SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Motivi tar-rifjut — Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub — Sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks — Direttiva 2004/48/KE — Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Spejjeż legali”

Fil-Kawża C‑681/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

Diageo Brands BV

vs

Simiramida-04 EOOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, E. Levits, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Diageo Brands BV, minn F. Vermeulen, C. Gielen u A. Verschuur, avukat,

għal Simiramida-04 EOOD, minn S. Todorova Zhelyazkova, аvukat, kif ukoll minn M. Gerritsen u A. Gieske, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Diageo Brands BV (iktar ’il quddiem “Diageo Brands”) u Simiramida-04 EOOD (iktar ’il quddiem “Simiramida”) dwar talba għal kumpens imressqa minn din tal-aħħar għad-danni li ġarrbet minħabba s-sekwestru li sar fuq talba ta’ Diageo Brands fuq oġġetti li kienu destinati għaliha.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru°44/2001

3

Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 44/2001 “[i]l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja f[l-Unjoni Ewropea] tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim”.

4

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, huwa maqsum fi tliet taqsimiet. L-ewwel taqsima, hija stess intitolata “Rikonoxximent”, tinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 33, 34 u 36 ta’ dan ir-regolament.

5

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.”

6

Skont l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament:

“Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:

1)

dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[...]”

7

L-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Sentenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma tista’ tiġi reveduta fuq is sustanza tagħha.”

Id-Direttiva 89/104/KEE

8

L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/104”), ġiet imħassra permezz tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 299, p. 25). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti, id-Direttiva 89/104 tibqa’ rilevanti għall-kawża prinċipali.

9

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

[...]

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)

li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan

b)

li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

c)

jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

[...]”

10

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark” kien jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha relattivament għal merkanzija li tqiegħdet fis-suq fil-Komunità [taż-Żona Ekonomika Ewropea] taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.”

Id-Direttiva 2004/48

11

Il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48 tindika li l-għan tagħha huwa li tqarreb is-sistemi leġiżlattivi tal-Istati Membri “sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intellettwali] fis-suq intern”.

12

Il-premessa 22 ta’ din l-istess direttiva tispeċifika li, minn fost il-miżuri li għandhom joffru l-Istati Membri, “[h]uwa essenzali wkoll li jsiru miżuri proviżorji għat-twaqqif immedjat tal-kontravvenzjonijiet, mingħajr stennija għal deċiżjoni fuq is-sostanza tal-każ [...] u jipprovdu garanziji neċessarji biex jiġu koperti l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lid-difiża b’talba li ma tkunx ġustifikata.”

13

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna “il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, billi jiġi speċifikat li, skont din l-istess dispożizzjoni, l-espressjoni “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” tinkludi id-“drittijiet tal-proprjetà industrijali”.

14

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jindika li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li hija tipprovdi japplikaw “għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat”.

15

Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-Istati Membri għandhom jieħdu għandhom ikunu “effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

16

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/48 jimponi lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jkunu jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, “jordnaw miżuri proviżorji immedjati u effettivi biex tiġi ippreservata l-evidenza rilevanti, fir-rigward tal-kontravvenzjoni allegata”. L-istess dispożizzjoni tippreċiża li dawn il-miżuri jistgħu jinkludu “il-qabda fiżika [is-sekwestru fiżiku] ta’ l-oġġetti li biha saret il-kontravvenzjoni”. Skont l-Artikolu 9(1)(b) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba tar-rikorrenti, “jordnaw il-qabda [is-sekwestru] jew il-konsenja ta’ l-oġġetti suspettati li jikkontravjenu id-dritt tal-proprjetà intellettwali”. L-Artikoli 7(4) u 9(7) tal-istess direttiva jipprovdu li “fejn sussegwentement jinstab li ma kienx hemm l-ebda kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità “li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdi lid-difiża kumpens xieraq għal xi ħsara ikkawżata b’dawk il-miżuri”.

17

Fir-rigward tal-ispejjeż legali, l-Artikolu 14 tal-istess direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Diageo Brands, li s-sede tagħha tinsab f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), hija proprjetarja tat-trade mark “Johnny Walker”. Hija tikkummerċjalizza whisky ta’ din it-trade mark fil-Bulgarija permezz ta’ importatur lokali esklużiv.

19

Simiramida, stabbilita f’Varna (il-Bulgarija), tikkummerċjalizza xorb alkoħoliku.

20

Fil-31 ta’ Diċembru 2007, kontejner ta’ 12096 flixkun tal-whisky tat-trade mark “Johnny Walker”, intiż għal Simiramida, wasal fil-port ta’ Varna minn Ġeorġja.

21

Peress li l-importazzjoni fil-Bulgarija ta’ dan il-lott fliexken mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha jikkostitwixxi ksur tat-trade mark li tagħha hija proprjetarja, Diageo Brands talbet u kisbet, permezz tad-digriet tat-12 ta’ Marzu 2008, l-awtorizzazzjoni ta’ Sofiyski gradski sad (Qorti tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) għall-qbid tal-lott tal-whisky inkwistjoni.

22

Fuq appell ta’ Simiramida, is-Sofiyski apelativen sad (Qorti tal-Appell ta’ Sofia) annullat dan id-digriet fid-9 ta’ Mejju 2008.

23

Permezz tas-sentenzi tat-30 ta’ Diċembru 2008 u tal-24 ta’ Marzu 2009, il-Varhoven kasatsionen sad (Qorti Suprema ta’ kassazzjoni) ċaħdet, minħabba raġunijiet proċedurali, l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn Diageo Brands.

24

Is-sekwestru tal-lott tal-fliexken tal-whisky li sar fuq talba ta’ Diageo Brands ġie rtirat fid-9 ta’ April 2009.

25

Fil-proċedura dwar il-mertu magħmula minn Diageo Brands kontra Simiramida minħabba ksur tat-trade mark li hija proprjetarja tagħha, is-Sofiyski gradski sad, permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010, ċaħdet it-talbiet ta’ Diageo Brands. Din il-qorti ddeċidiet li kien jirriżulta minn sentenza interpretattiva mogħtija minn Varhoven kasatsionen sad fil-15 ta’ Ġunju 2009 li l-importazzjoni fil-Bulgarija ta’ prodotti li tqiegħdu fis-suq barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet mogħtija minnha. Is-Sofiyski gradski sad ikkunsidrat li, skont id-dritt ġudizzjarju Bulgaru, hija kienet marbuta b’din id-deċiżjoni interpretattiva.

26

Diageo Brands ma appellatx minn din is-sentenza tas-Sofiydki gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010, li saret res judicata.

27

Fil-kawża prinċipali, Simiramida titlob lill-qrati Olandiżi sabiex jikkundannaw lil Diageo Brands għall-ħlas, bħala kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba is-sekwestru eżegwit fuq it-talba ta’ din l-aħħar kumpannija, ta’ somma li hija tqis li tammonta għal iktar minn EUR 10 miljun. Simiramida tibbaża t-talba tagħha fuq is-sentenza mogħtija fil-11 ta’ Jannar 2010 mis-Sofiyski gradski sad, peress li din ikkonstatat in-natura illegali ta’ dan is-sekwestru. Fid-difiża tagħha, Diageo Brands issostni li din is-sentenza ma tistax tkun rikonoxxuta fil-Pajjiżi l-Baxxi peress li hija manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Is-Sofiyski gradski sad kienet manifestament applikat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni Ewropea billi bbażat ruħha fuq sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad tal-5 ta’ Ġunju 2009, li hija ivvizzjata bi żball fil-mertu u barra minn hekk, kienet ġiet adottata bi ksur tal-obbligu ta’ din l-aħħar qorti li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

28

Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Marzu 2011, ir-Rechtbank ta’ Amsterdam (Qorti ta’ Amsterdam) laqgħet l-argumenti ta’ Diageo Brands u ċaħdet it-talba ta’ Simiramida.

29

Fuq appell ta’ Simiramida, il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, bidlet is-sentenza tar-Rechtbank ta’ Amsterdam u ddeċidiet li s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 ta’ Sofiyski gradski sad għandha tiġi rrikonoxxuta fil-Pajjiżi l-Baxxi, mingħajr madankollu ma ddeċidiet dwar it-talba għal kumpens tad-danni.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden (Il-Qorti Suprema), li quddiemha Diageo Brands ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza ta’ Gerechtshof te Amsterdam, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Għandu l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat fis-sens li dan il-motiv ta’ rifjut jirrigwarda wkoll il-każ li fih id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini hija manifestament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u li l-imsemmi qorti rrikonoxxiet dan?

2 a)

Għandu l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-parti li tinvoka l-motiv ta’ rifjut li jidher fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma eżerċitat ebda rimedju ġudizzjarju għad-dispożizzjoni tagħha fl-Istat Membru tal-oriġini tad-deċiżjoni jipprekludi li hija tinvoka b’mod utli dan il-motiv ta’ rifjut?

2 b)

Jekk id-domanda 2(a) tingħata risposta affermattiva, ir-risposta tkun differenti jekk l-eżerċizzju ta’ rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-oriġini tad-deċiżjoni kien inutli, peress li għandu jiġi ammess li dan l-eżerċizzju ma kienx iwassal għal deċiżjoni differenti?

3)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis sens li din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll l-ispejjeż li jsiru mill-partijiet fil-kuntest ta’ talba għad-danni fi Stat Membru jekk it-talba u d-difiża jirrigwardaw l-allegata responsabbiltà tal-konvenuta minħabba sekwestri kawtelatorji u notifiki magħmula bil-għan li jiżguraw l-osservanza tad-dritt ta’ trade marks tagħha fi Stat Membru ieħor u li, f’dan ir-rigward, titqajjem il-kwistjoni tar-rikonoxximent fl-ewwel Stat Membru ta’ deċiżjoni mogħtija mill-qorti tat-tieni Stat Membru?”

Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

31

Peress li l-proċedura orali ntemmet fit-3 ta’ Marzu 2015 wara l-preżentata tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Diageo Brands talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali b’ittra tas-6 ta’ Marzu 2015, li ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2015.

32

Insostenn ta’ din it-talba, Diageo Brands issostni fl-ewwel lok li, fil-punti 27 u segwenti tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali kkontesta l-eżattezza tal-premessi li fuqhom il-Hoge Raad der Nederlanden ibbażat id-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, jiġifieri, minn naħa, li jirriżulta mis-sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009, ikkonfermata minn sentenza oħra tas-26 ta’ April 2012, kif ukoll mis-sentenza tas-Sofiyski gradski sad ksur manifest u konxju tal-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-eżerċizzju ta’ rimedju legali quddiem il-Varhoven kasatsionen sad kienet bla sens għal Diageo Brands. Skont din tal-aħħar, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-eżattezza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tkun għadha s-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet, dan id-dibattitu jkun jrid jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju fundamentali ta’ kontradittorju msemmi fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

33

Fit-tieni lok, Diageo Brands issostni li hija ma kellhiex l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet fuq ċerti dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea matul is-seduta.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi u li din il-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn partijiet. Fil-fatt, il-premessi tar-raġunament tal-qorti tar-rinviju li tirreferi għalihom Diageo Brands issemmew u kienu s-suġġett tad-dibattitu kontradittorju matul is-seduta.

36

Fir-rigward tad-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni matul is-seduta, għandu jiġi osservat li dawn ma kinux ġew irreġistrati u li ma jagħmlux parti mill-fajl.

37

Madankollu għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalita u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu l-intervent tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

39

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-fatt li sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru tmur manifestament kontra d-dritt tal-Unjoni u ngħatat bi ksur tal-garanziji proċedurali jikkostitwixxix raġuni għal rifjut tar-rikonoxximent skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk, f’tali kuntest, il-qorti tal-Istat Membru fejn intalbet tali rikonoxximent għandhiex tikkunsidra l-fatt li l-persuna li topponi dan ir-rikonoxximent ma tkunx eżerċitat ir-rimedji ġudizzjarji previsti mil-liġi tal-Istati tal-oriġini.

Osservazzjonijiet preliminari

40

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, jimponi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex jikkunsidraw, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li l-Istati Membri kollha l-oħra jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti minn dan id-dritt (ara f’dan is-sens, l-Avviż 2/13, EU:C:2014:2454, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni li huwa jipprovdi hija bbażata preċiżament fuq il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja tal-Unjoni. Tali fiduċja teħtieġ, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jkunu rikonoxxuti awtomatikament fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 45).

41

F’din is-sistema, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru°44/2001, li jistabbilixxi l-motivi li minħabba fihom jiġi oppost ir-rikonoxximent ta’ sentenza, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv sa fejn jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-imsemmi regolament. Iktar preċiżament fir-rigward tal-użu tal-klawżola ta’ ordni pubbliku, li tinsab fl-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament, dan għandu jsir biss f’każijiet eċċezzjonali (ara s-sentenza Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Konformement għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm, bħala regola, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, skont ir-riserva fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, konformement mal-perċezzjonijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu fl-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (ara s-sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi jipprojbixxu l-istħarriġ tal-mertu ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat fejn tintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza milli tirrifjuta li tirrikonoxxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat fejn tintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza kieku ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat fejn tintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini (ara s-sentenza flyLAL‑Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għandu jsir użu mill-klawżola tal-ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ biss li r-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tolqot is-sistema legali tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudika prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara s-sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi indikati mill-qorti tar-rinviju humiex ta’ natura li jistabbilixxu li r-rikonoxximent tas-sentenza tas-Sofiyski gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010 jikkostitwixxi ksur manifest tal-ordni pubbliku Olandiż fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

46

Dawn l-elementi jirrigwardaw il-ksur, f’din is-sentenza, ta’ regola tad-dritt sostantiv kif ukoll il-ksur, fil-kuntest tal-proċedura li waslet għall-imsemmija sentenza, tal-garanziji proċedurali.

Fuq il-ksur tar-regola tad-dritt sostantiv li tissemma’ fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104

47

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li, meta ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Jannar 2010, li l-importazzjoni fil-Bulgarija ta’ prodotti li tqiegħdu fis-suq barra miż-ŻEE bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet mogħtija minnha, is-Sofiyski gradski sad applikat b’mod manifestament żbaljat l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104.

48

F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-fatt li l-iżball manifest li twettaq mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini jikkonċerna, bħal fil-kawża prinċipali, regola tad-dritt tal-Unjoni, u mhux regola tad-dritt intern, ma jibdilx il-kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun jista’ jistrieħ fuq klawżola tal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura bl-istess effikaċja l-protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Renault, C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 32).

49

Sussegwentement għandu jitfakkar li l-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax, taħt piena li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni ġie applikat b’mod żbaljat. Jeħtieġ, bil-kontra, li jiġi kkunsidrat li, f’dawn il-każijiet, is-sistema ta’ rimedji stabbiliti f’kull Stat Membru, sostnuta mill-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Konsegwentement, il-klawżola tal-ordni pubbliku tapplika biss sa fejn dan l-iżball ta’ liġi jimplika li r-rikonoxximent tas-sentenza kkonċernata fl-Istat fejn din tintalab ikun ifisser ksur manifest ta’ regola ta’ dritt essenzjali fis-sistema legali tal-Unjoni u għalhekk tal-Istat Membru.

51

Issa, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjoni tad-dritt sostantiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104, tagħmel parti minn direttiva li tfittex l-armonizzazzjoni minima bl-għan li tapprossima b’mod parzjali l-leġiżlazzjonijiet differenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-trade marks. Għalkemm huwa minnu li r-rispett tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva lill-proprjetarju tat-trade mark kif ukoll l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar l-eżawriment ta’ dawn id-drittijiet, previsti fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern, dan ma jfissirx li żball fl-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet imur kontra, b’mod inaċċettabbli, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li jippreġudika prinċipju fundamentali ta’ dan l-ordinament.

52

Għal kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt waħdu li s-sentenza mogħtija fil-11 ta’ Marzu 2010 mis-Sofiyski gradski sad hija, skont il-qorti tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent, ivvizzjata minn żball dwar l-applikazzjoni liċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark, kif previsti fid-Direttiva 89/104, ma jistax jiġġustifika li din is-sentenza ma tkunx rikonoxxuta fl-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent, peress li dan l-iżball ma jikkostitwixxix ksur tar-regola tad-dritt essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent.

Fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali

53

F’din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-iżball li sar, fl-opinjoni tagħha, mis-Sofiyski gradski sad joriġina mis-sentenza interpretattiva mogħtija fil-15 ta’ Ġunju 2009 mill-Varhoven kasatsionen sad, fejn din l-aħħar qorti tat interpretazzjoni manifestament żbaljata, iżda li kienet torbot lill-qrati inferjuri, tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104. Il-qorti tar-rinviju żżid li, hemm probabbiltà kbira, li l-Varhoven kasatsionen sad ma setgħetx ma tkunx taf dwar in-natura manifestament żbaljata ta’ din l-interpretazzjoni, peress li diversi membri ta’ din il-qorti kienu, permezz ta’ opinjonijiet kuntrarji, esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar l-imsemmija interpretazzjoni.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt waħdu li, konformement mar-regoli proċedurali fis-seħħ fil-Bulgarija, diversi membri tal-Varhoven kasatsionen sad taw, fis-sentenza interpretattiva inkwistjoni, opinjoni kuntrarja għal dik tal-maġġoranza ma jistax jitqies bħala l-prova ta’ rieda deliberata ta’ din il-maġġoranza li tikser id-dritt tal-Unjoni, iżda bħala li jirrifletti dibattitu li seta’ jwassal b’mod raġonevoli għall-eżami ta’ kwistjoni ta’ liġi kumplessa.

55

Barra minn hekk hemm lok li jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li eżaminat, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija kienet fetħet kontra r-Repubblika tal-Bulgarija, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tas-sentenzi interpretattivi mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad fil-15 ta’ Ġunju 2009 u fis-26 ta’ April 2012. Il-Kummissjoni żiedet li, skont dan l-eżami, hija kkonkludiet li dawn iż-żewġ sentenzi huma konformi mad-dritt tal-Unjoni u tterminat din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

56

Dawn l-opinjonijiet differenti, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu deċiżjoni dwarhom fil-kuntest ta’ din il-kawża, juru, minn tal-inqas, li Varhoven kasatsionen sad ma tistax tiġi kkritikata li wettqet u li imponiet fuq il-qrati inferjuri, ksur manifest ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

57

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, Diageo Brands issostni wkoll li l-qrati Bulgari kisru l-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipju li, fl-opinjoni tagħha, jieħu l-forma ta’ obbligu li tiġi użata l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li huwa espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li Sofiyski gradski sad, li tat is-sentenza li fir-rigward tagħha qiegħed jintalab ir-rikonoxximent, hija qorti fl-ewwel istanza, li s-sentenzi tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju skont id-dritt intern. Għalhekk, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, din il-qorti tista’, iżda ma hijiex obbligata, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar domanda preliminari.

59

Sussegwentement għandu jitfakkar li s-sistema stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE sabiex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura li ma tiddependix mill-inizjattiva tal-partijiet. Għalhekk ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu mill-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tal-bżonn ta’ dan ir-rinviju (sentenza Kelly, C‑104/10, EU:C:2011/506, punti 62 u 63 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

60

Minn dan isegwi li, anki jekk il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104 tqajmet quddiem is-Sofiyski gradski sad, din il-qorti ma kinitx obbligata li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda rigward dan il-punt.

61

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, skont informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tas-Sofiyski gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010 setgħat tkun is-suġġett ta’ appell, li seta’ kien, jekk meħtieġ, segwit b’appell quddiem il-Varhoven kasatsionen sad.

62

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Diageo Brands ma eżerċitatx, kontra l-imsemmija sentenza, ir-rimedji ġudizzjarji li jagħtiha d-dritt nazzjonali. Diageo Brands tiġġustifika n-nuqqas tagħha minħabba l-fatt li dan l-eżerċizzju kien ikun mingħajr sens peress li ma kienx jirriżulta f’sentenza differenti minn qrati superjuri, allegazzjoni li l-qorti tar-rinviju tqis li ma hijiex infondata.

63

Rigward dan il-punt, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ir-regoli dwar ir-rikonoxximent u eżekuzzjoni previsti fir-Regolament Nru 44/2001 huma bbażati fuq fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Hija din il-fiduċja li l-Istati Membri reċiprokament jagħtu lis-sistemi legali tagħhom u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom li tippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema ta’ rimedji stabbiliti f’kull Stat Membru, sostnuta mill-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża (ara punt 49 ta’ din is-sentenza).

64

Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistrieħ fuq l-idea fundamentali li l-partijiet fil-kawża huma obbligati, bħala prinċipju, li jużaw ir-rimedji kollha li huma disponibbli skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jirrendu diffiċli ħafna jew impossibbli l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ. Din ir-regola hija iktar u iktar iġġustifikata meta l-ksur allegat tal-ordni pubbliku jirriżulta, bħal fil-kawża prinċipali, minn ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni.

65

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi invokati minn Diageo Brands fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ użu tar-rimedji ġudizzjarji li kienu disponibbli għaliha, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-fajl li ma jistax jiġi eskluż li, fid-deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Jannar 2010, is-Sofiyski gradski sad kienet applikat b’mod żbaljat is-sentenza interpretattiva adottata fil-15 ta’ Ġunju 2009 minn Varhoven kasatsionen sad. Issa, li kieku Diageo Brands kienet appellat minn din is-sentenza, tali żball, jekk jiġi preżunt li kien sar, seta’ jiġi kkoreġut mill-qorti tal-appell. Fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar kien ikollha s-setgħa, f’każ ta’ dubju dwar il-mertu tal-evalwazzjoni fid-dritt ta’ Varhoven kasatsionen sad, li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni involuta f’din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 27).

66

Fit-tieni lok, li kieku ġie ppreżentat appell quddiem il-Varhoven kasatsionen sad, din il-qorti, bħala qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kienet tkun, bħala prinċipju, obbligata li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li kieku kien hemm dubju dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 35). Ommissjoni li ma hijiex iġġustifikata min-naħa ta’ din il-qorti li tissodisfa dan l-obbligu kienet tirriżulta li tirrendi responsabbli lir-Repubblika tal-Bulgarija konformement mar-regoli stabbiliti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 50 u 59).

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-qrati Bulgari kienu manifestament kisru l-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas li Diageo Brands kienet ġiet imċaħħda mill-protezzjoni ggarantita mis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji implementata minn dan l-Istat Membru, kif ikkompletata mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li sentenza mogħtija fi Stat Membru tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma jiġġustifikax il-fatt li din is-sentenza ma tiġix rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor minħabba li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat fejn l-iżball ta’ liġi invokat ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Unjoni u għalhekk fis-sistema legali tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dawn is-sistemi legali. Tali ma huwiex il-każ ta’ żball li jinfluwenza l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104.

Meta qed tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza, il-qorti ta’ dan l-Istat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, ħlief għal każijiet partikolari li jrendu wisq diffiċli jew impossibbli l-użu tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ.

Fuq it-tielet domanda

69

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, skont liema l-parti li tkun tilfet għandha, bħala regola ġenerali, tħallas l-ispejjeż tal-parti rebbieħa, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għall-ispejjeż legali tal-partijiet fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, imressqa fi Stat Membru, bħala kumpens għad-dannu kkawżat minħabba fis-sekwestru li twettaq fi Stat Membru ieħor, li kien intiż li jipprevjeni ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, meta, fil-kuntest ta’ din il-kawża għad-danni, tqum il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru l-ieħor li tiddikjara li l-imsemmi sekwestru huwa inġustifikat.

70

Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit jekk il-proċedura fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48.

71

Kif inhuwa stabbilit fil-premessa 10, l-għan tad-Direttiva 2004/48 huwa li tqarreb is-sistemi leġiżlattivi tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

72

Għal dan il-għan, u konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji kollha neċessarji biex tiżgura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika li dawn il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji japplikaw għal kull ksur ta’ dawn id-drittijiet, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

73

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għal-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi li jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali eżistenti (ara s-sentenza ACI Adam BV et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Jirriżulta mill-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48 li r-rimedji intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma kompletati mill-kawżi għad-danni li huma marbuta mill-qrib magħhom. Għalhekk, filwaqt li l-Artikoli 7(1) u 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdu għall-miżuri konservattivi u provviżorji intiżi, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu kull ksur imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, li jinkludi b’mod partikolari s-sekwestru tal-prodotti ssuspettati li jiksru tali dritt, l-Artikoli 7(4) u 9(7) tal-imsemmija direttiva jipprovdu, min-naħa tagħhom, għall-miżuri li jippermettu lill-konvenut jitlob għall-kumpens fil-każ fejn jidher sussegwentement li ma kienx hemm ksur jew theddida ta’ ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Kif jirriżulta mill-premessa 22 ta’ din l-istess direttiva, dawn il-miżuri għal kumpens jikkostitwixxu garanziji li l-leġiżlatur ikkunsidra neċessarji inkambju għal miżuri provviżorji rapidi u effiċjenti li huwa jipprovdi l-eżistenza tagħhom.

75

F’dan il-każ, il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala għan il-kumpens għad-dannu kkawżat minħabba fis-sekwestru li l-ewwel nett kien ġie ordnat mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membru sabiex jipprevjeni kull ksur imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, sussegwentement ġie annullat minn dawn l-istess awtoritajiet minħabba li ma kinitx ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ ksur, tikkostitwixxi konsegwenza tal-kawża mressqa mill-proprjetarju tad-dritt tal-proprjetà intellettwali sabiex jikseb miżura b’effett immedjat li ppermettietlu, mingħajr ma jistenna għal deċiżjoni dwar il-mertu, li jipprevjeni kull ksur eventwali għad-dritt tiegħu. Tali kawża għal kumpens tikkorrispondi għall-garanziji previsti mid-Direttiva 2004/48 favur il-konvenut, inkambju tal-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li influwenzat l-interessi tiegħu.

76

Minn dan isegwi li proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48.

77

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi tevita li parti leża taqta’ qalbha milli tiftaħ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet li tissalvagwardja d-drittijiet tagħha (ara s-sentenza Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 48).

78

Fid-dawl ta’ dan l-għan kif ukoll tal-formulazzjoni wiesgħa u ġenerali tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li jirreferi għall-“parti rebbieħa” u għall-“parti li tkun tilfet”, mingħajr ma jipprovdi dettalji u mingħajr ma jiffissa limiti dwar it-tip ta’ proċedura li skontha għandha tiġi applikata din ir-regola, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika għall-ispejjeż legali fil-kuntest ta’ kull proċedura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

79

F’dan ir-rigward, il-fatt li, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni tan-natura ġġustifikata jew inġustifikata tas-sekwestru inkwistjoni tqajjem il-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent jew ir-rifjut milli tiġi rikonoxxuta sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor huwa irrilevanti. Tali kwistjoni hija anċillari u ma tibdilx l-għan tal-kawża.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għall-ispejjeż legali tal-partijiet fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, imressqa fi Stat Membru, bħala kumpens għad-dannu kkawżat minħabba fis-sekwestru li twettaq fi Stat Membru ieħor, li kien intiż li jipprevjeni ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, meta, fil-kuntest ta’ din il-kawża għad-danni, tqum il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru l-ieħor li tiddikjara li dan is-sekwestru huwa inġustifikat.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li sentenza mogħtija fi Stat Membru tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma jiġġustifikax il-fatt li din is-sentenza ma tiġix rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor minħabba li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat fejn l-iżball ta’ liġi invokat ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Unjoni u għalhekk fis-sistema legali tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dawn is-sistemi legali. Tali ma huwiex il-każ ta’ żball li jinfluwenza l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

Meta qed tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza, il-qorti ta’ dan l-Istat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, ħlief għal każijiet partikolari li jrendu wisq diffiċli jew impossibbli l-użu tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ.

 

2)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għall-ispejjeż legali tal-partijiet fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, imressqa fi Stat Membru, bħala kumpens għad-dannu kkawżat minħabba fis-sekwestru li twettaq fi Stat Membru ieħor, li kien intiż li jipprevjeni ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, meta, fil-kuntest ta’ din il-kawża għad-danni, tqum il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru l-ieħor li tiddikjara li dan is-sekwestru huwa inġustifikat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.