SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

23 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku (GIE) u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għax-xiri ta’ bastimenti (skema Spanjola ta’ leasing fiskali) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru parzjali tagħha – Natura selettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni – Irkupru tal-għajnuna – Ugwaljanza fit-trattament – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali”

Fil-Kawżi magħquda T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

rikorrent fil-Kawża T‑515/13 RENV,

Lico Leasing, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA, stabbilita f’Madrid,

irrappreżentati minn M. Merola u M. Sánchez, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑719/13 RENV,

sostnuti minn

Bankia, SA, stabbilita f’València (Spanja), u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero u A. Lamadrid de Pablo, avukati,

intervenjenti fil-Kawża T‑719/13 RENV,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, E. Gippini Fournier u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja – Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, C. Iliopoulos, R. Barents, J. Passer u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet, minn Mejju 2006, diversi lmenti kontra l-hekk imsejħa “Sistema [Skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni” (iktar ’il quddiem is-“SSTL”). B’mod partikolari, żewġ federazzjonijiet nazzjonali ta’ tarzni u tarzna individwali lmentaw dwar il-fatt li din l-iskema kienet tippermetti lill-kumpanniji tat-tbaħħir li jixtru bastimenti mibnija minn tarzni Spanjoli billi jibbenefikaw minn prezzijiet imnaqqsa b’minn 20 sa 30 %.

2

Wara diversi talbiet għall-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli u wara laqgħat bejniethom, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE permezz tad-Deċiżjoni C (2011) 4494 final, tad‑29 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, C 276, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

3

Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja [–] Reġim tat-taxxa [Skema fiskali] applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema [skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li ċerti miżuri fiskali tas-SSTL “[kienu] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mogħtija illegalment mir-Renju ta’ Spanja sa mill-1 ta’ Jannar 2002 bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Dawn il-miżuri ġew ikkunsidrati bħala parzjalment inkompatibbli mas-suq intern. L-irkupru ġie ordnat, taħt ċerti kundizzjonijiet, biss fir-rigward tal-investituri li bbenefikaw mill-vantaġġi inkwistjoni, mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jittrasferixxu l-oneru tal-irkupru fuq persuni oħra.

L-istruttura ġuridika u finanzjarja tas-SSTL

4

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SSTL timplika diversi atturi għal kull ordni ta’ kostruzzjoni ta’ bastiment, jiġifieri kumpannija tat-tbaħħir, tarzna, kumpannija ta’ lokazzjoni (leasing), bank, grupp ta’ interess ekonomiku (GIE) maħluq mill-bank u investituri li jixtru ishma f’dan il-GIE.

5

Skont il-Kummissjoni, is-SSTL hija skema fiskali (riprodotta fil-grafika iktar ’il quddiem), ġeneralment żviluppata minn bank sabiex joħloq vantaġġi fiskali favur investituri miġbura fi ħdan GIE fiskalment trasparenti u sabiex jittrasferixxi parti minn dawn il-vantaġġi fiskali lill-kumpannija tat-tbaħħir fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-bastiment, filwaqt li l-investituri tal-GIE jżommu l-vantaġġi l-oħra fir-rigward tar-ritorn tagħhom fuq l-investiment tagħhom.

Image

6

Fil-kuntest tas-SSTL, l-atturi msemmija fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq jiffirmaw diversi kuntratti, li l-elementi essenzjali tagħhom, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata u mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huma spjegati iktar ’il quddiem.

Kuntratt inizjali ta’ kostruzzjoni ta’ bastiment

7

Il-kumpannija tat-tbaħħir li tixtieq tixtri bastiment tiftiehem ma’ tarzna dwar il-bastiment li għandu jinbena u dwar il-prezz tax-xiri li jkun jinkludi t-tnaqqis (iktar ’il quddiem il-“prezz nett”). It-tarzna titlob lil bank jorganizza l-arranġamenti tas-SSTL.

Kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti meħud lura (novazzjoni)

8

Il-Bank jinvolvi kumpannija ta’ lokazzjoni li tissostitwixxi, permezz ta’ kuntratt ta’ novazzjoni, lill-kumpannija tat-tbaħħir u tikkonkludi mat-tarzna kuntratt ġdid ta’ xiri tal-bastiment għal prezz li ma jintegrax it-tnaqqis (iktar ’il quddiem il-“prezz gross”).

Kostituzzjoni ta’ GIE mill-bank u sejħa għal investituri

9

Il-Bank joħloq GIE u jbigħ azzjonijiet lil investituri, li normalment huma persuni taxxabbli kbar Spanjoli li jinvestu fil-GIE sabiex jiksbu tnaqqis tal-valur taxxabbli tagħhom u li, b’mod ġenerali, ma jeżerċitaw ebda attività marittima.

Kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ

10

Il-kumpannija ta’ lokazzjoni-bejgħ tikri bl-opzjoni ta’ xiri l-bastiment lill-GIE għal tlieta jew erba’ snin abbażi tal-prezz gross. Il-GIE minn qabel jimpenja ruħu li jeżerċita l-opzjoni ta’ xiri tal-bastiment fi tmiem dan it-terminu. Il-kuntratt jipprevedi l-ħlas ta’ kera għolja ħafna lill-kumpannija ta’ lokazzjoni, u dan jiġġenera telf kunsiderevoli għall-GIE. Għall-kuntrarju, il-prezz tal-eżerċizzju tal-opzjoni ta’ xiri huwa mnaqqas sew.

Kuntratt ta’ nolleġġ bare boat bl-opzjoni ta’ xiri

11

Il-GIE, min-naħa tiegħu, jinnolleġġa l-bastiment għal perijodu qasir lill-kumpannija tat-tbaħħir fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ nolleġġ bare boat (jiġifieri kuntratt għall-kiri ta’ bastiment li la jinkludi l-ekwipaġġ u lanqas il-bunkering, billi huwa n-nolleġġatur li huwa responsabbli għal dawn). Il-kumpannija tat-tbaħħir timpenja ruħha minn qabel li tixtri l-bastiment mingħand il-GIE fi tmiem it-terminu previst, abbażi tal-prezz nett. B’mod kuntrarju għall-kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ deskritt fil-punt 10 iktar ’il fuq, l-ammont tan-noll previst fil-kuntest tal-kuntratt ta’ nolleġġ bare boat huwa mnaqqas. Għall-kuntrarju, il-prezz għall-eżerċizzju tal-opzjoni ta’ xiri huwa għoli. Id-data prevista għall-eżerċizzju tal-opzjoni ta’ xiri hija ffissata għal ftit ġimgħat wara dik tax-xiri tal-bastiment mill-GIE lill-kumpannija ta’ lokazzjoni.

12

Għaldaqstant, mill-istruttura legali tas-SSTL jirriżulta li l-bank, fil-kuntest tal-bejgħ ta’ bastiment minn tarzna lil kumpannija tat-tbaħħir, jinvolvi żewġ intermedjarji, jiġifieri kumpannija ta’ lokazzjoni u GIE. Dan tal-aħħar jimpenja ruħu li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ, jixtri l-bastiment bil-prezz gross, li jiġi ttrasferit lit-tarzna mill-kumpannija ta’ lokazzjoni-bejgħ. Min-naħa l-oħra, meta jbigħ il-bastiment lill-kumpannija tat-tbaħħir, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ nolleġġ bare boat bl-opzjoni ta’ xiri, huwa jirċievi biss il-prezz nett, li jirrifletti t-tnaqqis inizjalment mogħti lill-kumpannija tat-tbaħħir.

L-istruttura fiskali tas-SSTL

13

Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-għan tas-SSTL huwa li l-GIE u l-investituri li jipparteċipaw fihom jibbenefikaw minn ċerti miżuri fiskali, li sussegwentement jittrasferixxu parti minn dawn il-vantaġġi lill-kumpanniji tat-tbaħħir li jixtru bastiment ġdid.

14

Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-effett konġunt tal-miżuri fiskali użati jippermetti lil GIE u lill-investituri tiegħu jiksbu vantaġġ fiskali ta’ madwar 30 % tal-prezz gross inizjali tal-bastiment. Parti minn dan il-vantaġġ fiskali, oriġinarjament miksub mill-GIE u l-investituri tiegħu jiħduh l-investituri (10 %-15 %), u parti minnu (85 %-90 %) tiġi ttrasferita lill-kumpannija tat-tbaħħir, li eventwalment issir is-sid tal-bastiment, bi tnaqqis ta’ 20 % sa 30 % tal-prezz gross inizjali tal-bastiment.

15

Skont il-Kummissjoni, l-operazzjonijiet SSTL jikkombinaw miżuri fiskali individwali differenti iżda interrelatati, biex jiġġeneraw vantaġġ fiskali. Dawn il-miżuri huma previsti f’diversi dispożizzjonijiet tar-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 10951) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji” u tar-Real Decreto 1777/2004, por el que se aprueba el Reglamento del Impuesto sobre Sociedades (Digriet Irjali 1777/2004, li japprova r-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BOE Nru 189, tas-6 ta’ Awwissu 2004, p. 28377, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji”). Il-miżuri huma dawn li ġejjin, deskritti fil-premessi 21 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata: id-deprezzament aċċellerat tal-assi li huma s-suġġett ta’ lokazzjoni-bejgħ (miżura 1), l-applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat tal-assi li huma s-suġġett ta’ lokazzjoni-bejgħ (miżura 2), il-GIE (miżura 3), is-sistema ta’ tassazzjoni skont it-tunnellaġġ (miżura 4) u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (miżura 5).

16

B’mod partikolari, fir-rigward tal-miżura 2, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 115(6) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, id-deprezzament aċċellerat tal-assi mixtrija fil-kuntest ta’ lokazzjoni-bejgħ jibda fid-data meta l-attiv ikun jista’ jiffunzjona, jiġifieri mhux qabel ma l-attiv jiġi kkonsenjat lill-kerrej u jibda jużah. Madankollu, skont l-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, il-Ministeru tal-Ekonomija jista’ jiffissa d-data għall-bidu tad-deprezzament, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tat-tul tal-kuntratt u tal-karatteristiċi speċifiċi tal-użu ekonomiku tal-oġġett. Il-proċedura ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni hija spjegata fid-dettall fl-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. Fid-dawl tal-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, id-data għall-bidu tad-deprezzament aċċellerat setgħet tiġi ffissata għal data preċedenti għad-dħul fis-servizz tal-oġġett, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għal deprezzament “antiċipat”.

Evalwazzjoni tal-Kummissjoni

17

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li s-SSTL kienet komposta minn diversi miżuri li mhux kollha kienu jinsabu fil-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola ma kienx jipprekludi li din tiġi kkunsidrata bħala sistema, peress li d-diversi miżuri fiskali użati fil-kuntest tas-SSTL kienu marbuta bejniethom fid-dritt jew fil-fatt.

18

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma analizzatx il-miżuri biss bħala sistema, iżda wettqet ukoll evalwazzjoni individwali. Fil-fehma tagħha, dawn l-approċċi kienu komplementari u kienu jwasslu għal konklużjonijiet koerenti.

19

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, skont il-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet kollha fl-operazzjonijiet tas-SSTL kienu impriżi, peress li l-attivitajiet tagħhom kienu jikkonsistu f’li joffru oġġetti u servizzi f’suq. B’mod iktar partikolari, it-tarzni kienu jibnu bastimenti; il-kumpanniji ta’ lokazzjoni-bejgħ kienu joffru faċilitajiet ta’ finanzjament; il-GIE kienu jinnolleġġaw u jbigħu bastimenti; l-investituri kienu joffru oġġetti u servizzi f’firxa wiesgħa ta’ swieq, ħlief meta dawn kienu persuni fiżiċi li ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika, f’liema każ ma kinux inklużi fid-Deċiżjoni; il-kumpanniji tat-tbaħħir kienu joffru servizzi ta’ trasport marittimu u l-banek kienu joffru servizzi ta’ intermedjazzjoni u ta’ finanzjament.

20

Fir-rigward tas-selettività, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat (miżura 2), is-sistema ta’ tassazzjoni skont it-tunnellaġġ (miżura 4) u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (miżura 5) jagħtu vantaġġi selettivi lil ċerti impriżi.

21

B’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat tal-assi li huma s-suġġett ta’ lokazzjoni-bejgħ (miżura 2), il-Kummissjoni rrilevat li, skont il-leġiżlazzjoni fiskali ġenerali Spanjola dwar id-deprezzament, bħala prinċipju, l-ispiża ta’ assi kellha tiġi ddistribwita matul il-ħajja ekonomika kollha tiegħu, jiġifieri mill-mument meta dan jintuża għal attività ekonomika. Fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ lokazzjoni-bejgħ, l-Artikolu 115(6) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kien jippermetti d-deprezzament aċċellerat, bħala prinċipju, mid-data li fiha l-assi kienu jibdew joperaw. Madankollu, l-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kien jippermetti li d-deprezzament aċċellerat jibda qabel il-bidu tal-operat tal-assi, li jagħti lok għal deprezzament antiċipat. Skont id-deċiżjoni kkontestata, din il-possibbiltà kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 115(6) tal-imsemmija liġi u kienet suġġetta għall-awtorizzazzjoni diskrezzjonali tal-awtoritajiet Spanjoli, fatt li għalhekk kien irrendieha selettiva. Skont il-Kummissjoni, il-kriterji previsti għall-għoti tal-awtorizzazzjoni kienu vagi u kienu jeħtieġu interpretazzjoni mill-awtorità tat-taxxa, li ma kinitx ippubblikat linji gwida f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kliem tal-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jikkonferma n-natura selettiva tal-miżura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Renju ta’ Spanja ma kienx wera li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet neċessarja, minflok sempliċi verifika a posteriori ta’ kriterji ċari u oġġettivi, bħal dik li kienet teżisti pereżempju għad-deprezzament ordinarju.

22

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li, meta s-SSTL kienet ikkunsidrata fl-intier tagħha, kienet selettiva, peress li l-vantaġġ kien suġġett għas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali minħabba l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni u fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli. Barra minn hekk, kienet teżisti selettività settorjali, peress li l-amministrazzjoni fiskali kienet tawtorizza biss operazzjonijiet taħt is-SSTL intiżi sabiex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-kumpanniji tat-tbaħħir kollha, inklużi dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, jista’ jkollhom aċċess għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tas-SSTL ma jibdilx il-konklużjoni li din l-iskema tiffavorixxi ċerti attivitajiet, jiġifieri, l-akkwist ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ, speċjalment fid-dawl tan-nolleġġ bare boat tagħhom u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom.

23

Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-vantaġġ kien jibbenefika lill-GIE u, b’trasparenza, lill-investituri tiegħu. Fil-fatt, il-GIE kien il-persuna legali li tapplika l-miżuri tat-taxxa kollha u, fejn xieraq, tippreżenta t-talbiet ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa. Mill-aspett fiskali, il-GIE kien entità fiskalment trasparenti u d-dħul taxxabbli jew l-ispejjeż deduċibbli tiegħu kienu jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-investituri.

24

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni li taqa’ taħt is-SSTL, fuq livell ekonomiku, parti sostanzjali mill-vantaġġ fiskali miksub mill-GIE kien ittrasferit lill-kumpannija tat-tbaħħir permezz ta’ tnaqqis fuq il-prezz, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet dwar l-imputabbiltà esposti iktar ’il quddiem. Anki jekk id-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li parteċipanti oħra fit-tranżazzjonijiet tas-SSTL, b’mod partikolari t-tarzni, il-kumpanniji ta’ lokazzjoni-bejgħ u intermedjarji oħra, kienu jibbenefikaw indirettament minn dan il-vantaġġ, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-vantaġġ miksub inizjalment mill-GIE u mill-investituri tiegħu ma kienx ittrasferit lil dawn il-parteċipanti l-oħra.

25

Skont id-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tat-telf ta’ dħul fiskali li jirriżulta mis-SSTL, kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lejn il-GIE li, permezz tat-trasparenza fiskali, kien jittrasferixxihom lill-investituri tiegħu.

26

Fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżuri, il-Kummissjoni qieset li l-vantaġġ selettiv mogħti lill-GIE u lill-investituri tagħhom kien b’mod ċar imputabbli lir-Renju ta’ Spanja, peress li kien jirriżulta mir-regoli fiskali u mill-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali b’mod partikolari għall-applikazzjoni tad-deprezzament antiċipat u tas-sistema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ. Min-naħa l-oħra, skont id-deċiżjoni kkontestata, dan ma kienx il-każ f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji tat-tbaħħir u, a fortiori, it-tarzni u l-intermedjarji, peress li r-regoli applikabbli ma kinux jobbligaw lill-GIE jittrasferixxu parti mill-vantaġġ fiskali lil dawn l-operaturi, u dan minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ammettiet li t-talbiet għal awtorizzazzjoni mibgħuta lill-amministrazzjoni fiskali kienu jinkludu b’mod ġenerali dettalji dwar it-tqassim tal-vantaġġ fiskali bejn l-investituri tal-GIE u l-kumpannija tat-tbaħħir.

27

Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-vantaġġ inkwistjoni kien jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li l-investituri, jiġifieri l-membri tal-GIE, kienu joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija, b’mod partikolari f’setturi miftuħa għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, permezz tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt is-SSTL, huma kienu joperaw permezz tal-GIE fis-swieq tan-nolleġġ bare boat u tax-xiri u tal-bejgħ ta’ bastimenti tal-baħar, li kienu miftuħa għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

28

Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni qieset li, anki jekk il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu, tal‑5 ta’ Lulju 1997 (ĠU 1997, C 205, p. 5), emendati fis‑17 ta’ Jannar 2004 (ĠU 2004, C 13, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tat-tbaħħir”), ma kinux applikabbli strettament f’dan il-każ, dawn setgħu jiġu applikati b’analoġija sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna rċevuta mill-GIE jew mill-investituri tagħhom li jistgħu jkunu kompatibbli. Lil hinn minn dan l-ammont, skont il-Kummissjoni, l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern.

29

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ċaħdet il-kunsiderazzjonijiet li skonthom il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu l-irkupru tal-għajnuna. Għall-kuntrarju, hija qieset li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi l-irkupru tal-għajnuna sa mid-dħul fis-seħħ tas-SSTL fl-2002 sat‑30 ta’ April 2007, jiġifieri d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni tagħha 2007/256/CE, tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-iskema ta’ għajnuna pprovduta minn Franza abbażi tal-Artikolu 39 CA tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi – Għajnuna mill-Istat C 46/04 (ex NN 65/04) (ĠU 2007, L 112, p. 41, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiż”).

30

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li kull klawżola kuntrattwali li bis-saħħa tagħha t-tarzni jkunu obbligati jikkumpensaw lill-partijiet l-oħra jekk il-vantaġġi fiskali previsti ma jkunux jistgħu finalment jinkisbu tmur kontra r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li kienu jeżiġu l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarju reali.

Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

Il-proċedura preċedenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

31

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2013, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, irreġistrat bin-numru T-515/13.

32

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2013, Lico Leasing, SA (iktar ’il quddiem “Lico”) u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA (iktar ’il quddiem “PYMAR”), ippreżentaw rikors, irreġistrat bir-Referenza T-719/13. Lico u PYMAR huma kumpanniji li għandhom bħala l-iskop tagħhom, rispettivament, it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ lokazzjoni-bejgħ u l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ tarzni żgħar u ta’ daqs medju.

33

Ġew ippreżentati diversi rikorsi oħra kontra d-deċiżjoni kkontestata.

34

Il-Kummissjoni sostniet li r-rikorsi kellhom jiġu miċħuda bħala infondati, fejn esprimiet ukoll riżervi fir-rigward tal-locus standi ta’ Lico u PYMAR fil-Kawża T-719/13.

35

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduti, rispettivament, tad‑9 u tal‑10 ta’ Ġunju 2015.

36

Permezz ta’ digriet adottat fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad li-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 għall-finijiet tas-sentenza li tagħlaq il-proċeduri, skont tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

37

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2015:1004), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors ippreżentat minn Lico u PYMAR kien ammissibbli. Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti abbażi tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE u annullat id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa fil-kuntest taż-żewġ rikorsi.

Il-proċedura preċedenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza inizjali, irreġistrata bin-numru C‑128/16 P. Hija qajmet żewġ aggravji, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “vantaġġ selettiv” u tal-Artikolu 296 TFUE.

39

Ir-rikorsi l-oħra ppreżentati kontra d-deċiżjoni kkontestata, li baqgħu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ġew sospiżi sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑128/16 P.

40

Permezz ta’ digrieti tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:1006), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:1007), Bankia, SA u 32 entità oħra (iktar ’il quddiem “Bankia et”) kif ukoll Aluminios Cortizo, SAU ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Lico u ta’ PYMAR.

41

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”, EU:C:2018:591), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali.

42

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, skont il-Qorti Ġenerali, il-GIE ma setgħux ikunu l-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat peress li, minħabba t-trasparenza fiskali ta’ dawn il-gruppi, kienu l-investituri, u mhux il-GIE, li kienu bbenefikaw mill-vantaġġi fiskali u ekonomiċi li jirriżultaw minn dawn il-miżuri. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-GIE kienu jeżerċitaw attività ekonomika, jiġifieri l-akkwist ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ, b’mod partikolari bil-ħsieb tan-nolleġġ bare boat tagħhom u tal-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom, li minnu kien jirriżulta li huma kienu jikkostitwixxu impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif kienet irrilevat id-deċiżjoni kkontestata.

43

Anki jekk il-vantaġġi fiskali miksuba mill-GIE kienu kompletament u awtomatikament ittrasferiti lill-membri tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu applikati u li kienu l-benefiċjarji diretti tal-vantaġġi li jirriżultaw minnhom. Dawn il-vantaġġi kienu jiffavorixxu l-attività tagħhom ta’ xiri ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ, b’mod partikolari bil-ħsieb tan-nolleġġ bare boat u tal-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom. Għaldaqstant, kien hemm trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi fil-forma ta’ telf ta’ dħul fiskali lejn il-GIE. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri inkwistjoni kienu ta’ natura li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur il-GIE. Il-fatt li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli biss mingħand l-investituri tal-GIE, kwistjoni li l-legalità tagħha ma ġietx eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell, tqies li ma għandu ebda effett fuq din il-konklużjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

44

Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura selettiva tal-vantaġġ li jirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità fiskali sabiex tawtorizza l-mekkaniżmu tas-SSTL, b’mod partikolari d-deprezzament antiċipat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta eskludiet is-selettività tal-iskema minħabba l-possibbiltà għal kull impriża li tipparteċipa f’dawn it-tranżazzjonijiet u li taċċedi għall-vantaġġi, li fil-fehma tagħha kienet timplika li l-investituri ma kinux ibbenefikaw minn vantaġġ selettiv. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-investituri biss, u mhux il-GIE, setgħu jitqiesu li huma l-benefiċjarji tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri fiskali inkwistjoni u li kien għalhekk fir-rigward tal-investituri u mhux tal-GIE li l-kundizzjoni dwar is-selettività kellha tiġi eżaminata. Għaldaqstant, billi ma eżaminatx jekk is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat tagħtix lill-amministrazzjoni fiskali setgħa diskrezzjonali ta’ natura li tiffavorixxi l-attivitajiet eżerċitati mill-GIE li jipparteċipaw fis-SSTL, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni.

45

Fit-tielet lok, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-vantaġġi rċevuti mill-investituri li pparteċipaw fl-operazzjonijiet tas-SSTL ma setgħux ikunu selettivi peress li dawn kienu miftuħa għal kull impriża mingħajr distinzjoni, mingħajr ma eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet li l-miżuri fiskali kinux jintroduċu trattament differenti bejn l-operaturi, filwaqt li l-operaturi li kienu jibbenefikaw mill-imsemmija benefiċċji kienu esklużi mill-imsemmija sitwazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tielet ilment imressaq mill-Kummissjoni.

46

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet kollha tal-Qorti Ġenerali kienu bbażati fuq premessa żbaljata li tgħid li l-investituri biss, u mhux il-GIE, setgħu jitqiesu bħala l-benefiċjarji tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni u li skontha kellu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-vantaġġi li l-investituri, u mhux il-GIE, kienu rċevew kinux ta’ natura selettiva, jekk kinux jirriskjaw li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx suffiċjentement motivata fir-rigward ta’ dawn il-kriterji. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni pprovdiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-indikazzjonijiet li jippermettu li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni kienu selettivi u li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u mmotivat din id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti u mingħajr kontradizzjoni f’dan ir-rigward billi ssodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-aħħar ilment tal-Kummissjoni.

47

Wara li kkonstatat li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, peress li l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat biss parti mill-motivi mressqa mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tibgħat lura l-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwarhom u rriżervat l-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta mal-interventi.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

48

Wara s-sentenza fl-appell, il-Kawżi T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV ġew assenjati lit-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali.

49

Fil‑5 ta’ Ottubru 2018, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża T‑515/13 RENV.

50

Permezz ta’ digrieti tal‑21 ta’ Settembru u tat‑8 ta’ Ottubru 2018, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Lico u PYMAR fir-rigward, rispettivament, ta’ Bankia et u ta’ Aluminios Cortizo fil-Kawża T‑719/13 RENV.

51

Fit‑28 ta’ Settembru 2018, Aluminios Cortizo u, fil‑5 ta’ Ottubru 2018, Lico, PYMAR, il-Kummissjoni u Bankia et, abbażi tal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża T‑719/13 RENV.

52

Fuq proposta tat-Tmien Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti ikbar.

53

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Fost mistoqsijiet oħra, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali żieda fil-proċess ta’ żewġ annessi mehmuża ma’ żewġ rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjoni kkontestata li kienu jinkludu serje ta’ artikli tal-istampa. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet fit-termini imposti. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma żżidx l-imsemmija annessi mal-proċess f’dawn il-kawżi.

54

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Settembru 2019, wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawżi T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

55

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019.

56

Fil-Kawża T‑515/13 RENV, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

57

Fil-Kawża T‑515/13 RENV, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

58

Fil-Kawża T‑719/13 RENV, Lico u PYMAR jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla l-ordni ta’ rkupru;

iktar sussidjarjament, tannulla l-ordni ta’ rkupru fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li għandu jiġi rkuprat;

tordna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

59

Fil-Kawża T‑719/13 RENV, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lil Lico u lil PYMAR għall-ispejjeż.

60

Fil-Kawża T‑719/13 RENV, Bankia et titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla l-ordni ta’ rkupru;

iktar sussidjarjament, tannulla l-ordni ta’ rkupru f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li għandu jiġi rkuprat.

61

Fil-Kawża T‑719/13 RENV, Aluminios Cortizo titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-intervent ta’ Bankia et u Aluminios Cortizo

62

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tkomplija tal-proċedura fil-Kawża T‑719/13 RENV, il-Kummissjoni tikkontesta l-possibbiltà għal Bankia et u Aluminios Cortizo li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u li jkollhom il-kwalità ta’ intervenjenti fil-proċedura tar-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali għal diversi raġunijiet. Qabel kollox, dan imur kontra l-kliem tal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Sussegwentement, dan iwassal fil-prattika sabiex jippermetti l-intervent, matul il-proċedura tal-ewwel istanza, ta’ partijiet li ma jistgħux jiġu ammessi sabiex jintervjenu, peress li huma ppreżentaw rikorsi dejjem pendenti. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1993, Gill vs Il‑Kummissjoni (T‑43/89, EU:T:1993:24), li fiha l-Qorti Ġenerali ammettiet fl-istadju tar-rinviju l-intervent ta’ parti li kienet intervjeniet biss fil-proċedura ta’ appell minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx iddeċidiet fuq l-ispejjeż tagħha. Issa, il-Kummissjoni tirrileva li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-ispejjeż ta’ Bankia et u ta’ Aluminios Cortizo fis-sentenza tal-appell. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li dan il-każ huwa differenti mis-sitwazzjoni fejn parti tressaq talba għal intervent, iżda l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-kawża mingħajr ma tiddeċiedi fuq din it-talba. F’dak il-każ, wara li jiġi ppreżentat rinviju eventwali, il-Kummissjoni tqis li t-talbiet għal intervent jibqgħu fis-seħħ u li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwarhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑2 ta’ Settembru 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, T‑203/10 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2014:792, punt 47).

63

Bankia et iqisu li l-parti awtorizzata tintervjeni fil-kuntest tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm awtomatikament il-kwalità tagħha ta’ intervenjenti matul il-proċedura ta’ rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

64

F’dan ir-rigward, indipendentement miċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenzi msemmija mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, fost ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 intgħażlu bħala kawżi pilota u wasslu għas-sentenza inizjali. F’dan il-kuntest, Bankia et u Aluminios Cortizo ma nstemgħux bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda ġew ammessi sabiex jintervjenu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appelli ppreżentati kontra s-sentenza inizjali.

65

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ċerti motivi li jqajmu kwistjonijiet legali li għandhom interess għal Bankia et u Aluminios Cortizo, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-partijiet intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġu ammessi bħala intervenjenti fil-proċedura tar-rinviju sabiex jiġi żgurat it-trattament tajjeb tal-kontenzjuż pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u sabiex tiġi promossa l-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż, u dan iktar u iktar peress li l-proċedura fir-rikorsi l-oħra ppreżentati kontra d-deċiżjoni kkontestata ġiet sospiża bid-deċiżjonijiet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Novembru 2018 mingħajr oppożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kliem tal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludix neċessarjament dan, peress li ma jiddefinixxix “il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jakkwistaw minħabba dan il-fatt il-kwalità ta’ “partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali” fil-kuntest ta’ rinviju. Għaldaqstant, l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissjoni ta’ Bankia et u ta’ Aluminios Cortizo bħala intervenjenti għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-mertu

66

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tas-sentenza fl-appell, li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ rinviju, dwar il-motivi ta’ annullament kollha mqajma mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR, filwaqt li hija marbuta mill-punti ta’ liġi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-benefiċjarji tal-vantaġġ u tan-natura selettiva tiegħu fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

67

Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑515/13 RENV, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem tliet motivi insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tal-ordni ta’ rkupru, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

68

Fil-kuntest tar-rikors tagħhom, Lico u PYMAR qajmu tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali f’dak li jirrigwarda l-ordni ta’ rkupru u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ġenerali applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna minħabba l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata.

Fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) KE

69

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, fid-dawl tas-sentenza tal-appell, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li waħda mill-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma hijiex osservata, peress li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-SSTL titqiesx fl-intier tagħha jew jekk il-miżuri humiex ikkunsidrati individwalment, ma kienx hemm selettività, irrispettivament mill-metodu ta’ analiżi użat.

70

Fir-rigward tal-metodu relatat mad-disponibbiltà ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura li jistgħu jibbenefikaw minnha ma jistax, fih innifsu, jagħti natura selettiva lil din il-miżura (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 59). F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-ġurisprudenza tinkludi eżempji li fihom ġie deċiż li vantaġġ fiskali applikabbli biss għall-assi akkwistati taħt kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ kien miżura ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il-Kummissjoni, T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029).

71

Fir-rigward tal-metodu relatat mas-sistema ta’ referenza, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kellha qabelxejn tidentifika s-sistema fiskali komuni u sussegwentement turi li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għal din is-sistema applikabbli għal operaturi ekonomiċi li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni lanqas ma identifikat is-sistema ta’ referenza f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, skont ir-Renju ta’ Spanja, ma teżistix selettività fir-rigward ta’ sistema ta’ referenza.

72

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-dawl tas-sentenza tal-appell, Lico u PYMAR jfakkru li huwa rikjest eżami fi tliet stadji sabiex miżura fiskali tiġi kklassifikata bħala miżura fiskali ta’ selettività: l-ewwel, hemm lok li tiġi identifikata u analizzata l-iskema fiskali komuni tal-Istat Membru sabiex tiġi ddeterminata sistema ta’ referenza; it-tieni, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk il-miżura tippreżentax karattru selettiv billi jiġi vverifikat jekk tidderogax mis-sistema komuni sa fejn tintroduċi differenzjazzjonijiet bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli; it-tielet, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Istat Membru stabbilixxiex li l-miżura kienet iġġustifikata mil-istess natura jew l-istruttura tas-sistema li hija tifforma parti minnha. Għaldaqstant, kellu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx tissodisfa dawn ir-rekwiżiti fir-rigward tal-GIE. Skont Lico u PYMAR, kemm mill-perspettiva ta’ eżami individwali tal-miżuri jew ta’ viżjoni kollettiva tas-SSTL kollha, ma teżisti l-ebda analiżi tas-sistema ta’ referenza, tal-allegata deroga mis-sistema ta’ referenza, tal-operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, tad-differenzjazzjoni introdotta bejn dawn l-operaturi u lanqas tal-assenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan imfittex mill-iskema fiskali.

73

L-ewwel nett, Lico u PYMAR isostnu li sempliċi strateġija ta’ ottimizzazzjoni fiskali deċiża mill-persuni taxxabbli ma tistax bħala tali titqies bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, it-tnaqqis tat-taxxa jinkiseb wara d-deċiżjoni tal-operaturi privati li jgħaqqdu u japplikaw ir-regoli fiskali b’mod effikaċi. Skont Lico u PYMAR, l-istrateġiji ta’ ottimizzazzjoni fiskali tal-impriżi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat sakemm ma jirriżultawx minn derogi previsti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali jew li jirriżultaw mill-prassi tal-awtoritajiet fiskali, li jagħmlu diskriminazzjoni bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ta’ referenza, fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali.

74

Fir-rigward tal-analiżi individwali tal-miżuri, Lico u PYMAR isostnu, b’mod partikolari, li d-deprezzament antiċipat tal-kuntratti ta’ lokazzjoni seta’ jiġi applikat mill-persuni kollha suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, u mhux biss mill-GIE. Barra minn hekk, Lico u PYMAR josservaw li l-miżura kienet applikabbli għall-assi kollha li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet oġġettivi. Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, anki jekk il-miżura kienet suġġetta għal awtorizzazzjoni, din kienet tingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskrezzjonali.

75

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri kollha, Lico u PYMAR isostnu li, anki jekk il-kombinazzjoni ta’ miżuri li l-Kummissjoni ssejjaħ SSTL kienet tapplika biss għall-bastimenti, u mhux għal assi oħra, minn dan ma jistax jiġi dedott li s-SSTL kienet selettiva. F’dan ir-rigward, Lico u PYMAR jirrilevaw li, skont il-ġurisprudenza, miżura li minnha jibbenefika settur ta’ attività wieħed biss jew parti mill-impriżi ta’ dan is-settur ma hijiex neċessarjament selettiva (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 58). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ma huwiex biżżejjed li l-miżuri inkwistjoni jibbenefikaw għax-xiri ta’ bastimenti permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ, bil-ħsieb tan-nolleġġ bare boat tagħhom u tal-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom.

76

Barra minn hekk, Lico u PYMAR isostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma wrietx sal-grad rikjest mil-liġi li l-għajnuna allegatament mogħtija kienet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, Lico u PYMAR isostnu li, fid-dawl tal-fatt li l-GIE kienu sempliċi intermedjarji finanzjarji li ma kienu jiżviluppaw ebda attività reali fis-settur tat-trasport marittimu, ma jistax jiġi aċċettat li dawn kienu attivi fis-suq tax-xiri u tal-bejgħ ta’ bastimenti tat-tbaħħir fid-dawl tan-nolleġġ bare boat tagħhom. Għaldaqstant, l-għajnuna ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ dan is-suq.

77

Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tkomplija tal-proċedura fil-Kawża T‑719/13 RENV, l-ewwel nett, Bankia et jikkontestaw l-allegata selettività tal-miżuri minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni li tawtorizza s-SSTL, peress li, fil-fehma tagħhom, din is-setgħa kienet irregolata minn kriterji oġġettivi. Barra minn hekk, huma jsostnu li dawn kienu l-istess kriterji li ġew meqjusa mill-Kummissjoni bħala “oġġettivi” meta kkonkludiet li l-“SSTL il-ġdida”, eżaminata fid-deċiżjoni tagħha C(2012) 8252 final, tal‑20 ta’ Novembru 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34736 (2012/N) – Spanja – Deprezzament antiċipat ta’ ċerti oġġetti mixtrija fil-kuntest ta’ lokazzjoni-finanzjament (ĠU 2012, C 384, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar is-SSTL il-ġdida”), ma kinitx selettiva. Din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mis-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il-Kummissjoni (T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029). Huma jżidu li, fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjoni fiskali qatt ma ċaħdet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, ma hemmx differenza fil-prattika bejn l-awtorizzazzjoni tas-SSTL oriġinali u l-komunikazzjoni prevista fil-kuntest tas-SSTL il-ġdid.

78

It-tieni nett, Bankia et isostnu, fid-dawl tas-sentenza tal-appell, li għandha tiġi eżaminata s-selettività fir-rigward, minn naħa, tal-GIE u, min-naħa l-oħra, ta’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni simili, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlatur. B’kont meħud tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981), Bankia et jsostnu li l-Kummissjoni qatt ma wriet li l-miżuri kienu jintroduċu differenzi bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tafferma s-selettività settorjali tal-miżuri għas-sempliċi raġuni li l-benefiċjarji tagħha kienu attivi f’ċertu qasam ta’ attività, jiġifieri l-akkwist ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ, in-nolleġġ bare boat u l-bejgħ mill-ġdid ta’ dawn il-bastimenti. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix is-sistema ta’ referenza u ma tidentifikax l-għan imfittex mill-iskema.

79

Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti dwar il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE jiġu miċħuda. Hija tikkunsidra li l-miżuri huma selettivi, kemm meta s-SSTL hija kkunsidrata fit-totalità tagħha kif ukoll meta l-miżuri huma kkunsidrati individwalment.

80

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Fir-raba’ lok, għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-appell, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament l-impriżi, jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġi ekonomiċi li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, jitqiesu b’mod partikolari li huma għajnuna l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-baġit tal-impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. L-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi u l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, u għalhekk indipendentement mit-tekniki użati (ara s-sentenza tal-appell, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma fiha ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, ma jikkostitwixxix tali għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha. Madankollu, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu distinzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza tal-appell, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, l-ewwel nett, is-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u turi, it-tieni nett, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn hija tintroduċi differenzi bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. It-tielet nett, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jkoprix il-miżuri li jintroduċu differenzjazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxilu juri li din id-differenzjazzjoni hija ġġustifikata peress li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha l-miżuri (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 5758).

84

Barra minn hekk, jeħtieġ jitfakkar li l-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura li jistgħu jibbenefikaw minnha, ma jistax, fih innifsu, jikkonferixxi natura selettiva lil din il-miżura (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 59).

85

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata f’dan il-każ is-selettività tas-SSTL fir-rigward tal-GIE.

86

Fir-rigward tas-selettività tas-SSTL fl-intier tagħha, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR isostnu li l-Kummissjoni ma identifikatx is-sistema ta’ referenza u barra minn hekk ma wrietx li s-SSTL kienet tidderoga mill-iskema ġenerali billi introduċiet differenzjazzjonijiet bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

87

Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx, għall-inqas espliċitament, l-analiżi fi tliet stadji msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq. Madankollu, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li s-SSTL, ikkunsidrata fl-intier tagħha, kienet selettiva, minn naħa, minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni obbligatorja għad-deprezzament antiċipat abbażi ta’ kundizzjonijiet li ma kinux preċiżi u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali kienet tawtorizza biss operazzjonijiet li jaqgħu taħt is-SSTL intiżi sabiex jiffinanzjaw bastimenti tat-tbaħħir. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha kienet suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tagħmel is-SSTL selettiva kollha kemm hi.

88

Fir-rigward tal-kwistjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ma timplikax fiha nnifisha miżura selettiva. Dan ikun minnu meta s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti tkun limitata għal verifika tal-kundizzjonijiet li huma stabbiliti sabiex jilħqu għan fiskali identifikabbli u l-kriterji li għandhom jiġu applikati minn din l-awtorità ikunu inerenti għan-natura tal-iskema fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punti 2324). Għall-kuntrarju, setgħa diskrezzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li timmodula l-intervent finanzjarju skont id-diversi kunsiderazzjonijiet bħall-għażla tal-benefiċjarji, l-ammont tal-intervent jew il-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija ma tistax bħala li tippreżenta natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑241/94, EU:C:1996:353, punt 23, u tad‑29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, EU:C:1999:332, punt 27). Għaldaqstant, jekk l-awtoritajiet kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali estiża biex jiddeterminaw il-benefiċċjarji u l-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu għaldaqstant jitqies bħala li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet meta mqabbla ma’ oħrajn, li kienu jinsabu, fir-rigward tal-għan segwit, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 27; sentenza taħt appell, punt 55, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni, T‑673/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:643, punt 188). Barra minn hekk, anki meta l-iskema ta’ għajnuna tkun ġiet eżegwita permezz ta’ deċiżjonijiet individwali li jimplikaw setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni ma hijiex madankollu obbligata li twettaq eżami każ b’każ tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u li tevalwa f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE humiex issodisfatti (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni, T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537, punt 97).

89

F’dan il-każ, kif tirrileva l-Kummissjoni, mill-Artikolu 115 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u mill-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jirriżulta li s-sistema inkwistjoni kienet ibbażata fuq il-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, pjuttost milli fuq sempliċi notifika, abbażi ta’ kriterji vagi, li jeħtieġu interpretazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali, li ma kinitx ippubblikat linji gwida.

90

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 115(6) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, l-ammont deduċibbli huwa ddeterminat “fid-dawl tal-mument li minnu l-oġġett jitpoġġa fi stat ta’ servizz”.

91

Madankollu, l-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jipprovdi dan li ġej:

“Il-Ministeru għall-Ekonomija jista’ jiddetermina, skont il-proċedura leġiżlattiva stabbilita, il-mument li fih jirreferi l-paragrafu 6, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tat-tul tal-kuntratt jew tal-kostruzzjoni tal-oġġett, kif ukoll tal-karatteristiċi speċifiċi tal-użu ekonomiku tal-beni […]”.

92

L-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jistabbilixxi l-proċedura leġiżlattiva applikabbli. B’mod partikolari, dan l-artikolu jistabbilixxi li l-proċedura tibda permezz tal-preżentazzjoni ta’ talba mill-persuna taxxabbli, li għandu jkun fiha, tal-inqas, l-informazzjoni li ġejja: l-identifikazzjoni tal-oġġett, il-mument preċedenti għat-tpoġġija fi stat ta’ servizz li minnu jintalbu t-tnaqqisiet, il-ġustifikazzjonijiet relattivi għall-partikolaritajiet tat-tul tal-kuntratt jew tal-kostruzzjoni tal-oġġett u l-ġustifikazzjonijiet marbuta tal-ispeċifikazzjonijiet tal-użu ekonomiku tal-oġġett. Id-Direttorat tal-Finanzi responsabbli għal dawn il-proċeduri fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija jista’ jitlob l-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji. Wara l-proċedimenti, id-Direttorat tal-Finanzi jista’ jaċċetta jew jirrifjuta l-applikazzjoni jew jistabbilixxi l-bidu tad-deprezzament antiċipat f’mument differenti minn dak propost mill-persuna taxxabbli.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji introduċa kriterji vagi li ma setgħux jitqiesu bħala oġġettivi, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, mill-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali setgħet tiffissa d-data tal-bidu tad-deprezzament fid-dawl tal-“partikolaritajiet tat-tul tal-kuntratt” jew tal-“karatteristiċi speċifiċi tal-użu ekonomiku tal-oġġett”, li kienu jikkostitwixxu kriterji vagi min-natura tagħhom u li l-interpretazzjoni tagħhom kienet tagħti marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv lill-amministrazzjoni fiskali, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata.

94

Kif jirriżulta mill-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jagħti wkoll marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv lill-amministrazzjoni fiskali. Minn naħa, il-possibbiltà tal-amministrazzjoni fiskali li titlob l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li hija kienet tqis xierqa, flimkien man-natura vaga tal-kriterji, li b’hekk kienet tagħti lill-amministrazzjoni fiskali marġni ta’ diskrezzjoni importanti fir-rigward tan-natura tal-informazzjoni u tad-dokumenti li setgħu jintalbu, kienet tispjega l-fatt li l-fajls tat-talba kien fihom dokumenti li jiddettaljaw l-effetti pożittivi għall-ekonomija u l-impjieg fi Spanja li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ kostruzzjoni tal-bastimenti. Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma kellhomx rabta evidenti mal-osservanza tal-kriterji previsti fl-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. Min-naħa l-oħra, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mill-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali setgħet mhux biss tagħti jew tiċħad l-awtorizzazzjoni, iżda wkoll tiffissa l-bidu tad-deprezzament għal data differenti minn dik proposta mill-persuna taxxabbli, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.

95

Barra minn hekk, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, flimkien man-natura vaga tal-kriterji previsti, minflok verifika a posteriori abbażi ta’ kriterji oġġettivi, issaħħaħ in-natura diskrezzjonali tas-sistema, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata.

96

Anki jekk ir-Renju ta’ Spanja sostna, waqt is-seduta, li l-amministrazzjoni fiskali ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 115 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u fl-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jinvalida din it-teżi, hekk kif jirriżulta mill-punti 89 sa 95 iktar ’il fuq.

97

Barra minn hekk, Lico u PYMAR sostnew, waqt is-seduta, li d-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji kienet intiża biss sabiex tipprevjeni l-frodi, billi tevita li d-deprezzament iseħħ qabel il-kostruzzjoni tal-oġġett. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju ta’ Spanja ma weriex matul il-proċedura amministrattiva li l-kliem u l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kienu neċessarji sabiex jiġu evitati l-abbużi. Kuntrarjament għal dak li jsostnu Lico u PYMAR, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, sa fejn jippermetti lill-amministrazzjoni fiskali tiffissa l-bidu tad-deprezzament għal data differenti minn dik proposta mill-persuna taxxabbli mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, ma jippermettix li jiġi żgurat li l-użu tiegħu jkun limitat biss għal sitwazzjonijiet ta’ ġlieda kontra l-frodi.

98

Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument imressaq minn Bankia et li l-kriterji inkwistjoni kienu identiċi għal dawk li l-Kummissjoni qieset bħala oġġettivi fid-deċiżjoni dwar is-SSTL il-ġdida. Kuntrarjament għal dak li jsostnu Bankia et, mill-qari tad-deċiżjoni dwar is-SSTL l-ġdida jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja biddel b’mod sinjifikattiv l-iskema inkwistjoni. B’mod partikolari, il-miżuri nnotifikati kienu jipprevedu emendi sinjifikattivi għall-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kif ukoll it-tħassir tal-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa tal-Kumpanniji. Permezz tar-redazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, ir-Renju ta’ Spanja kien jipprevedi li jistabbilixxi sistema ta’ notifika mill-persuna taxxabbli, minflok Sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li skontha l-persuna taxxabbli setgħet tiddetermina li d-deprezzament antiċipat kien jibda fid-data tal-bidu tal-kostruzzjoni tal-oġġett, dment li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi: fl-ewwel lok, il-ħlasijiet regolari abbażi tal-lokazzjoni-bejgħ għandhom isiru fil-parti l-kbira tagħhom qabel it-tmiem tal-kostruzzjoni tal-oġġett, fit-tieni lok, il-perijodu ta’ kostruzzjoni għandu jkun tal-inqas tnax‑il xahar u, fit-tielet lok, dawn għandhom ikunu oġġetti li ma humiex kostruwiti f’serje. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 34 sa 36 tad-deċiżjoni dwar is-SSTL il-ġdida, li l-imsemmija skema ma kinitx għadha tagħti setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni fiskali. Għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi ta’ din l-iskema l-ġdida deskritti iktar ’il fuq huma differenti ħafna minn dawk tas-sistema eżaminata mid-deċiżjoni kkontestata.

99

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu Bankia et, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il-Kummissjoni (T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029), dwar id-deċiżjoni dwar is-SSTL il-ġdid. Fil-fatt, din is-sentenza tikkonferma li l-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji hija sinjifikattivament differenti mill-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-seħħ f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il‑Kummissjoni, T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029, punti 81 sa 8393). Għaldaqstant, l-argument imressaq minn Bankia et ma jistax jintlaqa’.

100

Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ dawn l-aspetti diskrezzjonali kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. B’mod partikolari, minn dawn l-aspetti diskrezzjonali jirriżulta li GIE oħra setgħu ma jibbenefikawx mid-deprezzament antiċipat taħt l-istess kundizzjonijiet. Bl-istess mod, minħabba l-imsemmija aspetti diskrezzjonali, impriżi oħra attivi f’setturi oħra jew li għandhom forma oħra, iżda li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, setgħu ma jibbenefikawx minnha neċessarjament taħt l-istess kundizzjonijiet. Fid-dawl tan-natura diskrezzjonali de jure tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, ftit jimporta jekk l-applikazzjoni tagħhom kinitx diskrezzjonali jew le de facto, fatt li r-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR jikkontestaw meta jsostnu li l-awtorizzazzjoni ngħatat fil-prattika lill-GIE kollha attivi fis-settur inkwistjoni li kienu talbuha.

101

Kif sostniet il-Kummissjoni, peress li waħda mill-miżuri li jippermettu l-benefiċċju tas-SSTL fl-intier tagħha kienet selettiva, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat, hija ma wettqitx żball meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema kienet selettiva kollha kemm hi.

102

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tas-selettività tal-miżuri għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR dwar din il-kwistjoni.

103

F’dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Lico u ta’ PYMAR fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, sa fejn dawn l-argumenti jistgħu jiġu interpretati bħala li huma intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-GIE kienu attivi fis-suq tal-akkwist u tal-bejgħ ta’ bastimenti tat-tbaħħir, b’mod partikolari fid-dawl tan-nolleġġ bare boat tagħhom li kien miftuħ għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, skont din l-istess premessa, l-investituri fil-GIE joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż f’setturi miftuħa għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata żżid barra minn hekk li l-vantaġġi li jirriżultaw mis-SSTL isaħħu “il-pożizzjoni tagħhom fis-swieq rispettivi tagħhom”, u dan joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

104

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ impriżi oħra li jkunu kompetituri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati mill-għajnuna (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 141).

105

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 42 tas-sentenza tal-appell, id-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkonkludiet li l-GIE kienu attivi fis-suq tal-akkwist u tal-bejgħ ta’ bastimenti tat-tbaħħir, b’mod partikolari fid-dawl tan-nolleġġ bare boat tagħhom. Anki jekk il-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata fuq din il-kwistjoni huma fil-qosor, għandu jiġi rrilevat li dan is-suq huwa inkontestabbilment miftuħ għall-kummerċ bejn Stati Membri, kif tikkonferma l-preżenza ta’ klijenti fi Stati Membri oħra, kif jirriżulta pereżempju mill-Anness 4 tar-rikors fil-Kawża T-719/13, dwar bastiment ordnat minn kumpannija tat-tbaħħir stabbilita fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Għaldaqstant, il-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandha titqies li hija ssodisfatta f’dan il-każ.

106

Fir-rigward tar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma jistax jiġi miċħud li tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 % tal-prezz ta’ bastiment, fid-dawl tal-ammont għoli li dan jista’ jirrappreżenta, thedded tal-inqas li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tax-xiri u tal-bejgħ ta’ bastimenti tat-tbaħħir, b’mod partikolari fid-dawl tan-nolleġġ bare boat tagħhom, li fih huma attivi l-GIE.

107

Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Lico u ta’ PYMAR dwar ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandhom jiġu miċħuda.

108

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

109

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑515/13, iżda wkoll fl-osservazzjonijiet tiegħu wara s-sentenza tal-appell, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-allegata selettività tal-miżuri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

110

Bl-istess mod, Lico u PYMAR isostnu, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑719/13 kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħhom wara s-sentenza tal-appell, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.

111

L-ewwel nett, Lico u PYMAR jinvokaw ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni li għajnuna ngħatat lil-GIE, iżda mhux lill-kumpanniji tat-tbaħħir, filwaqt li, fiż-żewġ każijiet, dawn kienu tranżazzjonijiet bejn operaturi privati. Fil-fehma tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għaliex il-vantaġġ miżmum mill-GIE għall-intermedjazzjoni tagħhom fis-SSTL jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat filwaqt li huma sempliċement jipparteċipaw fil-vantaġġ miksub mill-kumpanniji tat-tbaħħir, li ma huwiex ikkunsidrat bħala għajnuna.

112

It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom l-ordni ta’ rkupru jirrigwarda l-investituri fil-GIE filwaqt li l-benefiċjarji tal-għajnuna kienu l-GIE. F’dan ir-rigward, Lico u PYMAR jirrilevaw li l-allegata unità ekonomika bejn l-investituri u l-GIE, invokata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell, ma ġietx milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

113

Barra minn hekk, Lico u PYMAR jikkritikaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ordni ta’ rkupru tal-vantaġġ fiskali kollu mogħti lill-investituri filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata stess tirrikonoxxi li parti mill-imsemmi vantaġġ kien ġie ttrasferit lill-kumpanniji tat-tbaħħir.

114

Barra minn hekk, Lico u PYMAR isostnu li huwa artifiċjali li jitfassal xenarju fittizju billi jiġi kkalkolat il-proporzjon li fih il-vantaġġ miksub mill-kumpannija tat-tbaħħir ikun kompatibbli jekk ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, sabiex il-vantaġġ miksub mill-GIE jitqies kompatibbli. Barra minn hekk, ikun kontradittorju għall-Kummissjoni li tapplika l-linji gwida tat-tbaħħir għal-GIE, anki jekk mutatis mutandis, meta tqishom bħala sempliċi intermedjarji finanzjarji, u mhux bħala li jeżerċitaw attività ta’ trasport marittimu.

115

Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tagħhom wara s-sentenza tal-appell, Bankia et huma tal-opinjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-selettività tal-miżuri. Fil-fatt, skonthom, id-deċiżjoni kkontestata lanqas biss ipprovat turi li l-miżuri inkwistjoni kienu jintroduċu, permezz tal-effetti konkreti tagħhom, trattament differenti bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema fiskali, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, kif meħtieġ mis-sentenza mogħtija fl-appell.

116

Fir-rigward ta’ Aluminios Cortizo, mill-osservazzjonijiet tagħha wara s-sentenza tal-appell jirriżulta li hija tikkondividi wkoll l-ilment ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kollha huwa intiża esklużivament għall-investituri, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li bejn 85 u 90 % tal-vantaġġ kien ittrasferit lejn il-kumpanniji tat-tbaħħir. Aluminios Cortizo żżid li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll insuffiċjentement motivata fir-rigward tal-affermazzjoni li ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat il-vantaġġ allegatament mogħti lit-tarzni.

117

Il-Kummissjoni titlob li l-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, ta’ Lico u ta’ PYMAR kif ukoll tal-intervenjenti, ta’ Bankia et u Aluminios Cortizo jiġu miċħuda.

118

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom ikunu motivati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

119

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod, minn naħa waħda, li l-qorti Komunitarja tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda, biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 278 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, EU:T:2003:57, punt 279).

121

B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tadotta pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 280).

122

Barra minn hekk, jeħtieġ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insufficjenti, li tostakola l-istħarriġ ġudizzjarju msemmi fil-punt 119 iktar ’il fuq, jikkostitwixxu motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu, anzi għandhom, jitqajmu ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, EU:C:1997:73, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-motiv imqajjem mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR.

124

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 101 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-indikazzjonijiet li jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom hija kienet ikkunsidrat li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri fiskali inkwistjoni kienu ta’ natura selettiva u setgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, hija kienet immotivat din id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti u mingħajr kontradizzjoni f’dan ir-rigward billi ssodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza.

125

Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR u l-intervenjenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn sensiela ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li għadhom ma ġewx eżaminati mill-qorti tal-Unjoni.

126

L-ewwel nett, fir-rigward tas-selettività, il-Kummissjoni hija kkritikata li ma identifikatx is-sistema ta’ referenza għall-finijiet tal-analiżi tas-selettività tal-miżuri fiskali inkwistjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-premessa 156, moqrija flimkien mal-premessi 132 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega suffiċjentement skont il-liġi r-raġunijiet li għalihom is-SSTL hija selettiva fid-dawl b’mod partikolari tas-setgħat diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni għad-deprezzament antiċipat abbażi ta’ kriterji vagi, kif ġie espost fil-punti 88 sa 102 iktar ’il fuq.

127

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ motivazzjoni dwar il-konklużjoni li għajnuna ngħatat lil-GIE, iżda mhux lill-kumpanniji tat-tbaħħir, indipendentement mill-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 169 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-għajnuna għal-GIE, mogħtija fil-forma ta’ vantaġġi fiskali, kienet imputabbli direttament lill-Istat filwaqt li r-regoli applikabbli ma kinux jobbligaw li parti mill-vantaġġ tiġi ttrasferita lill-kumpanniji tat-tbaħħir.

128

It-tielet nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom l-ordni ta’ rkupru kien jirrigwarda l-investituri fil-GIE filwaqt li l-benefiċjarji tal-għajnuna kienu preċiżament il-GIE, mill-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-vantaġġ kien jibbenefika lill-GIE u, minħabba t-trasparenza tagħhom, lill-investituri tagħhom. Skont din l-istess premessa, il-GIE huma trasparenti mill-perspettiva fiskali u l-ispejjeż tagħhom li jistgħu jitnaqqsu jiġu għalhekk ittrasferiti awtomatikament lill-investituri tagħhom.

129

Barra minn hekk, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri minkejja l-konstatazzjoni li bejn 85 u 90 % tal-vantaġġ kien ġie ttrasferit lejn il-kumpanniji tat-tbaħħir, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessi 169 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata, din id-deċiżjoni tirriżulta mill-konstatazzjoni li r-regoli applikabbli ma kinux jobbligaw lill-GIE u lill-investituri jittrasferixxu parti mill-vantaġġ lejn operaturi oħra, bħall-kumpanniji tat-tbaħħir.

130

Fir-rigward tal-allegata natura artifiċjali jew kontradittorja tal-applikazzjoni tal-linji gwida tat-tbaħħir għal-GIE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata indikat, fil-premessa 201, li kien xieraq li jiġu applikati l-linji gwida tat-tbaħħir b’analoġija, li kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

131

Ir-raba’ nett, l-argument ta’ Aluminios Cortizo dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-affermazzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 102 tad-deċiżjoni kkontestata (li tikkorrispondi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 101 tal-verżjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea), li tgħid li ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat il-vantaġġ allegatament mogħti lit-tarzni, huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-premessi 169 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm għajnuna mogħtija lit-tarzni, dan kien għaliex ir-regoli applikabbli ma kinux jobbligaw it-trasferiment ta’ parti mill-vantaġġ lejn it-tarzni, u mhux għaliex kien impossibbli li jiġi kkwantifikat il-vantaġġ mogħti lilhom. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkwistjoni, il-Kummissjoni sempliċement fakkret li t-tarzni ma kinux għalhekk benefiċjarji tal-għajnuna, li ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat fluss ekonomiku favur tagħhom u li, għaldaqstant, ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-għajnuna fid-dawl tar-regoli applikabbli għas-settur tal-kostruzzjoni tal-bastimenti.

132

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, u mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni dwar l-interess ta’ Lico u ta’ PYMAR li jikkontestaw parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, T‑533/10, EU:T:2014:629, punt 170), il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat fl-intier tiegħu.

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

133

Fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, imressaq mir-Renju ta’ Spanja fir-rikors tiegħu fil-Kawża T‑515/13, dan isostni li l-Kummissjoni ma ordnatx l-irkupru tal-għajnuna f’żewġ kawżi preċedenti simili, jiġifieri fid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza favur il-kumpannija “Bretagne Angleterre Irlande” (“BII” jew “Brittany Ferries”) (ĠU 2002, L 12, p. 33, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Brittany Ferries”) u fid-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi.

134

Ir-Renju ta’ Spanja jirrileva f’dan ir-rigward li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-iskema tal-GIE fiskali Franċiżi kienet paragunabbli mas-SSTL, għaliex “[kienu] jikkondividu sensiela ta’ karatteristiċi essenzjali u [kellhom] effetti simili”. L-uniċi differenzi rrilevati huma l-eżistenza ta’ eżenzjoni espressa fis-sistema Franċiża filwaqt li s-sistema Spanjola kienet tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet, il-fatt li r-Repubblika Franċiża kienet informat lill-Kummissjoni qabel ma applikat l-iskema anki jekk hija ma kinitx innotifikatha u l-fatt li l-Kummissjoni kienet għadha qatt ma tat deċiżjoni dwar din it-tip ta’ skema. Madankollu, dawn l-allegati differenzi huma ineffettivi.

135

L-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-eżistenza ta’ eżenzjoni espressa fid-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi ma tistax tkun determinanti, peress li l-eżenzjoni Spanjola hija bbażata essenzjalment fuq is-sistema ta’ tassazzjoni skont it-tunnellaġġ prevista mil-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, li ma tistax issir deroga minnha jew li ma tistax tiġi emendata b’regola ta’ livell inferjuri bħall-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-taxxa tal-kumpanniji.

136

It-tieni nett, il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi informaw din is-sistema lill-Kummissjoni huwa irrilevanti, peress li l-ittra tagħhom li tirreferi għal dan il-mekkaniżmu ma tikkostitwixxix notifika. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li huwa wkoll bagħat ittri sabiex jikkjarifika ċerti kwistjonijiet wara lment imressaq quddiem il-Kummissjoni.

137

It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-fatt li, fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni formali dwar is-SSTL, il-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet dwar il-GIE fiskali Franċiżi huwa wkoll irrilevanti minħabba d-differenzi bejn dawn iż-żewġ skemi. Għaldaqstant, billi l-inċertezzi kkawżati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari minħabba d-deċiżjoni Brittany Ferries, tibqa’ dejjem, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-irkupru tal-għajnuna ma kellux jiġi impost, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

138

Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja jiġu miċħuda.

139

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑8 ta’ April 2014, ABN Amro Group vs Il‑Kummissjoni, T‑319/11, EU:T:2014:186, punt 110). Barra minn dan, l-oneru tal-prova tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet huwa impost fuq dik il-parti li tinvokaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, ABN Amro Group vs Il‑Kummissjoni, T-319/11, EU:T:2014:186, punt 114).

140

L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-argument dwar id-deċiżjoni Brittany Ferries, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja jillimita ruħu li jinvoka din id-deċiżjoni, mingħajr madankollu ma jispjega fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom is-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma paragunabbli. Barra minn hekk, mill-premessa 251 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 193 tad-deċiżjoni Brittany Ferries jirriżulta li l-Kummissjoni rrilevat f’din tal-aħħar li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni li jirriżultaw mill-kostituzzjoni ta’ GIE kienu miżuri ġenerali, u għalhekk ma kinux għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni ma rrinunzjatx milli tordna l-irkupru tal-għajnuna fid-deċiżjoni Brittany Ferries minkejja li hija ordnat l-irkupru f’dan il-każ. Fir-realtà, il-Kummissjoni pjuttost waslet għal konklużjonijiet differenti, billi kkunsidrat li l-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mill-GIE ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni Brittany Ferries filwaqt li s-SSTL kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont id-deċiżjoni kkontestata.

141

F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, parti rikorrenti ma tistax tistrieħ, insostenn tal-argument tagħha, fuq prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, anki jekk jiġi preżunt li din tkun stabbilita, li tkun tmur kontra l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni,C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punti 5253, u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418, punt 51). Għaldaqstant, indipendentement mid-differenzi bejn is-sistemi inkwistjoni fid-deċiżjoni Brittany Ferries u fid-deċiżjoni kkontestata, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-Renju ta’ Spanja ma jistax jinvoka bidla eventwali fil-prassi tal-Kummissjoni insostenn ta’ dan il-motiv.

142

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sistema tal-GIE fiskali Franċiżi tista’ titqies li hija paragunabbli mas-SSTL minn diversi aspetti, b’mod partikolari minħabba l-intermedjazzjoni ta’ GIE fiskalment trasparenti u ta’ investituri bejn il-kostruttur tal-attiv u x-xerrej tiegħu, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni-finanzjament, id-deprezzament aċċellerat u antiċipat tal-attiv mill-GIE, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mill-qligħ kapitali li jirriżulta mill-bejgħ tal-attiv u t-trasferiment ta’ parti mill-vantaġġi mill-GIE u l-investituri tagħhom lix-xerrej tal-attiv. Madankollu, fil-premessi 214 u 215 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li kienu jeżistu wkoll ċerti differenzi, jiġifieri l-fatt li, fl-iskema tal-GIE fiskali Franċiż, l-eżenzjoni tal-qligħ kapitali kienet espliċita filwaqt li, fis-SSTL, din l-eżenzjoni kienet tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta ta’ diversi dispożizzjonijiet, il-fatt li r-Repubblika Franċiża kienet informat lill-Kummissjoni bl-iskema anki jekk hija ma kinitx innotifikatha u l-fatt li, fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet dwar skema simili, b’mod partikolari l-iskema tal-GIE fiskali Franċiżi.

143

Għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-Renju ta’ Spanja huwa sa ċertu punt kontradittorju sa fejn, minn naħa, jikkontesta l-eżistenza jew in-natura sinjifikattiva tal-allegati differenzi bejn l-iskema tal-GIE fiskali Franċiżi u s-SSTL u, min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet diġà ddeċidiet fuq skema simili, jiġifieri dik tal-GIE fiskali Franċiżi, peress li dawn l-iskemi kienu differenti wisq.

144

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ xebh sinjifikattiv bejn is-sistema tal-GIE fiskali Franċiżi u s-SSTL, identifikat fil-premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat l-obbligu ta’ rkupru fid-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi u wkoll f’dan il-każ, u dan b’mod partikolari minħabba l-inċertezzi mqajma mid-deċiżjoni tagħha Brittany Ferries, li setgħet tissuġġerixxi li dawn it-tip ta’ miżuri ma kinux għajnuna mill-Istat minħabba n-natura ġenerali tagħhom. Għaldaqstant, minn din il-perspettiva, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx differenza fit-trattament bejn is-sitwazzjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi u s-SSTL.

145

Huwa minnu li, filwaqt li, fid-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, l-obbligu ta’ rkupru kien jibda biss mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni, f’dan il-każ, imponiet dan l-obbligu mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha stess dwar il-GIE fiskali Franċiżi (qabel dik tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, din id-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata mill-fatt li l-inċertezza li tirriżulta mid-deċiżjoni Brittany Ferries, li kienet tispjega n-nuqqas ta’ rkupru parzjali, ma baqgħetx teżisti wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, kif ġustament sostniet, kif ser jiġi spjegat iktar fid-dettall fil-punti 191 sa 206 iktar ’il quddiem.

146

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba d-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi għandu għalhekk jiġi miċħud.

147

Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

148

Fil-kuntest tal-Kawża T-515/13, ir-Renju ta’ Spanja jressaq motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna għall-perijodu sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri l‑21 ta’ Settembru 2011, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata ordnat l-irkupru mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, jiġifieri t-30 ta’ April 2007.

149

Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka sensiela ta’ elementi li ħolqu dawn l-aspettattivi leġittimi, jiġifieri d-Deċiżjoni Brittany Ferries, id-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiż, talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli tal‑21 ta’ Diċembru 2001, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/122/KE, tat‑30 ta’ Ġunju 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Olanda qiegħda tippjana li timplimenta favur erba’ tarzni, fil-kuntest ta’ sitt kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti (ĠU 2005, L 39, p. 48, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar it-tarzni Olandiżi”), ittra tal-Kummissjoni responsabbli mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009, l-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna ta’ l-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett tal-impriżi (ĠU 1998, C 384, p. 3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 582 final, tas‑27 ta’ Frar 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat N 736/2001 mogħtija minn Spanja – Sistema għall-intaxxar tal-kumpanniji tat-trasport marittimu skont it-tunnellaġġ (ĠU 2004, C 38, p. 5). Barra minn hekk, huwa jsostni li din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni analizzat flimkien sensiela ta’ miżuri distinti li ma kinux maħsuba bħala sistema mil-leġiżlatur nazzjonali. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi temmet l-aspettattivi leġittimi li kienu nħolqu fih minħabba l-fatt li l-miżuri Spanjoli ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li ż-żewġ skemi kienu differenti ħafna.

150

Fir-rikors tagħhom fil-Kawża T-719/13, Lico u PYMAR iressqu wkoll motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna.

151

L-ewwel nett, fir-rigward tal-atti li ħolqu aspettattivi leġittimi, Lico u PYMAR jibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq id-deċiżjoni fuq it-tarzni Olandiżi u l-ittra tal-Kummissarju responsabbli għad-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009.

152

It-tieni nett, Lico u PYMAR iżidu li l-operaturi ma setgħux jipprevedu l-bidla fil-linja ta’ kondotta tal-Kummissjoni, peress li l-ittra tal-Kummissarju responsabbli tad-DĠ “Kompetizzjoni” kienet tindika li l-Kummissjoni kienet diġà analizzat is-SSTL u ma kinitx qiegħda tipprevedi miżuri addizzjonali. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni Brittany Ferries, il-Kummissjoni kkonkludiet li skema simili għas-SSTL ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

153

It-tielet nett, Lico u PYMAR isostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tidentifika ebda interess superjuri tal-Unjoni li jipprevali fuq l-interess tal-operaturi affettwati.

154

Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

155

Qabel kollox għandu jitfakkar li aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, bħala prinċipju, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 134).

156

Għalhekk, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà għall-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali, għaliex mhux innotifikata, li jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali, li setgħu leġittimament iservu ta’ bażi għall-aspettattivi leġittimi tagħhom dwar in-natura regolari ta’ din l-għajnuna, sabiex jopponu r-rimbors tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:2009:314, punt 282).

157

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet.

158

Fl-ewwel lok, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa dritt ta’ kull parti fil-kawża li taħseb li meta istituzzjoni tal-Unjoni tagħtiha assigurazzjonijiet preċiżi tkun ħolqot, fir-rigward tagħha, tamiet fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Barra minn hekk, huma biss il-garanziji konformi mar-regoli applikabbli li jistgħu jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 77).

159

It-tieni nett, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din il-miżura tiġi adottata (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147, u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni, C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punt 71).

160

It-tielet nett, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ikunu ħolqu sitwazzjoni li tista’ toħloq fi ħdan il-persuna aspettattivi leġittimi, din tista’ madankollu titwarrab meta l-istituzzjoni inkwistjoni turi li jeżisti interess pubbliku superjuri li jipprevali fuq l-interessi privati affettwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, EU:C:1990:259, punti 1619; tas‑17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 57, u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 164).

161

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-każ ineżami għandu jiġi eżaminat.

162

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, huwa utli li jitfakkar li, fil-premessi 219 sa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat serje ta’ elementi identifikati mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR u kkonkludiet li dawn ma kinux jagħtu lok għal xi aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti.

163

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni Brittany Ferries u d-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jagħtu assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, peress li ma jsemmux direttament jew indirettament is-SSTL.

164

Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq it-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli tal‑21 ta’ Diċembru 2001, peress li din it-talba u l-eventwali nuqqas ta’ azzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni matul ċertu perijodu ma jikkostitwixxux assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tal-legalità tas-SSTL. Fil-fatt, kif tirrileva l-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, f’din it-talba għal informazzjoni, il-Kummissjoni sempliċement talbet informazzjoni addizzjonali dwar l-eżistenza eventwali ta’ sistema ta’ leasing fiskali applikabbli għall-bastimenti fi Spanja sabiex tkun tista’ teżaminaha fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ azzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, fid-dawl tal-kontenut tar-risposta tal-awtoritajiet Spanjoli. Fil-fatt, din ir-risposta hija minn tal-inqas ekwivoka sa fejn l-awtoritajiet Spanjoli affermaw li ma kienet teżisti ebda sistema ta’ leasing fiskali ħlief dik li kienet diġà ġiet approvata mill-Kummissjoni f’deċiżjoni preliminari.

165

Fit-tielet lok, l-argument ibbażat fuq l-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna ta’ l-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett tal-impriżi (ara l-punt 149 iktar ’il fuq), li jindika li r-regoli ta’ deprezzament u ta’ ammortizzament ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat meta dawn japplikaw b’mod indifferenti għal kull impriża u għal kull produzzjoni, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi peress li, kif tirrileva l-premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SSTL ma tapplikax għall-impriżi kollha u għall-produzzjonijiet kollha.

166

Fir-raba’ lok, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 582 final, tas‑27 ta’ Frar 2002, dwar l-intaxxar skont it-tunnellaġġ (ara l-punt 149 iktar ’il fuq), li kienet iddikjarat il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema, ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi, peress li din kienet tirrigwarda l-użu ta’ bastimenti miżmum b’titolu ta’ proprjetà jew ta’ nolleġġ, u mhux l-attivitajiet finanzjarji marbuta man-nolleġġ ta’ bastimenti taħt kuntratt ta’ nolleġġ bare boat, bħal fil-każ odjern, kif jirriżulta ġustament mill-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata.

167

Fil-ħames lok, anki jekk jitqies li hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni analizzat b’mod konġunt serje ta’ miżuri distinti li ma kinux maħsuba bħala skema mil-leġiżlatur nazzjonali, fatt li barra minn hekk il-Kummissjoni tikkontesta, la r-Renju ta’ Spanja u lanqas l-operaturi ekonomiċi ma jistgħu jibbażaw fuq dan il-fatt biss l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti li skonthom is-SSTL ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 238 u 239 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-fatt waħdu ma jistax jeskludi minnu nnifsu li hija setgħet twettaq evalwazzjoni globali tal-miżuri, u dan iktar u iktar peress li hija eżaminat ukoll il-miżuri individwali.

168

Fis-sitt lok, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni dwar it-tarzni Olandiżi ma tinkludix assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tal-legalità tas-SSTL. Fil-fatt, fid-deċiżjoni dwar it-tarzni Olandiżi, il-Kummissjoni ma ddikjaratx b’mod preċiż, inkundizzjonat u konkordanti li, wara li wettqet analiżi kompleta u fil-fond, hija kienet waslet għall-konklużjoni li s-SSTL ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Minn naħa, kif tirrileva l-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan tad-deċiżjoni fuq it-tarzni Olandiżi ma kienx is-SSTL, iżda skema Olandiża. Għaldaqstant, hija tirreferi biss b’mod inċidentali għall-miżuri Spanjoli. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 225 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri Spanjoli li l-Olanda kellha t-tendenza li tikkumpensa ma kinux is-SSTL, iżda allegati sussidji fuq ir-rati ta’ interessi ta’ tarzni Spanjoli.

169

Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-ittra tal-Kummissarju responsabbli tad-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009, għandu jiġi rrilevat li din intbagħtet bi tweġiba lill-Ministru tal-Kummerċ u tal-Industrija tar-Renju tan-Norveġja, li, wara li ssuġġerixxa li s-SSTL kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna għat-tarzni Spanjoli, kien talab informazzjoni dwar l-azzjonijiet li l-Kummissjoni kienet qiegħda tipprevedi. Fir-risposta tiegħu, il-Kummissarju responsabbli tad-DĠ “Kompetizzjoni” indika li l-Kummissjoni kienet eżaminat il-kwistjoni u li, peress li s-sistema kienet miftuħa għax-xiri ta’ bastimenti mibnija minn tarzni ta’ Stati Membri oħra mingħajr diskriminazzjoni, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tadotta miżuri addizzjonali “f’dan l-istadju”.

170

F’dan ir-rigward, kif isostnu ġustament Lico u PYMAR, għandu jiġi kkonstatat li l-argument li jinsab fil-premessa 233 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ittra inkwistjoni ma kinitx att formali tal-Kummissjoni, ma huwiex deċiżiv.

171

Fil-fatt, kif jirrilevaw Lico u PYMAR, ġie deċiż li l-imputabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal lill-awtorità kienet tiddependi, b’mod partikolari, mill-perċezzjoni li l-pubbliku seta’ kellu ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. L-element determinanti sabiex id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal ikunu attribwiti lil Stat huwa l-fatt li d-destinatarji ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu jistgħu raġonevolment jippreżupponu, fil-kuntest partikolari, li dawn huma pożizzjonijiet li l-uffiċjal jieħu permezz tal-awtorità marbuta mal-funzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, jekk l-uffiċjal huwiex, b’mod ġenerali, kompetenti fis-settur inkwistjoni; jekk ixxandarx id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tiegħu billi juża l-karta bil-letterhead tas-servizz kompetenti; jekk jagħtix intervisti televiżivi fil-bini tad-dipartiment tiegħu; jekk isemmix in-natura personali tad-dikjarazzjonijiet tiegħu u jindikax li dawn ivarjaw mill-pożizzjoni uffiċjali tad-dipartiment kompetenti u jekk id-dipartimenti tal-awtorità kompetenti ma jiħdux, fl-iqsar żmien possibbli, il-passi neċessarji sabiex ineħħu, fost id-destinatarji tad-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjal, l-impressjoni li dawn huma pożizzjonijiet uffiċjali tal-awtorità kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punti 56 sa 58).

172

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li ittra indirizzata mill-ogħla persuna responsabbli għas-servizzi tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni f’din il-kwalità, kif jirriżulta kemm mill-intestatura tal-ittra kif ukoll mill-iffirmar, lill-Ministru tal-Kummerċ u tal-Industrija tar-Renju tan-Norveġja, jiġifieri l-awtorità kompetenti f’dan il-pajjiż, tista’ bħala prinċipju toħloq aspettattivi leġittimi għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-SSTL fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

173

Bl-istess mod, il-fatt li l-ittra inkwistjoni ma hijiex indirizzata lill-operaturi ekonomiċi li jinvokawha ma huwiex deċiżiv, bil-kundizzjoni li l-kontenut tagħha jkun ġie kkomunikat lilhom. F’dan il-każ, jidher li l-kontenut ta’ din l-ittra kien magħruf mill-operaturi ekonomiċi li kienu ilhom jipparteċipaw fis-SSTL sa mill-2009, kif jirriżulta minn ittra mibgħuta minn kumpannija marittima Norveġiża lil tarzna Spanjola f’April 2009 u minn ittra mibgħuta mill-Ministeru tal-Industrija Spanjol li jafferma li informa lill-operaturi kollha kkonċernati b’din l-ittra waqt il-laqgħat perjodiċi tagħhom.

174

Madankollu, sabiex l-ittra tal-Kummissarju responsabbli tad-DĠ “Kompetizzjoni” tkun tista’ effettivament toħloq aspettattivi leġittimi, jeħtieġ ukoll li, fid-dawl tal-kontenut tagħha, hija tipprovdi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti. Issa, kif jirriżulta ġustament mill-premessi 235 u 236 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra ma tiddikjarax b’mod preċiż, inkundizzjonat u konkordanti li, wara li wettqet analiżi kompleta u fil-fond, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li s-SSTL ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, sa fejn l-ittra tal-awtoritajiet Norveġiżi kienet issemmi t-tħassib tat-tarzni ta’ dan il-pajjiż, l-ittra tal-Kummissarju kienet sempliċement tindika li s-SSTL ma kinitx tidher li kienet qiegħda tiddiskrimina kontra tarzni ta’ Stati Membri oħra. Barra minn hekk, l-imsemmija ittra żiedet li ma kinux ikkunsidrati miżuri addizzjonali “f’dan l-istadju”, li kien jindika li din il-pożizzjoni setgħet tiġi emendata jekk jiġu prodotti elementi ġodda. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR ma jistgħux jibbażaw xi aspettattiva leġittima f’din l-ittra.

175

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jikkonċernaw l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

176

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

177

Fir-rikors tiegħu fil-Kawża T-515/13, ir-Renju ta’ Spanja jressaq motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali insostenn tal-kap tat-talbiet tiegħu intiż għall-annullament tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna għall-perijodu sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata ordnat l-irkupru mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi.

178

L-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li sensiela ta’ elementi taw lok għal sitwazzjoni ta’ inċertezza legali dwar ir-regolarità tas-SSTL. B’mod partikolari, id-deċiżjoni Brittany Ferries ippermettiet lill-operaturi ekonomiċi li jikkunsidraw b’mod fondat li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni kienu miżuri ta’ natura ġenerali. Barra minn hekk, l-ittra tad‑9 ta’ Marzu 2009 mibgħuta mill-Kummissarju responsabbli għad-DĠ “Kompetizzjoni” lill-awtoritajiet Norveġiżi saħħet is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li din l-ittra kienet tindika espliċitament li l-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza tal-iskema u li, wara li analizzatha, hija kkunsidrat li ma kienet tqajjem ebda problema fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, l-imsemmija ittra kkontribwixxiet sabiex l-operaturi parteċipanti fis-SSTL jemmnu li din kienet legali. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-istampa xandret sew il-kontenut tal-ittra f’dak iż-żmien.

179

It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva n-nuqqas ta’ azzjoni fit-tul tal-Kummissjoni lil hinn mit-terminu raġonevoli minkejja li hija kienet taf bl-eżistenza tas-SSTL. Fid-dawl ta’ dan l-għarfien, ikun irrilevanti li jkunu tressqu lmenti minn tarzni ta’ Stati Membri oħra biss fl-2006. Għaldaqstant, huwa jikkunsidra li ma hemmx lok li jintalab l-irkupru tal-għajnuna qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑21 ta’ Settembru 2011.

180

Fir-rikors tagħhom fil-Kawża T-719/13, Lico u PYMAR isostnu li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

181

L-ewwel nett, fir-rigward tal-elementi li taw lok għas-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, Lico u PYMAR jinvokaw b’mod partikolari d-deċiżjoni Brittany Ferries.

182

Lico u PYMAR isostnu, kuntrarjament għall-Kummissjoni, li d-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi ma temmitx din l-inċertezza legali, għaliex jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn l-iskema Franċiża u s-SSTL. Qabelxejn, is-sistema Franċiża kienet tirriżulta minn dispożizzjoni tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi filwaqt li s-SSTL kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni konġunta ta’ diversi dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, fis-sistema Franċiża, parti mill-vantaġġ kellu jiġi ttrasferit b’mod obbligatorju lejn il-kumpannija tat-tbaħħir filwaqt li, fis-SSTL, dan kien jirriżulta minn ftehim privati bejn il-partijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-iskema Franċiża kienet tikkostitwixxi għajnuna għat-trasport filwaqt li, f’dan il-każ, hija kkonkludiet li din kienet għajnuna għall-investituri. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, Lico u PYMAR isostnu li l-operaturi ekonomiċi ma setgħux jipprevedu li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskema Franċiża kellhom jiġu estrapolati għas-SSTL. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi ma indikatx espliċitament li l-kontenut tad-deċiżjoni Brittany Ferries kien żbaljat jew li l-Kummissjoni kienet adottat pożizzjoni oħra.

183

Lico u PYMAR isostnu li elementi oħra kkontribwixxew għall-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, jiġifieri d-deċiżjoni fuq it-tarzni Olandiżi u l-ittra tal-Kummissarju responsabbli għad-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009.

184

Fir-rigward tad-deċiżjoni dwar it-tarzni Olandiżi, Lico u PYMAR isostnu li minn dan jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza tas-SSTL u li, abbażi tal-informazzjoni rċevuta, hija kienet tqis li l-iskema ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, għalkemm ma huwiex aċċettat li din id-deċiżjoni saħħet aspettattivi leġittimi, Lico u PYMAR isostnu li, tal-inqas, l-imsemmija deċiżjoni żiedet l-inċertezza li kienet teżisti dwar il-legalità tas-SSTL. Fil-fatt, fid-dawl tal-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali, dikjarazzjonijiet bħal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni dwar it-tarzni Olandiżi, li ġiet ippubblikata, jistgħu faċilment iwasslu sabiex wieħed jaħseb li s-SSTL kienet legali.

185

Lico u PYMAR isostnu wkoll li, għalkemm ma huwiex aċċettat li l-ittra tal-Kummissarju responsabbli tad-DĠ “Kompetizzjoni” setgħet toħloq aspettattivi leġittimi, għandu jiġi rrikonoxxut tal-inqas li hija saħħet l-ambigwità fir-rigward tal-legalità tas-SSTL. F’dan ir-rigward, Lico u PYMAR ifakkru l-kuntest li fih intbagħtet din l-ittra. B’mod partikolari, huma jirrilevaw li l-awtoritajiet Spanjoli u d-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom skambji u żammew laqgħat dwar is-SSTL fl-2008. Fil-fehma tagħhom, matul dawn l-iskambji, ġie miftiehem li s-SSTL ma titqiesx li hija għajnuna mill-Istat jekk l-awtoritajiet Spanjoli jadottaw opinjoni vinkolanti li tiċċara l-fatt li s-SSTL kienet applikabbli għall-bastimenti mibnija f’kull tarzna taż-ŻEE. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu abbozz ta’ opinjoni lill-Kummissjoni, li rrevedietha u ssuġġeriet emendi editorjali, inkorporati fil-verżjoni finali. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni affermaw li l-kontenut tal-opinjoni vinkolanti kien “impekkabbli”. Għal Lico u PYMAR, huwa f’dan il-kuntest li l-ittra tal-Kummissarju responsabbli għad-DĠ “Kompetizzjoni” ntbagħtet fl-2009.

186

It-tieni nett, Lico u PYMAR isostnu li l-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza tas-SSTL sa mill-implimentazzjoni tagħha, kif intwera mit-talbiet għal informazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet Spanjoli sa mill 2001. Barra minn hekk, l-approvazzjoni tal-miżuri li jikkomponu s-SSTL ġiet ippubblikata fil-Boletín Oficial del Estado (bullettin uffiċjali tal-Istat) u ġiet imxerrda ħafna fl-istampa. Minkejja dan, il-Kummissjoni baqgħet inattiva għal kważi għaxar snin mingħajr ma fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jikkostitwixxi terminu eċċessiv. Barra minn hekk, Lico u PYMAR jiddikjaraw li huwa kontradittorju li tirrinunzja għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija bejn l-2002 u l-2006 minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, filwaqt li jallegaw li dan il-perijodu ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni baqgħetx inattiva matul perijodu eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni aġixxietx f’terminu raġonevoli biss mill‑2006, Lico u PYMAR jikkunsidraw li r-risposta għandha tkun negattiva, b’analoġija mas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, EU:C:1987:502), li fiha l-Kummissjoni tat 26 xahar sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, huma jirrilevaw li, jekk is-SSTL hija simili wkoll għas-sistema prevista mid-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi kif tallega l-Kummissjoni, quod non, il-ħames snin li għaddew sad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dan il-każ huma għalhekk manifestament eċċessivi. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, Lico u PYMAR jikkunsidraw li s-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali baqgħet teżisti sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fl‑2011.

187

Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kumplament tal-proċedura fil-Kawża T‑719/13 RENV, Bankia et isostnu li l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija indipendenti mill-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kuntrarjament għal dak li donnha tissuġġerixxi l-Kummissjoni. Fil-fehma tagħhom, il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali baqa’ jeżisti sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

188

Barra minn hekk, Bankia et jirrilevaw li l-ittra tal-Kummissarju responsabbli tad-DĠ “Kompetizzjoni” hija sussegwenti għad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiż. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma setgħetx ittemm is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

189

Fl-aħħar nett, Bankia et iqisu li, jekk il-każ tal-GIE fiskali Franċiżi kien simili wkoll għal dak f’dan il-każ kif tallega l-Kummissjoni, il-perijodu ta’ ħames snin li għadda bejn id-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi u d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa eċċessiv.

190

Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR jiġu miċħuda.

191

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR isostnu l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jitolbu l-annullament tal-ordni ta’ rkupru għall-perijodu kollu sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri l‑21 ta’ Settembru 2011, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata ordnat l-irkupru mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, jiġifieri t‑30 ta’ April 2007.

192

Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-talbiet tal-intervenjenti jistgħu jkunu intiżi biss insostenn jew għaċ-ċaħda tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali fil-kawża u li l-intervenjent għalhekk ma għandux il-possibbiltà li jbiddel b’xi mod is-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tas-6 ta’ Frar 1995, Auditel vs Il-Kummissjoni, T‑66/94, EU:T:1995:20, punt 27). F’dan il-każ, Bankia et jitolbu l-annullament tal-ordni ta’ rkupru wkoll għall-perijodu mill‑21 ta’ Settembru 2011, id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u s‑16 ta’ April 2014, id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li Lico u PYMAR jitolbu l-annullament tal-ordni ta’ rkupru biss sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil‑21 ta’ Settembru 2011. Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tal-ordni ta’ rkupru għal dan il-perijodu addizzjonali, ippreżentata minn Bankia et, tmur lil hinn mill-portata tar-rikors ippreżentat minn Lico u PYMAR u għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

193

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna hija t-tneħħija tagħha permezz tal-irkupru sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti. Huwa biss jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jkunx xieraq li jiġi ordnat ir-rimbors tal-għajnuna (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punti 33 u 35). B’mod partikolari, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà għall-benefiċċjarji ta’ għajnuna illegali, peress li mhux innotifikati, li jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali, bħall-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex jopponu r-rimbors tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punti 106107).

194

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punt 77), sabiex ikunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu passi konsegwentement (sentenza tat‑22 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Franza u Ir-Renju Unit, 92/87 u 93/87, EU:C:1989:77, punt 22). Dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali għandu jiġi osservat strettament partikolarment fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi spejjeż finanzjarji, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu bi preċiżjoni l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Eurofast vs Il-Kummissjoni, T‑87/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:641, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195

Għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ir-rikorsi intiżi sabiex jopponu l-obbligu ta’ rkupru abbażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huma milqugħa biss f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali. Wieħed mill-eżempji rari ta’ rikors ta’ dan it-tip li ntlaqa’ huwa dak li ta lok għas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T‑308/00, EU:T:2004:199). Issa, din is-sentenza ġiet annullata fl-appell bis-sentenza tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter (C‑408/04 P, EU:C:2008:236), u, wara r-rinviju magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali finalment ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma kinux issodisfatti fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T‑308/00 RENV, EU:T:2013:30).

196

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li teħtieġ li tiġi eżaminata sensiela ta’ elementi sabiex titfittex l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari ta’ ċarezza tas-sistema applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punt 77) u/jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni matul perijodu mtawwal mingħajr ġustifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, EU:C:1987:502, punti 1415, u tat‑22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punti 106107). Fir-rigward tal-aħħar imsemmi element, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata li taġixxi f’terminu raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u li ma hijiex awtorizzata tippersisti fin-nuqqas ta’ azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni. Għandu jingħad ukoll li n-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punti 8182).

197

Għaldaqstant, għandha tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali li jipprekludu l-ordni ta’ rkupru f’dan il-każ.

198

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tammetti, fil-premessi 251, 261 u 262 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali kien jipprekludi l-irkupru tal-għajnuna sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkontestax li d-deċiżjoni Brittany Ferries, tal-2001, setgħet twassal lill-operaturi ekonomiċi sabiex jikkunsidraw li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni kienu miżuri ta’ natura ġenerali u għaldaqstant ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Madankollu, hija ssostni li din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali spiċċat fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, fit-30 ta’ April 2007. Għal din ir-raġuni, huma irrilevanti sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv l-elementi preċedenti għal din id-data invokati mill-partijiet, bħall-allegat nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni wara t-talba għal informazzjoni tal-2001 jew id-deċiżjoni fuq it-tarzni Olandiżi tal‑2004.

199

Fir-rigward tal-effetti tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-GIE fiskali Franċiżi f’April 2007, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li din id-deċiżjoni kienet waqqfet kull inċertezza legali sa fejn din kellha twassal lil operatur ekonomiku prudenti u avżat jikkunsidra li skema simili għas-SSTL tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi jirriżulta li sistema għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti tat-tbaħħir u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ kumpanniji tat-tbaħħir, permezz ta’ GIE u bl-użu ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-finanzjament, li kienet toħloq ċerti vantaġġi fiskali, setgħet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat. Għalkemm huwa minnu li l-iskema inkwistjoni fid-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi u s-SSTL ma kinux identiċi, ebda element ma jippermetti li jiġi stabbilit li d-differenzi tagħhom kienu iktar notevoli minn dawk eżistenti bejn is-SSTL u l-iskema inkwistjoni fid-deċiżjoni Brittany Ferries, invokata mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR insostenn ta’ dan il-motiv.

200

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiż invokati mir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR ma jipprekludux li din il-pubblikazzjoni temmet is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, kif issostni ġustament il-Kummissjoni.

201

L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-premessa 257 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ittra tal-Kummissarju responsabbli għad-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009 ma setgħetx ikkontribwixxiet sabiex tinħoloq jew tinżamm sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 174 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din l-ittra sempliċement tindika li s-SSTL ma kinitx toħloq diskriminazzjoni kontra tarzni ta’ Stati Membri oħra, filwaqt li żżid li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tieħu miżuri addizzjonali “f’dan l-istadju”.

202

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat perijodu ta’ nuqqas ta’ azzjoni estiż tal-Kummissjoni wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan huwiex sempliċement element fost oħrajn li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew ta’ kundizzjoni indispensabbli u kumulattiva, kif tallega l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni baqgħet inattiva matul perijodu mhux raġonevoli f’dan il-każ.

203

Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-eżami għandu jkun limitat għall-perijodu ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi f’April 2007, peress li, qabel din id-data, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dan il-każ ġiet ippubblikata f’Settembru 2011, jiġifieri kważi erba’ snin u nofs wara.

204

F’dan ir-rigward, mill-premessi 259 u 261 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fost it-tmien talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli, sitta ntbagħtu matul il-perijodu msemmi fil-punt 203 iktar ’il fuq u li l-miżuri inkwistjoni kienu kumplessi, fatt li ma jistax jiġi kkontestat. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li baqgħet inattiva mingħajr ġustifikazzjoni matul perijodu mhux raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

205

Fir-rigward tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il‑Kummissjoni (223/85, EU:C:1987:502, punti 1214), invokata minn Lico u PYMAR insostenn tal-pretensjoni tagħhom, li fiha terminu inġustifikat ta’ 26 xahar ġie kkunsidrat eċċessiv, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża kellhom rwol deċiżiv fis-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li din ma tistax tiġi sempliċement trasposta għal każijiet oħra f’dan il-każ. B’mod partikolari, l-għajnuna li tat lok għall-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il‑Kummissjoni (223/85, EU:C:1987:502), kienet is-suġġett, għalkemm tardivament wara l-ħlas tagħha, ta’ notifika formali lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija kienet marbuta ma’ spejjeż supplimentari marbuta ma’ għajnuna awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ma kienx jeħtieġ riċerka fil-fond (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, T‑167/13, taħt appell, EU:T:2018:940, punt 158). Issa, dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kollha huma distinti b’mod ċar miċ-ċirkustanzi li taw lok għal din il-kawża, li fiha l-għajnuna kkontestata qatt ma ġiet innotifikata, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli matul il-perijodu inkwistjoni u l-miżuri jippreżentaw kumplessità mhux negliġibbli. Konsegwentement, Lico u PYMAR ma jistgħux jinvokaw b’mod utli s-soluzzjoni adottata fl-imsemmija sentenza.

206

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru minħabba l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli

207

Fir-rikors tagħhom fil-Kawża T-719/13, Lico u PYMAR iressqu sussidjarjament motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna minħabba l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li għandu jiġi rkuprat. Fil-fehma tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata tista’ twassal sabiex jintalab l-irkupru ta’ ammont ogħla mill-għajnuna li l-investituri effettivament ibbenefikaw minnha.

208

Lico u PYMAR jikkunsidraw li l-formulazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna hija konfuża u ambigwa. B’mod partikolari, huma jikkritikaw id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tidher li tordna l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri minkejja li parti mill-vantaġġ fiskali tiġi ttrasferita lill-kumpanniji tat-tbaħħir. Fil-fatt, għandha tiġi eskluża mill-ordni ta’ rkupru l-parti tal-għajnuna effettivament ittrasferita lil operaturi oħra, anki jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx timponi t-trasferiment ta’ parti mill-għajnuna.

209

Lico u PYMAR isostnu li l-ammont tal-vantaġġ ekonomiku rċevut minn benefiċjarju ma għandux neċessarjament ikun ekwivalenti għall-ammont tar-riżorsi tal-Istat użati fil-każijiet kollha anki jekk, ta’ spiss, dan huwa l-każ.

210

Barra minn hekk, l-irkupru ta’ somma ogħla mill-għajnuna effettivament adottata mill-investituri tqegħedhom f’sitwazzjoni żvantaġġuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom minflok ma jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna.

211

Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tkomplija tal-proċedura fil-Kawża T‑719/13 RENV, Bankia et isostnu li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, filwaqt li żammew biss 10 sa 15 % tal-vantaġġ, hija illegali. Huma jirrilevaw li l-għan tal-irkupru ma huwiex li tiġi imposta sanzjoni, iżda biss li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għoti tal-għajnuna. Issa, l-irkupru ta’ somma ogħla mill-vantaġġ effettivament miksub joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni favur il-kompetituri tal-benefiċjarji.

212

Barra minn hekk, Bankia et jirrilevaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-GIE u l-investituri kienu jaġixxu bħala intermedjarji li kienu jittrasferixxu l-vantaġġ lill-kumpanniji tat-tbaħħir. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet ukoll li l-modalitajiet tat-tqassim tal-vantaġġ kienu kkomunikati minn qabel lill-awtoritajiet Spanjoli, fil-mument tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ deprezzament antiċipat. Barra minn hekk, il-firma minn qabel tal-kuntratt li jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ tqassim bejn il-partijiet kienet kundizzjoni neċessarja sabiex ikun hemm aċċess għas-SSTL.

213

Bankia et iżidu li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja sa fejn il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpanniji tat-tbaħħir peress li t-trasferiment tal-vantaġġ kien jirriżulta minn kuntratti privati u sa fejn hija ddikjarat fl-istess ħin in-nullità tal-klawżoli li jinsabu f’dawn il-kuntratti privati li kienu jippermettu lill-investituri jirkupraw il-vantaġġ tal-pussessuri reali, b’mod partikolari t-tarzni.

214

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura fil-Kawża T‑719/13 RENV, Aluminios Cortizo ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja sa fejn il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, filwaqt li hija rrikonoxxiet li bejn 85 u 90 % tal-vantaġġ kien ittrasferit lejn il-kumpanniji tat-tbaħħir.

215

Aluminios Cortizo tirrileva wkoll li minn proġett tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-kumpanniji tat-tbaħħir.

216

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

217

Skont il-ġurisprudenza, il-kanċellazzjoni ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha u hija intiża sabiex terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti. Dan il-għan jintlaħaq meta dawn l-għajnuniet inkwistjoni, miżjudin skont il-każ bl-interessi ta’ dewmien, ikunu ġew irrestitwiti mill-benefiċjarju jew, f’termini oħra, mill-impriżi li kellhom benefiċċju effettiv. Bil-ħlas lura tal-għajnuna, min irċevieha jitlef il-vantaġġ li gawda minnu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u jerġa’ għal dak li kienet is-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna. Minn dan isegwi li l-għan prinċipali intiż mir-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna illegali (sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 74 sa 76; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 57).

218

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Lico u PYMAR, sostnuti minn Bankia et u Aluminios Cortizo, essenzjalment jikkontestaw li d-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, filwaqt li 85 sa 90 % tal-vantaġġ kien sistematikament ittrasferit lill-kumpanniji tat-tbaħħir, kif tirrikonoxxi d-deċiżjoni kkontestata.

219

Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet f’dan il-każ li l-kumpanniji tat-tbaħħir ma kinux il-benefiċjarji tal-għajnuna, konklużjoni li ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, huwa konsegwentement li l-ordni ta’ rkupru kien jirrigwarda biss u kompletament lill-investituri, l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna kollha skont id-deċiżjoni kkontestata minħabba t-trasparenza tal-GIE. Skont il-loġika tagħha stess, id-deċiżjoni kkontestata ma wettqitx żball meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, minkejja li ttrasferixxew parti mill-vantaġġ lejn operaturi oħra peress li dawn ma kinux ikkunsidrati bħala benefiċjarji tal-għajnuna. Fil-fatt, skont id-deċiżjoni kkontestata, huma l-investituri li effettivament gawdew l-għajnuna peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx timponi fuqhom it-trasferiment ta’ parti mill-għajnuna lil terzi.

220

Għaldaqstant, l-ordni ta’ rkupru ma jistax jitqies bħala sanzjoni għall-investituri jew bħala miżura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni favur il-kompetituri tagħhom, kif jallegaw Bankia et.

221

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud il-motiv uniku bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

222

Fis-sentenza inizjali, il-Kummissjoni kienet ġiet ikkundannata għall-ispejjeż. Fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż relatati mal-partijiet prinċipali. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din il-kawża, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura.

223

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

224

Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef fil-Kawża T‑515/13 RENV, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

225

Peress li Lico u PYMAR tilfu fil-Kawża T‑719/13 RENV, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

226

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li Bankia et u Aluminios Cortizo għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura tar-rinviju.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Kawża C‑128/16 P u quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Kawżi T‑515/13 u T‑515/13 RENV.

 

3)

Lico Leasing, SA u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Kawża C‑128/16 P u quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Kawżi T‑719/13 u T‑719/13 RENV.

 

4)

Bankia, SA u l-partijiet intervenjenti l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-anness kif ukoll Aluminios Cortizo, SAU għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom fil-proċedura ta’ rinviju tal-Qorti Ġenerali.

 

Collins

Iliopoulos

Barents

Passer

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2020.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

( 1 ) Il-lista tal-partijiet intervenjenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.