SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

22 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Apparat domestiku — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern, bil-kundizzjoni tal-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet — Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni preċedenti li tikkonċerna l-istess proċedura — Nuqqas ta’ interess individwali — Nuqqas ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑118/13,

Whirlpool Europe BV, stabbilita fi Breda (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn F. Wijckmans u H. Burez, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Electrolux AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja), irrappreżentata minn F. Wijckmans u H. Burez, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, É. Gippini Fournier u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

u minn

Fagor France SA, stabbilita f’Rueil-Malmaison (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne u A. Müller-Rappard, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/283/UE, tal-25 ta’ Lulju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23839 (C 44/2007) ta’ Franza favur l-impriża FagorBrandt (ĠU 2013, L 166, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Whirlpool Europe BV (iktar ’il quddiem “Whirlpool”), topera fis-settur tal-manifattura u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparat domestiku kbir.

2

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-ammont ta’ EUR 31 miljun favur FagorBrandt SA li saret Fagor France SA (iktar ’il quddiem “FagorBrandt” jew il-“benefiċjarja”).

3

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ĠU C 275, p. 18).

4

Permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Diċembru 2007, tas-26 ta’ Frar u tat‑12 ta’ Marzu 2008, Electrolux AB, li topera wkoll fis-settur tal-manifattura u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparat domestiku kbir, issottomettiet osservazzjonijiet.

5

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2007, Whirlpool issottomettiet osservazzjonijiet.

6

Permezz tad-Deċiżjoni 2009/485/KE, tal-21 ta’ Ottubru 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru K 44/07 (ex N 460/07) li Franza qiegħda tippjana li timplementa favur l-impriża FagorBrandt (ĠU 2009, L 160, p. 11), il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna b’ċerti kundizzjonijiet, inter alia, li FagorBrandt twaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni ta’ friġġijiet, ta’ friżers, ta’ apparat għat-tisjir u ta’ magni għall-ħasil tal-platti tal-marka Vedette għal perijodu ta’ ħames snin.

7

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni (T‑115/09 u T‑116/09, EU:T:2012:76), mogħtija fuq ir-rikorsi ppreżentati minn Electrolux u minn Whirlpool, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2009/485 wara li kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni miżura kumpensatorja mhux valida (it-trasferiment ta’ Brandt Components) u billi naqset milli tanalizza l-effett akkumulat fuq il-kompetizzjoni tal-għajnuna nnotifikata, imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, u ta’ għajnuna oħra mogħtija mir-Repubblika Taljana lil FagorBrandt, permezz tas-sussidjarja tagħha FagorBrandt Italia (iktar ’il quddiem l-“għajnuna Taljana”).

8

Fil-25 ta’ Lulju 2012, wara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni (T‑115/09 u T‑116/09, EU:T:2012:76), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/283/UE, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23839 (C 44/2007) ta’ Franza favur l-impriża FagorBrandt (ĠU 2013, L 166, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija ddikjarat lill-għajnuna nnotifikata kompatibbli mas-suq intern (iktar ’il quddiem l-“għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata” jew il-“miżura inkwistjoni”) b’kundizzjonijiet li hija semmiet f’din id-deċiżjoni.

9

Fid-deċiżjoni kkontestata, wara li eżaminat l-effett akkumulat tal-miżura inkwistjoni u tal-għajnuna Taljana (premessi 85 sa 88), il-Kummissjoni essenzjalment qieset li t-trasferiment ta’ Brandt Components (meqjusa bħala miżura kumpensatorja mid-Deċiżjoni 2009/485) u l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni għal perijodu ta’ ħames snin ta’ ċerti prodotti (tisjir, tkessiħ, magni għall-ħasil tal-platti) tal-marka Vedette (impost mid-Deċiżjoni 2009/485) ma kinux biżżejjed sabiex jipprevjenu kwalunkwe distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni (premessi 100 u 112). F’dawn iċ-ċirkustanzi hija ddeċidiet, b’mod partikolari, li timponi bħala kundizzjoni ta’ kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, l-estensjoni għal tliet snin addizzjonali tal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq tal-marka Vedette (premessa 112). Hija qieset li din il-miżura kienet biżżejjed, waħdiha, sabiex tnaqqas b’mod proporzjonat l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna (premessa 117) u kienet tikkumpensa l-effett akkumulat tal-imsemmija għajnuna u tal-għajnuna Taljana (premessa 118).

10

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna li [r-Repubblika Franċiża] qed tippjana li timplimenta favur l-impriża FagorBrandt għal ammont ta’ EUR 31 miljun hija kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jissospendu l-ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni lill-impriża FagorBrandt sakemm ma jsirx l-irkupru minn FagorBrandt tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE tas-16 ta’ Diċembru 2003

2.   Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, bħal ma kien ippreżentat lill-Kummissjoni [mir-Repubblika Franċiża] fis-6 ta’ Awwissu 2007, għandu jiġi eżegwit b’mod sħiħ.

3.   Il-kontribut proprju għall-ispejjeż tar-ristrutturar propost minn FagorBrandt ta’ EUR 31,5 miljun irid jiżdied bi EUR 3190878,02 u l-imgħax fuq dan l-ammont mid-data li fiha l-għajnuna Taljana tpoġġiet għad-dispożizzjoni ta’ FagorBrandt fl-21 ta’ Ottubru 2008. Din iż-żieda trid isseħħ qabel tmiem il-perjodu tar-ristrutturar tal-impriża stabbilit fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-awtoritajiet Franċiżi iridu juru prova ta’ din iż-żieda fi żmien xahrejn mill-iskadenza fil-31 ta’ Diċembru 2012.

4.   FagorBrandt twaqqaf il-produzzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette għal perjodu ta’ tmien snin.

5.   Sabiex jiġi żgurat li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, [ir-Repubblika Franċiża] tinforma lill-Kummissjoni, permezz ta’ rapporti annwali, dwar is-sitwazzjoni tal-iżvilupp tar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, dwar l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli deskritt fil-paragrafu 1, dwar il-ħlas tal-għajnuna kompatibbli, u dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri kompensatorji.

Artikolu 3

Ir-[Repubblika Franċiża] tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ttieħdu sabiex tkun konformi magħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti bdiet l-azzjoni preżenti.

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2013, Electrolux talbet sabiex tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tar-rikorrenti. Permezz ta’ atti ppreżentati fil-25 ta’ Ġunju u fit-8 ta’ Lulju 2013, FagorBrandt u r-Repubblika Franċiża talbu sabiex jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni.

13

Permezz ta’ digrieti tal-11 ta’ Settembru 2013, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talbiet għal intervent ippreżentati minn Electrolux, FagorBrandt u mir-Repubblika Franċiża.

14

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tawtorizzaha tissottometti, abbażi ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, osservazzjonijiet bil-miktub b’risposta għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, sa fejn dawn kienu ġew ippreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tal-kontroreplika.

15

Permezz ta’ ittri tal-14, tal-24 u tad-29 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u FagorBrandt issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura magħmula mir-rikorrenti.

16

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Diċembru 2013, FagorBrandt u r-Repubblika Franċiża ssottomettew in-nota ta’ intervent tagħhom.

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Diċembru 2013, Electrolux issottomettiet in-nota ta’ intervent tagħha.

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża, ta’ FagorBrandt u ta’ Electrolux.

19

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent ta’ FagorBrandt u tar-Repubblika Franċiża.

20

Permezz ta’ att tat-23 ta’ Settembru 2015, il-Qorti Ġenerali indirizzat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura lill-partijiet. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti sabiex tagħti risposta għall-argument tal-Kummissjoni intiż sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha u sabiex issostni l-argumenti mqajma minnha, f’dan is-sens, bil-miktub.

21

Permezz ta’ ittri tad-9 u tat-30 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni, u sussegwentement ir-rikorrenti rrispondew għad-domandi tal-Qorti Ġenerali.

22

Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

23

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi għar-raġuni li kundizzjoni kumulattiva waħda jew iktar imsemmija fil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2) ma humiex issodisfatti jew, fi kwalunkwe każ, li l-Kummissjoni ma vverifikatx b’mod suffiċjenti fid-dritt li kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet issodisfatta;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi inkwantu hija tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl‑Artikolu 296 TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża u lil FagorBrandt ibatu l-ispejjeż tagħhom.

24

Electrolux titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi sa fejn kundizzjoni waħda jew iktar (kumulattivi) msemmija fil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà ma humiex issodisfatti jew, fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Kummissjoni ma vverifikatx b’mod suffiċjenti fid-dritt li kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet issodisfatta.

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi għal ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

25

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26

FagorBrandt titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

Id-dritt

28

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn FagorBrandt issostni, fl-istadju tal-kontroreplika, li skont il-ġurisprudenza, il-fatt li impriża tkun instemgħet u li l-iżvolġiment tal-proċedura jkun ġie ddeterminat b’mod sinjifikattiv mill-osservazzjonijiet tagħha, għalkemm jikkostitwixxi element rilevanti sabiex jiġi evalwat il-locus standi, ma jeżonerax lil din l-impriża milli turi li l-għajnuna kontenzjuża tista’ twassal għal “effett sostanzjali” fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Il-Kummissjoni tippreċiża għal dak li jirrigwarda dan l-“effett sostanzjali” li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex biżżejjed, għall-finijiet tal-produzzjoni tal-prova li l-impriża inkwistjoni tkun ikkonċernata individwalment, li jiġi stabbilit li l-għajnuna inkwistjoni jista’ jkollha “ċerta influwenza” fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni u li l-impriża kkonċernata tkun f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarja tal-għajnuna. Bil-kontra ta’ dan, għandu jintwera li r-rikorrenti ġiet affettwata mill-għajnuna b’mod partikolari meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Hija tindika li dan ir-rekwiżit fundamentali tfakkar reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395).

29

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent ta’ FagorBrandt u tar-Repubblika Franċiża, kif ukoll fir-risposti tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2015, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tindika li d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet affettwata b’mod sostanzjali mill-għajnuna koperta mill-miżura inkwistjoni.

30

Ir-rikorrenti, sostnuta minn Electrolux, tirreferi, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għall-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika li “mingħajr l-għajnuna FagorBrandt toħroġ mis-suq” u li “[b]’konsegwenza ta’ dan it-tluq ta’ FagorBrandt ikun jippermetti lill-kompetituri Ewropej iżidu l-bejgħ u l-produzzjoni tagħhom għal ammonti sinifikattivi”, it-tieni nett, fil-premessa 93 ta’ din id-deċiżjoni li tippreċiża li “għajnuna għar-ristrutturar toħloq awtomatikament distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tfixkel il-ħruġ tal-benefiċjarju mis-suq u billi twaqqaf b’hekk l-iżvilupp tal-impriżi kompetituri”, it-tielet nett, fil-premessa 94 tal-imsemmija deċiżjoni, li tipprovdi li, “[m]ingħajr l-għajnuna tal-Istat Franċiż, FagorBrandt malajr toħroġ mis-suq […;] [g]ħaldaqstant, l-għejba ta’ FagorBrandt kienet tippermetti lill-kompetituri Ewropej iżidu ħafna l-bejgħ tagħhom u għalhekk anke l-produzzjoni tagħhom” u, ir-raba’ nett, fil-premessi 105 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li Whirlpool hija waħda mill-“kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt” fis-suq tal-friġġijiet, tal-friżers u tal-magni għall-ħasil tal-platti. Minn dan hija tiddeduċi li, billi tiċċita dawn il-premessi fid-deċiżjoni kkontestata fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hija wriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet affettwata b’mod sinjifikattiv.

31

Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li l-Kummissjoni ma kkontestatx, qabel il-kontroreplika, l-interess individwali tagħha fir-rigward tad-Deċiżjoni 2009/485, u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni (T‑115/09 u T‑116/09, EU:T:2012:76). B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, hija essenzjalment tindika, f’dan ir-rigward, li s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni (T‑115/09 u T‑116/09, EU:T:2012:76), kisbet awtorità ta’ res judicata għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, b’mod partikolari, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata eżattament fuq l-istess fajl amministrattiv bħad-Deċiżjoni 2009/485, l-argumenti li hija qajmet huma l-istess u l-Kummissjoni ma pproduċietx argumenti u lanqas provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddistingwi l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-proċedura preżenti minn dik tal-ammissibbiltà tar-rikors li ġiet debitament stabbilita mis-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni (T‑115/09 u T‑116/09, EU:T:2012:76), fil-proċedura preċedenti.

32

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, hija ddistingwixxiet ruħha mill-kumpanniji l-oħra fis-suq.

33

Hija ssostni li, l-ewwel nett, fil-kwalità tagħha bħala t-tieni impriża fis-suq Franċiż, hija neċessarjament kienet ser tikseb iktar profitt mill-ħruġ tal-benefiċjarja mis-suq milli l-kompetituri tagħha. Hija tiddikjara, f’dan ir-rigward, li minn meta l-benefiċjarja tal-għajnuna waqfet l-attivitajiet tagħha f’nofs is-sena 2013, hija “kisbet sehem kunsiderevoli mis-suq Franċiż” u li minkejja li hija rkuprat biss 1 % tas-sehem mis-suq ta’ FagorBrandt, dan l-ammont kien ekwivalenti għall-ammont tal-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li l-għajbien ta’ FagorBrandt seta’ jiġġenera, għaliha, żieda sinjifikattiva tas-sehem mis-suq fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni impriża fis-suq, b’tali mod li l-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata hija sors ta’ lucrum cessans kbir li jikkaratterizza, bħala tali, l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq, fis-sens tal-ġurisprudenza.

34

Hija ssostni, it-tieni nett, fil-kuntest tal-prova ta’ effett partikolari fuq il-pożizzjoni tagħha, li hija kienet tinsab, bħalma hija stabbilixxiet fir-rikors, fost ix-xerrejja potenzjali tal-benefiċjarja fl-2001/2002 meta din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, il-pussess mill-ġdid ta’ Brandt finalment ingħata lil Fagor, peress li din l-impriża kienet impenjat ruħha sabiex ma tirristrutturahiex għal sentejn inkambju tal-għajnuna inkwistjoni.

35

Ir-rikorrenti tfakkar, it-tielet nett, li hija kienet involuta mill-qrib fil-proċedura inkwistjoni, sal-punt li din tiddistingwixxiha ċarament mill-parteċipanti l-oħra fis-suq.

36

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkontestat, għall-ewwel darba, fl-istadju tal-kontroreplika, l-ammissibbiltà tar-rikors, billi eċċepiet l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti.

37

Madankollu, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors jistgħu jiġu eżaminati fi kwalunkwe mument ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, EU:T:1996:153, punt 40). Għaldaqstant, l-assenza ta’ kontestazzjoni mill-Kummissjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors jew, a fortiori, il-kontestazzjoni tardiva tagħha ma timplikax li l-Qorti Ġenerali tirrinunzja milli tqajjem dan il-punt.

38

Min-naħa l-oħra, xejn ma jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tieħu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet b’risposta dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, provduti mir-rikorrenti, wara l-kontroreplika (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, UOP vs Il‑Kummissjoni, T‑198/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:354, punt 32), kif irrikonoxxiet espressament il-Kummissjoni matul is-seduta.

39

Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti.

40

Sa fejn il-Kummissjoni tikkritika lir-rikorrenti li ma għandhiex locus standi, huwa importanti li jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut għal persuna fiżika jew ġuridika sabiex hija tippreżenta rikors kontra att tal-Unjoni li tiegħu ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament.

41

Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata għandha biss bħala destinatarja lir-Repubblika Franċiża u tikkonċerna għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU L 248, p. 9). Peress li, għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija ta’ portata individwali, ma tistax tkun att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali ħlief għall-atti leġiżlattivi (ara, s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, peress li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors tagħha huwa ammissibbli biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkarratterizzahom meta mqabbla ma’ persuni oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li hija individwalizzata d-destinatarja ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 29).

43

Peress li r-rikors jikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni ssejjaħ lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Meta impriża tikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies li hija persuna interessata fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli. Hija għandha għaldaqstant turi li għandha status partikolari fis-sens tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17) (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Novembru 2015, Compagnia Trasporti Pubblici et vs Il‑Kummissjoni, T‑187/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:846, punt 18). Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tagħha fis-suq tiġi sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan ir-rigward, ġew irrikonoxxuti, inter alia, bħala kkonċernati individwalment minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq kienet affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi wkoll, fid-dawl tal-livell tal-eventwali parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura u tal-kobor tal-preġudizzju tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija tinsab f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni (ara d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, UOP vs Il‑Kummissjoni, T‑198/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:105, punti 2526 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, Ġabra, EU:C:1986:42, punt 25, u d-digriet tas‑27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il‑Kummissjoni, T‑358/02, EU:T:2004:159, punti 3334).

46

Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ tali effett, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li s-sempliċi fatt li att bħal ma hija d-deċiżjoni kkontestata jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab fi kwalunkwe relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma jista’ fl-ebda każ ikun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża titqies li hija kkonċernata individwalment mill-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il‑Kummissjoni, 10/68 u 18/68, EU:C:1969:66, punt 7, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 47).

47

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorrenti għandha tipproduċi provi tali li jistabbilixxu l-partikolarità tas-sitwazzjoni kompetittiva tagħha (digriet tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il‑Kummissjoni, T‑358/02, EU:T:2004:159, punt 38 u s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punti 4951) u turi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha hija affettwata sostanzjalment, meta mqabbla mal-impriżi kompetituri l-oħra fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il‑Kummissjoni, T‑358/02, EU:T:2004:159, punt 41; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punt 51; tat‑13 ta’ Settembru 2010, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑193/06, EU:T:2010:389, punt 84; tal-15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il‑Kummissjoni, T‑182/10, EU:T:2013:9, punt 68; tal-5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il‑Kummissjoni, T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 55, u tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punti 35 sa 37).

48

Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-għajnuna ppermettiet li tinżamm fis-suq inkwistjoni impriża li, fl-assenza ta’ tali miżura, kienet tgħib minn dan is-suq. Iż-żamma tal-benefiċjarja fis-suq għandha bħala konsegwenza lucrum cessans għar-rikorrenti, sa fejn, fil-kwalità tagħha tat-tieni impriża fis-suq Franċiż, hija setgħet tieħu s-sehem mis-suq illiberat mill-għajbien ta’ FagorBrandt.

49

Għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors huma evalwati fil-mument meta jiġi ppreżentat ir-rikors, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors (digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, Albertini et u Donnelly vs Il-Parlament, T‑219/09 u T‑326/09, EU:T:2010:519, punt 39, u s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 34).

50

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, mingħajr madankollu ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-elementi msemmija mir-rikorrenti jistgħux jiġu trasposti għas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni eżistenti fil-jum tal-preżentata tar-rikors u li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jippermettux li jiġi kkaratterizzat effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq, minħabba l-miżura inkwistjoni.

51

Fil-fatt, minn naħa, it-tabella tas-sehem mis-suq fl-Anness 14 tar-rikors tidentifika iktar minn ħmistax-il operatur fis-swieq Franċiżi u Ewropej tal-apparat domestiku kbir. Issa, bħalma sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, ma jistax jiġi sempliċement preżunt li r-rikorrenti kienet iżżid b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tagħha fil-każ tal-għajbien mis-suq tal-impriża benefiċjarja tal-miżuri inkwistjoni, mingħajr il-produzzjoni ta’ ebda prova li ssostni din l-allegazzjoni, meta, bħal fil-każ ineżami, is-suq għandu struttura mhux ikkonċentrata, ikkaratterizzata mill-preżenza ta’ numru kbir ta’ operaturi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑11 ta’ Jannar 2012, Phoenix-Reisen u DRV vs Il‑Kummissjoni, T‑58/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:3, punt 50).

52

Min-naħa l-oħra, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija mir-rikorrenti (riprodotti fil-punt 30 iktar ’il fuq) sempliċement isemmu kunsiderazzjonijiet ġenerali li huma potenzjalment validi għall-operaturi kollha preżenti fis-suq inkwistjoni. Għalkemm huma jindikaw, b’mod partikolari, li l-għajbien ta’ FagorBrandt kien jippermetti lill-kompetituri Ewropej tagħha jżidu b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tagħhom u, għaldaqstant, il-produzzjoni tagħhom (premessi 18 u 94), bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi preżunt li r-rikorrenti kienet tkun iktar affettwata mill-miżura kontenzjuża milli huma, bħala medja, il-kompetituri kollha tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 35) jew li hija kien ikollha żvilupp sostanzjalment aħjar kieku l-miżura inkwistjoni ma kinitx awtorizzata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il‑Kummissjoni, T‑358/02, EU:T:2004:159, punt 43). B’mod partikolari, xejn ma jippermetti li jiġi vverifikat li r-rikorrenti kienet tkun iktar kapaċi mill-medja tal-kompetituri tagħha sabiex tirkupra t-talba fis-suq illiberata mill-għajbien ta’ FagorBrandt. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma turix li l-għajnuna kontenzjuża serviet lill-benefiċjarja sabiex iżżomm is-sehem mis-suq li kieku kien ikollha hi stess (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 113) u, għaldaqstant, li hija ġarrbet lucrum cessans suffiċjentement kbir, meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, sabiex tikkaratterizza effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. F’dan ir-rigward, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni impriża fis-suq wara l-benefiċjarja ma tistax, waħedha, tippermetti l-preżunzjoni li jeżisti effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Awwissu 2008, Adomex vs Il‑Kummissjoni, T‑315/05, mhux ippubblikat, EU:T:2008:300, punt 28).

53

L-ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jippermettu li tiġi vvalidata l-konstatazzjoni esposta fil-punti 50 sa 52 iktar ’il fuq, ibbażata fuq l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ prova tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, fil-mument tal-preżentata tar-rikors.

54

L-ewwel nett, il-fatt li, minn meta l-benefiċjarja tal-għajnuna temmet l-attivitajiet tagħha, f’nofs is-sena 2013, ir-rikorrenti “kisbet sehem kunsiderevoli mis-suq Franċiż” (ara l-punt 33 iktar ’il fuq) ma huwa sostnut mill-ebda prova. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li dan il-fatt huwa stabbilit, ir-rikorrenti ma ssostnix li dan jikkaratterizza, skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), il-partikolarità tas-sitwazzjoni kompetittiva tagħha meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha. L-istess jgħodd għall-fatt li anki jekk r-rikorrenti rkuprat biss 1 % tas-sehem mis-suq ta’ FagorBrandt, dan l-ammont kien ekwivalenti għall-ammont tal-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata. Din il-konstatazzjoni tapplika, fil-fatt, għall-operaturi kollha tas-suq.

55

It-tieni nett, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-proċedura ta’ investigazzjoni lanqas ma tista’ toħloq il-preżunzjoni li kien hemm effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi parteċipazzjoni ta’ rikorrenti għall-proċedura amministrattiva li hija għandha locus standi (digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, UOP vs Il‑Kummissjoni, T‑198/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:105, punt 27; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 60) anki jekk kellha rwol importanti fil-proċedura, b’mod partikolari, billi ppreżentat l-ilment li kien l-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 9495).

56

It-tielet nett, il-fatt li r-rikorrenti kienet għamlet parti mix-xerrejja potenzjali tal-benefiċjarja fl-2001/2002, meta din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), huwa irrilevanti sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità tagħha, iktar minn għaxar snin wara l-imsemmija proċedura, li tirkupra, proporzjoni kunsiderevolment iktar minn dak tal-kompetituri tagħha, is-sehem mis-suq illiberat mill-għajbien ta’ FagorBrandt.

57

Ir-raba’ nett, huwa finalment irrilevanti, fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, il-fatt li fis-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni (T‑115/09 u T‑116/09, EU:T:2012:76), il-Qorti Ġenerali ma rrilevatx ex officio l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti, minkejja li l-argumenti mqajma fir-rikors preċedenti, insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni 2009/485 kienu, skont ir-rikorrenti, simili f’kull punt għal dawk imqajma kontra d-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tar-rikors preżenti.

58

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-interess individwali ta’ persuna fiżika jew ġuridika huwa evalwat fil-jum tal-preżentata tar-rikors u jiddependi biss mid-deċiżjoni kkontestata (digriet tad-29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il‑Kummissjoni, T‑236/10, EU:T:2012:176, punt 38). Għaldaqstant, peress li l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta mas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni (T‑115/09 u T‑116/09, EU:T:2012:76), li kienet tirrigwarda l-legalità tad-Deċiżjoni 2009/485, ma tistax tkun tali li tippreġudika l‑locus standi tar-rikorrenti rigward ir-rikors preżenti, intiż kontra d-deċiżjoni kkontestata.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-pożizzjoni tagħha kienet affettwata sostanzjalment mill-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

60

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma’ dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

61

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż sostnuti minnha. L-intervenjenti l-oħra għandhom ibatu wkoll, kull wieħed minnhom, l-ispejjeż rispettivi tagħhom, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Whirlpool Europe BV għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża, Electrolux AB u Fagor France SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 2016.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż