SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 89/665/KEE — Artikolu 1(1) u (3) — Proċeduri ta’ reviżjoni — Rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ppreżentat minn offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx — Azzjoni inċidentali tal-offerent rebbieħ — Regola ġurisprudenzjali nazzjonali li timponi li l-azzjoni inċidentali tiġi eżaminata minn qabel u, jekk din tkun fondata, l-azzjoni prinċipali tiġi ddikjarata inammissibbli, mingħajr eżami dwar il-mertu — Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni — Artikolu 267 TFUE — Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni — Prinċipju tad-dritt stabbilit b’deċiżjoni tas-seduta plenarja tal-qorti amministrattiva suprema ta’ Stat Membru — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni għall-awli ta’ din il-qorti — Obbligu tal-awla adita bi kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni tas-seduta plenarja, li din il-kwistjoni tintbagħat lura lilha — Fakultà jew obbligu tal-awla li tadixxi, b’mod preliminari, lill-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑689/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-reġjun ta’ Sqallija, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

Puligienica Facility Esco SpA (PFE)

vs

Airgest SpA,

fil-preżenza ta’:

Gestione Servizi Ambientali Srl (GSA),

Zenith Services Group Srl (ZS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, D. Šváby u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), A. Borg Barthet, J. Malenovský, J.-C. Bonichot, C. Vajda, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: I. Illéssy, sussegwentement V. Giacobbo-Peyronnel, Amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Puligienica Facility Esco SpA (PFE), minn U. Ilardo, avukat,

għal Gestione Servizi Ambientali Srl (GSA) u Zenith Services Group Srl (ZS), minn D. Gentile u D. Galli, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2015,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tas-16 ta’ Lulju 2015 u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet supplimentari tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Puligienica Facility Esco SpA (PFE) (iktar ’il quddiem “PFE”) u Airgest SpA (iktar ’il quddiem “Airgest”) dwar ir-regolarità tal-għoti, minn din l-aħħar kumpannija, ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi lil Gestione Servizi Ambientali Srl (GSA) (iktar ’il quddiem “GSA”) u lil Zenith Services Group Srl (ZS).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward [tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi] li jaqgħu taħt id-Direttiva [2004/18], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[...]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[...]”

4

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

[...]

b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment […]

[...]”

Id-dritt Taljan

5

Il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sqallija) ġie stabbilit permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 654, dwar ir-regoli ta’ eżerċizzju, fir-Reġjun ta’ Sqallija, tal-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Istat (decreto legislativo n. 654 – Norme per l’esercizio nella Regione siciliana delle funzioni spettanti al Consiglio di Stato), tas-6 ta’ Mejju 1948 (GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1948). F’dan ir-reġjun, dan għandu l-istess funzjonijiet konsultattivi u ġurisdizzjonali tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat).

6

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 104, li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-Artikolu 44 tal-liġi Nru 69 tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar delega lill-gvern għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-proċedura amministrattiva (decreto legislativo n. 104 – Attuazione dell’articolo 44 della legge 18 giugno 2009, n. 69, recante delega al governo per il riordino del processo amministrativo), tat-2 ta’ Lulju 2010 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 156, tas-7 ta’ Lulju 2010), jirrigwarda l-adozzjoni tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva.

7

L-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   Il-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)] huwa l-korp tal-qorti amministrattiva li jagħti l-aħħar deċiżjoni.

[...]

6.   Ir-rikorsi kontra d‑deċiżjonijiet tat-Tribunale amministrativa regionale della Sicilia [(qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sqallija)] għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana [(kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sqallija)], b’konformità mad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti speċjali u mad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni korrispondenti.”

8

L-Artikolu 42 tal-imsemmi kodiċi, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

Il-konvenuti u l-intervenjenti jistgħu jippreżentaw talbiet li l-interess tagħhom huwa marbut mat-talba prinċipali, permezz ta’ rikors inċidentali.”

9

L-Artikolu 99 tal-istess Kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Jekk l-awla li quddiemha jitressaq ir-rikors tikkonstata li l-punt tad-dritt suġġett għall-eżami tagħha ta lok jew jista’ jagħti lok għal diverġenzi fil-ġurisprudenza, hija tista’, permezz ta’ digriet mogħti wara talba tal‑partijiet jew ex officio, tirrinvija r-rikors quddiem is-seduta plenarja. Is-seduta plenarja, jekk hija tqis xieraq, tista’ tibgħat l-atti lura lill-awla.

2.   Qabel ma tingħata sentenza, il-President tal-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)], fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jista’ jiddifferixxi għas-seduta plenarja kull rikors sabiex jiġu deċiżi kwistjonijiet ta’ prinċipju tal-ikbar importanza jew sabiex iwaqqaf diverġenzi tal-ġurisprudenza.

3.   Jekk l-awla li quddiemha jitressaq ir-rikors tqis li hija ma taqbilx ma’ prinċipju tad-dritt stabbilit mis-seduta plenarja, hija tibgħat lura lil din tal-aħħar id-deċiżjoni tar-rikors, permezz ta’ digriet motivat.

4.   Is-seduta plenarja tiddeċiedi dwar it-tilwima kollha, ħlief jekk hija tiddeċiedi li tistabbilixxi prinċipju tad-dritt jew li tirrinvija l-kumplament tal-kawża lill-awla tar-rinviju.

5.   Jekk hija tqis li l-kwistjoni hija partikolarment importanti, is-seduta plenarja tista’ fi kwalunkwe każ tistabbilixxi l-prinċipju tad-dritt fl-interess tal-liġi, anki meta hija tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà tar-rikors jew dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew l-estinzjoni tal-proċedura. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tas-seduta plenarja ma għandhiex effett fuq id-deċiżjoni appellata.”

10

Skont l-Artikolu 100 tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva:

“Id-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi reġjonali jistgħu jiġu appellati quddiem il-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)], bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-Consiglio di giustizia amministrattiva per la Regione siciliana [(kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sqallija)] fil-qasam tat-tressiq ta’ kawża kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia [(qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sqallija)].”

11

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 373, dwar modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tar-Regolamenti speċjali tar-Reġjun ta’ Sqallija f’dak li jikkonċerna l-eżerċizzju, fir-reġjun, tal-funzjonijiet iddelegati lill-Consiglio di Stato (Digriet leġiżlattiv Nru 373 – Norme di attuazione dello Statuto speciale della Regione siciliana concernenti l’esercizio nella regione delle funzioni spettanti al Consiglio di Stato), tal-24 ta’ Diċembru 2003 (GURI Nru 10, tal-14 ta’ Jannar 2004, p. 4), jipprevedi, fl-Artikolu 1(2) tiegħu, li l-awli tal-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sqallija) joperaw bħala awli separati mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) u, fl-Artikolu 4(3) tiegħu, li, fil-qasam ġurisdizzjonali, quddiem il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sqallija) jistgħu jitressqu, fl-appell, kawżi kontra d-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sqallija).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Permezz ta’ avviż ippubblikat fit-18 ta’ Jannar 2012, Airgest SpA, il‑kumpannija li tamministra l-ajruport ċivili ta’ Trapani-Birgi (l-Italja), nediet proċedura miftuħa li bħala għan kellha l-għoti tas-servizz ta’ tindif u manutenzjoni taż-żoni ħodor ta’ dan l-ajruport għal perijodu ta’ tliet snin. L-ammont ta’ dan il-kuntratt, mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud, kien ta’ EUR 1995496.35 u l-kriterju ta’ għoti previst kien l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Il-kuntratt ingħata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt definittiva tat-22 ta’ Mejju 2012, lill-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi kkostitwita bejn GSA u Zenith Services Group Srl (ZS).

13

PFE, li pparteċipat fil-proċedura u kklassifikat it-tieni, ressqet kawża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sqallija) billi talbet, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt u, konsegwentement, li dan il-kuntratt jingħata lilha u li l-kuntratt relatat jiġi konkluż. L-offerenti l-oħra ma kkontestawx l-imsemmija deċiżjoni ta’ għoti.

14

GSA, kap tal-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li lilha ngħata l-kuntratt, saret parti fil-kawża u ppreżentat azzjoni inċidentali bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ta’ PFE, ir-rikorrenti prinċipali, fl-azzjoni tagħha, minħabba li din allegatament ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għas-sejħa għal offerti u, konsegwentement, kellha tkun eskluża mill-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. It-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sqallija) eżaminat l-argumenti taż-żewġ partijiet u laqgħet iż-żewġ rikorsi. Wara din is-sentenza, Airgest, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kontraenti, eskludiet liż-żewġ rikorrenti kif ukoll lill-offerenti l-oħra kollha inizjalment inklużi fil‑klassifikazzjoni, minħabba l-inadegwatezza tal-offerti rispettivi tagħhom mad-dokumenti tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt. Dawn l-offerenti l-oħra ma kinux ressqu kawża kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt. Infetħet proċedura ġdida, innegozjata, ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

15

PFE appellat mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sqallija) quddiem il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sqallija). Min-naħa tagħha, GSA ppreżentat appell inċidentali quddiem din il-qorti, b’mod partikolari għar-raġuni li, meta wettqet l-eżami tal-motivi tar-rikors prinċipali, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sqallija) ma kinitx osservat il-prinċipji, li jikkonċernaw l-ordni ta’ eżami tar-rikorsi, stabbiliti permezz tas-sentenza Nru 4, tas-7 ta’ April 2011, mogħtija mis-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat). Skont din is-sentenza, fil-każ ta’ rikors inċidentali intiż li jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors prinċipali, ir-rikors inċidentali għandu jkun eżaminat bi prijorità, qabel ir-rikors prinċipali. Fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, tali rikors inċidentali huwa kklassifikat bħala “esklużiv” jew bħala “paralizzanti” għar-raġuni li, fil-każ ta’ konstatazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors, il-qorti adita għandha tiddikjara r-rikors prinċipali inammissibbli mingħajr ma teżaminah fil-mertu.

16

Il-qorti tar-rinviju tosserva li fis-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448), mogħtija wara l-imsemmija sentenza tas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prinċipji, stabbiliti minn din l-aħħar sentenza, esposti fil-punt ta’ qabel dan. Il-kawża li wasslet għas-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013;448) kienet tikkonċerna żewġ offerenti li kienu ntgħażlu mill-awtorità kontraenti u ġew mistiedna jitfgħu offerti. Wara r-rikors ippreżentat mill-offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx, l-offerent rebbieħ ippreżenta rikors inċidentali, billi sostna li l-offerta mhux magħżula kellha tiġi eskluża minħabba li hija ma kinitx tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet minimi previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

17

Fl-ewwel lok il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448) tapplikax anki f’dan il-każ, peress li, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, l-impriżi li tefgħu offerta kienu tnejn u t-tnejn li huma kellhom interessi opposti fil-kuntest tar-rikors prinċipali għal annullament ippreżentat mill-impriża li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet u fil-kuntest tar-rikors inċidentali ppreżentat mill-offerent rebbieħ, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, in-numru ta’ impriżi li tefgħu offerta kien ikbar minn tnejn, anki jekk tnejn biss fosthom ippreżentaw rikors.

18

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 373, tal-24 ta’ Diċembru 2003, dwar modalitajiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti speċjali tar-Reġjun ta’ Sqallija dwar l-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tal-Consiglio di Stato fir-reġjun, hija tikkostitwixxi awla tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) u li, bħala tali, hija qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati b’rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE., Issa, skont ir-regola proċedurali tal-Artikolu 99(3) tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva, hija tkun marbuta tapplika l-prinċipji tad-dritt stabbiliti mis-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat), anki dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-fakultà tal-awla, fil-każ fejn din tkun tixtieq tillarga mill-imsemmija prinċipji, li tibgħat il-kwistjoni inkwistjoni lura lis-seduta plenarja sabiex titlob li ssir bidla fundamentali tal-ġurisprudenza tagħha.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza d-differenzi bejn is-sentenza Nru 4 tas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat), tas-7 ta’ April 2011, u s-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448) sabiex issostni li, fl-ipoteżi fejn l-obbligu proċedurali deskritt fil-punt ta’ qabel dan ikun japplika anki għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, dan ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-obbligu tal-qrati kollha tal-aħħar istanza tal-Istati Membri sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, meta jitqajmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sqallija) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipji ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza [Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448)], sa fejn din tikkonċerna l-każ speċifiku, li huwa s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, fejn kienu biss żewġ impriżi li pparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, japplikaw ukoll, minħabba xebh fis-sustanza mal-każ odjern, fil-każ, li huwa suġġett għall-istħarriġ ta’ dan il-Consiglio, fejn l-impriżi parteċipanti fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, għalkemm ammessi f’numru ta’ iktar minn tnejn, ġew esklużi kollha mill-awtorità kontraenti, mingħajr ma ġie ppreżentat l-ebda appell minn l-imsemmija esklużjoni min-naħa tal-impriżi ħlief minn dawk involuti f’din l-istanza, b’tali mod li l-kawża li hija adita biha din il-qorti hija de facto limitata għal żewġ impriżi biss?

2)

Billi jillimita ruħu għad-domandi li jistgħu jiġu deċiżi permezz tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi tal-proċedura amministrattiva, sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi n-natura vinkolanti, għall-awli kollha u għall-kulleġġi kollha tal-Consiglio di Stato [(Kunsill tal-istat)], ta’ kull prinċipju ta’ dritt stabbilit mis-seduta plenarja, anki meta jkun jidher ċar li l-imsemmija seduta tkun ikkonfermat jew setgħet ikkonfermat prinċipju li jikser jew li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, imur kontra l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u b’mod partikolari kontra l-Artikolu 267 TFUE? U b’mod partikolari,

Il-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)] (l-awla jew il-kulleġġ) adit bil-kawża, f’każ ta’ dubju dwar il-konformità jew il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ prinċipju tad-dritt diġà ddikjarat mis-seduta plenarja, huwa obbligat li jibgħat lura l-kawża quddiem din tal-aħħar, permezz ta’ digriet immotivat, ipotetikament anki qabel ma jkun jista’ jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jistabbilixxi l-konformità u l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-prinċipju tad-dritt kontenzjuż, jew inkella, għall-kuntrarju, il-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)] (l-awla jew il-kulleġġ) jista’ jew aħjar għandu, bħala qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, jagħmel ex officio, bħala qorti ordinarja tad-dritt tal-Unjoni, domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni korretta ta’ dan id-dritt?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda magħmula [fl-inċiż] preċedenti tkun fis-sens li tirrikonoxxi l-fakultà jew l-obbligu ta’ kull awla u [kull] kulleġġ tal-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)] li jagħmlu ex officio domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew, fil-każijiet kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tkun esprimiet ruħha, iktar u iktar jekk dan tkun għamlitu wara s-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)], billi tikkonferma l-eżistenza ta’ differenza jew ta’ konformità mhux kompluta bejn l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju tad-dritt intern stabbilit mis-seduta plenarja – il-Consiglio di Stato [(kunsill tal-istat)] (kull awla u kull kulleġġ), bħala qorti komuni tal-aħħar istanza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jista’ jew għandu japplika immedjatament l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jew, għall-kuntrarju, anki f’dan il-każ, ikun obbligat li jibgħat lura, permezz ta’ digriet immotivat, il-kawża quddiem is-seduta plenarja, u konsegwentement li jħalli għall-evalwazzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar u għas-setgħa diskrezzjonali tagħha l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif diġà ġie [ddikjarat] mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod vinkolanti?

Finalment, interpretazzjoni tas-sistema proċedurali amministrattiva tar-Repubblika Taljana fis-sens li l-eventwali deċiżjoni marbuta ma’ rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja titħalla għall-evalwazzjoni esklużiva tas-seduta plenarja – jew anki l-unika soluzzjoni tal-kawża, meta din tirriżulta direttament mill-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni diġà [ddikjarati] mill-Qorti tal-Ġustizzja – ma tmurx kontra, minbarra l-prinċipju ta’ żmien raġjonevoli għal smigħ xieraq u tar-riżoluzzjoni f’qasir żmien ta’ kawża fil-qasam tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ukoll ir-rekwiżit li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jirċievi applikazzjoni sħiħa u diliġenti minn kull qorti ta’ kull Stat Membru, b’mod obbligatorjament konformi mal-interpretazzjoni korretta tiegħu kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki bil-għan li jissaħħu l-prinċipji tal-effett utli u tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fuq id-dritt (mhux biss sostantiv iżda wkoll proċedurali) intern ta’ kull Stat Membru (f’dan il-każ, fuq l-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi tal-proċedura amministrattiva tar-Repubblika Taljana)?”

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li rikors prinċipali ppreżentat minn offerent, li għandu interess jikseb kuntratt partikolari u li jkun sarlu dannu jew jinsab fir-riskju li jsirlu dannu permezz ta’ ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew regoli li jittrasponu dan id-dritt, u intiż għall-esklużjoni ta’ offerent ieħor, jiġi ddikjarat inammissibbli b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali li jipprevedu l-eżami prijoritarju tar-rikors inċidentali ppreżentat minn dan l-offerent l-ieħor.

22

B’mod partikolari l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) tapplikax fl-ipoteżi fejn l-impriżi parteċipanti fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat, minkejja li inizjalment ġew ammessi f’numru ikbar minn tnejn, ġew esklużi kollha mill-awtorità kontraenti, mingħajr ma ġie ppreżentat rikors mill-impriżi minbarra dawk involuti fil-kawża prinċipali, li huma tnejn biss.

23

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, sabiex ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet meħuda minn awtorità kontraenti jkunu jistgħu jitqiesu effikaċi, dawn għandhom ikunu aċċessibbli tal-inqas għal kull persuna li għandha jew li kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li sarilha dannu jew tinsab f’riskju li jsirilha dannu minn ksur allegat.

24

Fil-punt 33 tas-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-azzjoni inċidentali tal-offerent rebbieħ ma tistax twassal għaċ-ċaħda tar-rikors ta’ offerent li ma jintgħażilx, fiċ-ċirkustanza fejn ir-regolarità tal-offerta ta’ kull wieħed mill-operaturi tiġi kkontestata fil-kuntest tal-istess proċedura, peress li, f’tali ipoteżi, kull wieħed mill-kompetituri jista’ jinvoka interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn, li jista’ jwassal għall-konstatazzjoni tal-impossibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li tagħżel offerta regolari.

25

Fil-punt 34 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant interpretat l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi li r-rikors tal-offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx jiġi ddikjarat inammissibbli b’konsegwenza tal-eżami minn qabel ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fil-kuntest tar-rikors inċidentali tal-offerent rebbieħ, mingħajr ma tkun ingħatat deċiżjoni dwar il-konformità taż-żewġ offerti inkwistjoni mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

26

Din is-sentenza hija konkretizzazzjoni tar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, f’ċirkustanzi fejn, b’konsegwenza ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, żewġ offerenti jippreżentaw rikorsi intiżi għall-esklużjoni reċiproka tagħhom.

27

F’sitwazzjoni bħal din, kull wieħed miż-żewġ offerenti għandu interess li jikseb kuntratt partikolari. Fil-fatt, minn naħa, l-esklużjoni ta’ offerent tista’ twassal sabiex l-ieħor jikseb il-kuntratt direttament fil-kuntest tal-istess proċedura. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi ta’ esklużjoni taż-żewġ offerenti u tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ġdida, kull wieħed mill-offerenti jkun jista’ jipparteċipa fiha u, għaldaqstant, jikseb il-kuntratt indirettament.

28

L-interpretazzjoni, imfakkra fil-punti 24 u 25 tas-sentenza preżenti, li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) hija applikabbli f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, kull waħda mill-partijiet fil-kawża għandha interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-kompetituri l-oħra. Min-naħa l-oħra, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex eskluż li waħda mill-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni, kemm tal-offerta tal-offerent rebbieħ kif ukoll ta’ dik tal-offerent li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ għoti tal-awtorità kontraenti tivvizzja anki l-offerti l-oħra mitfugħa fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li jista’ jwassalha sabiex tniedi proċedura ġdida.

29

In-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, l-istess bħan-numru ta’ parteċipanti li ppreżentaw rikorsi kif ukoll id-diverġenza tal-motivi mqajma minnhom, ma humiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġurisprudenzjali li jirriżulta mis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448).

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li rikors prinċipali ppreżentat minn offerent, li għandu interess li jikseb kuntratt partikolari u li sarlu dannu jew ikun jinsab f’riskju li jsirlu dannu permezz ta’ ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli li jittrasponu dan id-dritt, u intiż għall-esklużjoni ta’ offerent ieħor, jiġi ddikjarat inammissibbli b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali li jipprevedu l-eżami prijoritarju tar-rikors inċidentali ppreżentat minn dan l-offerent l-ieħor.

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-ewwel parti

31

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali sa fejn din hija interpretata fis-sens li, f’dak li jikkonċerna kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni, meta hija ma tkunx taqbel mal-orjentazzjoni ddefinita minn deċiżjoni tas-seduta plenarja ta’ din l-awla, għandha tibgħat din il-kwistjoni lura lill-imsemmija seduta plenarja u għaldaqstant ma tistax tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

32

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut, il-qrati nazzjonali għandhom il-fakultà l-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, EU:C:1974:3, punt 3), b’din il-fakultà tittrasforma ruħha f’obbligu għall-qrati li jagħtu l-aħħar deċiżjoni, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 21 u d-dispożittiv). Regola ta’ dritt nazzjonali ma tistax ixxekkel lil qorti nazzjonali, skont il-każ, milli tagħmel użu mill-imsemmija fakultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, EU:C:1974:3, punt 4; Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 42, kif ukoll Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 27) jew milli tikkonforma ma’ dan l-obbligu.

33

Kemm din il-fakultà kif ukoll dan l-obbligu huma, fil-fatt, inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, u inerenti għall-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fdati minn din id-dispożizzjoni lill-qrati nazzjonali.

34

Konsegwentement, meta qorti nazzjonali, adita b’kawża, tqis li, fil-kuntest tagħha, tqajmet kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, din għandha l-fakultà jew l-obbligu, skont il-każ, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, mingħajr ma din il-fakultà jew dan l-obbligu jkunu jistgħu jixxekklu minn regoli nazzjonali ta’ natura leġiżlattiva jew ġurisprudenzjali.

35

F’dan il-każ, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma tistax ixxekkel awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni, ikkonfrontata bi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 89/665, milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali sa fejn din hija interpretata fis-sens li, f’dak li jikkonċerna kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, meta awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni ma tkunx taqbel mal-orjentazzjoni ddefinita minn deċiżjoni tas-seduta plenarja ta’ din il-qorti, għandha tibgħat din il-kwistjoni lura lill-imsemmija seduta plenarja u għaldaqstant din ma tistax tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

Fuq it-tieni u t-tielet partijiet

37

Permezz tat-tieni u tat-tielet partijiet tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, wara li tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda li taqa’ taħt l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tkun għamlitilha jew meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat tweġiba ċara għal din il-kwistjoni, din għandhiex, hija stess, tagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi implementata.

38

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li sentenza mogħtija b’mod preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja hija vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali, fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara s-sentenza Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali li ssodisfat, bħala qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni, l-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha, jekk ikun il-każ, twarrab il-ġurisprudenza nazzjonali li hija tikkunsidra mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 30).

39

Għandu wkoll jitfakkar li l-effettività tal-Artikolu 267 TFUE tiddgħajjef li kieku l-qorti nazzjonali kellha tinżamm milli tapplika immedjatament id-dritt tal-Unjoni b’mod konformi mad-deċiżjoni jew mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 20).

40

Il-qorti nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, anki jekk tkun sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, fl-ewwel lok, is-sentenzi Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 2124, kif ukoll, fl-aħħar lok, A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fil-fatt, kull dispożizzjoni, ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha bħala effett li tnaqqas l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika dan id-dritt tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jkunu ta’ ostakolu għall-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-Unjoni, tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 22, kif ukoll A, C-112/13, EU:C:2014:2195, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

B’teħid kont tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet partijiet tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara li tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tkun għamlitilha jew meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat tweġiba ċara għal din il-kwistjoni, awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni għandha, hija stess, tagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi implementata.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li rikors prinċipali ppreżentat minn offerent, li għandu interess li jikseb kuntratt partikolari u li sarlu dannu jew ikun jinsab f’riskju li jsirlu dannu permezz ta’ ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli li jittrasponu dan id-dritt, u intiż għall-esklużjoni ta’ offerent ieħor, jiġi ddikjarat inammissibbli b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali li jipprevedu l-eżami prijoritarju tar-rikors inċidentali ppreżentat minn dan l-offerent l-ieħor.

 

2)

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali sa fejn din hija interpretata fis-sens li, f’dak li jikkonċerna kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, meta awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni ma tkunx taqbel mal-orjentazzjoni ddefinita minn deċiżjoni tas-seduta plenarja ta’ din il-qorti, għandha tibgħat din il-kwistjoni lura lill-imsemmija seduta plenarja u għaldaqstant din ma tistax tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

 

3)

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara li tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tkun għamlitilha jew meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà tat tweġiba ċara għal din il-kwistjoni, awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni għandha, hija stess, tagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi implementata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.