24.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/15


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2013 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-346/13)

2013/C 245/19

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Khalkias, X. Basakou u A. Vasilopoulou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata taħt id-dokument Numru C(2013) 2436 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, ĠU L 123, p. 11, sa fejn din tirrigwarda r-Repubblika Ellenika; u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fir-rigward tal-korrezzjonijiet finanzjarji imposti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata taħt id-dokument Numru C (2013) 2436 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU L 123, p. 11), sa fejn din id-deċiżjoni timponi fuq ir-Repubblika Ellenika korrezzjoni finanzjarja fl-ammont totali ta’ EUR 6 175 094,49 għal nefqa sostnuta minnha fl-ambitu tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, fl-Assi 2, 2007-13, miżuri marbuta maż-żona fis-snin finanzjarji 2009 u 2010 (snin tat-talba 2008 u 2009), ir-Repubblika Ellenika tissottometti dawn il-motivi għall-annullament:

Permezz tal-ewwel motiv għall-annullament, ir-Repubblika Ellenika tissottometti li d-deċiżjoni hija nieqsa minn bażi legali u minn motivazzjoni fir-rigward tar-rata fissa ta’ korrezzjoni proposta ta’ 5 % peress li l-kontrolli fuq il-post li saru fir-rigward tal-impenji kollha meħuda ma sarux fuq il-pakketti agrikoli kollha msemmija fl-applikazzjonijiet għal għajnuna għas-snin rilevanti għall-investigazzjoni.

Permezz tat-tieni motiv għall-annullament, ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ rata fissa ta’ korrezzjoni ta’ 2 % minħabba l-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet fit-traċċabbiltà tar-rapporti ta’ kontroll tal-AEM b’mod ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004 (1), ġiet adottata b’mod żbaljat fir-rigward tal-fatti u, fi kwalunkwe każ, ma ngħatawx raġunijiet għad-deċiżjoni.

Permezz tat-tielet motiv għall-annullament, ir-Repubblika Ellenika tasserixxi li d-deċiżjoni hija nieqsa minn bażi legali u minn motivazzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ rata fissa ta’ korezzjoni ta’ 2 % fl-oqsma separati tal-“Biedja Organika” u tal-“Produzzjoni Organika tal-Bhejjem”, peress li, minbarra li wettqet, kif ġie pprovat fil-proċedura, kontrolli speċifiċi marbuta mal-miżuri inkwistjoni minn korpi speċjalizzati u akkreditati ta’ kontroll tal-uċuħ tar-raba’ organiċi, l-Aġenzija għall-Ħlas kienet marbuta twettaq il-kontrolli tagħha.

Permezz tar-raba’ motiv għall-annullament, ir-Repubblika Ellenika tissottometti li r-rata fissa ta’ korrezzjoni ta’ 5 % tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ċerti impenji u, speċifikament, dawk marbuta mal-użu ta’ fertilizzant, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, pestiċidji jew sustanzi relatati oħra huma kkontrollati biss viżwalment. Ir-raġunijiet mogħtija għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huma insuffiċjenti jew altrimenti kontradittorji.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243).