SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kompetizzjoni — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1) TFUE — Awtorizzazzjoni mogħtija biss lill-Black Cabs iżda mhux lill-vetturi tal-kiri privat b’sewwieq li jużaw mogħdija għall-karozzi tal-linja — Kunċett ta’ ‘Għajnuna mill-Istat’ — Riżorsi tal-Istat — Vantaġġ ekonomiku — Vantaġġ selettiv — Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑518/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

Eventech Ltd,

vs

The Parking Adjudicator,

fil-preżenza ta’:

London Borough of Camden,

Transport for London,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Eventech Ltd, minn K. Bacon, barrister, li qiegħda tirrappreżenta lil J. Maitland-Walker, solicitor,

għal Transport for London, minn C. Moore, bħala aġent, assistita minn M. Chamberlain, QC, u minn S. Love, barrister,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn X. Lewis kif ukoll minn C. Perrin u A. Steinarsdóttir, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eventech Ltd (iktar ’il quddiem “Eventech”) u Parking Adjudicator dwar il-legalità ta’ politika implementata minn Transport for London (iktar ’il quddiem “TfL”) kif ukoll mill-maġġoranza ta’ London Boroughs (muniċipji ta’ Londra) u tikkonsisti fl-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Black Cabs li jużaw il-parti l-kbira tal-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja ta’ din il-belt fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-mogħdijiet japplikaw, filwaqt li tipprojbixxi lill-vetturi tal-kiri privat b’sewwieq (iktar ’il quddiem il-“minicabs”) li jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwaqqfu xi passiġġieri li rriżervaw minn qabel din il-vettura (iktar ’il quddiem il-“politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Black Cabs u l-minicabs

3

F’Londra, it-trasport bil-karozza bi ħlas huwa żgurat bil-Black Cabs u bil-minicabs. Dawn is-servizzi huma s-suġġett ta’ liċenzja tal-operat maħruġa mil-London Taxi and Private Hire, li tagħmel parti mit-TfL. Dawn il-liċenzji jingħataw bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet statutorji differenti u huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti skont jekk dawn jirrigwardawx Black Cabs jew minicabs.

4

Il-Black Cabs tinħarġilhom liċenzja skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal-1934 dwar il-Black Cabs (London Cab Order 1934). Dan id-Digriet sar bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1869 dwar it-trasport pubbliku urban (Metropolitan Public Carriage Act 1869), li tipprovdi fl-Artikolu 8(2) tagħha li taxi tista’ “toffri s-servizzi tagħha” f’Londra biss sakemm is-sewwieq tagħha jkollu liċenzja li tkun inħarġet minn TfL skont l-Artikolu 8 ta’ din l-istess liġi.

5

Minn dan jirriżulta li taxi li għandha liċenzja maħruġa konformement mal-imsemmi digriet biss tista’ “toffri s-servizzi tagħha” (“ply for hire”) f’Londra, kunċett li huwa ddefinit bħala li huwa l-fatt li jissolleċita jew li jistenna passiġġieri fin-nuqqas ta’ ftehim ta’ kiri jew ta’ riżervazzjoni minn qabel. Skont il-qorti tar-rinviju, minn investigazzjoni li saret fl-2009 jirriżulta li 8 % tal-vjaġġi li twettqu mill-Black Cabs huma s-suġġett ta’ riżervazzjoni minn qabel, 52 % jirriżultaw mill-fatt li l-passiġġier sejjaħ it-taxi tiegħu fit-triq u l-maġġoranza tal-vjaġġi l-oħra jsiru fil-kuntest ta’ teħid ta’ passiġġieri minn stazzjon tat-taxis. Madankollu, Eventech tikkontesta dawn iċ-ċifri u ssostni li madwar 60 % tal-Black Cabs jużaw illum applikazzjoni, imsejħa “Hailo”, li tippermetti lill-utenti li jirriżervaw taxi mit-telefon ċellulari tagħhom.

6

Il-minicabs tinħarġilhom liċenzja skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-1998 dwar il-minicabs [Private Hire Vehicles (London) Act 1998]. Il-minicabs ma humiex awtorizzati “joffru s-servizzi tagħhom” f’Londra, u jistgħu għalhekk jiġbru biss passiġġieri li jkunu krew minn qabel is-servizzi tagħhom. Fir-rigward tal-persuni li kkonkludew kirja minn qabel, ma huwiex ikkontestat li l-minicabs huma f’kompetizzjoni mal-Black Cabs.

7

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, sa mil-liġijiet tal-1831 u tal-1853 dwar il-cabs ta’ Londra (London Hackney Carriage Acts 1831 u 1853), il-Black Cabs huma suġġetti għall-“obbligu ta’ teħid ta’ passiġġier” li jirrikjedi li t-taxis li aċċettaw li jieħdu passiġġier minn stazzjon tat-taxis jew mit-triq għandhom iwasslu lil dan sal-post tad-destinazzjoni tiegħu, fil-limiti ta’ ċertu distanza jew ta’ ċertu tul ta’ vjaġġ. Tali obbligu ma huwiex impost fir-rigward tal-minicabs.

8

Il-Black Cabs huma immedjatament rikonoxxibbli mill-forma tagħhom, mid-daqs tagħhom u mit-tabella luminuża tagħhom li tindika “Taxi”, peress li dawn għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ konformità li jipprevedu ċertu numru ta’ kriterji li, fil-preżent, huma biss żewġ marki ta’ vetturi li jissodisfaw. Min-naħa l-oħra, il-minicabs jista’ jkollhom kwalunkwe kulur u forma, b’mod li fil-preżent jeżistu bħalissa madwar 700 marki u mudelli differenti ta’ minicabs li għandhom liċenzja tal-operat.

9

Il-prezzijiet tal-Black Cabs huma suġġetti għal regoli stretti u jistgħu jiġu mitluba biss jekk huma kkalkolati permezz ta’ tassimetru. Is-sewwieqa ta’ minicabs, min-naħa tagħhom, jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom liberament u l-vetturi tagħhom ma humiex mgħammra b’meter, peress li n-nol huwa indikat fil-ħin tal-prenotazzjoni, u dan indipendentement mit-tul tal-vjaġġ, filwaqt li l-prezzijiet tal-Black Cabs ivarjaw skont dan it-tul.

10

Il-Black Cabs għandhom ikunu jistgħu jilqgħu persuni li jiċċaqalqu permezz ta’ siġġu bir-roti. Ma jeżistix l-obbligu ta’ aċċess fir-rigward tal-minicabs.

11

Qabel ma jiksbu liċenzja tal-operat, is-sewwieqa ta’ Black Cabs għandhom jgħaddu minn eżami intitolat “Konoxxenza ta’ Londra” (“Knowledge of London”) li jirrikjedi minn sentejn sa erba’ snin ta’ preparazzjoni. Qabel ma jiksbu liċenzja tal-operat, is-sewwieqa ta’ minicabs għandhom jgħaddu minn eżami topografiku, li t-tul tiegħu ġeneralment huwa ta’ ġurnata. Is-sewwieqa ta’ Black Cabs għandhom ukoll jgħaddu mit-“test ta’ sewqan avvanzat mill-Aġenzija tal-istandards tas-sewqan” (“Driving Standards Agency Advanced Driving Assessment”) filwaqt li ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip ma teżisti għas-sewwieqa tal-minicabs.

Is-setgħat tal-pulizija tat-traffiku u l-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja

12

L-Artikolu 121A tal-Liġi tal-1984 dwar ir-regoli tat-traffiku fit-toroq (Road Traffic Regulation Act 1984, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1984”) jindika l-awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku għal ċerti toroq pubbliċi fl-Ingilterra, f’Wales u fl-Iskozja. Il-paragrafu 1A ta’ dan l-artikolu jindika t-TfL bħala l-awtorità kompetenti għal ċerti toroq ta’ Greater London, indikati “toroq li jaqgħu taħt il-Greater London Authority”, li hija l-awtorità kompetenti għal Greater London (iktar ’il quddiem il-“GLA”). Dawn it-toroq, li huma suġġetti għall-GLA, jestendu fuq 580 kilometru u huma, b’mod ġenerali, it-toroq l-iktar importanti ta’ Greater London. Bis-saħħa tal-Artikolu 121A(2), l-awtoritajiet kompetenti tat-traffiku responsabbli għall-kważi t-toroq l-oħra kollha f’Londra u fi Greater London huma l-Boroughs (il-muniċipji) ta’ din il-belt.

13

Is-setgħa ta’ awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku fuq triq partikolari li tirrestrinġi t-traffiku f’dik it-triq jew parti minnha għal ċerti tipi ta’ vetturi tirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1984, li jipprovdi fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“1.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku fi triq fi Greater London tista’ tagħti ordni konformement ma’ dan l-artikolu biex tikkontrolla jew tirregola t-traffiku tat-triq u tipi oħra ta’ traffiku (inkluż dak ta’ persuni mexjin). Dan l-ordni jista’ b’mod partikolari jsir

a)

għal waħda mill-finijiet jew relattivament għal waħda mill-kwistjonijiet imsemmija fl-Anness 1 ta’ din il-liġi, u

b)

għal kull fini oħra msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) sa (g) ta’ din il-liġi.

2.   Fir-rigward ta’ triq li għaliha l-awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku huwa s-Secretary of State [ministru], is-setgħa li jingħata ordni fis-sens ta’ dan l-artikolu tista’ wkoll tiġi eżerċitata, bi ftehim miegħu, mill-awtorità lokali kompetenti fil-qasam tat-traffiku.

3.   Kull ordni bis-saħħa ta’ dan l-artikolu jista’ jingħata biex japplika:

a)

għas-settur kollu ta’ awtorità lokali, għal ċerti partijiet ta’ dan is-settur, jew għal ċerti postijiet, toroq jew partijiet ta’ toroq ta’ dan is-settur;

b)

għall-ġurnata kollha jew għal ċerti ħinijiet;

c)

biss matul okkażjonijiet speċjali jew f’ħinijiet speċjali;

d)

għal kull tip ta’ traffiku;

e)

bla ħsara għall-eċċezzjonijiet speċifikati fl-ordni jew stabbiliti skont il-modalitajiet previsti fl-ordni.”

14

Fin-numru ta’ finijiet speċifikati fl-Anness 1 tal-Liġi tal-1984 jidher, fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness, l-għan li “tiġi rregolata l-pożizzjoni relattiva fit-triq ta’ traffiku b’veloċitajiet differenti u ta’ tipi differenti ta’ traffiku”. Il-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-istess liġi intiżi li “jevitaw li jipperikolaw persuni jew tipi oħra ta’ traffiku li jużaw din it-triq [ta’ Greater London] jew kull triq oħra jew li jipprevjenu r-riskju ta’ tali periklu” kif ukoll li “jiffaċilitaw l-mogħdija, f’din it-triq jew kull triq oħra, ta’ kull tip ta’ traffiku (inkluż il-mogħdija ta’ persuni mexjin)”.

15

L-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1984 jippermetti b’hekk lill-Boroughs differenti ta’ Londra u lil TfL li jindikaw mogħdijiet ta’ karozzi tal-linja fit-triqat li għalihom huma l-awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku.

16

Bis-saħħa tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 6, TfL indikat mogħdijiet għall-karozzi tal-linja f’numru ta’ toroq li jaqgħu taħt il-GLA. Dan l-organu adotta wkoll il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja li tippermetti lill-Black Cabs, bl-esklużjoni tal-minicabs, li jidħlu fil-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja ġestiti minnu fil-ħinijiet li matulhom il-limitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ dawn il-mogħdijiet japplikaw. Madankollu, il-minicabs huma awtorizzati jidħlu fil-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja sabiex jiġbru jew iniżżlu passiġġier. Din il-politika ġiet applikata mill-inqas mis-sena 2000.

17

Konformement mal-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja pprattikata mit-TfL, il-biċċa l-kbira tal-Boroughs ta’ Londra adottaw ukoll politika li tawtorizza lill-Black Cabs, bl-esklużjoni tal-minicabs, li jidħlu fil-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja li huma jiġġestixxu fil-ħinijiet li matulhom il-limitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ dawn il-mogħdijiet japplikaw. B’mod partikolari, il-mogħdija għall-karozzi tal-linja tas-Southampton Row ġestita mil-London Borough of Camden (muniċipju ta’ Camden f’Londra) hija każ bħal dan.

Is-sanzjonijiet

18

Is-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tat-traffiku li jfasslu l-avviż ta’ impożizzjoni ta’ penalità għal nuqqas ta’ osservanza tal-ordnijiet mogħtija skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1984 hija prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi tal-1996 relatata mal-awtoritajiet lokali ta’ Londra (London Local Authorities Act 1996), li d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha jistabbilixxu:

“1.   Meta,

a)

fi triq prinċipali jew sekondarja li taqa’ taħt il-GLA, [TfL] […]

billi tibbaża fuq l-informazzjoni pprovduta minn apparat stabbilit, għandha raġunijiet li taħseb li l-proprjetarju ta’ vettura huwa responsabbli għall-ħlas ta’ multa għal kontravvenzjoni minħabba l-imsemmija vettura […], [TfL] tista’ toħroġ avviż ta’ impożizzjoni ta’ penalità lill-persuna li tkun tidher li hija l-proprjetarju ta’ din il-vettura.

2.   [...] [M]ulta għall-kontravvenzjoni hija dovuta, fir-rigward tal-vettura, mill-proprjetarju tagħha, jekk il-persuna responsabbli tal-vettura taġixxi b’mod li tikser jew ma tikkonformax ma’ ordni mogħti bis-saħħa tal-Artikoli 6 jew 9 jew mar-regolamenti stabbiliti bis-saħħa tal-Artikolu 12 tal-[Liġi tal-1984] sa fejn dawn it-testi jinkludu regola li tirriżerva l-karreġġjata kollha jew parti minnha bħala mogħdija għall-karozzi tal-linja, u l-multa għall-kontravvenzjoni għandha titħallas,

a)

meta dan il-ksur jew dan in-nuqqas ta’ konformità jikkonċerna triq prinċipali jew sekondarja li taqa’ taħt il-GLA, lil [TfL] […]”

19

L-ordnijiet mogħtija skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1984 jistgħu jiġu infurzati wkoll mill-Pulizija, peress li l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li huwa reat kriminali li wieħed jikser jew jonqos milli jikkonforma ruħu ma’ ordni jew li ma josservax il-preskrizzjonijiet tiegħu. Madankollu, fil-prattika, il-maġġoranza ta’ ksur ta’ dawn l-ordnijiet ikunu suġġetti għal proċeduri ta’ rkupru li ma humiex ta’ natura kriminali li jwasslu għall-ħruġ ta’ avviżi ta’ impożizzjoni ta’ penalità mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tat-traffiku.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Eventech hija sussidjarja ta’ Addison Lee Plc (iktar ’il quddiem “Addison Lee”) miżmuma 100 % minnha, li topera flotta ta’ minicabs fi Greater London. Eventech hija l-proprjetarja ddikjarata tal-minicabs kollha ta’ Addison Lee, li jinkrew b’kuntratt minn Addison Lee lil sewwieqa li jaħdmu għal rashom.

21

Eventech tirrileva li, fil-kawża prinċipali, hija pproduċiet provi li juru bosta reklami ta’ operaturi tal-Black Cabs li jirreferu għall-benefiċċji li tiġi rriżervata taxi pjuttost milli minicab, sa fejn it-taxis jistgħu jidħlu fil-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fil-ħinijiet l-iktar traffikużi. Skont hija, dawn il-provi ma humiex ikkontestati u jikkostitwixxu r-raġuni li għaliha TfL ma tikkontestax li l-politika tagħha relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja tagħti lill-operaturi tat-taxis vantaġġ ekonomiku stabbilit mill-Istat.

22

TfL tippreċiża li l-President ta’ Addison Lee bagħat avviż lis-sewwieqa ta’ Addison Lee li jinformahom li setgħu jidħlu fil-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja ta’ Londra li l-aċċess għalihom huwa permess għall-Black Cabs u li fih ġie propost li huma għandhom jiġu kkumpensati għal kull multa jew għal kull responsabbiltà oħra mġarrba fuq din il-bażi. Dan jippreċiża li, f’dan ir-rigward, inkiseb ordni ta’ inibizzjoni intiż li jwaqqaf ksur kriminali permezz ta’ proċedura għal miżuri provviżorji.

23

Eventech irrilevat li, f’sittax-il xahar, jiġifieri mill-aħħar tax-xahar ta’ Lulju 2011 sal-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2012, TfL u diversi kunsilli tal-Boroughs ta’ Londra imponew multi f’ammont totali li jaqbeż GBP 180 000 Liri Sterlini, jiġifieri madwar EUR 215 166, talli daħlu fil-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja f’Londra.

24

F’dan il-każ, il-London Borough of Camden nnotifika avviżi ta’ impożizzjoni ta’ penalità lil Eventech minħabba l-fatt li, fis-6 u fit-13 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, żewġ sewwieqa ta’ minicabs ta’ Addison Lee kienu għamlu użu mill-mogħdija għall-karozzi tal-linja ta’ Southampton Row fiċ-ċentru ta’ Londra. Eventech ikkontestat dawn l-avviżi ta’ impożizzjoni ta’ penalità quddiem il-Parking Adjudicator. Din l-azzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar tas-16 ta’ Awwissu 2011.

25

L-azzjoni ppreżentata minn Eventech kontra l-imsemmija deċiżjoni ġiet miċħuda permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2012 tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court). Wara li Eventech ġiet awtorizzata tappella minn din is-sentenza, il-kawża ġiet eżaminata mill-Court of Appeal fit-23 u fl-24 ta’ April 2013.

26

Eventech issostni, b’mod partikolari, li l-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mhux innotifikata favur operaturi tal-black cabs li tmur kontra l-Artikoli 108(3) TFUE u 107(1) TFUE.

27

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa stabbilit li l-imsemmija politika tagħti vantaġġ ekonomiku lill-Black Cabs, li hija imputabbli lill-Istat u li hija ta’ natura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-minicabs u l-Black Cabs, sa fejn din tippermetti lil dawn tal-aħħar li jiċċaqilqu b’iktar ħeffa mill-minicabs fil-mogħdijiet fit-toroq li għalihom tapplika din il-politika, b’mod li ttihom, b’mod partikolari, vantaġġ fil-kompetizzjoni biex jiġbdu klijenti potenzjali. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma humiex neċessarjament issodisfatti.

28

Fil-fatt, TfL issostni li l-vantaġġ ekonomiku mogħti lill-Black Cabs bl-effett tal-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja ma huwiex mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat, għaliex din il-politika ma għandha ebda effett fuq dawn ir-riżorsi. Din il-politika lanqas ma hija selettiva, peress li l-Black Cabs u l-minicabs ma humiex f’sitwazzjoni legali jew fattwali paragunabbli fid-dawl tal-għan imfittex minn tali politika. Fi kwalunkwe każ, l-effett differenzjali tagħha huwa ġġustifikat min-natura u mill-iskema ġenerali tas-sistema. Fl-aħħar nett, l-imsemmija politika ma tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta hija miżura lokali li tapplika biss f’Londra.

29

Eventech sostniet, bil-kontra, li l-vantaġġ ekonomiku inkwistjoni huwa mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat, minn naħa, għaliex ingħata lill-Black Cabs aċċess preferenzjali għal beni tal-Istat u, minn naħa l-oħra, minħabba l-fatt li l-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja tagħti lil dawn it-taxis deroga mill-obbligu li jħallsu multi jew penalitajiet oħra għall-użu ta’ dawn il-mogħdijiet. Din il-politika hija selettiva inkwantu tagħti vantaġġ lill-Black Cabs fuq il-kompetituri tagħhom, jiġifieri l-minicabs. Fl-aħħar nett, peress li l-imsemmija politika tikkonċerna settur miftuħ għall-impriżi tal-Istati Membri kollha, effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax jiġi eskluż.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales), Civil Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-fatt li mogħdija għall-karrozzi tal-linja li tinsab fuq triq pubblika ssir aċċessibbli għall-Black Cabs iżda mhux għall-minicabs fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karrozzi tal-linja, jinvolvi l-użu ta’ ‘riżorsi ta’ l-Istat’ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

2.

a) Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatt li mogħdija għall-karrozzi tal-linja li tinsab fuq triq pubblika ssir aċċessibbli għall-Black Cabs iżda mhux għall-minicabs fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karrozzi tal-linja huwiex selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għal-liema għan għandu wieħed jirreferi sabiex jiġi evalwat jekk il-Black Cabs u l-minicabs humiex f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli?

b)

Jekk jista’ jintwera li l-għan rilevanti, fis-sens tad-domanda 2(a), huwa għall-inqas parzjalment sabiex tinħoloq sistema ta’ trasport sigura u effettiva u li jeżistu raġunijiet ta’ sigurtà u/jew ta’ effettività li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-Black Cabs sabiex isuqu fil-mogħdijiet għall-karrozzi tal-linja, iżda li ma japplikawx għall-minicabs, jista’ jingħad li l-miżura ma hijiex selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

ċ)

Sabiex tingħata risposta għad-domanda 2(b), għandu jiġi vverifikat jekk, billi bbaża ruħu fuq din il-ġustifikazzjoni, l-Istat Membru weriex barra minn hekk li t-trattament favorevoli mogħti lill-Black Cabs meta mqabbla mal-minicabs huwa proporzjonat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju?

3)

Il-fatt li mogħdija għall-karrozzi tal-linja li tinsab fuq triq pubblika ssir aċċessibbli għall-Black Cabs iżda mhux għall-minicabs fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karrozzi tal-linja huwa tali li jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE meta t-triq inkwistjoni tinsab fiċ-ċentru ta’ Londra u dan minkejja li ma jeżisti ebda ostakolu li jipprekludi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn milli jipposjedu jew isuqu Black Cabs jew minicabs?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

31

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li awtorizzazzjoni sabiex tinħoloq sistema ta’ trasport sigura u effettiva, mogħtija lill-Black Cabs li jużaw diversi mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fit-toroq pubbliċi fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-mogħdijiet japplikaw, filwaqt li jipprojbixxu lill-minicabs milli jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwaqqfu xi passiġġieri li rriżervaw minn qabel din il-vettura, jinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat u jagħtix lil dawn it-taxis vantaġġ ekonomiku selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija tixtieq ukoll tkun taf jekk hemmx lok li jiġi eżaminat, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jekk l-imsemmija miżura hijiex proporzjonata u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

32

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

33

Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-użu ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Konsegwentement, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi vverifikat jekk hemmx rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-Istat, jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet li jaqgħu fuqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 109).

35

F’dan il-każ, mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fondatezza tal-argumentazzjoni, imressqa minn Eventech quddiemha u ripetuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja tinkludi piżijiet baġitarji bħal dawn minħabba, minn naħa, l-aċċess preferenzjali tal-Black Cabs għal infrastruttura li tappartjeni lill-Istat, jiġifieri l-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja f’Londra, li għall-użu tagħhom ma huwa impost ebda spiża għal dawn it-taxis u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni mill-obbligu tal-ħlas ta’ multi li minnha jibbenefikaw dawn meta jidħlu f’tali mogħdijiet.

36

Fir-rigward tat-tieni mill-argumenti stabbiliti fil-punt preċedenti, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat mill-bidu li huwa inerenti għal kull sistema legali li aġir definit minn qabel bħala legali u leċitu ma jesponix individwi għal sanzjonijiet.

37

Issa, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-fatt li l-Black Cabs jistgħu jidħlu fil-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja f’Londra mingħajr ma jeħlu multi jirriżulta mill-awtorizzazzjoni, mogħtija lil dawn it-taxis bis-saħħa tal-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, li jidħlu d’dawn il-mogħdijiet fil-ħinijiet li matulhom il-limitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ dawn il-mogħdijiet japplikaw.

38

Sa fejn Eventech isserraħ l-argument tagħha fuq l-allegat xebh taċ-ċirkustanzi fattwali u legali ta’ din il-kawża ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551), għandu jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi huma differenti minn dawk tal-kawża prinċipali.

39

Fil-fatt, fil-punt 106 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2011:551), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-miżura inkwistjoni tista’ timplika piż supplimentari għall-awtoritajiet pubbliċi taħt il-forma b’mod partikolari ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ multi jew ta’ sanzjonijiet pekunjarji oħra, peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta lill-impriżi li jaqgħu taħt l-imsemmija miżura l-possibbiltà li jixtru drittijiet ta’ emissjonijiet sabiex jevitaw il-ħlas ta’ multi li, fl-assenza ta’ tali drittijiet, ikunu ġew dovuti minħabba l-qbiż tal-limiti legali minn dawn l-impriżi tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu.

40

Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li kull użu mhux awtorizzat tal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja jikkostitwixxi ksur li fuqu hija dovuta multa u li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti ma stabbilixxew ebda mod li bih jista’ jiġi evitat il-ħlas ta’ tali multi. Barra minn hekk, mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-fatt li l-Black Cabs jistgħu jidħlu f’dawn il-mogħdijiet mingħajr ma jeħlu multi ma jirriżultax minn rinunzja, min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, għall-ġbir ta’ multi dovuti, iżda minn awtorizzazzjoni mogħtija lit-taxis li jidħlu d’dawn il-mogħdijiet.

41

Għaldaqstant, il-fatt li l-Black Cabs ma humiex obbligati li jħallsu l-multi minħabba l-użu tagħhom tal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja ma jimplikax piżijiet supplimentari għall-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jwasslu għall-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

42

Inkwantu għall-ewwel argument invokat minn Eventech, ibbażat fuq aċċess preferenzjali għall-infrastruttura tat-trasport iffinanzjat mill-Istat li għall-użu tagħha ebda piż finanzjarju ma huwa imputat lill-Black Cabs, huwa ċertament veru li, kif tirrileva din l-impriża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-finanzjament, permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi bħala azzjonarji, tal-kostruzzjoni ta’ infrastruttura li hija s-suġġett ta’ operat ekonomiku jista’ jagħti lok għall-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punti 43 u 44).

43

Madankollu, fil-kawża prinċipali, minn naħa, huwa stabbilit li r-rotot tat-traffiku fit-toroq inkwistjoni, b’mod ġenerali, u l-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja li jaqgħu taħthom, b’mod partikolari, ma huma s-suġġett ta’ ebda operat ekonomiku mill-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, kif ikkonfermat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm għal Eventech kif ukoll għal TfL, l-użu ta’ dawn ir-rotot u ta’ dawn il-mogħdijiet huwa bla ħlas.

44

B’hekk jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi ma humiex jirrinunzjaw, bis-saħħa tal-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, għal dħul li huma kienu jirċievu fl-assenza ta’ tali politika.

45

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-finanzjament bħala tali tal-kostruzzjoni tal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, iżda l-aċċess preferenzjali għaliha. Għandu jingħad ukoll li jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha li dawn il-mogħdijiet ma ġewx ikkostruwiti għall-benefiċċju ta’ impriża speċifika lanqas ta’ kategorija partikolari ta’ impriżi, bħal dik tal-Black Cabs, jew il-fornituri tas-servizzi tal-karozzi tal-linja, u ma ngħatawx lil dawn wara l-kostruzzjoni tagħhom, iżda ġew ikkostruwiti bħala element tan-netwerk tat-toroq ta’ Londra u, qabel kollox, sabiex jiġi ffaċilitat it-trasport pubbliku li jitwettaq permezz tal-karozzi tal-linja, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-organizzazzjoni ta’ dan is-servizz pubbliku kinitx taqa’ taħt is-settur pubbliku jew is-settur privat.

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, id-domanda mqajma mill-argumentazzjoni ta’ Eventech, kif miġbura fil-qosor fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, hija, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, dik li wieħed ikun jaf jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, is-setgħat pubbliċi kompetenti humiex obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) TFUE, li jiġbru, mingħand l-utenti li jibbenefikaw minn dritt ta’ aċċess preferenzjali għal infrastruttura pubblika, il-korrispettiv tal-valur ekonomiku ta’ tali dritt.

47

Issa, għandu jiġi enfasizzat li din id-domanda ma taqax, bħala tali, taħt il-kriterju tal-użu tar-riżorsi ta’ Stat, iżda tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, li għaliha TfL tfittex l-għan li tiżgura sistema ta’ trasport sigura u effettiva kif prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhiex titqies li tagħti lill-benefiċjarji tagħha vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li l-valur ekonomiku li huwa jirrappreżenta għandu jitħallas minn dawn il-benefiċjarji.

48

F’dan ir-rigward, kif argumentaw il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-Istat, bl-għan li jfittex it-twettiq ta’ għan previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, jagħti lil utenti ta’ infrastruttura pubblika li ma hijiex operata ekonomikament mill-awtoritajiet pubbliċi dritt ta’ aċċess preferenzjali lilha, dan l-Istat ma jkunx neċessarjament qed jagħti vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

49

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-identifikazzjoni tal-għan imfittex jaqa’, fil-prinċipju, taħt l-unika prerogattiva tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti u li dawn tal-aħħar għandu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni kemm fir-rigward tan-neċessità, sabiex jintlaħaq l-għan regolamentari mfittex, li jirrinunzjaw għad-dħul potenzjali kif ukoll fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ kriterji xierqa ta’ għoti li għandhom, madankollu, jiġu stabbiliti bil-quddiem b’mod trasparenti u ma jinkludux element diskriminatorju.

50

Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li d-dritt ta’ aċċess preferenzjali huwa dak tal-użu tal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, li dan id-dritt jirrappreżenta valur ekonomiku, li dan jingħata mill-awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku, li dan jirriżulta mil-liġi applikabbli fil-qasam tat-traffiku li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa dak li tiżgura sistema ta’ trasport sigura u effettiva, li la n-netwerk tat-toroq ikkonċernat u lanqas il-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja ma huma operati kummerċjalment, li l-kriterju ta’ għoti huwa dak li jingħataw is-servizzi ta’ taxi f’Londra, li dan il-kriterju ġie stabbilit bil-quddiem u b’mod trasparenti u, fl-aħħar nett, li r-riċevituri kollha ta’ dawn is-servizzi huma ttrattati b’mod ugwali.

51

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-twettiq tal-għan leġiżlattiv li jiżgura sistema ta’ trasport sigura u effettiva u r-rinunzja, bis-saħħa tal-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, għal dħul potenzjali, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li l-ġbir mingħand il-Black Cabs ta’ korrispettiv li jikkorrispondi għall-valur ekonomiku li jirrappreżenta d-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja jista’ jikkomprometti, tal-inqas parzjalment, it-twettiq ta’ dan l-għan, peress li dan jista’ jiddiswadi xi wħud mill-Black Cabs milli jidħlu fl-imsemmija mogħdijiet.

52

Barra minn hekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-Black Cabs, kif esposti fil-punti 4 sa 11 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu raġonevolment jikkunsidraw li l-aċċess ta’ dawn it-taxis għall-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja jista’ jiffavorixxi l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport tat-toroq f’Londra u li, għaldaqstant, il-kriterju ta’ għoti tad-dritt inkwistjoni, jiġifieri dak li jipprovdi servizzi tat-taxi f’Londra, jista’ jippermetti t-twettiq tal-għan intiż.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu għal darb’oħra jiġi vverifikat jekk il-kriterju ta’ għoti tad-dritt ta’ aċċess miżmum mill-awtorità kompetenti japplikax għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’mod mhux diskriminatorju. Issa, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-eżami kkoinċida, essenzjalment, ma’ dak dwar jekk il-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja tagħtix lill-Black Cabs vantaġġ ekonomiku selettiv. Konsegwentement, din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ tali vantaġġ.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenza Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, EU:C:2011:533, punt 36.

55

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (sentenza Mediaset vs Il-Kummissjoni, EU:C:2011:533, punt 36).

56

Permezz tad-domanda 2(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, li tevalwa, bl-għan li tistabbilixxi l-eventwali natura selettiva tal-vantaġġ mogħti, jekk il-miżura inkwistjoni tintroduċix differenzjazzjonijiet bejn operaturi li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-identifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-Black Cabs u tal-minicabs kif ukoll l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà eventwali ta’ dawn is-sitwazzjonijiet hija kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju li hija l-unika li għandha l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha.

58

Madankollu, fuq il-bażi tal-elementi li jidhru fil-proċess għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju xi indikazzjonijiet utli għall-evalwazzjoni li huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li twettaq.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-identifikazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali u legali tal-Black Cabs u tal-minicabs ma tistax tkun illimitata għal dik prevalenti fis-settur tas-suq li fih dawn iż-żewġ kategoriji ta’ trasportaturi ta’ passiġġieri jinsabu f’kompetizzjoni diretta, jiġifieri s-settur tar-riżervazzjoni minn qabel. Fil-fatt, ma jistax b’mod serju jiġi ddubitat li l-vjaġġi kollha li jsiru mill-Black Cabs u mill-minicabs jistgħu jaffettwaw is-sigurtà u l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport fir-rotot kollha tat-traffiku ta’ Londra.

60

Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, bis-saħħa tal-istatus ġuridiku tagħhom, huma biss il-Black Cabs li jistgħu joffru s-servizzi tagħhom, li dawn huma suġġetti għall-obbligu ta’ teħid ta’ passiġġieri, li dawn għandhom ikunu jistgħu jingħarfu u jistgħu jittrasportaw persuni li jiċċaqalqu f’siġġu bir-roti u li s-sewwieqa tagħhom għandhom jistabbilixxu l-ħlas għas-servizzi tagħhom permezz ta’ tassimetru u għandu jkollhom għarfien partikolarment fid-dettall tal-belt ta’ Londra.

61

B’hekk jirriżulta li l-Black Cabs u l-minicabs jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u legali suffiċjentement differenti biex jiġi kkunsidrat li ma humiex komparabbli u li l-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja għaldaqstant ma tagħtix vantaġġ ekonomiku selettiv lill-Black Cabs.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 2(ċ).

63

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-fatt li, sabiex tinħoloq sistema ta’ trasport sigura u effettiva, il-Black Cabs huma awtorizzati jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fit-toroq pubbliċi fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-mogħdijiet japplikaw filwaqt li l-minicabs huma preklużi milli jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwasslu xi passiġġieri li jkunu rriżervaw minn qabel, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat lanqas li jagħti lil dawn it-taxis vantaġġ ekonomiku selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, liema fatt, madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Fuq it-tielet domanda

64

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li awtorizzazzjoni mogħtija lill-Black Cabs li jużaw diversi mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fit-toroq pubbliċi fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-mogħdijiet japplikaw filwaqt li l-minicabs huma pprojbiti milli jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwasslu xi passiġġieri li jkunu rriżervawhom minn qabel, huwiex ta’ natura li jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (ara, f’dan is-sens, sentenza Libert et, EU:C:2013:288, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Libert et, EU:C:2013:288, point 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeżisti ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relattivament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 81).

69

Għaldaqstant, il-kundizzjoni li l-għajnuna trid tkun ta’ natura li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tiddependix fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti jew mill-kobor tas-settur ta’ attività kkonċernat (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, EU:C:2003:415, punt 82).

70

Fil-kawża prinċipali, għandu jitqies, b’mod partikolari, li ma jistax jiġi eskluż li l-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja għandha bħala effett li tirrendi inqas attraenti l-provvista ta’ servizzi mill-minicabs f’Londra, b’konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw dan is-suq jonqsu, liema fatt huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

71

B’hekk jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li l-Black Cabs huma awtorizzati jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fit-toroq pubbliċi fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-mogħdijiet japplikaw filwaqt li l-minicabs huma preklużi milli jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwasslu xi passiġġieri li jkunu rriżervaw minn qabel, huwa ta’ natura li jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, liema fatt huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-fatt li, sabiex tinħoloq sistema ta’ trasport sigura u effettiva, il-Black Cabs huma awtorizzati jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fit-toroq pubbliċi fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-mogħdijiet japplikaw filwaqt li l-minicabs huma preklużi milli jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwasslu xi passiġġieri li jkunu rriżervaw minn qabel, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat lanqas li jagħti lil dawn it-taxis vantaġġ ekonomiku selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, liema fatt, madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

2)

Ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li l-Black Cabs huma awtorizzati jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fit-toroq pubbliċi fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-mogħdijiet japplikaw filwaqt li l-minicabs huma preklużi milli jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwasslu xi passiġġieri li jkunu rriżervaw minn qabel, huwa tali li jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, liema fatt huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.