SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Arbitraġġ — Esklużjoni — Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin — Ordni minn tribunal tal-arbitraġġ li jinsab fi Stat Membru — Ordni intiża li twaqqaf it-tressiq jew it-tkomplija ta’ proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor — Dritt tal-qrati ta’ Stat Membru li jirrifjutaw ir‑rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ — Konvenzjoni ta’ New York”

Fil-Kawża C‑536/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

“Gazprom” OAO

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublika,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, M. Safjan (Relatur), M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Gazprom” OAO, minn R. Audzevičius, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn A. A. Petravičienė u A. Svinkūnaitė kif ukoll minn D. Kriaučiūnas, bħala aġenti, assistiti minn V. Bernatonis u A. Šekštelo, advokatai,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn F.-X. Bréchot, G. de Bergues u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn B. Kennelly, barrister,

għall-Konfederazzjoni Svizzera, minn M. Jametti kif ukoll minn M. Schöll u D. Klingele, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn “Gazprom” OAO (iktar ’il quddiem “Gazprom”), kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Moska (ir-Russja), kontra r-rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni fil-Litwanja ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fil-31 ta’ Lulju 2012.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1), li huwa applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2015. Madankollu, ir-Regolament Nru 44/2001 jibqa’ applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

4

Jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, biex jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

5

Il-premessi 7 u 11 tal-imsemmi regolament kienu jgħidu:

“(7)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.

[...]

(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]”

6

L-Artikolu 1(1) u (2)(d) tal-istess regolament, li jinsab fil-Kapitolu I, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

(d)

arbitraġġ.”

7

L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kien jgħid:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwari l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.”

Id-dritt Litwan

8

Il-Kapitolu X tat-Tieni ktieb tal-Kodiċi Ċivili Litwan huwa intitolat “Investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika” u fih l-Artikoli 2.124 sa 2.

9

L-Artikolu 2.124 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Kontenut tal-investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika”, jipprovdi:

“Il-persuni msemmija fl-Artikolu 2.125 […] għandhom id-dritt jitolbu lill-qorti tinnomina esperti sabiex jiġi stabbilit jekk persuna ġuridika jew il-bord tad-diretturi tagħha jew l-azzjonisti tagħha aġixxewx b’mod mhux xieraq u, jekk ikun ikkonstatat li l-attività tagħhom hija mhux xierqa, li japplikaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 2.131 […]”

10

Bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 2.125(1) tal-imsemmija kodiċi, azzjonist wieħed jew iktar li jkollhom mill-inqas 1/10 tal-azzjonijiet tal-persuna ġuridika jistgħu jippreżentaw tali rikors.

11

Il-miżuri previsti fl-Artikolu 2.131 ta’ dan l-istess kodiċi jinkludu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tad-diretturi tal-persuna ġuridika, l-esklużjoni jew is-sospensjoni temporanja tas-setgħat tal-membri tal-bord tad-diretturi tagħha u l-possibbiltà li l-persuna ġuridika tiġi obbligata tieħu jew ma tiħux ċerti azzjonijiet.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess għand il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-azzjonisti prinċipali ta’ “Lietuvos dujos” AB (iżjed ’il quddiem “Lietuvos dujos”) kienu E.ON Ruhrgas International GmbH, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż li kellha 38.91 % tal-kapital awtorizzat, Gazprom, li kellha 37.1 % ta’ dan il-kapital, u l-Istat Litwan, li kellu 17.7 % minnu.

13

Fl-24 ta’ Marzu 2004, Gazprom ikkonkludiet ftehim tal-azzjonisti (iżjed ’il quddiem il-“ftehim tal-azzjonisti”) ma’ E.ON Ruhrgas International GmbH u l-iState Property Fund (Fond tal-Assi tal-Istat) li aġixxiet f’isem ir-Repubblika tal-Litwanja, liema fond kien sussegwentement issostitwit bil-Lietuvos Respublikos energetikos ministerija (ministeru tal-enerġija tar-Repubblika Litwana, iżjed ’il quddiem il-“ministerija”). Dan il-ftehim kien jinkludi, fl-Artikolu 7.14 tiegħu, klawżola ta’ arbitraġġ li tgħid li “l-kawżi, in-nuqqas ta’ qbil jew l-oġġezzjonijiet kollha relatati ma’ dan il-ftehim jew mar-rexissjoni tiegħu, mal-validità tiegħu, mad-dħul fis-seħħ tiegħu jew mad-denunzja tiegħu, għandhom jiġu deċiżi permezz ta’ arbitraġġ”.

14

Fil-25 ta’ Marzu 2011, ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata mill-ministerija, ressqet quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) rikors sabiex tinfetaħ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika.

15

Dan ir-rikors kien jinkludi lil Lietuvos dujos kif ukoll lis-Sur Valentukevičius, direttur ġenerali ta’ din il-kumpannija, kif ukoll lis-Sinjuri Golubev u Seleznev, ċittadini Russi membri tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija kumpannija, innominati minn Gazprom. Permezz tal-imsemmi rikors, il-ministerija talbet ukoll li, jekk l-imsemmija investigazzjoni kellha tistabbilixxi li l-attivitajiet tal-istess kumpannija jew tal-imsemmija persuni ma kinux xierqa, għandhom jiġu imposti ċerti miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 2.131 tal-kodiċi ċivili.

16

Peress li qieset li dan ir-rikors kien jikser il-klawżola ta’ arbitraġġ stipulata fl-Artikolu 7.14 tal-ftehim tal-azzjonisti, Gazprom, fid-29 ta’ Awwissu 2011, ressqet fl-Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma talba għal arbitraġġ kontra l-ministerija.

17

Gazprom talbet, b’mod partikolari, lit-Tribunal tal-Arbitraġġ ikkostitwit mill- Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma, li l-ministerija jiġi ordnat iwaqqaf l-eżami tal-kawża pendenti quddiem il-Vilniaus apygardos teismas.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2012, it-Tribunal tal-Arbitraġġ ikkonstata l-ksur parzjali tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-ftehim tal-azzjonisti u ordna lill-ministerija, b’mod partikolari, jirtira jew inaqqas uħud mit-talbiet li kien ressaq quddiem l-imsemmija qorti (iżjed ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-31 ta’ Lulju 2012”).

19

Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Settembru 2012, il-Vilniaus apygardos teismas ordnat il-ftuħ ta’ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos. Hija kkonstatat ukoll li talba għal investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika kienet taqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħha u ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ arbitraġġ taħt id-dritt Litwan.

20

Lietuvos dujos, kif ukoll is-Sinjuri Valentukevičius, Golubev u Seleznev appellaw din id-deċiżjoni quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja). Barra minn hekk, Gazprom ressqet, fil-kuntest ta’ proċedura oħra, talba quddiem din l-istess qorti għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fil-Litwanja tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-31 ta’ Lulju 2012.

21

Permezz tal-ewwel digriet tas-17 ta’ Diċembru 2012, il-Lietuvos apeliacinis teismas ċaħdet din l-aħħar talba. Din il-qorti qieset, minn naħa, li peress li t-Tribunal tal-Arbitraġġ kien ta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ma setax jaqta’ kwistjoni diġà mqajma quddiem il-Vilniaus apygardos teismas u eżaminata minn din il-qorti tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li, meta qata’ din il-kwistjoni, dan it-tribunal ma osservax l-Artikolu V(2)(a) tal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, iffirmata fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 (Ġabra tat-Trattati tal-Ġnus Magħquda, Vol. 330, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ New York”).

22

Barra minn hekk, il-Lietuvos apeliacinis teismas indikat li, permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-31 ta’ Lulju 2012, li tagħha ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, l-imsemmi Tribunal tal-Arbitraġġ mhux biss illimita l-kapaċità tal-ministerija li jaġixxi quddiem qorti Litwana fir-rigward tal-ftuħ ta’ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika, iżda ċaħħad ukoll lil din il-qorti nazzjonali mis-setgħat li hija għandha li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha. B’dan il-mod, l-istess Tribunal tal-Arbitraġġ kiser is-sovranità nazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja, li jmur kontra l-ordni pubbliku Litwan u internazzjonali. Skont il-Lietuvos apeliacinis teismas, ir-rifjut li tiġi rrikonoxxuta d-deċiżjoni kien ukoll iġġustifikat mill-Artikolu V(2)(b) tal-imsemmija konvenzjoni.

23

Permezz tat-tieni digriet tal-21 ta’ Frar 2013, il-Lietuvos apeliacinis teismas ċaħdet l-appell ta’ Lietuvos dujos kif ukoll tas-Sinjuri Valentukevičius, Golubev u Seleznev mid-deċiżjoni tal-Vilniaus apygardos teismas, tat-3 ta’ Settembru 2012, li tiftaħ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos. Hija kkonfermat ukoll il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani biex jeżaminaw din il-kawża.

24

Iż-żewġ digrieti ta’ Lietuvos apeliacinis teismas, tas-17 ta’ Diċembru 2012 u tal-21 ta’ Frar 2013, kienu kull wieħed minnhom suġġetti għal appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja). Din il-qorti ddeċidiet, permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2013, li tissospendi l-proċedura tal-appell mit-tieni digriet, sakemm hija tiddeċiedi l-appell dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-31 ta’ Lulju 2012.

25

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward u tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, jekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li hija tikklassifika bħala “anti-suit injunction”, jistgħux jiġu miċħuda għar-raġuni li, wara tali rikonoxximent u tali eżekuzzjoni, l-eżerċizzju minn qorti Litwana tas-setgħat li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess biex tiddeċiedi dwar talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika, ikun limitat.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ fejn tribunal tal-arbitraġġ jawtorizza ‘anti-suit injunction’ u b’hekk jipprojbixxi lil parti milli tippreżenta ċerti talbiet quddiem qorti ta’ Stat Membru li, skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, ikollha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-mertu tal-kawża ċivili, il-qorti tal-Istat Membru għandha d-dritt li tirrifjuta li tirrikonoxxi tali deċiżjoni tal-arbitraġġ minħabba l-fatt li din tillimita d-dritt tal-qorti li tiddeċiedi hija stess dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex teżamina kawża skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001?

2)

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, din tkun ukoll valida jekk l-‘anti-suit injunction’ deċiża mit-tribunal tal-arbitraġġ timponi fuq parti fil-proċedura li tillimita l-pretensjonijiet tagħha f’kawża li tkun qed tiġi eżaminata fi Stat Membru ieħor u l-qorti ta’ dan l-Istat Membru jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina din il-kawża skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001?

3)

Qorti nazzjonali tista’, peress li tixtieq tiżgura s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-effikaċja sħiħa tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta li tirrikonoxxi deċiżjoni tal-arbitraġġ jekk hija tillimita d-dritt tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha u l-funzjonijiet tagħha f’kawża li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jopponi li qorti ta’ Stat Membru tirrikonoxxi u teżegwixxi, jew li hija tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi, deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tipprojbixxi lil parti tippreżenta ċerti talbiet quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru.

28

Għandu jiġi speċifikat, l-ewwel nett, li l-imsemmi regolament jeskludi, fl-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

29

Sabiex jiġi ddeterminat jekk kawża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, huwa biss is-suġġett ta’ din il-kawża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza Rich, C‑190/89, EU:C:1991:319, punt 26).

30

Fir-rigward tas-suġġett tal-kawża prinċipali, għandu jiġi speċifikat li joħroġ mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas irċeviet rikors kontra d-digriet tal-Lietuvos apeliacinis teismas li ċaħad ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ikklassifikata bħala “anti-suit injunction” mill-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu t-Tribunal tal-Arbitraġġ ordna lill-ministerija jirtira jew inaqqas uħud mit-talbiet li dan kien ippreżenta quddiem il-qrati Litwani. Fl-istess ħin, il-qorti tar-rinviju wkoll rċeviet rikors kontra digriet tal-Lietuvos apeliacinis teismas li jikkonferma d-deċiżjoni tal-Vilniaus apygardos teismas biex tinfetaħ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos li, skont hi, taqa’ taħt il-materji ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

31

Skont il-qorti tar-rinviju, deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tipprojbixxi lil parti tippreżenta ċerti talbiet quddiem qorti nazzjonali tista’ tippreġudika l-effettività tar-Regolament Nru 44/2001, fis-sens li tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju minn tali qorti tas-setgħat tagħha li tiddeċiedi hija stess fuq il-ġurisdizzjoni tagħha biex teżamina kawża li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ordni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lil parti milli tirrikorri għal proċeduri oħrajn minbarra l-arbitraġġ kif ukoll li tkompli l-proċeduri mibdija quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, li għandhom ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, hija inkompatibbli ma’ dan ir-regolament.

33

Fil-fatt, ordni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li tobbliga lil parti fi proċedura ta’ arbitraġġ ma tkomplix proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor ma tosservax il-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħidu li kull qorti li quddiemha titressaq kawża tiddeċiedi hija stess, skont ir-regoli applikabbli, jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax, ħlief għal xi eċċezzjonijiet limitati, ir-reviżjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. Din il-ġurisdizzjoni hija stabbilita direttament mir-regoli li jinsabu fl-imsemmi regolament, fosthom dawk li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Qorti ta’ Stat Membru għalhekk qatt ma hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali, C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 29).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, qieset li ostakolu, permezz ta’ tali ordni, għall‑eżerċizzju minn qorti ta’ Stat Membru tas‑setgħat li l-istess regolament jagħtiha, imur kontra l-fiduċja li l-Istati Membri jagħtu reċiprokament lis-sistemi legali tagħhom kif ukoll lill‑istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom u jista’ jċaħħad lir-rikorrenti, li jqis li din tal-aħħar hija nulla u bla effett, mhux operattiva jew li ma tistax tiġi applikata, mill-aċċess għall-qorti tal-Istat li kien madankollu jippreżenta rikors quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Allianz u Generali Assicurazione Generali, C‑185/07, EU:C:2009:69, punti 30 u 31).

35

F’din il-kawża, madankollu, il-qorti tar-rinviju mhux qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 44/2001 ta’ tali ordni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, iżda fuq il-kompatibbiltà ma’ dan ir-regolament tal-eventwali rikonoxximent u eżekuzzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti ordni li tobbliga lil parti fi proċedura ta’ arbitraġġ tnaqqas il-portata tat-talbiet ifformulati fil-kuntest ta’ proċedura pendenti quddiem qorti ta’ dan l-istess Stat Membru.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, bħalma ġie indikat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-arbitraġġ ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, li jirregola biss il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri. Peress li t-tribunali tal-arbitraġġ ma humiex qrati tal-Istat, ma hemmx, fil-kawża prinċipali, tali kunflitt fis-sens tal-imsemmi regolament.

37

Sussegwentement, fir-rigward tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jagħtu lis-sistemi legali tagħhom u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom rispettivi, riżultat tal-armonizzazzjoni tar-regoli tal-ġurisdizzjoni, fuq il-bażi tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, peress li l-ordni ngħatat minn tribunal tal-arbitraġġ, din ma hijiex kwistjoni ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju bl-indħil ta’ qorti ta’ Stat Membru fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

38

Bl-istess mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni minn tribunal ta’ arbitraġġ lil parti li tippreżenta ċerti talbiet quddiem qorti ta’ Stat Membru ma tistax iċċaħħad lil din il-parti mill-protezzjoni ġuridika msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, sa fejn, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ arbitraġġ, minn naħa, din il-parti tista’ topponi għal dan ir-rikonoxximent u din l-eżekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża jkollha tiddetermina, fuq il-bażi tad-dritt proċedurali nazzjonali u tad-dritt internazzjonali applikabbli, jekk din id-deċiżjoni għandhiex tiġi rrikonoxxuta u eżegwita jew le.

39

B’hekk, fl-imsemmija ċirkustanzi, la l-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ, u lanqas id-deċiżjoni li permezz tagħha, skont il-każ, il-qorti ta’ Stat Membru tirrikonoxxiha, ma jistgħu jaffettwaw il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri differenti li fuqha huwa msejjes ir-Regolament Nru 44/2001.

40

Fl-aħħar, b’differenza għall-ordni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 20), in-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-31 ta’ Lulju 2012 mill-ministerija fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-ftuħ ta’ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika ma tistax twassal li jingħataw, kontra tagħha, sanzjonijiet minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. Minn dan isegwi li l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tal-ordni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza.

41

B’hekk, il-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u d-dritt internazzjonali applikabbli fl-Istat Membru li fih qed jintalbu dan ir-rikonoxximent u din l-eżekuzzjoni, u mhux taħt ir-Regolament Nru 44/2001.

42

B’hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-limitazzjoni eventwali tas-setgħat mogħtija lil qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq kawża parallela li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess tista’ tirriżulta biss mir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni minn qorti ta’ dan l-Istat Membru ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont id-dritt proċedurali ta’ dan l-Istat Membru u, skont il-każ, tal-Konvenzjoni ta’ New York, li jirregolaw din il-materja eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

43

Peress li l-Konvenzjoni ta’ New York tirregola qasam eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, din lanqas ma tiffoka fuq “materja partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament jirregola biss ir-relazzjonijiet bejn dan l-istess regolament u l-konvenzjonijiet li jittrattaw materji partikolari li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 48 u 51).

44

Jirriżulta minn dan kollu li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi hija li r-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jopponi la li qorti ta’ Stat Membru tirrikonoxxi u teżegwixxi, u lanqas li tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi, deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tipprojbixxi lil parti milli tippreżenta ċerti talbiet quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru, peress li dan ir-regolament ma jirregolax ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn tribunal tal-arbitraġġ fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jopponix, la li qorti ta’ Stat Membru tirrikonoxxi u teżegwixxi, u lanqas li tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi, deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tipprojbixxi lil parti tippreżenta ċerti talbiet quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru, peress li dan ir-regolament ma jirregolax ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn tribunal tal-arbitraġġ fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.