SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Artikolu 6(1) — Rikors ippreżentat kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fi Stati Membri differenti u li pparteċipaw f’akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, għall-finijiet tal-ksib tal-kundanna in solidum tagħhom għall-ħlas ta’ danni u l-produzzjoni ta’ informazzjoni — Ġurisdizzjoni tal-qorti adita fir-rigward tal-kokonvenuti — Rinunzja għall-atti fir-rigward tal-konvenut iddomiċiljat fl-Istat Membru tal-qorti adita — Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt — Artikolu 5(3) — Klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni — Artikolu 23 — Implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji”

Fil-Kawża C‑352/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Dortmund (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Cartel Damage Claims (CDC) Hydrogen Peroxide SA

vs

Akzo Nobel NV,

Solvay SA/NV,

Kemira Oyj,

FMC Foret SA,

fil-preżenza ta’:

Evonik Degussa GmbH,

Chemoxal SA,

Edison SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Cartel Damage Claims (CDC) Hydrogen Peroxide SA, minn T. Funke, Rechtsanwalt,

għal Akzo Nobel NV, minn M. Blaum u T. Paul, Rechtsanwälte,

għal Solvay SA/NV, minn M. Klusmann u T. Kreifels, Rechtsanwälte,

għal Kemira Oyj, minn U. Börger u R. Lahme, Rechtsanwälte,

għal FMC Foret SA, minn B. Uphoff, solicitor, u S. Woitz, Rechtsanwalt,

għal Evonik Degussa GmbH, minn C. Steinle u S. Wilske, Rechtsanwälte,

għal Edison SpA, minn A. Rinne u T. Mühlbach, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët, M. Wilderspin u G. Meessen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(3), 6(1) u 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Cartel Damage Claims (CDC) Hydrogen Peroxide SA (iktar ’il quddiem “CDC”), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), u Akzo Nobel NV, Solvay SA/NV, Kemira Oyj u FMC Foret SA, stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar azzjoni għad-danni mibdija għad-djun kumpensatorji li ġew ittrasferiti lilha direttament jew indirettament minn 71 impriża li allegatament sostnew danni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 2, 11, 12, 14 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(2)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[...]

(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(14)

L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn assigurazzjoni, konsumatur [kuntratt ta’ konsum] jew kuntratt ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skond il-bażi esklussivi ta’ ġurisdizzjoni mitluba f’dan ir-Regolament.

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]”

4

L-Artikoli 2 sa 31 tal-imsemmi regolament, li jinsabu taħt il-Kapitolu II tiegħu, jirrigwardaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

5

Is-Sezzjoni 1 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, tinkludi l-Artikolu 2(1), li huwa mfassal kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, persuna li tkun iddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija fi Stat Membru ieħor “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

7

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1)

meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

8

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)

f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

CDC, kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan stabbilita fi Brussell, għandha l-għan li tirkupra, b’mod ġudizzjarju u extraġudizzjarju, djun kumpensatorji ta’ impriżi affettwati minn akkordju. Permezz ta’ att promotur tas-16 ta’ Marzu 2009, hija ressqet kawża għal kumpens quddiem il-qorti tar-rinviju kontra sitt impriżi ta’ prodotti kimiċi li, minbarra l-parti intervenjenti u preċedentement konvenuta, Evonik Degussa GmbH (iktar ’il quddiem “Evonik Degussa”), li s-sede tagħha tinsab f’Essen (il-Ġermanja), huma stabbiliti f’ħames Stati Membri li ma humiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

10

Insostenn tal-azzjoni tagħha, li fil-kuntest tagħha CDC titlob il-kundanna in solidum tal-konvenuti fil-kawża prinċipali għall-ħlas ta’ danni u għall-produzzjoni ta’ informazzjoni, din il-kumpannija tinvoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/903/KE, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/C.38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (ĠU L 353, p. 54), fejn fiha l-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, fir-rigward tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat tas-sodju, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u impriżi oħra ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwu u b’hekk kisru l-projbizzjoni tal-akkordji previsti fl-Artikolu 81 KE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Din id-deċiżjoni kienet tindika li l-ksur beda mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 1994 u ġie fi tmiemu mhux qabel il-31 ta’ Diċembru 2000. Dejjem skont l-imsemmija deċiżjoni, il-ksur ikkonsista prinċipalment fl-iskambju ta’ informazzjoni importanti u kunfidenzjali dwar is-swieq u/jew l-impriżi, f’limitazzjoni u/jew f’kontroll tal-produzzjoni, fi tqassim tal-partijiet tas-suq u tal-klijenti u f’iffissar u sorveljanza tal-prezzijiet fil-kuntest ta’ laqgħat u ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi multilaterali u/jew bilaterali li seħħew b’mod bejn wieħed u ieħor regolari essenzjalment fil-Belġju, fil-Ġermanja u fi Franza.

11

F’dan ir-rigward, CDC tinvoka ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ djun kumpensatorji, konklużi ma’ 32 impriża stabbilita fi tlettax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) differenti, u wħud minn dawn l-impriżi kienu diġà kkonkludew minn qabel tali ftehimiet ta’ trasferiment ma’ 39 impriża oħra. L-impriżi kkonċernati huma attivi fis-settur tal-ipproċessar taċ-ċellulosa u tal-karta. Skont l-indikazzjonijiet ta’ CDC, dawn l-impriżi xtraw, bejn is-sena 1994 u s-sena 2006, kwantitajiet kunsiderevoli ta’ perossidu tal-idroġenu f’diversi Stati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE, u għandu jiġi mifhum li, fir-rigward ta’ diversi impriżi, il-perossidu tal-idroġenu ġie kkunsinnat f’diversi fabbriki li jinsabu f’diversi Stati Membri. Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, uħud mill-kuntratti ta’ bejgħ ikkonċernati kien fihom klawżoli ta’ arbitraġġ u klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni.

12

Fix-xahar ta’ Settembru 2009, CDC irtirat l-azzjoni kontra Evonik Degussa wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni ma’ din il-kumpannija. Fit-tmiem tas-sena 2009, il-konvenuti fil-kawża prinċipali li kienu għadhom partijiet fil-kawża ngħaqdu ma’ din l-aħħar kumpannija kif ukoll Chemoxal SA u Edison SpA. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali barra minn hekk qajmu l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, u eċċepixxew b’mod partikolari diversi klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni u klawżoli ta’ arbitraġġ stipulati f’uħud mill-kuntratti ta’ bejgħ li jgħaqqduhom mal-impriżi allegatament vittmi.

13

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li hija jista’ jkollha ġurisdizzjoni internazzjonalment biss bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5(3) u 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali ġurisdizzjoni jkunu ssodisfatti, CDC tkun tista’ tfittex lill-konvenuti fil-kawża prinċipali quddiem waħda mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati ma tkunx validament eskluża permezz tal-effett tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jew ta’ klawżola ta’ arbitraġġ.

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Dortmund iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenut stabbilit fl-Istat tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni u konvenuti stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jintalbu in solidum, fil-kuntest ta’ kawża, jipprovdu informazzjoni u jħallsu kumpens għad-danni fir-rigward ta’ ksur uniku u kontinwu li pparteċipaw fih f’numru ta’ Stati Membri f’postijiet u fi żminijiet differenti (fejn dan il-ksur tal-Artikolu 81 KE / Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ikun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea), hemm lok li din il-kawża tinstema’ u tiġi deċiża fl-istess ħin sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk jiġu deċiżi separatament?

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li l-kawża mibdija kontra l-konvenut stabbilit fl-Istat tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni kienet is-suġġett ta’ rinunzja għall-atti wara n-notifika tal-kawża lill-konvenuti kollha u qabel l-iskadenza tat-terminu previst mill-qorti għar-risposta u qabel il-bidu tal-ewwel seduta?

2)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenuti stabbiliti fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea jintalbu, fil-kuntest ta’ kawża, jipprovdu informazzjoni u jħallsu kumpens għad-danni fir-rigward ta’ ksur uniku u kontinwu li pparteċipaw fih f’numru ta’ Stati Membri f’postijiet u fi żminijiet differenti (fejn dan il-ksur tal-Artikolu 81 KE / Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ikun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea), il-fatt dannuż seħħ, fir-rigward ta’ kull konvenut u għad-danni kollha invokati jew għad-dannu totali, fl-Istati Membri li fihom l-akkordji ġew konklużi u implementati?

3)

Fil-każ fejn id-danni jintalbu, fil-kuntest ta’ kawża, fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE / Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (projbizzjoni ta’ akkordji), il-prinċipju ta’ implementazzjoni effettiva tal-projbizzjoni ta’ akkordji fid-dritt tal-Unjoni jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli ta’ arbitraġġ u l-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni stipulati fil-kuntratti ta’ kunsinna meta, għall-konvenuti kollha u/jew għad-drittijiet invokati kollha jew għal parti minnhom, tali teħid inkunsiderazzjoni jkollu l-effett ta’ deroga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 5(3) u/jew fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

15

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ diversi konvenuti li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tistax tiġi applikata fir-rigward ta’ azzjoni intiża li tikkundanna in solidum għal danni u, fil-kuntest tagħha, għall-produzzjoni ta’ informazzjoni, ta’ impriżi li pparteċipaw b’mod differenti, fuq il-livell ġeografiku u dak temporali, fi ksur uniku u kontinwu tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista mid-dritt tal-Unjoni kkonstatat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, u dan anki meta r-rikorrent irrinunzja għall-atti fir-rigward tal-uniku kokonvenut li huwa ddomiċiljat fl-Istat Membru tas-sede tal-qorti adita.

16

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabelxejn għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tagħha (ara s-sentenza Reisch Montage, C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 29).

17

Ir-regola tal-ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 6(1) tipprovdi li konvenut jista’ jiġi mfittex, jekk ikun hemm diversi konvenuti, quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed fosthom bil-kundizzjoni li t-talbiet ikunu marbuta permezz ta’ rabta daqstant mill-qrib li jkun hemm interess li dawn jinstemgħu u jiġu deċiżi fl-istess waqt sabiex jiġu evitati ġudizzji li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk jiġu deċiżi separatament (sentenzi Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 73, kif ukoll Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 40).

18

Din ir-regola speċjali, sa fejn tidderoga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, hija ta’ interpretazzjoni stretta, u ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara s-sentenza Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 74).

19

Skont il-premessi 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001, din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tissodisfa l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġu evitati għalhekk ġudizzji li kienu jkunu irrikonċiljabbli kieku l-kawżi ġew deċiżi separatament (sentenza Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 77).

20

Għalhekk, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi vverifikat jekk bejn id-diversi talbiet, ippreżentati mill-istess rikorrent kontra diversi konvenuti, teżistix rabta ta’ konnessjoni bħal interess sabiex dawn jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati ġudizzji li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament (ara s-sentenzi Freeport, C‑98/06, EU:C:2007:595, punt 39, kif ukoll Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 42). F’dan ir-rigward, sabiex ġudizzji jkunu jistgħu jitqiesu bħala irrikonċiljabbli, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti differenza fil-mod ta’ kif tiġi konkluża l-kawża, iżda huwa meħtieġ ukoll li din id-differenza tkun irriżultat mill-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt (ara s-sentenzi Freeport, C‑98/06, EU:C:2007:595, punt 40; Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 79, kif ukoll Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 43).

21

F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt, din għandha titqies bħala sodisfatta f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minkejja l-fatt li huwa b’mod kuntrastanti, kemm mill-perspettiva ġeografika kif ukoll temporali, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali pparteċipaw fl-implementazzjoni tal-akkordju kkonċernat billi kkonkludew u eżegwixxew kuntratti skont dan l-akkordju, dan l-akkordju kien jikkostitwixxi, skont id-Deċiżjoni 2006/903 li fuqha huma bbażati t-talbiet fil-kawża prinċipali, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Madankollu, din id-deċiżjoni ma tiffissax il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ċivili eventwali tagħhom, fejn ikun il-każ, in solidum, billi din hija ddeterminata mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

22

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tar-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli, peress li diversi drittijiet nazzjonali jistgħu jvarjaw bejniethom fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ċivili tal-parteċipanti fl-akkordju illeċitu, minn din iċ-ċirkustanza jirriżulta riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli fil-każ fejn azzjonijiet jitressqu minn allegata vittma tal-akkordju quddiem il-qrati ta’ diversi Stati Membri.

23

Madankollu għandu jitfakkar li, anki fl-ipoteżi fejn diversi liġijiet ikunu applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni introdotti minn CDC kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali skont regoli ta’ dritt internazzjonali privat tal-qorti adita, tali differenza ta’ bażijiet legali ma hijiex, fiha nnifisha, ostakolu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn kien prevedibbli għall-konvenuti li huma kienu qegħdin jirriskjaw li jiġu mfittxija fl-Istat Membru fejn tal-inqas wieħed fosthom huwa ddomiċiljat (ara s-sentenza Painer, C-145/10, EU:C:2011:798, punt 84).

24

Issa, din l-aħħar kundizzjoni tkun ssodisfatta fil-każ ta’ deċiżjoni vinkolanti tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur uniku tad-dritt tal-Unjoni u li fuq dan il-fatt tiġi bbażata r-responsabbiltà ta’ kull parteċipant għad-danni li jirriżultaw mill-atti delittwali ta’ kull parteċipant f’dan il-ksur. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija parteċipanti kellhom jistennew li jinbdew proċeduri kontrihom quddiem il-qrati ta’ Stat Membru li fih wieħed fosthom huwa ddomiċiljat.

25

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li azzjonijiet għad-danni kontra diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti li pparteċipaw f’akkordju uniku u kontinwu, bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jiġu deċiżi b’mod separat jista’ jwassal għal ġudizzji irrikonċiljabbli fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

26

B’dan ippreċiżat, għandu wkoll jiġi eżaminat sa fejn ir-rinunzja għall-atti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-uniku konvenut li jinsab iddomiċiljat fl-Istat Membru tas-sede tal-qorti adita tista’ teskludi l-applikabbiltà tar-regola tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

27

Skont ġurisprudenza stabbilita, din ir-regola ma tistax tiġi applikata b’mod li tista’ tippermetti lil rikorrent li jressaq talba kontra numru ta’ konvenuti bil-għan biss li wieħed minn dawn jiġi eżentat mill-qrati tal-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat (sentenzi Reisch Montage, C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 32, u Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 78).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li, meta t-talbiet imressqa kontra d-diversi konvenuti jkunu konnessi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, matul it-tressiq tagħhom, ir-regola tal-ġurisdizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tkun applikabbli mingħajr ma jkun barra minn hekk neċessarju li jiġi stabbilit b’mod distint li t-talbiet ma tressqux bil-għan biss li wieħed minn dawn jiġi eżentat mill-qrati tal-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat (ara s-sentenza Freeport, C‑98/06, EU:C:2007:595, punt 54).

29

Minn dan isegwi li, fil-preżenza ta’ talbiet li, waqt il-preżentata tagħhom, huma konnessi fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita tkun tista’ tikkonstata użu ħażin possibbli tar-regola tal-ġurisdizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni biss jekk ikun hemm indizji probatorji li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna li għamlet it-talba ħolqot jew żammet b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

30

Fil-kawża prinċipali, huwa allegat minn ċerti partijiet li, qabel l-introduzzjoni tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, ġie konkluż ftehim bonarju bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Evonik Degussa, li s-sede tagħha tinsab fil-Ġermanja, u li dawn il-partijiet b’mod volontarju pposponew il-konklużjoni formali ta’ dan il-ftehim bonarju għal wara t-tressiq ta’ din l-azzjoni, bl-għan biss li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fir-rigward tal-konvenuti fil-kawża prinċipali l-oħrajn.

31

Sabiex tkun tista’ tiġi eskluża l-applikabbiltà tar-regola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, tali allegazzjoni għandha madankollu jkollha indizji probatorji li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ kollużjoni tal-partijiet ikkonċernati bl-għan li joħolqu jew li jżommu, b’mod artifiċjali, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-mument tat-tressiq tat-talba.

32

Minkejja li hija l-qorti adita li għandha tevalwa l-imsemmija indizji, għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi fatt li saru diskussjonijiet bl-għan ta’ ftehim bonarju eventwali ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi tali kollużjoni. Għall-kuntrarju, dan ikun il-każ jekk jirriżulta li tali tranżazzjoni ġiet effettivament konkluża, iżda din ġiet moħbija sabiex tinħoloq l-apparenza li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kienu ssodisfatti.

33

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ diversi konvenuti li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tista’ tapplika fir-rigward ta’ azzjoni intiża għall-kundanna in solidum għal danni u, fil-kuntest tagħha, għall-produzzjoni ta’ informazzjoni, ta’ impriżi li pparteċipaw b’mod differenti, fuq il-livell ġeografiku u temporali, fi ksur uniku u kontinwu tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista bid-dritt tal-Unjoni kkonstatat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, u dan anki meta r-rikorrent irrinunzja għall-atti fir-rigward tal-uniku fost il-kokonvenuti li huwa ddomiċiljat fl-Istat Membru tas-sede tal-qorti adita, sakemm ma tiġix stabbilita l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn ir-rikorrent u l-imsemmi kokonvenut bl-għan li jinħolqu jew jinżammu, b’mod artifiċjali, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fid-data tat-tressiq ta’ din il-kawża.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konvenuti stabbiliti f’diversi Stati Membri jiġu mfittxija għad-danni, u, f’dan il-kuntest, jintalbu l-produzzjoni ta’ informazzjoni, minħabba ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li pparteċipaw fih diversi fi Stati Membri f’dati u f’postijiet differenti, u dan il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ġie kkonstatat mill-Kummissjoni, il-fatt dannuż jitqiesx li seħħ, fir-rigward ta’ kull konvenut u għad-danni kollha invokati, fl-Istati Membri li fihom ittieħdu jew ġew implementati arranġamenti kollużorji.

35

Billi l-fatti tal-kawża prinċipali kienu kkaratterizzati mill-ġbir fi grupp, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ diversi djun kumpensatorji possibbli ttrasferiti fuq din tal-aħħar minn diversi impriżi allegatament vittmi tal-kartell tal-perossidu tal-idroġenu, għandu qabelxejn jitfakkar li trasferiment ta’ djun, imwettaq mid-debitur inizjali, fih innifsu ma jistax ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 58).

36

Minn dan isegwi li l-post ta’ fejn seħħ il-fatt dannuż għandu jiġi eżaminat għal kull dejn kumpensatorju indipendentement minn trasferiment jew minn ġbir fi grupp li tiegħu huwa s-suġġett.

37

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u strett (sentenza Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 43).

38

Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara [il-fatt dannuż] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tirrigwarda kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu u l-post fejn seħħ l-avveniment kawżali, b’tali mod li l-konvenut jista’ jiġi mfittex, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenzi Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 25, u Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37 punt 45).

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn l-ilment u l-qrati tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (sentenzi Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 26, u Hi Hotel HCF, C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 28).

40

Fil-fatt, fil-qasam ta’ delitt jew kważi delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż hija normalment l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għall-kawża u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi (sentenza Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 27).

41

L-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-punti ta’ konnessjoni rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza għaldaqstant għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li oġġettivament tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mfittxija humiex issodisfatti, tant li tkun biss il-qorti tat-territorju ġurisdizzjonali li fih jinsab il-punt ta’ konnessjoni rilevanti li tista’ tieħu konjizzjoni tal-kawża (sentenzi Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 48, u Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 47).

42

Għandu jiġi eżaminat fejn, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-punti ta’ konnessjoni li jistgħu jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni fil-qasam delittwali jew kważi delittwali jkunu jinsabu.

Il-post tal-avveniment kawżali

43

Fir-rigward tal-post tal-avveniment kawżali, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ix-xerrejja ċertament issupplixxew ruħhom fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ma’ diversi parteċipanti fl-akkordju kkonċernat. Madankollu, il-fatt li kkawża d-dannu allegat jinsab mhux fi ksur possibbli tal-obbligi kuntrattwali, iżda fil-limitazzjoni tal-libertà kuntrattwali minħabba dan l-akkordju, peress li din il-limitazzjoni twassal għall-impossibbiltà għax-xerrej li jikseb il-kunsinni tiegħu għal prezz iddeterminat skont il-liġijiet tas-suq.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-post tal-avveniment kawżali li jikkonsisti fi spejjeż żejda li xerrej kellu jħallas minħabba li akkordju ħoloq distorsjoni tal-prezzijiet fis-suq jista’ jiġi identifikat, fl-astratt, bħala dak fejn dan l-akkordju ġie konkluż. Fil-fatt, ladarba dan jiġi konkluż, il-parteċipanti jiżguraw, permezz tal-aġir tagħhom jew permezz tal-astensjonijiet tagħhom, li l-kompetizzjoni tiġi bblokkata u li ssir distorsjoni tal-prezzijiet. Fl-ipoteżi fejn dan il-post ikun magħruf, l-għoti tal-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-imsemmi post ikun jissodisfa l-għanijiet imfakkra fil-punt 39 tas-sentenza preżenti.

45

Din il-kunsiderazzjoni madankollu ma hijiex rilevanti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jkunx possibbli li jiġi identifikat post uniku fejn l-akkordju inkwistjoni ġie konkluż, peress li dan l-akkordju jkun ġie kkostitwit minn numru ta’ arranġamenti kollużorji meħuda matul diversi laqgħat u konsultazzjonijiet li jkunu seħħew f’diversi postijiet fl-Unjoni.

46

Dan ta’ hawn fuq huwa bla ħsara għall-ipoteżi li t-teħid ta’ arranġament partikolari fost dawk li, fit-totalità tagħhom, ikkostitwixxew l-akkordju illeċitu kkonċernat ikun fih innifsu l-avveniment kawżali tad-dannu allegatament ikkawżat lil xerrej, għal liema każ il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha ttieħed l-arranġament inkwistjoni għaldaqstant ikollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu hekk ikkawżat lill-imsemmi xerrej.

47

F’din l-aħħar ipoteżi kif ukoll f’dik fejn il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-akkordju fil-kawża prinċipali madankollu ġie definittivament konkluż fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha, xorta waħda jrid jiġi analizzat il-punt ta’ jekk diversi parteċipanti f’dan l-akkordju jistgħux jiġu mfittxija quddiem l-istess qorti.

48

F’kuntest ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jippermettix li tiġi stabbilita, skont il-post tal-fatt dannuż imputat lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dannu, li ma huwiex parti fil-kawża, ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni kontra awtur ieħor allegat tal-imsemmi dannu li ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita (sentenza Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 41).

49

Għall-kuntrarju, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, xejn ma jipprekludi li diversi koawturi jiġu mfittxija flimkien quddiem l-istess qorti.

50

Minn dan isegwi li l-attribuzzjoni, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tal-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, abbażi tal-avveniment kawżali u fir-rigward tal-awturi kollha ta’ akkordju illeċitu, ta’ dannu allegatament ikkawżat minnu tiddependi mill-identifikazzjoni, fit-territorju ġurisdizzjonali tal-qorti adita, ta’ avveniment konkret li matulu jew dan l-akkordju ġie konkluż definittivament, jew inkella ttieħed arranġament li kien, waħdu, l-avveniment kawżali tad-dannu allegatament ikkawżat lil xerrej.

Il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu

51

Hekk kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-identifikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li oġġettivament tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mfittxija humiex issodisfatti.

52

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu huwa dak fejn id-dannu allegat jimmanifesta ruħu b’mod konkret (ara s-sentenza Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 27). Fir-rigward ta’ dannu li jikkonsisti fi spejjeż żejda mħallsa minħabba prezz artifiċjalment għoli, bħal dak tal-perossidu tal-idroġenu li kien is-suġġett tal-akkordju fil-kawża prinċipali, dan il-post huwa identifikabbli biss għal kull allegata vittma kkunsidrata individwalment u, bħala prinċipju, ikun jinsab fis-sede tagħha.

53

L-imsemmi post jippreżenta l-garanziji kollha bl-għan tal-organizzazzjoni utli ta’ kawża possibbli, peress li l-eżami ta’ talba għal kumpens ta’ dannu allegatament ikkawżat lil impriża partikolari minn akkordju illeċitu li diġà ġie kkonstatat, b’mod vinkolanti, mill-Kummissjoni jiddependi essenzjalment fuq elementi proprji għas-sitwazzjoni ta’ kull impriża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-post fejn hija jkollha s-sede tagħha hija evidentement l-aħjar waħda sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali talba.

54

Il-qorti hekk identifikata għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, għad-dannu kollu kkawżat lill-imsemmija impriża minħabba spejjeż addizzjonali li hija ħallset sabiex tiġi fornuta bi prodotti li huma s-suġġett tal-akkordju kkonċernat, ta’ azzjoni ppreżentata kontra jew xi awtur ta’ dan l-akkordju, jew kontra diversi minnhom.

55

Għall-kuntrarju, billi l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita għall-materjalizzazzjoni tad-dannu tillimita ruħha għad-dannu sostnut mill-impriża li s-sede tagħha tinsab fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha, rikorrenti bħal CDC, li tgħaqqad id-djun kumpensatorji ta’ diversi impriżi, għaldaqstant tkun obbligata, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, tippreżenta talbiet distinti għad-dannu sostnut minn kull waħda minn dawn l-impriżi quddiem il-qrati li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħhom tkun tinsab is-sede rispettiva tagħhom.

56

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenuti stabbiliti fi Stati Membri differenti jiġu mfittxija għad-danni minħabba ksur uniku u kontinwu li għalih ipparteċipaw f’diversi Stati Membri f’dati u f’postijiet differenti, u dan il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jkun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni, il-fatt dannuż ikun seħħ fir-rigward ta’ kull allegata vittma meħuda individwalment, u kull waħda minnhom tista’, skont l-imsemmi Artikolu 5(3), tagħżel li tippreżenta l-azzjoni tagħha quddiem il-qorti tal-post fejn l-akkordju kkonċernat ġie definittivament konkluż jew, jekk ikun il-każ, tal-post fejn ikun ittieħed arranġament speċifiku u identifikabbli bħala l-uniku avveniment kawżali tad-dannu allegat, jew quddiem il-qorti tal-post tas-sede rispettiva tagħha.

Fuq it-tielet domanda

57

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-prinċipju ta’ implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu, fil-każ fejn id-danni jintalbu b’azzjoni ġudizzjarja minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li jinsabu f’kuntratti ta’ kunsinna meta tali teħid inkunsiderazzjoni jkollu l-effett li jidderoga mir-regoli tal-kompetizzjoni internazzjonali previsti fl-Artikoli 5(3) u/jew 6(1) tal-imsemmi regolament.

58

Qabel tiġi ttrattata din id-domanda, għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward ta’ ċerti klawżoli derogatorji li wkoll jinsabu fl-imsemmija kuntratti, iżda li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni biżżejjed sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

59

F’dak li jirrigwarda l-klawżoli msemmija fit-tielet domanda u li tabilħaqq jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, billi kkonkludew ftehim ta’ għażla ta’ qorti skont l-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni, il-partijiet għandhom il-fakultà li jidderogaw mhux biss mill-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 2 tagħha, iżda wkoll mill-ġurisdizzjonijiet speċjali previsti fl-Artikoli 5 u 6 tal-istess konvenzjoni (ara s-sentenza Estasis Saloti di Colzani, 24/76, EU:C:1976:177, punt 7).

60

Issa, billi l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni tgħodd ukoll għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti, għandu jiġi rrilevat li dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-istess konvenzjoni u l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, li huma redatti fi kliem kważi identiku (sentenza Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punti 19 u 20).

61

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti adita tista’ bħala prinċipju tkun marbuta minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tidderoga mill-ġurisdizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 44/2001 li l-partijiet ikunu kkonkludew skont l-Artikolu 23(1) tiegħu.

62

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fir-rigward tal-ħtieġa ta’ implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regoli ta’ dritt sostantiv applikabbli għall-mertu ta’ kawża ma jistgħux jinfluwenzaw il-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 17 tal-konvenzjoni msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Castelletti, C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 51). Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, din l-interpretazzjoni hija rilevanti wkoll għall-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001.

63

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti adita ma tistax, taħt piena li jiġi kkontestat l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni skont il-ħtiġiet tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament minħabba s-sempliċi raġuni li din tqis li l-qorti msemmija minn din il-klawżola ma tiżgurax l-effett sħiħ tal-prinċipju ta’ implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji u ma tippermettix lill-vittma ta’ akkordju li tikseb il-kumpens sħiħ għall-preġudizzju li hija tkun sostniet. Għall-kuntrarju, għandu jitqies li s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti f’kull Stat Membru, ikkompletata mill-mekkaniżmu tar-rinviju preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, jagħti lill-individwi garanzija biżżejjed f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza Renault, C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 23).

64

F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti adita għandha madankollu tiżgura, qabel ma teżamina l-kundizzjonijiet formali li l-imsemmi Artikolu 23 jistabbilixxi, li l-klawżoli inkwistjoni jistgħu effettivament jiġu applikati fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni mdaħħla f’kuntratt, bħala prinċipju tista’ tipproduċi l-effetti tagħha biss fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet li jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Sabiex tali klawżola tkun tista’ tiġi applikata fir-rigward ta’ parti terza, bħala prinċipju huwa neċessarju li dan ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan l-effett (sentenza Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 29).

65

Fil-fatt, ikun biss fil-każ fejn, skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu, kif iddeterminat b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-qorti adita, il-persuna terza tkun issuċċediet lill-parti kontraenti inizjali fid-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha, li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li għaliha din il-persuna terza ma tkunx tat il-kunsens tagħha tista’ madankollu tiġi applikata fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coreck, C‑387/98, EU:C:2000:606, punti 24, 25 u 30).

66

Jekk jirriżulta li l-klawżoli inkwistjoni huma applikabbli fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikun hemm lok li jiġi eżaminat jekk huma effettivament jidderogawx mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali.

67

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, sabiex jiġu ddeterminati l-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għandha ssir mill-qorti nazzjonali li quddiemha din tiġi invokata (sentenzi Powell Duffryn, C‑214/89, EU:C:1992:115, punt 37, u Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 31).

68

Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ biss tikkonċerna kwistjonijiet maħluqa jew li se jinħolqu fil-każ ta’ relazzjoni ġuridika partikolari, li tillimita l-portata ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni biss għall-kwistjonijiet li joriġinaw mir-relazzjoni ġuridika li fir-rigward tagħha ġiet miftiehma din il-klawżola. Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jevita li parti ma tiġix sorpriża bl-attribuzzjoni lil qorti partikolari tal-kwistjonijiet kollha li jinħolqu fir-relazzjonijiet li hija jkollha mal-kokontraent tagħha u li joriġinaw minn relazzjonijiet li ma humiex dik li fir-rigward tagħha ġiet miftiehma l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Powell Duffryn, C‑214/89, EU:C:1992:115, punt 31).

69

Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tqis li klawżola li tirreferi b’mod astratt għall-kwistjonijiet li jqumu fir-relazzjonijiet kuntrattwali ma tkunx tkopri kwistjoni relatata mar-responsabbiltà delittwali li kokontraenti jkun allegatament sostna minħabba l-aġir tiegħu b’mod konformi ma’ akkordju illeċitu.

70

Fil-fatt, billi tali tilwima ma hijiex raġonevolment prevedibbli għall-impriża vittma fil-mument li hija tkun tat il-kunsens tagħha għall-imsemmija klawżola, peress li l-akkordju illeċitu li jinvolvi lill-kokontraent tagħha ma kienx magħruf f’dik id-data, ma tistax titqies bħala li toriġina mir-relazzjonijiet kuntrattwali. Għaldaqstant, tali klawżola ma tidderogax b’mod validu mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju.

71

Għall-kuntrarju, fil-preżenza ta’ kawża li tagħmel referenza għall-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà sostnuta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li taħtar qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex dak tal-qorti tar-rinviju, din għandha twaqqa’ l-ġurisdizzjoni tagħha, anki fejn din il-klawżola twassal sabiex ir-regoli tal-ġurisdizzjoni speċjali previsti fl-Artikoli 5 u/jew 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jitwarrbu.

72

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti, fil-każ fejn id-danni jintalbu b’azzjoni ġudizzjarja minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li jinsabu f’kuntratti ta’ kunsinna, anki jekk tali teħid inkunsiderazzjoni jkollu l-effett li jidderoga mir-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali previsti fl-Artikoli 5(3), u/jew 6(1) tal-imsemmi regolament, bil-kundizzjoni li dawn il-klawżoli jkunu jikkonċernaw il-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà sostnuta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ diversi konvenuti li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tista’ tapplika fir-rigward ta’ azzjoni intiża għall-kundanna in solidum għal danni u, fil-kuntest tagħha, għall-produzzjoni ta’ informazzjoni, ta’ impriżi li pparteċipaw b’mod differenti, fuq il-livell ġeografiku u temporali, fi ksur uniku u kontinwu tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista bid-dritt tal-Unjoni kkonstatat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u dan anki meta r-rikorrent irrinunzja għall-atti fir-rigward tal-uniku fost il-kokonvenuti li huwa ddomiċiljat fl-Istat Membru tas-sede tal-qorti adita, sakemm ma tiġix stabbilita l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn ir-rikorrent u l-imsemmi kokonvenut bl-għan li jinħolqu jew jinżammu, b’mod artifiċjali, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fid-data tat-tressiq ta’ din il-kawża.

 

2)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenuti stabbiliti fi Stati Membri differenti jiġu mfittxija għad-danni minħabba ksur uniku u kontinwu li għalih ipparteċipaw f’diversi Stati Membri f’dati u f’postijiet differenti, u dan il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, ikun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea, il-fatt dannuż ikun seħħ fir-rigward ta’ kull allegata vittma meħuda individwalment, u kull waħda minnhom tista’, skont l-imsemmi Artikolu 5(3), tagħżel li tippreżenta l-azzjoni tagħha quddiem il-qorti tal-post fejn l-akkordju kkonċernat ġie definittivament konkluż jew, jekk ikun il-każ, tal-post fejn ikun ittieħed arranġament speċifiku u identifikabbli bħala l-uniku avveniment kawżali tad-dannu allegat, jew quddiem il-qorti tal-post tas-sede rispettiva tagħha.

 

3)

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti, fil-każ fejn id-danni jintalbu b’azzjoni ġudizzjarja minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li jinsabu f’kuntratti ta’ kunsinna, anki jekk tali teħid inkunsiderazzjoni jkollu l-effett li jidderoga mir-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali previsti fl-Artikoli 5(3), u/jew 6(1) tal-imsemmi regolament, bil-kundizzjoni li dawn il-klawżoli jkunu jikkonċernaw il-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà sostnuta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.