SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 90/232/KEE — Artikolu 2 — Differenzjazzjoni fl-ammont tal-primjum tal-assigurazzjoni skont it-territorju tal-użu tal-vettura”

Fil-Kawża C‑556/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

“Litaksa” UAB

vs

“BTA Insurance Company” SE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UAB “Litaksa”, minn D. Gintautas, avukat,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u A. Svinkūnaitė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), kif emendata bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU L 149, p. 14, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija u tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UAB “Litaksa” (iktar ’il quddiem “Litaksa”), kumpannija tat-trasport bit-triq, u “BTA Insurance Company” SE (iktar ’il quddiem “BTA”), kumpannija tal-assigurazzjoni, dwar ir-rimbors ta’ kumpens imħallas fil-kuntest tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur”) lil vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11), ikkodifikat ħames direttivi li kienu ġew adottati sabiex jiġu approssimati l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur.

4

Madankollu, billi l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/103, il-qafas ġuridiku rilevanti jibqa’ dak ikkostitwit minn dawn il-ħames direttivi, b’mod partikolari dak tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), u tat-Tielet Direttiva.

L-Ewwel Direttiva

5

Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-vjaġġaturi bejn l-Istati Membri, l-Ewwel Direttiva implementat sistema bbażata, minn naħa, fuq it-tneħħija tal-kontroll tal-karta l-ħadra tal-assigurazzjoni waqt it-tranżitu tal-fruntieri interni tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, fuq l-obbligu għal kull Stat Membru li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi tkun koperta minn assigurazzjoni.

6

Għal dan l-għan, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu [...] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert [tkun koperta] minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li l-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni jkopri wkoll:

skond il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew inġurja kkawżata fit-territorju ta’ dawk l-Istati[,]

[...]”

It-Tielet Direttiva

7

Is-sitt, is-seba’, it-tnax u t-tlettax-il premessa tat-Tielet Direttiva huma fformulati kif ġej:

“Billi kwalunkwe inċertezza li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkun imneħħija; billi il-poloz kollha ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi għandhom ikopru it-territorju kollu tal-[Unjoni];

Billi fl-interessi tal-parti assigurata, kull polza ta’ l-assigurazzjoni għandha, aktar minn hekk, tiggarantixxi għal premium wieħed, f’kull Stat Membru, il-koperti [il‑kopertura] meħtieġa mil-liġi tiegħu jew il-koperta [il-kopertura] meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ fejn il-vettura tkun normalment ibbażata, meta dik il-kopertura tkun akbar;

[...]

Billi [l-Ewwel Direttiva u t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3)] għandhom, invista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet kollha, ikunu ssupplementati b’manjiera uniformi;

Billi din iż-żieda, li twassal għal protezzjoni akbar għall-partijiet assigurati u għall-vittmi ta’ l-aċċidenti, tkun tiffaċilita dejjem aktar il-qsim trans-fruntieri tal-[Unjoni] u b’hekk l-istabbiliment u l-funzjonar tas-suq intern; billi, għalhekk, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandu jittieħed bħala bażi[.]”

8

L-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva jistipula li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-poloz kollha ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja [tal-vetturi bil-mutur] [...]:

[jagħtu] kopertura, abbażi ta’ prijmjum wieħed u matul l-iskadenza kollha tal-kuntratt, it-territorju kollu tal-[Unjoni], inkluż għal kwalunkwe perjodu meta l-vettura tibqa’ fl-Istati Membri oħra matul it-terminu tal-kuntratt, u

[jiggarantixxu], fuq l-istess bażi ta’ l-istess premium wieħed, f’kull Stat Membru, il-koperta [il-kopertura] meħtieġa mil-liġi tiegħu jew il-koperta [il-kopertura] meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ fejn il-vettura tkun normalment ibbażata, meta dik il-kopertura tkun akbar.”

Id-dritt Litwan

9

L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi (Transporto priemonių valdytojų civilinės atsakomybės privalomojo draudimo įstatymas), tal-14 ta’ Ġunju 2001 (Žin., 2004, Nru 100-3718), intitolat “Applikazzjoni territorjali ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni” fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“Wara l-ħlas tal-primjum wieħed (globali), il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vettura li normalment tkun ibbażata fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja jew il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-fruntiera għandu jagħti, matul iż-żmien kollu tal-kuntratt, inkluż għal kull perijodu meta l-vettura tkun fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea matul iż-żmien tal-kuntratt, f’kull Stat Membru, il-kopertura meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, jew il-kopertura li tirriżulta minn din il-liġi, meta din tkun ikbar. Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vettura li normalment tkun ibbażata fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja, li fir-rigward tagħha tinħareġ il-karta l-ħadra, jagħti wkoll kopertura tal-assigurazzjoni fl-Istati barranin indikati fuq din il-karta l-ħadra.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fl-24 ta’ Novembru 2008, Litaksa u BTA kkonkludew żewġ kuntratti ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur intiżi li jkopru r-responsabbiltà ċivili ta’ Litaksa fir-rigward tal-użu ta’ żewġ vetturi proprjetà tagħha, għall-perijodu mill-25 ta’ Novembru 2008 sal-24 ta’ Novembru 2009. Fil-kuntratti kkonċernati ġie stipulat li dawn il-vetturi kellhom jintużaw biss għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija fit-territorju Litwan. Barra minn hekk, dawn il-kuntratti kienu jobbligaw lil Litaksa, fil-każ fejn hija kellha l-intenzjoni tuża l-imsemmija vetturi għal iktar minn perijodu ta’ 28 jum fi Stat Membru ieħor jew sabiex tittrasporta persuni jew merkanzija hemmhekk, tinforma lil BTA minn qabel u tħallas il-primjum addizzjonali f’dan ir-rigward.

11

Matul is-sena 2009, iż-żewġ vetturi proprjetà ta’ Litaksa kienu involuti f’inċidenti tat-traffiku fir-Renju Unit u fil-Ġermanja mingħajr ma Litaksa kienet iddikjarat ma’ BTA minn qabel l-intenzjoni tagħha li tuża dawn il-vetturi f’dawn l-Istati Membri.

12

BTA kkumpensat lill-vittmi ta’ dawn l-inċidenti u sussegwentement, billi qieset li Litaksa ma kinitx osservat il-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li kienu jobbligawha tinformaha bl-intenzjoni tagħha li tuża l-vetturi tagħha fi Stat Membru ieħor, adixxiet lill-Kauno miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Kaunas) sabiex Litaksa tiġi kkundannata tirrimborsaha nofs il-kumpens imħallas lill-vittmi.

13

Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Lulju 2012, il-Kauno miesto apylinkės teismas laqgħet it-talba ta’ BTA. Billi Litaksa appellat minn din is-sentenza, il-Kauno apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Kaunas), permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Diċembru 2012, minn naħa, annullat parzjalment is-sentenza tal-Kauno miesto apylinkės teismas, għar-raġuni li parti mill-pretensjonijiet ta’ BTA fir-rigward ta’ Litaksa kienu preskritti, u min-naħa l-oħra, ikkonfermat din is-sentenza sa fejn kienet ikkundannat lil Litaksa tħallas lil BTA għall-pretensjonijiet rimanenti, wara li rrilevat, bħall-Kauno miesto apylinkės teismas, li l-ksur tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur seta’ jiġġustifika li jintalab rimbors parzjali tal-kumpens imħallas mill-assiguratur mingħand il-persuna assigurata. Għaldaqstant, Litaksa appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Qorti Suprema tal-Litwanja).

14

Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżami tal-appell ippreżentat minn Litaksa jeħtieġ li tingħata deċiżjoni minn qabel dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-partijiet f’kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur jistgħux jiftiehmu li japplikaw primjum differenti skont jekk il-vettura li tkun is-suġġett tal-kuntratt hijiex intiża li tintuża biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn din il-vettura tkun normalment ibbażata jew fit-territorju kollu tal-Unjoni.

15

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva jeżiġi li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur ikunu jkopru, abbażi ta’ primjum wieħed, it-territorju kollu tal-Unjoni. Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-differenzjazzjoni fl-ammont tal-primjum skont it-territorju li fih tintuża l-vettura tmurx kontra dan l-artikolu. Fil-fatt, minkejja li tali differenzjazzjoni ma taffettwax il-kumpens tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku, peress li dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati irrispettivament mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ dan l-inċident, din tista’ tinjora l-interess tal-persuna assigurata li l-protezzjoni tagħha tidher li tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva. Fil-fatt, jeżisti riskju li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur ma jkoprix it-territorju kollu tal-Unjoni, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jekk l-assiguratur ikun jista’, fil-każ ta’ inċident li jkun seħħ fi Stat Membru li ma huwiex dak imsemmi fil-kuntratt, idur fuq il-persuna assigurata sabiex jirkupra parti mill-kumpens imħallas lill-vittmi. Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk differenzjazzjoni fl-ammont tal-primjum skont it-territorju li fih tintuża l-vettura tippreġudikax l-għan ta’ moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni, imfittex mill-Ewwel u mit-Tielet Direttivi, kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 2 [tat-Tielet Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki jekk ma jipprovdu għal ebda restrizzjoni fuq il-kopertura tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-vittma, il-partijiet f’kuntratt ta’ [assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur] ma jistgħux jiftiehmu li jirrestrinġu l-portata ġeografika tal-kopertura tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-persuna assigurata (li japplikaw primjum ta’ assigurazzjoni differenti skont it-territorju li fih tintuża l-vettura – fit-territorju sħiħ tal-Unjoni jew biss fil-Litwanja), jiġifieri li jipprovdu li l-użu tal-vettura barra mill-fruntieri Litwani fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni huwa fattur li jżid ir-riskju assigurat, li jagħti lok għall-ħlas ta’ primjum komplementari?

2)

Il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni u tal-vetturi fl-Unjoni kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza (ta’ nondiskriminazzjoni) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ftehim bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ [assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur], kif deskritt iktar ’il fuq, li jistabbilixxi rabta bejn ir-riskju assigurat u t-territorju li fih tintuża l-vettura?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “primjum wieħed”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, primjum li jvarja skont jekk il-vettura assigurata hijiex intiża li tintuża biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn din il-vettura tkun normalment ibbażata jew fit-territorju kollu tal-Unjoni.

18

Skont l-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-poloz kollha ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur ikunu jkopru, abbażi ta’ primjum wieħed u matul iż-żmien kollu tal-kuntratt, it-territorju kollu tal-Unjoni, inkluż kull perijodu li fih il-vettura tkun fi Stati Membri oħra matul iż-żmien tal-kuntratt. Barra minn hekk, dejjem skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dawn il-poloz jiggarantixxu, abbażi ta’ dan l-istess primjum wieħed, f’kull Stat Membru, il-kopertura meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-vettura tkun normalment ibbażata meta din tal-aħħar tkun ikbar.

19

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva jirriżulta li l-poloz kollha ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur għandhom joffru, inkambju għall-ħlas ta’ primjum wieħed, kopertura tal-assigurazzjoni valida għat-territorju kollu tal-Unjoni.

20

L-obbligu li għandhom l-Istati Membri huwa, barra minn hekk, imsaħħaħ mill-ħtieġa, imsemmija f’dan l-istess Artikolu 2, li tgħid li din il-kopertura għandha tibqa’ valida matul iż-żmien kollu tal-kuntratt, inkluż meta l-vettura tissoġġorna fi Stati Membri li ma humiex dak li fih tkun normalment ibbażata.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk polza ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali fejn, inkambju għall-ħlas, mill-persuna assigurata, tal-primjum inizjali, l-assiguratur jimpenja ruħu li jikkumpensa l-vittmi ta’ inċidenti li jinvolvu l-vettura assigurata, irrispettivament mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu seħħew dawn l-inċidenti, iżda jista’ jdur fuq il-persuna assigurata sabiex jikseb ir-rimbors ta’ nofs il-kumpens imħallas meta l-imsemmija inċidenti jseħħu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak fejn il-vettura inkwistjoni tkun normalment ibbażata.

22

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva, dwar il-primjum wieħed u dwar il-portata territorjali tal-kopertura tal-assigurazzjoni, jirrigwardawx biss ir-relazzjonijiet bejn l-assiguratur u l-vittma jew anki dawk bejn l-assiguratur u l-persuna assigurata.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (sentenzi Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punt 23, u Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 42).

24

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-Tielet Direttiva taqa’ fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-Ewwel Direttiva u intiża għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur.

25

Permezz ta’ din is-sistema, il-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuq kull Stat Membru l-obbligu li jiżgura li, bla ħsara għal eċċezzjonijiet iddefiniti b’mod ċar, kull proprjetarju jew detentur ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu għandu jikkonkludi ma’ kumpannija ta-assigurazzjoni kuntratt sabiex jiggarantixxi, tal-inqas fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili tiegħu fir-rigward tal-imsemmija vettura (sentenza Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punt 28).

26

F’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mit-tnax u t-tlettax-il premessa tagħha, it-Tielet Direttiva kkompletat b’mod uniformi, partikolarment, l-Ewwel Direttiva billi hija intiża li ssaħħaħ mhux biss il-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-użu ta’ vettura iżda wkoll dik tal-persuni assigurati, kif ukoll li tiffaċilita dejjem iktar it-tranżitu tal-fruntieri interni tal-Unjoni u għaldaqstant l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

27

Skont is-seba’ premessa tat-Tielet Direttiva, huwa b’mod partikolari fl-interess tal-persuna assigurata li l-Istati Membri huma obbligati jieħu l-miżuri neċessarji sabiex kull polza ta’ assigurazzjoni tiggarantixxi, permezz ta’ primjum wieħed f’kull Stat Membru, il-kopertura meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tagħhom jew il-kopertura meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-vettura tkun normalment ibbażata, meta din tal-aħħar tkun ikbar.

28

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata, b’mod ġeneralment aċċettat, mill-fatt li l-assiguratur jinkariga ruħu, permezz tal-ħlas minn qabel ta’ primjum, li jipprovdi lill-persuna assigurata, fil-każ ta’ twettiq tar-riskju kopert, is-servizz miftiehem matul il-konklużjoni tal-kuntratt (sentenzi CPP, C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 17, u Skandia, C‑240/99, EU:C:2001:140, punt 37).

29

Fid-dawl ta’ tali kuntest u ta’ tali għanijiet, għandu jitqies li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva, dwar il-primjum wieħed u dwar il-portata territorjali tal-kopertura tal-assigurazzjoni, jirrigwardaw mhux biss ir-relazzjonijiet bejn l-assiguratur u l-vittma iżda wkoll dawk bejn l-assiguratur u l-persuna assigurata. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw li, inkambju għall-ħlas, mill-persuna assigurata, tal-primjum wieħed, l-assiguratur, bħala prinċipju, jieħu r-responsabbiltà tar-riskju li jikkumpensa lill-vittmi ta’ inċident eventwali li jinvolvi lill-vettura assigurata, u dan irrispettivament mill-Istat Membru tal-Unjoni li fit-territorju tiegħu tintuża din il-vettura jew fejn iseħħ dan l-inċident.

30

Minn dan isegwi li, primjum li jvarja skont jekk il-vettura assigurata hijiex intiża li tintuża biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn din il-vettura tkun normalment ibbażata jew fit-territorju kollu tal-Unjoni ma jikkorrispondix għall-kunċett ta’ “primjum wieħed” fis-sens tal-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva. Fil-fatt, tali varjazzjoni twassal, kuntrarjament għal dak li jipprevedi dan l-artikolu, sabiex l-impenn tal-assiguratur li jieħu r-responsabbiltà tar-riskju li jirriżulta mill-użu tal-imsemmija vettura barra mill-Istat Membru fejn din il-vettura tkun normalment ibbażata jkun suġġett għall-ħlas ta’ primjum addizzjonali.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li primjum li jvarja skont jekk il-vettura assigurata hijiex intiża li tintuża biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn din il-vettura tkun normalment ibbażata jew fit-territorju kollu tal-Unjoni ma jikkorrispondix għall-kunċett ta’ “primjum wieħed” fis-sens ta’ dan l-artikolu.

Fuq it-tieni domanda

32

Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, għandu jkun interpretat fis-sens li primjum li jvarja skont jekk il-vettura assigurata hijiex intiża li tintuża biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn din il-vettura tkun normalment ibbażata jew fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea ma jikkorrispondix għall-kunċett ta’ “primjum wieħed” fis-sens ta’ dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.