SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttivi 89/665/KEE u 2004/18/KE — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza — Rabta tal-offerent magħżul mal-esperti tal-awtorità kontraenti — Obbligu li din ir-rabta tittieħed inkunsiderazzjoni — Oneru tal-prova tal-parzjalità ta’ espert — Assenza ta’ effett ta’ tali parzjalità fuq ir-riżultat finali tal-evalwazzjoni — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Kontestazzjoni tal-kriterji astratti ta’ għoti — Kjarifika ta’ dawn il-kriterji wara l-komunikazzjoni tar-raġunijiet eżawrjenti ta’ għoti tal-kuntratt — Livell ta’ konformità tal-offerti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi bħala kriterju ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C‑538/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il‑Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

eVigilo Ltd

vs

Priešgaisrinės apsaugos ir gelbėjimo departamentas prie Vidaus reikalų ministerijos,

sostnut minn:

“NT Service” UAB,

“HNIT-Baltic” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal eVigilo Ltd, minn J. Puškorienė, avukat,

għall-Priešgaisrinės apsaugos ir gelbėjimo departamentas prie Vidaus reikalų ministerijos, minn R. Baniulis, bħala aġent,

għal “NT Service” UAB u “HNIT-Baltic” UAB, minn D. Soloveičikas, avukat,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u K. Dieninis kif ukoll minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Paraskevopoulou u V. Stroumpouli, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), kif ukoll tal-Artikolu 2, l-Artikolu 44(1), u l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn eVigilo Ltd (iktar ’il quddiem “eVigilo”) u l-Priešgaisrinės apsaugos ir gelbėjimo departamentas prie Vidaus reikalų ministerijos (Dipartiment ġenerali tan-nar u ta’ sokkors fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) dwar l-evalwazzjoni tal-offerti ta’ offerenti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.”

4

Il-premessi 2 u 46 tad-Direttiva 2004/18 huma fformulati kif ġej:

“(2)

L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. Dawn il-disposizzjonijiet kordinati għandhom għalhekk jiġu interpretati skond ir-regoli imsemmija aktar qabel u l-prinċipji u regoli oħra tat-Trattat.

[...]

(46)

Kuntratti għandhom jiġu assenjati fuq il-bażi ta’ kriterja oġġettiva li tassigura konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, bla diskriminazzjoni u trattament ugwali u li tiggarantixxi illi l-offerti huma assessjati fuq il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. Bħala riżultat, huwa xieraq li tħalli l-applikazzjoni ta’ kriterja fuq l-għoti lil tnejn biss: ‘l-inqas prezz’ u ‘l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament’.

Biex tassigura konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-għoti tal-kuntratti, huwa xieraq li tistipula obbligazzjoni – stabbilita b’każ legali [bil-ġurisprudenza] – biex tassigura t-trasparenza neċessarja sabiex tgħin lil dawk kollha li jitfgħu l-offerti biex ikunu infurmati tajjeb fuq il-kriterji u l-arranġamenti li se jkunu applikabbli biex tiġi identifikata l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament. Għalhekk hija r-responsabbilità ta’ l-awtoritajiet kuntrattwali li jindikaw il-kriterja għall-għoti tal-kuntratt u l-importanza relevanti mgħotija lil kull kriterja f’ħin biżżejjed għal dawk li jitfgħu l-offerta ħalli jkunu konxju tagħhom meta jkunu qed jippreparaw l-offerti tagħhom. [...]

Fejn l-awtoritajiet kuntrattwali jagħżlu li jassenjaw il-kuntratt għall-offerta [li hija l-i]ktar vantaġġjuża ekonomikament, huma għandhom jassessjaw l-offerti fl-ordni biex jiddeterminaw liema waħda toffri l-aħjar valur għall-flus. Sabiex isir dan, huma għandhom jiddeterminaw il-kriterji ekonomiċi u ta’ kwalità li, jekk teħodha sħiħa, tista’ tkun possibli li tiġi determinata l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament għall-awtorità kuntrattwali [awtorità kontraenti]. Id-determinazzjoni ta’ dawn il-kriterji tiddependi fuq l-oġġett tal-kuntratt peress illi tħalli l-livell ta’ l-esekuzzjoni mgħoti minn kull offerta biex tiġi assessjata fid-dawl ta’ l-oġġett tal-kuntratt, kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet Tekniċi, u l-valur tal-flus ta’ kull offerta tiġi mkejjla.

[...]”

5

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

6

L-Artikolu 44(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji imniżżlin fl-Artikoli 53 u 55, jittieħed akkont l-Artikolu 24, wara li l-adattabilità ta’ operaturi ekonomiċi mhux eklużi taħt l-Artikoli 45 u 46 ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] skont il-kriterji ta’ permessi ekonomiċi u finanzjarji, ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52, u, fejn xieraq, mar-regoli non-diskriminatorji u kriterji li sar riferiment għalihom fil-paragrfu 3.”

7

L-Artikolu 53(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-ħlas għal ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom jibbażaw l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi għandhom ikunu jew:

a)

meta l-għotja tingħata lil offerta [li hija l-i]ktar vantaġġuża ekonomikament skond l-opinjoni ta’ l-awtoritajiet kontrattwanti, kriterji varji marbutin mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni, per eżempju, kwalità, prezz, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, karattersitiċi ambjentali, spejjeż rikorrenti, effett ta’ spiża, servizz ta’ wara l-bejgħ u għajnuna teknika, data tal-konsenja u perjodu ta’ konsenja jew perjodu ta’ tlestija”.

Id-dritt Litwan

8

L-Artikolu 2(17) tal-Liġi Nru VIII-1210, tat-13 ta’ Awwissu 1996, dwar il-kuntratti pubbliċi (Žin., 1996, Nru 84-2000), (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”), jipprevedi li:

“Dikjarazzjoni ta’ imparzjalità’: dikjarazzjoni bil-miktub, ta’ membru tal-kummissjoni tal-kuntratti pubbliċi jew ta’ espert, li tiċċertifika li dawn huma imparzjali fir-rigward tal-offerenti.”

9

L-Artikolu 16(5) ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“Kull membru tal-kummissjoni tal-kuntratti pubbliċi u kull espert jistgħu biss jipparteċipaw fix-xogħlijiet tal-imsemmija kummissjoni wara li jkunu ffirmaw dikjarazzjoni ta’ imparzjalità u impenn ta’ kunfidenzjalità.”

10

L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, intitolat “Prinċipji fundamentali tal-għoti ta’ kuntratti u l-osservanza tagħhom”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu li:

“L-awtorità kontraenti għandha tiżgura li, matul il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u l-attribuzzjoni tal-kuntratt, il-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza jiġu osservati.”

11

L-Artikolu 90 ta’ din l-istess liġi jipprovdi li:

“Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-offerti mwettqa skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(7) ta’ din il-liġi, il-provvisti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet għandhom jinxtraw mingħand l-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jew li jkun ippropona l-inqas prezz. Matul l-għoti ta’ kuntratti ta’ provvisti, ta’ servizzi jew ta’ xogħlijiet, l-offerti ppreżentati jistgħu jiġu evalwati abbażi tal-kriterju relatat mal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jew dik bl-inqas prezz, jew abbażi tal-kriterji relatati mas-suġġett tal-kuntratt li jiġu stabbiliti fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti tal-awtorità kontraenti u li ma jistgħux jillimitaw b’mod żbaljat u parzjalment l-aċċess tal-offerenti għall-kuntratt u lanqas ma jistgħu jagħtu aċċess privileġġat lil ċerti offerenti, bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi.”

12

L-Artikolu 39(7) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ bejn l-1 ta’ Settembru 2009 u t-2 ta’ Marzu 2010, jipprovdi li:

“Bl-għan li tittieħed deċiżjoni dwar offerta magħżula, l-awtorità kontraenti għandha:

1)

skont il-proċedura u l-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, tevalwa mingħajr dewmien l-offerti tal-offerenti ppreżentati u tistabbilixxi l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom (ħlief jekk offerent wieħed biss jiġi mistieden jippreżenta offerta, jew jekk offerent wieħed biss jippreżenta offerta). Il-klassifikazzjoni preliminari tal-offerti għandha tiġi stabbilita fl-ordni mill-vantaġġ ekonomiku tagħhom l-iktar għoli għal dak l-iktar baxx jew fl-ordni mill-inqas prezz għall-ogħla wieħed. Fil-każijiet fejn il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament tkun tapplika u fejn l-offerti ta’ diversi offerenti jkunu ta’ vantaġġ ekonomiku identiku, matul il-klassifikazzjoni preliminari tal-offerti, għandha tingħata prijorità lill-offerent li l-envelopp tiegħu bl-offerti jkun ġie rreġistrat l-ewwel jew li l-offerta tiegħu tkun ġiet ippreżentata, b’mod elettroniku, l-iktar kmieni. Fil-każijiet fejn il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerti jkun l-inqas prezz propost u fejn diversi offerti jkunu bi prezzijiet identiċi, matul il-klassifikazzjoni preliminari tal-offerti, il-prijorità għandha tingħata lill-offerent li l-envelopp tiegħu bl-offerti jkun ġie rreġistrat l-ewwel jew li l-offerta tiegħu tkun ġiet ippreżentata, b’mod elettroniku, l-iktar kmieni;

2)

tinnotifika mingħajr dewmien lil kull offerent li jkun għamel offerta bil-klassifikazzjoni preliminari tal-offerti u tinnotifika lil kull offerent li l-offerta tiegħu ma tniżżlitx fl-imsemmija klassifikazzjoni, ir-raġunijiet taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, inkluża ċ-ċaħda tal-offerta minħabba n-nuqqas ta’ ekwivalenza jew tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti funzjonali kif ukoll mar-rekwiżiti relatati mad-deskrizzjoni tal-eżekuzzjonijiet mistennija, stabbiliti mill-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 25 ta’ din il-liġi;

3)

tikkonferma l-klassifikazzjoni tal-offerti u tieħu deċiżjoni relatata mal-offerta magħżula biss wara li tkun eżaminat, skont il-proċedura msemmija f’din il-liġi, it-talbiet u r-rikorsi tal-offerenti li jkunu tefgħu offerti (fil-każijiet fejn l-imsemmija rikorsi u talbiet ikunu ġew ippreżentati), iżda tal-inqas wara 10 jiem mill-jum li fih tintbagħat in-notifika tal-klassifikazzjoni preliminari tal-offerti lill-offerenti.”

13

L-Artikolu 39(7) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-2 ta’ Marzu 2010, huwa fformulat kif ġej:

“Bl-għan li tieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha, skont il-proċedura u l-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal-offerti, tevalwa mingħajr dewmien l-offerti magħmula mill-offerenti, tivverifika, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 32(8) ta’ din il-liġi, il-konformità tal-offerent, li l-offerta tiegħu tista’ tingħażel abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni, mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalifikazzjoni, tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-offerti (ħlief jekk offerent wieħed biss jiġi mistieden jippreżenta offerta, jew jekk offerent wieħed biss jippreżenta offerta) u tagħżel offerta. Il-klassifikazzjoni tal-offerti għandha tiġi stabbilita fl-ordni mill-vantaġġ ekonomiku tagħhom l-iktar għoli għal dak l-iktar baxx jew fl-ordni mill-inqas prezz għall-ogħla wieħed tagħhom. Fil-każ fejn il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament ikun applikabbli u l-offerti ta’ diversi offerenti jkunu ta’ vantaġġ ekonomiku identiku jew fil-każijiet fejn il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerti jkun l-inqas prezz u fejn diversi offerti jkunu bi prezzijiet identiċi, matul il-klassifikazzjoni tal-offerti l-prijorità għandha tingħata lill-offerent li l-envelopp tiegħu bl-offerti jkun ġie rreġistrat l-ewwel jew li l-offerta tiegħu tkun ġiet ippreżentata, b’mod elettroniku, l-iktar kmieni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fit-22 ta’ Jannar 2010, l-awtorità kontraenti ppubblikat sejħa għal offerti miftuħa, intitolata “Xiri ta’ sistema ta’ twissija u ta’ informazzjoni tal-popolazzjoni, li tuża l-infrastrutturi tan-netwerks ta’ servizzi pubbliċi ta’ telefonija portabbli tal-offerenti”, li fil-kuntest tagħha eVigilo, flimkien ma’ “ERP” UAB u “Inta” UAB, u konsorzju ieħor kompost minn “NT Service” UAB u “HNIT-Baltic” UAB ippreżentaw l-offerti tagħhom.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, billi l-valur tas-suq fil-kawża pendenti quddiemha kien ta’ LTL 14 998 972.45 (jiġifieri madwar EUR 4 344 002), is-sejħa għal offerti inkwistjoni tikkonċerna xiri li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/18 u 89/665.

16

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-punt 67 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, bħala kriterji ta’ evalwazzjoni hemm imniżżla l-prezz globali tal-imsemmija sistema ta’ twissija, in-numru ta’ operaturi li jipparteċipaw fil-proġett mal-offerent, kif ukoll rekwiżiti ġenerali u funzjonali. Dawn tal-aħħar jinkludu l-ġustifikazzjoni tas-soluzzjoni teknika u arkitetturali kif ukoll id-dettall tal-elementi funzjonali u l-konformità tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u mal-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti, l-integrità u l-kompatibbiltà tas-sistema proposta mal-infrastrutturi informatiċi u tekniċi użati mill-awtorità kontraenti, l-estensjoni tal-possibbiltajiet funzjonali tas-sistema u l-ġustifikazzjoni tagħhom, kif ukoll l-istrateġija ta’ implementazzjoni tal-proġett, l-effikaċja tal-pjan ta’ ġestjoni, id-deskrizzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità u d-deskrizzjoni tat-tim tal-proġett.

17

Il-kummissjoni ta’ sejħa għal offerti tal-awtorità kontraenti, wara li eżaminat l-evalwazzjoni tal-offerti tekniċi mwettqa minn sitt esperti, ikkonfermat ir-riżultati tagħha. Fl-4 ta’ Novembru 2010, l-awtorità kontraenti informat lill-offerenti bir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni.

18

Fit-2 ta’ Novembru 2010, eVigilo ppreżentat l-ewwel rikors dwar il-legalità tal-proċeduri ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt pubbliku, fejn ikkontestat b’mod partikolari n-nuqqas ta’ ċarezza tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

19

Saru xi preċiżazzjonijiet għal dan ir-rikors fl-20 ta’ Diċembru 2010, fejn ġew esposti l-allegati nuqqasijiet tal-evalwazzjoni tal-esperti u n-natura infondata tar-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni.

20

Fil-31 ta’ Jannar 2011, permezz tat-tieni rikors, eVigilo ikkontestat il-legalità tal-azzjonijiet tal-awtorità kontraenti, billi allegat li l-offerta tat-terzi kellha tiġi miċħuda, peress li l-prezz tagħha kien jaqbeż il-livell ta’ finanzjament attribwit lill-proġett inkwistjoni.

21

Fit-8 ta’ Marzu 2011, l-awtorità kontraenti kif ukoll “NT Service” UAB u “HNIT‑Baltic” UAB ikkonkludew il-kuntratt, filwaqt li t-tilwimiet bejn eVigilo u l-awtorità kontraenti kienu għadhom pendenti.

22

Fid-19 ta’ Marzu 2012, eVigilo kkompletat l-ewwel rikors tagħha dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerti, u dan billi ppreċiżat l-argumentazzjoni tagħha dwar in-natura żbaljata tad-definizzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku li jinsab fis-sejħa għal offerti.

23

Fl-10 ta’ April 2012, eVigilo mill-ġdid ikkompletat l-ewwel rikors tagħha u invokat fatti ġodda, marbuta mal-parzjalità tal-esperti li evalwaw l-offerti, li setgħu juru l-eżistenza ta’ relazzjonijiet professjonali bejn dawn tal-aħħar u xi speċjalisti msemmija fl-offerta tat-terzi.

24

Hija sostniet li l-ispeċjalisti msemmija fl-offerta tal-offerenti li ngħataw il-kuntratt kienu, fl-Università teknoloġika ta’ Kaunas (Kauno technologijos universitetas), kollegi ta’ tlieta mis-sitt esperti tal-awtorità kontraenti li fasslu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u evalwaw l-offerti.

25

Ir-rikorsi ta’ eVigilo ġew miċħuda mill-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell.

26

Permezz tal-appell tagħha fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas, eVigilo tindika li l-imsemmija qrati evalwaw b’mod żbaljat ir-rabtiet bejn l-ispeċjalisti msemmija mill-offerenti li ngħataw il-kuntratt u l-esperti maħtura mill-awtorità kontraenti. Huma jsostnu wkoll li, għalhekk, dawn il-qrati ma ħadux inkunsiderazzjoni l-parzjalità tal-esperti.

27

Barra minn hekk, eVigilo ssostni li l-awtorità kontraenti adottat kriterji astratti ħafna ta’ evalwazzjoni tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, b’mod partikolari dak tal-“kompatibbiltà mal-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti”, liema kriterju kellu effett fuq l-offerti tal-offerenti, kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tagħhom mill-awtorità kontraenti. Hija ssostni li kien possibbli għaliha li tifhem il-kriterji ta’ għoti tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament biss meta l-awtorità kontraenti kkomunikatilha r-raġunijiet eżawrjenti ta’ rifjut tal-għoti tal-kuntratt. Għaldaqstant, huwa biss minn din il-komunikazzjoni li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kellu jibda jiddekorri.

28

Skont l-awtorità kontraenti u l-offerenti li ngħataw il-kuntratt, il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell ġustament ikkonstataw li eVigilo kienet marbuta turi mhux biss rabtiet oġġettivi eżistenti bejn l-ispeċjalisti tal-offerenti li ngħataw il-kuntratt u l-esperti li evalwaw l-offerti, iżda wkoll li tagħti prova ta’ fatt suġġettiv ta’ parzjalità tal-esperti. Huma jsostnu wkoll li eVigilo kkontestat il-legalità tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament b’mod tardiv.

29

L-awtorità kontraenti u l-offerenti li ngħataw il-kuntratt jikkontestaw ukoll l-affermazzjoni li l-imsemmija kriterji ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku ġew iddefiniti b’mod mhux xieraq, peress li, sa tmien it-terminu għall-preżentata tal-offerti, eVigilo ma kkontestathomx u ma talbitx sabiex dawn jiġu spjegati.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni [...] fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [89/665], li jipprevedi l-prinċipji ta’ effikaċja u ta’ ħeffa fir-rigward tal-protezzjoni tal-offerenti mill-ksur tad-drittijiet tagħhom, kif ukoll l-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18] li jipprevedi l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza, kif ukoll l-Artikoli 44(1) u 53(1)(a) ta’ din id-direttiva, li jipprevedu l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt lill-offerent li jkun ippreżenta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, flimkien jew separatament (iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet) għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li:

a)

għal offerent li jkun sar jaf b’eventwali rabta sinjifikattiva ta’ offerent ieħor ma’ esperti maħtura mill-awtorità kontraenti li tkun evalwat l-offerti u (jew) li jkun sar jaf bis-sitwazzjoni partikolari eventwali ta’ dan l-offerent minħabba xogħol prepatorju mwettaq qabel marbut mas-sejħa għal offerti inkwistjoni, u meta l-awtorità kontraenti ma ħadet l-ebda azzjoni fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, din l-informazzjoni waħedha hija suffiċjenti sabiex issostni talba li l-awtorità ta’ reviżjoni tirrikonoxxi l-illegalità tal-azzjonijiet tal-awtorità kontraenti mingħajr ma żgurat ruħha mit-trasparenza u l-oġġettività tal-proċeduri, u mingħajr ma jintalab li r-rikorrenti tipprova konkretament il-parzjalità tal-aġir tal-esperti[;]

b)

meta l-awtorità ta’ reviżjoni, wara li tkun ikkonstatat il-fondatezza tal-ilment imsemmi hawn fuq tar-rikorrenti, tiddikjara ruħha fuq l-effetti [ta’ tali illegalità] fuq ir-riżultati tas-sejħa għal offerti, ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti kienu jkunu essenzjalment l-istess fl-assenza ta’ evalwaturi parzjali fost l-esperti li evalwaw l-offerti[;]

c)

l-offerent jifhem [finalment] il-kontenut tal-formulazzjoni tal-kriterji tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, previsti b’mod astratt fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt skont parametri kwalitattivi (pereżempju l-kompletezza jew il-kompatibbiltà mal-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti), li fir-rigward tagħhom huwa seta’ essenzjalment jippreżenta offerta, biss meta, skont dawn il-kriterji, l-awtorità kontraenti tkun [diġà] evalwat l-offerti tal-offerenti u pprovdiet lill-persuni kkonċernati b’informazzjoni eżawrjenti dwar il-motivi tad-deċiżjonijiet adottati, u li huwa biss minn dan il-mument li t-termini ta’ preskrizzjoni tal-proċedura ta’ reviżjoni previsti mid-dritt nazzjonali jistgħu japplikaw għal dan l-offerent?

2)

L-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva [2004/18], li japplika skont il-prinċipji ta’ għoti tal-kuntratti previsti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti ma tistax tipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti (u tapplikahom) skont liema r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-offerenti jiddependu fuq kemm l-offerenti wrew b’mod eżawrjenti li l-offerti tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, jiġifieri, li iktar ma offerent jiddeskrivi b’mod eżawrjenti (estensiv) il-konformità tal-offerta tiegħu mal-ispeċifikazzjonjiet tal-kuntratt, iktar l-offerta tiegħu tingħata punti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda

31

Permezz tal-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikoli 2, 44(1), u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li l-illegalità tal-evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti tiġi kkonstatata mis-sempliċi fatt li l-offerent li jingħata l-kuntratt kellu rabtiet sinjifikattivi ma’ esperti maħtura mill-awtorità kontraenti li evalwat l-offerti, mingħajr ma jiġu evalwati elementi oħra tal-proċedura inkluża ċ-ċirkustanza li l-parzjalità possibbli ta’ dawn l-esperti ma kellhiex impatt fuq id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt u mingħajr ma l-offerent eskluż jintalab jagħti prova konkreta tal-parzjalità ta’ dawn l-esperti.

32

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti [għoti ta’ kuntratti]”, “[l-]awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti”.

33

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni sana u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 110, u Cartiera dell’Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 44).

34

L-obbligu ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi l-korollarju tiegħu, essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ ċerti offerenti jew ta’ ċerti offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, EU:C:2004:236, punt 111, u Cartiera dell’Adda, EU:C:2014:2345, punt 44).

35

Kunflitt ta’ interessi jinkludi r-riskju li l-awtorità kontraenti pubblika tippermetti li tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet li ma humiex relatati mal-kuntratt inkwistjoni u li tingħata preferenza lil offerent minħabba dan il-fatt biss. Tali kunflitt ta’ interessi għaldaqstant jista’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18.

36

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-awtorità kontraenti ħatret esperti li jaġixxu fuq mandat tagħha sabiex jevalwaw l-offerti mitfugħa ma jneħħix ir-responsabbiltà tagħha li tosserva r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 23).

37

Il-konstatazzjoni tal-parzjalità ta’ espert b’mod partikolari tirrikjedi l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet kontraenti u tal-awtoritajiet ta’ kontroll amministrattivi jew ġudizzjarji.

38

Għandu jiġi osservat li la d-Direttiva 89/665 u lanqas id-Direttiva 2004/18 ma jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet ta’ proċedura amministrattiva u dawk tal-proċedura ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili previsti għall-ħarsien ta’ drittijiet taħt l-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza Club Hotel Loutraki et, C‑145/08 u C‑149/08, EU:C:2010:247, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’mod partikolari, il-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti leżi mid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività tad-Direttiva 89/665 [ara s-sentenza Uniplex (UK), C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata].

41

Bħala regola ġenerali, dawn il-prinċipji ma jipprekludux li, fl-Istati Membri, il-parzjalità ta’ espert tkun tista’ tiġi stabbilita abbażi biss ta’ sitwazzjoni oġġettiva sabiex wieħed jipprevjeni kull riskju li l-awtorità kontraenti pubblika tippermetti li tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet li ma humiex relatati mal-kuntratt inkwistjoni li, minn dan il-fatt biss, jistgħu jagħtu preferenza lil offerent.

42

Għal dak li jikkonċerna r-regoli ta’ prova f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’ugwaljanza, b’mod nondiskriminatorju u għandhom jaġixxu bi trasparenza. Minn dan jirriżulta li jingħatalhom rwol attiv fl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

43

Billi dan id-dmir jikkorrispondi għall-essenza stess tad-direttivi dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara s-sentenza Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 45), minn dan jirriżulta li l-awtorità kontraenti hija, fi kwalunkwe ipoteżi, marbuta tivverifika l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi possibbli u li tieħu l-miżuri xierqa sabiex tipprevjeni u tindividwa l-kunflitti ta’ interessi u li tirrimedja għalihom. Għalhekk, ikun inkompatibbli ma’ dan ir-rwol attiv li r-rikorrenti titgħabba bl-oneru tal-prova, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikors, tal-parzjalità konkreta tal-esperti maħtura mill-awtorità kontraenti. Tali soluzzjoni tkun ukoll kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività u għar-rekwiżit ta’ rimedju effettiv stabbilit mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, b’mod partikolari peress li, bħala regola ġenerali, ma huwiex possibbli għal offerent li jkollu aċċess għal informazzjoni u għal provi li jippermettulu juri tali parzjalità.

44

Għalhekk, jekk l-offerent eskluż jippreżenta elementi oġġettivi li joħolqu dubju dwar l-imparzjalità ta’ espert tal-awtorità kontraenti, hija din l-awtorità kontraenti li għandha jkollha teżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt sabiex tipprevjeni u tindividwa l-kunflitti ta’ interessi u tirrimedja għalihom, inkluż, jekk ikun il-każ, billi titlob lill-partijiet sabiex jipprovdu ċertu informazzjoni u provi.

45

L-elementi bħalma huma l-allegazzjonijiet fil-kawża prinċipali dwar ir-rabtiet bejn l-esperti maħtura mill-awtorità kontraenti u l-ispeċjalisti ta’ impriżi li ngħataw il-kuntratt, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li dawn il-persuni jaħdmu flimkien fl-istess università, jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ riċerka jew għandhom rabtiet ta’ subordinazzjoni fi ħdan din l-università, jekk huma minnhom, jikkostitwixxu tali elementi oġġettivi li għandhom iwasslu għat-twettiq tal-eżami fil-fond tal-awtorità kontraenti jew, jekk ikun il-każ, dak tal-awtoritajiet ta’ kontroll amministrattivi jew ġudizzjarji.

46

Bla ħsara għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, u speċifikament ta’ dawk imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “parzjalità” u l-kriterji tiegħu għandhom jiġu ddefiniti mid-dritt nazzjonali. L-istess jgħodd għar-regoli dwar l-effetti legali ta’ parzjalità possibbli. Għalhekk, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk, u sa fejn, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li parzjalità possibbli tal-esperti ma kellhiex impatt fuq id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

47

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikoli 2, 44(1), u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, dawn ma jipprekludux li l-illegalità tal-evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti tiġi kkonstatata mis-sempliċi fatt li l-offerent li ngħata l-kuntratt kellu rabtiet sinjifikattivi ma’ esperti maħtura mill-awtorità kontraenti li evalwat l-offerti. Fi kwalunkwe ipoteżi, l-awtorità kontraenti hija marbuta tivverifika l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi possibbli u li tieħu l-miżuri xierqa sabiex tipprevjeni u tindividwa l-kunflitti ta’ interessi u tirrimedja għalihom. Fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti minħabba l-parzjalità tal-esperti, ma jistax jintalab li l-offerent eskluż jagħti prova konkreta tal-parzjalità tal-aġir tal-esperti. Bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk u sa fejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li parzjalità possibbli tal-esperti kellha jew ma kellhiex impatt fuq deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

Fuq il-punt (c) tal-ewwel domanda

48

Permezz tal-punt (c) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikoli 2, 44(1) u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jirrikjedu li dritt għal azzjoni legali dwar il-legalità tas-sejħa għal offerti jkun aċċessibbli, wara l-iskadenza tat-terminu previst mid-dritt nazzjonali, għal offerent li ma setax jifhem il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ħlief fil-mument fejn l-awtorità kontraenti, wara li evalwat l-offerti, ipprovdiet informazzjoni eżawrjenti dwar ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha.

49

Din id-domanda tirrigwarda t-terminu ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikors dwar il-legalità tas-sejħa għal offerti previst mid-dritt nazzjonali. L-imsemmija kwistjoni titlaq mill-premessa li t-tressiq ta’ kawża huwa aċċessibbli għall-offerenti interessati, fl-istadju tas-sejħa għal offerti, li jippermetti l-kontestazzjoni tal-legalità tagħha. Hija tirrigwarda l-fatt ta’ jekk offerent interessat ikunx imxekkel, permezz tad-dekadenza, milli jressaq azzjoni dwar il-legalità tas-sejħa għal offerti li huwa ppreżenta qabel ma ġie informat bl-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

50

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, intiżi li jħarsu lill-offerenti kontra l-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti, huma intiżi li jsaħħu l-mekkaniżmi eżistenti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fi stadju fejn il-ksur jkun għad jista’ jiġi korrett (sentenza Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 jirrikjedi rimedji effikaċi “taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu” u, b’mod partikolari, l-iktar imħaffa possibbli, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f tal-imsemmija direttiva.

51

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza, bħala prinċipju jissodisfa r-rekwiżit ta’ effettività li tirriżulta mid-Direttiva 89/665, sa fejn dan jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali. Ir-realizzazzjoni kompleta tal-għan tad-Direttiva 89/665 tkun kompromessa jekk il-kandidati u l-offerenti jkunu jistgħu jinvokaw, f’kull mument tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, ksur tar-regoli tal-għoti tal-kuntratti, u b’hekk jobbligaw lill-awtorità kontraenti terġa’ tibda l-proċedura kollha sabiex tikkoreġi dan il-ksur (sentenza Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punti 75 u 76 u l-ġurisprudenza ċċitata; Lämmerzahl, C‑241/06, EU:C:2007:597, punti 50 u 51, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑456/08, EU:C:2010:46, punti 51 u 52).

52

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 li tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ rimedji effikaċi kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ biss jintlaħaq jekk it-termini imposti għall-preżentata tar-rikorsi jibdew jiddekorru biss fid-data li fiha r-rikorrent ikun sar jaf jew kellu jsir jaf bil-ksur allegat tal-imsemmija dispożizzjonijiet [ara s-sentenzi Uniplex (UK), EU:C:2010:45, punt 32, kif ukoll Idrodinamica Spurgo Velox et, C‑161/13, EU:C:2014:307, punt 37].

53

Għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratti għandhom jidhru fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-fatt li huma ma jkunux jinftiehmu jew ma jkunux ċari biżżejjed jista’ jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva 2004/18.

54

Fil-punt 42 tas-sentenza tagħha SIAC Construction (C‑19/00, EU:C:2001:553), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterji ta’ għoti għandhom ikunu fformulati, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, b’mod li jippermettu lill-offerenti kollha li jkunu raġonevolment informati u diliġenti b’mod normali li jinterpretawhom bl-istess mod.

55

Minn dan jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-offerent ikkonċernat kienx effettivament inkapaċi li jifhem il-kriterji ta’ għoti inkwistjoni jew jekk huwa kellux jifhimhom billi japplika l-istandard ta’ offerent informat b’mod raġonevoli u diliġenti b’mod normali.

56

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-offerent ikkonċernat u l-offerenti l-oħra kienu kapaċi jitfgħu offerti u li l-offerent ikkonċernat, qabel ma tefa’ l-offerta tiegħu, ma talabx kjarifiki lill-awtorità kontraenti.

57

Jekk minn dan l-eżami jirriżulta li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti kienu effettivament inkomprensibbli għall-offerent u li huwa kien imxekkel milli jippreżenta rikors fit-terminu previst mid-dritt nazzjonali, ikun ammissibbli li l-azzjoni legali titressaq sal-iskadenza tat-terminu previst relatat mad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

58

Konsegwentement, ir-risposta għall-punt (c) tal-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikoli 2, 44(1) u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jirrikjedu li dritt għal azzjoni legali dwar il-legalità tas-sejħa għal offerti jkun aċċessibbli, wara l-iskadenza tat-terminu previst mid-dritt nazzjonali, għal offerent raġonevolment informat u diliġenti b’mod normali li seta’ jifhem il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti biss fil-mument fejn l-awtorità kontraenti, wara li evalwat l-offerti, ipprovdiet informazzjoni eżawrjenti dwar ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha. Tali dritt għal azzjoni legali jista’ jiġi eżerċitat sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

Fuq it-tieni domanda

59

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu lil awtorità kontraenti li tqis bħala kriterju ta’ evalwazzjoni offerti mitfugħa mill-offerenti għal kuntratt pubbliku l-livell ta’ konformità tagħhom mar-rekwiżiti li jinsabu fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti.

60

Skont l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18, l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament fil-fehma tal-awtorità kontraenti għandha tiġi evalwata skont diversi kriterji marbuta mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, per eżempju, il-kwalità, il-prezz, il-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, il-karatteristiċi ambjentali, l-ispejjeż rikorrenti, l-effett ta’ spiża, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u għajnuna teknika, id-data tal-kunsinna u l-perijodu tal-kunsinna jew il-perijodu ta’ tlestija.

61

Skont il-ġurisprudenza, dan l-elenkar, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “per eżempju”, ma huwiex eżawrjenti (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l‑Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 84).

62

Għalhekk, l-awtorità kontraenti għandha l-fakultà li tistabbilixxi kriterji oħra ta’ għoti, sa fejn dawn huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u josservaw il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18.

63

Barra minn hekk l-awtorità kontraenti għandha jkollha tali libertà li l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament għandha tiġi evalwata “fil-fehma tal-awtorità kontraenti”.

64

Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li, fil-kawża prinċipali, il-livell ta’ konformità tal-offerta mar-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti huwa marbut mas-suġġett tal-kuntratt u xejn ma jindika li dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni ma josservax il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18.

65

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 2 u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, huma jippermettu lil awtorità kontraenti li tqis bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerti mitfugħa mill-offerenti għal kuntratt pubbliku l-livell ta’ konformità tagħhom mar-rekwiżiti li jinsabu fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll l-Artikoli 2, 44(1), u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, dawn ma jipprekludux li l-illegalità tal-evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti tiġi kkonstatata mis-sempliċi fatt li l-offerent li ngħata l-kuntratt kellu rabtiet sinjifikattivi ma’ esperti maħtura mill-awtorità kontraenti li evalwat l-offerti. Fi kwalunkwe ipoteżi, l-awtorità kontraenti hija marbuta tivverifika l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi possibbli u li tieħu l-miżuri xierqa sabiex tipprevjeni u tindividwa l-kunflitti ta’ interessi u tirrimedja għalihom. Fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti minħabba l-parzjalità tal-esperti, ma jistax jintalab li l-offerent eskluż jagħti prova konkreta tal-parzjalità tal-aġir tal-esperti. Bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk u sa fejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li parzjalità possibbli tal-esperti kellha jew ma kellhiex impatt fuq deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, kif ukoll l-Artikoli 2, 44(1) u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jirrikjedu li dritt għal azzjoni legali dwar il-legalità tas-sejħa għal offerti jkun aċċessibbli, wara l-iskadenza tat-terminu previst mid-dritt nazzjonali, għal offerent raġonevolment informat u diliġenti b’mod normali li seta’ jifhem il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti biss fil-mument fejn l-awtorità kontraenti, wara li evalwat l-offerti, ipprovdiet informazzjoni eżawrjenti dwar ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha. Tali dritt għal azzjoni legali jista’ jiġi eżerċitat sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

 

2)

L-Artikoli 2 u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, huma jippermettu lil awtorità kontraenti li tqis bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerti mitfugħa mill-offerenti għal kuntratt pubbliku l-livell ta’ konformità tagħhom mar-rekwiżiti li jinsabu fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.