SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċedura ta’ insolvenza — Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ — Grupp ta’ kumpanniji — Stabbiliment — Dritt li tiftaħ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza — Kriterji — Persuna awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza”

Fil-Kawża C‑327/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Burgo Group SpA

vs

Illochroma SA, fi stralċ,

Jérôme Theetten, bħala stralċatarju ta’ Illochroma SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Burgo Group SpA, minn R. Huberty u S. Voisin, avukati,

għal Illochroma SA, fi stralċ u J. Theetten, bħala stralċatarju ta’ Illochroma SA, minn J. E. Kuntz, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn F. Gosselin, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn M. Germani, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Czech u M. Arciszewski, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 16 u 27 sa 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Burgo Group SpA (iktar ’il quddiem “Burgo Group”) u Illochroma SA (iktar ’il quddiem “Illochroma”), fi stralċ, u J. Theetten, bħala stralċatarju ta’ Illochroma, dwar il-ftuħ, fil-Belġju, ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“proċedimenti sekondarji”) li jirrigwardaw il-beni ta’ Illochroma.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 11, 12 u 17 sa 19 tar-Regolament jistipulaw:

“(11)

Dan ir-Regolament għandu jagħraf illi b’riżultat ta’ liġijiet sustantivi li huma differenti ħafna minn xulxin, mhux prattikabbli li jkunu introdotti proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] fl-iskop universali tal-Komunità kollha. F’dan l-isfond, l-applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni tal-liġi ta’ l-Istat dwar ftuħ ta’ proċedimenti ta’ spiss twassal għal diffikultajiet […] Dan ir-Regolament għandu jieħu konsiderazzjoni […] proċedimenti nazzjonali li jkopru biss assi li jinstabu fl-Istat fejn hemm il-ftuħ għandhom ukoll ikunu permissibli flimkien mal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment [iktar ’il quddiem il-‘proċedimenti prinċipali’] bl-iskop universali.

(12)

[…] Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. […]

[…]

(17)

Qabel ma jinfetħu l-proċedimenti prinċipali […], id-dritt li jintalab il-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu l-istabbiliment tiegħu għandu jkun limitat għal kredituri lokali u kredituri ta’ l-istabbilimenti lokali jew għal każijiet fejn il-proċedimenti prinċipali ma jkunux jistgħu jinfetħu permezz tal-liġi ta’ l-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Ir-raġuni għal din ir-restrizzjoni hija illi f’dawk il-każijiet fejn proċedimenti territorjali ta’ falliment ikunu mitluba qabel ma l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment jiġu intenzjonalment limitati għal dak li hu assolutament meħtieġ. Jekk jinfetħu il-proċedimenti prinċipali […], il-proċedimenti territorjali jsiru sekondarji.

(18)

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali […], id-dritt li jintalab il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment fi Stat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment mhux ristrett b’dan ir-Regolament. Il-likwidatur [l-istralċatarju] fil-proċedimenti prinċipali jew xi persuna awtori[zz]ata permezz tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru tista titlob il-ftuħ tal-proċedimenti sekondarji.

(19)

Proċeduri sekondarji […] jistgħu jservu diversi skopijiet, apparti mill-protezzjoni ta’ interessi lokali. Jistgħu jinqalgħu każijiet fejn l-assi tad-debitur ikunu komplessi wisq biex jiġu amministrati bħala unità jew fejn id-differenzi fis-sistemi legali kkonċernati jkunu tant kbar illi jistgħu jinħolqu diffikultajiet mill-estenzjoni ta’ effetti li joriġinaw mill-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ lill-Istati l-oħra fejn ikunu jinstabu l-assi. Għal din ir-raġuni il-likwidatur tal-proċeduri prinċipali jista’ jitlob għal ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji meta l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ l-assi tkun titlob hekk.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

h)

‘stabbiliment’ għandu jfisser xi post ta’ operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’meżżi umani jew oġġetti.”

5

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jiddisponi:

“1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat [sede prinċipali] għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.   Meta proċediment ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ [stralċ].

4.   Proċediment territorjali ta’ falliment msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinfetħu qabel il-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali […] skond il-paragrafu 1 biss:

[…]

b)

meta l-ftuħ ta’ proċedimenti territorjali ta’ falliment ikun mitlub minn kreditur li jkollu id-domiċilju tiegħu, is-residenza tas-soltu jew l-uffiċċju rreġistrat fl-Istat Membru fit-territorju li fih ikun jinstab l-istabbiliment, jew li t-talba tiegħu toriġina mill-operazzjoni ta’ dak l-istabbiliment.”

6

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament, “[kull] ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkoll[ha] l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.”

7

L-Artikolu 27 tar-Regolament, intitolat “Ftuħ tal-proċedimenti”, jipprovdi:

“Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji […] mingħajr ma l-falliment [l-insolvenza] tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor. […] L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.”

8

L-Artikolu 28 tar-Regolament, intitolat “Liġi applikabbli”, jiddisponi:

“Ħlief fejn hemm dispożizzjoni mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċediment sekondarji għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti sekondarji.”

9

L-Artikolu 29 tar-Regolament, intitolat “Dritt għal talba ta’ ftuħ ta’ proċedimenti”, jistipula:

“Il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji jista’ jiġi mitlub minn:

(a)

il-likwidatur [l-istralċatarju] tal-proċedimenti prinċipali;

(b)

xi persuna jew awtorità oħra awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] permezz tal-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun mitlub il-ftuħ tal-proċediment sekondarji.”

10

L-Artikolu 40(1) tar-Regolament jiddisponi:

“Malli jinfetħu proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] fi Stat Membru, il-qorti ta’ dak l-Istat li jkollha l-ġurisdizzjoni, jew il-likwidatur [l-istralċatarju] maħtur minnha, għandha immedjatament tinforma lill-kredituri magħrufa li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, id-domiċilju jew l-uffiċju irreġistrat [is-sede] f’xi Stati Membru oħra.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fil-21 ta’ April 2008, it-Tribunal de commerce de Roubaix‑Tourcoing (Franza) [Qorti tal-kummerċ] qiegħdet lill-kumpanniji kollha tal-grupp Illochroma, inkluża Illochroma, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), f’ristrutturar ġudizzjarju u ħatret lil J. Theetten bħala mandatarju. Fil-25 ta’ Novembru 2008, din l-istess qorti qiegħdet lil Illochroma fi stralċ ġudizzjarju u ħatret lil J. Theetten bħala stralċatarju.

12

Burgo Group, stabbilita f’Altavilla-Vicentina-Vicenza (l-Italja), hija kreditriċi ta’ Illochroma għall-kunsinna ta’ merkanzija li baqgħet mhux imħallsa. Fl-4 ta’ Novembru 2008, Burgo Group bagħtet lil J. Theetten dikjarazzjoni ta’ dejn fl-ammont ta’ EUR 359 778.48.

13

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Novembru 2008, J. Theetten informa lil Burgo Group li ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni din id-dikjarazzjoni ta’ dejn minħabba t-tardività tagħha.

14

Fil-15 ta’ Jannar 2009, Burgo Group talbet il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji fil-konfront ta’ Illochroma quddiem it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-Belġju) [Qorti tal-kummerċ ta’ Brussell]. Peress li din it-talba ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, Burgo Group interponiet appell quddiem il-qorti tar-rinviju, li fih ikkonfermat it-talba tagħha oriġinali.

15

Il-qorti tar-rinviju osservat f’dan ir-rigward li r-Regolament jiddefinixxi l-“istabbiliment” bħala xi post ta’ operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’meżżi umani jew oġġetti, bħalma huwa f’dan il-każ. Fil-fatt, Illochroma għandha żewġ sedi ta’ operar fil-Belġju, hemm għandha proprjetà immobbli, hemm tixtri u terġa’ tbigħ merkanzija u hemm timpjega lill-persunal.

16

Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, peress li Illochroma għandha s-sede rreġistrata tagħha fil-Belġju, hija ma tistax titqies li hija stabbiliment fis-sens tar-Regolament. Fil-fatt, il-proċedimenti sekondarji huma rriżervati għall-istabbilimenti li ma jkollhomx personalità ġuridika.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, taħt il-liġi Belġjana applikabbli f’dan il-każ, kull kreditur, anki jekk stabbilit barra mill-Belġju, jista’ jressaq id-debitur tiegħu li jkun fallut quddiem qorti Belġjana. Madankollu, Illochroma ssostni li dan id-dritt huwa rriżervat għall-kredituri stabbiliti fl-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba ta’ ftuħ tal-proċedimenti sekondarji, peress li dawn il-proċedimenti għandhom biss l-għan li jipproteġu l-interessi lokali.

18

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-Regolament ma jippreċiżax jekk il-possibbiltà miftuħa għall-persuni msemmija fl-Artikolu 29 tagħha, li jitolbu, fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment, il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, huwa dritt li għandu jiġi rrikonoxxut mill-qorti kompetenti jew jekk din tal-aħħar għandhiex fakultà ta’ evalwazzjoni tal-possibbiltà li tilqa’ t-talba, b’mod partikolari bil-għan li tipproteġi l-interessi lokali.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Ir-Regolament […], b’mod partikolari fl-Artikoli 3, 16, 27 [sa] 29 tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a)

‘stabbiliment’ imsemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jinftiehem bħala fergħa tad-debitur li nfetħu kontrih il-proċedimenti prinċipali u jipprekludi li, fil-kuntest tal-istralċ fl-istess waqt ta’ diversi kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedimenti sekondarji fl-Istat Membru li fih huma għandhom l-uffiċċju prinċipali [is-sede rreġistrata] tagħhom, għaliex għandhom personalità ġuridika;

(b)

il-persuna jew awtorità li tista’ titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandu jkollha d-domiċilju jew l-uffiċċju prinċipali tagħha fit-territorju tal-qorti tal-Istat Membru li quddiemha jintalbu dawn il-proċedimenti jew dan id-dritt għandu jiġi rriżervat għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, sakemm juru l-eżistenza ta’ rabta legali mal-istabbiliment ikkonċernat; u

(c)

ladarba l-proċedimenti prinċipali […] huma proċedimenti ta’ stralċ, il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji […] ta’ stabbiliment jista’ jiġi ordnat biss jekk jissodisfa kriterji ta’ espedjenza [adegwatezza] li jitħallew għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-Istat Membru li quddiemha jitressqu l-proċedimenti sekondarji?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tat-tqegħid fi stralċ ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih għandha s-sede rreġistrata tagħha, din il-kumpannija tista’ tkun suġġetta wkoll għal proċedimenti sekondarji fl-Istat Membru l-ieħor, fejn ikollha s-sede rreġistrata tagħha u fejn hija jkollha personalità ġuridika.

21

Burgo Group, il-gvernijiet Ġermaniż, Grieg, Spanjol u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma jipprekludux, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinfetħu proċedimenti sekondarji.

22

B’mod partikolari, Burgo Group ikkunsidrat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment” li jidher fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament hija ċara u ma tieħu inkunsiderazzjoni la l-kunċett ta’ “fergħa” u lanqas dak ta’ “personalità ġuridika”. Barra dan, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ma tostakolax proċedimenti sekondarji li jinfetħu kontra persuna ġuridika li s-sede rreġistrata tagħha jkun fl-istess territorju tal-unità ta’ stabbiliment, dan jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha jkunu tressqu dawn il-proċedimenti sekondarji, peress li jiġi stabbilit li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna ġuridika jkun qiegħed fi Stat Membru ieħor.

23

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, min-naħa l-oħra, li Illochroma ma għandhiex “stabbiliment” fil-Belġju. Illochroma hija persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt Belġjan u għaldaqstant, fil-Belġju, huwa possibbli biss li jinfetħu proċedimenti prinċipali fir-rigward tagħha, biss jekk ma jkunux diġà nfetħu tali proċedimenti fi Franza, fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-kumpannija.

24

Il-Gvern Belġjan żied li l-proċedimenti prinċipali miftuħa fi Franza saru b’mod żbaljat, peress li l-interessi prinċipali ta’ Illochroma jinsabu fil-Belġju.

25

Il-Gvern Pollakk, matul is-seduta, enfasizza li, jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, għandu jiġi żgurat li l-post fejn qiegħed iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija jiġi ddeterminat strettament skont kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281).

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun qiegħed iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti prinċipali.

27

F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament, il-proċedimenti prinċipali miftuħa fi Stat Membru għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri kollha malli dawn il-proċedimenti jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Istat fejn jinfetħu. Din ir-regola timplika li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra għandhom jirrikonoxxu d-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza mingħajr ma jkunu jistgħu jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha (is-sentenza Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni, meħuda minn qorti ta’ Stat Membru, li jinfetħu proċedimenti prinċipali fil-konfront ta’ kumpannija debitriċi, kif ukoll il-konstatazzjoni, għallinqas impliċita, tal-fatt li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-kumpannija qiegħed f’dan l-Istat, bħala prinċipju ma għandhomx jiġu kkontestati mill-qrati ta’ Stati Membri oħra.

29

F’dak li jikkonċerna dan iċ-ċentru tal-interessi prinċipali, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament jipprovdi li, għall-kumpanniji u għall-persuni ġuridiċi, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali huwa preżunt, sakemm jiġi pprovat il-kuntrarju, li huwa s-sede prinċipali. Għalhekk, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmi ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija jista’ ma jikkoinċidix, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament, mal-post tas-sede prinċipali tagħha.

30

Barra dan, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 18 tar-Regolament, wara l-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali, ir-Regolament ma jostakolax it-talba ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fl-Istat Membru fejn ikollu stabbiliment id-debitur. Għalhekk, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament jipprovdi li, f’tali każ, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu proċedimenti sekondarji biss jekk id-debitur ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

31

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “stabbiliment”, huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament bħala “xi post ta’ operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’meżżi umani jew oġġetti”. Madankollu, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li din id-definizzjoni torbot l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika mal-preżenza ta’ riżorsi umani juri li livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà huma neċessarji. Minn dan isegwi li, a contrario, il-preżenza biss ta’ beni individwali jew ta’ kontijiet bankarji ma tissodisfax, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti meħtieġa għall-kwalifikazzjoni ta’ “stabbiliment” (sentenza Interedil, C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 62).

32

Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament ma tagħmel l-ebda riferiment għall-post tas-sede prinċipali ta’ kumpannija debitriċi jew għall-forma ġuridika li għandu jieħu l-post tal-operat inkwistjoni. Għaldaqstant hija ma teskludix, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, li stabbiliment, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkollu personalità ġuridika u li jkun qiegħed fl-Istat Membru fejn din il-kumpannija jkollha l-imsemmija sede, bil-kundizzjoni li jissodisfa l-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni.

33

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet marbuta mal-possibbiltà, prevista b’mod partikolari mal-Artikolu 29(b) tar-Regolament, li jintalab il-ftuħ tal-proċedimenti sekondarji.

34

Fil-fatt, il-premessa 11 tar-Regolament tipprovdi li, “b’riżultat ta’ liġijiet sustantivi li huma differenti ħafna minn xulxin, mhux prattikabbli li jkunu introdotti proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] fl-iskop universali tal-Komunità kollha”, li “[l]-applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni tal-liġi ta’ l-Istat dwar ftuħ ta’ proċedimenti ta’ spiss twassal għal diffikultajiet” u li, fl-aħħar nett, ir-Regolament għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, “proċedimenti nazzjonali li jkopru […] assi li jinstabu fl-Istat fejn hemm il-ftuħ għandhom ukoll ikunu permissibli”. Barra minn hekk, il-premessa 12 tar-Regolament tippreċiża li l-ftuħ tal-proċedimenti sekondarji huwa permess, b’mod partikolari, “[s]abiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi”, waqt li l-premessa 19 tar-Regolament iżżid li, barra mill-protezzjoni tal-interessi lokali, il-proċedimenti sekondarji jistgħu jkollhom “diversi skopijiet”.

35

Minħabba f’hekk, jekk il-kunċett ta’ “stabbiliment” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jinkludi post ta’ operazzjonijiet ta’ kumpannija debitriċi, post li jissodisfa espressament il-kriterji previsti fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament u li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab is-sede prinċipali ta’ din il-kumpannija, l-“interessi lokali”, li jinkludu b’mod partikolari l-interessi ta’ kredituri stabbiliti f’dan l-Istat Membru, jiġu mċaħħdin il-protezzjoni prevista minn dan ir-Regolament, f’forma ta’ ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji fl-imsemmi Stat Membru.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, jekk il-protezzjoni tal-kredituri lokali, ċertament, ma hijiex l-uniku għan mixtieq, mill-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, xorta waħda jibqa’ l-fatt li interpretazzjoni bħal dik evokata fil-punt preċedenti, b’mod ċar, tmur kontra dan l-għan essenzjali tar-Regolament, dan huwa iktar u iktar minnu, ġeneralment, peress li jidher probabbli li l-interessi “lokali” li jistħoqqilhom il-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, jimmaterjalizzaw ruħhom fl-Istat Membru li fih tkun qiegħda s-sede prinċipali tal-kumpannija debitriċi kkonċernata, u dan anki jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-kumpannija jkun qiegħed fi Stat Membru ieħor.

37

Fil-fatt, tali interessi jistgħu jinsabu, b’mod partikolari, fl-aspettattiva leġittima ta’ kreditur li jkun jista’ jitlob it-twettiq ta’ dritt reali fuq il-beni tad-debitur li jifforma parti mill-istabbiliment ikkonċernat, jew li jibbenefika mill-applikazzjoni ta’ drittijiet preferenzjali oħra, skont ir-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikun qiegħed dan l-istabbiliment, dawn ir-regoli huma prevedibbli għall-kreditur meta jidħol f’relazzjoni ta’ negozju mad-debitur.

38

Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni bħal dik evokata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza x’aktarx twassal għal trattament diskriminatorju tal-kredituri stabbiliti fl-Istat Membru fejn il-kumpannija debitriċi jkollha s-sede rreġistrata tagħha meta mqabbla, b’mod partikolari mal-kredituri stabbiliti fi Stati Membri oħra li fihom, skont il-każ, ikun hemm stabbilimenti oħra tad-debitur.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ tqegħid fi stralċ ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih għandha s-sede rreġistrata tagħha, din il-kumpannija tista’ tkun suġġetta wkoll għal proċedimenti sekondarji fl-Istat Membru l-ieħor, fejn ikollha s-sede rreġistrata tagħha u fejn hija jkollha personalità ġuridika.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29(b) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna jew l-awtorità li hija awtorizzata titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandux ikollha d-domiċilju jew is-sede rreġistrata tagħha fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalbu dawn il-proċedimenti jew li l-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti jistgħux jiġu mitluba miċ-ċittadini fejn id-dejn għandu l-oriġini tiegħu fl-attività ta’ dan l-istabbiliment.

41

Burgo Group u, essenzjalment, il-gvernijiet Belġjan u Grieg kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu f’dan ir-rigward li ma huwiex neċessarju, għall-kreditur li jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, li jkun iddomiċiljat jew li jkollu s-sede rreġistrata tiegħu fl-Istat Membru tal-istabbiliment ikkonċernat jew li jiġġustifika li d-dejn tiegħu għandu l-oriġini tiegħu fl-attività ta’ dan l-istabbiliment. Skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament, dawn il-kundizzjonijiet japplikaw biss f’każ fejn il-ftuħ ta’ proċediment territorjali indipendenti jintalab qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, wara l-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali, il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji huma bħala prinċipju, irregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat.

42

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, isostnu li, skont id-dritt Belġjan, talba ta’ ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji tista’ tiġi validament imressqa biss minn kreditur iddomiċiljat jew li għandu s-sede rreġistrata tiegħu fil-Belġju, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan, li huma l-uniċi dispożizzjonijiet determinanti fil-kawża prinċipali.

43

Skont il-Gvern Ġermaniż, jirriżulta b’mod partikolari mill-għanijiet segwiti mir-Regolament li, jekk huwa d-dritt nazzjonali li huwa determinanti f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar min, minbarra l-istralċatarju maħtur fil-proċedimenti prinċipali, huwa awtorizzat li jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, dan id-dritt ma jistax ikun ibbażat fuq is-sede rreġistrata jew id-domiċilju, fl-Istat Membru kkonċernat, tal-kreditur jew tal-awtorità li titlob dan il-ftuħ.

44

Il-Gvern Spanjol iżid li, peress li l-proċedimenti sekondarji ma għandhomx biss bħala għan li jipproteġu l-interessi lokali, il-locus standi ma jistax jiġi limitat għall-persuni li għandhom rabta “lokali”.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 29(b) tar-Regolament, barra l-istralċatarju tal-proċedimenti prinċipali, il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji jista’ jintalab minn “xi persuna jew awtorità oħra awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ [insolvenza] permezz tal-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun mitlub il-ftuħ tal-proċediment sekondarji”. Għaldaqstant, jirriżulta b’mod ċar minn din id-dispożizzjoni li d-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.

46

Madankollu, fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kwistjoni dwar liema persuni huma awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, l-Istati Membri huma obbligati, skont ġurisprudenza stabbilita, li jaraw li tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament, fid-dawl tal-għan tiegħu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jikkonċernaw id-dritt ta’ kreditur li jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji huma mmirati, b’mod partikolari, biex itaffu l-effetti tal-applikazzjoni universali tad-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti prinċipali, billi jawtorizza, f’ċerti ċirkustanzi, il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji bil-għan li jiġu protetti “diversi skopijiet” li jinkludu interessi oħra minbarra l-“interessi lokali”.

48

Min-naħa l-oħra, mill-premessi 17 u 18 kif ukoll mill-Artikolu 3(2) u (4) tar-Regolament jirriżulta li dan tal-aħħar jagħmel distinzjoni netta bejn il-proċedimenti territorjali miftuħa qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali u l-proċedimenti sekondarji. Madankollu, huwa biss fir-rigward tal-ewwel pro li d-dritt li jintalab il-ftuħ tagħhom jingħata biss lill-kredituri li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede rreġistrata tagħhom ikunu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat, jew li d-dejn tagħhom joriġina fl-operat ta’ dan l-istabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zaza Retail, C‑112/10, EU:C:2011:743, punt 30). Minn dan jirriżulta, a contrario, li dawn il-limitazzjonijiet ma japplikawx għall-proċedimenti sekondarji.

49

Fl-aħħar nett, iktar preċiżament fir-rigward ta’ limitazzjoni possibbli tad-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji biss għall-kredituri lokali, għandu jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni timplika distinzjoni bbażata fuq kriterji li jirriskjaw li jaħdmu, prinċipalment, għad-detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, tali distinzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija bħala prinċipju pprojbita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑388/01, EU:C:2003:30, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Madankollu, jekk ir-Regolament, fil-premessa 17 tiegħu, jevoka ġustifikazzjoni espressa għat-trattament preferenzjali, previst fl-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament, tal-kredituri ddomiċiljati jew li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat, u ta’ kredituri li d-dejn tagħhom joriġina fl-operat ta’ dan l-istabbiliment, f’dak li jikkonċerna l-ftuħ ta’ proċedimenti territorjali qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali, din il-ġustifikazzjoni timminimizza t-tħassib ta’ limitazzjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti territorjali indipendenti qabel il-proċedimenti prinċipali, tali ġustifikazzjoni ma hijiex imressqa u lanqas tkun miżmuma abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, f’dak li jikkonċerna l-proċedimenti sekondarji.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 29(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar liema persuna jew awtorità hija awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandha tiġi evalwata abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Id-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ma jistax madankollu jiġi limitat biss għall-kredituri ddomiċiljati jew li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Istat Membru li fih qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat jew biss għall-kredituri li d-dejn tagħhom joriġina mill-operat ta’ dan l-istabbiliment.

Fuq it-tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji fil-konfront ta’ stabbiliment, peress li l-proċedimenti prinċipali huma proċedimenti ta’ stralċ, għandhomx jiġu limitati permezz ta’ kriterji ta’ adegwatezza li jitħallew għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-Istat Membru li quddiemha jitressqu l-proċedimenti sekondarji.

53

Burgo Group sostniet li d-dritt, u mhux is-sempliċi possibbiltà, li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji huwa korrezzjoni għall-prinċipju ta’ universalità tal-falliment stabbilit mir-Regolament, u dan ma jipprovdix l-eżami, mill-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, tal-motivi ta’ adegwatezza.

54

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, isostnu li l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji huwa sempliċi possibbiltà offruta lill-qrati u r-rikorrent f’falliment għandu jipprovdi ġustifikazzjoni li għandu interess li jiftaħ dawn il-proċedimenti kif ukoll li juri li l-ftuħ tal-imsemmija proċedimenti jippermettilu li jinvoka rank aħjar jew dritt preferenzjali ieħor.

55

Il-Gvern Belġjan ifakkar dwar is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, f’dak li jikkonċerna l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, li tgawdi l-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba ta’ ftuħ skont l-Artikolu 29 tar-Regolament.

56

Il-gvernijiet Ġermaniż u Grieg essenzjalment jaqblu mal-pożizzjoni meħuda mill-Burgo Group. L-istruttura u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament jiffavorixxu interpretazzjoni li l-qorti kkonċernata ma tistax teżamina l-kwistjonijiet ta’ adegwatezza f’dan il-kuntest. Ma huwiex determinanti, f’dan ir-rigward, il-punt dwar jekk il-proċedimenti prinċipali diġà miftuħa huma proċedimenti ta’ stralċ jew ta’ ristrutturar.

57

Il-Gvern Spanjol jenfasizza li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bank Handlowy u Adamiak (EU:C:2012:739, punt 63), il-proċedimenti prinċipali inkwistjoni f’din il-kawża huma proċedimenti ta’ stralċ. Barra dan, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx riferiment għall-possibbiltà ta’ jekk tiftaħx jew le l-proċedimenti sekondarji, iżda biss għall-funzjoni tal-qorti, ġaladarba jinfetħu l-proċedimenti sekondarji.

58

Mis-sentenza Bank Handlowy u Adamiak (EU:C:2012:739) il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Regolament ma jimponix obbligu ta’ ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, iżda jipprevedi biss il-possibbiltà li jiftaħhom. Fil-każ fejn il-kreditur li jkun qed jiftaħ il-proċedimenti sekondarji ma jkunx osserva t-terminu sabiex iressaq it-talba tiegħu fil-proċedimenti prinċipali, l-interess tiegħu sabiex iressaqhom fil-proċedimenti sekondarji jista’ jiġi ammess biss meta huwa ma jkunx ġie debitament informat, skont l-Artikolu 40 tar-Regolament, bil-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali.

59

Bil-għan li tingħata risposta għat-tielet domanda, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament, il-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali fi Stat Membru ieħor, li qorti tiegħu jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, jippermetti l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ ta’ tali proċedimenti huwa possibbli kemm fil-każ fejn il-proċedimenti prinċipali jkollhom għan protettiv kif ukoll, a fortiori, fil-każ fejn dawn l-aħħar proċedimenti jkunu proċedimenti ta’ stralċ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Handlowy u Adamiak, EU:C:2012:739, punt 63).

60

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament, salv dispożizzjoni kuntrarja għal dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti sekondarji hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti sekondarji.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-premessa 12 u l-Artikolu 27 tar-Regolament jillimitaw ruħhom li jippermettu l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, fuq talba ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 29 tal-imsemmi Regolament, mingħajr madankollu jagħti espressament setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-element ta’ adegwatezza f’dan il-kuntest, lill-qrati kompetenti, indipendentement mid-dritt nazzjonali applikabbli.

62

Barra dan, jekk ir-Regolament, fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Proċedimenti Sekondarji ta’ Falliment [insolvenza]”, fih, ċertament, serje ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kooperazzjoni bejn l-istralċatarji maħtura, rispettivament fil-proċedimenti prinċipali u fil-proċedimenti sekondarji pendenti, huwa ma fihx l-inqas indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kriterji possibbli ta’ “adegwatezza” li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti li quddiemha titressaq talba dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji.

63

Bħala prinċipju, minn dan jirriżulta li, sakemm ir-Regolament ma fihx dispożizzjoni li timponi jew tipprojbixxi, taħt ċertu kundizzjonijiet, lill-qorti li quddiemha jitressaq il-każ ta’ ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, il-kwistjoni ta’ jekk din il-qorti tgawdix is-setgħa ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, li tippermettilha b’mod partikolari li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ adegwatezza, taqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti.

64

Madankollu, għandu jitfakkar f’dan il-kuntest, l-ewwel nett, li l-Istati Membri, meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tiegħu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Lufthansa, C‑109/09, EU:C:2011:129, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-Istati Membri, b’mod partikolari, ma jipprovdux kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji li jiddifferenzjaw, bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, bejn il-kredituri li jitolbu l-ftuħ ta’ din il-proċedura skont id-domiċilju tagħhom jew is-sede prinċipali tagħhom.

65

It-tieni nett, il-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, għanijiet mixtieqa permezz tal-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ tali proċedimenti, kif ġew imfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

66

It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li, wara l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, il-qorti li tkun fetħet din il-proċedura għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-proċedimenti prinċipali u tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura tar-Regolament b’osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (sentenza Bank Handlowy u Adamiak, EU:C:2012:739, punt 63).

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li r-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li l-proċedimenti prinċipali huma proċedimenti ta’ stralċ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ adegwatezza mill-qorti li quddiemha tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji taqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Meta l-Istati Membri, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ tali proċedimenti, għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tiegħu kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ tqegħid fi stralċ ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih għandha s-sede rreġistrata tagħha, din il-kumpannija tista’ tkun suġġetta wkoll għal proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza fl-Istat Membru l-ieħor, fejn ikollha s-sede rreġistrata tagħha u fejn hija jkollha personalità ġuridika.

 

2)

L-Artikolu 29(b) tar-Regolament Nru 1346/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar liema persuna jew awtorità li hija awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza għandha tiġi evalwata abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Id-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza ma jistax madankollu jiġi limitat biss għall-kredituri ddomiċiljati jew li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Istat Membru li fih qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat jew biss għall-kredituri li d-dejn tagħhom joriġina mill-operat ta’ dan l-istabbiliment.

 

3)

Ir-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza huma proċedimenti ta’ stralċ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ adegwatezza mill-qorti li quddiemha tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza taqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Meta l-Istati Membri, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ tali proċedimenti, għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tiegħu kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.