SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2004/114/KE — Artikoli 6, 7 u 12 — Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju — Rifjut ta’ ammissjoni ta’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti”

Fil-Kawża C‑491/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Mohamed Ali Ben Alaya

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il‑kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 153M, p. 330).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. A. Ben Alaya u l-Bundesrepublik Deutschland dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtih viża għal finijiet ta’ studju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6, 7, 14, 15 u 24 tad-Direttiva 2004/114 jistabbilixxu:

“(6)

Wieħed mill-għanijiet [tal-Unjoni] fil-qasam ta’ l-edukazzjoni hu li jippromwovi l-Ewropa fl-intier tagħha bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali. Il-promozzjoni tal-mobilità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Komunità għal skopijiet ta’ studju huwa fattur ewlieni f’dik l-istrateġija. L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza hija parti minn dan.

(7)

Il-migrazzjoni għall-għanijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, li minnha nfisha hija temporanja u ma tiddependix fuq is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti, tikkostitwixxi għamla ta’ arrikkiment reċiproku għall-immigranti konċernati, il-pajjiż ta’ l-oriġni tagħhom u l-Istat Membru ospitanti u tgħin biex tippromwovi familjaritá aħjar bejn il-kulturi.

[...]

(14)

L-ammissjoni għall-iskopijiet stabbiliti minn din id-Direttiva tista’ tiġi miċħuda għal raġunijiet ġustifikati b’mod xieraq. Partikolarment, l-ammissjoni tista’ tiġi rifjutata jekk Stat Membru jikkunsidra, skond valutazzjoni tal-fatti, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa theddida potenzjali għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika. Il-kunċett ta’ ordni pubbliku jista’ jestendi sa sentenza ta’ kundanna għat-twettiq ta’ delitt gravi. F’dan il-kuntest, għandu jiġi notat li l‑kunċett ta’ politika pubblika u sigurtà pubblika jkopri wkoll każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiz terz jagħmel parti jew kien jagħmel parti minn assoċjazzjoni li tagħti sostenn lit-terroriżmu, li tagħti sostenn jew kienet tagħti sostenn lill-assoċjazzjoni bħal din, jew għandha jew kellha aspirazzjonijiet estremisti.

(15)

F’każ ta’ dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet ta’ l-applikazzjoni għall-ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jitolbu l‑evidenza kollha, li hija neċessarja biex issir valutazzjoni tal-koerenza tagħha, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ l-istudji proposti mill-applikant, sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż u l-użu ħażin tal-proċedura stabbilita f’din id-Direttiva.

[...]

(24)

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, iġifieri li tiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal għanijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, ma jistax jintlaħaq f’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità’ tista tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetá stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif iddefinit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan”.

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/114, intitolat “Suġġett”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tiddetermina:

(a)

il‑kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur għall-fini ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju;

(b)

ir-regoli dwar il-proċeduri għal ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal dawk il-finijiet.”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu (1), li hija tapplika “għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ studji” u li “[l-i]Stati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll japplikaw din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi għall-finijiet ta’ skambju ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju”.

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet iktar favorevoli”, jistabbilixxi fil-paragrafu (2) tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika.”

7

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/114, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ ammissjoni”, jinkludi l-Artikoli 5 sa 11.

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Prinċipju”, huwa fformulat kif ġej:

“L-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta’ prova dokumentata li turi li hu/hi jilħaq/tilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u kwalunkwe kondizzjoni fl-Artikoli 7 sa 11 li tapplika għall-kategorija rilevanti.”

9

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali”:

“1.   Ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 11 għandu:

a)

jippreżenta dokument ta’ vjaġġ validu, kif determinat mill-leġiżlazzjoni nazzjonali. Stati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perijodu ta’ validità tad-dokument ikopri mill-inqas it-tul tal-qagħda ppjanata;

b)

jekk hu/hi minuri taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jospita, jippreżenta/tippreżenta awtorizzazzjoni tal-ġenituri għall-qagħda ppjanata;

ċ)

ikollu assigurazzjoni kontra l-mard fir-rispett tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu fl-Istat Membru konċernat;

d)

ma jitqiesx bħala theddida għall-politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika;

e)

jipprovdi prova, jekk l-Istat Membru hekk jitlob, li hu ħallas il-miżata għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 20.

2.   Stati Membri għandhom jiffaċilitaw il-proċedura ta’ ammissjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti mill-Artikoli 7 sa 11 li jipparteċipaw f’programmi tal-Komunità li jsaħħu l-mobilità lejn jew fi ħdan il-Komunità Ewropea.”

10

Skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/114, l-Artikoli 7 sa 11 tagħha jirrigwardaw il-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-istudenti, għat-tfal tal-iskola, għall-persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas u volontiera. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Kondizzjonijiet speċifiċi għal studenti”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Minbarra l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet ta’ studju għandu:

(a)

jkun ġie aċċettat minn stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja biex isegwi kors ta’ studju;

(b)

jipprovdi/tipprovdi l-provi mitluba minn Stat Membru li matul il-qagħda tiegħu/tagħha jkollu/jkollha riżorsi biżżejjed biex ikopri/tkopri s-sussistenza, l-istudju u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura tiegħu/tagħha. Stati Membri għandhom jippubblikaw ir-riżorsi minimi ta’ kull xahar meħtieġa għall-fini ta’ din id-disposizzjoni, mingħajr preġudizzju għal eżami individwali ta’ kull każ;

(ċ)

jipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, ta’ għerf suffiċenti tal-lingwa tal-kors li ser ikun segwit minnu/minnha;

(d)

jipprovdi/tipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, li hu/hi ħallas/ħallset il-miżati mitluba mill-istabbiliment.”

11

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/114, intitolat “Permessi ta’ Residenza”, jinkludi dispożizzjonijiet dwar permess ta’ residenza mogħti lil kull kategorija ta’ persuni msemmija f’din id-direttiva. L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Permess ta’ residenza maħruġ lil studenti” jipprovdi:

“1.   Permess ta’ residenza għandu jinħareġ lill-istudent għal perijodu ta’ mill-inqas sena u rinovabbli jekk id-detentur jibqa’ jilħaq il‑kondizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 7. Fejn it-tul tal-kors ta’ studju hu inqas minn sena, il-permess għandu jkun validu għat-tul tal-kors.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza jista’ jiġi rifjutat jew il-permess jista’ jiġi rtirat jekk id-detentur:

(a)

ma jirrispettax il-limiti mposti dwar l-aċċess għal attivitajiet ekonomiċi taħt l-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva;

(b)

ma jagħmilx progress aċċettabbli fl-istudji tiegħu/tagħha skond il‑leġislazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva.”

Id-dritt Ġermaniż

12

L-Artikolu 6, intitolat “Viża”, tal-Liġi dwar is-soġġorn, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. I, p. 162, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), jipprovdi fil-paragrafu (3) tiegħu:

“Ir-residenzi għal perijodu twil jeħtieġu viża għat-territorju federali (viża nazzjonali), li għandha tinħareġ qabel ma persuna tidħol fil-pajjiż. Din il-viża tinħareġ skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal‑permessi ta’ residenza, tal-karta blu Ewropea, tal-permess ta’ stabbiliment u tal-permess ta’ residenza permanenti fl-Unjoni Ewropea. […]”

13

L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija liġi, intitolat “Studju, korsijiet tal-lingwa, tagħlim” jipprovdi:

“Barrani jista’ jingħata permess ta’ residenza għal finijiet ta’ studju fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla statali jew approvat mill-Istat jew f’korp ta’ taħriġ komparabbli. L-għan tar-residenza għall-istudju jinkludi l-korsijiet tal-lingwa preparatorji għall-istudju kif ukoll l-attendenza fi skola preparatorja għall-istudji universitarji għall-istudenti barranin (miżuri preparatorji għall-istudji universitarji). Il-permess ta’ residenza għal raġunijiet ta’ studju jista’ jingħata biss jekk iċ-ċittadin barrani jkun ġie aċċettat mill‑istabbiliment ta’ edukazzjoni; ammissjoni kundizzjonali hija suffiċjenti. Ebda prova ta’ konoxxenza tal-lingwa li fiha jingħata t‑taħriġ ma hija meħtieġa jekk il-konoxxenzi lingwistiċi jkunu diġà ġew meħuda inkunsiderazzjoni għad-deċiżjoni ta’ ammissjoni jew jekk ikun previst li dawn ser ikunu akkwistati fil-kuntest tal-miżuri preparatorji għall-istudju. Fl-ewwel għoti u f’każ ta’ estensjoni, it-tul tal-validità ta’ permess ta’ residenza għall-istudju huwa tal-inqas ta’ sena u ma jistax jeċċedi sentejn għall-istudju u l-miżuri preparatorji għall-istudju; dan jista’ jiġi estiż jekk l-għan tat-taħriġ ikun għadu ma ntlaħaqx u jista’ jintlaħaq fi żmien xieraq.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

M. A. Ben Alaya, imwieled fid-19 ta’ Frar 1989 fil-Ġermanja, huwa ta’ nazzjonalità Tuneżina. Huwa telaq mill-Ġermanja matul is-sena 1995 sabiex imur joqgħod fit-Tuneżija.

15

Wara li kiseb il-baċellerat hemmhekk matul l-2010 u wara li nkiteb sussegwentement fl-università fit-Tuneżija sabiex ikompli l-istudji fl-informatika, M. A. Ben Alaya ħa passi sabiex ikun jista’ jibda studji superjuri (liċenzjat) fil-Ġermanja. Huwa ġie wkoll aċċettat diversi drabi sabiex jistudja l-matematika fit-Technische Universität Dortmund. M. A. Ben Alaya ppreżenta diversi drabi, quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti, talba sabiex jikseb viża ta’ student sabiex isegwi dan it-taħriġ jew it-taħriġ fil-lingwa organizzat mill-università għall-barranin li jkunu jixtiequ jagħmlu studji superjuri. Dawn it-talbiet ġew miċħuda kollha kemm huma.

16

L-aħħar deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata viża lil M. A. Ben Alaya, fit-23 ta’ Settembru 2011, kienet ibbażata fuq dubji fir-rigward tal-motivazzjoni tiegħu li jsegwi l-istudji, fid-dawl b’mod partikolari, tal-marki mhux tajbin li kien kiseb preċedentement, tal-konoxxenza minima tal-lingwa Ġermaniża u tal-assenza ta’ rabta bejn it-taħriġ li ried jieħu u l-proġett professjonali tiegħu.

17

Fl-1 ta’ Novembru 2011, M. A. Ben Alaya ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni sabiex jingħata viża għal finijiet ta’ studju skont l-Artikolu 16(1) tal-AufenthG. Għandu jiġi osservat li l-konoxxenzi tiegħu huma suffiċjenti sabiex jippermettulu li jsegwi studji fil-matematika u li matul it-tul tal-istudji tiegħu se jieħu ħsiebu missieru, li huwa residenti fil-Ġermanja.

18

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fl-ipoteżi fejn il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114 ikunu ssodisfatti, din id-direttiva tagħtix id-dritt għall-għoti ta’ viża għal finijiet ta’ studju skont l-Artikolu 12 tagħha, mingħajr ma tħalli setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-qrati Ġermaniżi jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni nazzjonali sabiex tirrifjuta l-għoti ta’ viża għal finijiet ta’ studju, fejn il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-viża huma stabbiliti mill-Artikolu 16(1) tal-AufenthG.

19

Skont l-imsemmija qorti, id-Direttiva 2004/114 tirrikonoxxi dritt għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fuq it-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, mingħajr ma l-awtoritajiet Statali ma jkunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ammissjoni.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttiva [2004/114] tistabbilixxi dritt, li jirriżulta minn kompetenza marbuta mal-ħruġ ta’ viża għal skopijiet ta’ studju u ta’ permess ta’ residenza korrispondenti skont l-Artikolu 12 ta[d-Direttiva 2004/114] meta l-‘kundizzjonijiet għall-ammissjoni’, jiġifieri l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 [tal-istess direttiva] ikunu sodisfatti u ma jkun hemm ebda raġuni sabiex l-ammissjoni tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 6(1)(d) [tal-istess d]irettiva?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat għandu jammetti fuq it-territorju tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jixtieq jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fuq dan it-territorju għal finijiet ta’ studju, sakemm dan iċ-ċittadin ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva.

22

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/114, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, l-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt l-imsemmija direttiva fuq it-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għall-verifika tal-fajl minn fejn għandu jirriżulta li l-applikant jissodisfa, kemm il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, 2004/114 u, kif ukoll, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob li jiġi ammess għal finijiet ta’ studju, il-kundizzjonijiet partikolari msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva.

24

B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk jeżistux, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, raġunijiet relatati mal-eżistenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika, li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tal-ammissjoni ta’ tali ċittadin.

25

Sussegwentement, meta l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti mill-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti, l-Istat Membru għandu jagħti l-permess ta’ residenza ta’ student skont l-Artikolu 12 ta’ din l-istess direttiva.

26

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/114 jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu li jiġu ammessi fuq it-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu li jiġu ammessi għal finijiet ta’ skambji ta’ studenti, ta’ taħriġ mhux remunerat jew volontarjat. Filwaqt li dawn l-ewwel dispożizzjonijiet huma obbligatorji għall-Istati Membri, it-traspożizzjoni tat-tieni hija suġġetta għad-diskrezzjoni ta’ dawn. Din id-distinzjoni hija l-indikazzjoni tat-tfittix ta’ ċertu livell ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza.

27

Għaldaqstant, mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/114 jirriżulta li, skont l-Artikolu 12 tagħha, permess ta’ residenza għandu jingħata lil studenti ta’ pajjiż terz, sakemm dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u partikolari elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/114, mill-Artikolu 1(a) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 jirriżulta li din id-direttiva hija intiża sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fuq it-territorju tal-Istati Membri għal finijiet ta’ studju għal tul ta’ iktar minn tliet xhur.

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, skont il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114, din għandha bħala għan li tippromwovi l-mobbiltà tal-istudenti li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn [l-Unjoni] għal finijiet ta’ studju fejn din il-mobbiltà għandha bħala għan li tippromwovi l-Ewropa bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali (sentenza Sommer, C‑15/11, EU:C:2012:371, punt 39). B’mod partikolari, il-premessa 6 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza tagħmel parti mir-riċerka ta’ dan il-għan.

30

Għaldaqstant, li Stat Membru jkun permess jintroduċi, f’dak li jikkonċerna l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, kundizzjonijiet supplimentari għal dawk previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114 imur kontra l-għan intiż mill-imsemmija direttiva li huwa li jiffavorixxi l-mobbiltà ta’ tali ċittadini.

31

Għaldaqstant, mill-istruttura ġenerali u mill-għanijiet tad-Direttiva 2004/114 jirriżulta li, skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu permess ta’ residenza għal finijiet ta’ studju lill-applikant li jkun jissodisfa l-eżiġenzi li jinsabu fl-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmija direttiva, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu b’mod eżawrjenti kemm il-kundizzjonijiet ġenerali u partikolari li għandu jissodisfa l-applikant ta’ permess ta’ residenza għal finijiet ta’ studju kif ukoll ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ ammissjoni ta’ dan tal-aħħar.

32

Fil-fatt, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114 hija kkonfermata mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, skont liema l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni li tapplika għalihom din id-direttiva. Li jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jżidu kundizzjonijiet ta’ ammissjoni differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/114 ikun ifisser li l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni jkunu limitati għal dawn il-persuni, li jmur kontra l-għan intiż mill-imsemmi Artikolu 4(2).

33

Huwa minnu li d-Direttiva 2004/114 tirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-eżami tat-talbiet ta’ ammissjoni. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva kif ukoll, f’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-fatti relevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija artikoli humiex issodisfatti, u b’mod partikolari jekk ir-raġunijiet relatati mal-eżistenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jipprekludux l-ammissjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz.

34

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni abbażi tad-Direttiva 2004/114, xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri, skont il-premessa 15 ta’ din id-direttiva, milli jeżiġu l-provi kollha neċessarji sabiex tiġi evalwata l-koerenza tat-talba ta’ ammissjoni, sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu abbużiv jew frawdolenti tal-proċedura stabbilita mill-imsemmija direttiva.

35

F’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, M. A. Ben Alaya jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u partikolari previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114. B’mod partikolari, l-ebda raġuni li tinsab fl-Artikolu 6(1)(d) ta’ din id-direttiva ma tidher li ġiet invokata kontra tiegħu mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher li permess ta’ residenza għandu jingħata mill-awtoritajiet nazzjonali, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat għandu jammetti fuq it-territorju tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jixtieq jirrisjedi iktar minn tliet xhur fuq dan it-territorju għal finijiet ta’ studju, sakemm dan iċ-ċittadin ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva u sakemm dan l-Istat Membru ma jinvokax kontra tiegħu waħda mir-raġunijiet espliċitament elenkati mill-imsemmija direttiva li tkun tiġġustifika r-rifjut tal-permess ta’ residenza.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il‑kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat għandu jammetti fuq it-territorju tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jixtieq jirrisjedi iktar minn tliet xhur fuq dan it-territorju għal finijiet ta’ studju, sakemm dan iċ-ċittadin ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva u sakemm dan l-Istat Membru ma jinvokax kontra tiegħu waħda mir-raġunijiet espliċitament elenkati mill-imsemmija direttiva li tkun tiġġustifika r-rifjut tal-permess ta’ residenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.