SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Frar 2017 ( *1 )

“Dritt istituzzjonali — Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej — Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni — Rifjut ta’ reġistrazzjoni — Nuqqas manifest ta’ setgħat leġiżlattivi tal- Kummissjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 4(2)(b) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011”

Fil-Kawża T‑646/13,

Bürgerausschuss für die Bürgerinitiative Minority SafePackone million signatures for diversity in Europe, irrappreżentat inizjalment minn E. Johansson, J. Lund u C. Lund, sussegwentement minn E. Johansson u T. Hieber, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, A Pálfy u G Szima, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer, bħala aġent,

onvenuta,

sostnuta minn,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

u minn

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn R. Radu, R. Haţieganu, D. Bulancea u A. Wellman, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 5969 finali, tat-13 ta’ Settembru 2013, li tiċħad it-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-15 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrent, Bürgerausschuss für die Bürgerinitiative Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe, kompost minn Hans Heinrich Hansen, Hunor Kelemen, Karl-Heinz Lambertz, Jannewietske Annie De Vries, Valentin Inzko, Alois Durnwalder u Anke Spoorendonk, ippreżenta lill-Kummissjoni Ewropea proposta ta’ inizjattiva taċ-cittadini Ewropej intitolata “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE”) li, skont l-informazzjoni minima pprovduta b’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1), moqri flimkien mal-Anness II ta’ dan l-istess regolament (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni meħtieġa”), is-suġġett tagħha kien li tistieden “lill-Unjoni Ewropea ttejjeb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u ssaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni”. Mill-istess informazzjoni pprovduta skont l-informazzjoni meħtieġa jirriżulta li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) kienu jikkonsistu fi stedina lill-Unjoni Ewropea “sabiex tadotta sensiela ta’ atti leġiżlattivi sabiex titjieb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika [fit-territorju tagħha]” u li “[d]awn l-atti għandhom jinkludu miżuri relattivi għal-lingwi reġjonali u minoritarji, għall-edukazzjoni u għall-kultura, għall-politika reġjonali, għall-parteċipazzjoni, għall-ugwaljanza, għall-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll għas-sostenn statali mogħti mill-awtoritajiet reġjonali”.

2

Barra minn hekk, mill-informazzjoni iktar dettaljata li, skont l-aħħar paragrafu tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011 ġiet mehmuża bħala anness mal-informazzjoni pprovduta skont l-informazzjoni meħtieġa (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni addizzjonali”), jirriżulta li l-għan tal-imsemmija proposta huwa l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ atti legali indikati u deskritti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-informazzjoni addizzjonali. Fit-Taqsima 8 tagħha, intitolata “klawżola ta’ salvagwardja”, l-organizzaturi josservaw li, għal kull waħda mill-proposti ta’ atti legali kkonċernati, il-proposta ta’ IĊE tissuġġerixxi, b’mod indikattiv, il-bażi legali u t-tip ta’ att li għandu jiġi adottat li huma jaħsbu li huwa l-iktar approprjat, li kull waħda minn dawn il-proposti għandha tiġi eżaminata separatament u li l-inammissibbiltà ta’ waħda minnhom jew iktar ma għandhiex twassal għall-inammissibbiltà tal-proposti l-oħra li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni”.

3

Permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 5969 finali tagħha, tat-13 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE minħabba li din manifestament ma kinitx taqa’ taħt is-setgħat li jippermettu lill-Kummissjoni tissottometti proposta għall-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni tat-trattati.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

5

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

6

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

7

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla, tal-4 ta’ Settembru 2014, l-Ungerija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrent u r-Repubblika Slovakka kif ukoll ir-Rumanija ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Id-dritt

8

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi bbażati, wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011 u, l-ieħor, fuq ksur tal-Artikolu 11 TUE, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

9

Ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, jikkritika lill-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, illimitat ruħha li tgħid, mingħajr ma tagħti dettalji oħra, li ċerti temi li fuqhom hija ġiet mistiedna, fl-anness tal-proposta ta’ IĊE, tagħmel proposti ta’ att legali tal-Unjoni kienu jaqgħu fil-qafas tas-setgħat tagħha sabiex sussegwentement minn dan tiddeduċi li r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kellha tiġi rrifjutata kompletament minħabba li r-reġistrazzjoni parzjali ta’ proposta ta’ IĊE ma kinitx prevista mir-Regolament Nru 211/2011. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar u iktar importanti minħabba li, minn naħa, l-IĊE huwa strument ta’ parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini fil-proċess leġiżlattiv, li għandu jkun aċċessibbli u faċilment applikabbli, u li, min-naħa l-oħra, l-organizzaturi ta’ proposti ta’ IĊE ma humiex, bħala regola ġenerali, ġuristi professjonali.

10

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni messha speċifikat liema mill-proposti, fost dawk imsemmija fl-anness tal-proposta ta’ IĊE, fl-opinjoni tagħha, ma jaqgħux manifestement fil-qafas tas-setgħat tagħha. Fit-tieni lok, hija messha indikat ir-raġunijiet li għalihom hija waslet għal din il-konklużjoni fir-rigward ta’ kull waħda mill-proposti inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ motivazzjoni, l-organizzaturi ma jistgħux ikunu jafu fuq liema partijiet tal-proposta ta’ IĊE għandhom jiffokaw sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tat-talba tagħhom u huma ma jkunux jistgħu jadattaw, skont il-każ, il-proposta ta’ IĊE għat-teżi difiża mill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw proposta ġdida minflokha. Barra minn hekk, l-attitudni tal-Kummissjoni jkollha bħala konsegwenza li tħeġġeġ lill-awturi tal-proposta ta’ IĊE jippreżentaw il-ħdax-il miżura indikati fiha b’mod separat, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju u ma tikkontribwixxix sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u sabiex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli fis-sens tal-premessa 2 tar-Regolament Nru 211/2011.

11

Ir-rikorrent isostni f’dan il-kuntest li, kuntrarjament għat-teżi difiża mill-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar is-suġġett ta’ proposta ta’ IĊE, li hija inkluża fl-anness ta’ din tal-aħħar, f’dan il-każ l-informazzjoni li tirrigwarda ħdax-il proposta konkreta għall-adozzjoni ta’ atti legali, għandha l-istess importanza daqs l-informazzjoni pprovduta b’applikazzjoni tal-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011. Fil-fatt, konformement mal-imsemmi Anness II, id-deskrizzjoni tas-suġġett indikat fil-kontenut tat-talba għal reġistrazzjoni jista’ jkollha “mhux aktar minn 200 karattru”, filwaqt li l-organizzaturi ta’ proposta ta’ IĊE jistgħu jipprovdu “f’anness” għaliha “aktar informazzjoni dettaljata”, b’mod partikolari, dwar “is-suġġett” tagħha.

12

Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata messha semmiet ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li r-Regolament Nru 211/2011 ma jawtorizzahiex tirreġistra parti biss minn proposta ta’ IĊE. Fil-fatt, la t-test tar-regolament u lanqas it-trattati ma jappoġġaw tali interpretazzjoni. Dan huwa iktar u iktar il-każ minħabba li l-proposta ta’ IĊE indikat espliċitament li l-awturi tagħha kienu jixtiequ li l-Kummissjoni teżamina b’mod individwali kull waħda mill-ħdax-il proposta msemmija fl-anness u li l-inammissibbiltà ta’ parti minnhom ma għandhiex taffettwa l-ammissibbiltà tal-proposti l-oħra. L-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom miċ-ċittadini, li ma humiex ġuristi speċjalizzati, u l-importanza tal-IĊE bħala strument tad-demokrazija diretta jimponu fuq il-Kummissjoni tali obbligu ta’ motivazzjoni.

13

Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Slovakka u mir-Rumanija, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi r-raġunijiet prinċipali għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni fir-rigward tas-suġġett tal-proposta ta’ IĊE, kif ifformulat fil-kontenut tal-proposta, jiġifieri l-protezzjoni tal-minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika. Mill-istruttura tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011 jirriżulta li s-suġġett ta’ proposta huwa stabbilit b’mod definittiv fil-kontenut tagħha, filwaqt li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fl-anness tal-proposta ta’ IĊE għandhom valur purament indikattiv u informattiv mingħajr ma jistgħu jwessgħu jew jirrestrinġu dan is-suġġett. Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt li, fl-anness tal-proposta ta’ IĊE, l-awturi tagħha jistiednu lill-Kummissjoni teżamina fir-rigward ta’ kull waħda mit-temi msemmija fl-imsemmi anness, jekk il-proposta hijiex manifestament inammissibbli.

14

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata indikat b’mod ċar li proposta ta’ IĊE ma tistax tiġi rreġistrata meta parti minnha, bħal fil-każ preżenti, ma taqax fil-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tipproponi l-adozzjoni ta’ att legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. F’dan il-kuntest, din l-istituzzjoni ma hijiex obbligata tesponi r-raġunijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 li fuqha hija tibbaża ruħha, ħlief jekk, b’differenza minn dan il-każ, argumenti legali fis-sens kuntrarju jkunu tqajmu matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

15

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’mod li tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni mistħarrġa. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, li jgħid li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-imsemmi obbligu ta’ motivazzjoni fil-qasam tal-IĊE (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, T‑450/12, taħt appell, EU:T:2015:739, punti 2223).

16

Konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att u n-natura tal-motivi invokati. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, T‑450/12, taħt appell, EU:T:2015:739, punt 24).

17

Il-fatt li, f’dan il-każ, il-proposta ta’ IĊE ma hijiex irreġistrata huwa tali li jaffettwa l-effettività stess tad-dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw inizjattiva taċ-ċittadini, stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE. Konsegwentment, tali deċiżjoni għandha tindika b’mod ċar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmi rifjut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, T‑450/12, taħt appell, EU:T:2015:739, punt 25).

18

Fil-fatt, iċ-ċittadin li jkun ippreżenta proposta ta’ IĊE għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għalfejn din ma tkunx ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni, b’tali mod li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li quddiemha tressqet tali proposta, li tevalwaha, iżda wkoll li tispeċifika d-diversi raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ rifjut fid-dawl tal-impatt tagħha fuq l-eżerċiżżju effettiv tad-dritt stabbilit mit-Trattat. Dan jirriżulta min-natura stess ta’ dan id-dritt, li, hekk kif ġie rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, huwa intiż biex isaħħaħ iċ‑ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, T‑450/12, taħt appell, EU:T:2015:739, punt 26).

19

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li l-għan prinċipali tal-proposta ta’ IĊE huwa l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ atti legali tal-Unjoni sabiex titjieb il-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-proposta ta’ IĊE tissuġġerixxi, għal dan il-għan, l-Artikoli 19 sa 20, 25, 62, 79, 107 sa 109, 118, 165, 167, 173, 177 sa 178 u 182 TFUE, l-Artikoli 2 u 3 TUE u l-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) bħala bażijiet legali possibbli.

20

Id-deċiżjoni kkontestata tindika, f’dan ir-rigward, li, għalkemm l-osservanza tad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi jikkostitwixxi valur tal-Unjoni li għalih jirreferi l-Artikolu 2 TUE, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma tipprovdi bażi legali għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi intiżi sabiex jippromwovu dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, għalkemm, konformement mal-Artikolu 3(3) TUE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-diversità kulturali u lingwistika u huma obbligati, b’applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, jevitaw kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tagħti bażi legali għall-finijiet ta’ kwalunkwe azzjoni tal-istituzzjonijiet għal dan il-għan.

21

Il-Kummissjoni żżid li wħud mill-atti mitluba fl-anness tal-inizjattiva proposta, li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan prinċipali li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi, meta kkunsidrati individwalment, jistgħu jaqgħu fil-qafas tas-setgħat tagħha li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-implementazzjoni tat-Trattati, iżda r-regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini ma jipprevedix ir-reġistrazzjoni ta’ parti waħda jew iktar ta’ proposta ta’ inizjattiva. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Trattati ma jipprovdu ebda bażi legali sabiex tiġi ppreżentata sensiela sħiħa ta’ proposti bħal dawk iddefiniti fit-talba għal reġistrazzjoni u li, għalhekk, il-proposta ta’ IĊE manifestament ma taqax fil-qafas tas-setgħat li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

22

Għalkemm jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tiċħad ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u li hija tipprovdi motivazzjoni għal dan il-għan, għandu jiġi kkonstatat li din hija manifestament insuffiċjenti fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 17 u 18 iktar ’il fuq, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-organizzaturi, fl-anness tal-proposta ta’ IĊE, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ atti legali speċifiċi tal-Unjoni fid-diversi oqsma indikati fl-imsemmi anness bil-għan li jintlaħaq l-iskop tal-proposta kontenzjuża.

23

Fil-fatt, l-anness tal-proposta ta’ IĊE jinkludi informazzjoni addizzjonali dettaljata, imqassma fi tmien taqsimiet, dwar il-portata konkreta tal-imsemmija proposta, li ġiet ippreżentata b’applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, li jipprevedi li l-organizzaturi jistgħu jipprovdu iktar informazzjoni dettaljata f’anness għall-proposta ta’ IĊE tagħhom dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest tagħha u jippreżentaw, jekk jixtiequ, abbozzi ta’ att legali.

24

Għalhekk, wara l-ewwel taqsima dwar l-importanza li l-Unjoni tagħti lir-rispett u lill-protezzjoni ta’ minoranzi kif ukoll lir-rispett tad-diversità kulturali u lingwistika permezz ta’, b’mod partikolari, ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet inklużi fit-Trattati, bħalma huma l-Artikoli 1 sa 3 TUE, kif ukoll l-Artikoli 9 u 10 TFUE, it-Taqsimiet 2 sa 7 tal-anness għall-proposta ta’ IĊE jesponu ħdax-il qasam li fihom proposti ta’ atti għandhom jiġu elaborati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħtu, għal dan il-għan, indikazzjonijiet preċiżi dwar it-tipi ta’ atti li għandhom jiġu adottati, il-kontenut ta’ dawn l-atti u l-bażijiet legali korrispondenti fit-Trattat FUE.

25

Il-proposta ta’ IĊE hija intiża, b’mod partikolari, għall-adozzjoni:

ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill “dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fi ħdan l-Unjoni”, fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE [Taqsima 2.1];

proposta ta’ deċiżjoni jew ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, bil-għan li jiġu adattati “l-programmi ta’ finanzjament sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-lingwi żgħar reġjonali u minoritarji” [Taqsima 2.2];

proposta ta’ deċiżjoni jew ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, bil-għan li jinħoloq ċentru tad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u minoritarji u jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u li jkun iffinanzjat prinċipalment mill-Unjoni [Taqsima 2.3];

proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikoli 177 u 178 TFUE, bil-għan li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-fondi reġjonali tal-Unjoni b’tali mod li l-protezzjoni tal-minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika jiġu inklużi bħala għanijiet tematiċi [Taqsima 3.1];

proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 173(3) TFUE u tal-Artikolu 182(1) TFUE, bil-għan li jiġi emendat ir-regolament dwar il-programm “Horizon 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li jistgħu joffru l-minoranzi nazzjonali u d-diversità kulturali u lingwistika fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku fir-reġjuni tal-Unjoni [Taqsima 3.2];

proposta ta’ direttiva, regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 20(2) TFUE u l-Artikolu 25 TFUE, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini li jappartjenu għal minoranza nazzjonali ġewwa l-Unjoni bil-għan li jiġi żgurat li t-tħassib leġittimu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-elezzjoni tad-deputati tal-Parlament Ewropew [Taqsima 4];

proposti ta’ miżuri effettivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u l-promozzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament, inkluż f’dak li jirrigwarda l-minoranzi nazzjonali, u dan, b’mod partikolari, permezz ta’ reviżjoni tad-direttivi eżistenti tal-Kunsill fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament, fuq il-bażi tal-Artikolu 19(1) TFUE [Taqsima 5.1];

proposti ta’ emendi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi ggarantit trattament kważi ugwali bejn il-persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 79(2) TFUE [Taqsima 5.2];

proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 118 TFUE, sabiex jiġu introdotti drittijiet tal-awtur uniformi li jippermettu li l-Unjoni kollha titqies bħala suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur [Taqsima 6.1];

proposta ta’ emenda tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU 2010, L 95, p. 1) sabiex tiġi ggarantita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u r-riċezzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv fir-reġjuni fejn jirrisjedu minoranzi nazzjonali, fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1) TFUE u tal-Artikolu 62 TFUE [Taqsima 6.2]; u

proposta ta’ regolament tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, għall-finijiet ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 109 TFUE, l-Artikolu 108(4) TFUE jew l-Artikolu 107(3)(e) TFUE [Taqsima 7].

26

Fl-aħħar taqsima, l-organizzaturi jispeċifikaw li l-adozzjoni tal-proposti ta’ atti legali kollha msemmija fit-taqsimiet preċedenti tkun tirrappreżenta titjib sinjifikattiv fil-protezzjoni tal-minoranzi fl-Unjoni u li l-indikazzjonijiet dwar it-tip ta’ att u tal-bażi legali huma mogħtija biss b’mod indikattiv. L-organizzaturi jirrilevaw li għalkemm, fl-opinjoni tagħhom, dawn il-proposti kollha jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni, huma jistennew li kull proposta tiġi eżaminata b’mod individwali u li l-eventwali deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà ta’ proposta ma jkollhiex effett fuq il-proposti l-oħra li jitqiesu li huma ammissibbli.

27

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika bi kwalunkwe mod liema mill-ħdax-il proposta ta’ atti legali, fl-opinjoni tagħha, jaqgħu manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li bis-saħħa tagħhom hija awtorizzata tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni u milli tipprovdi kwalunkwe motivazzjoni insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, minkejja l-indikazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-organizzaturi dwar it-tip ta’ att propost kif ukoll il-bażijiet legali rispettivi u l-kontenut ta’ dawn l-atti.

28

Fil-fatt, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata tfakkar id-diversi bażijiet legali msemmija mill-organizzaturi fl-informazzjoni addizzjonali insostenn tal-proposta ta’ IĊE u tindika, sussegwentement, li, għal ċerti atti indikati fl-informazzjoni msemmija, hija tkun tista’ tippreżenta proposta ta’ att tal-Unjoni, l-imsemmija deciżjoni sempliċement tittratta l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) TUE, kif ukoll l-Artikolu 21(1) tal-Karta, imsemmija fit-Taqsima 1 tal-anness tal-proposta msemmija, sabiex imbagħad tikkonkludi li, sa fejn hija ma tistax tirreġistra biss partijiet ta’ proposta ta’ IĊE, it-talba kellha tiġi kompletament miċħuda.

29

B’dan il-mod, u anke li kieku t-teżi difiża fuq il-mertu mill-Kummissjoni, fis-sens li proposta ta’ IĊE ma tistax, ikun xi jkun il-kontenut tagħha, tiġi rreġistrata jekk hija titqies parzjalment inammissibbli minn din l-istituzzjoni, tkun fondata, fi kwalunkwe każ, l-organizzaturi ma tqegħdux f’pożizzjoni li jidentifikaw liema mill-proposti fformulati fl-anness tal-proposta ta’ IĊE li, fl-opinjoni ta’ din l-istituzzjoni, kienu jaqgħu barra mill-qafas tas-setgħat tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, jew li jkunu jafu r-raġunijiet li wasslu għal din l-evalwazzjoni u, għaldaqstant, ġew preklużi milli jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni msemmija, hekk kif il-Qorti Ġenerali hija prekluża milli teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni kompleta, il-preżentazzjoni ta’ proposta gdida ta’ IĊE, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti proposti, tkun serjament kompromessa, bl-istess mod kif ikun serjament kompremess it-twettiq tal-għanijiet, imfakkra fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 211/2011, li jikkonsistu fit-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u fil-fatt li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

30

Dan huwa l-każ b’mod partikolari, meta, kif ammettiet il-Kummissjoni stess waqt is-seduta, l-informazzjoni indikata fil-“korp” tat-talba għal reġistrazzjoni, jiġifieri dik li ġiet ipprovduta skont l-informazzjoni meħtieġa, ma hijiex l-unika informazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni sabiex tivverifika jekk il-proposta kontenzjuża tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

31

Fil-fatt, l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, intitolat “Informazzjoni meħtieġa għar-registrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini”, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament u li jgawdi minn saħħa vinkolanti identika għal dik tar-regolament imsemmi (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, T‑529/13, taħt appell, EU:T:2016:282, punt 45), jiddisponi li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini fir-reġistru online tal-Kummissjoni tirrigwarda b’mod partikolari “[i]s-suġġett [tagħha], f’mhux aktar minn 200 karattru” u d-“[d]eskrizzjoni tal-għanijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li fuqha l-Kummissjoni hija mistiedna taġixxi, f’mhux aktar minn 500 karattru”, u bl-ispeċifikazzjoni li l-organizzaturi “jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’anness” u li huma “[j]ekk jixtiequ, jistgħu wkoll jippreżentaw abbozz ta’ att legali”.

32

Kuntrarjament għat-teżi difiża mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-“informazzjoni stipulata fl-Anness II” tar-Regolament Nru 211/2011, li għaliha jirreferi l-Artikolu 4 tiegħu, għalhekk ma hijiex limitata għall-informazzjoni minima li, skont dan l-istess anness, għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-talba (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, T‑529/13, taħt appell, EU:T:2016:282, punt 48). Fil-fatt, id-dritt, irrikonoxxut fl-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, għall-organizzaturi tal-proposta ta’ inizjattiva sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali, jew abbozz ta’ att legali tal-Unjoni, għandu bħala korollarju l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina l-imsemmija informazzjoni bl-istess mod bħal kull informazzjoni oħra pprovduta skont l-imsemmi anness, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, T‑529/13, taħt appell, EU:T:2016:282, punti 49, 50, 5657) u, għaldaqstant, u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha, b’osservanza tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 17 u 18 iktar ’il fuq, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni kollha.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata manifestament ma tinkludix elementi suffiċjenti li jippermettu lir-rikorrent jifhem ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE b’teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni differenti inkluża fil-proposta msemmija u jirreaġixxi kif xieraq u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni.

34

Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata risposta għall-ilment tar-rikorrent li l-Kummissjoni messha, barra minn hekk, spjegat ir-raġunijiet insostenn tal-interpretazzjoni tagħha, fis-sens li proposta ta’ IĊE ma tistax tiġi rreġistrata jekk parti mill-miżuri proposti ma jaqgħux fis-setgħat ta’ din l-istituzzjoni li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tippreżenta att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma indikatx liema miżuri, fost dawk imsemmija fl-anness għall-proposta ta’ IĊE, ma kinux jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, u billi lanqas ma indikat ir-raġunijiet insostenn ta’ din il-konklużjoni u li, għaldaqstant, għal din ir-raġuni biss, ir-rikors għandu jintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

Fuq l-ispejjeż

35

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tar-rikorrent, kif mitlub minn dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 5969 finali, tat-13 ta’ Settembru 2013, li tiċħad it-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe”, hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Bürgerausschuss für die Bürgerinitiative Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe.

 

3)

L-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Rumanija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Frar 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.