7.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/15


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Judecătoria Câmpulung – ir-Rumanija) – Maria Bucura vs SC Bancpost SA

(Kawża C-348/14) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 87/102/KEE - Artikolu 1(2)(a) - Kreditu lill-konsumatur - Kunċett ta’ “konsumatur” - Direttiva 93/13/KEE - Artikoli 2(b), 3 sa 5 u 6(1) - Klawżoli inġusti - Evalwazzjoni ex officio mill-qorti nazzjonali - Klawżoli “mfassla b’mod ċar u li jinftiehem” - Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kreditur))

(2015/C 294/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Judecătoria Câmpulung

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Maria Bucura

Konvenuta: SC Bancpost SA

Fil-preżenza ta’: Vasile Ciobanu

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, u l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tidħol fil-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-persuna fiżika li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ kodebitur fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ professjonist, meta din taġixxi b’għan li jista’ jitqies bħala barrani għall-attività kummerċjali jew professjonali tagħha.

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u professjonist, peress li din il-qorti jkollha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għal dan il-għan.

3)

L-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva, tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, din għandha tivverifika li, fil-kawża inkwistjoni, ġew ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jistgħu jkollhom impatt fuq il-portata tal-obbligu tiegħu li jippermettulu jevalwa, b’mod partikolari, il-prezz totali tas-self tiegħu. F’din l-evalwazzjoni, għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni jekk il-klawżoli humiex imfassla b’mod ċar u li jinftiehem b’tali mod li jippermettu lil konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jevalwa tali prezz u, min-naħa l-oħra, il-fatt marbut mal-assenza milli tissemma l-informazzjoni kkunsidrata fil-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, fir-rigward tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, li hija essenzjali, u b’mod partikolari dik imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/102, kif emendata.


(1)  ĠU C 361, 13.10.2014.