SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikoli 4 u 13 — Proċedura ta’ insolvenza — Ħlas magħmul wara d-data ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza abbażi ta’ sekwestru magħmul qabel dik id-data — Azzjoni għal revoka kontra att li jippreġudika l-interessi tal-kredituri — Termini ta’ preskrizzjoni, ta’ eżerċizzju tal-azzjoni għal revoka u ta’ dekadenza — Regoli proċedurali tal-azzjoni għal revoka — Liġi applikabbli”

Fil-Kawża C‑557/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2013, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ottubru 2013, fil-kawża

Hermann Lutz

vs

Elke Bäuerle, bħala amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza ta’ ECZ Autohandel GmbH

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. Lutz, minn C. Brändle, Rechtsanwalt,

għal E. Bäuerle, bħala amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza ta’ ECZ Autohandel GmbH, minn W. Nassall, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, kif ukoll minn J. Kemper u D. Kuon, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn G. Skiani u M. Germani, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u F. de Figueiroa Quelhas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2)(m), u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn H. Lutz, residenti fl-Awstrija, u E. Bäuerle, bħala amministratur fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fil-Ġermanja u li jirrigwardaw il-proprjetà ta’ ECZ Autohandel GmbH (iktar ’il quddiem il-“kumpannija debitriċi”), fir-rigward ta’ azzjoni ta’ revoka.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 23 sa 25 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdu:

“(23)

Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.

(24)

L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l-liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.

(25)

Hemm ħtieġa partikolari għal referenza speċjali li tkun differenti mil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti fil-każ tad-drittijiet in rem la darba dawn huma ta’ importanza konsiderevoli għal-ogħti ta’ kreditu. Il-bażi, il-validità u l-firxa ta’ dan id-dritt in rem għandu għalhekk normalment jiġi determinat bi qbil mal-lex situs u m’għandux ikun effettwat bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza]. Il-propjetarju tad-dritt in rem għandu għalhekk ikun jista’ jkompli jinsisti bid-dritt tiegħu ta’ segregazzjoni jew ta’ ftehim separat għal garanzija kollaterali. [...]”

4

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċediment, minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[...]

f)

l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

[...]

m)

ir-regoli dwar in-nullità, l-annulabbilità jew in-nuqqas ta’ esekuzzjoni ta’ atti legali ta’ detriment lill-kredituri kollha.”

5

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi:

“1.   Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] m’għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward l-assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli - it-tnejn assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta’ assi indefiniti bħala massa li jinbidlu minn żmien għal żmien - li jappartieni għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari jfissru:

a)

id-dritt li jiddisponu mill-assi jew li dawn mogħtija u li jakkwistaw sodisfazzjon mill-introjtu ta’ jew id-dħul minn dawk l-assi, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ lien jew ta’ ipoteka;

b)

id-dritt esklussiv li jkollhom talba milqugħa, b’ mod partikolari dritt iggarantit b’lien fir-rigward ta’ talba jew ogħtja ta’ talba bħala garanzija;

[...]

4.   Paragrafu 1 ma għandux jipprekludi azzjonijiet ta’ invalidità, nuqqas ta’ rbit u nuqqas ta’ enforzabilità kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(m).”

6

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000:

“L-Artikolu 4(2) m’għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għal-kredituri kollha tipprovdi prova li:

l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, u

dik il-liġi ma tħallix xi mezz li l-att ikun sfidat fil-każ relevanti.”

7

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 huwa fformulat kif ġej:

“Kreditur li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) jakkwista b’xi meżżi, b’mod partikolari permezz ta’ infurzar, sodisfazzjoni totali jew parzjali tat-talba tiegħu fuq l-assi li jappartienu lid-debitur li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jrodd lura lill-likwidatur dak li jkun akkwista, bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7.”

8

L-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 593/2008, tas‑17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) jipprovdi:

“Il-liġi applikabbli għal kuntratt skond dan ir-Regolament għandha tirregola partikolarment:

[...]

d)

il-modi varji ta’ terminazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet, kif ukoll il-preskrizzjoni ta’ l-azzjonijiet;

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 88 tal-Insolvenzordnung (liġi dwar l-insolvenza), tal‑5 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2866), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“InsO”), jipprovdi:

“Jekk kreditur tal-persuna insolventi, matul ix-xahar preċedenti għal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jew wara din id-data, jikseb permezz ta’ eżekuzzjoni forzata garanzija fuq l-assi tad-debitur li jiffurmaw parti mill-assi totali, il-ftuħ tal-proċedura tirrendi din il-garanzija mingħajr effett.”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 43(1) u (2) tal-Insolvenzordnung (liġi dwar l-insolvenza) (RGBl. 337/1914), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“IO”), jipprovdi:

“(1)   Ir-revoka ma tistax tintalab permezz ta’ kawża […]

(2)   L-azzjoni revokatorja għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, liema terminu huwa wieħed ta’ dekadenza. […]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

ECZ GmbH kienet kumpannija Ġermaniża li s-sede tagħha kienet, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, f’Tettnang (il-Ġermanja). L-għan tagħha kien il-bejgħ ta’ vetturi. Sabiex topera fis-suq Awstrijak, hija kienet tagħmel użu minn sussidjarja stabbilita fi Bregenz (l-Awstrija), li f’dan il-każ kienet il-kumpannija debitriċi. H. Lutz akkwista vettura minn din il-kumpannija iżda, minħabba l-fatt li din il-vettura ma ġietx ikkunsinnata, huwa ppreżenta rikors quddiem il-Bezirksgericht Bregenz (tribunal kantonali ta’ Bregenz), sabiex jiġi rrimborsat il-prezz li huwa kien ħallas lill-imsemmija kumpannija. Fis-17 ta’ Marzu 2008, din il-qorti adottat deċiżjoni li kienet tinkludi ordni ta’ ħlas eżekuttiva kontra din l-istess kumpannija, għal ammont ta’ EUR 9566, minbarra l-interessi.

12

Fit-13 ta’ April 2008, il-kumpannija debitriċi talbet il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza quddiem l-Amtsgericht Ravensburg (tribunal kantonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja).

13

Fl-20 ta’ Mejju 2008, peress li l-Bezirksgericht Bregenz awtorizza l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Marzu 2008 li tordna l-ħlas, tliet kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi miżmuma fi stabbiliment ta’ kreditu stabbilit fl-Awstrija ġew issekwestrati. L-att ta’ sekwestru ġie nnotifikat lil dan l-istabbiliment bankarju fit-23 ta’ Mejju 2008.

14

Fl-4 ta’ Awwissu 2008, l-Amtsgericht Ravensburg fetaħ proċedura ta’ insolvenza kontra l-kumpannija debitriċi.

15

Fis-17 ta’ Marzu 2009, l-istabbiliment bankarju li fi ħdanha seħħ is-sekwestru tal-kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi ħallset lil H. Lutz is-somma ta’ EUR 11778.48. Preċedentement għal din id-data, l-amministratur ta’ dak iż-żmien kien, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2009, indika, lil dan l-istabbiliment bankarju li kien qed jirriżerva l-possibbiltà li jinvoka r-revoka, minħabba l-insolvenza, għal kull ħlas magħmul lill-kredituri tagħha.

16

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ġunju 2009, l-amministratur ta’ dak iż-żmien informa lil H. Lutz li kien qed jinvoka r-revoka tal-eżekuzzjoni forzata li kienet ġiet awtorizzata fl-20 ta’ Mejju 2008 mill-Bezirksgericht Bregenz, kif ukoll il-ħlas magħmul fis-17 ta’ Marzu 2009. Fit‑23 ta’ Ottubru 2009, E. Bäuerle, bħala amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza tal-kumpannija debitriċi, innotifikat lil H. Lutz, permezz ta’ azzjoni għal revoka, fejn talbet ir-reintegrazzjoni fl-assi tas-somma mħallsa lilu fis-17 ta’ Marzu 2009.

17

Il-Landgericht Ravensburg (tribunal reġjonali ta’ Ravensburg) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn E. Bäuerle. H. Lutz ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-Landgericht Ravensburg iżda tilef l-appell. Għalhekk il-parti kkonċernata ressqet appell għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (Qorti federali tal-ġustizzja), fejn sostniet it-talbiet tagħha għaċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors.

18

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tal-appell jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, fl-ipoteżi li din id-dispożizzjoni tkun tapplika għall-fatti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“lex fori concursus”) tiddetermina r-regoli relatati man-nullità, mal-annullament jew man-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kredituri kollha. Madankollu, l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jeskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ fejn il-persuna li bbenefikat minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha jipproduċi l-prova li dan l-att huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura u li din il-liġi f’dan il-każ ma tippermetti b’ebda mezz li dan l-att jiġi kkontestat.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-kawża prinċipali, skont il-lex fori concursus applikabbli, f’dan il-każ l-Artikolu 88 tal-InsO, id-dritt ta’ sekwestru tal-kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi ssir mingħajr effett fid-data ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza kontra din il-kumpannija, peress li dan is-sekwestru ġie awtorizzat u eżerċitat wara t-talba ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura. Il-ħlas tal-ammont issekwestrat fil-kontijiet bankarji li seħħ sussegwentement huwa għaldaqstant ukoll nieqes minn validità.

20

Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont H. Lutz li jinvoka l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kkontestat fir-rigward tad-dritt applikabbli għal dan il-ħlas, jiġifieri d-dritt Awstrijak. Fil-fatt, l-Artikolu 43(2) tal-IO jipprevedi terminu ta’ dekadenza ta’ sena, mid-data ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, għall-preżentata ta’ azzjoni għal revoka. Issa, dan it-terminu ma ġiex osservat fil-kawża prinċipali.

21

Il-qorti ta’ rinviju tosserva li, min-naħa l-oħra, skont id-dritt Ġermaniż, it-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni għal revoka hija ta’ tliet snin u li, fil-kawża prinċipali, dan it-terminu ġie osservat.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, japplika jekk il-ħlas, ikkontestat mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza, ta’ somma ssekwestrata qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza jkun sar biss wara l-ftuħ tal-proċeduri?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l‑eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tapplika wkoll għat-termini ta’ preskrizzjoni, għat-termini għall-eżerċizzju tad-dritt għal revoka u għat-termini ta’ dekadenza previsti mid-dritt tal-Istat fejn l-att ikkontestat jipproduċi l-effetti tiegħu (lex causae)?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, ir-rekwiżiti proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tad-dritt taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandhom jiġu ddeterminati mil-lex causae jew mil-lex fori concursus?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

23

Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, l-applikabbiltà tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għall-ħlas imwettaq lil kreditur wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra d-debitur, abbażi ta’ dritt ta’ sekwestru kkostitwit qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Qabel ma tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn madankollu jistrieħu fuq żewġ premessi li għandhom jiġu eżaminati.

24

Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tfakkar li, għalkemm l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ma jaffettwax id-dritt in rem ta’ kreditur fuq il-beni li jappartjenu lil debitur, l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li “[p]aragrafu 1 ma għandux jipprekludi azzjonijiet ta’ invalidità, nuqqas ta’ rbit u nuqqas ta’ enforzabilità”.

25

Għalhekk, il-qorti ta’ rinviju għaldaqstant tqis impliċitament, l-ewwel nett, li d-dritt ta’ sekwestru bankarju permezz ta’ eżekuzzjoni forzata jikkostitwixxi “dritt in rem” li għandu jiġi protett skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

26

It-tieni nett, l-imsemmija qorti tqis li l-protezzjoni hekk mogħtija tista’ madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000, tiġi eskluża fl-ipoteżijiet u skont il-modalitajiet previsti mil-lex fori concursus. Għalhekk, din l-istess qorti tispeċifika li, peress li d-dritt ta’ sekwestru fuq l-assi bankarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali rriżulta biss wara t-tressiq, fit-13 ta’ April 2008, tat-talba ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza kontra l-kumpannija debitriċi, dan id-dritt, skont l-Artikolu 88 tal-InsO, sar mingħajr effett mid-data ta’ ftuħ, l-4 ta’ Awwissu 2008, ta’ din il-proċedura, fejn il-ħlas li sar lil H. Lutz tal-ammont issekwestrat mill-kontijiet bankarji ta’ din il-kumpannija, li sar fis-17 ta’ Marzu 2009, ma baqax validu.

27

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kwalità ta’ “dritt in rem” ta’ dritt ta’ sekwestru fuq assi bankarji, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 isemmi, fost id-“drittijiet in rem” imsemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, id-dritt esklużiv ta’ rkupru ta’ debitu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 25 tal-imsemmi regolament, il-ġustifikazzjoni, il-validità u l-portata ta’ dritt in rem għandhom normalment jiġu ddeterminati skont il-liġi tal-post fejn dan id-dritt jinsab.

28

Għalhekk, jidher li d-dritt li jirriżulta mis-sekwestru magħmul fuq il-kontijiet bankarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ effettivament jikkostitwixxi “dritt in rem” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, bil-kundizzjoni li dan id-dritt jippreżenta, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali kkonċernat, f’dan il-każ id-dritt Awstrijak, karattru esklużiv fir-rigward tal-kredituri l-oħra tal-kumpannija debitriċi, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti ta’ rinviju.

29

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt li jirriżulta mis-sekwestru magħmul fuq il-kontijiet bankarji fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li jikkostitwixxi “dritt in rem” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, sarx mingħajr effett skont id-dritt minħabba l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza kontra l-kumpannija debitriċi, huwa minnu li l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament jippermetti l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament biss fil-każ ta’ “azzjoni” għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà msemmija fl-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000.

30

Madankollu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferiment, li jinsab fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, għall-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000, għall-“azzjonijiet” għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa limitat għall-azzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja biss. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara’ flimkien mal-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel riferiment b’mod ġenerali “regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit [annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità” u mhux biss “għall-azzjonijiet” għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nullità, l-annullament jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ att jistgħux jirriżultaw minn azzjoni ġudizzjarja, minn att ġuridiku ieħor jew ukoll b’effett tal-liġi, wieħed għandu jirreferi għal-lex fori concursus, kompetenti sabiex jiġu ddeterminati, b’applikazzjoni ta’ dan l-istess Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000, ir-regoli relatati man-nullità, mal-annullament jew man-nuqqas ta’ infurzabbiltà.

31

F’dan l-aħħar rigward, għandu jingħad ukoll li, filwaqt li l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi li l-lex fori concursus jiddetermina r-regoli relatati man-nullità, mal-annullament jew man-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kredituri kollha, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, li għalih jirreferi H. Lutz, jammetti eċċezzjoni għal din ir-regola, peress li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(m) tal-imsemmi regolament u jistabbilixxi l-kompetenza tal-liġi li għaliha huwa suġġett l-att ikkontestat mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“lex causae”), meta ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti. Għaldaqstant jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun b’mod li tippermetti lil din tal-aħħar tivverifika wkoll jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 tal-InsO u, għaldaqstant, id-dekadenza ipso jure tas-sekwestru tal-kontijiet bankarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultawx esklużi minħabba l-applikazzjoni, skont dan l-Artikolu 13 ta’ dan l-istess Regolament Nru 1346/2000, tad-dritt Awstrijak.

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha l-ħlas, ikkontestat minn amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza, ta’ somma ta’ flus issekwestrat preċedentement għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza seħħ biss wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma tinkludi ebda restrizzjoni li għandha bħala effett li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu skont id-data li fiha jintervjeni l-att li jikkawża preġudizzju kkonċernat.

34

Madankollu, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi eċċezzjoni għar-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija l-lex fori concursus. Din l-eċċezzjoni, li għandha bħala għan, hekk kif tiddikjara l-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, li tipproteġi l-aspettattivi leġittimi u s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet fi Stat differenti minn dak tal-ftuħ tal-proċedura, għandha tiġi interpretata strettament, u l-portata tagħha ma tistax tmur lilhinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

35

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 fis-sens li japplika wkoll għall-atti li seħħew wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza jmur lilhinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi u s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet fi Stati differenti minn dak tal-ftuħ tal-proċedura. Fil-fatt, mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, il-kredituri tad-debitur ikkonċernat ikunu f’pożizzjoni li jipprevedu l-effetti tal-applikazzjoni tal-lex fori concursus fuq ir-relazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom mad-debitur. Għaldaqstant bħala prinċipju ma jistgħux jippretendu, hekk kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jibbenefikaw minn protezzjoni msaħħa.

36

Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma huwiex, bħala prinċipju, applikabbli għall-atti li jseħħu wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

37

Minkejja l-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti, għandu jiġi osservat li l-att li kien suġġett għall-azzjoni għal revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ il-ħlas magħmul fis-17 ta’ Marzu 2009 favur H. Lutx, jista’ jseħħ abbażi ta’ dritt in rem, jiġifieri dritt ta’ sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi. Issa, peress li dan id-dritt ta’ sekwestru ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza kontra l-kumpannija debitriċi, dan l-att jista’ jibbenefika, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000, minn protezzjoni partikolari.

38

Fil-fatt, hekk kif tiddikjara l-premessa 25 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jipprovdi rabta partikolari għad-drittijiet in rem li tidderoga mil-lex fori concursus, peress li dawn id-drittijiet għandhom importanza kunsiderevoli għall-għoti ta’ krediti. Skont din l-istess premessa, persuna li għandha dritt in rem, ikkostitwita preċedentement għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, għandha għalhekk tkun tista’ tkompli tinvoka, sussegwentement għal dan il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, id-dritt tiegħu li joħroġ il-garanzija mill-assi.

39

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza “m’għandux jaffettwa” d-drittijiet in rem li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Evidentement, din ir-regola hija intiża, b’mod partikolari, sabiex kreditur ikun jista’ jinvoka, b’mod effettiv, u dan anki wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, dritt in rem ikkostitwit qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura.

40

Issa, sabiex kreditur ikun jista’ jinvoka b’mod effettiv id-dritt in rem tiegħu, huwa indispensabbli li dan il-kreditur ikun jista’ jipproċedi, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, għat-twettiq ta’ dan id-dritt, bħala prinċipju b’applikazzjoni tal-lex causae. B’hekk l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jippreżenta l-partikolarità li ma huwiex biss intiż li jipproteġi atti mwettqa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza iżda wkoll u fuq kollox atti li seħħew wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura. F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li għalkemm l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li kreditur li, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, kiseb rimedju totali jew parzjali fir-rigward tal-kreditu tiegħu fuq beni tad-debitur li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura għandu jrodd lura dak li kiseb lill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza, din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li l-kreditur ikkonċernat huwa suġġett għall-obbligu li jrodd lura biss “bla ħsara” b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. B’hekk l-Artikolu 20(1) ta’ dan l-istess regolament ma huwiex rilevanti fil-kawża prinċipali.

41

Konsegwentement, peress li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 isemmi b’mod partikolari atti magħmula wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, bħala prinċipju, ma huwiex applikabbli għall-atti magħmula wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza, ma jistgħux jiġu trasposti għall-ipoteżi li fiha kreditur jipproċedi għat-twettiq ta’ dritt in rem li jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament.

42

Għalhekk, filwaqt li l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament, jawtorizza l-preżentata ta’ azzjoni għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzar ta’ att li għandu bħala għan it-twettiq ta’ dritt in rem wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati, sabiex jiggarantixxu effettività lill-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, fis-sens li huma ma jeskludux li kreditur jista’ jinvoka l-Artikolu 13 tal-istess regolament sabiex isostni li l-att ikkonċernat huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura u li din il-liġi f’dan il-każ ma tippermettix, b’ebda mezz, li jiġi kkontestat dan l-att.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha l-ħlas, ikkontestat minn amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza, ta’ somma flus issekwestrata preċedentement għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jsir biss wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

Fuq it-tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ eċċezzjoni li huwa jistabbilixxi jinkludix ukoll it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini għall-eżerċizzju tal-azzjoni ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti bil-liġi li għaliha huwa suġġett l-att ikkontestat mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“lex causae”).

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li meta l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirreferi għal-lex causae, huwa ma jagħmel ebda distinzjoni bejn it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini ta’ eżerċizzju tal-azzjoni ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza.

46

It-tieni nett, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 12(1)(d) tar-Regolament Ruma‑I jipprovdi li l-preskrizzjonijiet u d-dekadenzi bbażati fuq l-iskadenza ta’ terminu huma rregolati mil-“liġi applikabbli għal kuntratt”, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għall-azzjonijiet għal revoka li jaqgħu taħt l-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament Nru 1346/2000. Fil-fatt, dawn l-aħħar artikoli jikkostitwixxu lex specialis b’rabta mar-Regolament Ruma-I u għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1346/2000.

47

Għalhekk, peress li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ natura sostantiva u dawk ta’ natura proċedurali u, b’mod partikolari, ma jinkludi ebda kriterju li jippermetti li minn fost it-termini jiġu identifikati dawk ta’ natura proċedurali, il-klassifikazzjoni ta’ terminu bħala wieħed ta’ natura proċedurali jew ta’ natura sostantiva għandu neċessarjament isir fir-rigward tal-lex causae.

48

Madankollu, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, għalkemm l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 kellu jiġi interpretat fis-sens li t-termini kkwalifikati mil-lex causae bħala termini ta’ natura proċedurali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, din l-interpretazzjoni tagħti lok għal diskriminazzjoni arbitrarja skont il-mudelli teoretiċi kkunsidrati mill-Istati Membri. Barra minn hekk, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hijiex il-lex fori concursus jew il-lex causae li għandha tiddetermina jekk terminu huwiex ta’ natura proċedurali jew sostantiv, l-imsemmija interpretazzjoni taostakola kjarament applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ eċċezzjoni li huwa jistabbilixxi jinkludi wkoll it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini ta’ eżerċizzju tal-azzjoni ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti mil-lex casusae.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju ta’ azzjoni ta’ revoka humiex iddeterminati mil-lex causae jew mil-lex fori concursus.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma tinkludi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġu esklużi r-regoli proċedurali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

52

Barra minn hekk, bħal ma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli proċedurali jistgħu jkunu ta’ natura sostantiva jew ta’ natura proċedurali. Għalhekk, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt Awstrijakk, l-obbligu, li jinsab fl-Artikolu 43(2) tal-IO, li tiġi ppreżentata azzjoni ta’ revoka f’terminu ta’ sena mid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jista’ mhux biss jitqies li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-prova tal-osservanza ta’ dan it-terminu, iżda wkoll bħala kundizzjoni sostantiva li għaliha huwa suġġett l-eżerċizzju ta’ tali azzjoni.

53

Issa, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 45 sa 48 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jiġu trasposti fil-kuntest tal-eżami tat-tielet domanda, jirriżulta li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ natura materjali u dawk ta’ natura proċedurali.

54

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet proċedurali li għalihom huma suġġetti l-azzjonijiet għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzar ta’ att jistgħu wkoll jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ interessi pubbliċi, bħall-interess li tiġi żgurata pubbliċità suffiċjenti għal dawn l-azzjonijiet bil-għan li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi mhux biss tal-persuni li kontrihom jiġu ppreżentati l-imsemmija azzjonijiet iżda wkoll tat-terzi akkwirenti tal-beni li huma suġġett ta’ dawn l-azzjonijiet. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 24 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-lex fori concursus, inkluża dik prevista fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, għandhom preċiżament l-għan li jipproteġu l-aspettattivi leġittimi u s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet fi Stati differenti minn dak tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

55

Peress li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma‑I, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali, il-kwalifika ta’ regola speċifika bħala regola proċedurali, kif ukoll id-determinazzjoni tal-għanijiet segwiti minn din ir-regola, għandhom għalhekk jirriżultaw mil-lex causae. Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 fis-sens li r-regoli kkwalifikati bħala regoli proċedurali mil-lex causae għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu jwassal, hawnhekk ukoll, għal diskriminazzjoni arbitrarja skont il-mudelli teoretiċi kkunsidrati mill-Istati Membri u tostakola applikazzjoni uniformi ta’ dan l-artikolu.

56

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li r-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-preżentata ta’ azzjoni ta’ revoka huma ddeterminati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, mil-lex causae.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L‑Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha l-ħlas, ikkontestat minn amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza, ta’ somma flus issekwestrata preċedentement għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jsir biss wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

 

2)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ eċċezzjoni li huwa jistabbilixxi jinkludi wkoll it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini ta’ eżerċizzju tal-azzjoni ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti mil-liġi li għaliha huwa suġġett l-att ikkontestat mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza.

 

3)

Ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-preżentata ta’ azzjoni ta’ revoka huma ddeterminati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, mil-liġi li għaliha huwa suġġett l-att ikkontestat mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.