SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali u industrijali — Direttiva 2004/48/KE — Artikolu 8(3)(e) — Bejgħ ta’ oġġetti li jikkontravjenu — Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tawtorizza lill-istituzzjonijiet bankarji jirrifjutaw li jirrispondu b’mod favorevoli għal talba intiża sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar kont bankarju (sigriet bankarju)”

Fil-Kawża C‑580/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 276 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Coty Germany GmbH

vs

Stadtsparkasse Magdeburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

Wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Coty Germany GmbH, minn M. Fiebig, avukat,

għal Stadtsparkasse Magdeburg, minn N. Gross, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2

Din il-kawża tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Coty Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Coty Germany”), kumpannija detentriċi ta’ drittijiet għall-proprjetà intellettwali, u istituzzjoni bankarja, is-Stadtsparkasse Magdeburg (iktar ’il quddiem “Stadtsparkasse”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tipprovdi lil Coty Germany informazzjoni dwar kont bankarju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 10, 13, 15, 17 u 32 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandha tħalli l-inventur jew il-kreatur li jikseb profitt leġittimu mill-invenzjoni jew il-kreazzjoni tiegħu/tagħha. Għandha tħalli wkoll it-tixrid l-aktar wiesa’ possibbli tax-xogħlijiet, idejat u tagħrif ġdid. Fl-istess ħin, ma għandix tfixkel il-libertà ta’ l-espressjoni, il-moviment liberu ta’ l-informazzjoni, jew il-protezzjoni ta’ data personali, inkluż [fuq] l-Internet.

[...]

(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[...]

(13)

Huwa neċessarju li ssir definizzjoni ta’ l-għan wiesa’ kemm jista’ jkun ta’ din id-Direttiva ħalli tkopri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità f’dan il-qasam u/jew bil-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat. [...]

[...]

(15)

Din id-Direttiva ma għandiex taffettwa il-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ proċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 fuq kwadru Komunitarju għall-firem elettroniċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 239)] u d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali fuq organiżazzjonijiet li joffru servizzi ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, kummerċ elettroniku, fis-suq intern [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399)].

[...]

(17)

Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.

[...]

(32)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tassigura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, skond l-Artikolu 17(2) [tal-Karta].”

4

Skont l-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2004/48:

“Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

a)

id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 1999/93/KE, jew id-Direttiva 2000/31/KE, in ġenerali u b’mod partikolari fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE.”

5

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

a)

instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

b)

instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

ċ)

instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu;

jew

d)

kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi;

2.   L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

b)

informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

a)

jagħtu d-detentur tad-dritt biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

b)

jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

ċ)

jiggvernaw ir-risponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt ta’ l-informazzjon; [...];

d)

jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali;

jew

e)

jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

6

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

7

L-Artikolu 19 tal-Liġi tat-trade marks (Markengesetz) tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082), kif emendata bil-liġi tad‑19 ta’ Ottubru 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3830, intitolat “Dritt għall-informazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Id-detentur ta’ trade mark jew ta’ isem kummerċjali jista’, fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 14, 15 u 17, jeżiġi li l-kontraventur jipprovdilu immedjatament informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkollhom indikazzjoni illegali.

2.   Fil-każ ta’ ksur manifest jew f’każijiet fejn id-detentur ta’ trade mark jew ta’ isem kummerċjali jkun ippreżenta talba kontra l-kontraventur, id-dritt (bla ħsara għad-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 1) għandu jibqa’ validu wkoll kontra l-persuna li, fuq skala kummerċjali,

1)

kellha fil-pussess tagħha oġġetti li jikkontravjenu;

2.

użat is-servizzi li jikkontravjenu;

3.

ipprovdiet servizzi użati fl-attivitajiet li jikkontravjenu, jew

4.

skont id-data pprovduta minn xi waħda mill-persuni msemmija fil-punti 1, 2 jew 3, tkun ipparteċipat fil-produzzjoni, fil-manifattura jew fid-distribuzzjoni ta’ dawn l-oġġetti jew fil-forniment ta’ tali servizzi,

sakemm dik il-persuna ma tkunx awtorizzata tirrifjuta li tixhed fil-proċedura kontra l-kontraventur skont l-Artikoli 383 sa 385 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili [Zivilprozessordnung)]. Jekk quddiem qorti jiġi invokat id-dritt għall-informazzjoni skont l-ewwel sentenza, il-qorti tista’, wara li ssir talba, tissospendi l-kawża kontra l-kontraventur sakemm tiġi solvuta t-tilwima dwar id-dritt għall-informazzjoni. Il-persuna obbligata li tipprovdi informazzjoni tista’ teżiġi li l-persuna leża tikkumpensaha għall-ispejjeż sostnuti għall-provvista tal-imsemmija informazzjoni.

[...]”.

8

L-Artikolu 383 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fil-5 ta’ Diċembru 2005 (BGBl. 2005 I, p. 3202), intitolat “Rifjut li tingħata xhieda għal raġunijiet personali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Huma awtorizzati li jirrifjutaw li jixhdu:

[...]

6.

dawk il-persuni li minħabba l-kariga, il-professjoni jew l-okkupazzjoni tagħhom jiġu fdati fatti li, min-natura tagħhom jew permezz ta’ dispożizzjoni legali, għandhom jinżammu kunfidenzjali, u dan biss f’dak li jirrigwarda l-fatti li fir-rigward tagħhom japplika l-obbligu tas-segretezza”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Coty Germany tiffabbrika u tiddistribwixxi l-fwejjaħ u hija detentriċi ta’ liċenzja esklużiva għat-trade mark Komunitarja Davidoff Hot Water, irreġistrata bin-numru 968661, għal artikoli ta’ fwieħa.

10

F’Jannar 2011, Coty Germany xtrat flixkun ta’ fwieħa bit-trade mark Davidoff Hot Water permezz ta’ pjattaforma tal-irkant bl-internet. Hija ħallset il-prezz tal-prodott fil-kont bankarju miftuħ ma Stadtsparkasse pprovdut mill-bejjiegħ.

11

Wara li kkonstatat li kienet xtrat prodott li jikkontravjeni, Coty Germany talbet lil din il-pjattaforma tal-irkant tipprovdilha l-isem veru tad-detentur tal-kont tal-utent tal-imsemmija pjattaforma li minnha kienet inbiegħet il-fwieħa, peress li l-bejgħ kien sar taħt psewdonimu. Il-persuna inkwistjoni ammettiet li kienet id-detentur ta’ dan il-kont, iżda ċaħdet li kienet il-bejjiegħ tal-prodott ikkonċernat u, billi invokat id-dritt li ma tixhidx, irrifjutat li tipprovdi iktar informazzjoni.

12

Coty Germany għalhekk indirizzat lil Stadtsparkasse sabiex, abbażi tal-Artikolu 19(2) tal-Markengesetz, titolbu l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-kont bankarju li fuqu kienet ittrasferiet il-prezz tal-oġġett li jikkontravjeni mixtri. Stadtsparkasse, billi invoka s-sigriet bankarju, irrifjuta li jipprovdilha din l-informazzjoni.

13

Coty Germany ressqet kawża quddiem il-Landgericht Magdeburg (qorti reġjonali ta’ Magdeburg), li ordnat lil Stadtsparkasse jagħti l-informazzjoni mitluba.

14

Stadtsparkasse appellat quddiem l-Oberlandesgericht Naumburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Naumburg), li min-naħa tagħha annullat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza peress li qieset li t-talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni kkonċernata ma kinitx fondata fid-dawl tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(2) tal-Markengesetz.

15

Fil-fatt, l-Oberlandesgericht Naumburg qieset li għalkemm s-servizzi pprovduti minn Stadtsparkasse, f’dan il-każ kont kurrenti, kienu ntużaw sabiex tiġi eżerċitata l-attività li tikkontravjeni, l-iStadtsparkasse, inkwantu istituzzjoni bankarja, kellu d-dritt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(2) tal-Markengesetz, moqrija flimkien mal-Artikolu 383(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, li jirrifjuta li jixhed fil-kuntest ta’ proċedura ċivili.

16

L-imsemmija qorti qieset li din id-deċiżjoni ma kinitx ikkonfutata mill-interpretazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw fid-dawl tad-Direttiva 2004/48.

17

Coty Germany ressqet rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) fejn żammet it-talbiet tagħha. Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari tal-Artikolu 8 tagħha, il-Bundesgerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ bħal dak ineżami fil-kawża prinċipali, tawtorizza lil stabbiliment bankarju jinvoka s-sigriet bankarju sabiex jirrifjuta li jipprovdi, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tal-proprjetarju ta’ kont”?

Fuq l-ammissibbiltà

18

L-iStadtsparkasse teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi ssostni li l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ma hijiex irregolata bid-Direttiva 2004/48, iżda mid-dritt nazzjonali biss, peress li t-talba għal informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tressqitx fi proċedura relatata ma ksur tad-dritt għall-proprjetà intellettwali iżda tirrigwarda l-każ ta’ ksur manifest tad-drittijiet marbuta ma trade mark Komunitarja. Issa, tali każ ma huwiex kopert mid-Direttiva 2004/48.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, li talba għal informazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura dwar ksur manifest tad-drittijiet marbuta ma trade mark taqa’ tabilħaqq taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48.

20

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-premessa 13 tad-Direttiva 2004/48, li tgħid li huwa neċessarju li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi ddefinit bl-iktar mod wiesa’ possibbli sabiex jinkludi d-drittijiet għall-proprjetà intellettwali kollha koperti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk għandu jitqies li din id-direttiva hija wkoll applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura dwar ksur tad-drittijiet marbuta ma trade mark Komunitarja.

21

Għaldaqstant it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tawtorizza lil istituzzjoni bankarja tinvoka s-sigriet bankarju sabiex tirrifjuta li tipprovdi, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ kont.

23

L-ewwel nett, minn kliem l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-kuntest ta’ passi legali kontra ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporzjonali tar-rikorrent, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu jordnaw li l-informazzjoni dwar l-oriġini u dwar in-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jiksru dritt għall-proprjetà intellettwali tiġi pprovduta mill-persuna li tinstab li qed tipprovdi fuq skala kummerċjali, servizzi użati fil-kuntest ta’ attivitajiet li jikkontravjenu.

24

Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, li tgħid li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f’din id-direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’tali mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt għall-proprjetà intellettwali u, fejn ikun xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-ksur imwettaq.

25

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tagħha huwa applikabbli bla ħsara għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji oħra li jirregolaw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ informazzjoni jew it-trattament tad-data personali.

26

Huwa paċifiku li istituzzjoni bankarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tkun koperta mill-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/48. Huwa wkoll paċifiku li l-komunikazzjoni, minn tali istituzzjoni bankarja, tal-isem u tal-indirizz ta’ wieħed mill-klijenti tagħha tikkostitwixxi trattament ta’ data personali, kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva 95/46.

27

Dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza li istituzzjoni bankarja ma tikkomunikax l-informazzjoni mitluba fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, billi tinvoka s-sigriet bankarju, tista’ għalhekk taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48.

28

L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/48 moqri flimkien mal-Artikolu 8(3)(e) tal-istess direttiva, jeżiġu l-osservanza ta’ diversi drittijiet. Fil-fatt, għandhom jiġu osservati, minn naħa, id-dritt għall-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

29

Id-dritt għall-informazzjoni li minnu jibbenefika rikorrent fil-kuntest ta’ azzjoni dwar ksur tad-dritt għall-proprjetà tiegħu huwa għalhekk intiż, fil-qasam ikkonċernat, li jagħmel applikabbli u li jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta u li b’dan il-mod jiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għall-proprjetà li jinkludi d-dritt għall-proprjetà intellettwali protett fl-Artikolu 17(2) tagħha. Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ drittijiet fundamentali jikkostitwixxi strument neċessarju għall-protezzjoni tat-tieni wieħed.

30

Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, li minnu jibbenefikaw il-persuni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, jifforma parti mid-dritt fundamentali li kull persuna għandha li d-data personali li tikkonċernaha tiġi protetta, hekk kif jiggarantixxu l-Artikolu 8 tal-Karta u d-Direttiva 95/46.

31

Fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, mill-premessa 32 tad-Direttiva 2004/48, jirriżulta li din tal-aħħar tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti fil-Karta. B’mod partikolari, din id-direttiva tfittex li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-proprjetà intellettwali, skont l-Artikolu 17(2) tal-Karta.

32

Fl-istess ħin, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2004/48 u mill-premessi 2 u 15 tal-istess direttiva, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ma għandiex tostakola, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tad-data personali b’tali mod li d-Direttiva 2004/48 ma tistax, b’mod partikolari, taffettwa d-Direttiva 95/46.

33

Għalhekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem il-kwistjoni tal-bżonn li jiġu rrikonċiljati eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet fundamentali, jiġifieri, minn naħa, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għall-proprjetà intellettwali kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 65).

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li, fit-traspożizzjoni tad-direttivi, l-Istati Membri jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Sussegwentement, matul l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi għal dawn id-direttivi, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 70).

35

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jispeċifika, b’mod partikolari, li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet, u li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura li twassal għal ksur serju ta’ dritt protett mill-Karta għandha titqies li ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat tali bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu rrikonċiljati (ara, fir-rigward ta’ ordni, is-sentenzi Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punti 48 u 49, kif ukoll Sabam, C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 46 u 47).

36

F’dan il-każ, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tawtorizza lil istituzzjoni bankarja tinvoka s-sigriet bankarju sabiex tirrifjuta li tipprovdi, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/48, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ kont, fejn huwa sottointiż li, għalkemm l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva ċertament ma jirrikonoxxix dritt għall-informazzjoni awtonomu li jista’ jiġi eżerċitat direttament mill-individwi kontra l-kontraventur jew kontra l-persuni msemmija fl-Artikolu 8(1)(a) sa (d) tal-imsemmija direttiva, madankollu huwa jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li din l-informazzjoni tkun tista’ tinkiseb permezz ta’ istruttorja ġudizzjarja.

37

Jidher li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkunsidrata b’mod iżolat, tippermetti tali rifjut b’mod illimitat, peress li l-formulazzjoni tagħha ma tinkludi la kundizzjoni u lanqas speċifikazzjoni, madankollu dan huwa fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

38

Għalhekk, tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, ikkunsidrata b’mod iżolat, tista’ ġġib fix-xejn d-dritt għall-informazzjoni rrikonoxxut fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 u għalhekk hija, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, tali li ma tosservax id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u d-dritt fundamentali għall-proprjetà intellettwali.

39

F’dan ir-rigward, din l-awtorizzazzjoni mingħajr limitu jew kundizzjonijiet li tippermetti li jiġi invokat is-sigriet bankarju hija ta’ natura li tipprekludi li l-proċeduri previsti fid-Direttiva 2004/48 u l-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jordnaw il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni neċessarja skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn ikun xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-ksur imwettaq.

40

Minn dan isegwi li tali awtorizzazzjoni tista’ tippreġudika serjament, fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għall-proprjetà intellettwali, u dan għall-benefiċċju tad-dritt li l-persuni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandhom għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernahom, permezz tal-obbligu, għal istituzzjoni bankarja, li tosserva s-sigriet bankarju.

41

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkunsidrata b’mod iżolat, hija ta’ natura li twassal għal ksur serju tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u, fl-aħħar mill-aħħar, tad-dritt fundamentali għall-proprjetà intellettwali, li d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet għandhom, u li din għalhekk ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti kkontrobilanċati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48.

42

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, jekk fid-dritt intern ikkonċernat jeżistux mezzi jew rimedji oħra li jippermettu li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw li l-informazzjoni neċessarja dwar l-identità tal-persuni koperti mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 tiġi pprovduta, skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ, konformement mal-premessa 17 ta’ din id-direttiva.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li mingħajr limiti jew kundizzjonijiet; tawtorizza lil istituzzjoni bankarja tinvoka s-sigriet bankarju sabiex tirrifjuta li tipprovdi, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ kont.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li mingħajr limiti jew kundizzjonijiet tawtorizza lil istituzzjoni bankarja tinvoka s-sigriet bankarju sabiex tirrifjuta li tipprovdi, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ kont.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.