Kawża C‑580/13

Coty Germany GmbH

vs

Stadtsparkasse Magdeburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali u industrijali — Direttiva 2004/48/KE — Artikolu 8(3)(e) — Bejgħ ta’ oġġetti li jikkontravjenu — Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tawtorizza lill-istituzzjonijiet bankarji jirrifjutaw li jirrispondu b’mod favorevoli għal talba intiża sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar kont bankarju (sigriet bankarju)”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Obbligu li l-Istati Membri jiżguraw, fit-traspożizzjoni tad-direttivi, bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Obbligu li l-Istati Membri ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tkun kunfliġġenti mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali – Dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizza, mingħajr limiti jew kundizzjonijiet, lil istituzzjoni bankarja tinvoka s-sigriet bankarju sabiex tirrifjuta li tipprovdi, fil-kuntest tal-imsemmija azzjoni, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ kont – Inammissibbiltà – Verifikazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-eżistenza, fid-dritt intern ikkonċernat, ta’ mezzi jew rimedji oħra li jippermettu li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw il-produzzjoni tal-informazzjoni neċessarja

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, premessa 17 u l-Artikolu 8(1) u (3)(e))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 33, 34)

  2.  L-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li mingħajr limiti jew kundizzjonijiet tawtorizza lil istituzzjoni bankarja tinvoka s-sigriet bankarju sabiex tirrifjuta li tipprovdi, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ kont.

    Fil-fatt, din l-awtorizzazzjoni mingħajr limitu jew kundizzjonijiet li tippermetti li jiġi invokat is-sigriet bankarju hija ta’ natura li tipprekludi li l-proċeduri previsti fid-Direttiva 2004/48 u l-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jordnaw il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni neċessarja skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn ikun xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-ksur imwettaq. Minn dan isegwi li tali awtorizzazzjoni tista’ tippreġudika serjament, fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għall-proprjetà intellettwali, u dan għall-benefiċċju tad-dritt li l-persuni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandhom għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernahom, permezz tal-obbligu, għal istituzzjoni bankarja, li tosserva s-sigriet bankarju. Tali dispożizzjoni nazzjonali, ikkunsidrata b’mod iżolat, hija ta’ natura li twassal għal ksur serju tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u, fl-aħħar mill-aħħar, tad-dritt fundamentali għall-proprjetà intellettwali, li d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet għandhom, u li din għalhekk ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali kkontrobilanċati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48.

    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, jekk fid-dritt intern ikkonċernat jeżistux mezzi jew rimedji oħra li jippermettu li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw li l-informazzjoni neċessarja dwar l-identità tal-persuni koperti mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 tiġi pprovduta, skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ, konformement mal-premessa 17 ta’ din id-direttiva.

    (ara l-punti 39-43 u d-dispożittiv)