Kawża C‑593/13

Presidenza del Consiglio dei Ministri et

vs

Rina Services SpA et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE, 51 TFUE u 56 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 14 — Kumpanniji responsabbli għall-verifika u għaċ-ċertifikazzjoni tal-osservanza min-naħa tal-impriżi li jwettqu xogħlijiet pubbliċi tal-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-uffiċċju rreġistrat ta’ dawk il-kumpanniji jkun jinsab fl-Italja”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Ġunju 2015

  1. Libertà ta’ stabbiliment — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Kunċett — Attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tal-osservanza min-naħa tal-impriżi li jwettqu xogħlijiet pubbliċi tal-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Esklużjoni

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE)

  2. Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi fis-suq intern — Direttiva 2006/123 — Rekwiżiti pprojbiti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali — Inammissibbiltà

    (Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2006/123, Artikoli 3(3) u 14)

  1.  L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment, stabbilita f’din id-dispożizzjoni, ma tapplikax għall-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni eżerċitati mill-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni.

    Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija kumpanniji huma impriżi bi skop ta’ lukru li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u li ma għandhom ebda setgħa deċiżjonali relatata mal‑eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tal-imsemmija kumpanniji ma jikkostitwixxux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE.

    B’mod iktar partikolari, il-verifika tal-kapaċità teknika u finanzjarja tal-impriżi suġġetti għaċ-ċertifikazzjoni, tal-veraċità u tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, taċ-ċertifikati u tad-dokumenti ppreżentati mill-persuni li lilhom jinħarġilhom iċ-ċertifikat kif ukoll taż-żamma tal-kundizzjonijiet relattivi għas-sitwazzjoni personali tal-kandidat jew tal-offerent ma tistax titqies li hija attività li taqa’ fi ħdan l-awtonomija deċiżjonali inerenti fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, peress li din il-verifika hija totalment determinata mill-kuntest leġiżlattiv nazzjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija verifika titwettaq taħt sorveljanza Statali diretta u hija għandha l-funzjoni li tiffaċilita l-kompitu tal-awtoritajiet kontraenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, peress li l-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawn tal-aħħar iwettqu l-missjoni tagħhom b’għarfien preċiż u ddettaljat tal-kapaċità kemm teknika kif ukoll finanzjarja tal-offerenti.

    (ara l-punti 19, 20, 22 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni għandu jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali.

    Fil-fatt, dan l-artikolu jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għall-osservanza ta’ wieħed mir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafi 1 sa 8 tagħha, billi jeżiġi li huma jeliminaw dawn ir-rekwiżiti b’mod prijoritarju u sistematiku. L-imsemmija rekwiżiti ma jistgħux jiġu ġġustifikati. Għaldaqstant, minn naħa, mit-titolu tal-imsemmi artikolu jirriżulta li r-rekwiżiti elenkati fil-paragrafi 1 sa 8 tiegħu huma “ipprojbiti”. Barra minn hekk, xejn fil-kliem ta’ dan l-artikolu ma jindika li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ tali rekwiżiti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Min-naħa l-oħra, is-sens ġenerali tad-Direttiva 2006/123 huwa bbażat, għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment, fuq distinzjoni ċara bejn ir-rekwiżiti pprojbiti u dawk suġġetti għal evalwazzjoni. Filwaqt li dawk tal-ewwel huma rregolati mill‑Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, dawk tat-tieni huma suġġetti għar-regoli previsti fl-Artikolu 15 tagħha.

    Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2006/123, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw rekwiżit ipprojbit mill‑Artikolu 14 ta’ din id-direttiva fuq il-bażi tad-dritt primarju tneħħi kwalunkwe effett utli ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar billi timmina, b’mod definittiv, l-armonizzazzjoni mfittxija li din id-direttiva stabbilixxiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprekludix li l-Artikolu 14 tagħha jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti pprojbiti elenkati f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jistgħux jiġu ġġustifikati. Fil-fatt, tali projbizzjoni mingħajr ebda possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni hija intiża sabiex tiżgura l-eliminazzjoni sistematika u rapida ta’ ċerti restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jaffettwaw b’mod serju l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Tali għan huwa konformi mat-Trattat.

    Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 52(1) TFUE jippermetti lill-Istati Membri jiġġustifikaw, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija hemmhekk, miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, dan madankollu ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-adozzjoni ta’ att tad-dritt derivat, bħad-Direttiva 2006/123, li jikkonkretizza libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat FUE, ma jistax jillimita ċerti derogi, iktar u iktar meta, bħal fil-każ ineżami, id-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt derivat ma tkun tagħmel xejn ħlief tirriproduċi ġurisprudenza stabbilita li tgħid li rekwiżit bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jinvokaw.

    (ara l-punti 26, 28, 30, 31, 37, 39-41 u d-dispożittiv 2)