15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischen Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Marzu 2013 — Herbaria Kräuterparadies GmbH vs Freistaat Bayern

(Kawża C-137/13)

2013/C 171/27

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bayerisches Verwaltungsgericht München

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Herbaria Kräuterparadies GmbH

Konvenut: Freistaat Bayern

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tas-sustanzi msemmija jkun legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni tipprevedi direttament l-inklużjoni ta’ dawn is-sustanzi fil-prodott tal-ikel li fih għandhom jiġu inklużi jew meta tali dispożizzjoni tistabbilixxi, minn tal-inqas, kontenut minimu għas-sustanzi msemmija li għandhom jiġu inklużi?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tas-sustanzi msemmija jkun ukoll legalment meħtieġ meta, mingħajr l-inklużjoni ta’ minn tal-inqas waħda mis-sustanzi msemmija, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tal-ikel bħala komplement tal-ikel jew bl-użu ta’ allegazzjonijiet dwar is-saħħa tkun qarrieqa u tqarraq bil-konsumatur, minħabba li l-prodott tal-ikel ma jkunx jista, fid-dawl ta’ konċentrazzjoni żgħira wisq ta’ waħda mis-sustanzi msemmija, jissodisfa l-għan tiegħu bħala prodott tal-ikel jew l-għan indikat fl-allegazzjoni dwar is-saħħa?

(3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tas-sustanzi msemmija jkun ukoll legalment meħtieġ meta allegazzjoni partikolari dwar is-saħħa tkun tista’ tintuża biss fir-rigward tal-prodotti tal-ikel li jkun fihom kwantità partikolari, u saħansitra sinjifikattiva, ta’ minn tal-inqas waħda mis-sustanzi msemmija?


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, p. 1).