SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

23 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“HICP — Regolament (KE) Nru 2494/95 — Indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT) — Regolament (UE) Nru 119/2013 — Indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien — Regolament (UE) Nru 93/2013 — Eurostat — Komitoloġija — Miżuri ta’ implementazzjoni — Proċedura regolatorja bi skrutinju”

Fil-Kawżi magħquda T‑261/13 u T‑86/14,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u J. Langer, kif ukoll, fil-kawża T‑261/13, minn B. Koopman, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Clausen u P. van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fil-kawża T‑261/13, prinċipalment, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 119/2013, tal-11 ta’ Frar 2013, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): trasmissjoni u tixrid ta’ sottoindiċi tal-HICP, rigward l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti (ĠU L 41, p. 1), u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013, kif ukoll, fil-kawża T‑86/14, prinċipalment, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2013, tal-1 ta’ Frar 2013, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (ĠU L 33, p. 14), u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur), I. Wiszniewska-Białecka, A. M. Collins u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku u s-suġġett ta ’ dan ir-rikors

Il-Leġiżlazzjoni dwar il-modalitajiet ta ’ eżerċizzju tal-kompetenzi ta ’ eżekuzzjoni mogħtija lill-Kummissjoni Ewropea

1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124) ġiet addottata abbażi tal-Artikolu 202 KE. Hija ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 200, p. 11), li l-punt 7 tal-Artikolu 1 tagħha waqqaf il-proċedura regolatorja bi skrutinju (l-Artikolu 5a l-ġdid tad-Deċiżjoni 1999/468).

2

Il-premessa 7a tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendata, hija fformulata kif ġej:

“Il-proċedura regolatorja bi skrutinju għandha tiġi segwita fir-rigward ta’ miżuri b’kamp ta’ applikazzjoni ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 [KE], inter alia billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew jew billi l-istrument jiġi supplementat biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali; din il-proċedura għandha tippermetti liż-żewġ fergħat ta’ l-awtorità leġislattiva jiflu bir-reqqa tali miżuri qabel l-adozzjoni tagħhom. L-elementi essenzjali ta’ att leġislattiv ma jistgħux jiġu emendati ħlief mil-leġislatur abbażi tat-Trattat.”

3

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendata, jipprovdi:

“Meta strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 [KE] jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ambitu ġenerali maħsuba sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dak l-istrument, inter alia billi jiġu mħassra x’uħud minn dawk l-elementi, jew billi l-istrument jiġi supplementat biż-żieda ta’ elementi mhux essenzjali ġodda, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju.”

4

It-tmexxija tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (iktar ’il quddiem il-“PRAC”) hija rregolata mill-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendata. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura hemm kumitat regolatorju bi skrutinju, kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresjedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz (Artikolu 5a(1) u (2)). Sussegwentement, il-proċedura tvarja skont jekk il-miżuri maħsuba jkunux konformi mal-opinjoni ta’ dan il-kumitat (Artikolu 5a(3)) jew jekk dawn il-miżuri ma jkunux konformi ma’ tali opinjoni jew jekk dan il-kumitat ma jkunx ta opinjoni (Artikolu 5a(4)). Fil-każijiet kollha, l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendata, jipprevedi l-proċedura applikabbli, li tinvolvi lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew li jistgħu jopponu l-abbozz ta’ miżuri.

5

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13), jipprevedi li d-Deċiżjoni 1999/468 tiġi mħassra, iżda li l-effetti tal-Artikolu 5a ta’ din id-deċiżjoni għandhom jinżammu għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li għalihom jagħmlu riferiment.

Il-Leġiżlazzjoni dwar l-indiċjiet tal-prezzijiet

Ir-Regolament (KE) Nru 2494/95

6

Sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea jkollha indiċijiet komparabbli tal-prezzijiet tal-konsum fl-Istati Membri, il-Kunsill adotta, fit-23 ta’ Ottubru 1995, ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 39). Dan ir-regolament, dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (iktar ’il quddiem l-“HICP”) ġie emendat b’mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 596/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, li jadatta ċerti atti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, b’rabta mal-proċedura regolatorja bi skrutinju (ĠU L 188, p. 14).

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2494/95, kif emendat, intitolat “Komparabbiltà”, jipprevedi:

“L-HICP għandhom jitqiesu bħala komparabbli jekk jirriflettu biss id-differenzi fil-bdil tal-prezzijiet jew fil-mudelli ta’ konsum bejn pajjiz u ieħor.

M’għandhomx jiġu kkunsidrati komparabbli dawk l-HICP li huma differenti minħabba differenzi fil-kunċetti, fil-metodi jew fil-prattiċi użati fid-definizzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni (il-Eurostat), għandha tadotta regoli li għandhom ikunu segwiti sabiex tiġi żgurata l-paragunabilità tal-HICP. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”

8

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95, intitolat “Orarju u derogi minnu”, jipprovdi:

“Wara konsultazzjoni mal-BĊE, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni għal dan ir-Regolament li huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-paragunabilità tal-HICP u biex jinżammu u jittejbu l-affidabbiltà u r-rilevanza tagħhom. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3). Il-Kummissjoni għandha titlob lill-BĊE għal opinjoni dwar il-miżuri li għandha l-ħsieb li tressaq quddiem il-Kumitat.”

9

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2494/95, intitolat “Preżentazzjoni ta’ riżultati”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-informazzjoni miġbura sabiex jiġi preżentat l-HICP, li għandu jkun indiċi tat-tip Laspeyres, li jkopri l-kategoriji tal-klassifikazzjoni internazzjonali Coicop (klassifikazzjoni ta’ konsum individwali skont l-iskop), li għandu jiġi adattat mill-Kummissjoni għall-iskopijiet sabiex jiġu stabbiliti HICPs komparabbli. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-metodi, il-proċeduri u l-formuli sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ paragunabilità. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”

10

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2494/95 jipprevedi:

“Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni [...] 1999/468[...], filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”

Miżuri ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2494/95 fil-kawża T‑261/13

11

Minbarra r-Regolament (KE) Nru 1749/96, tad-9 ta’ Settembru 1996, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni inizjali għar-Regolament Nru 2494/95 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 45), il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 2214/96, tal-20 ta’ Novembru 1996, li jikkonċerna indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur: trasmissjoni u tixrid ta’ sotto-indiċi tal-HICP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 53), emendat diversi drabi u l-aħħar darba bir-Regolament (UE) Nru 119/2013 tagħha, tal-11 ta’ Frar 2013, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti (ĠU L 41, p. 1).

12

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 119/2013 iżid it-tieni paragrafu għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2214/96, li jipprevedi issa li wieħed għandu jifhem b’ “indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum bir-rati tat-taxxa kostanti” (iktar ’il quddiem l-“HICP-CT) indiċijiet li jkejlu bidliet fil-prezzijiet tal-konsum mingħajr l-impatt tal-bidliet fir-rati tat-taxxi fuq il-prodotti matul l-istess perijodu ta’ żmien.

13

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013 jissostitwixxi l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2214/96 bit-test li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet kollha (l-Anness I) li għandhom piż li jkopri aktar minn parti waħda f’elf tal-ispiża totali koperta mill-HICP. Flimkien mal-indiċi għal Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-ponderazzjoni korrispondenti lill-Kummissjoni (Eurostat).

2.   Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet ikkalkulati skont ir-rati tat-taxxa kostanti (HICP‑CT). Il-Kummissjoni (Eurostat), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi Linji gwida li jipprovdu qafas metodoloġiku għall-kalkolu tal-indiċi u s-subindiċijiet tal-HICP‑CT. Meta jkun iġġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-metodoloġija ta’ referenza, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea.

3.   L-indiċijiet għandhom jiġu pprovduti skont l-istandards u l-proċeduri għall-għoti ta’ dejta u metadejta kif stabbilit mill-Kummissjoni (Eurostat).”

Miżuri ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2494/95 fil-kawża T‑86/14

14

Fl-1 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 93/2013, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 2494/95 fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (ĠU L 33, p. 14).

15

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 93/2013 jipprovdi li dan tal-aħħar “jistabbilixxi l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien bl-għan li jittejbu r-rilevanza u l-komparabbiltà tal-[...] HICP”.

16

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 93/2013, intitolat “Manwal metodoloġiku”, jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni (Eurostat), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi manwal li jipprovdi qafas metodoloġiku għall-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien prodotti skont dan ir-Regolament (minn hawn ‘il quddiem il-‘manwal OOH-HPI’). Fejn ikun ġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-manwal, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-SSE.

2.   Il-kriterji tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom japplikaw għall-kompilazzjoni tal-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat), fuq talba tagħha, bl-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta l-konformità tal-indiċijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

17

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 93/2013 jipprevedi li “[l-]Istati Membri għandhom jikkompilaw u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’indiċijiet tal-prezzijiet għall-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 3 skont il-manwal OOH-HPI”.

Leġiżlazzjoni fil-qasam tal-istatistika

18

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, p. 164), jipprevedi li hemm lok li jiġu rrinforzati l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea (premessa 1) u li, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fl-imsemmija statistika, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom, f’kull Stat Membru, kif għandha wkoll l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni, igawdu minn indipendenza professjonali u jiżguraw l-imparzjalità u kwalità għolja fil-produzzjoni ta’ din l-istatistika (premessa 20).

19

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 223/2009 jindika li:

“1.   L-awtorità Komunitarja tal-istatistika, kif maħtura mill-Kummissjoni sabiex iżviluppa, tipproduċi u tiddissemina l-Istatistika Ewropea, għandha tiġi msejħa ‘il-Kummissjoni (Eurostat)’ f’dan ir-Regolament.

2.   Fuq livell ta’ Komunità, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiżgura l-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika. F’dan ir-rigward, għandu jkollha r-responsabbiltà unika sabiex tiddeċiedi l-proċessi, metodi tal-istatistika, standards u proċeduri, u dwar il-kontenut u l-kalendarju tal-pubblikazzjoni tal-istatistika.

[...]”

20

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 223/2009 jipprevedi b’mod partikolari li, “[s]abiex tiġi garantita l-kwalità tar-riżultati, l-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata fuq il-bażi ta’ standards uniformi u metodi armonizzati”.

21

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/504/UE, tas-17 ta’ Settembru 2012, dwar l-Eurostat (ĠU L 251, p. 49), waqqaf l-Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) bħala l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 223/2009 u ddefinih bħala dipartiment tal-Kummissjoni mmexxi minn direttur ġenerali. Il-kompiti tiegħu huma l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea u l-Artikolu 6(1)(b) tad-Deċiżjoni 2012/504 jipprevedi li, għal dan il-għan, l-Eurostat għandu jiżviluppa u jippromwovi l-istandards, il-metodi u l-proċeduri statistiċi.

22

L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2012/504 jipprevedi li, “[r]igward l-istatistika Ewropea, id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jkollu r-responsabbiltà unika sabiex jiddeċiedi l-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-waqt tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika, skont il-programm Ewropew tal-istatistika u l-programm ta’ ħidma annwali.” Huwa jispeċifika li, “[m]eta jwettaq dawn il-ħidmiet statistiċi, id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jaġixxi b’mod indipendenti” u “hu jew hi la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ xi Stat Membru jew minn xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra”.

Fuq is-suġġett ta ’ dawn ir-rikorsi

23

Bħalma jirriżulta mill-kuntest ġuridiku msemmi qabel, ir-Regolament Nru 2494/95 stabbilixxa l-bażijiet tal-istatistika neċessarji sabiex wieħed jasal għall-kalkolu tal-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur komparabbli fuq livell tal-Unjoni. Regolamenti differenti ġew adottati sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ komparabbiltà tal-indiċijiet, fosthom ir-Regolamenti Nru 119/2013 u Nru 93/2013, inkwistjoni f’dan il-każ.

24

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jindika li kien kontra l-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti fl-elaborazzjoni tagħhom. Fil-fatt, huwa ddeplora li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013 ma pprevedewx li l-Linji gwida u l-manwal, li jipprovdu l-oqsfa metodoloġiċi applikabbli, jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, bħal miżura ta’ applikazzjoni, minkejja l-fatt li huma intiżi speċifikament, kemm bil-kontenut tagħhom kif ukoll bil-għan tagħhom, li jiggarantixxu l-komparabbiltà tal-HICP kif ukoll li jippreżervaw u jsaħħu l-affidabbiltà u r-rilevanza tagħhom, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95.

25

Ir-Regolamenti Nru 119/2013 u Nru 93/2013 huma għalhekk is-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi.

Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26

B’rikorsi mressqa rispettivament fit-3 ta’ Mejju u l-25 ta’ April 2013, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq dawn il-kawżi.

27

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni talbet li l-kawżi T‑261/13 u T‑86/14 jingħaqdu. Fl-10 ta’ Marzu 2014, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li ma kienx qed jopponi li jingħaqdu. B’digriet tal-10 ta’ Diċembru 2014, il-President tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ordna li l-kawżi T‑261/13 u T‑86/14 jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

28

B’miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

29

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2015.

30

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

fil-kuntest tar-rikors T‑261/13, prinċipalment, tannulla r-Regolament Nru 119/2013 u, sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013;

fil-kuntest tar-rikors T‑86/14, prinċipalment, tannulla r-Regolament Nru 93/2013 u, sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

Id-dritt

32

L-ewwel nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jallega ksur tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95 u tal-Artikolu 13(2) TUE, f’dak illi l-Eurostat huwa nnominat, minflok il-Kummissjoni, bħala l-entità responsabbli li tiddefinixxi u li żżomm aġġornati l-Linji gwida u l-manwal, li jikkostitwixxu atti legalment vinkolanti (l-ewwel u t-tieni motivi fil-kawża T‑261/13 u l-ewwel motiv fil-kawża T‑86/14). It-tieni nett, huwa jinvoka sussidjarjament il-ksur tal-Artikolu 338(1) TFUE, f’dak li huma Linji gwida li huma użati għad-definizzjoni tal-HICP-CT, minflok strumenti ġuridiċi elenkati fl-Artikolu 288 TFUE (it-tielet motiv fil-kawża T‑261/13 u t-tieni motiv fil-kawża T‑86/14). It-tielet nett, huwa jinvoka, sussidjarjament, il-ksur tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2494/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, għar-raġuni li hija l-PRAC li kellha tkun prevista (ir-raba’ motiv fil-kawża T‑261/13 u t-tielet motiv fil-kawża T‑86/14). Ir-raba’ nett, huwa jinvoka, iktar sussidjarjament, il-ksur tal-Artikolu 291 TFUE, moqri flimkien mar-Regolament Nru 182/2011, għar-raġuni li hija waħda mill-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 182/2011 li kellha tiġi imposta għad-definizzjoni u l-aġġornament tal-Linji gwida (il-ħames motiv fil-kawża T‑261/13 u r-raba’ motiv fil-kawża T‑86/14).

33

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, titlaq mill-premessa li l-oqsfa metodoloġiċi inkwistjoni ma humiex atti legalment vinkolanti. Hija ssostni li inkwistjoni ma hemmx miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95, lanqas, b’mod iktar ġenerali, miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE. Hija ssostni li dawn id-dokumenti jagħmlu parti mill-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtorità tal-Unjoni għall-istatistika u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika u setgħu għalhekk isiru taħt il-forma ta’ Linji gwida, mingħajr ma jiġu adottati skont il-PRAC. Hija titlob li kull wieħed mill-motivi invokati għandu jiġi miċħud.

34

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fir-realtà, il-motivi mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huma intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013 u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013, li permezz tagħhom huwa l-Eurostat, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornati l-oqsfa metodoloġiċi għall-kalkolu tal-indiċijiet tal-prezzijiet. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi barra minn hekk ammetta matul is-seduta li r-rikors T‑261/13 kellu jinftiehem fis-sens li huwa intiż biss għall-annullament tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013 u li r-rikors T‑86/14 kellu jinftiehem fis-sens li huwa intiż biss għall-annullament tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013, fatt li ġie annotat fil-minuti. Hemm lok għalhekk li jiġi kkunsidrat li dawn ir-rikorsi huma intiżi, fir-realtà, biss għall-annullament tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013, rispettivament.

35

Il-Qorti Ġenerali tqis li għandhom jiġu eżaminati l-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2494/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, għar-raġuni li kellha tiġi prevista l-PRAC (ir-raba’ motiv fil-kawża T‑261/13 u t-tielet motiv fil-kawża T‑86/14).

36

F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2494/95 jimponu l-PRAC għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-regolament kif ukoll għall-adozzjoni ta’ miżuri li jimplementaw dawn il-miżuri ta’ implementazzjoni. Issa, huwa jgħid li d-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jipprevedu li l-Eurostat tiddefinixxi l-oqsfa metodoloġiċi u tiżgura li jinżammu aġġornati mingħajr obbligu li timxi mal-PRAC, jippreġudikaw “l-ekwilibriju istituzzjonali” tal-Unjoni u għandhom għalhekk jiġu annullati.

37

Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li l-oqsfa metodoloġiċi inkwistjoni ma jikkostitwixxux miżuri ta’ implementazzjoni legalment vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95 u li għalhekk huma ma kellhomx jiġu adottati skont il-PRAC, li barra minn hekk ma hijiex xierqa sabiex tiġi organizzata t-tip ta’ kooperazzjoni amministrattiva neċessarja sabiex jiġu ddefiniti l-Linji gwida. Hija tgħid li meta jiġi adottat dokument ta’ implementazzjoni li ma huwiex legalment vinkolanti, ma jkunx hemm inkwistjoni sitwazzjoni fejn ikun meħtieġ li l-att ġuridiku jiġi eżegwit f’kundizzjonijiet uniformi. Att li ma huwiex vinkolanti ma jistax barra minn hekk jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni.

38

Il-Qorti Ġenerali tfakkar li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95 (punti 7 u 8 iktar ’il fuq), moqrija flimkien mal-Artikolu 14(3) tal-istess regolament (punt 10 iktar ’il fuq), jipprevedu li l-Kummissjoni għandha tadotta, skont il-PRAC, il-miżuri ta’ implementazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2494/95 dwar il-produzzjoni tar-riżultati jipprevedi wkoll l-applikazzjoni tal-PRAC f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-metodi, il-proċeduri u l-formoli li jiggarantixxu l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ komparabbiltà.

39

Il-Kummissjoni adottat, permezz tal-PRAC, ir-Regolamenti Nru 119/2013 u Nru 93/2013, li jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2494/95.

40

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013 jipprevedu, sadanittant, li l-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiddefinixxi l-oqsfa metodoloġiċi għall-kalkolu tal-indiċijiet inkwistjoni, jiġifieri l-HICP-CT u l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien tagħhom (iktar ’il quddiem il-“IPAOS), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u, għalhekk, mingħajr applikazzjoni tal-PRAC.

41

Il-motivi mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jikkonċernaw l-assenza tal-użu tal-PRAC iqajmu b’hekk il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Nru 2494/95 ġiex eżegwit korrettament mill-Kummissjoni meta, fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, din tat lill-Eurostat is-setgħa li jiddefinixxi u li jaġġorna l-oqsfa metodoloġiċi għall-kalkolu tal-indiċijiet mingħajr ma pprevediet l-applikazzjoni tal-PRAC.

42

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 291(2) TFUE jipprevedi li, meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, dawk l-atti għandhom jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kummmissjoni.

43

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta s-setgħa ta’ implementazzjoni tingħata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, hija għandha l-obbligu li tippreċiża l-kontenut tal-att leġiżlattiv, sabiex tiżgura l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑427/12, Ġabra, EU:C:2014:170, punt 39, u tal-15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑65/13, Ġabra, EU:C:2014:2289, punt 43).

44

Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha, li l-limiti tagħha għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari skont l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta l-miżuri ta’ implementazzjoni kollha neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tal-imsemmi att, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għalih (ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2289, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

B’hekk, għandu jitqies li l-Kummissjoni tispeċifika l-att leġiżlattiv skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza jekk id-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implementazzjoni li hija tadotta, minn naħa, josservaw l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, ikunu neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2289, punt 46).

46

F’dan il-każ, fir-rigward tal-għanijiet ġenerali mfittxija, hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tal-kisba tal-unjoni eknomika u monetarja u tal-grad għoli ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni għandha tiġi kkalkolata permezz tal-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur fuq bażi komparabbli, wara li jiġu meħuda inkunsiderazzjoni d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali (l-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolament Nru 2494/95). Il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha b’hekk l-għan li tistabbilixxi l-bażijiet statistiċi neċessarji sabiex twassal għall-kalkolu tal-indiċijiet komparabbli tal-prezzijiet tal-konsum fuq livell tal-Unjoni, sabiex ikollha, fid-dawl tal-amministrazzjoni tal-politika monetarja, strumenti affidabbli li jkejlu l-inflazzjoni. It-tielet premessa tar-Regolament Nru 2494/95 tfakkar f’dan ir-rigward li l-awtoritajiet fiskali u monetarji tal-Unjoni għandhom ikollhom, regolarment u ta’ malajr, indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur sabiex jiġu mqabbla r-rati ta’ inflazzjoni fil-kuntest makro-ekonomiku u internazzjonali, li hija distinta mill-indiċijiet għal skopijiet nazzjonali u mikro-ekonomiċi.

47

F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet ikkontestati b’dawn ir-rikorsi jipprevedu l-adozzjoni ta’ oqsfa metodoloġiċi li jikkostitwixxu miżuri neċessarji jew utli għall-implementazzjoni, f’kundizzjonijiet uniformi, tar-Regolament Nru 2494/95. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-oqsfa metodoloġiċi huma intiżi li jistabbilixxu l-kunċetti, il-metodi u l-prattiċi li jagħmlu possibbli l-komparabbiltà tal-HICP fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2494/95 (punt 7 iktar ’il fuq) u b’hekk jagħmlu parti mir-regoli li għandhom jiġu segwiti sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP, bħalma huwa previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95.

48

Dawn l-oqsfa metodoloġiċi jikkostitwixxu għalhekk miżuri ta’ implementazzjoni li għandhom jiġu osservati sabiex ir-regolamenti applikabbli jingħataw l-effettività u tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP. Bħala tali, l-oqsfa metodoloġiċi msemmija huma b’hekk, bl-istess mod bħar-Regolamenti Nru 93/2013 u Nru 119/2013, miżuri ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2494/95, li huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP u sabiex jinżammu u jittejbu l-affidabbiltà u r-rilevanza tagħhom, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95.

49

Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li r-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u ma humiex għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess. Li jiġi rrikonoxxut li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm jekk sabiex issaħħaħ jew sabiex tiffaċilita l-modalitajiet tal-adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qiegħda tingħata setgħa leġiżlattiva li tmur lil hinn minn dak li huwa previst mit-trattat. Dan ikun ifisser ukoll li hija tkun tista’ timmina l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, li jeżiġi li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza għal dawk tal-oħrajn (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, Ġabra, EU:C:2008:257, punti 54 sa 57).

50

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kkontestati kellhom jipprevedu l-applikazzjoni tal-PRAC għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni neċessarji, skont kif jipprevedi r-Regolament Nru 2494/95.

51

L-argumenti tal-Kummissjoni ma jinvalidawx din il-konklużjoni.

52

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-oqsfa metodoloġiċi inkwistjoni, li ma humiex atti ġuridiċi fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, ma humiex miżuri ta’ implementazzjoni legalment vinkolanti u għalhekk ma kellhomx jiġu adottati skont il-PRAC.

53

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-oqsfa metodoloġiċi huma intiżi li jispeċifikaw u li jikkompletaw ir-regolamenti eżistenti abbażi ta’ kunċetti, metodi u prattiċi, sabiex l-indiċijiet prodotti jkunu jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ komparabbiltà mitluba mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 2494/95. Huma jikkostitwixxu għalhekk, bħala prinċipju, bl-istess mod bħar-Regolamenti Nru 93/2013 u Nru 119/2013, atti intiżi li jispeċifikaw il-kontenut tal-att leġiżlattiv, jiġifieri r-Regolament Nru 2494/95, sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi, b’mod li jinkisbu HICP komparabbli.

54

Din il-kostatazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata biċ-ċirkustanzi f’dan il-każ. Fil-fatt, fir-rigward tal-HICP-CT, ir-Regolament Nru 119/2013 sempliċement jipprevedi l-prinċipju tiegħu u jirreferi, għall-kalkolu tiegħu u dak tas-sotto-indiċijiet, għall-qafas metodoloġiku, ikkostitwit f’dan il-każ, b’mod partikolari, bil-“metodoloġija ta’ riferenza” stabbilita fl-2011. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-“metodoloġija ta’ riferenza” tipprovdi xi indikazzjonijiet fir-rigward b’mod partikolari tal-kategoriji ta’ taxxi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jew le, il-formoli matematiċi u l-perijodi ta’ riferiment. Din il-metodoloġija b’hekk tagħti l-informazzoni neċessarja sabiex l-indiċijiet prodotti jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ komparabbiltà mitluba mir-Regolament Nru 2494/95. F’dan ir-rigward, jirriżulta barra minn hekk mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni matul is-seduta li xi elementi dwar il-perijodu ta’ riferiment li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jew għall-kategoriji ta’ taxxi li għandhom jiġi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kalkolu, iddefiniti mill-“metodoloġija ta’ riferenza” stabbilita fl-2011, jikkostitwixxu elementi essenzjali għall-komparabbiltà tal-indiċijiet u kellhom jiġu inklużi fir-Regolament Nru 119/2013.

55

Bl-istess mod, fil-kuntest tar-rikors T‑86/14, fir-rigward tal-OOH, jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 93/2013, li l-OOH jiġu kkomunikati “skont il-manwal OOH-HPI”. Barra minn hekk, il-formulazzjoni stess tar-Regolament Nru 93/2013 tipprevedi li l-qafas metodoloġiku għandu jiġi osservat mill-Istati Membri u, fil-prattika, mill-istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika li jipprovdu l-indiċijiet, b’mod li tiġi żgurata l-implementazzjoni tar-regolamenti applikabbli f’kundizzjonijiet uniformi.

56

Minn dan jirriżulta li, fil-każijiet inkwistjoni, l-oqsfa metodoloġiċi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jirreferu għalih jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2494/95, bl-istess mod bħar-Regolamenti Nru 119/2013 u Nru 93/2013.

57

Għandu jingħad ukoll li din il-kostatazzjoni ma għandhiex impatt fuq il-fatt li l-oqsfa metodoloġiċi inkwistjoni setgħu ġew elaborati mill-Eurostat.

58

Fil-fatt, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2494/95 isemmi lill-Eurostat espressament. Anki jekk l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2494/95 ma pprevedewx b’mod espliċitu li l-Kummissjoni għandha tagħti lill‑Eurostat ir-rwol li jiddefinixxi l-qafas metodoloġiku, madankollu huma ma pprojbixxewx dan.

59

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-istatistika tipprevedi speċifikament li l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni maħtura mill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa, tipproduċi u xxerred l-istatistika Ewropea, għandha tiġi msejħa “il-Kummissjoni (Eurostat)” u li, fuq livell tal-Unjoni, il-“Kummissjoni (Eurostat)” għandha tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli u l-prinċipji tal-istatistika stabbiliti sew. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 223/2009 jipprevedi li l-Kummissjoni (Eurostat) għandha r-responsabbiltà unika li tiddeċiedi l-proċessi, metodi, standards u proċeduri tal-istatistika, kif ukoll dwar il-kontenut u l-kalendarju tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika. B’applikazzjoni tar-Regolament Nru 223/2009, id-Deċiżjoni 2012/504 waqqfet l-Eurostat bħala l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 223/2009 u ddefinietha bħala dipartiment tal-Kummissjoni mmexxi minn direttur ġenerali. Il-kompiti ta’ din l-awtorità tal-istatistika huma l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Għal dan il-għan, l-Eurostat għandha b’mod partikolari tiżviluppa u tippromwovi l-istandards, il-metodi u l-proċeduri statistiċi.

60

Minn dan jirriżulta li l-Eurostat, bħala direttorat ġenerali, jidher li huwa d-dipartiment kompetenti, fi ħdan il-Kummissjoni, sabiex jelabora l-oqsfa metodoloġiċi msemmija.

61

Barra minn hekk, ma hemmx iktar lok li tiġi kkontestata r-rilevanza tal-kooperazzjoni amministrattiva u tal-koordinazzjoni bejn ċentri tal-istatistika Ewropej u nazzjonali, li ma għandhomx effett legalment vinkolanti, fil-qafas tal-proċessi ta’ elaborazzjoni tal-imsemmija oqsfa metodoloġiċi.

62

Madankollu, jibqa’ l-fatt li, la darba elaborati mill-Eurostat fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni amministrattiva, ir-regoli li wieħed għandu jimxi magħhom u l-miżuri ta’ implementazzjoni li jispeċifikaw il-kontenut tal-att leġiżlattiv, jiġifieri r-Regolament Nru 2494/95, sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi u li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP, għandhom ikunu s-suġġett ta’ adattazzjoni mill-Kummissjoni wara applikazzjoni tal-PRAC, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(3) tal-istess regolament.

63

Issa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jipprevedux l-użu ta’ tali proċedura.

64

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati b’dawn ir-rikorsi għandhom jiġu annullati, għar-raġuni li huma jipprevedu l-adozzjoni ta’ oqsfa metodoloġiċi li jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2494/95, mingħajr madankollu ma jipprevedu l-applikazzjoni tal-PRAC, bi ksur tal-imsemmi regolament.

65

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-PRAC ma hijiex xierqa sabiex tiġi organizzata t-tip ta’ kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa sabiex jiġu ddefiniti l-oqsfa metodoloġiċi.

66

Madankollu, bħala miżuri ta’ implementazzjoni, dawn l-oqsfa metodoloġiċi kellhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista mir-Regolament Nru 2494/95, independentement mill-kwistjoni ta’ jekk din il-proċedura kinitx xierqa jew le.

67

F’dan ir-rigward, bħalma indika r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, anki jekk il-Kummissjoni tqis li din il-proċedura ma hijiex xierqa, hija kellha tqis emenda għar-Regolament Nru 2494/95. Il-fatt li tali emenda kienet reċentement is-suġġett ta’ proposta tal-Kummissjoni, imsemmija matul is-seduta, huwa rrilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 (COM/2014/0724 final) hija ċara. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi, il-metodoloġija xierqa għall-produzzjoni ta’ indiċijiet armonizzati komparabbli għandha tiġi ddefinita permezz ta’ atti ta’ implementazzjoni, li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(2), peress li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk ta’ natura li tikkonferma li l-oqsfa metodoloġiċi huma atti ta’ implementazzjoni li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista f’dan il-qasam.

68

It-tielet nett, skont il-Kummissjoni, meta jiġi adottat dokument ta’ implementazzjoni li ma huwiex legalment vinkolanti, ma jkunx hemm inkwistjoni sitwazzjoni fejn ikun meħtieġ li l-att ġuridiku jiġi eżegwit f’kundizzjonijiet uniformi. Att li ma huwiex vinkolanti ma jistax barra minn hekk jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni.

69

Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ komparabbiltà tal-HICP u l-effettività tar-regolamenti applikabbli jeżiġu speċifikament li l-oqsfa metodoloġiċi msemmija mid-dispożizzjonijiet ikkontestati jiġu osservati u implementati f’kundizzjonijiet uniformi, b’mod li tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP.

70

Minn dan kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-raba’ motiv fil-kawża T‑261/13 u t-tielet motiv fil-kawża T‑86/14 għandhom jintlaqgħu, abbażi tal-ksur tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2494/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, għar-raġuni li l-PRAC kellha tiġi prevista għall-adozzjoni tal-oqsfa metodoloġiċi msemmija, li jikkostitwixxi l-miżuri ta’ implementazzjoni neċessarji sabiex tiġi żgurata komparabbiltà tal-HICP.

71

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 119/2013 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013 għandhom jiġu annullati, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn.

Fuq l-ispejjeż

72

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Fil-Kawża T‑261/13, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 119/2013, tal-11 ta’ Frar 2013, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): trasmissjoni u tixrid ta’ sottoindiċi tal-HICP, rigward l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti, huwa annullat.

 

2)

Fil-Kawża T‑86/14, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2013, tal-1 ta’ Frar 2013, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, huwa annullat.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 

Frimodt Nielsen

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Collins

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.