KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C-333/14

The Scotch Whisky Association et

vs

The Lord Advocate

The Advocate General for Scotland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Session (qorti suprema ċivili, l-Iskozja, ir-Renju Unit)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tas-saħħa — Proporzjonalità”

1. 

Sabiex inaqqas il-konsum tal-alkoħol, il-Parlament Skoċċiż adotta, fl-24 ta’ Mejju 2012, l-Att 2012 dwar l-Alkoħol (Ipprezzar minimu) (l-Iskozja) [Alcohol (Minimum Pricing) (Scotland) Act 2012] ( 2 ) li jipprojbixxi l-bejgħ tal-alkoħol bi prezz inqas minn prezz minimu kkalkolat abbażi tal-kontenut tal-alkoħol. Wara li ġiet adottata din il-liġi, il-ministri Skoċċiżi (Scottish Ministers) fasslu d-Digriet 2013 dwar l-alkoħol (Ipprezzar minimu għal kull unità) (l-Iskozja) [Alcohol (Minimum Price per Unit) (Scotland) Order 2013] ( 3 ), li jistabbilixxi l-prezz minimu għal kull unità ta’ alkoħol ( 4 ) (“minimum price per unit”) ( 5 ), għal GBP 0.50.

2. 

Fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, tliet assoċjazzjonijiet ta’ produtturi ta’ xorb alkoħoliku, jiġifieri, The Scotch Whisky Association, il-Conféderation européenne des producteurs de spiriteux u l-Comité européen des entreprises vins (CEEV) ( 6 ), u min-naħa l-oħra, il-Lord Advocate u l-Advocate General for Scotland, il-Court of Session ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiża li tingħata risposta dwar jekk l-implementazzjoni ta’ prezz minimu huwiex kompatibbli, minn naħa, mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 ( 7 ) u, min-naħa l-oħra, mal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina, fl-ewwel lok, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mar-regolament “OKS uniku”. F’dan ir-rigward ser insostni li dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ nbejjed skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata bl-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari dak tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

4. 

Fit-tieni lok, ser nipproċedi b’analiżi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

5. 

Wara li jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ostakolu fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, peress li hija ta’ natura li ċċaħħad lil ċerti produtturi jew importaturi ta’ xorb alkoħoliku mill-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta minn prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi, ser insostni li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti nazzjonali li għandha:

tivverifika jekk il-provi li l-Istat Membru għandu jipproduċi jippermettux raġonevolment li jiġi evalwat li l-metodi magħżula huma adatti għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u li, b’din l-għażla, l-Istat Membru ma eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, u

tieħu inkunsiderazzjoni l-portata tad-detriment ta’ din il-miżura għall-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbla ma’ miżuri alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan u waqt l-ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni.

6. 

Barra minn hekk, ser insostni li, meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tkun adita b’rikors għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u għadha, parzjalment, fl-istadju ta’ sempliċi abbozz, hija għandha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-għan li għandu jintlaħaq, teżamina mhux biss l-informazzjoni li kellhom l-awtoritajiet nazzjonali u li huma eżaminaw waqt it-tfassil tal-imsemmija leġiżlazzjoni, iżda wkoll l-informazzjoni fattwali kollha disponibbli fid-data li fiha taqta’ l-kawża. Ser insostni li ma hemmx restrizzjonijiet partikolari għas-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina dawn il-provi, minbarra dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.

7. 

Finalment, ser nispjega li Stat Membru, għall-insegwiment tal-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jagħmel parti minn dak tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jista’ biss jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, li tillimita l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, minflok tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, biss bil-kundizzjoni li juri li l-miżura magħżula għandha vantaġġi supplimentari jew inqas inkonvenjenzi meta mqabbla mal-miżura alternattiva. Ser insostni wkoll li l-fatt li miżura alternattiva ta’ taxxa miżjuda tista’ tipprovdi vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol ma jiġġustifikax li din il-miżura tiġi eskluża favur miżura ta’ MPU.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. It-Trattat FUE

8.

Skont l-Artikolu 39(1)(c) u (e) TFUE, l-għan tal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”) huwa li jiġu stabbilizzati s-swieq u żgurati prezzijiet raġonevoli tal-kunsinni lill-konsumatur.

9.

L-Artikolu 40 TFUE jipprevedi li, sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 39 TFUE, għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni komuni għal swieq agrikoli ( 8 ) li tista’ tinkludi, inter alia, “kontrolli tal-prezzijiet”.

10.

L-Artikolu 43(3) TFUE jipprevedi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta, inter alia, “il-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet”.

2. L-OKS

11.

Ir-regolament “OKS uniku” jistabbilixxi OKS li tkopri, b’mod partikolari, l-inbejjed.

12.

Skont l-Artikolu 167 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli għall-kummerċjalizzazzjoni biex itejbu u jistabbilizzaw l-operazzjoni tas-suq komuni f’inbejjed”:

“Biex titjieb u tiġi stabbilizzata l-operazzjoni tas-suq komuni f’inbejjed, inkluż l-għeneb, il-most u l-inbejjed li minnhom jidderivaw, l-Istati Membri produtturi jistgħu jistabbilixxu regoli għall-kummerċjalizzazzjoni biex jirregolaw il-provvista, partikolarment permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda minn organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti skont l-Artikoli 157 u 158.

Dawn ir-regoli għandhom ikunu proporzjonati għall-objettiv segwit u ma għandhomx:

a)

ikunu relatati ma’ ebda transazzjoni wara l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-prodott kollu konċernat;

b)

jippermettu li jsir iffissar tal-prezzijiet, inkluż fejn prezzijiet ikunu ffissati bħala gwida jew rakkomandazzjoni.”

B – Id-dritt tar-Renju Unit

13.

Skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi tal-2012, l-alkoħol ma jistax jinbiegħ bi prezz inqas minn prezz minimu kkalkolat skont il-formula “Prezz minimu = MPU x S x V x 100” ( 9 ).

14.

Il-Liġi tal-2012 tagħti lis-setgħa regolamentari l-inkarigu li tiddetermina l-ammont tal-MPU kif ukoll id-data li fih jidħol fis-seħħ.

15.

Il-ministri Skoċċiżi fasslu abbozz ta’ Digriet tal-2013 li kien jistabbilixxi l-ammont tal-MPU għal GBP 0.50, għall-approvazzjoni tal-Parlament Skoċċiż.

II – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

16.

Wara l-adozzjoni tal-Liġi tal-2012, The Scotch Whisky Association et ippreżentaw rikors ġudizzjarju (“judicial review”) kontra din il-liġi u l-abbozz tad-Digriet tal-2013.

17.

Peress li din it-talba ġiet miċħuda fl-ewwel istanza mill-Court of Session, Outer House, The Scotch Whisky Association et appellaw.

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2015, il-Court of Session, Extra Division, Inner House, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Skont interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1308/2013, huwa leġittimu għal Stat Membru li jippromulga miżura nazzjonali li tipprevedi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut ta’ inbid skont il-kwantità ta’ alkoħol li jinsab fil-prodott mibjugħ, liema sistema ta’ prezzijiet b’hekk tinjora l-prinċipju tad-determinazzjoni libera tal-prezzijiet mill-forzi tas-suq li jikkaratterizza s-suq tal-inbid?

2)

Fil-każ fejn tiġi invokata ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 36 TFUE, meta:

Stat Membru jkun ikkonkluda li, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, huwa opportun li jiżdied il-prezz tal-konsum ta’ prodott, f’dan il-każ ix-xorb alkoħoliku, għall-konsumaturi jew għal parti minnhom, u

dan ikun prodott li fuqu l-Istat Membru huwa liberu li jiffissa dazji tas-sisa jew taxxi oħra (inklużi taxxi jew dazji bbażati fuq il-livell jew il-volum ta’ alkoħol, jew fuq il-valur tal-prodott, jew kombinazzjoni ta’ tali miżuri fiskali),

id-dritt tal-Unjoni jippermetti, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet, li Stat Membru ma jadottax tali miżuri fiskali li jinvolvu ż-żieda fil-prezz imħallas mill-konsumaturi u li jagħżel miżuri leġiżlattivi li jiffissaw prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut li joħolqu distorsjoni tal-kummerċ ġewwa l-Unjoni u tal-kompetizzjoni?

3)

Meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk miżura leġiżlattiva nazzjonali, li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq il-kummerċ inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE, tistax madankollu tiġi ġġustifikata mill-Artikolu 36 TFUE għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, din tkun limitata biss għall-evalwazzjoni tal-informazzjoni, tal-provi jew ta’ dokumenti oħra li kellu l-leġiżlatur għad-dispożizzjoni tiegħu u li dan eżamina meta adotta l-miżura msemmija? F’każ ta’ risposta negattiva, liema restrizzjonijiet oħra jistgħu jitpoġġew fuq is-setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti li teżamina d-dokumenti jew il-provi kollha disponibbli ppreżentati mill-partijiet fil-mument meta din tintalab tagħti deċiżjoni?

4)

Meta, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni u ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti ta’ Stat Membru tintalab tagħti deċiżjoni fuq affermazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali li miżura li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE hija ġġustifikata bħala deroga ammessa mill-Artikolu 36 TFUE fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, sa fejn għandha jew tista’ l-qorti, abbażi tal-provi ppreżentati quddiemha, tifforma opinjoni oġġettiva fuq l-effettività tal-miżura msemmija biex tilħaq l-għanijiet iddikjarati, fuq il-possibbiltà li jiġu implementati miżuri oħra li l-effetti tagħhom li jkunu mill-inqas ekwivalenti jkunu joħolqu inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni u, b’mod ġenerali, fuq il-proporzjonalità tal-miżura msemmija?

5)

Waqt l-eżami (fil-kuntest ta’ kwistjoni dwar jekk miżura tkunx iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem b’applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE) tal-eżistenza ta’ miżura oħra possibbli, li ma toħloqx distorsjoni jew li mill-inqas ma toħloqx daqstant distorsjoni tal-kummerċ fl-Unjoni u tal-kompetizzjoni, huwa motiv leġittimu biex tiġi eskluża din il-miżura l-oħra l-fatt li l-effetti tagħha jistgħu ma jkunux perfettament ekwivalenti għal dawk tal-miżura kkontestata abbażi tal-Artikolu 34 TFUE iżda li din tista’ twassal għal vantaġġi supplimentari u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali?

6)

Biex tevalwa jekk miżura nazzjonali, ammessa jew ikkonstatata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE u li għaliha titressaq ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 36 TFUE, u b’mod partikolari għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tagħha, sa fejn tista’ l-qorti li titressaq il-kawża quddiemha tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tagħha tan-natura u tal-firxa li fiha l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva kuntrarja għall-Artikolu 34 [TFUE]?”

III – L-analiżi tiegħi

A – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija partikolari għaliex tressqet fil-kuntest ta’ kawża prinċipali intiża sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ liġi nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u ta’ digriet ta’ implementazzjoni li għadu sempliċi abbozz.

20.

Din il-partikolarità ma hijiex tali li tikkonfuta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba, li tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża, li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, liema kawża ma hijiex ipotetika.

21.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat l-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri kawtelatorji ppreżentati sabiex tingħata dikjarazzjoni u li, filwaqt li ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju li jipprevedi d-dritt tar-Renju Unit, hija aċċettat il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, anki meta dan l-att ma kienx diġà effettivament is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li l-qorti nazzjonali tkun adita b’tilwima ġenwina li fiha, b’mod inċidentali, tqum il-kwistjoni tal-validità ta’ tali att ( 10 ).

22.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, fil-kawża ineżami, li The Scotch Whisky Association et ppreżentaw, quddiem il-Court of Session, rikors ġudizzjarju intiż sabiex jikkontesta l-kompatibbiltà, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, ta’ miżura adottata mil-leġiżlatur Skoċċiż, li d-dħul fis-seħħ tagħha hija suġġetta għall-adozzjoni mill-ministri Skoċċiżi ta’ digriet ta’ implementazzjoni, u, min-naħa l-oħra, ta’ abbozz ta’ dan id-digriet.

23.

Għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li ma hijiex ipotetika, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk issolvi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista hijiex kompatibbli jew le ma’ dan id-dritt.

24.

Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Session.

B – Fuq id-domandi preliminari

1. Il-kompatibbiltà tal-MPU mar-regolament “OKS uniku”

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-regolament “OKS uniku” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut ta’ inbid skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ.

26.

Insostenn ta’ din id-domanda, il-Court of Session tiddikjara li, prima facie, miżura nazzjonali li tistabbilixxi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut hija inkompatibbli mar-regolament “OKS uniku”, meta, bħal fil-każ preżenti tal-OKS fis-settur tal-inbid, is-suq huwa organizzat abbażi tal-iffissar liberu tal-prezzijiet. Madankollu, hija tesprimi dubji dwar dan is-suġġett billi tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-effett tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li inkluda l-PAK fil-qasam tal-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

27.

Qabelxejn, nosserva, li l-fatt li issa l-PAK, skont l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, ma jidhirlix li neċessarjament għandu effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula. Għalkemm dan l-iżvilupp ma huwiex mingħajr konsegwenzi ( 11 ), madankollu l-kompetenza mogħtija lill-Istati Membri, kif jispeċifika l-Artikolu 2(2) TFUE, tista’ tiġi eżerċitata biss “sal-punt fejn” l-Unjoni ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha jew iddeċidiet li ma tibqax teżerċitaha ( 12 ). Għaldaqstant, kompetenza kondiviża min-natura tagħha tista’ issir kompetenza esklużiva bl-eżerċizzju meta l-Unjoni tadotta miżuri fil-qasam ikkonċernat u, għalhekk, tipprekludi lill-Istati Membri mis-setgħa leġiżlattiva tagħhom minħabba l-effett tal-prelazzjoni relatata mal-“okkupazzjoni tat-territorju” tal-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni.

28.

Għadu jrid jiġi stabbilit jekk l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenza tagħha u, għalhekk, ipprekludietx lill-Istati Membri mis-setgħa leġiżlattiva tagħhom.

29.

Fil-qasam tal-PAK, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod ġenerali, li t-testi li kienu jirregolaw, fis-snin 80, l-OKS tal-inbid kienu jikkostitwixxu “sistema kompleta”, “b’mod partikolari fir-rigward ta’ prezz ta’ intervent, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, regoli ta’ produzzjoni u ta’ ċertu prattiċi enoloġiċi u fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ismijiet tal-inbid u ta’ ittikkettjar” ( 13 ). Minn dan hija ddeduċiet li, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni speċjali fis-sens kuntrarju, l-Istati Membri ma kellhomx iktar kompetenza f’dan il-qasam ( 14 ).

30.

Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-regoli relatati mal-iffissar tal-prezzijiet mill-OKS, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-premessa li dawn l-organizzazzjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipju tas-suq ħieles, li għalih il-produtturi kollha għandhom aċċess liberu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva u li l-funzjonament tiegħu huwa rregolat biss mill-istrumenti previsti mill-imsemmija organizzazzjonijiet, iddeċidiet ripetutament li, fl-oqsma koperti mill-OKS, speċjalment meta OKS ikunu bbażati fuq sistema komuni ta’ prezzijiet, l-Istati Membri ma jistgħux jintervjenu iktar permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, meħuda unilateralment, li jaffettwaw il-mekkaniżmu tal-iffissar tal-prezzijiet irregolati mill-OKS ( 15 ). Skont din l-istess ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament agrikolu Komunitarju li jinkorpora sistema ta’ prezzijiet applikabbli fl-istadji tal-produzzjoni u tal-kummerċ bl-ingrossa jħallu lill-Istati Membri liberi li jieħdu miżuri adatti fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet fl-istadji ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ konsum, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati ( 16 ).

31.

Madankollu, l-OKS żviluppaw b’mod drastiku matul l-aħħar għoxrin sena. Minkejja li inizjalment kienet ibbażata fuq loġika sabiex jiġi żgurat id-dħul tal-bdiewa affettwati minn sistema ta’ prezz u ta’ interventi ( 17 ), l-OKS tal-inbid kienet suġġetta għal diversi emendi li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, waslu progressivament għall-abbandun tas-sistemi ta’ intervent klassiċi favur liberalizzazzjoni tas-suq tal-inbid bl-iffissar tal-prezzijiet li jirriżulta mill-konfrontazzjoni ħielsa bejn il-provvista u d-domanda.

32.

Għalhekk, fir-rigward tal-karatteristiċi preżenti tal-OKS fis-settur tal-inbid, li sar sempliċi komponent tar-regolament “OKS uniku”, għandu jiġi rrilevat li din ma għadhiex ibbażata fuq sistema komuni ta’ prezzijiet li l-funzjonament tagħha jista’ jinbidel bl-intervent ta’ miżuri meħuda b’mod unilaterali mill-Istati Membri.

33.

Filwaqt li veru li r-regolament “OKS uniku” jinkludi, fl-Artikolu 167(1)(b) tiegħu, dispożizzjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet, li fid-dawl tagħha l-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw l-iffissar tal-prezz, inkluż meta l-prezzijiet jiġu stabbiliti bħala gwida jew rakkomandazzjoni; għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu korrettament il-Lord Advocate, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni, li tirriproduċi l-Artikolu 67(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 ( 18 ), għandha portata limitata peress li hija intiża biss sabiex tispeċifika l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tar-regolament “OKS uniku” sabiex jiddefinixxu regoli tal-kummerċ li jirregolaw il-provvista. Skont l-għan tal-kompetizzjoni ħielsa, din l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala li tawtorizza l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali li għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jippermettu jew jiffavorixxu l-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet li permezz tagħhom organizzazzjonijiet interprofessjonali jistabbilixxu l-prezz tal-inbid. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 44 tar-Regolament Nru 479/2008 li tipprevedi li, għalkemm, sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq għall-inbid, l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jimplementaw deċiżjonijiet meħuda mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali, madankollu, il-prattiki li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni għandhom jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

34.

Jiena għalhekk nasal għall-konklużjoni li fir-regolament “OKS uniku”, ma għadhiex teżisti sistema ta’ iffissar ta’ prezzijiet li l-eżistenza tagħha jkollha l-effett li leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, fosthom l-inbid, tkun, min-natura tagħha stess, tikkontradixxi din is-sistema u tikkawżalha detriment b’mod dirett.

35.

Filwaqt li għandha tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ kunflitt dirett bejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-OKS tal-inbid, għadu jrid jiġi stabbilit jekk din il-miżura tiksirx fil-prinċipju l-Artikolu 4(3) TUE, minħabba l-fatt li hija tikkomprometti l-għanijiet u l-funzjonament ta’ din l-organizzazzjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta jkun hemm regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq f’settur partikolari, l-Istati Membri huma obbligati li jonqsu milli jadottaw kwalunkwe miżura li tista’ tidderoga minnu jew tippreġudikah ( 19 ).

36.

Il-Kummissjoni ssostni li miżuri adottati mill-Istati Membri fir-rigward ta’ bejgħ bl-imnut, bħal sistema ta’ prezzijiet minimi, jistgħu jikkompromettu l-OKS b’żewġ modi differenti, billi jipprekludu lill-operaturi milli jgawdu b’mod sħiħ il-vantaġġi kompetittivi inkoraġġiti minn OKS li tintervjeni inqas jew billi jinfluwenzaw “il-programmi kollha ta’ sostenn lill-bdiewa mirquma ferm” ( 20 ) li jiddependu, parzjalment, minn fatturi li jiddependu fuq id-domanda ta’ prodotti tad-dwieli mill-konsumatur finali, li hija direttament influwenzata mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut. Skont il-Kummissjoni, jekk is-sistema ta’ MPU kienet ivvalidata, imbagħad adottata f’diversi Stati Membri, il-preżunzjoni leġiżlattiva li fuqha huwa bbażat ir-regolament “OKS uniku”, ibbażata fuq struttura ekwilibrata tal-provvista u d-domanda u fuq l-iffissar liberu tal-prezzijiet bl-operat tas-suq, tkun ineffettiva.

37.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li jitfakkar li mill-Artikolu 39 TFUE jirriżulta li huma rrikonoxxuti kemm is-supremazija tal-politika agrikola fuq l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni kif ukoll is-setgħa tal-Kunsill li jiddeċiedi sa fejn ir-regoli ta’ kompetizzjoni għandhom japplikaw fis-settur agrikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li l-OKS ta’ prodotti agrikoli “ma jikkostitwixxux spazji fejn ma hemmx kompetizzjoni” ( 21 ) u li “ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tifforma parti mill-għanijiet tal-PAK” ( 22 ). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ iffissar tal-prezzijiet, il-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ tirrifletti, fis-setturi koperti minn OKS, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

38.

Ma jidhirlix li huwa kontestabbli li l-iffissar minn Stat Membru wieħed jew iktar ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodott jista’ jikkomprometti l-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta mill-prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi u jwassal b’hekk għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-produtturi li jinsabu fi Stati Membri differenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ikkonstatat u ħadet inkunsiderazzjoni ripetutament l-effett antikompetittiv li jirriżulta minn leġiżlazzjoni li tistabbilixxi prezz minimu ( 23 ).

39.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tal-Irlanda, jiena għalhekk naħseb li l-qorti tar-rinviju kienet korretta meta kkunsidrat li miżura nazzjonali li tikkomprometti l-prinċipju tal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet permezz tal-provvista u tad-domanda hija, fil-prinċipju, inkompatibbli mar-regolament “OKS uniku” li, peress li ma għadux jinkludi mekkaniżmu ta’ iffissar tal-prezzijiet, huwa bbażat fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva bejn il-produtturi tal-istess prodott.

40.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, li t-twaqqif ta’ OKS ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali li għandhom għan ta’ interess nazzjonali għajr dawk koperti mill-OKS, anki jekk dawn ir-regoli jista’ jkollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq komuni fis-settur ikkonċernat ( 24 ). Għaldaqstant, l-insegwiment ta’ għan leġittimu bħal dak tal-protezzjoni tas-saħħa pubbliku huwa tali li jiġġustifika l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, anki meta tkun ġiet stabbilita OKS.

41.

Minkejja li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, diversi drabi, li l-insegwiment tal-għanijiet tal-PAK “ma tistax tinjora” rekwiżiti ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-ħajja tal-annimali ( 25 ) u li l-protezzjoni tas-saħħa “tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-[PAK]” ( 26 ), imsemmija fl-Artikolu 38(1) TFUE, b’mod partikolari meta l-produzzjoni agrikola hija direttament dipendenti fuq id-domanda tal-konsumaturi li huma dejjem iktar konxji sabiex jipproteġu s-saħħa tagħhom ( 27 ) u, min-naħa l-oħra, minkejja li r-regolament “OKS uniku” jinkludi diversi dispożizzjonijiet li jikkunsidraw il-preokkupazzjonijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali ( 28 ), xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ma huwiex speċifikament intiż sabiex jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa, b’mod ġenerali, u dak tal-ġlieda kontra l-konsum perikoluż jew eċċessiv ta’ xorb alkoħoliku, b’mod partikolari.

42.

Għalhekk, minkejja li tikkostitwixxi għan reali tal-PAK, il-protezzjoni tas-saħħa xorta tibqa’ waħda aċċessorja, b’tali mod li dan l-għan jista’ jiġi invokat mill-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha effett fuq il-funzjonament tal-organizzazzjoni komuni fis-settur ikkonċernat.

43.

Tant huwa hekk li l-Artikolu 168(5) TFUE jeskludi kull armonizzazzjoni ta’ liġijiet u ta’ regolamenti tal-Istati Membri li huma intiżi sabiex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem u dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju ma għandhomx jintużaw bħala bażi ġuridika sabiex tiġi evitata din l-esklużjoni espressa ( 29 ).

44.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkunsidra li l-eżistenza ta’ OKS li tkopri s-settur tal-inbid ma tipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom milli jadottaw miżuri sabiex jipproteġu s-saħħa u, b’mod partikolari, jiġġieldu kontra l-abbuż tal-alkoħol. Madankollu, meta l-miżura nazzjonali tikkomprometti l-prinċipju tal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet ta’ bejgħ li jikkostitwixxi komponent tar-regolament “OKS uniku”, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li hija tissodisfa b’mod effettiv l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

45.

Kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, jiena naħseb li l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżura għandu jsir fil-kuntest tal-analiżi li għandha ssir b’riferiment għall-Artikolu 36 TFUE.

46.

Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-regolament “OKS uniku” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu ta’ bejgħ tal-inbid bl-imnut skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari dak tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

2. Il-kompatibbiltà tal-MPU mal-Artikolu 34 TFUE

a) L-osservazzjonijiet preliminari

47.

Għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq il-premessa li l-miżura kkontestata għandha tiġi kklassifikata bħala “miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni” ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE. Il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu fuq din il-klassifikazzjoni ma jidhirlix li teħles lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-obbligu li tivverifika jekk din il-premessa hijiex żbaljata jew le, peress li risposta negattiva għal din id-domanda tista’ teskludi l-obbligu li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 36 TFUE.

48.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk il-MPU jikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni.

b) L-eżistenza ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni

49.

Il-kwistjoni li tqum mill-eżami tal-leġiżlazzjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 34 TFUE tirrikjedi li jiġu pparagunati l-iżviluppi tal-ġurisprudenza ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi mal-ġurisprudenza speċifika għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prezzijiet.

50.

Ma għandix il-ħsieb li nidħol f’ħafna dettall fuq l-iżviluppi magħrufa sew tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.

51.

Ser nillimita ruħi sabiex infakkar b’mod skematiku li, fis-sentenza tagħha Dassonville ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, bħala “kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju” ( 31 ).

52.

Sussegwentement, fis-sentenza tagħha Keck u Mithouard ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma hijiex ta’ natura li tikkostitwixxi tali ostakolu, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u sakemm jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ( 33 ).

53.

Sussegwentement, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja ( 34 ) hija sostniet li għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi l-miżuri adottati minn Stat Membru li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jittrattaw b’mod inqas favorevoli l-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, kif ukoll regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija għandha tissodisfa, anki jekk dawn ir regoli japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-prodotti kollha. Skont l-istess sentenza, taqa’ wkoll taħt dan il-kunċett “kull miżura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra” ( 35 ).

54.

It-tieni linja ġurisprudenzjali li fir-rigward tagħha għandha tiġi evalwata n-natura tal-leġiżlazzjoni kkontestata hija dik dwar l-interpretazzjoni partikolari tar-regolamenti relatati mal-iffissar tal-prezzijiet, b’mod partikolari dawk li jimponu prezz minimu. Skont din il-ġurisprudenza, li rriżultat mis-sentenza van Tiggele ( 36 ), ir-regolamenti nazzjonali li jimponu prezz minimu jikkostitwixxu miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, prekluża mill-Artikolu 34 TFUE, sa fejn, filwaqt li japplikaw mingħajr distinzjoni għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati, huma jistgħu joħolqu żvantaġġ għall-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar billi jipprekludu li l-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx tagħhom jiġi rifless fil-prezz ta’ bejgħ lill-konsumatur ( 37 ).

55.

Il-paragun ta’ dawn iż-żewġ linji ġurisprudenzjali jqajjem żewġ settijiet ta’ domandi li jikkonċernaw, minn naħa, l-għan tal-miżuri ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, il-kriterji tal-ostakolu. Minn naħa, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkwalifikata bħala sempliċi “modalità ta’ bejgħ”, fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard ( 38 )? Min-naħa l-oħra, il-kriterju dwar l-eżistenza ta’ ostakolu li jipprekludi l-possibbiltà ta’ vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx tal-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali jikkorrispondi mal-kriterju tad-diskriminazzjoni jew tal-aċċess għas-suq?

56.

F’dan ir-rigward, il-parti l-kbira tal-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet, filwaqt li jirreferu prinċiparjament għas-sentenza van Tiggele ( 39 ), jiddefendu l-interpretazzjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, prekluż mill-Artikolu 34 TFUE. Madankollu, il-Gvern tal-Irlanda sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi sempliċi “modalità ta’ bejgħ”, fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard ( 40 ), b’tali mod li ma taqax taħt l-Artikolu 34 TFUE. Il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li hemm dubju dwar dan is-suġġett. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġurisprudenza tas-sentenza van Tiggele ( 41 ) tibqa’ valida peress li l-prezzijiet minimi joħolqu diskriminazzjoni kontra l-importazzjonijiet billi jipprekludu jew jostakolaw l-aċċess tagħhom għas-suq.

57.

Ma nħossx li huwa neċessarju li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi eżaminata fid-dawl tad-distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ regolamenti, jiġifieri dawk li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-prodotti u dawk li jillimitaw jew jipprojbixxu ċertu modalitajiet ta’ bejgħ.

58.

Fil-fatt, kull miżura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ miżura ekwivalenti. Skont il-formula tal-ġurisprudenza li tintuża abitwalment ( 42 ), l-Artikolu 34 TFUE jirrifletti l-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku tal-prodotti legalment immanifatturati u mibjugħa fi Stati Membri oħra kif ukoll il-prinċipju li jiġi żgurat aċċess liberu tal-prodotti tal-Unjoni għas-swieq nazzjonali. Minn dan il-prinċipju, jiena niddeduċi li modalità ta’ bejgħ tista’ tikkostitwixxi ostakolu mhux biss meta hija diskriminatorja, fid-dritt u fil-fatt, iżda wkoll meta tostakola l-aċċess għas-suq tal-Istat Membru kkonċernat. Minn dan jirriżulta li, jekk jiġi kkonstatat ostakolu għall-aċċess tas-suq, ma huwiex neċessarju li jsir eżami komparattiv bejn is-sitwazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti importati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ differenza ta’ trattament bejn it-tnejn.

59.

Fl-opinjoni tiegħi, in-newtralizzazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn importazzjoni, li jikkostitwixxi l-kriterju distintiv fir-rigward tar-regolamentazzjoni fil-qasam tal-prezzijiet, tikkaratterizza fiha nnifisha l-effett tal-ostakolu għall-aċċess għas-suq. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-bejgħ bl-imnut bi prezz inqas mill-prezz minimu tipprekludi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra mill-possibbiltà li jbiegħu l-prodotti tagħhom bi prezz ta’ bejgħ li jirrifletti l-prezz ta’ produzzjoni tagħhom iktar baxx u tostakola l-aċċess tagħhom għas-suq ikkonċernat.

60.

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex ikkontestat li tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, għandha għalhekk tkun ikkunsidrata bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE inkwantu tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess għas-suq, sempliċement peress li tista’ tipprojbixxi li l-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx ta’ prodotti importati jista’ jiġi rifless fil-prezz ta’ bejgħ lill-konsumatur.

61.

Huwa sempliċement għal finijiet ta’ kompletezza li ser neżamina n-natura tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tad-distinzjoni li tirriżulta mis-sentenza Keck u Mithouard ( 43 ).

62.

Fis-sentenza tagħha Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezzijiet tal-kotba li tipprojbixxi b’mod partikolari lill-importatur milli jistabbilixxi prezz inqas mill-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku stabbilit jew irrakkomandat mill-pubblikatur għall-Istat fejn issir il-pubblikazzjoni “ma tikkonċernax il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, iżda tikkonċerna biss il-modalitajiet li bihom dawn jistgħu jinbigħu”, din għandha titqies li tikkonċerna l-modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard ( 45 ) ( 46 ).

63.

Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Insostenn ta’ dan l-argument, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza Keck u Mithouard ( 47 ), fiha nnifisha, kienet tirrigwarda projbizzjoni ta’ bejgħ bit-telf, filwaqt li s-sentenza Belgapom ( 48 ), bħal din il-ġurisprudenza, kkwalifikat bħala “modalità ta’ bejgħ” leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-bejgħ li jrendi qligħ baxx ħafna. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodott bi prezz inqas mill-prezz kkalkolat skont il-kontenut tal-alkoħol jidhirli li għandha l-istess effett limitattiv għal-libertà ta’ ffissar tal-prezzijiet, billi timponi lill-bejjiegħ marġni ta’ qligħ minimu. Bħal dawn ir-regolamenti jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft ( 49 ), hija tista’ għalhekk tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ modalitajiet ta’ bejgħ.

64.

Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ “modalità ta’ bejgħ” ma tfissirx li l-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. Filwaqt li huwa paċifiku li tapplika għall-operaturi kollha kkonċernati, skont it-terminoloġija użata mis-sentenza Keck u Mithouard ( 50 ), huwa neċessarju li jintwera li din taffettwa “bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk ġejjin minn Stati Membri oħra” ( 51 ). Fejn hemm diskriminazzjoni, il-miżura għalhekk ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE.

65.

Għaldaqstant, id-domanda li tqum hija dwar jekk il-kriterju użat fis-sentenza van Tiggele ( 52 ), fir-rigward tal-eżistenza ta’ newtralizzazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn importazzjoni, li ċertament tikkaratterizza l-effett ta’ ostakolu għall-aċċess għas-suq, jistax jistabbilixxi wkoll l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Il-portata ta’ dan il-kriterju qajmet dubji dottrinali li juru d-diffikultà li jiġi kkunsidrat mill-perspettiva tad-diskriminazzjoni ( 53 ). Filwaqt li jidhirli li huwa iktar koerenti u loġiku li jitqies li l-għan tal-imsemmi kriterju huwa li jiġi identifikat direttament l-effett ta’ ostakolu għall-aċċess għas-suq, irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni dwar effett inugwali tal-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali, nikkunsidra, madankollu, li dan jippermetti wkoll li tintwera l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Il-formulazzjoni tas-sentenza van Tiggele ( 54 ) tippermetti, fil-fatt, interpretazzjoni mill-perspettiva tad-diskriminazzjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “ostakolu għall-importazzjoni jista’ jirriżulta b’mod partikolari bl-iffissar, minn awtorità nazzjonali, ta’ prezz jew ta’ marġni ta’ qligħ f’livell li l-prodotti importati jkunu żvantaġġati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali identiċi [...] għaliex il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn prezz ta’ produzzjoni iktar baxx jiġi newtralizzat” ( 55 ). Għaldaqstant, ir-raġunament jidher li huwa bbażat fuq il-paragunabbiltà bejn żewġ prodotti identiċi, wieħed nazzjonali, u l-ieħor importat li jibbenefika minn vantaġġ kompetittiv newtralizzat permezz tal-miżura inkwistjoni.

66.

Id-deċiżjoni fiha elementi ta’ analiżi komparattiva li, fi kwalunkwe każ, turi n-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-konstatazzjonijiet tal-Court of Session (l-Iskozja) jirriżulta li, skont l-istatistika fuq il-perċentwali ta’ xorb alkoħoliku mibjugħ barra minn stabbilimenti tal-ikel bi prezz irħas mill-MPU, kien hemm perċentwali ikbar ta’ inbid importat mill-Istati Membri milli inbid mir-Renju Unit li nbiegħ bi prezz irħas mill-MPU. Barra minn hekk, għalkemm tinnota li ma għandhiex statistika li tikkonċerna x-xorb l-ieħor alkoħoliku, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, madankollu, li ma huwa bl-ebda mod ikkontestat li l-volumi sinjifikattivi ta’ birer u spirti li joriġinaw mill-Istati Membri minbarra r-Renju Unit huma mibjugħa bi prezz unitarju irħas minn GBP 0.50.

67.

Billi tipprekludi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra li jbiegħu prodotti importati li sa issa kienu jinbiegħu bi prezz irħas mill-MPU mill-possibbiltà li jbiegħu dawn il-prodotti bi prezz ta’ bejgħ li jirrifletti l-prezz ta’ produzzjoni tagħhom iktar baxx, il-projbizzjoni tal-bejgħ bl-imnut bi prezz irħas minn prezz minimu jagħti żvantaġġ lill-imsemmija prodotti meta mqabbla ma’ prodotti nazzjonali identiċi.

68.

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex ikkontestat li tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, għandha għalhekk titqies li hija miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE inkwantu tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess għas-suq, minħabba s-sempliċi fatt li tipprojbixxi li l-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx tal-prodotti importati jista’ jiġi rifless fil-prezz ta’ bejgħ lill-konsumatur.

69.

Finalment, irrispettivament mill-perspettiva li minnha tiġi analizzata, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax ma taqax fil-klassifikazzjoni ġuridika ta’ “miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni” ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE.

70.

Għandu issa jiġi vverifikat jekk dan l-ostakolu huwiex oġġettivament iġġustifikat.

c) Fuq il-ġustifikazzjoni għall-ostakolu tal-moviment liberu tal-merkanzija

71.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 36 TFUE jew minħabba rekwiżiti imperattivi. Fi kwalunkwe każ, ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom, madankollu, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom.

72.

F’dan ir-rigward, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat mhux biss jekk l-miżuri li hija timplementa humiex adatti sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq, iżda wkoll li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 56 ).

73.

Minkejja li t-termini ġeneralment użati mill-Qorti tal-Ġustizzja jidhru li ħafna drabi ma jwasslux għal distinzjoni ħlief ta’ żewġ stadji differenti ta’ stħarriġ ta’ proporzjonalità, il-proċess intelletwali implementat sabiex jiġi stabbilit jekk miżura nazzjonali hijiex proporzjonali huwa ġeneralment kompost minn tliet stadji suċċessivi.

74.

L-ewwel stadju, li jikkorrispondi għat-test ta’ effettività jew ta’ konvenjenza, jikkonsisti fil-verifika dwar jekk l-att adottat huwiex adatt sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

75.

It-tieni stadju, relatat mat-test ta’ neċessità, li kultant jissejjaħ ukoll “test tal-ostakolu minimu”, jimplika li għandu jsir paragun bejn il-miżura nazzjonali kkontestata u s-soluzzjonijiet alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan bħal dak segwit minn din iżda li jkunu jimponu inqas restrizzjonijiet għall-kummerċ.

76.

It-tielet stadju, li jikkorrispondi għat-test ta’ proporzjonalità stricto sensu, jippresupponi l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti. B’mod iktar preċiż, dan jikkonsisti fil-paragun tal-portata tal-interferenza li l-miżura nazzjonali tikkawża lil-libertà inkwistjoni mal-kontribuzzjoni li din il-miżura tista’ tagħti għall-protezzjoni tal-għan li għandu jintlaħaq.

77.

Qabel ma l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiġi suġġetta għal dan it-test triplu sabiex b’hekk tingħata risposta għat-tieni u għall-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhom isiru numru ta’ punti preliminari dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità sabiex jingħataw risposti għat-tielet, għar-raba’ u għall-ħames domanda.

i) Il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità

78.

Ir-raba’ u s-sitt domandi, li jirrigwardaw, b’mod ġenerali, l-irwol tal-qorti nazzjonali fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità, ser ikunu eżaminati qabel it-tielet domanda, li tirrigwarda iktar speċifikament il-provi li fuqhom il-qorti nazzjonali tista’ tibbaża ruħha.

– Fuq ir-raba’ domanda

79.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-Court of Session (l-Iskozja) tistaqsi sa fejn il-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex iġġustifikata minn għan previst fl-Artikolu 36 TFUE, għandha tifforma opinjoni oġġettiva dwar il-konvenjenza tal-miżura li jintlaħqu l-għanijiet evokati, dwar il-possibbiltà li dawn l-għanijiet jintlaħqu permezz ta’ miżuri oħra inqas restrittivi u, b’mod ġenerali, dwar il-proporzjonalità tal-miżura.

80.

Insostenn ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx li Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa li huwa jixtieq ikollu, huma ma jaqblux mal-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax tipproċedi għall-evalwazzjoni tagħha jew jekk għandhiex tħalli lill-awtorità leġiżlattiva jew regolatorja ikkonċernata diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa, minn naħa tagħha, jekk hijiex possibbli miżura oħra minn tal-inqas daqstant effettiva iżda inqas invażiva u jekk il-miżura identifikata tissodisfax b’mod ġenerali l-kriterju tal-proporzjonalità. Hija tosserva wkoll li l-qrati tal-appell tar-Renju Unit waslu għal interpretazzjonijiet differenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’uħud jimplementaw kriterju li juri n-nuqqas ta’ natura manifestament inadatta tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li oħrajn sempliċement jistabbilixxu jekk, oġġettivament, jeżistux elementi li jiġġustifikaw il-miżura fir-rigward tal-għan imfittex.

81.

Fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun qed tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, u l-qrati nazzjonali, l-evalwazzjoni finali tal-proporzjonalità tirriżulta mill-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża quddiemha u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tiddeċiedi jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex adatta sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’informazzjoni sabiex tiggwidaha fl-interpretazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex twettaq l-evalwazzjoni tagħha.

82.

Jidhirli li hemm żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-proporzjonalità tal-miżura jkun ristrett sa ċertu estent.

83.

Fl-ewwel lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika li huma jixtiequ jipprovdu u l-mod kif għandu jinkiseb dan il-livell ( 57 ). Peress li tali livell jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni neċessarjament ifisser li jkun hemm ċertu taffija tal-istħarriġ, li jirrifletti l-preokkupazzjoni tal-qorti nazzjonali li ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-awtoritajiet nazzjonali.

84.

It-tieni nett, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-evalwazzjonijiet li għandhom isiru u l-marġni ta’ inċertezza li jeżisti fir-rigward tal-effetti tal-miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

85.

It-tielet nett, il-Lord Advocate indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub, li l-Liġi tal-2012 teżiġi li l-ministri Skoċċiżi għandhom jevalwaw l-effett tal-iffissar ta’ MPU u jissottomettu rapport fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipal, li fi kwalunkwe każ ma huwiex ser ikollha iktar effett wara sitt snin sakemm il-Parlament Skoċċiż ma jiddeċidix li għandha tibqa’ tapplika. Jidhirli li n-natura pjuttost esperimentali jew temporali ta’ dawn ir-regoli hija fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali, peress li jidher li tistabbilixxi minn quddiem li r-regoli ser jiġu riveduti fil-każ li r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħha jkunu nbidlu.

86.

Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri ma għandux ikollu bħala effett li jippermetti lill-Istati Membri li jrendu mingħajr skop tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija. Sa fejn l-Artikolu 36 TFUE jinkludi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, huma l-awtoritajiet nazzjonali, anki meta għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, li għandhom juru li l-miżura tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Filwaqt li l-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri jista’ jkun ftit jew wisq wiesa’, skont l-interessi leġittimi kkonċernati, b’tali mod li jkun diffiċli li jsiru ġeneralizzazzjonijiet fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ mill-qorti nazzjonali, ma jidhirlix li huwa possibbli li tiġi sempliċement stabbilita n-natura manifestament sproporzjonata tal-miżura, aspett li, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għall-inverżjoni tal-oneru tal-prova.

87.

Barra minn hekk, irrispettivament mill-portata ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru bħala ġustifikazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn provi adatti jew analiżi tal-konvenjenza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat kif ukoll minn provi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu ( 58 ).

88.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-provi li l-Istat Membru għandu jippreżenta jippermettux li jitqies raġonevolment li l-metodi magħżula huma adatti sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u li, b’din l-għażla, l-Istat Membru ma eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu.

– Fuq is-sitt domanda

89.

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-portata li permezz tagħha l-miżura nazzjonali tippreġudika l-moviment liberu tal-merkanzija għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tagħha.

90.

Il-qorti tar-rinviju tiġġustifika d-domanda tagħha billi tesponi l-pożizzjoni tal-Lord Advocate, li jikkunsidra li, peress li miżura tkun ġiet irrikonoxxuta bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-kummerċ, kull evalwazzjoni dwar in-natura u l-effetti tad-distorsjoni ta’ kompetizzjoni għandha tkun eskluża mill-eżaminazzjoni ta’ proporzjonalità.

91.

Filwaqt li ma hijiex parti mit-test ta’ konvenjenza, li jippresupponi li, indipendentement mill-effett restrittiv, possibbilment il-miżura ser tikkontribwixxi effettivament sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq, il-grad li sal-estent tiegħu l-miżura nazzjonali tikkomprometti l-moviment liberu tal-merkanzija għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fiż-żewġ stadji sussegwenti tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità.

92.

L-ibbilanċjar li jimplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità jassumi evalwazzjoni tan-natura ftit jew wisq restrittiva tal-miżura magħżula meta jsir il-paragun tiegħu mal-miżuri alternattivi li setgħu jiġu implementati. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix miżura oħra li tippermetti li jintlaħaq l-istess riżultat filwaqt li jiġi kkawżat l-inqas preġudizzju għall-moviment liberu tal-merkanzija.

93.

Madankollu, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ ostakolu waqt l-eżami tal-proporzjonalità stricto sensu tal-miżura nazzjonali, li jippreżumi bbilanċjar tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi ta’ din il-miżura filwaqt li jiġi evalwat, b’mod partikolari, jekk il-portata tar-restrizzjoni għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni hijiex proporzjonata mal-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu u mal-profitti mistennija.

94.

Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għas-sitt domanda tkun li l-grad li sal-estent tiegħu l-miżura nazzjonali tikkomprometti l-moviment liberu tal-merkanzija għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi mqabbla mal-miżuri alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan u meta jintlaħaq l-ibbilanċjar tal-interessi kollha preżenti.

– Fuq it-tielet domanda

95.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali għandhiex tiġi evalwata esklużivament fuq il-fatti li jkollhom l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat fid-data tal-adozzjoni ta’ din il-miżura u jekk jeżistux restrizzjonijiet oħra għas-setgħa tal-qorti nazzjonali.

96.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-mument li fih il-legalità tal-miżura kkontestata għandha tiġi evalwata u, għalhekk, fuq il-provi li l-qorti nazzjonali tista’ teżamina fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità. Hija tosserva li din id-domanda hija deċiżiva f’dan il-każ, peress li għandha għad-dispożizzjoni tagħha studji ġodda li la setgħu jiġu eżaminati mil-leġiżlatur nazzjonali u lanqas, fir-rigward ta’ numru minnhom, mill-qorti tal-ewwel istanza.

97.

Kuntrarjament għall-Lord Advocate, li jsostni li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-legalità tal-miżura waqt l-adozzjoni tagħha, li minnha jiddeduċi li ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni provi li ma ġewx eżaminati mil-leġiżlatur nazzjonali, jien nikkunsidra, bħal The Scotch Whisky Association et, il-Gvern tal-Irlanda u l-Gvern tan-Norveġja kif ukoll bħall-Kummissjoni u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), li l-qorti nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali inkwistjoni, għandha tikkunsidra l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta tiddeċiedi, kemm jekk tkun informazzjoni eżistenti fil-mument li fih il-miżura ġiet adottata, iżda li l-awtorità leġiżlattiva jew regolatorja ma kellhiex għarfien tagħha jew ma għamlitx użu minnha, kif ukoll informazzjoni li mmaterjalizzat wara l-adozzjoni tal-miżura.

98.

Argument favur it-teorija tal-Lord Advocate jidher li jista’, b’analoġija, jinsilet mill-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha, bħala regola, tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att ( 59 ). Skont l-istess ġurisprudenza, din il-legalità “ma tistax tiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effikaċità [tagħha]” ( 60 ) u, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jintalab jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li ser tiġi adottata, filwaqt li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tkun ikkritikata biss jekk tkun tidher manifestament żbaljata fid-dawl tal-provi li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 61 ).

99.

Madankollu, żewġ argumenti konverġenti jwassluni sabiex insostni s-soluzzjoni opposta.

100.

L-ewwel argument jikkonċerna l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

101.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza tagħha Seymour-Smith u Perez ( 62 ), ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu rrispettati “f’kwalunkwe mument rilevanti, kemm jekk dan ikun dak tal-adozzjoni ta’ miżura, tal-implementazzjoni tagħha jew tal-applikazzjoni tagħha fil-każ inkwistjoni” ( 63 ).

102.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE ma għandux ikun statiku iżda dinamiku peress li jimplika, bħal fil-każ fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tiżviluppa fiż-żmien skont diversi parametri soċjali, bħall-abitudnijiet ta’ konsum ta’ alkoħol jew id-dħul tax-xerrejja, jew l-istat ta’ għarfien xjentifiku relatat mal-fenomenu studjat.

103.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel parti mill-kuntest ta’ politika ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, din il-leġiżlazzjoni għandha terġa’ tiġi riveduta jekk ikun jidher li r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha nbidlu sussegwentement, b’mod partikolari, bl-iżvilupp tal-informazzjoni disponibbli li tirriżulta mir-riċerka xjentifika ( 64 ).

104.

Din il-ġurisprudenza hija riflessa fil-ġurisprudenza relatata mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li huwa ammess li, meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr il-bżonn li jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jintwerew b’mod sħiħ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, a contrario, li meta provi ġodda jibdlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru li dan ir-riskju jista’ jiġi llimitat permezz ta’ miżuri inqas ristrettivi minn dawk eżistenti, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tiġi emendata fid-dawl tal-informazzjoni l-ġdida ( 65 ).

105.

Huwa minnu li l-fatt li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadattaw jew jaġġornaw il-leġiżlazzjoni skont l-iżvilupp ta’ informazzjoni xjentifika ma jfissirx neċessarjament li dispożizzjoni li ma tibqax adatta għandha tiġi ddikjarata illegali u, għalhekk, annullata b’effett retroattiv.

106.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, u dan huwa t-tieni argument, li r-rikors ġudizzjarju ppreżentat minn The Scotch Whisky Association et għandu, kif diġà enfasizzajt, il-partikolarità li ġie ppreżentat kontra liġi li għadha ma daħlitx fis-seħħ u kontra digriet li għadu fl-istadju ta’ abbozz.

107.

F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, huwa loġiku li l-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni għandu jkun il-mument li fih tiddeċiedi l-qorti nazzjonali. Ma jagħmilx wisq sens li tintuża d-data tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, peress li d-digriet, li fuq kollox huwa parti integrali mil-leġiżlazzjoni li fir-rigward tagħha qiegħda tiġi kkontestata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni, għadu ma ġiex adottat. Lanqas huwa possibbli li tintuża d-data tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-każ inkwistjoni peress li l-leġiżlazzjoni għadha ma ġietx applikata.

108.

Minn dan nikkonkludi li l-qorti nazzjonali għandha teżamina d-dokumenti kollha rilevanti li jeżistu fil-mument li fih tiddeċiedi. Barra minn hekk, ma jeżistux restrizzjonijiet partikolari għas-setgħa tal-qorti nazzjonali sabiex teżamina dawn id-dokumenti minbarra dawk li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kontradittorju u, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.

109.

Konsegwentement, jiena nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, peress, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali hija adita minn rikors ġudizzjarju kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u għadha, parzjalment, fi stadju ta’ abbozz, hija għandha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-għan li għandu jintlaħaq, teżamina mhux biss il-provi li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali u li huma eżaminaw waqt it-tfassil ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda wkoll il-fatti kollha li jeżistu fid-data li fiha hija tiddeċiedi. Ma jeżistux restrizzjonijiet partikolari għas-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina dawn id-dokumenti, minbarra dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, mingħajr ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.

110.

Ser nindirizza issa l-implementazzjoni effettiva tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità.

ii) L-implementazzjoni tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità

111.

Peress li huma relatati, it-tieni u l-ħames domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu eżaminati flimkien.

112.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet jista’ Stat Membru, għall-insegwiment tal-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jaqa’ taħt dak tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku, li toħloq distorsjoni tal-kummerċ fl-Unjoni u tal-kompetizzjoni, minflok żieda fit-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

113.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk miżura li tippermetti li jintlaħaq l-istess għan bħall-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li hija inqas restrittiva għall-moviment liberu tal-merkanzija tistax ma tiġi eskluża minħabba l-fatt li tista’ tagħti vantaġġi addizzjonali u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali.

114.

Nikkonstata li dawn id-domandi jirrigwardaw esklużivament it-tieni test tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità, li jikkonsisti f’evalwazzjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali tistax tiġi ssostitwita b’miżura alternattiva daqstant effettiva, iżda li ma tippreġudikax daqshekk il-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali qiegħda tistaqsi b’mod iktar speċifiku dwar l-għan preċiż tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fuq l-konvenjenza tagħha li jintlaħaq l-għan mixtieq. Sabiex tingħata risposta utli, jidhirli li huwa meħtieġ li tingħata kjarifika tal-imsemmija domandi.

– L-identifikazzjoni tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

115.

Għandu jiġi identifikat l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex proporzjonali ma’ dan il-għan.

116.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-miżuri kkontestati ġew ippreżentati fin-noti ta’ spjega li akkumpanjaw l-abbozz ippreżentat fil-Parlament Skoċċiż bħala li għandhom l-għan li jimplementaw strateġiji u interventi kemm ġenerali kif ukoll immirati lejn il-popolazzjoni b’mod ġenerali u lejn persuni b’konsum “dannuż”, b’mod partikolari, irġiel li jikkonsmaw iktar minn 50 unità ta’ alkoħol u nisa li jikkonsmaw iktar minn 35 unità ta’ alkoħol fil-ġimgħa. Madankollu, hija żżid li studju iktar reċenti ppreżentat lill-Parlament Skoċċiż, intitolat “Business and Regulatory Impact Assessment” (studju ta’ impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-impriżi), isemmi, fost l-għanijiet ta’ dawn il-miżuri, il-ġlieda kontra l-konsum “perikoluż”, u dan huwa ddefinit bħala iktar minn 21 unità ta’ alkoħol fil-ġimgħa għall-irġiel u iktar minn 14 il-unità ta’ alkoħol fil-ġimgħa għan-nisa. Dan l-istudju jikkonkludi li l-iffissar ta’ prezz minimu jippermetti li jintlaħaq l-għan li jitnaqqas il-konsum ta’ xorb alkoħoliku li huwa irħis meta mqabbel mal-kontenut tal-alkoħol, peress li persuni li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż ikunu iktar affettwati minn persuni li jixorbu b’mod moderat, f’termini ta’ ammonti li jikkonsmaw, ammonti li jonfqu u l-benefiċċji li jinkisbu mit-tnaqqis tad-dannu fuq saħħithom. Madankollu, il-Court of Session tosserva li, meta l-miżuri ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34/KE ( 66 ), dawn ġew ippreżentati bħala li huma intiżi għall-konsumaturi li l-konsum tax-xorb tagħhom huwa “dannuż” jew “perikoluż”.

117.

L-ambigwità li toħroġ minn dan l-iżvilupp fil-preżentazzjoni tal-għanijiet tal-miżura mill-awtoritajiet nazzjonali ma hijiex iċċarata bl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Skoċċiż peress li, filwaqt li josservaw li miżura li tistabbilixxi prezz minimu għal kull unità hija introdotta sabiex jintlaħaq l-għan doppju li tiġi indirizzata l-parti tal-popolazzjoni li s-saħħa tagħha hija suġġetta għall-ikbar riskju u li jkun hemm effett pożittiv fuq is-saħħa tal-popolazzjoni kollha, jirrikonoxxu li l-ġustifikazzjoni ta’ tali miżura hija bbażata biss fuq l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet.

118.

Din l-ambigwità persistenti tagħti l-impressjoni żbaljata li l-għan tat-tnaqqis tal-konsum tal-alkoħol, b’mod ġenerali, huwa deliberatament eskluż b’mod li l-miżura kkontestata tkun tista’ iktar faċilment tgħaddi mit-test ta’ neċessità, meta tiġi mqabbla ma’ miżura fiskali li twassal għal żieda ġenerali tal-prezzijiet tax-xorb alkoħoliku.

119.

Infakkar li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża quddiemha u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li għandha tidentifika l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ( 67 ).

120.

F’dan il-każ, hija għandha tevalwa jekk il-miżura għandhiex għan doppju, ġenerali u speċifiku, jew għandhiex biss għan esklużivament speċifiku, filwaqt li, barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li dawn l-għanijiet, mhux talli ma humiex kontradittorji, iżda jistgħu jkunu perfettament kumplimentari. Sabiex tingħata risposta effettiva lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali, ser neżamina dawn iż-żewġ premessi fl-argumenti li ġejjin.

– Il-konvenjenza tal-miżura sabiex jintlaħaq l-għan imfittex

121.

Ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom qabel xejn jissodisfaw it-test ta’ konvenjenza, billi jkunu adatti sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq.

122.

F’dan il-kuntest, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adatta sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk tissodisfa effettivament ir-rekwiżit li dan jintlaħaq b’mod “koerenti u sistematiku” ( 68 ).

123.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni jinvoka għan li jista’ jiġġustifika ostakolu, li għandu jipprovdi l-provi kollha li jistgħu jippermettu lill-qorti mitluba tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni li tiżgura ruħha li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfa b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 69 ).

124.

Il-Lord Advocate jsostni li l-MPU għandu effett dirett biss fuq il-prodotti mibjugħa bl-imnut bi prezz irħas mill-MPU u li peress li dan l-effett huwa progressiv, l-irħas prodotti għal kull unità ta’ alkoħol ikunu suġġetti għall-ikbar żidiet.

125.

Il-Gvern Pollakk iqis li ma hemmx provi oġġettivi u xjentifikament ipprovati li jikkonfermaw li l-persuni li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż fil-parti l-kbira tagħhom jikkonsmaw xorb alkoħoliku irħis meta mqabbel mal-kontenut ta’ alkoħol tagħhom. Skont dan il-Gvern, il-leġiżlazzjoni Skoċċiża ser taffettwa biss lill-persuni bi dħul baxx u ma hija ser ikollha ebda effett fuq il-konsum tal-alkoħol minn persuni bi dħul għoli, minkejja li ġeneralment il-konsum tagħhom huwa ta’ sikwit iktar perikoluż jew dannuż minn dak ta’ persuni bi dħul baxx. Minn dan, l-imsemmi Gvern jiddeduċi li l-għan tal-awtoritajiet Skoċċiżi ma huwiex ser jintlaħaq effettivament.

126.

Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv li għandhom l-Istati Membri f’dan ir-rigward, l-MPU ma huwiex miżura manifestament irraġonevoli fil-kuntest ta’ kampanja intiża li tnaqqas il-konsum tal-alkoħol, b’mod ġenerali, jew il-konsum perikoluż, jew anki dannuż, minn persuni, b’mod partikolari.

127.

Fid-dawl, minn naħa, tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mhux biss fl-għażla tal-partikolari fil-qasam tal-politika tas-saħħa pubblika, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu dan l-għan, u min-naħa l-oħra, tal-kontroversji xjentifiċi, imsemmija mill-qorti tar-rinviju ( 70 ), dwar il-livell ta’ flessibbiltà bejn il-prezz u t-tassazzjoni tad-domanda u, għalhekk, dwar l-inċertezzi tal-effettività tal-politika pubblika bbażata fuq il-kontroll tal-prezzijiet jew fuq it-tassazzjoni ogħla tax-xorb alkoħoliku sabiex jitnaqqas il-konsum tiegħu, ma jidhirlix huwa irraġonevoli li dawn jikkunsidraw li miżura li tistabbilixxi prezz minimu għal kull unità ta’ alkoħol tista’ tkun adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija preċedentement.

128.

Għall-kuntrarju, in-natura koerenti u sistematika ta’ din il-leġiżlazzjoni jidhirli li hija iktar dibattibbli.

129.

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont ir-riżultati ta’ studji li saru fuq id-dħul u fuq il-patrimonju tal-persuni li l-konsum tagħhom huwa dannuż jew perikoluż, jidher li dan it-tip ta’ konsum, l-istess bħall-konsum tax-xorb alkoħoliku b’mod ġenerali, jiżdied skont id-dħul peress li, b’mod partikolari, filwaqt li fil-parti tal-popolazzjoni li tinsab fil-kwintil li jikkorrispondi mad-dħul l-iktar baxx, 4.8 % tal-persuni li jixorbu huma kklassifikati bħala persuni li l-konsum tagħhom huwa dannuż u 10.9 % bħala persuni li l-konsum tagħhom huwa perikoluż, dawn iċ-ċifri jiżdiedu għal 7.7 % u 25.7 % rispettivament għall-parti tal-popolazzjoni li tinsab fil-kwintil li jikkorrispondi għad-dħul l-iktar għoli.

130.

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni bbażata fuq ix-xiri ta’ xorb alkoħoliku li sar fl-Ingilterra u f’Wales bi prezz inqas minn GBP 0.45 u mhux bil-prezz ta’ GBP 0.50, finalment adottat mil-leġiżlazzjoni kkontestata, il-kwantità ta’ xorb alkoħoliku l-iktar irħis mixtri kull ġimgħa jonqos hekk kif jiżdied id-dħul tal-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa dannuż jew perikoluż.

131.

Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont ir-riżultati ta’ dan l-istess studju, il-konsum annwali tal-alkoħol jista’ jitnaqqas b’300 unitajiet ta’ alkoħol fis-sena għall-kategorija ta’ konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa dannuż li jinsabu fil-kwintil li jikkorrispondi għall-ogħla dħul. Dan it-tnaqqis huwa ta’ 42 unità ta’ alkoħol għall-kategorija tal-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa perikoluż li jinsabu fil-kwintil li jikkorrispondi għad-dħul l-iktar baxx, filwaqt li, stranament, il-konsum jiżdied b’5 unitajiet għall-konsumaturi li jinsabu fil-kwintil li jikkorrispondi għall-ogħla dħul.

132.

B’hekk, skont l-informazzjoni analizzata mill-qorti tar-rinviju, minkejja li l-iffissar ta’ prezz minimu jista’ jnaqqas il-konsum ta’ alkoħol tal-persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż, madankollu, l-effett ikun iktar sinjifikattiv fil-grupp tal-persuni li jixorbu li għandhom dħul baxx milli minn persuni li jixorbu li għandhom l-ogħla dħul.

133.

Bħala tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Lord Advocate spjega li studju kumplimentari li sar fuq il-konsum tax-xorb alkoħoliku fl-Iskozja bi prezz inqas minn GBP 0.50 juri li l-konsum tax-xorb alkoħoliku mixtri bi prezz għal kull unità ta’ alkoħol inqas minn GBP 0.50 kien wisq iktar sinjifikattiv għall-persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż u li jgħixu fil-faqar milli għall-persuni li jixorbu u għandhom dan it-tip ta’ konsum, iżda li ma jgħixux fil-faqar ( 71 ).

134.

Barra minn hekk, filwaqt li rrefera għal diversi studji li saru fl-Iskozja kif ukoll fir-Renju Unit u internazzjonalment, huwa sostna li jeżistu provi li żgħażagħ li jixorbu, persuni li jixorbu okkażjonalment u persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa dannuż għandhom tendenza li jagħżlu x-xorb l-inqas għoli. Huwa enfasizza wkoll parallellament li, fir-Renju Unit, l-alkoħol sar jinbiegħ bi prezz irħas milli kien fl-1980 u li l-konsum tal-birra, tal-inbid u ta’ spirti kien żdied mill-1994 b’45 % fl-istabbilimenti li ma humiex tal-ikel filwaqt li, fis-settur tal-stabbilimenti tal-ikel, il-bejgħ kien naqas bi kważi 40 %. Skont dan il-Gvern, l-ispjegazzjoni hija dovuta għall-fatt li l-persuni li jixorbu ħafna, li ifittxu l-ikbar kwantità ta’ dan ix-xorb irħas meta mqabbel mal-kontenut ta’ alkoħol tagħhom, bidlu l-imġieba tagħhom sabiex jikkonsmaw kemm jista’ jkun possibbli bil-flus li huma jkollhom. L-iffissar ta’ MPU jippreżenta għalhekk il-vantaġġ li jipprekludi lil persuni li jixorbu ħafna milli jfittxu alternattivi inqas għolja sabiex iżommu l-livelli attwali ta’ konsum tagħhom.

135.

Jiena finalment ninsab konvint mill-ispjegazzjonijiet fid-dettall mogħtija mill-Lord Advocate bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta u nikkunsidra li tiġġustifika li l-miżura tissodisfa l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol b’mod koerenti u sistematiku billi jsostni, b’mod partikolari, li hija tagħmel parti minn strateġija iktar ġenerali intiża li tikkumbatti d-dannu kkawżat mill-alkoħol, li tinkludi miżuri oħra bħall-projbizzjoni tal-offerti promozzjonali speċifiċi u li l-mira fuq ix-xorb alkoħoliku irħis tista’ tkun iġġustifikata bil-fatt li persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż, fosthom, b’mod partikolari, iż-żgħażagħ, li l-protezzjoni tagħhom bħala prijorità hija leġittima, li jikkonsmaw fil-parti l-kbira tagħhom din il-kategorija ta’ xorb.

– In-neċessità tal-miżura

136.

Il-mistoqsija li tqum hija dwar jekk l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika tal-awtoritajiet Skoċċiżi jistax jintlaħaq, b’mod inqas restrittiv u daqstant effettiv bħal miżura fiskali. Fi kliem ieħor, tassazzjoni ogħla fuq ix-xorb alkoħoliku tippermetti li jintlaħaq l-istess għan bħal leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu, u fl-istess waqt tkun inqas restrittiva għall-kummerċ? Sabiex jingħataw risposti għad-domandi kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit, barra minn hekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din l-alternattiva inqas restrittiva tistax tiġi skartata minħabba li tista’ tagħti vantaġġi supplimentari u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali.

137.

Sostnut minn The Scotch Whisky Association et, kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Bulgarija, tal-Polonja u tal-Portugall, l-argument li ż-żieda tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-alkoħol tkun miżura iktar adatta jista’ apparentement jiġi kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prezzijiet minimi tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati peress li, f’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika seta’ jintlaħaq b’mod xieraq permezz ta’ tassazzjoni ogħla fuq dawn il-prodotti filwaqt li jiġi ppreżervat il-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet.

138.

Madankollu, il-Lord Advocate u l-EFTA, insostenn tal-argument oppost, isostnu li l-ġurisprudenza relatata mat-tabakk ma għandhiex tiġi trasposta għax-xorb alkoħoliku, inkwantu hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fid-Direttiva 95/59/KE ( 72 ) u peress li, minkejja li l-għan li jitnaqqas il-konsum tat-tabakk huwa għan universali, intiż għall-popolazzjoni kollha, l-għan tal-iffissar ta’ MUP huwa differenti, peress li ma huwiex intiż għat-tnaqqis tal-konsum globali, iżda sabiex jintlaħaq l-għan immirat ta’ tnaqqis tal-alkoħol ta’ persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż.

139.

Fir-rigward tal-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, huma jikkunsidraw li l-għażla bejn l-iffissar ta’ prezz minimu u t-tassazzjoni ogħla taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu l-livell li fih huma għandhom l-intenzjoni jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq.

140.

Filwaqt li tirreferi għall-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-prodotti tat-tabakk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jintlaħaq permezz tal-adozzjoni ta’ miżura fiskali li jkollha effett inqas restrittiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, toħloq inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni u barra minn hekk, ikollha l-vantaġġ li twassal għal żieda ġenerali tal-prezz tax-xorb alkoħoliku, li tista’ twassal għal tnaqqis tal-konsum u tal-ispejjeż soċjali relatati miegħu.

141.

Huwa biss fil-każ fejn l-Istat Membru jkollu għażla bejn miżuri differenti adatti sabiex jilħqu l-istess għan li għandu l-obbligu jirrikorri għall-miżura li għandha l-inqas ostakoli għal-libertà tal-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

142.

Qabel ma neżamina jekk miżura fiskali hijiex adatta sabiex tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk għandhiex effetti inqas ristrettivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix lil Stat Membru jirrikorri għal tali miżura.

143.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Direttivi 92/83/KEE ( 73 ) u 92/84/KEE ( 74 ) sempliċement jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li japplikaw dazju tas-sisa minimu. Konsegwentement, dawn għandhom marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti sabiex iwettqu żieda ġenerali tad-dazji tas-sisa sabiex, b’mod partikolari, jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi tas-saħħa pubblika, sakemm is-sistema ta’ tassazzjoni li huma jimplementaw għal dawn il-finijiet tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, li jippresupponi li hija organizzata b’tali mod li teskludi, fi kwalunkwe każ, li l-prodotti importati jiġu ntaxxati iktar mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, li fi kwalunkwe każ ma għandhiex effetti diskriminatorji.

144.

Jonqos li jiġi stabbilit jekk tassazzjoni ogħla tax-xorb alkoħoliku tikkostitwixxix miżura inqas restrittiva.

145.

Fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effettiv għall-kontroll tal-konsum ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li l-għan li jiġi żgurat li livell għoli tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti jista’ jintlaħaq b’mod xieraq b’tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, peress li żidiet fid-dazji tas-sisa għandhom eventwalment jirriżultaw f’żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr detriment għal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet ( 75 ).

146.

Din il-ġurisprudenza hija trasponibbli għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-prezz tax-xorb alkoħoliku?

147.

Iż-żewġ argumenti msemmija mil-Lord Advocate u l-EFTA, sabiex jopponu din it-traspożizzjoni, ibbażati, minn naħa, fuq dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fid-Direttiva 95/59 u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura speċifika tal-għan ta’ tnaqqis tal-konsum ta’ alkoħol tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża biss għal persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż, ma jikkonvinċunix.

148.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ( 76 ), li kienet tirrigwarda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-miżuri nazzjonali kienu kuntrarji għad-Direttiva 95/59, madankollu eżaminat jekk setgħux ikunu ġġustifikati skont l-Artikolu 36 TFUE u kkonkludiet li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ effettivament jintlaħaq permezz ta’ tassazzjoni ogħla fuq il-prodotti tat-tabakk immanifatturat, li jkun jippreżerva l-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet. Għaldaqstant, anki f’settur li ma huwiex irregolat b’dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju li tipprevedi espressament il-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet, tassazzjoni ogħla li tillimita bl-inqas mod il-kummerċ filwaqt li tippermetti t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq għandha tkun ippreferuta minn miżura li tistabbilixxi prezz minimu, li tikkostitwixxi ostakolu ikbar.

149.

Fit-tieni lok, jekk jitqies li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi verament limitat għall-ġlieda kontra l-konsum perikoluż u dannuż ta’ xorb alkoħoliku, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jiena nikkunsidra li huma l-persuni responsabbli mir-redazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li għandhom juru li tassazzjoni ogħla ma tistax tilħaq l-istess għan speċifiku. Madankollu, huma ma jipproduċu ebda prova serja li turi, kif isostnu huma, li t-tassazzjoni ogħla jkollha impatt “sproporzjonat” meta mqabbel mal-għan intiż. Għandu jiġi kkonstatat li huma jsostnu, prinċipalment, li tali miżura jkollha effett “inutli” fuq il-persuni li jixorbu b’mod moderat li ma għandhomx l-istess livell ta’ riskju. Bħall-qorti tar-rinviju, ma narax kif dan l-effett kollaterali ta’ żieda ġeneralizzata tas-taxxi tista’ titqies li hija negattiva fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-konsum perikoluż jew dannuż tal-alkoħol, minkejja li, wara kollox, l-istudji xjentifiċi jidhru li qed juru li l-konsum perikoluż jew dannuż, minn naħa, u l-kwantità tal-irħas xorb alkoħoliku mixtri fil-ġimgħa, min-naħa l-oħra, jonqos gradwalment maż-żieda fid-dħul tal-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż.

150.

Fil-każ li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha l-għan speċifiku tal-konsum perikoluż jew dannuż tal-alkoħol u għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, il-fatt li l-miżura alternattiva ta’ żieda fit-tassazzjoni tista’ tagħti vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan ġenerali jikkostitwixxi fattur determinanti li jiġġustifika din il-miżura pjuttost mill-miżura ta’ MPU.

151.

Filwaqt li hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-għanijiet preċiżi tal-miżura inkwistjoni, teżamina l-merti u l-iżvantaġġi ta’ miżura ta’ żieda fit-tassazzjoni u tikkonstata jekk din l-alternattiva tippreżentax bilanċ aħjar bejn l-ispiża/vantaġġi milli l-iffissar ta’ prezz minimu, għandi s-sensazzjoni li huwa diffiċli li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġu ġġustifikati r-regoli inkwistjoni, li għalija jidhru li huma inqas konsistenti u effettivi minn miżura ta’ żieda tat-tassazzjoni u li tista’ saħansitra tiġi pperċepita bħala diskriminatorja.

152.

Konsegwentement, nipproponi li r-risposti għat-tieni u għall-ħames domandi jkunu li Stat Membru ma jistax, għall-insegwiment tal-għan ta’ ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jaqa’ fil-kuntest tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, li tillimita l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, minflok tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, ħlief bil-kundizzjoni li juri li l-miżura magħżula tagħti vantaġġi supplimentari jew żvantaġġi inqas meta mqabbla mal-miżura alternattiva. Il-fatt li l-miżura alternattiva li timplika tassazzjoni ogħla tista’ tagħti vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol ma jiġġustifikax li din il-miżura tiġi eskluża favur miżura MPU.

IV – Konklużjoni

153.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Court of Session (l-Iskozja):

1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tal-inbid skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata bl-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

2)

Sabiex jiġi evalwat jekk miżura tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti nazzjonali li għandha:

tivverifika jekk il-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Istat Membru jippermettux raġonevolment li jiġi konkluż li l-metodi magħżula huma adatti għall-għan li għandu jintlaħaq u li, b’din l-għażla, l-Istat Membru ma eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, u

tieħu inkunsiderazzjoni l-estent li bih din il-miżura tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbla mal-miżuri alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan u waqt l-ibbilanċjar tal-interessi kollha involuti.

3)

Meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali hija adita b’rikors għall-istħarriġ ta’ legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u għadha, parzjalment, fi stat ta’ abbozz, hija għandha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-għan li għandu jintlaħaq, teżamina mhux biss il-provi li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali u li huma eżaminaw waqt it-tfassil ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda wkoll l-informazzjoni kollha fattwali disponibbli fid-data li fiha hija tieħu deċiżjoni. Ma jeżistux restrizzjonijiet partikolari fuq is-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina dawn id-dokumenti, minbarra dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, mid-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.

4)

L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, għall-insegwiment tal-għan ta’ ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jagħmel parti mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku minflok tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, li tillimita inqas il-kummerċ fl-Unjoni, sakemm dan l-Istat ma jistabbilixxix li l-miżura magħżula għandha tagħti vantaġġi supplimentari jew żvantaġġi inqas meta mqabbla mal-miżura alternattiva. Il-fatt li l-miżura alternattiva li timplika tassazzjoni ogħla tista’ tagħti vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol ma jiġġustifikax li din il-miżura tiġi eskluża favur miżura ta’ ffissar ta’ prezz minimu.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2012”.

( 3 )   Iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ digriet tal-2013”.

( 4 )   L-unità ta’ alkoħol tikkorrispondi għal 10 millilitri ta’ alkoħol pur.

( 5 )   Iktar ’il quddiem l-“MPU”.

( 6 )   Iktar ’il quddiem “The Scotch Whisky Association et”.

( 7 )   ĠU L 347, p. 671, iktar ’il quddiem ir-“regolament ‘OKS uniku’”.

( 8 )   Iktar ’il quddiem “OKS”.

( 9 )   “S” tindika l-kontenut tal-alkoħol u “V” il-volum ta’ alkoħol f’litri.

( 10 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, EU:C:2002:741, punti 3640); Intertanko et (C-308/06, EU:C:2008:312, punti 3334), u Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 29).

( 11 )   Ara, dwar dawn il-konsegwenzi, Politique agricole commune et politique commune de la pêche, Commentaire J. Mégret, 3 Ed., Université de Bruxelles, punt 68, p. 59.

( 12 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C-373/11, EU:C:2013:56, punt 26).

( 13 )   Ara s-sentenzi Prantl (16/83, EU:C:1984:101, punti 1314) u Ramel et (89/84, EU:C:1985:193, punt 25).

( 14 )   Idem.

( 15 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Antonini (216/86, EU:C:1987:322, punt 6); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-110/89, EU:C:1991:227, punt 21); Il-Kummissjoni vs il-Greċja (C-61/90, EU:C:1992:162, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Kuipers (C-283/03, EU:C:2005:314, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Antonini (216/86, EU:C:1987:322, punt 6) u Lefèvre (188/86, EU:C:1987:327, punt 11).

( 17 )   Ara, b’mod partikolari, it-titolu I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 816/70, tat-28 ta’ April 1970, dwar dispożizzjonijiet kumplimentari fir-rigward ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU L 99, p. 1).

( 18 )   Regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU L 148, p. 1).

( 19 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Industrias de Deshidratación Agrícola (C-118/02, EU:C:2004:182, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Kuipers (C-283/03, EU:C:2005:314, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) u d-digriet Babanov (C-207/08, EU:C:2008:407, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 )   Punt 34 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 21 )   Ara, inter alia, id-digriet SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-39/09 P, EU:C:2010:157, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 )   Ara s-sentenza Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C-373/11, EU:C:2013:567, punt 37).

( 23 )   Ara, għal prezz minimu ta’ bejgħ ta’ ġinevra, is-sentenza van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10); għal prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturat, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-287/89, EU:C:1991:188); Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-198/08, EU:C:2010:112); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-221/08, EU:C:2010:113), kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-571/08, EU:C:2010:367), għal prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tal-karburant, is-sentenza Cullet u Chambre syndicale des réparateurs automobiles et détaillants de produits pétroliers (231/83, EU:C:1985:29), u għal prezz minimu tal-ħobż, is-sentenza Edah (80/85 u 159/85, EU:C:1986:426).

( 24 )   Ara s-sentenzi Hammarsten (C-462/01, EU:C:2003:33, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Kuipers (C-283/03, EU:C:2005:314, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) u d-digriet Babanov (C-207/08, EU:C:2008:407, punt 25).

( 25 )   Ara s-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK (C-37/06 u C-58/06, EU:C:2008:18, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-269/97, EU:C:2000:183, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 )   Idem.

( 28 )   Ara b’mod partikolari, l-Artikoli 23(3) u 80(3)(b) u 220.

( 29 )   Ara d-digriet Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [C-426/13 P(R), EU:C:2013:848, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata].

( 30 )   8/74, EU:C:1974:82.

( 31 )   Punt 5.

( 32 )   C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905.

( 33 )   Punt 16.

( 34 )   C-110/05, EU:C:2009:66.

( 35 )   Punti 35 u 37.

( 36 )   82/77, EU:C:1978:10.

( 37 )   Punt 18.

( 38 )   C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905.

( 39 )   82/77, EU:C:1978:10.

( 40 )   C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905.

( 41 )   82/77, EU:C:1978:10.

( 42 )   Ara s-sentenza ANETT (C-456/10, EU:C:2012:241, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 )   C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905.

( 44 )   C-531/07, EU:C:2009:276.

( 45 )   C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905.

( 46 )   Punt 20 tas-sentenza Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (C-531/07, EU:C:2009:276).

( 47 )   C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905.

( 48 )   C-63/94, EU:C:1995:270.

( 49 )   C-531/07, EU:C:2009:276.

( 50 )   C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905.

( 51 )   Punt 16.

( 52 )   82/77, EU:C:1978:10.

( 53 )   Ara F. Picod, “La nouvelle approche de la Cour de justice en matière d’entraves aux échanges”, Revue trimestrielle de droit européen, 1998, p. 169, li jikkunsidra li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10) “bl-ebda mod ma imponiet li għandha tiġi stabbilita differenza ta’ trattament bejn il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati, iżda li kienet tapplika minħabba n-newtralizzazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv miksub permezz ta’ tranżazzjoni ta’ importazzjoni, anki jekk b’paragun ma’ mod ieħor ta’ importazzjoni”. Dan l-awtur iżid li “ikun inopportun għall-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tagħha Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905) għal dan it-tip ta’ regolamenti, għaliex inkella twassal sabiex ġurisprudenza stabbilita ferm issir ineffettiva”. Ara, a contrario, P. Oliver, “Dossier Keck – Forces et faiblesses de l’arrêt Keck”, Revue trimestrielle de droit européen, 2014, p. 870, li jikkunsidra li, “ħafna qabel is-sentenza Keck u [Mithouard (C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905)], kienu biss il-kontrolli tal-prezzijiet li jiddiskriminaw kontra l-importazzjonijiet li kienu kkunsidrati bħala miżura b’effett ekwivalenti” (nota ta’ qiegħ il-paġna 11). Ara, fl-aħħar nett, għal analiżi kkwalifikata, Candela Soriano, “Le traité CE et la fixation des prix dans le secteur du livre”, Revue du droit de l’Union européenne, Nru 2, 2000, p. 361, li jindika li, sabiex miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ bl-imnut ta’ kotba bi prezz iktar baxx minn dak impost tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li dan it-tip ta’ regolamenti “ma jkunux la fid-dritt u lanqas fil-fatt diskriminatorji, fi kliem ieħor ma jkunux tali li jirrendu l-aċċess għas-suq iktar diffiċli għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati jew għall-prodotti involuti”.

( 54 )   82/77, EU:C:1978:10.

( 55 )   Punt 14. Korsiv miżjud minni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cullet u Chambre syndicale des réparateurs automobiles et détaillants de produits pétroliers (231/83, EU:C:1985:29, punt 25) u Leclerc (34/84, EU:C:1985:362, punti 78).

( 56 )   Ara sentenza Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386, punt 64).

( 57 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Blanco Pérez u Chao Gómez (C-570/07 u C-571/07, EU:C:2010:300, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata); Il-Kummissjoni vs Franza (C-89/09, EU:C:2010:772, punt 42); Susisalo et (C-84/11, EU:C:2012:374, punt 28); Ottica New Line di Accardi Vincenzo (C-539/11, EU:C:2013:591, punt 44); Venturini et (C-159/12 sa C-161/12, EU:C:2013:791, punt 59); kif ukoll Sokoll-Seebacher (C-367/12, EU:C:2014:68, punt 26).

( 58 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-227/06, EU:C:2008:160, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 )   Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/13, EU:C:2015:224, punt 35).

( 60 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C-203/12, EU:C:2013:664, punt 37).

( 61 )   Idem.

( 62 )   C-167/97, EU:C:1999:60.

( 63 )   Punt 45.

( 64 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mirepoix (54/85, EU:C:1986:123, punt 16), fejn ġie kkonstatat li l-awtoritajiet tal-Istat Membru importatur huma obbligati jerġgħu jirrevedu projbizzjoni ta’ użu ta’ pestiċidi jew kontenut massimu preskritt jekk jidhrilhom li r-raġunijiet li għalihom iddeċidew fuq tali miżuri nbidlu. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Heijn (94/83, EU:C:1984:285, punt 18).

( 65 )   Ara sentenza Agrarproduktion Staebelow (C-504/04, EU:C:2006:30, punt 40).

( 66 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 337).

( 67 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Petersen (C-341/08, EU:C:2010:4, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Vital Pérez (C-416/13, EU:C:2014:2371), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx preċiża fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, huwa neċessarju li fatturi oħra, li jistgħu jinsiltu mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jagħtu l-possibbiltà li jiġi identifikat l-għan sottostanti ta’ din il-miżura għall-finijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità u li jiġi stabbilit jekk il-metodi implementatis għat-twettiq ta’ dan l-għan humiex adatti u neċessarji (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 68 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 )   Ibidem (punt 65).

( 70 )   Ara l-punt 20 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 71 )   59 % tal-persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż u 63 % tal-persuni li l-konsum tagħhom huwa konsum dannuż jikkonsmaw xorb alkoħoliku mixtri bi prezz għal kull unità ta’ alkoħol inqas minn GBP 0.50 meta jgħixu fil-faqar, filwaqt li dawn iċ-ċifri huma ta’ 45 % u ta’ 42 % rispettivament fir-rigward ta’ persuni li ma jgħixux fil-faqar.

( 72 )   Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283).

( 73 )   Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

( 74 )   Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213).

( 75 )   Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111, punt 52).

( 76 )   C-216/98, EU:C:2000:571.