SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 4 — Dritt ta’ distribuzzjoni — Regola tal-eżawriment — Kunċett ta’ ‘oġġett’ — Trasferiment tal-immaġni ta’ xogħol protett minn fuq poster tal-karta għal fuq tila — Bdil tal-media — Effett fuq l-eżawriment”

Fil-Kawża C‑419/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

Art & Allposters International BV

vs

Stichting Pictoright,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Art & Allposters International BV, minn T. Cohen Jehoram u P. N. A. M. Claassen, avukati,

għal Stichting Pictoright, minn M. van Heezik, A. M. van Aerde u E. J. Hengeveld, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn N. Saunders, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Art & Allposters International BV (iktar ’il quddiem “Allposters”) u Stichting Pictoright (iktar ’il quddiem “Pictoright”) dwar ksur eventwali, minn Allposters, tad-drittijiet tal-awtur ta’ Pictoright, li jirriżulta mit-trasferiment tal-immaġni tax-xogħlijiet protetti minn fuq poster tal-karta għal fuq tila u mill-bejgħ ta’ dawn l-immaġni fuq din il-media l-ġdida.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

It-trattat tal-WIPO fuq id-drittijiet tal-awtur

3

L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur”). Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

4

L-imsemmi trattat jipprevedi, fl-Artikolu 1(4) tiegħu, li l-partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, iffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”).

5

L-Artikolu 6 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprevedi:

“1)   Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2)   Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ ta’ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur.”

Il-Konvenzjoni ta’ Berne

6

L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berne, bit-titolu “dritt ta’ adattament, ta’ arranġament u ta’ trasformazzjoni”, jipprevedi:

“L-awturi ta’ xogħlijiet litterarji jew artistiċi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw l-adattamenti, l-arranġamenti u t-trasformazzjonijiet oħra tax-xogħlijiet tagħhom.”

Id-dritt tal-Unjoni

7

Il-premessi 9, 10, 28 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jistipolaw:

“(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. [...]

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom [...]

[...]

(28)

Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. [...]

[...]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.”

8

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[...]”

9

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.   Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

10

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ġie traspost fid-dritt nazzjonali permezz tal-Artikoli 1 u 12(1)(1) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Auteurswet) tat-23 ta’ Settembru 1912 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”).

11

L-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Id-drittijiet tal-awtur huwa d-dritt esklużiv tal-awtur ta’ xogħol litterarju, xjentifiku jew artistiku, jew tal-aventi kawża tiegħu, li jirrendih pubbliku jew li jirriproduċih, bla ħsara għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi.”

12

Skont l-Artikolu 12(1) tal-istess liġi:

“Pubblikazzjoni ta’ xogħol litterarju, xjentifiku jew artistiku tfisser, b’mod partikolari:

il-pubblikazzjoni ta’ riproduzzjoni tax-xogħol, totalment jew parzjalment[...]”

13

L-Artikolu 12b tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, li jittrasponi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 fid-dritt nazzjonali, jipprevedi:

“Jekk kopja ta’ xogħol litterarju, xjentifiku jew artistiku tkun tqegħdet f’ċirkulazzjoni għall-ewwel darba permezz ta’ trasferiment tal-proprjetà fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [(ŻEE)] mill-awtur tagħha jew mill-aventi kawża tiegħu jew bil-kunsens tagħhom, it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ din il-kopja b’mod ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kiri u tas-self, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Pictoright hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur Olandiża li tiddefendi l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur affiljati magħha. Hija tiddefendi wkoll, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-interessi ta’ artisti barranin u tal-eredi tagħhom bis-saħħa ta’ ftehimiet konklużi ma’ entitajiet barranin li joperaw fl-istess qasam. Pictoright hija awtorizzata tesplojtja d-drittijiet tal-awtur f’isem id-detenturi tagħha, b’mod partikolari billi tagħti liċenzji u billi taġixxi kontra l-ksur ta’ dawn id-drittijiet.

15

Allposters tikkummerċjalizza, fuq is-siti internet tagħha, posters u tipi oħra ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ pitturi magħrufa, li huma koperti mid-drittijiet tal-awtur esplojtati minn Pictoright. Allposters, b’mod partikolari, tipproponi lill-klijenti tagħha riproduzzjonijiet fil-forma ta’ posters, ta’ posters fi kwadri, ta’ posters fuq l-injam jew ta’ tili ta’ pittura. Sabiex jiġi rrealizzat il-prodott imsemmi l-aħħar, l-ewwel nett tiġi applikat kisja ta’ materjal sintetiku (laminat) fuq poster tal-karta li jirrappreżenta x-xogħol magħżul. Sussegwentement, l-immaġni ta’ fuq il-poster tiġi ttrasferita mill-karta għal fuq it-tila permezz ta’ proċess kimiku. Fl-aħħar nett, din it-tila tiġi stirata fuq kwadru tal-injam. Wara din l-operazzjoni, l-immaġni tax-xogħol tgħib minn fuq il-media tal-karta. Allposters issejjaħ dan il-proċess u r-riżultat tiegħu bħala “trasferiment fuq tila”.

16

Pictoright opponiet il-bejgħ tat-trasferimenti fuq tila li jirriproduċu xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tal-klijenti tagħha, detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u talbet lil Allposters twaqqaf din l-attività filwaqt li mminaċċjatha b’azzjonijiet ġudizzjarji.

17

Peress li Allposters naqset milli tosserva din it-talba, Pictoright fetħet kawża kontriha quddiem ir-Rechtbank Roermond (qorti tal-Prim’Istanza ta’ Roermond) sabiex tikseb il-waqfien ta’ kull ksur, dirett jew indirett, tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet morali tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet.

18

Ir-Rechtbank Roermond ċaħdet dan ir-rikors permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2010. Pictoright appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Hertogenbosch) li min-naħa tagħha, b’sentenza tat-3 ta’ Jannar 2012, annullat l-ewwel sentenza u laqgħet, fil-parti l-kbira tagħhom, it-talbiet ta’ Pictoright.

19

Skont il-qorti msemmija l-aħħar, il-bejgħ ta’ poster jew ta’ tila li tirriproduċi xogħol artistiku tikkostitwixxi pubblikazzjoni fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, mis-sentenza tal-Hoge Raad der Nederlanden, tad-19 ta’ Jannar 1979 (NJ 1979/421, Poortvliet), jirriżulta li jkun hemm pubblikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 12 tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, jekk il-kopja ta’ xogħol ikkummerċjalizzat mid-detentur tad-dritt tiġi ddistribwita lill-pubbliku taħt forma oħra, sa fejn il-persuna li tikkummerċjalizza din il-forma l-ġdida ta’ dik il-kopja għandha possibbiltajiet ġodda ta’ esplojtazzjoni (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Poortvliet”). Peress li kkonstatat li l-poster tal-karta, ikkummerċjalizzat bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, ġarrab bidla radikali li toffri lill-Allposters possibbiltajiet ġodda ta’ esplojtazzjoni, sa fejn din il-bidla tippermettilha titlob prezzijiet ogħla u li tindirizza l-prodott lejn grupp speċifiku differenti, il-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch qieset li l-kummerċjalizzazzjoni tat-trasferimenti fuq tila tikkostitwixxi pubblikazzjoni li, skont id-dritt nazzjonali, hija pprojbita u ċaħdet l-argument ta’ Allposters ibbażat fuq l-eżawriment tad-Dritt ta’ distribuzzjoni.

20

Allposters ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija tikkontesta, b’mod partikolari, ir-rilevanza tal-ġurisprudenza Poortvliet kif ukoll l-interpretazzjoni mogħtija tal-kunċetti ta’ “eżawriment” u ta’ “pubblikazzjoni”, li hija ssostni li huma armonizzati fl-Unjoni. Allposters tqis li jkun hemm eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29, fil-kuntest tad-distribuzzjoni ta’ xogħol li huwa inkorporat f’oġġett tanġibbli jekk dan ikun tqiegħed għall-bejgħ mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew bil-kunsens tiegħu. Bidla eventwali sussegwenti ta’ dan l-oġġett ma jkollha ebda konsegwenza fuq l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Min-naħa l-oħra Pictoright issostni li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tad-dritt ta’ adattament fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, il-ġurisprudenza Poortvliet tibqa’ valida jew hija, minn tal-inqas, konformi mad-dritt tal-Unjoni.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2001/29] jirregola l-kwistjoni ta’ jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur jistax jiġi eżerċitat fir-rigward ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur li jkun inbiegħ u ġie kkunsinnat fiż-[ŻEE] mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, meta din ir-riproduzzjoni tkun ġiet sussegwentement mibdula fir-rigward tal-forma tagħha u tiġi kkummerċjalizzata mill-ġdid f’din il-forma?

2)

a) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1, il-fatt li jkun hemm bidla bħal dik imsemmija fid-domanda 1 għandu impatt fuq ir-risposta għall-kwistjoni ta’ jekk l-eżawriment, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2001/29] ikunx prekluż jew interrott [?]

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a), liema huma l-kriterji li permezz tagħhom jista’ jiġi ddeterminat jekk tkunx involuta bidla tal-forma ta’ riproduzzjoni li tipprekludi jew tinterrompi l-eżawriment fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2001/29]?

c)

Dawn il-kriterji jippermettu l-applikazzjoni tal-kriterju żviluppat fid-dritt nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens li ma jkunx għad hemm eżawriment minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna li tbiegħ mill-ġdid tkun tat forma oħra lir-riproduzzjonijiet u tkun iddistribwiethom lill-pubbliku f’din l-forma (sentenza tal-Hoge Raad tad-19 ta’ Jannar 1979, NJ 1979/412, Poortvliet)?”

Fuq id-domandi preliminari

22

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju biss u ma huwiex il-kompitu tagħha li tagħti deċiżjonijiet dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza tal-Istati Membri, mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Triveneta Zuccheri et vs Il‑Kummissjoni, C‑347/87, EU:C:1990:129, punt 16, kif ukoll Schwarz, C‑321/07, EU:C:2009:104, punt 48).

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 tapplikax f’sitwazzjoni fejn riproduzzjoni ta’ xogħol protett, wara li tkun ġiet ikkummerċjalizzata fl-Unjoni bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, ġarrbet bdil fil-media tagħha, bħat-trasferiment fuq tila ta’ din ir-riproduzzjoni li tkun fuq poster tal-karta, u ġiet imqiegħda mill-ġdid fis-suq fil-forma l-ġdida tagħha.

24

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li Pictoright tqis li, minħabba l-bidliet sostanzjali li l-posters iġarrbu matul il-proċess ta’ trasferiment fuq it-tili tar-riproduzzjonijiet tax-xogħlijiet protetti, dawn it-tili huma l-adattamenti ta’ dawn ix-xogħlijiet, li fir-rigward tagħhom ma japplikax id-dritt ta’ distribuzzjoni. Hija ssostni li d-dritt ta’ adattament fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ma huwiex armonizzat fid-dritt tal-Unjoni iżda huwa rregolat bl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

25

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29.

26

Fir-rigward tad-dritt ta’ adattament, huwa minnu li l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berne jagħti lill-awturi ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi dritt esklużiv li jawtorizzaw l-adattamenti, l-arranġamenti u trasformazzjonijiet oħra tax-xogħlijiet tagħhom u li ebda dispożizzjoni ekwivalenti ma tidher fl-imsemmija direttiva.

27

Madankollu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “adattament” fis-sens tal-Artikolu 12, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kemm il-poster tal-karta kif ukoll it-trasferiment fuq tila fihom l-immaġni ta’ xogħol artistiku protett u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 inkwantu kopji ta’ xogħol protett ikkummerċjalizzati fl-Unjoni. Issa, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor, tal-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ kopji ta’ dawn ix-xogħlijiet.

28

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

29

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment, mill-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva jirriżulta li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-oriġinal jew ta’ kopji ta’ xogħol jiġi eżawrit biss fil-każ tal-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fl-Unjoni ta’ dan l-oġġett mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

30

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi Artikolu 4(2) ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu regola tal-eżawriment oħra għajr dik prevista f’dik id-dispożizzjoni, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, id-diverġenza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tista’ taffettwa direttament il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laserdisken, C‑479/04, EU:C:2006:549, punti 24 u 56).

31

Billi bbażat ruħha fuq il-kliem tal-istess Artikolu 4(2) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni huwa suġġett għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li l-oriġinal ta’ xogħol jew il-kopji tiegħu jkunu ġew ikkummerċjalizzati mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu u, min-naħa l-oħra, li din il-kummerċjalizzazzjoni tkun seħħet fl-Unjoni (ara s-sentenza Laserdisken, EU:C:2006:549, punt 21).

32

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-posters li jirriproduċu xogħlijiet ta’ pitturi magħrufa, li huma protetti minn drittijiet ta’ awtur u li d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet huma rrappreżentati minn Pictoright, tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE bil-kunsens tal-imsemmija detenturi.

33

Il-partijiet fil-kawża prinċipali madankollu ma jaqblux, minn naħa, fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jkoprix l-oġġett tanġibbli li fuqu huwa inkorporat xogħol jew kopja tiegħu jew inkella l-kreazzjoni intellettwali stess tal-awtur, u min-naħa l-oħra, fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-bidla tal-media, hekk kif imwettqa minn Allposters, taffettwax l-eżawriment tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni.

34

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, is-suġġett tad-dritt ta’ distribuzzjoni, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 isemmi l-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor tal-proprjetà ta’ “dak l-oġġett”.

35

Barra minn hekk, skont il-premessa 28 ta’ dik id-direttiva, il-“protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond [l-imsemmija] Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli”. Skont din l-istess premessa, l-“ewwel bejgħ [fl-Unjoni] ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett [fl-Unjoni]”.

36

Bl-istess mod, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li x-xogħlijiet letterarji u artistiċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ esplojtazzjoni kummerċjali jew permezz ta’ rappreżentazzjonijiet pubbliċi, jew permezz ta’ riproduzzjoni u ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-media tanġibbli li tirriżulta (sentenza FDV, C‑61/97, EU:C:1998:422, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi juża l-kliem “oġġett tanġibbli” u “dak l-oġġett”, ried jagħti lill-awturi l-kontroll fuq l-ewwel tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ kull oġġett tanġibbli li jinkorpora l-kreazzjoni intellettwali tagħhom.

38

Kif ġustament tosserva l-Kummissjoni Ewropea, din il-konklużjoni hija kkorroborata mid-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari mit-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li fid-dawl tiegħu għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata d-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Laserdisken, EU:C:2006:549, punti 39 u 40; Peek & Cloppenburg, C‑456/06, EU:C:2008:232, punti 30 u 31; Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 189; kif ukoll Donner, C‑5/11, EU:C:2012:370, punt 23).

39

Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi trattat jipprovdi li awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà. F’dan ir-rigward, is-sinjifikat tal-kelma “kopja” ġie spjegat espliċitament mill-partijiet kontraenti permezz ta’ dikjarazzjoni miftiehma dwar l-Artikoli 6 u 7 tal-istess Trattat, adottata matul il-konferenza diplomatika tal-20 ta’ Diċembru 1996, li matulha ġie adottat l-imsemmi trattat. Skont dik id-dikjarazzjoni, “l-espressjonijiet ‘kopji’ u ‘oriġinali u kopji’ bħala suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self b’renta taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli”.

40

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni japplika għall-oġġett tanġibbli li fuqu huwa inkorporat xogħol protett jew il-kopja tiegħu jekk dan ikun tqiegħed fis-suq bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

41

Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-fatt li l-oġġett, li ġie kkummerċjalizzat bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, sussegwentement ġarrab bidla fil-media tanġibbli tiegħu, jaffettwax l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

42

Fil-kawża prinċipali, il-bidla magħmula tikkonsisti f’li l-immaġni ta’ xogħol artistiku li tinsab fuq poster tal-karta tiġi ttrasferita għal fuq tila permezz tal-proċess deskritt fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li jwassal għal bdil minn media tal-karta għal tila. Mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali jirriżulta li din it-teknika tippermetti t-titwil tal-ħajja tar-riproduzzjoni, it-titjib tal-kwalità tal-immaġni meta mqabbla mal-poster u li r-riżultat ikun eqreb għall-oriġinal tax-xogħol.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament osserva l-Gvern Franċiż, li l-konsegwenza ta’ bdil tal-media, kif seħħ fil-kawża prinċipali, hija l-ħolqien ta’ oġġett ġdid li jinkorpora l-immaġni tax-xogħol protett, filwaqt li l-poster, bħala tali, ma jibqax jeżisti. Tali bdil tal-kopja tax-xogħol protett li jagħmel ir-riżultat eqreb għall-oriġinal jista’, fil-verità, jikkostitwixxi riproduzzjoni ġdida ta’ dan ix-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, li hija koperta mid-dritt esklużiv tal-awtur u teħtieġ l-awtorizzazzjoni tiegħu.

44

Allposters madankollu ssostni li t-trasferiment fuq tila ma jistax jiġi kklassifikat bħala riproduzzjoni minħabba li ma hemmx multiplikazzjoni tal-kopji tax-xogħol protett sa fejn l-immaġni tiġi ttrasferita u ma tidhirx iktar fuq il-poster tal-karta. Hija tispjega li l-linka li tirriproduċi x-xogħol ma tiġix modifikata u li x-xogħol innifsu ma jiġi bl-ebda mod affettwat.

45

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-fatt li l-linka ma tiġix immodifikata matul il-proċess ta’ trasferiment ma jaffettwax il-konstatazzjoni li l-media tal-immaġni nbidlet. Il-kwistjoni rilevanti hija jekk l-oġġett mibdul, evalwat globalment, huwiex, fih innifsu, materjalment l-oġġett li tqiegħed fis-suq bil-kunsens tad-detentur tad-dritt. Ma jidhirx li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

46

Konsegwentement, il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jkoprix id-distribuzzjoni ta’ oġġett li jinkorpora x-xogħol tiegħu jekk, wara l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tiegħu, dan l-oġġett ġie mibdul b’mod li dan jikkostitwixxi riproduzzjoni ġdida ta’ dan ix-xogħol. F’dan l-aħħar każ, id-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ tali oġġett jiġi eżawrit biss wara l-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment tal-proprjetà ta’ dan l-oġġett il-ġdid bil-kunsens tad-detentur ta’ dan id-dritt.

47

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/29 li, skont il-premessi 9 u 10 tagħha, huwa li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni favur, fost l-oħrajn, l-awturi, li jippermetti li dawn tal-aħħar jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu ta’ xogħlijiethom (ara s-sentenzi SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 36; Peek & Cloppenburg, EU:C:2008:232, punt 37; kif ukoll Football Association Premier League et, EU:C:2011:631, punt 186).

48

Issa, mill-argumenti li l-partijiet fil-kawża prinċipali għamlu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ma tawx il-kunsens tagħhom, minn tal-inqas espliċitament, għad-distribuzzjoni tat-trasferimenti fuq tila. Konsegwentement, l-applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ċċaħħad lid-detenturi mill-possibbiltà li jipprojbixxu d-distribuzzjoni ta’ dawn l-oġġetti jew, fil-każ ta’ distribuzzjoni, li jitolbu remunerazzjoni xierqa għall-esplojtazzjoni kummerċjali ta’ xogħlijiethom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tkun xierqa, tali remunerazzjoni għandu jkollha rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tal-esplojtazzjoni tal-oġġett protett (ara, b’analoġija, is-sentenza Football Association Premier League et, EU:C:2011:631, punti 107 sa 109). Fir-rigward tat-trasferimenti fuq tila, il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li l-valur ekonomiku tagħhom huwa sinjifikattivament ikbar minn dak tal-posters.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ma tapplikax f’sitwazzjoni fejn riproduzzjoni ta’ xogħol protett, wara li tkun ġiet ikkummerċjalizzata fl-Unjoni bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, ġarrbet bdil fil-media tagħha, bħat-trasferiment fuq tila ta’ din ir-riproduzzjoni li tkun fuq poster tal-karta, u ġiet imqiegħda mill-ġdid fis-suq fil-forma l-ġdida tagħha.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ma tapplikax f’sitwazzjoni fejn riproduzzjoni ta’ xogħol protett, wara li tkun ġiet ikkummerċjalizzata fl-Unjoni Ewropea bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, ġarrbet bdil fil-media tagħha, bħat-trasferiment fuq tila ta’ din ir-riproduzzjoni li tkun fuq poster tal-karta, u ġiet imqiegħda mill-ġdid fis-suq fil-forma l-ġdida tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.