20.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fl-4 ta’ Ġunju 2013 — Haeger & Schmidt GmbH vs Mutuelles du Mans assurances Iard SA (MMA Iard), Jacques Lorio, Dominique Miquel, bħala likwidatur ta’ Safram intercontinental SARL, Ace Insurance SA NV, Va Tech JST SA, Axa Corporate Solutions SA

(Kawża C-305/13)

2013/C 207/58

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Haeger & Schmidt GmbH

Konvenuti: Mutuelles du Mans assurances Iard SA (MMA Iard), Jacques Lorio, Dominique Miquel, bħala likwidatur ta’ Safram intercontinental SARL, Ace Insurance SA NV, Va Tech JST SA, Axa Corporate Solutions SA

Domandi preliminari

(1)

Il-kuntratt għal kummissjoni ta’ trasport, li għalih prinċipal jaħtar aġent, li jaġixxi f’ismu stess u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-organizzazzjoni ta’ trasport ta’ merkanzija li huwa jkun ser jimplementa permezz ta’ wieħed jew iktar trasportaturi għan-nom tal-prinċipal, jista’, u b’liema kundizzjonijiet, ikollu prinċipalment bħala għan li jwettaq trasport ta’ merkanzija fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (1)?

(2)

Jekk il-kuntratt għal kummissjoni ta’ trasport jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 4(4) iċċitat iktar ’il fuq, iżda l-preżunzjoni speċjali tad-determinazzjoni tal-liġi li tipprovdi dan it-test tkun inapplikabbli, fl-assenza tal-koinċidenza li dan jirrikjedi, il-kliem tal-ewwel sentenza tiegħu, li jipprovdi li l-kuntratt għat-trasport tal-merkanziji ma huwiex suġġett għall-preżunzjoni ġenerali tal-paragrafu (2), għandu jiġu interpretati fis-sens li l-qorti hija għalhekk mistiedna tfittex il-liġi applikabbli, mhux fuq il-bażi ta’ din il-preżunzjoni, definittivament eliminata, iżda skont il-prinċipju ġenerali ta’ determinazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1), jiġifieri billi jiġi identifikat il-pajjiż li miegħu l-kuntratt jippreżenta rabtiet l-iktar mill-qrib, mingħajr kunsiderazzjoni partikolari għal dak fejn hija stabbilita l-parti li tipprovdi s-servizz karatteristiku tal-kuntratt?

(3)

Jekk wieħed jassumi li l-kuntratt għal kummissjoni ta’ trasport huwa suġġett għall-preżunzjoni ġenerali tal-Artikolu 4(2), jista’ jiġi ammess, fl-ipoteżi fejn min jagħti l-ordni inizjali jkun ikkonkluda kuntratt mal-ewwel aġent, li kien sussegwentement issostitwit mit-tieni, li l-liġi applikabbli fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn min jagħti l-ordni u dan it-tieni aġent tiġi ddeterminata skont il-post fejn huwa stabbilit l-ewwel aġent, inkwantu l-liġi tal-pajjiż hekk innominat titqies bħala globalment applikabbli għall-operazzjonijiet kollha ta’ kummissjoni ta’ trasport?


(1)  Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005 C 169, p. 10).