizzat minn ċikli ta’ ħajja qosra tal-prodotti ( 103 ).

150.

Mill-bidu nett, irrid nosserva li arranġament għal ftit tul ma jeskludix li l-arranġament huwa kapaċi jkollu effetti antikompetittivi. Bl-istess mod id-domanda jekk il-perijodu globali jkunx qasir jew twil fl-astratt hija irrilevanti.

151.

Meta, bħal f’dan il-każ, l-esklużività tkun tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, mill-għażla tal-klijent li jikseb il-parti l-kbira tal-provvisti mingħand l-impriża dominanti, ma jistax sempliċement jiġi preżunt ‑ ex post facto ‑ li l-akkumulazzjoni ta’ ftehimiet ta’ ftit tul turi li dan it-tnaqqis huwa kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

152.

Hemm mill-inqas żewġ raġunijiet għal dan.

153.

L-ewwel nett, b’kuntrast ma’ sitwazzjoni ta’ negozjar esklużiv, ma hemm involuta ebda piena fil-bdil ta’ fornituri. Dan huwa minnu sakemm kompetitur ikun jista’, għall-inqas bħala prinċipju, jagħmel tajjeb għat-tnaqqis mitluf. Jekk, madankollu, il-kompetitur ma jkunx jista’ jbigħ il-prodotti inkwistjoni mingħajr telf, il-klijent ikun de facto marbut mall-impriża dominanti. Meqjus minn din il-perspettiva, lanqas id-daqs tat-tnaqqis ma jista’ jitqies li huwa għalkollox insinjifikattiv.

154.

B’mod l-iktar speċifiku, f’analiżi ex post tat-tul, bħal f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk fornitur ieħor setax jikkumpensa għat-telf tat-tnaqqis. Mod ieħor, l-għażla tal-klijent li jibqa’ mal-impriża dominanti awtomatikament titqies li tindika abbuż, minkejja l-fatt li l-klijenti jkunu jistgħu jerġgħu lura mill-ftehimiet tagħhom mal-impriża dominanti mingħajr irbit.

155.

Huwa ċar li ma jistax jiġi sempliċement preżunt, abbażi tal-għażla magħmula minn klijent li jibqa’ mal-impriża dominanti, li din l-għażla tikkostitwixxi espressjoni ta’ mġiba abbużiva. Dan huwa minħabba li jista’ jkun hemm spjegazzjonijiet plawsibbli oħra għal din l-għażla. Dawn jinkludu, iżda mhux biss, tħassib dwar il-kwalità, is-sigurtà tal-provvista u l-preferenza tal-utenti finali.

156.

It-tieni nett, tul globali estiż tal-arranġament jista’ ċertament jindika li l-mekkaniżmu tat-tnaqqis għandu effett li jiżgura l-fedeltà fil-livell tal-klijent individwali. Madankollu, jekk ma jiġux prodotti provi iktar konvinċenti f’dan ir-rigward, il-fatt li klijent ikun iddeċieda li jibqa’ mal-impriża dominanti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-tnaqqis offrut huwa kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni sal-istandard meħtieġ. Tabilħaqq, ma għandux jintesa li meta l-klijent ikollu l-għażla li jibdel il-fornituri b’mod regolari, anki meta din l-għażla ma tkunx ġiet eżerċitata, it-tnaqqis għal fedeltà jsaħħu wkoll ir-rivalità. Għalhekk jista’ jkollhom ukoll effett favur il-kompetizzjoni.

157.

Għalhekk inqis li l-analiżi tat-tul magħmula fis-sentenza appellata ‑ li kienet limitata għal analiżi tat-tul globali tal-arranġamenti taħt skrutinju ‑ ma hijiex konklużiva. B’mod tassew sempliċi, din l-analiżi ma tgħinx sabiex ikun aċċertat li din l-imġiba, wisq probabbli, għandha effett antikompetittiv.

– Il-prestazzjoni tal-kompetitur fis-suq u prezzijiet jonqsu

158.

L-appellanti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta l-prestazzjoni fis-suq ta’ AMD u l-provi dwar nuqqas ta’ esklużjoni (prezzijiet jonqsu tas-CPUs x86) għaliex irrilevanti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità.

159.

Skont il-Qorti Ġenerali, is-suċċess tal-kompetitur u prezzijiet jonqsu ma setgħux jeskludu li l-prattiki tal-appellanti ma kellhomx effett. Hija osservat li fin-nuqqas ta’ dawn il-prattiki, jista’ leġittimament jitqies li ż-żieda fis-sehem tas-suq tal-kompetitur u fl-investiment tiegħu fir-riċerka u l-iżvilupp u t-tnaqqis fil-prezz ta’ CPUs x86 setgħu kienu ikbar ( 104 ).

160.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qieset li l-prestazzjoni fis-suq ta’ AMD u t-tnaqqis fil-prezz ta’ CPUs x86 ma humiex konklużivi għall-finijiet li jkun aċċertat jekk l-imġiba kkontestata hijiex kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, l-istess konklużjoni tkun tapplika anki jekk il-prestazzjoni ta’ kompetituri kienet fqira. Fl-opinjoni tiegħi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali elementi fattwali jista’ jkollu skop sinjifikattiv biss bħala parti minn analiżi ddettaljata ta’ effetti attwali u potenzjali fuq il-kompetizzjoni. Ma tgħinx sabiex jiġi ddeterminat jekk skema ta’ tnaqqis presumibbilment illegali hijiex kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

– It-test AEC

161.

L-appellanti tqis li meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun għamlet analiżi sostanzjali taċ-ċirkustanzi ekonomiċi b’rabta ma’ mġiba allegatament abbużiva, ikun żball ta’ liġi li din l-analiżi tiġi injorata sempliċement għaliex ma tkunx ta’ għajnuna sabiex jiġi stabbilit ksur.

162.

Il-Kummissjoni tissottometti li t-test AEC ma huwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit li l-imġiba kkontestata hija kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fehma tagħha, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ssostnix is-sottomissjoni tal-appellanti li t-test AEC għandu jagħmel parti minn analiżi taċ-ċirkustanzi kollha.

163.

Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx li t-test AEC kien rilevanti sabiex jiġi ddeterminat, fil-kuntest ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi kollha, jekk l-imġiba kkontestata hijiex kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għaldaqstant ma stħarrġitx it-test applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni. L-ewwel nett, hija qieset li t-test AEC kien irrilevanti minħabba li, fid-dawl tal-forma tiegħu, il-Kummissjoni ma jeħtiġilhiex turi, abbażi ta’ każ b’każ, li “tnaqqis għal esklużività” għandu kapaċità ta’ esklużjoni. Is-sentenza appellata ma aċċettatx ir-rilevanza tat-test AEC essenzjalment għaliex huwa jservi biss sabiex jiġi vverifikat jekk l-imġiba kkontestata tagħmilx l-aċċess għas-suq impossibbli. Skont is-sentenza appellata “tnaqqis għal esklużività” jista’ jfixkel l-aċċess għas-suq għal kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, anki jekk l-aċċess għas-suq ma jkunx, mill-aspett ekonomiku, għalkollox impossibbli, iżda jsir iktar diffiċli ( 105 ). It-tieni nett, hija nnotat li anki b’rabta ma’ tnaqqis tal-kategorija 3, il-ġurisprudenza ma teżiġix l-użu ta’ test AEC. It-tielet nett, hija osservat li t-test AEC kien tqies rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja biss f’każijiet ta’ prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet u ta’ kompressjoni fuq il-marġni, li huma b’mod inerenti differenti minn każijiet ta’ “tnaqqis għal esklużività” ( 106 ).

164.

L-ewwel nett, kif urejt iktar ’il fuq (punti 122 sa 160), jeħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi aċċertat jekk l-imġiba inkwistjoni hijiex kapaċi li teskludi l-kompetituri anki sa fejn huwa involut it-“tnaqqis għal esklużività”. Fi kliem ieħor, il-kapaċità ta’ esklużjoni għandha tintwera f’kull każ partikolari. Ċertament, it-test AEC jista’ jiġi rrifjutat bħala irrilevanti jekk wieħed jaċċetta li sempliċi possibbiltà ipotetika jew teoretika li l-imġiba kkontestata għandha effett ta’ esklużjoni antikompetittiva tkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit abbuż. Tabilħaqq, teoretikament, kull tnaqqis offrut minn impriża dominanti jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikollu effett antikompetittiv.

165.

Madankollu, peress li huwa meħtieġ effett ta’ esklużjoni, it-test AEC ma jistax jiġi injorat. Kif il-Qorti Ġenerali nnotat, it-test iservi sabiex tiġi identifikata mġiba li tagħmilha ekonomikament impossibbli li kompetitur daqstant effiċjenti jikseb is-sehem kontestabbli ta’ dak li jitlob klijent. Fi kliem ieħor, it-test jista’ jgħin sabiex tiġi identifikata mġiba li jkollha, wisq probabbli, effett antikompetittiv. B’kuntrast, meta t-test jindika li kompetitur daqstant effiċjenti jkun jista’ jkopri l-ispejjeż tiegħu, il-probabbiltà ta’ effett antikompetittiv tonqos b’mod sinjifikattiv. Din hija r-raġuni għaliex, mill-perspettiva li tinqabad imġiba li x’aktarx ikollha effett ta’ esklużjoni antikompetittiva, it-test AEC huwa partikolarment utli.

166.

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kunsiderazzjonijiet, iktar ’il fuq (punti 101 sa 105) spjegajt għaliex il-ġurisprudenza relatata ma’ prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet u ma’ prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni ma għandhiex tiġi injorata. F’kull każ, kull inċertezza li għad baqa’ f’dan ir-rigward għebet ma’ Post Danmark II. Post Danmark II turi li l-ġurisprudenza li tirrigwarda tipi oħra ta’ esklużjoni abbażi tal-prezz ma tistax sempliċement tiġi injorata fil-kuntest ta’ każijiet ta’ tnaqqis. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, b’riferiment inter alia għal din il-ġurisprudenza, it-test AEC jista’ jkun utli anki fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis ( 107 ).

167.

Madankollu, ikun siewi wkoll li jiġi osservat li f’Post Danmark II il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tikkwalifika l-pożizzjoni tagħha dwar it-test AEC. Hija speċifikament osservat li għalkemm it-test AEC jista’ jkun ta’ għajnuna f’ċerti sitwazzjonijiet, ma hemm ebda obbligu legali li jimponi l-użu ta’ dan it-test ( 108 ). Dan huwa konformi mad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward f’Tomra. F’ Tomra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Kummissjoni ma jeħtiġilhiex turi li tnaqqis għal fedeltà jġiegħel lill-kompetituri tal-impriża dominanti jitolbu prezzijiet inqas mill-ispejjeż sabiex jikkompetu għas-sehem kontestabbli tas-suq. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li t-tnaqqis inkwistjoni kien kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni abbażi ta’ elementi kwalitattivi li jindikaw in-natura antikompetittiva tagħhom ( 109 ).

168.

F’dan is-sens, ċertament tidher li tkun attraenti l-konklużjoni li, f’din il-kawża, ma hemmx ħtieġa li wieħed juża t-test AEC. Skont din il-loġika, kif issottomettiet il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-kapaċità magħmula mill-Qorti Ġenerali ma tkunx tinvolvi żball ta’ liġi minħabba li tkun qieset it-test AEC bħala irrilevanti.

169.

Madankollu, din il-pożizzjoni tinjora żewġ kwistjonijiet. B’kuntrast ma Tomra, il-Kummissjoni fil-fatt għamlet analiżi AEC estenżiva fid-deċiżjoni inkwistjoni. B’mod iktar fundamentali, iċ-ċirkustanzi l-oħra evalwati mill-Qorti Ġenerali ma jsostnux b’mod inekwivoku konstatazzjoni ta’ effett fuq il-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa ċar għalija li t-test AEC ma jistax sempliċement jiġi injorat bħala ċirkustanza irrilevanti.

170.

Għalhekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma qisitx l-analiżi AEC magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni bħala parti mill-analiżi taċ-ċirkustanzi kollha.

171.

Sabiex nikkonkludi l-analiżi tiegħi tal-evalwazzjoni sussidjarja tal-kapaċità magħmula mill-Qorti Ġenerali, nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

172.

Iċ-ċirkustanzi meqjusa f’din l-evalwazzjoni ma jistgħux jikkonfermaw effett fuq il-kompetizzjoni. L-iktar l-iktar, din l-evalwazzjoni turi li effett ta’ esklużjoni antikompetittiva tal-imġiba kkontestata huwa teoretikament possibbli, iżda l-effett bħala tali ma ġiex ikkonfermat. Bħala prinċipju, analiżi taċ-ċirkustanzi kollha għandha, minn tal-inqas, tqis il-kopertura tas-suq u t-tul tal-imġiba kkontestata. Barra minn dan, jista’ jkun meħtieġ li jitqiesu ċirkustanzi oħra li jistgħu jkunu differenti minn każ għal ieħor. F’din il-kawża, it-test AEC, preċiżament għaliex dan it-test sar mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax jiġi injorat fil-kuntest tal-aċċertament ta’ jekk l-imġiba kkontestata hijiex kapaċi li jkollha effett ta’ esklużjoni antikompetittiva. L-analiżi taċ-ċirkustanzi rilevanti, meħuda kollha flimkien, jippermettulna naċċertaw, sal-istandard ta’ probabbiltà meħtieġ, li l-impriża inkwistjoni tkun abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Jekk ma jkunx hemm tali konferma minħabba, pereżempju, kopertura baxxa tas-suq, arranġamenti kkontestati ta’ ftit tul jew riżultat pożittiv ta’ test AEC, ikun meħtieġ li ssir analiżi ekonomika iktar fil-fond tal-effetti attwali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni sabiex jiġi stabbilit abbuż.

c) Konklużjoni

173.

Ikkonkludejt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, l-ewwel nett, meta kkonstatat li “tnaqqis għal esklużività” jikkostitwixxi kategorija separata u unika ta’ tnaqqis li ma teħtieġx li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE. It-tieni nett, hija wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni sussidjarja tagħha tal-kapaċità billi naqset milli tistabbilixxi, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha, li t-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti mill-appellanti kellhom, wisq probabbli, effett ta’ esklużjoni antikompetittiva.

174.

Isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ.

C – It-tieni aggravju: kopertura tas-suq sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża tkunx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

175.

Fit-tieni aggravju, l-appellanti tissottometti li, irrispettivament mill-konklużjoni li wasalt għaliha fil-kuntest tal-ewwel aggravju, il-kopertura tas-suq tal-imġiba ta’ Intel ma kinitx, f’kull każ, tippermettilha tirrestrinġi l-kompetizzjoni matul l-2006 u l-2007. F’dan il-perijodu l-ksur kien jirrigwarda biss lil MSH u lil Lenovo. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, minħabba li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur uniku u kontinwat fid-deċiżjoni inkwistjoni għas-snin mill-2002 sal-2007, il-konstatazzjoni ta’ ksur għall-2006 u l-2007 setgħet tkun ibbażata fuq il-kopertura medja tas-suq tul il-perijodu kollu mill-2002 sal-2007 (iktar milli fuq il-kopertura tas-suq tal-imġiba fis-sentejn inkwistjoni) ( 110 ).

176.

Il-Kummissjoni tinnota li t-tieni aggravju huwa sempliċement żieda mal-ewwel aggravju. Huwa bbażat kollu kemm huwa fuq l-istess premessi tal-ewwel aggravju. Din l-istituzzjoni tqis li l-kopertura tas-suq hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tnaqqis ta’ Intel kienx kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni: il-kopertura tas-suq tal-prattiki ta’ Intel hija relatata biss ma’ kemm dawn il-prattiki rrestrinġew effettivament il-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-importanza strateġika tal-OEMs milquta fl-2006 u fl-2007, il-portata tal-prattiki ta’ Intel ma tistax titkejjel biss b’riferiment għall-kopertura tas-suq. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tissottometti li l-kopertura tas-suq matul dawn is-sentejn għandha titqies fid-dawl ta’ ksur uniku u kontinwat li għandu rabta mal-eżistenza ta’ strateġija globali sabiex AMD tkun eskluża mis-suq dinji tas-CPUs.

2. Analiżi

177.

Iktar ’il fuq ikkonkludejt li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-evalwazzjoni sussidjarja tagħha tal-kapaċità skont iċ-ċirkustanzi kollha. B’mod partikolari, hija żbaljat fl-analiżi tagħha tal-kopertura tas-suq billi naqset milli tirrikonoxxi li sehem marbut tas-suq ta’ 14 % ma jistax jistabbilixxi, sal-istandard legali meħtieġ, li l-imġiba kkontestata hija kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Abbażi ta’ dan biss, anki t-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

178.

Madankollu nemmen li dan l-aggravju jistħoqqlu diskussjoni fil-qosor per se. Dan għaliex il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat jikkostitwixxu l-bażi għal konstatazzjoni ta’ ksur għas-snin 2006 u 2007. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwat ibbażat fuq strateġija globali ta’ esklużjoni, analiżi globali tas-sehem medju tas-suq marbut kienet biżżejjed sabiex jiġi aċċertat li l-imġiba inkwistjoni kienet kapaċi twassal għal esklużjoni antikompetittiva ( 111 ).

179.

Għalhekk, il-qofol ta’ dan l-aggravju qiegħed fid-definizzjoni tal-funzjoni tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat fl-analiżi tal-kapaċità tal-imġiba ta’ impriża waħda li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. B’mod iktar speċifiku, tqum il-kwistjoni ta’ jekk l-użu ta’ dan il-kunċett jistax ikun ta’ rimedju għall-fatt li l-kopertura tas-suq hija żgħira wisq sabiex tistabbilixxi, waħedha, li l-imġiba kkontestata kienet kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni matul perijodu speċifiku ta’ żmien.

180.

Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat intuża, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE sabiex diversi elementi ta’ mġiba antikompetittiva jinqabdu taħt il-kappa ta’ ksur uniku u kontinwat wieħed għall-finijiet ta’ infurzar. F’dan ir-rigward, ir-raġuni sottostanti hija li jiġi żgurat infurzar effettiv f’każijiet fejn ksur ikun magħmul minn kumpless ta’ prattiki antikompetittivi li jistgħu jieħdu suriet differenti u anki jevolvu tul is-snin ( 112 ).

181.

Fi kliem ieħor, l-għan huwa li jiġi evitat riżultat ta’ infurzar sfortunat fejn diversi ftehimiet u prattiki miftiehma skont l-Artikolu 101 TFUE, li fil-verità jkunu jagħmlu parti minn pjan globali li tiġi ristretta l-kompetizzjoni, jiġu ttrattati separatament. Għal din ir-raġuni, l-użu tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat ġeneralment itaffi l-oneru tal-prova li l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom fir-rigward tal-ħtieġa li jipprovaw in-natura kontinwata tal-prattiki antikompetittivi taħt skrutinju. B’mod iktar partikolari, fejn kumpless ta’ ftehimiet u prattiki jkunu ġew implementati tul perijodu twil ta’ żmien, ma huwiex rari li matul il-perijodu rilevanti jseħħu bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni, fil-forma u fil-parteċipanti ta’ dawn il-ftehimiet u/jew prattiki. Mingħajr l-għajnuna tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat il-Kummissjoni jkollha tissodisfa limitu ogħla ta’ prova. Ikollha tidentifika u tipprova l-eżistenza ta’ diversi ftehimiet antikompetittivi u/jew prattiki miftiehma distinti, kif ukoll tidentifika l-partijiet involuti f’kull wieħed minnhom separatament. It-trattament tal-prattiki kkontestati b’mod separat jista’ wkoll f’xi każijiet jirriżulta fil-preskrizzjoni ta’ ftehimiet u/jew prattiki miftiehma iktar antiki. Dan jagħmel l-infurzar inqas effiċjenti.

182.

Il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat, għalhekk, jikkostitwixxi regola proċedurali.

183.

Billi jtaffi l-oneru tal-prova tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni l-kunċett huwa ta’ rilevanza fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multi. B’mod iktar speċifiku, il-fatt li ma jkunux ġew prodotti provi b’rabta ma’ ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix li l-ksur jitqies li kien twettaq matul perijodu globali itwal. Madankollu dan jeħtieġ li l-konstatazzjoni tkun sostnuta minn indikazzjonijiet oġġettivi u konsistenti f’dan ir-rigward. Tipikament, fil-kuntest ta’ ksur mifrux fuq bosta snin, il-fatt li jintwera li ftehim ikun ġie applikat matul perijodi differenti, li setgħu jkunu mifruda b’intervalli itwal jew iqsar, ma għandux impatt fuq l-eżistenza tal-ftehim bħala tali. Dan huwa hekk sakemm id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti mill-ksur isegwu għan wieħed u jkunu jifformaw parti mill-qafas tal-ksur uniku u kontinwat ( 113 ). Tabilħaqq, ta’ sinjifikat partikolari huwa l-fatt li l-Kummissjoni kienet kapaċi tipprova li kien hemm pjan globali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 114 ).

184.

Għall-kuntrarju, l-użu tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat ma jestendix ‑ u ma jistax jestendi ‑ il-portata tal-projbizzjonijiet skont it-Trattati.

185.

F’dan il-każ, il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat iddaħħal f’kuntest kompletament differenti ( 115 ). Fis-sentenza appellata kien użat sabiex jiġi kkonstatat ksur dwar mġiba ta’ impriża waħda, li fir-rigward tagħha ma kienx ġie vverifikat li dik l-imġiba waħedha kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern.

186.

Irrid nesprimi d-dubji tiegħi dwar dan l-eżerċizzju.

187.

Fundamentalment, kif tosserva l-appellanti, l-użu tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat ma jistax jibdel mġiba legali fi ksur.

188.

Madankollu, minħabba li l-Kummissjoni fil-fatt ikkonkludiet li kien twettaq ksur uniku u kontinwat, il-Qorti Ġenerali qieset li kien biżżejjed li hija tagħmel analiżi globali tal-parti tas-suq li kienet eskluża bħala medja matul il-perijodu mill-2002 sal-2007 ( 116 ). Abbażi ta’ dan, hija qieset li kien irrilevanti li l-kopertura tas-suq kienet kunsiderevolment iżgħar bħala medja (14 %) matul is-snin 2006 u 2007 mis-sehem marbut tas-suq.

189.

Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali bidlet kriterju materjali b’ieħor proċedurali. Hija rrinunzjat għal kriterju ta’ kopertura suffiċjenti tas-suq, li paradossalment hija qieset li kien rilevanti sabiex ikun aċċertat jekk l-imġiba kkontestata kinitx kapaċi tikkawża esklużjoni antikompetittiva, u bidlitu bil-kriterju ta’ ksur uniku u kontinwat. Dan sempliċement ma jagħmilx sens. Jew jiġi aċċettat li l-kopertura tas-suq ma ghandha ebda importanza u li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jissanzjonaw il-forma iktar milli l-effetti (spjegajt iktar ’il fuq għaliex din hija soluzzjoni insostenibbli), jew li l-kopertura għandha tittieħed bis-serjetà f’analiżi taċ-ċirkustanzi kollha.

190.

Meta għamlet dak deskritt hawn fuq, il-Qorti Ġenerali naqset milli taċċerta li l-imġiba inkwistjoni kienet kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni matul il-perijodu kollu inkwistjoni.

191.

F’kull każ, li kieku ma naqsitx li taċċerta jekk dan kienx il-każ, hija kien ikollha tikkonkludi li sehem marbut tas-suq daqshekk żgħir ma huwiex konklużiv sabiex jiġi stabbilit li l-imġiba kkontestata kienet kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

192.

B’mod simili għal dak li kien innotat fil-punt 143 iktar ’il fuq b’rabta ma’ sehem tas-suq ta’ 14 %, ma jistax jiġi eskluż li sehem marbut ta’ inqas minn 5 % tas-suq jista’ wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, ikun biżżejjed sabiex jeskludi kompetituri. Hu x’inhu, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità, tali sehem tas-suq huwa sempliċement inkonklużiv. Kif ġie spjegat, ma jistax jiġi preżunt (abbażi tal-forma tal-imġiba) li ċerti arranġamenti jinqabdu mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE mingħajr ma jitqies kif xieraq is-sehem marbut tas-suq. F’ċirkustanzi fejn is-sehem marbut tas-suq ma jikkostitwixxix prova konklużiva ta’ probabbiltà ta’ effett fuq il-kompetizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat li jkun seħħ abbuż għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti attwali u potenzjali tal-imġiba inkwistjoni.

193.

Intenni li meta l-kopertura tas-suq titqies li tkun inkonklużiva sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ effett fuq il-kompetizzjoni matul ċertu perijodu ta’ żmien, din il-problema ma tistax tiġi rrimedjata billi jiġi applikat il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat. Anzi, kif jissuġġerixxi dan l-istess kunċett, sabiex diversi istanzi ta’ mġiba jikkostitwixxu istanza waħda u kontinwata ta’ ksur, kull istanza għandha tikkostitwixxi wkoll fiha u minnha nfisha ksur. Fi kliem ieħor, din l-imġiba għandha tikkostitwixxi ksur tul il-perijodu inkwistjoni kollu.

194.

Għalhekk, it-tieni aggravju għandu wkoll jintlaqa’.

D – It-tielet aggravju: klassifikazzjoni ta’ ċertu tnaqqis bħala “tnaqqis għal esklużività”

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

195.

L-appellanti, sostnuta minn ACT, tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat l-arranġamenti dwar it-tnaqqis ma’ HP u ma’ Lenovo bħala “tnaqqis għal esklużività”. Għalkemm dan it-tnaqqis kien ikopri 95 % tal-corporate desktops ta’ HP u 80 % tan-notebooks ta’ Lenovo, huma jikkostitwixxu parti żgħira tax-xiri ta’ CPUs minn dawn iż-żewġ impriżi meħuda flimkien. Essenzjalment Intel tikkontendi li, minħabba li r-rekwiżit ta’ esklużività marbut ma’ dan it-tnaqqis kien jirrigwarda ċerti segmenti tal-ħtiġijiet għal CPUs ta’ dawn l-OEMs, il-klassifikazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni bħala “tnaqqis għal esklużività” hija żbaljata fil-liġi. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li dan ikollu l-istess effett bħall-provvista tat-total tal-ħtiġijiet “kollha jew kważi kollha” tal-klijent. B’mod iktar speċifiku, dan l-approċċ effettivament iċaħħad ir-rekwiżit ta’ “kollox jew kważi kollox” minn kull rigorożità: iwassal għal estensjoni mingħajr ġustifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “tnaqqis għal esklużività” li tkun awtomatikament ikkundannata skont l-approċċ meħud mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE.

196.

Il-Kummissjoni tikkontendi li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, hija tissottometti li l-libertà ta’ provvista tal-OEMs f’ċerti segmenti ma tistax tinnewtralizza r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-OEMs li jagħżlu s-sors tal-provvista tagħhom f’segment wieħed tas-suq ta’ CPUs. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li Intel interpretat ħażin il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżiġi li l-kompetituri tal-impriża dominanti għandhom ikunu kapaċi jikkompetu abbażi tal-kapaċitajiet fir-rigward tas-suq kollu.

2. Analiżi

197.

Bħat-tieni aggravju, it-tielet aggravju huwa marbut mill-qrib mal-ewwel wieħed. Essenzjalment iqanqal il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta li tqis li t-tnaqqis offrut mill-appellanti lil HP u lil Lenovo jistax jiġi kklassifikat bħala “tnaqqis għal esklużività” ( 117 ).

198.

Iktar ’il fuq spjegajt għaliex ma hemmx kategorija separata ta’ “tnaqqis għal esklużività”. Preżunzjoni ta’ illegalità tapplika għal tnaqqis għal fedeltà, inklużi (iżda mhux limitata għal) dawk imsejħa mill-Qorti Ġenerali bħala “tnaqqis għal esklużività”. Waħda mir-raġunijiet li jista’ jkun hemm għaliex tnaqqis jitqies li huwa tnaqqis għal fedeltà hija li dan huwa bbażat fuq ir-rekwiżit li l-klijent jixtri l-ħtiġijiet “kollha jew kważi kollha” tiegħu mill-impriża dominanti ( 118 ). Madankollu, il-forma waħedha ma tiddeterminax x’jiġri minn tali tnaqqis. Dan huwa għaliex għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha qabel ma jista’ jiġi konkluż li l-imġiba kkontestata tammonta għal abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-appellanti fir-rigward tal-ewwel aggravju kif issuġġerejt, ma jkunx jeħtieġ li jiġi eżaminat it-tielet aggravju.

199.

Madankollu, it-tielet aggravju jibqa’ sinjifikattiv kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiċħad l-ewwel aggravju u tqis li għandha ssir distinzjoni bejn it-“tnaqqis għal esklużività” u tipi oħra ta’ tnaqqis għal fedeltà.

200.

Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għal din il-konklużjoni, ir-rekwiżit “kollox jew kważi kollox” jassumi rwol kruċjali fl-analiżi ta’ dan it-tnaqqis. Dan għaliex huwa biss tnaqqis li huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jixtri l-ħtiġijiet “kollha jew kważi kollha” tiegħu mill-impriża dominanti li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “tnaqqis għal esklużività”.

201.

Filwaqt li nżomm dan f’moħħi, ninnota dan li ġej.

202.

Fir-rigward ta’ HP, pereżempju, il-kundizzjoni ta’ esklużività kienet relatata mar-rekwiżit li HP tixtri 95 % tal-provvisti tagħha ta’ CPUs x86 għal corporate desktops mingħand l-appellanti. Dan ċertament jammonta għall-ħtiġijiet “kollha jew kważi kollha” ta’ CPUs f’dak is-segment. Madankollu, l-istampa hija mċajpra mill-fatt li dawn il-95 % jidher li jikkorrispondu għal madwar 28 % tal-ħtiġijiet kollha ta’ HP għal CPUs ( 119 ). Kif targumenta l-appellanti, dan bilkemm jista’ jingħad li jikkostitwixxi “kollox jew kważi kollox” ta’ dawn il-ħtiġijiet totali.

203.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa irrilevanti jekk il-kundizzjoni li l-klijent jixtri l-ħtiġijiet “kollha jew kważi kollha” tiegħu mill-impriża dominanti tkunx tirrigwarda s-suq kollu jew settur partikolari tiegħu ( 120 ). Sabiex tiġġustifika dan l-approċċ il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal Tomra. Skont id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża, kompetituri għandhom ikunu kapaċi jikkompetu abbażi tal-kapaċitajiet fir-rigward tas-suq kollu u mhux biss għal parti minnu. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma tgħid xejn dwar kif il-kriterju ta’ “kollox jew kważi kollox” għandu jiġi interpretat. Hija relatata, pjuttost, ma’ jekk l-esklużjoni minn impriża dominanti minn parti sostanzjali tas-suq tistax, madankollu, tiġi ġġustifikata jekk il-parti kontestabbli tas-suq tkun biżżejjed sabiex takkomoda għadd limitat ta’ kompetituri ( 121 ).

204.

Din il-kwistjoni ma tqumx fil-kawża preżenti. Il-kwistjoni hawnhekk hija jekk ir-rekwiżit “kollox jew kważi kollox” jistax ukoll ikun relatat ma’ parti speċifika tas-suq tal-prodott inkwistjoni.

205.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq tal-prodott inkwistjoni, ma saret l-ebda distinzjoni bejn CPUs użati f’kompjuters għal korporazzjonijiet u dawk użati f’kompjuters għall-konsumatur. Dan għaliex, għal tip speċifiku ta’ kompjuter, jistgħu jintużaw l-istess CPUs fis-segment kummerċjali/tan-negozju u fis-segment privat/tal-konsumatur ( 122 ). Il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni fost is-segmenti tidher li tissuġġerixxi li s-suq ma jistax jinqasam.

206.

Dwar dan il-punt, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali osservat li l-kwistjoni ta’ jekk is-CPUs użati fis-segment tan-negozju humiex differenti minn CPUs x86 użati għal kompjuters għall-konsumatur hija irrilevanti f’dan il-kuntest. Fil-fehma tagħha, anki jekk dawn is-CPUs setgħu jinbidlu b’mod reċiproku, l-għażla tal-OEMs inkwistjoni fix-xiri kienet tkun ristretta kunsiderevolment fis-segment ikkonċernat ( 123 ).

207.

Dan l-argument jidher konvinċenti mad-daqqa ta’ għajn.

208.

Madankollu huwa jħalli barra punt importanti: il-motivazzjoni fis-sentenza appellata tieħu bħala punt ta’ tluq il-perspettiva ta’ HP (u ta’ Lenovo), iktar milli dik ta’ AMD. Mill-perspettiva ta’ AMD huwa għalkollox irrilevanti jekk il-libertà ta’ HP u ta’ Lenovo li jagħżlu hijiex ristretta kunsiderevolment f’segment wieħed jew le, meta wieħed jiftakar li HP u Lenovo huma klijenti ta’ Intel, iktar milli tal-kompetituri tagħha.

209.

Tabilħaqq, punt li għandu jiġi enfasizzat huwa li qegħdin nittrattaw imġiba ta’ esklużjoni vis-à-vis il-kompetitriċi tal-appellanti, jiġifieri AMD, mhux l-isfruttament tal-klijenti tal-appellanti. Dak li jgħodd mill-perspettiva ta’ AMD (u, għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imġiba kkontestata tikkostitwix abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkawża esklużjoni u li jmur kontra l-Artikolu 102 TFUE), huwa l-perċentwali globali tal-ħtiġijiet li jkunu marbuta bħala riżultat tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet ta’ Intel.

210.

Kif ACT tinnota, huwa irrilevanti jekk xi ħtiġijiet jinxtrawx għal segment wieħed partikolari. Li jgħodd huwa jekk l-OEMs inkwistjoni jkunux għadhom jistgħu jixtru kwantitajiet sinjifikattivi mingħand kompetituri ta’ Intel. Hawnhekk dan jidher li huwa l-każ: HP u Lenovo kien għadhom jistgħu jixtru kwantitajiet sinjifikattivi ta’ CPUs x86 mingħand AMD. Il-kwistjoni jekk impriża tkunx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi tkun eskludiet kompetitur ma tistax tiddependi fuq segmentazzjoni apparentement arbitrarja tas-suq.

211.

Meqjus f’dan id-dawl, jidher diffiċli li jiġi argumentat li, fir-rigward ta’ HP, ir-rekwiżit ta’ esklużività fuq 95 % tal-corporate desktops jista’ jammonta għal iktar minn 28 % tal-ħtiġijiet globali ta’ HP. Bl-istess loġika l-esklużività fir-rigward tan-notebooks ta’ Lenovo ma hijiex ugwali għal esklużività globali. Fi ftit kliem, ir-rekwiżit “kollox jew kważi kollox” ma jistax ikun issodisfatt f’ċirkustanzi bħal dawn.

212.

B’riskju li ngħid l-ovvju, l-approċċ adottat fis-sentenza appellata jwassal għal riżultat li bilkemm huwa ġġustifikat: anki “tnaqqis għal esklużività” li jirrigwarda segment tas-suq rilevanti li jkopri parti insinjifikattiva tal-ħtiġijiet globali tal-klijent (ejja ngħidu, għas-saħħa tal-argument, 3 %), jista’ jiġi kkundannat awtomatikament.

213.

Għalhekk nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha tat-tnaqqis offrut mill-appellanti lil HP u lil Lenovo.

214.

Indipendentement minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbilx miegħi dwar l-ewwel u t-tieni aggravji, it-tielet aggravju għandu, għalhekk, jiġi milqugħ.

E – Ir-raba’ aggravju: id-drittijiet tad-difiża

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

215.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti sanċiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Intel issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ma kien sar ebda żball proċedurali fir-rigward ta’ laqgħa li kienet saret ma’ D1, uffiċjal eżekuttiv ta’ Dell fl-2006 matul l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“laqgħa inkwistjoni”).

216.

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-laqgħa inkwistjoni ma kinitx intervista skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni nett, hija tikkontendi li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li, għalkemm il-Kummissjoni missha żammet reġistrazzjoni tal-laqgħa inkwistjoni minħabba l-importanza tagħha, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li dan in-nuqqas kien jimplika ġie ssanat meta ddaħħlet verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota fil-fajl (l-aide mémoire interna tal-Kummissjoni, iktar ’il quddiem in-“nota fil-fajl”) li għaliha l-appellanti kienet ingħatat aċċess. It-tielet nett, hija tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-evalwazzjoni sussidjarja tagħha dwar jekk żball proċedurali tat-tip identifikat fis-sentenza appellata jikkostitwixxix bażi għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni f’dak li jirrigwarda l-imġiba tal-appellanti fil-konfront ta’ Dell.

217.

Bħala t-teżi primarja tagħha l-Kummissjoni tissottometti li r-raba’ aggravju huwa ineffettiv minħabba li Intel ma kkontestatx il-konstatazzjoni fis-sentenza appellata li tgħid li t-tnaqqis mogħti lil Dell kien “tnaqqis għal esklużività”. Fil-fehma tal-Kummissjoni dan l-aggravju huwa inammissibbli anki għaliex il-kwistjoni ta’ jekk il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba setax jiġi ssanat billi Intel tingħata aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota fil-fajl tiddependi minn analiżi tal-importanza tal-laqgħa inkwistjoni u ta’ kemm kienet adegwata n-nota li kienet saret. Dawn huma kwistjonijiet ta’ fatt, li ma humiex suġġetti għal stħarriġ fl-appell.

218.

Sussidjarjament, is-sottomissjonijiet ta’ Intel huma infondati: Intel ma ressqet ebda argument rilevanti li jixħet dubju fuq l-analiżi magħmula fis-sentenza appellata fir-rigward tan-nota fil-fajl. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet primarjament ibbażata fuq provi dokumentali li fir-rigward tagħhom il-laqgħa inkwistjoni ma setgħet fl-ebda ċirkustanza tixħet dawl differenti.

2. Analiżi

219.

Mill-bidu nett, jeħtieġ jiġi enfasizzat li r-raba’ aggravju bl-ebda mod ma huwa ineffettiv, jew, jekk niġu f’dan, inammissibbli, kif tissottometti l-Kummissjoni.

220.

F’dan l-aggravju, Intel tikkontendi speċifikament li l-konstatazzjoni ta’ ksur għandha tiġi annullata fir-rigward ta’ Dell minħabba li l-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom dan il-ksur huwa bbażat huma vvizzjati minn ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Din hija kwistjoni ta’ dritt li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ u għandha tiddeċiedi. Il-kwistjoni ta’ jekk il-klassifikazzjoni, fis-sentenza appellata, li t-tnaqqis mogħti minn Intel lil Dell kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ esklużività, irrispettivament minn jekk hijiex ikkontestata jew le, hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Iktar ’il fuq spjegajt li konstatazzjoni li t-tnaqqis inkwistjoni (irrispettivament minn kif “jissejjaħ”) huwa illegali ma tistax issir mingħajr ma jitqiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Il-Kummissjoni nfisha ammettiet, fis-seduta, li, bħala prinċipju, anki “tnaqqis għal esklużività” jista’ jkun iġġustifikat mill-impriża inkwistjoni. Bl-istess mod, il-fatt li l-partijiet jaqblu li l-Kummissjoni ma straħietx fuq informazzjoni miksuba matul il-laqgħa inkwistjoni sabiex issib ħtija f’Intel huwa irrilevanti: dan ma għandu l-ebda effett fuq il-valur skaġunanti li seta’ kellha l-laqgħa ( 124 ). B’mod iktar fundamentali, il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża hija għalkollox indipendenti minn jekk dan il-ksur (potenzjali) kellux impatt fuq il-kontenut materjali tad-deċiżjoni inkwistjoni.

221.

Fi ftit kliem, ma huwiex importanti wisq, jew għalkollox, kif it-tnaqqis ta’ Intel ġie kklassifikat jew xi provi ntużaw sabiex l-appellanti tinstab ħatja jekk id-drittijiet tad-difiża tagħha kienu nkisru. L-unika ħaġa li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja jeħtiġilha tkun issodisfatta hija jekk l-appellanti wrietx li kienet tkun iktar kapaċi tiżgura d-difiża tagħha li kieku kellha aċċess għar-reġistrazzjoni tal-laqgħa inkwistjoni. Sabiex tindirizza din il-kwistjoni l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis ukoll, inter alia, jekk in-nota fil-fajl ‑ li ntweriet tard lill-appellanti fl-ewwel istanza ‑ setgħatx “tissana” kull irregolarità proċedurali preċedenti li oriġinat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma żżommx reġistrazzjoni tal-laqgħa inkwistjoni. Din hija r-raġuni għaliex mhux konvint bl-argument tal-Kummissjoni li s-sottomissjonijiet tal-appellanti, li jirrigwardaw kemm kienet adegwata n-nota fil-fajl, jikkontestaw, fir-realtà, konstatazzjonijiet ta’ fatt.

222.

Kif ser nispjega f’dan li ġej, ir-raba’ aggravju għandu, fil-fatt, jiġi milqugħ.

a) Il-laqgħa inkwistjoni kienet intervista skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003

223.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 ( 125 ). F’dan ir-rigward Intel tissottometti li d-distinzjoni magħmula fis-sentenza appellata bejn intervista “formali” u “informali” hija żbaljata fil-liġi. L-istess jgħodd, fil-fehma tagħha, għall-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tirreġistra intervista “informali” ( 126 ).

224.

Qabel ma ngħaddi sabiex nikkunsidra din id-distinzjoni, ikun utli nfakkar fil-qosor l-istadji (proċedurali) li wasslu sabiex in-nota fil-fajl dwar il-laqgħa inkwistjoni tintwera lill-appellanti.

225.

Mis-sentenza appellata jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, għall-ewwel il-Kummissjoni ċaħdet li kienet saret laqgħa ma’ D1. Hija ammettiet li kienet saret laqgħa biss wara li Intel kienet uriet li kien hemm lista indikattiva tas-suġġetti dwar il-laqgħa inkwistjoni. F’dak il-waqt il-Kummissjoni kompliet tiċħad li kienet saret nota tagħha. Xi ftit xhur wara, madankollu, l-uffiċjal tas-seduta rrikonoxxa li kien hemm nota fil-fajl iżda nnota li l-appellanti ma kellhiex dritt ta’ aċċess għal din in-nota. Madankollu l-Kummissjoni bagħtet kopja tal-verżjoni mhux uffiċjali tan-nota fil-fajl lil Intel f’Diċembru 2008 “bħala ġest ta’ korteżija”. Din il-kopja kienet editjata sewwa. Wara li saret talba f’dan is-sens mill-Qorti Ġenerali, il-verżjoni kunfidenzjali ta’ din in-nota kienet fl-aħħar nett ikkomunikata lill-appellanti matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali f’Jannar 2013 ( 127 ).

226.

Issa, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003: is-setgħa li ssir intervista tikkostitwixxi korollarju loġiku għas-setgħat investigattivi wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 1/2003. Il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija jekk hemmx, madankollu, limiti għal dawn is-setgħat.

227.

Dawn il-limiti jistgħu evidentement jiġu identifikati abbażi tal-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tintervista kull persuna (fiżika, kif ukoll ġuridika) li tagħti l-kunsens tagħha li tiġi intervistata sabiex tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Filwaqt li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jinkludi obbligu legali li l-intervisti jiġu rreġistrati, l-Artikolu 3(3) tiegħu jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tagħżel kif tirreġistra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuni intervistati.

228.

F’dan id-dawl jidhirli li huwa pjuttost ovvju li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm intervista, hija ma tkunx tista’ tħalli barra r-reġistrazzjoni tas-sustanza ta’ dik l-intervista. Għall-kuntrarju, hija tibqa’ libera li tagħżel kif (il-mezz li għandu jintuża) tirreġistraha.

229.

Bħala tali, dan ma huwiex ikkontestat fis-sentenza appellata ( 128 ).

230.

Anzi l-problema tinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali ddistingwiet, fis-sentenza appellata, bejn intervista informali u formali. Ma hemm ebda distinzjoni fil-qafas leġiżlattiv stabbilit mir-Regolament Nru 1/2003.

231.

Din id-distinzjoni fil-fehma tiegħi hija problematika ħafna. It-tfassil, permezz tal-ġurisprudenza, ta’ għodda ġdida għall-Kummissjoni sabiex tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha jippermettilha tevita r-regoli li l-leġiżlatur stabbilixxa speċifikament sabiex ikunu rregolati s-setgħat mogħtija lil din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

232.

Waħda minn dawn ir-regoli hija, kif jirriżulta ċar mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, li informazzjoni li tinġabar f’intervisti relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni għandha tiġi rreġistrata. Fil-fehma tiegħi, kull laqgħa ma’ terz li tkun speċifikament ippjanata għall-ġbir ta’ informazzjoni sostanzjali sabiex tintuża fl-analiżi ta’ każ għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

233.

Għall-kuntrarju, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni qatt ma tista’ tagħmel kuntatt ma’ terzi informalment. Kif huwa ċar mill-kliem stess tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, huma biss l-iskambji relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Meta skambji bejn il-Kummissjoni u partijiet terzi ma jkunux relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni partikolari (li normalment tkun għadha għaddejja), ma jkun hemm ebda obbligu li tali skambji jiġu rreġistrati.

234.

F’dan il-każ, madankollu, ma nistax nifhem kif il-laqgħa inkwistjoni setgħet titqies bħala ħaġa oħra għajr intervista skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

235.

Mhux biss talli l-laqgħa kienet marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li kienet għadha għaddejja, dwar il-prattiki ta’ Intel, iżda talli, kif indikat fin-nota fil-fajl, is-suġġetti diskussi matul il-laqgħa, li tidher li damet ħames sigħat, kienu jirrigwardaw il-qalba tal-kwistjoni investigata (jiġifieri jekk it-tnaqqis mogħti minn Intel lil Dell kienx suġġett għall-kundizzjoni ta’ esklużività). Iżda iktar importanti, il-persuna intervistata kienet wieħed mill-uffiċjali eżekuttivi l-iktar anzjani ta’ Dell ( 129 ).

236.

F’dan ir-rigward huwa irrilevanti jekk l-għan tal-laqgħa kienx li jinġabru provi fl-għamla ta’ minuti jew dikjarazzjonijiet kontrofirmati jew, kif issostni l-Kummissjoni ( 130 ), li ma kienx.

237.

Kieku kellu jkun aċċettat li kuntatti bħal dawn biss ma’ partijiet terzi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, dan iwessa’ kunsiderevolment id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li żżomm intervisti mingħajr ebda obbligu li tirreġistrahom. Dan ikun jippermetti wkoll li l-Kummissjoni tkun selettiva f’dak li jirrigwarda l-provi li għandhom jintwerew lil impriżi ssuspettati li jkunu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni: il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni li jsejħu lill-persuna għall-intervista, jew dawk li jmorru għal dik il-laqgħa jkunu jistgħu, abbażi tal-fehmiet suġġettivi tagħhom, jiddeċiedu xi jsir parti mill-fajl u x’ma jsirx.

238.

Madankollu, dan ma huwiex il-mod kif id-dritt ta’ “aċċess għal fajl” kien ikkonċepit mil-leġiżlatura tal-Unjoni. L-iżvelar tal-provi kollha jikkostitwixxi r-regola, u n-nuqqas ta’ żvelar ta’ provi speċifiċi huwa l-eċċezzjoni, kif indikat fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 proposta mill-Kummissjoni għandha r-riskju li tagħmel l-Artikolu 27(2) ineffettiv.

239.

Fis-seduta l-Kummissjoni sabitha diffiċli tispjega liema kuntatti ma’ terzi hija għandha tirreġistra u liema ma għandhiex. Huwa notevoli l-fatt li, meta pprovat tispjega l-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni dehret li kienet qiegħda tissuġġerixxi li huwa kompletament għad-diskrezzjoni tagħha li tiddeċiedi jekk tużax l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 jew le. Il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħatx tagħti risposta ċara lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt wieħed jifhimha: jidher li huwa ferm diffiċli li jiġi identifikat kriterju li jkun kapaċi jiddistingwi bejn intervista formali u informali li jkun differenti minn dak stabbilit fil-liġi, jiġifieri jekk l-intervista jkollhiex rabta mas-suġġett tal-investigazzjoni.

240.

Daqstant importanti huwa l-fatt li d-deċiżjoni jekk intervista tiġix irreġistrata tevita wkoll kull possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Minħabba li ma jkun hemm ebda reġistrazzjoni bil-miktub, kif jistgħu l-qrati tal-Unjoni jeżaminaw jekk il-Kummissjoni kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 u, b’mod iktar ġenerali, jekk id-drittijiet tal-impriżi u tal-persuni fiżiċi involuti f’investigazzjoni jkunux ġew irrispettati b’mod sħiħ?

241.

Tabilħaqq, meta tqis kollox, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 li intervista għandha tiġi rreġistrata jeżisti għal mill-inqas żewġ raġunijiet konnessi. Dan ir-rekwiżit jiżgura, minn naħa, li l-impriżi ssuspettati li jkunu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkunu jistgħu jħejju d-difiża tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu, ex post, jekk il-Kummissjoni tkunx użat is-setgħat investigattivi tagħha skont il-parametri tal-liġi.

242.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena ferm konvint li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 meta ma organizzatx il-laqgħa inkwistjoni bħala intervista skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni u meta naqset li tirreġistraha b’mod adegwat.

b) In-nota fil-fajl ma ssanatx l-iżball proċedurali

243.

Kif imsemmi iktar ’il fuq (punt 216), il-Qorti Ġenerali ma sabitx li kien hemm ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 fis-sentenza appellata. Madankollu, sabet li ‑ meqjus il-kontenut u l-importanza tal-informazzjoni rċevuta matul il-laqgħa inkwistjoni ‑ il-Kummissjoni missha rreġistrat l-intervista. Dan kien ifisser, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali qieset li fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għall-inqas kien imissha tqiegħdet fil-fajl nota fil-qosor bl-ismijiet ta’ dawk li ħadu sehem, kif ukoll ġabra fil-qosor tas-suġġetti diskussi. L-appellanti kienet tkun tista’, imbagħad, titlob aċċess għal dan id-dokument ( 131 ).

244.

Madankollu, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, din l-irregolarità proċedurali ġiet issanata mill-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva, Intel kellha għad-dispożizzjoni tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota fil-fajl, u li hija kienet offruta l-opportunità tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan id-dokument. Din in-nota, li kienet intenzjonata bħala ġabra fil-qosor interna tas-suġġetti diskussi għall-membri tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li kienu qegħdin jittrattaw il-każ, kien fiha l-ismijiet tal-parteċipanti u “sinteżi qasira tas-suġġetti diskussi” ( 132 ).

245.

L-appellanti tissottometti li dan kien żball ta’ liġi mhux biss għaliex il-Kummissjoni kien jeħtiġilha tirreġistra s-sustanza tal-laqgħa inkwistjoni, iżda wkoll għaliex in-nota, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali, ma kinitx irreġistrat “sinteżi qasira tas-suġġetti diskussi”.

246.

Naqbel.

247.

Bħala prinċipju, nota tax-xorta deskritta fis-sentenza appellata fl-ebda ċirkustanza ma tista’ tkun ta’ rimedju għal ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali. B’mod kruċjali, kif il-Qorti Ġenerali ammettiet fis-sentenza appellata, din in-nota hija ġabra fil-qosor tas-suġġetti diskussi matul din il-laqgħa ( 133 ). B’kuntrast, ma tagħtix dettalji dwar is-sustanza tal-intervista. Il-Kummissjoni nfisha tirrikonoxxi dan il-fatt. L-iktar importanti, madankollu, huwa li n-nota hija siekta dwar il-kontenut tal-informazzjoni mogħtija minn D1 matul il-laqgħa dwar il-kwistjonijiet imsemmija fiha.

248.

Fil-fehma tiegħi, tali nota ma tistax tissana ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

249.

Ma jistax ikun enfasizzat iżżejjed li l-informazzjoni li jkun hemm fil-fajl dwar intervista għandha tkun biżżejjed sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi akkużati bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiġu rrispettati. Dan manifestament ma huwiex il-każ hawnhekk. Nagħti iktar dettalji dwar din il-kwistjoni fil-punti 257 et seq iktar ’il quddiem.

250.

Konsegwentement id-domanda hija jekk l-iżball proċedurali li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, jistax iwassal għall-illegalità tad-deċiżjoni inkwistjoni b’rabta mal-konstatazzjonijiet magħmula fil-konfront ta’ Dell. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali ( 134 ), l-appellanti taħseb li dan għandu jwassal għal tali illegalità. ACT hija tal-istess ħsieb. Huwa minnu li s-sottomissjonijiet tal-appellanti huma relatati mal-motivazzjoni li hija inkluża fis-sentenza appellata għas-saħħa tal-kompletezza. Għalhekk, jista’ jiġi argumentat li dawn l-argumenti huma ineffettivi u ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata ( 135 ). Madankollu, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li (1) il-laqgħa inkwistjoni ma kinitx intervista skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u li (2) in-nota fil-fajl issanat kull żball proċedurali li joħroġ mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tirreġistrax dik il-laqgħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis ukoll il-motivazzjoni relatata mal-konsegwenzi ta’ irregolarità proċedurali li setgħet kienet inkluża fis-sentenza appellata.

c) Il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-laqgħa inkwistjoni

251.

Skont is-sentenza appellata, tista’ ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni preżenti u dik li fuqha hija bbażata Solvay ( 136 ), kawża li l-appellanti tistrieħ primarjament fuqha. F’dik il-kawża l-Kummissjoni kienet tilfet diversi dokumenti wara l-għeluq tal-proċedura amministrattiva. L-impriża inkwistjoni ma kellhiex aċċess għal dawk id-dokumenti matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li żball proċedurali ta’ dak it-tip kien jiġġustifika l-annullament tal-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-kriterju ta’ tali annullament kien espress fil-kliem li ġej: żball proċedurali jikkostitwixxi bażi għal annullament meta ma jistax jiġi eskluż li l-materjal (mitluf) seta’ jippermetti li l-impriża inkwistjoni toffri interpretazzjoni tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni, li setgħet kienet utli għad-difiża tagħha ( 137 ).

252.

Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, madankollu, id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Solvay ma setgħatx tiġi ttrasferita għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Dan huwa hekk għaliex, b’kuntrast ma’ Solvay, il-kontenut tal-laqgħa inkwistjoni seta’ jiġi kkostitwit mill-ġdid ( 138 ). Din hija r-raġuni għaliex, skont il-ġurisprudenza dwar aċċess għall-fajl ( 139 ), il-Qorti Ġenerali talbet lil Intel iġġib provi prima facie tal-fatt li l-Kummissjoni kienet “astjeniet milli żżomm l-elementi li jiskaġunaw li jikkontradixxu l-kontenut tal-provi dokumentarji [dokumentali] diretti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-[deċiżjoni inkwistjoni] jew, tal-inqas, jitfgħu fuqhom dawl differenti”. Sempliċi ipoteżi dwar ir-rilevanza tal-informazzjoni mogħtija matul il-laqgħa inkwistjoni ma tqisitx li kienet biżżejjed ( 140 ).

253.

Tabilħaqq, hija ġurisprudenza stabbilita li meta ma jkunx ingħata aċċess għal parti mill-fajl matul il-proċedura amministrattiva, iżda meta jkun ingħata aċċess matul proċeduri ġudizzjarji, il-kriterju rilevanti huwa, bħala prinċipju, jekk l-informazzjoni li ma tkunx ingħatat setgħatx tkun utli, b’mod jew ieħor, għad-difiża tal-impriża. Ma huwiex meħtieġ li din l-informazzjoni tkun wasslet għal deċiżjoni b’kontenut differenti ( 141 ). Pjuttost, għandu jintwera li l-impriża kienet tkun f’pożizzjoni aħjar biex tiżgura d-difiża tagħha kieku ma kienx hemm żball ( 142 ).

254.

Din ir-regola tapplika biss, madankollu, meta ma jkunux intużaw provi dokumentali diretti bħala provi. Meta l-Kummissjoni tkun straħet fuq provi dokumentali diretti fid-deċiżjoni kkontestata, l-impriża inkwistjoni għandha turi li l-Kummissjoni tkun naqset milli tirreġistra provi li jiskaġunaw, li jkunu jikkontradixxu l-kontenut ta’ dawn il-provi jew, tal-inqas, jitfgħu fuqhom dawl differenti ( 143 ). Fi kliem ieħor, sakemm il-Kummissjoni tkun użat provi dokumentali diretti sabiex tinkrimina lill-impriża inkwistjoni, ikun partikolarment diffiċli li l-oneru tal-prova jiġi ssodisfatt.

255.

Il-kwistjoni ta’ jekk tali approċċ huwiex, b’mod ġenerali, iġġustifikat tmur lil hinn mill-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, it-tqegħid ta’ tali rekwiżit fuq l-appellanti f’din il-kawża, fil-fehma tiegħi, huwa b’mod ċar żball ta’ liġi. Dan għaliex l-oneru tal-prova mqiegħed b’dan il-mod fuq l-impriża inkwistjoni huwa sempliċement għalkollox impossibbli li jiġi ssodisfatt. L-approċċ korrett huwa li wieħed jistaqsi, kif titlob id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Solvay, jekk sa mill-bidu nett jistax jiġi eskluż li l-informazzjoni li l-impriża inkwistjoni ma kellhiex aċċess għaliha setgħatx kienet utli għad-difiża ta’ dik l-impriża.

256.

F’din il-kawża, ir-risposta għal din id-domanda hija fin-negattiv.

257.

F’Solvay, ma kien hemm ebda mod konċepibbli kif il-kontenut tal-fajls nieqsa seta’ jiġi rrikostruwit minn sorsi oħra. Barra dan, il-Kummissjoni nfisha kienet ammettiet li l-fajls nieqsa wisq probabbli kien fihom informazzjoni rilevanti għad-difiża tal-impriża (b’mod iktar speċifiku risposti għal talbiet għal informazzjoni) ( 144 ).

258.

F’din il-kawża, il-laqgħa inkwistjoni ma kinitx ġiet irreġistrata b’mod adegwat, kif spjegajt iktar ’il fuq. Madankollu, l-appellanti kienet ingħatat aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota fil-fajl u għall-hekk imsejjaħ dokument follow-up matul il-proċedura amministrattiva. Dan id-dokument kien fih ir-risposti bil-miktub ta’ Dell għad-domandi magħmula lil D1 matul il-laqgħa inkwistjoni. Wara, matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, kien ingħata aċċess lill-appellanti għal verżjoni kunfidenzjali tan-nota. Dawn iż-żewġ dokumenti pprovdew ‑ fil-fehma tal-Qorti Ġenerali ‑ indikazzjoni biżżejjed ta’ dak li kien ġie diskuss matul il-laqgħa. Abbażi ta’ dawn iż-żewġ dokumenti, hija kkonkludiet li l-laqgħa ma kienet żvelat ebda provi ġodda li jiskaġunaw li l-appellanti setgħet użat għad-difiża tagħha ( 145 ).

259.

Madankollu, l-informazzjoni li tista’ tinsilet minn dawn id-dokumenti fir-rigward ta’ x’ġara matul il-laqgħa inkwistjoni tibqa’ spekulazzjoni biss, kif is-sentenza appellata turi biżżejjed ( 146 ). Kif turi l-analiżi tal-informazzjoni li tinsab fis-sentenza appellata, meta ma jkunx hemm reġistrazzjoni tajba biżżejjed tal-laqgħa, ma huwiex possibbli jingħad b’ċertezza x’kien diskuss u sa fejn dan seta’ kien skaġunanti, inkriminanti jew tabilħaqq newtrali ( 147 ).

260.

Stħarriġ ġudizzjarju ma jistax ikun ibbażat fuq preżunzjonijiet dwar provi.

261.

Huwa ċertament minnu, kif il-Kummissjoni tinnota, li analiżi dwar jekk ksur tad-drittijiet tad-difiża għandux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tibda bl-oġġezzjonijiet magħmula kontra l-impriża inkwistjoni u bil-provi li jkunu nġabu insostenn ta’ dawk l-oġġezzjonijiet ( 148 ). Mod ieħor, ikun dejjem possibbli targumenta li informazzjoni li ma kinitx fil-fajl setgħat tkun utli għall-impriża inkwistjoni ( 149 ).

262.

Filwaqt li nżommu f’moħħna l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni vis-à-vis Intel f’dan il-każ, ma tantx hemm dubju dwar ir-rilevanza tal-laqgħa inkwistjoni. Tabilħaqq, kif innotat mill-Qorti Ġenerali, in-nota fil-fajl, kif ukoll id-dokument follow-up juru li kwistjonijiet rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk Dell irċevitx tnaqqis għal fedeltà antikompetittivi mingħand l-appellanti kienu diskussi matul il-laqgħa ( 150 ).

263.

F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-oneru tal-prova jibqa’ ‑ b’mod ġenerali ‑ fuq l-impriża inkwistjoni ( 151 ). Kif il-Kummissjoni tosserva, l-impriża għandha tippreżenta l-fatti u tipproduċi l-provi sabiex tipprova li hija setgħet tuża għad-difiża tagħha dokumenti li għalihom hija kienet ġiet miċħuda aċċess matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, dan huwa minnu meta dokumenti jkunu nżammu matul il-proċedura amministrattiva u meta l-kontenut ta’ dawk id-dokumenti seta’ iktar tard jiġi stabbilit u mistħarreġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 152 ). Kif l-Avukat Ġenerali Kokott osservat fil-kawża Solvay, ir-raġuni għal dan hija li l-impriża inkwistjoni tista’ f’ċirkustanzi bħal dawn tindika l-awturi u n-natura tad-dokumenti li ma jkunux ingħataw lilha. Iżda mhux biss. Anzi b’mod iktar fundamentali, f’ċirkustanzi bħal dawn l-impriża inkwistjoni tkun tista’ wkoll tiddeskrivi l-kontenut ta’ dawk id-dokumenti ( 153 ).

264.

Is-sitwazzjoni hawnhekk hija differenti. L-identità tal-awtur u n-natura tal-laqgħa huma magħrufa abbażi tan-nota fil-fajl. Madankollu, il-kontenut tar-risposti mogħtija minn D1 għad-domandi magħmula lilu mill-Kummissjoni jibqa’ mhux magħruf. Bla dubju, kif il-Qorti Ġenerali osservat, in-nota fil-fajl, kif ukoll id-dokument follow-up jitfgħu xi ftit tad-dawl fuq is-suġġetti speċifiċi li ssemmew matul il-laqgħa inkwistjoni. Madankollu, dawn id-dokumenti ma humiex biżżejjed sabiex jiġu rrikostruwiti ex post il-provi miġjuba, jiġifieri xi ntqal effettivament matul dik il-laqgħa.

265.

Għalkemm is-sentenza appellata ma tindirizzax il-kwistjoni espliċitament, tista’ tintlaħaq biss il-konklużjoni opposta jekk jiġi preżunt li D1 u Dell huma l-istess ħaġa u li huwa seta’ rrepeta biss il-pożizzjoni ta’ Dell dwar is-suġġetti diskussi. Jekk jitqies l-istatus ta’ D1 bħala uffiċjal eżekuttiv anzjan ta’ Dell, din il-preżunzjoni tista’ ċertament tkun korretta.

266.

Madankollu, din il-preżunzjoni tista’ wkoll ma tkunx korretta.

267.

Kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni dehret li kienet qiegħda tissuġġerixxi fis-seduta, huwa daqstant probabbli li D1 esprima l-fehma personali tiegħu dwar is-suġġetti diskussi matul il-laqgħa inkwistjoni ( 154 ). Sempliċement ma nafux. Din hija r-raġuni għaliex ma jistax jiġi eskluż li l-laqgħa tefgħet dawl differenti, jew tabilħaqq ġdid dwar il-kundizzjonalità tat-tnaqqis offrut lil Dell. Minflok ma rrikonoxxiet din il-possibbiltà, il-Qorti Ġenerali tefgħet fuq l-appellanti l-inkarigu kważi impossibbli li tipprova li l-laqgħa mhux irreġistrata żvelat provi skaġunanti, li setgħu jitfgħu dawl differenti fuq il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-oġġezzjonijiet tagħha. Għal raġunijiet ovvji, hija kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx kapaċi tirnexxi f’dan l-inkarigu.

268.

Abbażi ta’ dan, ikolli nikkonkludi li anki r-raba’ aggravju għandu, għalhekk, jiġi milqugħ.

269.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx miegħi, madankollu, nixtieq inwissi kontra ċaħda tar-raba’ aggravju u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

270.

Jekk nassumu, għas-saħħa tal-argument, li l-provi inkwistjoni setgħu jiġu rrikostruwiti sal-istandard legali meħtieġ ex post, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza appellata. Skont il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kellha, għalhekk, turi li l-provi inkwistjoni setgħu jixħtu dubju dwar “il-provi dokumentali diretti” li fir-rigward tagħhom kien diġà ġie stabbilit li kienu suffiċjenti sabiex Intel tiġi kkundannata għal abbuż minn pożizzjoni dominanti fir-rigward tat-tnaqqis offrut lil Dell ( 155 ). Dan l-approċċ huwa bbażat fuq fallaċja. Dan jippreżumi b’mod żbaljat li l-provi li ma kinux żvelati matul il-proċedura amministrattiva neċessarjament għandu jkollhom valur probatorju iktar dgħajjef b’paragun mal-provi li l-Kummissjoni ppreżentat sabiex issostni l-konstatazzjoni tagħha ta’ abbuż. B’mod iktar speċifiku, il-problema toriġina mill-interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-kunċett ta’ “provi dokumentali diretti” magħmula fis-sentenza appellata.

271.

Sa fejn naf jiena, dan il-kunċett ma ġiex iddefinit espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-ġurisprudenza tipprovdi indikazzjoni utli dwar il-portata tiegħu.

272.

B’mod ġenerali, il-kunċett ta’ provi dokumentali diretti jintuża fil-ġurisprudenza fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE sabiex jiġu deskritti ċerti tipi ta’ provi (b’kuntrast, pereżempju, għal provi ċirkustanzjali jew ekonomiċi) li l-Kummissjoni tista’ tuża sabiex tistabbilixxi li jkun twettaq ksur, pereżempju li impriżi speċifiċi jkunu ħadu sehem f’kartell jew fi prattika relatata li tmur kontra l-Artikolu 101 TFUE ( 156 ).

273.

B’kuntrast għal provi ċirkustanzjali ( 157 ), il-provi dokumentali diretti joħorġu, bħala regola, mill-impriża ssuspettata bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 101 TFUE. Tipikament, tali provi jieħdu l-forma ta’ dokument li fi u minnu nnifsu jindika li jkun jeżisti kartell jew prattika relatata (jew il-parteċipazzjoni ta’ impriżi speċifiċi fi prattika bħal din). Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ memorandum dwar ftehim bejn parteċipanti, skambju ta’ posta elettronika bejn parteċipanti dwar iffissar ta’ prezzijiet jew, tabilħaqq, minuti ta’ laqgħat dwar prattiki bħal dawn ( 158 ). Fejn il-Kummissjoni tkun straħet fuq tali provi sabiex tistabbilixxi ksur jew il-parteċipazzjoni ta’ impriżi fi ksur, l-impriżi għandhom ‑ għall-finijiet ta’ annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni‑jipprovaw li l-provi li kienu inaċċessibbli għalihom matul il-proċedura amministrattiva ma kinux jaqblu mal-kontenut tal-provi dokumentali diretti prodotti ( 159 ).

274.

Il-provi li l-Kummissjoni straħet fuqhom fid-deċiżjoni inkwistjoni sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonalità tat-tnaqqis mogħti lil Dell jistgħu, l-iktar l-iktar, jiġu deskritti bħala ċirkustanzjali jew ibbażati fuq preżunzjoni ( 160 ). Fil-fatt, punt li ma għandux jitħalla barra huwa li t-“tnaqqis għal esklużività” inkwistjoni f’din il-kawża (inkluż dak mogħti lil Dell) tqies li kien de facto suġġett għall-kundizzjoni ta’ esklużività. Dan huwa għaliex it-tnaqqis ma kienx ibbażat fuq obbligu ta’ provvista esklużiva formali ( 161 ). Minflok, il-kundizzjonalità tat-tnaqqis offrut lil Dell ġiet dedotta (indirettament) mil-livell tat-tnaqqis ( 162 ). Ingħatat ukoll rilevanza speċjali lill-impressjoni ta’ Dell dwar ir-riskji involuti li kieku tgħaddi parti mill-provvisti tagħha għal għand kompetitur ( 163 ). B’riskju li ngħid l-ovvju, tali provi bilkemm jistgħu jiġu deskritti bħala “provi dokumentali diretti” fir-rigward tal-kundizzjonalità tat-tnaqqis inkwistjoni.

275.

Fin-nuqqas ta’ dokument bil-miktub li jindika l-eżistenza ta’ obbligu ta’ provvista esklużiva, il-fatt li kull prova bil-miktub tiġi aċċettata bħala “prova dokumentarja diretta” ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE jkun jammonta, fil-fehma tiegħi, għal erożjoni serja tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża inkwistjoni: ma jkunx biżżejjed li l-impriża turi li prova li għaliha ma tkunx ingħatat aċċess matul il-proċedura amministrattiva setgħat tkun utli għad-difiża tagħha. Barra minn dan, dik l-impriża jkollha turi (kif il-Qorti Ġenerali talbet fis-sentenza appellata) li l-provi mhux żvelati ma kinux jaqblu mal-kontenut tal-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni tagħha ta’ abbuż.

276.

Filwaqt li nżomm dan f’moħħi, jiena konvint ħafna li provi ċirkustanzjali tat-tip imsemmija fid-deċiżjoni inkwistjoni għandhom ikunu evalwati globalment (qabel ma jkun jista’ jiġi deċiż jekk l-għadd tal-provi ppreżentati huwiex biżżejjed sabiex ikun hemm prova ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti). Għall-finijiet ta’ annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-impriża inkwistjoni għandha f’tali ċirkustanzi turi biss li hija setgħet tuża, b’xi mod jew ieħor, il-provi miżmuma għad-difiża tagħha, u mhux li dawk il-provi ma kinux jaqblu mal-kontenut tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur ( 164 ).

277.

Għalhekk, nikkonkludi li, anki skont din l-alternattiva, ir-raba’ aggravju għandu jiġi milqugħ.

F – Il-ħames aggravju: ġurisdizzjoni

1. Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

278.

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Intel, bl-appoġġ ta’ ACT, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha ġurisdizzjoni tapplika l-Artikolu 102 TFUE għall-ftehimiet tal-2006 u tal-2007 ta’ Intel ma’ Lenovo (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2006” u l-“ftehim tal-2007” rispettivament, jew, ikkunsidrati flimkien, il-“ftehimiet Lenovo”). Minn naħa, il-ftehim tal-2006 ħeġġeġ, permezz tal-għoti ta’ inċentiv finanzjarju, lil Lenovo sabiex tipposponi (u fl-aħħar nett tħassar) l-introduzzjoni ta’ żewġ prodotti b’bażi ta’ AMD fis-suq dinji ( 165 ). Min-naħa l-oħra, il-ftehim tal-2007 kien jirrigwarda t-tnaqqis li Intel kienet ser toffri jekk Lenovo kellha tiddeċiedi tieħu esklussivament mingħand Intel CPUs għan-notebook tagħha ( 166 ). L-appellanti tissottometti li r-restrizzjonijiet u t-tnaqqis ovvji, fir-rigward ta’ Lenovo, la kienu implementati fiż-ŻEE u lanqas ma kellhom effett previst, immedjat jew sostanzjali f’dik iż-żona.

279.

Il-Kummissjoni tikkontendi li l-ħames aggravju huwa infondat: il-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha s-setgħa tapplika l-Artikolu 102 TFUE fir-rigward tal-ftehimiet Lenovo. Il-Kummissjoni tissottometti li, skont id-dritt internazzjonali pubbliku, ġurisdizzjoni tista’ tkun ibbażata fuq diversi fatturi, sakemm ikun hemm rabta suffiċjenti bejn l-imġiba li dwarha jkun hemm ilment u r-regoli applikabbli tat-territorju inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-kriterju ta’ implementazzjoni u l-kriterju ta’ effetti “kklassifikati” huma biss żewġ modi possibbli kif tiġi stabbilita rabta bħal din. Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ‑ il-Kummissjoni tikkontendi ‑ is-sentenza appellata ma turi ebda żball ta’ liġi.

2. Analiżi

280.

Dan l-aggravju bl-ebda mod ma huwa ta’ inqas importanti minn dawk eżaminati sa issa. Huwa jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità mixtieqa sabiex tiċċara l-linja ta’ ġurisprudenza li toħroġ minn ICI, u sussegwentement żviluppata fil-kawża Wood Pulp ( 167 ), dwar l-applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan għandu jgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirfina din il-linja ta’ ġurisprudenza u taġġustaha għal kundizzjonijiet tal-lum, ikkaratterizzati minn ekonomiji globali, swieq integrati u xejriet elaborati ta’ kummerċ.

281.

F’dan l-istadju huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu r-ramifikazzjonijiet usa’ li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja aktarx ikollha. Tabilħaqq, interpretazzjoni manifestament ġeneruża tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali ma tkunx nieqsa mill-kontroversja mill-aspett tad-dritt internazzjonali pubbliku, li miegħu d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’konformità ( 168 ). Ikun, għalhekk, ta’ siwi li dan l-aggravju jiġi inkwadrat f’kuntest usa’.

282.

B’mod ġenerali, il-ġurisdizzjoni tieħu (mill-inqas) tliet forom differenti: ġurisdizzjoni preskrittiva, ġurisdizzjoni eżekuttiva, u ġurisdizzjoni arbitrali (jew “ġudizzjarja”). Intel tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni li tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal imġiba unilaterali li toħroġ minn ftehimiet li x’aktarx jipproduċu l-effetti tagħhom barra mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk dawn il-proċeduri ma jirrigwardawx infurzar fiżiku barra mit-territorju tal-Unjoni, kwistjoni li toħloq firxa wiesgħa ta’ diffikultajiet mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali pubbliku.

283.

Irrid nosserva wkoll li d-dritt internazzjonali pubbliku jippermetti lil Stati jeżerċitaw ġurisdizzjoni extraterritorjali f’ċerti okkażjonijiet. Madankollu, għalkemm bla dubju dan ma huwiex vinkolanti per se ( 169 ), ir-rispett reċiproku tal-isferi ta’ ġurisdizzjoni kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ Stati terzi kkonċernati ( 170 ), jew il-korteżija, jissuġġerixxi li jeħtieġ ikun hemm il-moderazzjoni fl-affermazzjoni tal-ġurisdizzjoni extraterritorjali. Ma huwiex ta’ sorpriża li l-Unjoni Ewropea stess topponi l-applikazzjoni extraterritorjali tal-liġijiet ta’ Stati terzi meta tqis li jekk isir dan ikun illegali ( 171 ).

284.

Barra minn dan, ħarsa lejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jippreżupponi rabta adegwata mat-territorju tal-Unjoni ( 172 ). B’dan il-mod jiġi osservat il-prinċipju bażiku tat-territorjalità skont id-dritt internazzjonali pubbliku. Madankollu, ma hijiex ħaġa rari li Stat jew organizzazzjoni internazzjonali jqisu wkoll, fl-eżerċizzju tas-sovranità tagħhom, ċirkustanzi li jseħħu jew li jkunu seħħew lil hinn mill-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom ( 173 ).

285.

Mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikjedi li jkun hemm rabta adegwata mat-territorju tal-Unjoni, kemm jekk fl-għamla tal-preżenza ta’ sussidjarju, jew bl-implementazzjoni ta’ mġiba antikompetittiva f’dak it-territorju. Madankollu, f’kawżi iktar bikrin, din ir-rabta kienet iktar tingħaraf milli fil-każ li qiegħed jiġi kkunsidrat hawnhekk.

286.

F’din il-kawża l-Qorti Ġenerali qieset li jistgħu jiġu applikati żewġ kriterji alternattivi għall-affermazzjoni tal-ġurisdizzjoni: il-kriterju ta’ implementazzjoni u dak tal-effetti “kklassifikati” tal-prattiki fiż-ŻEE ( 174 ). Fil-fehma tagħha l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji wasslet għall-istess konklużjoni: il-Kummissjoni kellha ġurisdizzjoni fuq il-ftehimiet Lenovo ( 175 ).

287.

F’dan li ġej, l-ewwel ser nispjega l-pożizzjoni tiegħi dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-infurzar pubbliku tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 176 ). Imbagħad ser nuri għaliex inqis li dan l-aggravju huwa fondat.

a) Osservazzjonijiet ġenerali: implementazzjoni u/jew effetti?

288.

L-ewwel punt li rrid nagħmel huwa wieħed sempliċi u evidenti minnu nnifsu. Sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni tistax tapplika regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal imġiba speċifika, il-punt tat-tluq għandu jkun il-kliem tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Mhux talli ma jagħtux lill-Kummissjoni carte blanche sabiex tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal imġiba kull fejn isseħħ u irrispettivament minn jekk ikollhiex rabta ċara mat-territorju tal-Unjoni, iżda talli dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw imġiba kollettiva jew unilaterali antikompetittiva fis-suq intern: l-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi ftehimiet jew prattiki “li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern”; u l-Artikolu 102 TFUE, min-naħa tiegħu, jipprojbixxi “kull abbuż […] fi ħdan is-suq intern”.

289.

Ir-regola ġurisdizzjonali għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija, għalhekk, b’mod ċar stabbilita f’dawn id-dispożizzjonijiet. Għalkemm l-Artikolu 102 TFUE huwa xi ftit inqas ċar, l-Artikolu 101 TFUE huwa espliċitu ħafna minħabba li japplika għal kull imġiba li jkollha effetti antikompetittivi fuq is-suq intern.

290.

Barra minn dan, bħall-Kummissjoni, ma nqisx li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Woodpulp timplika li l-implementazzjoni hija l-uniku kriterju ġurisdizzjonali validu. Pjuttost nifhimha li meta mġiba antikompetittiva tiġi implementata fl-Unjoni Ewropea, ma hemm l-ebda dubju li l-Artikoli 101 u 102 TFUE japplikaw. Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi kkontestat li mġiba implementata fl-Unjoni Ewropea jista’ jkollha effetti fis-suq intern u, konsegwentement, ma tistax taħrab milli tiġi mistħarrġa skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, punt li ma għandux jintesa huwa li l-kriterju ta’ implementazzjoni għandu l-għeruq tiegħu sodi fil-prinċipju ta’ territorjalità u, għaldaqstant, jekk jiġi osservat, dan huwa fattur deċiżiv sabiex tiġi stabbilità l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tapplika dawn ir-regoli għal imġiba speċifika ( 177 ).

291.

Il-fatt li parti biss tal-imġiba rilevanti sseħħ ġewwa l-Unjoni Ewropea huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti ( 178 ). F’Woodpulp, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat sensiela ta’ prattiki għall-iffissar tal-prezz ta’ polpa tal-injam ‑ li l-Kummissjoni kienet qieset li kienu kuntrarji għal dak li llum huwa l-Artikolu 101 TFUE ‑ li kienu ġew adottati barra (minn dik li llum hija) l-Unjoni Ewropea minn produtturi barranin ta’ polpa tal-injam. F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat għaliex l-implementazzjoni, aktar milli l-konklużjoni jew il-formazzjoni, ta’ ftehim jew prattika relatata, kienet rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni. Jekk il-projbizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati jiġu applikati biss meta l-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika miftiehma jkunu ġew ifformati jew adottati fit-territorju tal-Unjoni, dan jagħti lil impriżi mod faċli kif jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dak il-każ il-kriterju ta’ implementazzjoni kien issodisfatt permezz tal-bejgħ dirett tal-prodotti ta’ kartell: l-impriżi inkwistjoni kienu biegħu polpa tal-injam direttament lil xerrejja fl-Unjoni Ewropea ( 179 ).

292.

Mhux bħal Intel, madankollu, ma nqisx li bejgħ dirett biss għall-Unjoni Ewropea mill-impriża inkwistjoni jista’ jitqies li jissodisfa l-kriterju tal-implementazzjoni għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni f’Woodpulp. It-tifsira ordinarja ta’ “implementazzjoni” hija twettiq jew eżekuzzjoni. Għalhekk, sabiex jiġi ssodisfatt dan il-kriterju, wieħed mill-elementi kostitwenti essenzjali tal-imġiba antikompetittiva għandu jseħħ fl-Unjoni Ewropea. Jekk dan ikunx hekk jiddependi l-iktar min-natura, l-għamla u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imġiba inkwistjoni. Hija meħtieġa analiżi każ b’każ tal-imġiba illegali sabiex jiġi vverifikat jekk din l-mġiba tkunx implementata fl-Unjoni Ewropea. Pereżempju, mhux konvint li bejgħ indirett tal-prodott rilevanti ma jista’ qatt jitqies bħala implementazzjoni ( 180 ). Fil-fehma tiegħi dan jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. Fost l-elementi li għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest hemm, pereżempju, jekk waħda mill-impriżi li ssuġġettat prodott għal kartell u l-impriża li tinkorporah fi prodott ieħor li mbagħad jinbiegħ fl-Unjoni jifformawx parti minn entità ekonomika waħda jew, fin-nuqqas ta’ dan, jekk ikunx hemm rabtiet korporattivi jew strutturali oħra bejn l-impriżi inkwistjoni.

293.

Sabiex nikkonkludi dwar dan il-punt, imġiba kollettiva jew unilaterali tiġi implementata fis-suq intern ‑ u, mingħajr dubju tagħti bidu għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE‑meta jkun hemm element ta’ mġiba intraterritorjali ( 181 ). Fi kliem ieħor, meta parti mill-imġiba illegali tiġi eżegwita, applikata jew tinġieb fis-seħħ fis-suq intern minħabba li wieħed mill-elementi kostitwenti essenzjali tagħha jseħħ hemmhekk.

294.

Madankollu, li kieku l-implementazzjoni kellha titqies l-uniku kriterju ġurisdizzjonali li jagħti bidu għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, diversi tipi ta’ mġiba li aktarx ikollhom l-għan jew l-effett li ma jħallux ikun hemm, li jirrestrinġu jew li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ma jinqabdux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Hawnhekk għandi f’moħħi mġiba li hija kkaratterizzata minn ommissjoni illegali, bħal meta wieħed jirrifjuta li jikkummerċja jew jagħmel bojkott. Kif semmejt fil-punti 288 u 289 iktar ’il fuq, tali interpretazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE tkun tmur kontra l-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

295.

Fil-fatt, diversi Avukati Ġenerali diġà taw il-parir lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta approċċ abbażi ta’ effetti għall-ġurisdizzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 182 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha, sal-lum, la kkonfermat u lanqas ma rrifjutat espressament dan l-approċċ ( 183 ).

296.

F’dan l-isfond, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza b’mod espliċitu din il-kwistjoni hawnhekk u, skont ma ġie ssuġġerit mill-Avukat Ġenerali msemmi fil-punt ta’ qabel dan, tadotta approċċ abbażi ta’ effetti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

297.

Il-kwistjoni ta’ jekk tali approċċ huwiex ankrat f’kunċett (wiesa’) ta’ territorjalità, jew, minflok, jinvolvix xi applikazzjoni extraterritorjali tar-regoli tal-Unjoni ma hijiex determinanti ( 184 ). Li huwa kruċjali huwa li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-effetti huma kriterju ġurisdizzjonali li, fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni, huwa ġeneralment aċċettabbli skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku ( 185 ), u dan ġie adottat minn ħafna ġurisdizzjonijiet mad-dinja kollha ( 186 ). Tabilħaqq, ħafna studjużi legali huma tal-fehma li kull kontroversja fir-rigward tal-aċċettazzjoni tiegħu hija ħaġa li, illum, hija tal-imgħoddi ( 187 ).

298.

F’dan il-kuntest, ikun ta’ siwi li jiġi nnotat li diversi dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jirregolaw l-imġiba barranija ta’ entitajiet li la jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni u lanqas ma jkunu jinsabu fiżikament jew legalment fl-Unjoni, minħabba l-effett li din l-imġiba tipproduċi fis-suq intern. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw tranżazzjonijiet ta’ strumenti finanzjarji jew tipi oħra ta’ mġiba ekonomika ( 188 ).

299.

Dan ma jfissirx, madankollu, li kull effett, ikun kemm ikun dgħajjef jew indirett, jista’ jagħti bidu għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’ekonomija globalizzata, imġiba li sseħħ ikun fejn ikun fid-dinja, pereżempju fiċ-Ċina, kważi inevitabbilment ikollha xi forma ta’ effett fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma tistax tkun ibbażata fuq rabta jew effett li huwa ’l bogħod wisq jew purament ipotetiku.

300.

Inqis li huwa partikolarment importanti li l-ġurisdizzjoni tiġi affermata b’moderazzjoni b’rabta ma’ mġiba li ma tkunx, strettament, seħħet fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, sabiex ikun hemm konformità ma’ ċerta forma ta’ korteżija u, bl-istess mod, sabiex jiġi żgurat li impriżi jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent legalment prevedibbli, huwa biss b’kawtela kbira li l-effett tal-imġiba li dwarha jkun hemm ilment ikun jista’ jintuża bħala l-kriterju sabiex tiġi affermata l-ġurisdizzjoni. Dan huwa iktar importanti llum. Hemm iktar minn mitt awtorità nazzjonali jew supranazzjonali mad-dinja kollha li jgħidu li għandhom ġurisdizzjoni fuq prattiki antikompetittivi.

301.

Kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’Gencor, l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal imġiba speċifika tista’ tkun iġġustifikata biss meta din l-imġiba jkollha effetti prevedibbli, immedjati u sostanzjali fis-suq intern ( 189 ). F’dan il-każ jistgħu jinsiltu analoġiji ovvji għar-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw fl-Istati Uniti tal-Amerika (iktar ’il quddiem l-“US”): it-Taqsima 1 tal-Liġi Sherman tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali għal kontrolli fil-kummerċ mingħajr ebda limitazzjonijiet ġeografiċi. Din hija r-raġuni għaliex, fl-1982, il-Kungress tal-US ħareġ il-Foreign Trade Antitrust Improvement Act (iktar ’il quddiem “FTAIA”) ( 190 ), sabiex jiċċara (u possibbilment jirrestrinġi) l-applikazzjoni extraterritorjali tal-Liġi Sherman. Inter alia, FTAIA tgħid li, essenzjalment, ir-regoli antitrust tal-US ma japplikawx għal imġiba barranija sakemm tali mġiba ma jkollhiex effett dirett, sostanzjali u raġonevolment prevedibbli fil-US. F’Empagran, il-Qorti Suprema tal-US ‑ fl-interpretazzjoni tagħha tal-Liġi Sherman u tal-FTAIA ‑ ikkonstatat li ma kienx raġonevoli li liġijiet tal-US jiġu applikati għal imġiba barranija meta l-ħsara barranija li tirriżulta, li dwarha jkun hemm ilment, kienet tkun indipendenti minn kull ħsara domestika ( 191 ).

302.

Prinċipji simili għandhom jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikoli 101 u 102 TFUE għall-imġiba kollettiva jew unilaterali ta’ impriżi li sseħħ kollha kemm hi lil hinn mill-konfini tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, tali mġiba tinqabad minn dawn id-dispożizzjonijiet biss sa fejn ikun jista’ jinkixef effett antikompetittiv dirett (jew immedjat), sostanzjali u prevedibbli fis-suq intern. Dan il-kriterju ta’ effetti “kklassifikati” (li jfisser, kif nifimha jien, li l-effetti huma sinjifikattivi biżżejjed li jiġġustifikaw l-asserzjoni tal-ġurisdizzjoni) ma jkunx issodisfatt meta, pereżempju, l-effett fl-Unjoni Ewropea jkun ipotetiku biss jew, f’kull każ, ta’ sinjifikat żgħir. Ma jkunx issodisfatt ukoll meta d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx tista’ tiġi attribwita lill-impriża inkwistjoni, minħabba li dawk l-effetti ta’ ħsara ma setgħux kienu prevedibbli għaliha.

303.

Il-kliem tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma jiġġustifikax l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ mġiba li ma jkollhiex effett “ikklassifikat” fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Li jiġi sostnut il-kuntrarju jkun ukoll problematiku taħt ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku. Applikazzjoni lil hinn mil-limiti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun tinvolvi r-riskju li jiġu affettwati ħażin l-interessi sovrani ta’ Stati oħra u tkun diffiċli li tiġi eżegwita b’mod legali u prattiku ( 192 ). Din iżżid ukoll b’mod kunsiderevoli s-sovrapożizzjoni fil-ġurisdizzjonijiet ta’ Stati jew governanzi differenti u għalhekk joħolqu inċertezza kbira għal impriżi u riskji ikbar ta’ regoli (jew sentenzi) konflinġenti li jkunu japplikaw għall-istess mġiba. Fl-aħħar nett, iżda mhux inqas importanti, tista’ tagħti lok għal domandi skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba: xi jkun l-interess li jiġu infurzati regoli tal-Unjoni fir-rigward ta’ mġiba li ma jkollha ebda effett sinjifikattiv fl-Unjoni Ewropea? Dan jikkostitwixxi użu validu u effettiv tar-riżorsi limitati tal-Unjoni Ewropea?

304.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata, kif tissottometti Intel, talli eżaminat il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 102 TFUE skont il-kriterji kemm ta’ implementazzjoni kif ukoll ta’ effetti “kklassifikati”. Effettivament, kien ikun iktar loġiku li l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk l-imġiba ta’ Intel kinitx implementata fl-Unjoni u, jekk le, imbagħad biss jekk dik l-imġiba kinitx, madankollu, qed tipproduċi effetti kklassifikati fis-suq intern.

305.

Madankollu, il-fatt li Intel ma kkontestatx il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva‑fatt li l-Qorti Ġenerali tenfasizza fil-punt 246 tas-sentenza appellata ‑ huwa irrilevanti. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni b’rabta mal-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li huma suġġetti għal stħarriġ fil-fond mill-Qorti Ġenerali, fid-dritt u fil-fatt, fid-dawl tat-talbiet magħmula mill-appellanti, u meqjusa l-elementi kollha sottomessi minn din tal-aħħar, kemm jekk dawn l-elementi seħħewx qabel jew wara d-deċiżjoni kkontestata, jekk kinux sottomessi qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, sakemm dawn l-elementi jkunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 193 ).

306.

Bħala konklużjoni, il-kuntest ġuridiku applikat mill-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi kkritikat. Madankollu l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġurisdizzjonali għall-abbużi allegati li joriġinaw mill-ftehimiet Lenovo fis-sentenza appellata titlob li jsiru l-osservazzjonijiet kritiċi li ġejjin min-naħa tiegħi.

b) Analiżi tal-applikazzjoni tal-kriterji ġurisdizzjonali rilevanti mill-Qorti Ġenerali

307.

Nibda billi neżamina l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-implementazzjoni fiż-ŻEE tar-restrizzjonijiet ovvji u tat-tnaqqis għal esklużività li joriġinaw mill-ftehimiet Lenovo.

i) Implementazzjoni

308.

Fis-sentenza appellata ( 194 ), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ftehimiet Lenovo kienu intenzjonati li jiġu implementati mad-dinja kollha minn Lenovo, inkluż fiż-ŻEE. Fid-dawl ta’ dawn il-ftehimiet, Intel ma setgħatx tippretendi li hija ma kellhiex influwenza dwar l-użu magħmul minn Lenovo ta’ CPUs ta’ Intel. Intel kienet taf ukoll li Lenovo kienet tinsab fis-suq intern u kienet tbigħ notebooks f’dan is-suq.

309.

Inqis din il-motivazzjoni bħala vvizzjata minn żball ta’ liġi. Li kieku l-Kummissjoni kkonkludiet li Intel flimkien ma’ Lenovo kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti Ġenerali kienet tkun korretta li teżamina jekk il-ftehimiet tagħhom kinux intenzjonati li jkunu implementati mill-parti jew l-oħra fiż-ŻEE. Madankollu, id-deċiżjoni inkwistjoni tittratta mġiba li l-Kummissjoni kkontestat taħt l-Artikolu 102 TFUE: imġiba unilaterali min-naħa ta’ Intel. Għalhekk hija dan l-imġiba unilaterali ‑ l-abbuż allegat ‑ li għandha tiġi implementata fiż-ŻEE.

310.

Madankollu, is-sentenza appellata mkien ma tagħmel riferiment għal imġiba mibdija jew imwettqa minn Intel fit-territorju taż-ŻEE sabiex jiġi implementat dak li kien ġie maqbul fil-ftehimiet Lenovo. Dan ma huwiex ta’ sorpriża. Dawn il-ftehimiet, magħmula bejn kumpannija mill-US u kumpannija Ċiniża, kienu jirrigwardaw bejgħ ta’ CPUs immanifatturati u mibjugħa barra mill-Unjoni, sabiex jiddaħħlu f’kompjuters maħduma fiċ-Ċina. Huma kienu jillimitaw biss il-possibbiltà għal AMD, kumpannija oħra bbażata fil-US, li tbigħ CPUs fis-suq Ċiniż.

311.

Minflok ma ffokat fuq eventwali implementazzjoni minn Intel, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat fuq l-imġiba ta’ klijenti f’suq sekondarju sabiex tistabbilixxi konnessjoni mat-territorju ŻEE. Il-fatt waħdu li Lenovo baqgħet lura, għal ċertu perijodu ta’ żmien, milli tbigħ ċertu mudell ta’ kompjuter fuq livell dinji, li possibbilment kien jinkludi ż-ŻEE, kien jikkostitwixxi għall-Qorti Ġenerali eżempju tal-implementazzjoni tal-abbużi ta’ Intel.

312.

Din il-motivazzjoni ma hijiex konvinċenti. Bir-rabta tal-implementazzjoni mal-imġiba tal-klijent mal-impriża akkużata li kisret l-Artikolu 102 TFUE, kważi kull mġiba ‑ irrispettivament minn kemm tkun relatata mill-bogħod mat-territorju tal-Unjoni ‑ tista’ tiġi interpretata bħala li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-kriterju ta’ implementazzjoni. L-elementi l-oħra li tqiesu mill-Qorti Ġenerali daqstant ieħor ma humiex persważivi. L-ewwel nett, il-fatt biss li Intel kellha influwenza fuq l-użu tas-CPUs tagħha magħmul minn Lenovo ma jidhirlix li għandu xi influwenza f’dan ir-rigward. Li kieku Lenovo kellha xi rabtiet korporattivi jew strutturali ma’ Intel, il-konklużjoni setgħat tkun differenti. It-tieni nett, il-fatt li Intel kienet taf li Lenovo kienet tinsab fis-suq intern u kienet tbigħ notebooks f’dan is-suq huwa, fil-fehma tiegħi, ukoll ta’ ftit rilevanza. Irrid nenfasizza għal darb’oħra li l-imġiba illegali ma hijiex relatata mal-bejgħ ta’ notebooks: hija relatata mal-esklużjoni ta’ AMD mis-suq tas-CPUs. Il-fatt li kumpannija tkun taf li klijent ikun jinsab fiż-ŻEE ma jistax jitqies bħala fatt ta’ implementazzjoni tal-abbużi f’suq fuq ir-riħ.

313.

Fid-dawl tal-elementi deskritti fis-sentenza appellata, għalhekk, mhux konvint li l-abbuż allegat ta’ Intel jista’ jitqies li kien twettaq fiż-ŻEE skont it-tifsira f’Woodpulp. Xejn fl-imġiba inkwistjoni, sa fejn nista’ nara, ma jista’ jiġi kkaratterizzat li twettaq, kien eżekwit jew inġieb fis-seħħ fis-suq intern.

314.

Dan ma jeskludix, madankollu, li l-imġiba ta’ Intel seta’ kellha effetti antikompetittivi fis-suq intern li jinqabdu mill-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, issa ser ngħaddi għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw l-effetti tal-abbuż ta’ Intel fiż-ŻEE.

ii) Effetti “kklassifikati”

315.

Fis-sentenza appellata ( 195 ), il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett spjegat li t-test li għandu jiġi applikat kien jekk l-imġiba ta’ Intel setax ikollha effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fis-suq intern. Fil-fehma tagħha, dan ma jfissirx li l-effett fuq is-suq għandu jkun attwali, imma li għandu jkun biżżejjed probabbli li l-imġiba inkwistjoni tkun kapaċi jkollha influwenza sinjifikattiva u mhux negliġibbli hemmhekk. Hija mbagħad eżaminat l-effetti taż-żewġ tipi ta’ mġiba separatament.

316.

Fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji, il-Qorti Ġenerali nnotat li, fir-rigward tal-aħħar tliet xhur tal-2006, iż-żewġ notebooks milquta mill-posponiment tal-introduzzjoni tagħhom kienu pproġettati li jġibu figuri ta’ bejgħ ta’ 5400 u 4250 unitajiet fir-reġjun kollu tal-EMEA (l-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Afrika). Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li ż-ŻEE hija parti importanti minn dan ir-reġjun. Minħabba li Intel ma kinitx ipproduċiet provi sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li kien possibbli li dawk il-kompjuters kollha kienu intenzjonati għal żoni barra miż-ŻEE, il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li l-effetti fiż-ŻEE kienu għall-inqas potenzjali. Hija kompliet billi rrikonoxxiet li l-għadd inkwistjoni fir-reġjun tal-EMEA kien żgħir iżda żiedet tgħid li l-imġiba ta’ Intel kienet parti minn ksur uniku u kontinwat ( 196 ). Kienet ukoll tal-fehma li l-imġiba ta’ Intel kienet intenzjonata li tipproduċi effetti immedjati fiż-ŻEE (fejn, matul ċertu żmien, ma kienx jista’ jinkiseb kompjuter b’bażi ta’ AMD) u diretti (l-imġiba ta’ Intel kienet tirrigwarda direttament il-bejgħ ta’ kompjuters mingħand Lenovo) ( 197 ).

317.

Dwar dak li jirrigwarda t-tnaqqis għal esklużività, il-Qorti Ġenerali sabet li l-effetti kienu immedjati minħabba li mkien fid-dinja ma seta’ jinkiseb notebook ta’ Lenovo li kien jinkorpora CPUs x86 prodotti minn kompetitur ta’ Intel, inkluż fiż-ŻEE. Imbagħad żiedet tgħid li l-effett antikompetittiv kien prevedibbli u saħansitra intenzjonat minn Intel. Dwar in-natura sostanzjali tal-effett, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li t-tnaqqis għal esklużività kien jagħmel parti minn ksur uniku u kontinwat ( 198 ).

318.

Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex biss qasira. Iktar importanti, din hija vvizzjata minn żball ta’ liġi.

319.

Għaż-żewġ tipi ta’ mġiba l-uniku argument tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-effett fis-suq intern huwa li dawn kienu jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwat. Madankollu, kif spjegat fil-punti 179 et seq iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat huwa biss regola proċedurali li għandha l-għan ittaffi l-oneru tal-prova ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Dan il-kunċett ma jestendix ‑ u ma jistax jestendi ‑ il-portata tal-projbizzjonijiet stipulati fit-Trattati.

320.

Madankollu, dan huwa preċiżament dak li l-Qorti Ġenerali għamlet fis-sentenza appellata. Minflok ma eżaminat jekk it-tnaqqis għal esklużività u restrizzjonijiet ovvji kinux, kull waħda, kapaċi jipproduċu effett antikompetittiv sinjifikattiv fis-suq intern, li kien jagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, hija sempliċement qegħdithom f’keffa waħda ma’ mġiba li kienet seħħet fl-Unjoni Ewropea bħala ksur uniku u kontinwat li l-effett tiegħu kien, fil-fehma tagħha, sinjifikattiv. Għalhekk, żewġ tipi distinti ta’ mġiba barranija li, bħala prinċipju, it-tnejn setgħu ma jkunux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, f’daqqa waħda nqabdu minn din id-dispożizzjoni minħabba li kienu eżaminati flimkien ma’ mġiba oħra bħala parti minn pjan globali sabiex il-kompetizzjoni tiġi ristretta.

321.

Li kieku l-Qorti Ġenerali applikat sewwa t-test ta’ effetti kklassifikati (billi tanalizza jekk kull tip ta’ mġiba kinitx taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni), ir-riżultat tal-analiżi tagħha seta’ tabilħaqq kien differenti. Pereżempju, il-Qorti Ġenerali nfisha qalet li l-għadd ta’ kompjuters milqut mir-restrizzjonijiet ovvji kien “modest” u li ma kienx ċar jekk il-kompjuters kellhomx jinbiegħu kollha jew xi wħud minnhom fiż-ŻEE. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar imsemmi element, ikolli ninnota wkoll żball ta’ liġi ieħor magħmul mill-Qorti Ġenerali: huwa manifestament obbligatorju għall-Kummissjoni li tipprova li l-effetti tal-mġiba kkontestat fis-suq intern jistgħu jkunu sinjifikattivi. Tabilħaqq, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE f’każ speċifiku jkunu ġew issodisfatti ( 199 ). Għalhekk kien żball li Intel intalbet tikkonfuta preżunzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ li seta’ kien hemm fiż-ŻEE ta’ kompjuters intenzjonati għal reġjun wisq usa’.

322.

Bla dubju, il-ftehimiet Lenovo kellhom effett immedjat u dirett jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu interpretati li jfissru li dawk il-ftehimiet influwenzaw l-imġiba ta’ Lenovo fir-rigward tax-xiri ta’ CPUs u l-bejgħ sussegwenti ta’ notebooks li kienu jeħtieġu CPUs x86. Madankollu, id-domanda ewlenija hawnhekk hija jekk l-effetti antikompetittivi li joħorġu minn dawn il-ftehimiet kinux immedjati u diretti fiż-ŻEE. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali missha saqsiet: setgħu dawn il-ftehimiet inaqqsu immedjatament u direttament il-kapaċità tal-kompetituri ta’ Intel li jikkompetu għal CPUs x86 fis-suq intern? Il-Qorti Ġenerali lanqas biss teżamina dan l-aspett. Hija sempliċement qalet li dawn il-ftehimiet kellhom impatt fuq l-għażliet fin-negozju ta’ Lenovo. Din hija ħaġa li kull ftehim kummerċjali bla dubju huwa intenzjonat li jkollu.

323.

Il-Qorti Ġenerali applikat l-istess motivazzjoni żbaljata fir-rigward tal-prevedibbiltà tal-effetti prodotti mill-ftehimiet Lenovo. Għal darb’oħra, il-Qorti Ġenerali ffokat fuq l-effett li dawn il-ftehimiet kellhom (jew kienu intenzjonati li jkollhom) fuq l-għażliet kummerċjali ta’ Lenovo. Is-sentenza appellata ma tindirizzax kemm kien prevedibbli l-effett antikompetittiv li dawn il-ftehimiet (allegatament) kellhom fuq is-suq intern.

324.

Abbażi tal-elementi msemmija fis-sentenza appellata, kull effett antikompetittiv li rriżulta mill-ftehimiet Lenovo mhux talli ma kienx immedjat, sostanzjali u prevedibbli, iżda talli jidher li kien pjuttost ipotetiku, spekulattiv u mhux issustanzjat. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-ftehimiet Lenovo ma kellhomx, jew ma setax ikollhom, xi effett ikklassifikat bħal dan fis-suq intern.

325.

Minn naħa, jistgħu leġittimament iqumu dubji dwar jekk, pereżempju, imġiba li tkun affettwat il-bejgħ fiż-ŻEE ta’ ftit eluf ta’ kompjuters, li jirrappreżentaw perċentwali estremament limitat fis-suq dinji ta’ CPUs, tul perijodu ta’ żmien partikolarment qasir, tistax tinstab li jkollha xi effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli fiż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li l-ftehimiet Lenovo seta’ kellhom impatt sinjifikattiv fuq il-kapaċità kontinwa ta’ AMD li tiżviluppa, timmanifattura u tqiegħed fis-suq CPUs mad-dinja kollha, inkluż fiż-ŻEE. Meqjusa mill-perspettiva ta’ Intel, l-esklużjoni tal-uniku kompetitur vijabbli mis-suq tas-CPUs tista’ tinkiseb irrispettivament minn jekk Intel tagħżilx li tiffoka fuq klijenti li joperaw fiż-ŻEE jew post ieħor. L-effett mixtieq jibqa’ l-istess.

326.

Sfortunatament, ma saret ebda analiżi bħal din mill-Qorti Ġenerali. Id-domanda fundamentali jekk il-ftehimiet Lenovo kellhomx il-kapaċità jipproduċu xi effett antikompetittiv immedjat, sostanzjali u prevedibbli fiż-ŻEE tibqa’, għalhekk, mingħajr risposta. Dan huwa hekk minkejja l-importanza kruċjali tagħha għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-abbuż allegat li joriġina minn dawn il-ftehimiet.

327.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat kemm il-kriterju ta’ implementazzjoni u l-kriterju ta’ effett “ikklassifikat” sabiex ma tilqax is-sottomissjonijiet ta’ Intel (u ta’ ACT) dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE fir-rigward tal-abbużi li joriġinaw mill-ftehimiet Lenovo. Għalhekk il-ħames aggravju għandu jintlaqa’.

G – Is-sitt aggravju: l-ammont tal-multa

1. Is-sottomissjonijiet prinċipali tal-partijiet

328.

Is-sitt aggravju jirrigwarda l-ammont tal-multa imposta fl-ewwel istanza. Huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, Intel issostni li l-multa hija sproporzjonata, irrispettivament minn kull tnaqqis ulterjuri tal-multa bħala konsegwenza tal-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. It-tieni nett, Intel issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat il-linji gwida tal-2006 għal imġiba li kienet twettqet qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. L-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-2006 sabiex tiġġustifika multa li hija ħamsin darba ikbar minn dik speċifikata fil-liġi fis-seħħ fiż-żmien meta seħħet il-parti l-kbira tal-imġiba, hija kuntrarja għall-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-appellanti tiddubita dwar il-konformità ta’ dan l-approċċ mal-Artikolu 7 KEDB u mal-Artikolu 49 tal-Karta.

329.

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud għaliex parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv jew, alternattivament, infondat.

2. Analiżi

330.

L-appellanti tressaq dan l-aggravju bħala motiv indipendenti għall-annullament tas-sentenza appellata. Hija tallega li fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multa l-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u applikazzjoni (retroattiva) żbaljata tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-impożizzjoni ta’ multi.

331.

L-ewwel parti tas-sitt aggravju tittratta l-(is)proporzjonalità tal-multa imposta fuq l-appellanti fid-deċiżjoni inkwistjoni, u sussegwentement ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali. Din essenzjalment tistaqsi: liema huma l-parametri adatti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ multa imposta mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha?

332.

Din bl-ebda mod ma hija domanda mhux interessanti. Bħala prinċipju, tirrigwarda l-qofol tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Barra minn dan, din għandha implikazzjonijiet għall-mod li bih il-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multi.

333.

Risposta ddettaljata għal din id-domanda tkun teħtieġ teħid inkunsiderazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet sensittivi. Għandi f’moħħi, b’mod partikolari, l-interrelazzjoni bejn deterrent u l-livell tal-multi, il-punt rilevanti ta’ riferiment għall-kejl tal-proporzjonalità (jiġifieri, proporzjonalità b’rabta ma’ xiex?) u l-limiti li l-Artikolu 49(3) tal-Karta jista’ jistabbilixxi dwar il-livell ta’ multi imposti fuq impriżi li jkunu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

334.

Sfortunatament, madankollu, dan l-appell ma jistax jagħti lok għal diskussjoni bħal din. Minbarra osservazzjonijiet iżolati dwar in-natura sproporzjonata tal-multa, b’mod partikolari b’paragun mal-multi imposti qabel f’każijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 102 TFUE, l-appellanti ma tispjegax b’liema mod l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 200 ). Intel sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina hija nfisha liema sanzjoni, jekk ikun hemm, tkun proporzjonata fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

335.

F’dan ir-rigward, kif huwa sewwa magħruf, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali bl-evalwazzjoni tagħha stess, b’rabta mal-ammont tal-multa. Eċċezzjonalment, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell ta’ sanzjoni mhux biss talli ma jkunx xieraq, iżda talli huwa tant eċċessiv li jkun sproporzjonat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata li l-Qorti Ġenerali tkun wettqet żball ta’ liġi minħabba li l-ammont tal-multa ma huwiex xieraq ( 201 ). Il-fatt li l-multa imposta fid-deċiżjoni inkwistjoni (EUR 1.06 biljun) kienet tikser kull preċedent dak iż-żmien, fih innifsu ma jagħmilx il-multa mhux xierqa jew, tabilħaqq, sproporzjonata, kif donnha tissuġġerixxi l-appellanti.

336.

Fil-fatt, is-sottomissjonijiet li jirrigwardaw il-proporzjonalità jixħtu dubji, fil-verità, dwar ċerti konstatazzjonijiet ta’ fatt u, b’mod partikolari, fuq l-analiżi tal-provi fl-ewwel istanza ( 202 ). Mhux bħal fil-kuntest tal-aggravji l-oħra mressqa f’din il-kawża, l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex evidenti faċilment mis-sottomissjonijiet tal-appellanti. Kif diġà ġie nnotat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex terġa’ tevalwa, fil-kuntest ta’ appell, il-fatti jew il-provi. Ebda sottomissjoni mmotivata ma tressqet fir-rigward ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti f’din il-kawża. Mill-atti tal-proċess lanqas ma jirriżulta ovvju li hemm żnaturament tal-provi tat-tip allegat minn Intel. Tabilħaqq, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistħarreġ f’appell, għandu jkun possibbli li d-distorsjoni allegata tinkixef mingħajr ma ssir analiżi ġdida tal-fatti ( 203 ).

337.

Din hija r-raġuni għaliex naqbel mal-Kummissjoni li s-sottomissjonijiet tal-appellanti fir-rigward tal-proporzjonalità tal-multa għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

338.

It-tieni parti tas-sitt aggravju hija dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-2006, dwar l-impożizzjoni ta’ multi, għal imġiba li parzjalment kienet twettqet qabel id-daħla fis-seħħ tagħhom. Tistaqsi kemm il-Kummissjoni hija marbuta mal-linji gwida tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ multi?

339.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċara dwar din il-kwistjoni u ma tgħinx lill-appellanti.

340.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma hijiex ipprojbita milli taġġusta l-livell tal-multi (’il fuq), skont il-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan huwa għaliex applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni titlob li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull żmien taġġusta l-livell tal-multi skont il-ħtiġijiet ta’ din il-politika ( 204 ). F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ nonretroattività jista’ biss ikollu impatt fuq id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-multa jekk il-bidla inkwistjoni ma kinitx prevedibbli b’mod raġonevoli fiż-żmien meta jkun twettaq il-ksur ( 205 ).

341.

B’mod saħansitra iktar fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li fiha jistgħu jiġu imposti multi ma tistax tikseb aspettattivi leġittimi li ser jintuża metodu partikolari ta’ kalkolu ta’ multi. Minflok, l-impriżi inkwistjoni għandhom iqisu l-possibbiltà li l-Kummissjoni tista’ tgħolli, f’kull żmien, il-livell tal-multi b’riferiment għal dak applikat fl-imgħoddi. Dan huwa minnu mhux biss meta l-Kummissjoni tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi billi timponi multi f’deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda tidħol fis-seħħ bl-applikazzjoni, f’każijiet partikolari, ta’ regoli ta’ mġiba ta’ applikazzjoni ġenerali, bħal-linji gwida tal-2006 ( 206 ).

342.

Dawn id-dikjarazzjonijiet jissuġġeruli li sakemm il-multa imposta tibqa’ fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-appellanti ma tkunx tista’ b’mod utli tistrieħ fuq il-prinċipju ta’ nonretroattività sabiex tikkontesta l-multa imposta abbażi tal-linji gwida tal-2006. Dan huwa hekk mhux l-inqas għaliex dawn il-linji gwida kienu diġà fis-seħħ qabel ma kienet waqfet l-imġiba kkontestata. Tabilħaqq, huwa r-Regolament Nru 1/2003 li jiddefinixxi, bħala l-liġi applikabbli, il-limiti tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, mhux il-linji gwida għall-impożizzjoni ta’ multi li jistabbilixxu f’iktar dettall kif il-Kummissjoni tkun biħsiebha tuża din id-diskrezzjoni.

343.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, it-tieni parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

VI – Konsegwenzi tal-analiżi

344.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali jekk l-appell ikun fondat sewwa. Meta l-proċeduri jippermettu dan, hija stess tista’ tagħti s-sentenza finali dwar il-kwistjoni. Hija tista’ wkoll tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali.

345.

Ikkonkludejt li l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji għandhom jiġu milqugħa. Bħala konsegwenza, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

346.

Fid-dawl tan-natura tal-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tal-ħames aggravji, l-istat ta’ din il-proċedura fil-fehma tiegħi ma jippermettix li tingħata sentenza finali. Dan minħabba li deċiżjoni dwar il-merti (jekk it-tnaqqis u l-ħlasijiet offruti minn Intel jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll jekk il-ftehimiet Lenovo kellhomx effett antikompetittiv immedjat, sostanzjali u prevedibbli fiż-ŻEE) tiddependi minn eżami taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, skont il-każ, mill-effett attwali jew potenzjali tal-imġiba ta’ Intel fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern. Dan, min-naħa tiegħu, jinvolvi analiżi tal-fatti li l-Qorti Ġenerali tinsab f’qagħda aħjar li twettaq.

347.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-raba’ aggravju dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja jidher, sa mill-bidu nett, li hija mgħarrfa biżżejjed sabiex tiddeċiedi dwar l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, il-fatti disponibbli u l-iskambju ta’ fehmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jwassluni sabiex nipproponi li l-kawża tintbagħat lura, anki dwar dan il-punt, lill-Qorti Ġenerali. B’mod iktar speċifiku, il-partijiet għandhom jingħataw opportunità adegwata sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-irregolarità proċedurali inkwistjoni u, b’mod iktar partikolari, dwar jekk id-deċiżjoni inkwistjoni għandhiex tiġi annullata fl-intier tagħha (kif kien il-każ f’Solvay ( 207 )) jew biss sa fejn tirrigwarda l-imġiba ta’ Intel vis-à-vis Dell.

348.

Konsegwentement nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal stħarriġ mill-ġdid.

VII – Konklużjoni

349.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża T‑286/09 Intel vs Il-Kummissjoni;

(2)

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

(3)

tordna li l-ispejjeż jibqgħu rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) EU:T:2014:547 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 ) Għal ġabra fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni, ara ĠU 2009 C 227, p. 13.

( 4 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36 (iktar ’il quddiem “Hoffmann-La Roche”).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFEU] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962: L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

( 8 ) Informazzjoni konfidenzjali mħollija barra. Iktar ’il quddiem, sabiex tkun żgurata l-anonimità, l-isem tal-persuna kkonċernata ser jinbidlu, bħal fl-ewwel istanza, bl-ewwel ittra ta’ isem l-impriża li kien jaħdem magħha, u wara b’numru.

( 9 ) It-test jistabbilixxi b’liema prezz kompetitur effiċjenti daqs Intel kellu joffri CPUs sabiex jikkumpensa lil OEM għat-telf ta’ tnaqqis mogħti minn Intel.

( 10 ) ĠU 2006, C 210, p. 2.

( 11 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera, C‑52/09, EU:C:2011:83 (iktar ’il quddiem “TeliaSonera”), punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata. Kif deskritta mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-funzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija li ma jitħalliex ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bi ħsara għall-interess pubbliku, għal impriżi individwali u għall-konsumaturi, sabiex b’dan il-mod ikun żgurat il-ġid tal-Unjoni Ewropea.

( 12 ) Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 102 TFUE ma huwiex intenzjonat li jiżgura li kompetituri inqas effiċjenti mill-impriżi dominanti jibqgħu fis-suq. Ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172 (iktar ’il quddiem “Post Danmark I”), punti 21 u 22.

( 13 ) Post Danmark I, punti 21 u 22.

( 14 ) Ara, għall-benefiċċji tal-użu ta’ din l-ekonomija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 35.

( 15 ) Sentenza appellata, punti 76 u 77. Ara wkoll Hoffmann-La Roche, punt 89.

( 16 ) Sentenza appellata, punti 75 u 78.

( 17 ) Sentenza appellata, punti 78 u 82.

( 18 ) Sentenza appellata, punti 76 u 77.

( 19 ) Sentenza appellata, punt 76.

( 20 ) Sentenza appellata, punt 99.

( 21 ) Sentenza appellata, punti 172 sa 197.

( 22 ) Ara f’iktar dettall, il-punt 110 et seq iktar ’il quddiem.

( 23 ) Sentenza appellata, punti 74 sa 78.

( 24 ) Sentenza appellata, punt 79.

( 25 ) Sentenza appellata, punt 171.

( 26 ) Hoffmann-La Roche, punti 89 u 90.

( 27 ) Sentenza appellata, punt 81.

( 28 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 57 (“Michelin I”); ara wkoll is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 105, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603 (iktar ’il quddiem “Deutsche Telekom”), punt 176; u TeliaSonera, punt 24.

( 29 ) Michelin I, punti 66 sa 71 b’rabta mal-iskonti bbażati fuq miri ta’ bejgħ.

( 30 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166 (iktar ’il quddiem “British Airways”), punt 52, dwar premiums mogħtija abbażi tat-totalità tal-bejgħ.

( 31 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221 (iktar ’il quddiem “Tomra”), punt 75, dwar it-tnaqqis rilevanti fl-appell.

( 32 ) Hoffmann-La Roche, punti 92 sa 100.

( 33 ) Ara Hoffmann-La Roche, punt 90. Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, EU:T:2003:250 (iktar ’il quddiem “Michelin II”), punt 58. Fil-kawża tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali kkwalifikat il-preżunzjoni ta’ legalità billi qieset li dan ma jkunx il-każ meta tnaqqis skont il-kwantità jkollu effett li jiżgura l-fedeltà.

( 34 ) Skont waħda mid-definizzjoni possibbli, tnaqqis għal fedeltà huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-klijent jikseb sehem kbir jew dejjem jiżdied tax-xirjiet tiegħu mingħand min jagħtih l-iskont. Dawn l-iskonti jkunu applikabbli meta klijent jaqbeż mira speċifika ta’ bejgħ f’perijodu ddefinit. Il-mira jista’ jkollha rabta ma’ xiri li jiżdied, jew ma’ xiri biss (jew ċertu perċentwali) mingħand fornitur, jew ma’ xiri iktar minn limitu partikolari stabbilit abbażi tal-ħtiġijiet tal-klijent. Fi kliem ieħor, tnaqqis għal fedeltà huwa skont mogħti minn fornitur lil klijent bħala rigal għax ikun baqa’ leali lejn dak il-fornitur. Ara “Policy roundtables, Fidelity and Bundled Rebates and Discounts” tal-OECD, DAF/COMP(2008)29, 2008, p. 97. Disponibbli fuq: https://www.oecd.org/competition/abuse/41772877.pdf

( 35 ) Sentenza appellata, punti 80 u 81.

( 36 ) Ara, pereżempju, il-punt 97 ta’ Hoffmann-La Roche.

( 37 ) Hoffmann-La Roche, punt 90.

( 38 ) Ara Hoffmann-La Roche, punt 89.

( 39 ) Ara Hoffmann-La Roche, punt 89.

( 40 ) Ara Hoffmann-La Roche, punti 92 et seq.

( 41 ) Sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 82 u 83.

( 42 ) Ara Michelin I, punt 73.

( 43 ) Ara, b’mod partikolari, British Airways, punt 67, u Tomra, punt 71.

( 44 ) Ara, għaż-żewġ istanzi l-oħra iżolati, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni, C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 149, u tas-27 ta’ April 1994. Almelo et, C‑393/92, EU:C:1994:171, punt 44. Madankollu, huwa importanti li l-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat l-obbligu ta’ provvista esklużiva fil-kawża AKZO vs Il-Kummissjoni jitqiegħed fil-kuntest tiegħu ta’ bosta prattiki abbużivi mwettqa minn AKZO. B’mod simili, id-dikjarazzjoni kategorika tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Muniċipalità ta’ Almelo et kienet b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari bil-limitazzjonijiet ovvji tagħha dwar il-fatti tal-każ.

( 45 ) Ara f’iktar dettall il-punti 109 et seq. iktar ’il quddiem dwar il-livell ta’ probabbiltà meħtieġ sabiex wieħed jikkonkludi li ċertu tip ta’ mġiba jikkostitwixxi abbuż.

( 46 ) Sentenza appellata, punt 81.

( 47 ) Hoffman-La Roche, punt 82.

( 48 ) Hoffman-La Roche, punt 90.

( 49 ) Sentenza appellata, punti 82 sa 84.

( 50 ) Ara s-sentenzi Michelin I, punt 73; British Airways, punt 67; u Tomra, punt 71. Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, T‑155/06, EU:T:2010:370, punt 215.

( 51 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651 (“Post Danmark II”), punt 68.

( 52 ) Ara l-punti 168 et seq iktar ’il quddiem.

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, Post Danmark I, punt 44.

( 54 ) Ara Hoffmann-La Roche, punt 90. Ara wkoll Michelin II, punt 58.

( 55 ) Sentenza appellata, punti 92 u 93. Dan it-tip sekondarju ta’ tnaqqis għal fedeltà ġie deskritt bħala “għażliet ta’ esklużività” li joperaw permezz ta’ influwenza. Petit, N., “Intel, Leveraging Rebates and the Goals of Article 102 TFEU”, European Competition Journal, Vol. 11, Ħarġa 1, 2015, p. 26 sa 28.

( 56 ) Ara s-sentenza appellata, punt 94.

( 57 ) Ara s-sentenza appellata, punt 89.

( 58 ) Ara Hoffman-La Roche, punt 89.

( 59 ) Ara d-dikjarazzjoni fil-punt 81 tas-sentenza appellata.

( 60 ) Sentenza appellata, punt 89.

( 61 ) Sentenza appellata, punt 81.

( 62 ) Ara British Airways, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Post Danmark I, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll Hoffmann-La Roche, punt 90. F’dawn il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li impriża setgħet tiġġustifika wkoll l-użu ta’ tnaqqis meta, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ftehim bejn impriżi jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE.

( 63 ) Sentenza appellata, punti 89 sa 94.

( 64 ) “Policy roundtables, Fidelity and Bundled Rebates and Discounts” tal-OECD, op.cit., p. 9 u 21. Ara wkoll il-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba ta’ esklużjonarja abbusiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009 C 45, p. 7), punt 37, fir-rigward ta’ tnaqqis suġġett għal kundizzjoni. Il-Kummissjoni tosserva li tali tnaqqis jista’ jintuża sabiex id-domanda tkompli tikber, u bħala tali jista’ jistimula d-domanda u jkun ta’ ġid għall-konsumaturi. Ara wkoll Neven, D., “A structured assessment of rebates contingent on exclusivity”, Competition Law & Policy Debate, Vol. 1, Ħarġa 1, 2015, p. 86.

( 65 ) “Policy roundtables, Fidelity and Bundled Rebates and Discounts” tal-OECD, op.cit., p. 9.

( 66 ) Hoffmann-La Roche, punt 89.

( 67 ) Tomra, punt 70.

( 68 ) See Michelin I, punt 72.

( 69 ) Ara British Airways, punt 75.

( 70 ) Ara, pereżempju, Neven, D., op.cit., p. 39. Esklużjoni tiddependi, inter alia, minn bejgħ mhux ikkontestat, mill-qawwa tal-inċentivi li r-rekwiżit ta’ esklużività jipprovdi fuq il-bejgħ mhux ikkontestat, mil-livell ta’ kompetizzjoni fost ix-xerrejja, mis-siwi ta’ ekonomiji ta’ skala u mill-kwistjoni jekk it-tnaqqis ikunx immirat għal xerrejja li jikkompetu kontra ditti li jixtru mingħand rivali.

( 71 ) Sentenza appellata, punt 97.

( 72 ) Ara Tomra, punti 70 u 71, b’riferiment għal Michelin I, punti 71 u 73.

( 73 ) Hoffman-La Roche, punt 97.

( 74 ) Post Danmark II, punt 68.

( 75 ) Ara Deutsche Telekom, punt 175; TeliaSonera, punt 76; u Post Danmark I, punt 26.

( 76 ) Sentenza appellata, punt 99.

( 77 ) Sentenza appellata, punt 93.

( 78 ) Karta ta’ diskussjoni tad-DĠ kompetizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFEU] għal abbużi ta’ esklużjoni, 2005, p. 23. Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/art82/discpaper2005.pdf Ara wkoll “Policy roundtables, Fidelity and Bundled Rebates and Discounts” tal-OECD, op.cit., p. 26. Dan id-dokument, ukoll, jidentifika tnaqqis bħala għamla oħra ta’ prattika ta’ ffissar ta’ prezzijiet.

( 79 ) Post Danmark II, punt 55 dwar it-test AEC u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 80 ) Post Danmark II, punti 27 sa 29.

( 81 ) Post Danmark II, punti 23 sa 25.

( 82 ) Post Danmark I, punt 26.

( 83 ) Post Danmark II, punt 68.

( 84 ) Sentenza appellata, punt 177. Tabilħaqq, li kieku ma kienx hekk, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jieħdu azzjoni biss ladarba l-abbuż issuspettat ikun irriżulta f’esklużjoni antikompetittiva.

( 85 ) Ara, minn naħa, Post Danmark II, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, min-naħa l-oħra, Tomra, punt 68. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li sabiex ikun hemm prova ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, ikun biżżejjed li jintwera li l-imġiba abbużiva tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandha t-tendenza li tirrestrinġi l-kompetizzjoni jew li l-imġiba hija kapaċi jkollha dan l-effett.

( 86 ) Ara, reċentement, Post Danmark II, punt 69, u Post Danmark I, punt 44.

( 87 ) Ara, madankollu, l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:343, punt 82.

( 88 ) Ara Michelin I, punt 73. Ara wkoll Post Danmark II, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 89 ) Sentenza appellata, punti 178 sa 184.

( 90 ) Sentenza appellata, punt 180.

( 91 ) Sentenza appellata, punt 181.

( 92 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, EU:T:2003:281 (“Van den Bergh Foods”).

( 93 ) Tomra, punt 34.

( 94 ) Barra dan, hija tinnota, fir-rigward tas-sehem tas-suq ta’ Dell, li t-tnaqqis offrut lil Dell kien eskluda bejn 14.58 u 16.34 % tas-suq, li hija tqis ugwalment sinjifikattiv: ara s-sentenza appellata, punti 190 u 191.

( 95 ) Sentenza appellata, punt 194.

( 96 ) Sentenza appellata, punti 121 u 122.

( 97 ) Van den Bergh Foods, punt 98.

( 98 ) Karta ta’ diskussjoni tad-DĠ kompetizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFEU], op.cit., p. 18, 19 u 41.

( 99 ) Tomra, punt 46.

( 100 ) Il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Kummissjoni kienet intitolata tikkonkludi li, minħabba li l-konċentrazzjoni kienet fuq impriżi li kienu, b’mod strateġiku, partikolarment sinjifikattivi għal aċċess għas-suq, it-tnaqqis u l-ħlasijiet kellhom fil-mira tagħhom OEMs importanti u bejjiegħ bl-imnut ewlieni. Sentenza appellata, punti 182 u 183. Ara wkoll il-punti 1507 sa 1511 b’rabta ma’ MSH.

( 101 ) Sentenza appellata, punt 178.

( 102 ) Sentenza appellata, punti 112, 113 u 195.

( 103 ) Sentenza appellata, punt 195.

( 104 ) Sentenza appellata, punt 186.

( 105 ) Sentenza appellata, punti 93 u 150.

( 106 ) Sentenza appellata, punti 143, 144 u 152.

( 107 ) Ara Post Danmark II, punti 55 sa 58.

( 108 ) Ara Post Danmark II, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 109 ) Ara Tomra, punti 73 sa 80.

( 110 ) Sentenza appellata, punti 192 u 193.

( 111 ) Sentenza appellata, punti 193, 1561 u 1562.

( 112 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 113 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6 (iktar ’il quddiem “Aalborg”), punt 260.

( 114 ) Ara, pereżempju, Aalborg, punt 260.

( 115 ) Għall-użu ta’ dan il-kunċett fil-kuntest ta’ ġurisdizzjoni, ara l-punti 319 et seq. iktar ’il quddiem.

( 116 ) Sentenza appellata, punt 193.

( 117 ) Sentenza appellata, punti 134 u 137.

( 118 ) Ara Hoffmann-La Roche, punt 89, u Tomra, punt 70.

( 119 ) Ara s-sentenza appellata, b’mod partikolari, il-punti 126 u 129 fir-rigward ta’ HP, u l-punt 137 fir-rigward ta’ Lenovo.

( 120 ) Sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 132 u 133.

( 121 ) Ara Tomra, punt 42.

( 122 ) Id-deċiżjoni inkwistjoni, premessa 831. Ara wkoll is-sentenza appellata, punt 133.

( 123 ) Sentenza appellata, punt 133.

( 124 ) Ara, dwar din il-kwistjoni, is-sentenza appellata, punt 611.

( 125 ) Sentenza appellata, punt 612.

( 126 ) Sentenza appellata, punti 614 u 615.

( 127 ) Sentenza appellata, punti 601 u 606.

( 128 ) Sentenza appellata, punt 617.

( 129 ) Sentenza appellata, punt 621. Ara wkoll il-punt 636 dwar is-suġġetti diskussi matul il-laqgħa.

( 130 ) Ara wkoll is-sentenza appellata, punt 617.

( 131 ) Sentenza appellata, punt 621.

( 132 ) Sentenza appellata, punt 622.

( 133 ) Sentenza appellata, punti 635 u 636.

( 134 ) Sentenza appellata, punt 664.

( 135 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408 (iktar ’il quddiem “Dansk Rørindustri”), punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 136 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686 (iktar ’il quddiem “Solvay”).

( 137 ) Solvay, punti 57 sa 62.

( 138 ) Sentenza appellata, punt 630.

( 139 ) Ara, b’mod partikolari, Aalborg, punt 133.

( 140 ) Sentenza appellata, punt 629.

( 141 ) Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P, u C‑254/99 P, EU:C:2002:582 (iktar ’il quddiem “Limburgse Vinyl Maatschappij”), punt 318 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll Aalborg, punt 75.

( 142 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 143 ) Ara Aalborg, punt 133. Ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389 (iktar ’il quddiem “Knauf Gips”), punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 144 ) Punti 62 u 64.

( 145 ) Ara s-sentenza appellata, pereżempju, il-punti 631, 644, 658 u 660.

( 146 ) Ara s-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 646 u 658.

( 147 ) Sentenza appellata, punti 632 sa 660.

( 148 ) Ara Solvay, punt 59.

( 149 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 191.

( 150 ) Sentenza appellata, punt 632 et seq.

( 151 ) Bħala kritika, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SKW Stahl-Metallurgie u SKW Stahl-Metallurgie Holding vs Il-Kummissjoni, C‑154/14 P, EU:C:2015:543, punti 7677.

( 152 ) Limburgse Vinyl Maatschappij, punti 318 u 324; Aalborg, punti 74, 75 u 131; u Knauf Gips, punti 23 u 24.

( 153 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 193.

( 154 ) Ara, dwar dan, is-sentenza appellata, punti 572 sa 575.

( 155 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 651 sa 653 tas-sentenza appellata.

( 156 ) Għal diskussjoni dwar provi dokumentali diretti f’każijiet ta’ kartell, ara Guerrin, M. u Kyriazis, G., “Cartels: Proof and Procedural Issues”, Fordham International Law Journal, Volum 16, Ħarġa 2, 1992, p. 266 sa 341, f’pġ. 299 sa 301.

( 157 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punti 65 sa 68 (“ICI”) u tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73EU:C:1975:174, punti 164165, fir-rigward tal-użu ta’ korrispondenza bejn terzi bħala prova.

( 158 ) Ara, pereżempju, Aalborg, punt 158 b’riferiment għas-sentenza appellata f’dik il-kawża. Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, EU:T:2003:76, punt 136 et seq.

( 159 ) Ara Aalborg, punt 133, fejn din ir-regola kienet espressa b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 160 ) Sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonalità tat-tnaqqis inkwistjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni straħet fuq ċerti dokumenti interni ta’ Intel, prinċipalment preżentazzjonijiet u posta elettronika (id-deċiżjoni inkwistjoni, premessi 238 sa 242); ir-risposta ta’ Dell għall-Artikolu 18 (id-deċiżjoni inkwistjoni, premessi 233 u 234); u ċerti dokumenti interni ta’ Dell, jiġifieri preżentazzjonijiet u posta elettronika interni (id-deċiżjoni inkwistjoni, b’mod partikolari l-premessi 222 sa 227, 229 u 231). Ara wkoll is-sentenza appellata, punti 444 sa 515.

( 161 ) Fir-rigward ta’ Dell, ara s-sentenza appellata, punt 440.

( 162 ) Id-deċiżjoni inkwistjoni, premessa 950, u s-sentenza appellata, punti 504 sa 514.

( 163 ) Id-deċiżjoni inkwistjoni, b’mod partikolari l-premessi 221 u 323.

( 164 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 165 ) Deċiżjoni inkwistjoni, premessa 560.

( 166 ) Deċiżjoni inkwistjoni, premessa 561.

( 167 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85EU:C:1988:447 (iktar ’il quddiem “Woodpulp”).

( 168 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen and Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453 (iktar ’il quddiem “Poulsen”), punt 9.

( 169 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punt 34.

( 170 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, EU:C:1972:73, punt 11.

( 171 ) Nirreferi, pereżempju, għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96, tat-22 ta’ Novembru 1996, li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 75, b’mod partikolari t-tielet u r-raba’ premessa).

( 172 ) Ara, inter alia, id-deċiżjonijiet fil-kawżi Poulsen, punt 28; tad-29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld, C‑60/93, EU:C:1994:271, punt 14; tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar, C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 25; tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punti 60 sa 63; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C-366/10, EU:C:2011:864 (iktar ’il quddiem “ATAA”), punt 125; u tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 5455. Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh-Export, C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 56.

( 173 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Air Transport Association of America et, C-366/10, EU:C:2011:637, punti 148149.

( 174 ) Sentenza appellata, punti 231 sa 236 u 244.

( 175 ) Sentenza appellata, punti 296 u 310.

( 176 ) F’dawn il-konklużjonijiet ma iniex ser inqis il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni Ewropea sabiex jisimgħu kawżi ta’ eżekuzzjoni privata tar-regoli tal-kompetizzjoni, jew is-setgħa tal-leġiżlatura Ewropea sabiex tilleġiżla dwar materji ta’ kompetizzjoni.

( 177 ) Ara Woodpulp, punti 16 u 18.

( 178 ) Nosserva li tali approċċ kien ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’għadd ta’ kawżi li fihom kien ikkontestat jekk japplikawx ir-regoli rilevanti tal-Unjoni, minħabba effett li allegatament kien extraterritorjali, minn xi partijiet privati: ara Poulsen, ATAA, u Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317.

( 179 ) Woodpulp, punti 12 sa 18.

( 180 ) Dwar din il-kwistjoni, jiena, għalhekk, għandi fehma differenti minn dik espressa mill-Avukat Ġenerali Wathelet. Ara l-punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża InnoLux vs Il-Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:292.

( 181 ) Ara Lowe, V. u Staker, C., “Jurisdiction”, fi Evans, M.D., (ed.), International Law, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, 2010, p. 322 u 323.

( 182 ) Għal konferma ta’ approċċ abbażi ta’ effetti għall-ġurisdizzjoni, ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-kawża Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:32, punti 693 et seq. u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża maqgħuda Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:258 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Woodpulp”), punti 19 et seq. Bl-istess mod, ara l- konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża InnoLux vs Il-Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:292, punti 49 et seq.

( 183 ) Il-partijiet iddiskutew fit-tul jekk is-sentenza reċenti tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, sostnietx, anki jekk impliċitament biss, dan l-approċċ. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tindirizzax il-kwistjoni ġurisdizzjonali, minħabba li qisitha irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Ara l-punti 71 sa 73 tas-sentenza.

( 184 ) Din il-kwistjoni hija, tabilħaqq, dibattuta fi studji legali: ara, fost l-oħrajn, International Bar Association, Report of the Task Force on Extraterritorial Jurisdiction, 2009, p. 12 u 13.

( 185 ) Ara r-Revised recommendation of the Council Concerning Cooperation between Member countries on Anticompetitive Practices affecting International Trade, 1995 tal-OECD, disponibbli fi: https://www.oecd.org/daf/competition/21570317.pdf. Ara wkoll il-konklużjonijiet fil-kawża Woodpulp, punti 19 sa 31; u s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 90.

( 186 ) Ara, pereżempju, International Bar Association, Report of the Task Force on Extraterritorial Jurisdiction, 2009, p. 39 sa 77.

( 187 ) Ara, fost l-oħrajn, Wagner-von Papp, F., “Competition Law, Extraterritoriality & Bilateral Agreements”, Research handbook on International Competition, Edward Elgar Publishing 2012, p. 41 u referenzi oħra.

( 188 ) Għal ħarsa fil-qosor lejn dawn id-dispożizzjonijiet u evalwazzjoni kritika, ara Scott, J., “The New EU ‘Extraterritoriality”’, Common Market Law Review, Vol. 51, Wolters Kluwer Law and Business, 2014, p. 1343 sa 1380.

( 189 ) Sentenza appellata, punt 243.

( 190 ) 15 U.S.Code, Titolu 15, Kapitolu 1, §6a.

( 191 ) Sentenza tal-Qorti Suprema tal-US fil-kawża Hoffman-La Roche Ltd. vs Empagran S.A., 124 S.Ct. 2359 (2004).

( 192 ) Huwa preċiżament għal dawn ir-raġunijiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni laħqu ftehimiet mal-awtoritajiet ta’ diversi pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea sabiex jistabbilixxu forom ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Pereżempju, xejn inqas minn tnejn minn tali ftehimiet kienu ntlaħqu mal-Gvern tal-US; b’mod interessanti, it-tnejn li huma jitrattaw il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni. Għat-test ta’ dawn il-ftehimiet u iktar referenzi: ara http://ec.europa.eu/competition/international/bilateral

( 193 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72.

( 194 ) Is-sentenza appellata, punti 310 sa 314.

( 195 ) Is-sentenza appellata, punti 250 sa 258, u 283 sa 297.

( 196 ) Is-sentenza appellata, punt 290.

( 197 ) Is-sentenza appellata, punti 277 u 278.

( 198 ) Is-sentenza appellata, punti 293 sa 295.

( 199 ) Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 200 ) Dwar dan, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-prattika tal-Kummissjoni f’deċiżjonijiet preċedenti tista’ ġeneralment ma sservix bħala qafas ġuridiku għal multi imposti fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Dan huwa għaliex il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi, u ma hijiex marbuta, bħala prinċipju, b’evalwazzjonijiet li hija tkun għamlet fl-imgħoddi. Ara, inter alia, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 201 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑359/01 P, EU:C:2004:255, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il-Kummissjoni, C‑586/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:863, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 202 ) F’dan ir-rigward l-appellanti tirreferi għal lista ta’ fatturi li fil-fehma tagħha kienu evalwati b’mod żbaljat fis-sentenza appellata. Barra minn dan, l-appellanti ma taqbilx mal-mod li bih il-Qorti Ġenerali trattat il-provi dwar ħabi, fattur li fuqu l-Qorti Ġenerali straħet sabiex iżżid il-multa.

( 203 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punti 51 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punti 3132 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 204 ) Ara, reċentement, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 205 ) Ara Dansk Rørindustri, punt 224.

( 206 ) Dansk Rørindustri, punti 228 sa 231.

( 207 ) Solvay, punti 71 u 72.