SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

27 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Dritt għal rimedju effettiv — Drittijiet tar-reġistru u tat-tqegħid tal-kawża fil-lista tal-kawżi fil-każ li jiġi ppreżentat appell f’materji ta’ dritt industrijali — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Assenza — Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑265/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 2 de Terrassa (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Emiliano Torralbo Marcos

vs

Korota SA,

Fondo de Garantía Salarial,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Torralbo Marcos u Korota SA (iktar ’il quddiem “Korota”) u Fondo de Garantía Salarial (Fond ta’ garanzija tal-paga, iktar ’il quddiem il-“Fogasa”), dwar il-ħlas ta’ danni dovuti lil E. Torralbo Marcos wara li tkeċċa minn Korota, f’sitwazzjoni ta’ insolvenza ġudizzjarja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36), tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet tal-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(1).”

4

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem, kif ikun previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali tal-assi ta’ dak li jħaddem u l-ħatra ta’ stralċjarju jew ta’ persuna li twettaq kompitu simili, u tal-awtorità li tkun kompetenti skond id-dispożizzjonijiet imsemmija tkun:

(a)

jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew

(b)

stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċeduri.”

5

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet tal-impjieg.”

Id-dritt Spanjol

6

L-Artikolu 2 tal-Liġi 1/1996, dwar l-għajnuna legali bla ħlas (Ley 1/1996 de asistencia jurídica gratuita), tal-10 ta’ Jannar 1996 (BOE Nru 11, tat-12 ta’ Jannar 1996, p. 793, iktar ’il quddiem “ley 1/1996”), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni personali”, jipprovdi:

“Fit-termini u l-portata ta’ din il-liġi u tat-trattati u tal-konvenzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam konklużi mir-Renju ta’ Spanja, għandhom dritt għall-għajnuna legali bla ħlas:

[...]

d)

barra minn hekk, quddiem il-qorti industrijali, il-ħaddiema u l-benefiċjarji tas-sistema ta’ sigurtà soċjali kemm għad-difiża f’azzjoni legali kif ukoll għall-eżerċizzju ta’ azzjonijiet intiżi li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet previsti mid-dritt industrijali fil-kuntest tal-proċedimenti għal insolvenza ġudizzjarja.”

7

L-Artikolu 6 tal-ley 1/1996, intitolat “Kontenut sostantiv tad-dritt”, huwa fformulat fit-termini li ġejjin:

“Id-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas jinkludi l-benefiċċji li ġejjin:

[...]

5.

Eżenzjoni mid-drittijiet tar-reġistru u mit-tqegħid tal-kawża fil-lista tal-kawżi u mill-obbligu li tingħata garanzija sabiex ikun jista’ jsir appell.”

8

Taħt it-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, amministrattivi u industrijali”, l-Artikolu 1 tal-Liġi 10/12, dwar ir-regoli li jirrigwardaw ċerti taxxi fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u tal-Istitut Nazzjonali tat-Tossikoloġija u tax-Xjenza Forensika (Ley 10/2012 por la que se regulan determinadas tasas en el ámbito de la Administración de Justicia y del Instituto Nacional de Toxicología y Ciencias Forenses), tal-20 ta’ Novembru 2012 (BOE Nru 280, tal-21 ta’ Novembru 2012, p. 80820, iktar ’il quddiem il-“ley 10/2012”), jipprovdi:

“It-taxxa relatata mal-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, amministrattivi u industrijali hija taxxa tal-Istat, li tista’ tintalab bl-istess mod mingħand kulħadd fit-territorju nazzjonali fil-każijiet previsti minn din il-liġi [...]”

9

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, intitolat “Avveniment taxxabbli”, huwa redatt f’dawn it-termini:

“L-avveniment taxxabbli huwa l-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja li jibda bit-twettiq tal-atti proċedurali segwenti:

[...]

f)

Il-preżentata ta’ ‘recursos de suplicación’ jew appell fuq punt ta’ liġi fi kwistjonijiet industrijali”.

10

L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, intitolat “Persuna taxxabbli”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Il-persuna taxxabbli hija dik li tagħti lok għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja u tieħu l-passi li jikkostitwixxu l-avveniment taxxabbli”.

11

L-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din l-istess liġi, li jittratta l-eżenzjoni mit-taxxa, huwa fformulat kif ġej:

“2.   Il-persuni msemmija hawn taħt huma, f’kull każ, eżentati mill-ħlas tat-taxxa:

il-persuni li ġielhom rikonoxxut id-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas li jipproduċu l-prova li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali għajnuna.

[...]

3.   Quddiem il-qorti industrijali, il-ħaddiema, impjegati jew persuni indipendenti għandhom jibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ 60 % mill-ammont tat-taxxa marbuta mal-preżentata ta’ ‘recurso de suplicación’ u appelli fuq punt ta’ liġi”.

12

L-Artikolu 5(3) tal-Ley 10/2012, li jirrigwardaw il-ġbir tat-taxxa, jipprovdi:

“Quddiem il-qorti industrijali, it-taxxa hija dovuta fil-mument tal-preżentata ta’ ‘recurso de suplicación’ jew appell fuq punt ta’ liġi”.

13

Il-bażi ta’ stima tat-taxxa hija ddefinita fl-Artikolu 6 ta’ din il-liġi. L-Artikolu 7 tagħha, li jirrigwarda l-istabbiliment tal-ammont tat-taxxa, jistabbilixxih, bħala regola ġenerali, għal EUR 500 għall-preżentata ta’ “recurso de suplicación” quddiem il-qorti industrijali. Ma’ dan l-ammont għandu jiżdied ammont li jikkorrispondi għal 0.1 % tal-ammont tal-bażi ta’ stima tat-taxxa b’limitu ta’ EUR 2 000, meta l-persuna taxxabbli tkun persuna fiżika. L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ “awtolikwidazzjoni” u ta’ ħlas tat-taxxa.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Korota tinsab f’sitwazzjoni ta’ insolvenza ġudizzjarja mis-16 ta’ Ġunju 2008.

15

Fis-16 ta’ Ġunju 2010, il-Juzgado de lo Mercantil no4 de Barcelona (Qorti tal-Kummerċ Nru 4 ta’ Barcelona) tat sentenza fejn id-dispożittiv jistabbilixxi:

“Il-pjan ta’ insolvenza propost minn Korota fid-9 ta’ April 2010 u aċċettat mill-kredituri huwa approvat; Korota għandha tagħti rapport dwar l-implementazzjoni tiegħu quddiem din il-qorti kull sitt xhur. It-tmiem tal-amministrazzjoni tal-kuratur fallimentari jsir effettiv mid-data tas-sentenza.”

16

Il-ftehim ta’ konċiljazzjoni bejn E. Torralbo Marcos u Korota, li sar fil-25 ta’ Ġunju 2012 mir-reġistratur tal-qorti tar-rinviju (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ konċiljazzjoni”), jispeċifika:

“1.

[Korota] tikkonferma r-raġunijiet għat-tkeċċija u, għal finijiet biss li jintlaħaq ftehim, tirrikonoxxi n-natura abbużiva tat-tkeċċija. Hija toffri s-somma ta’ EUR 14 090 bħala kumpens, flimkien ma’ EUR 992.66 għall-assenza ta’ avviż minn qabel u EUR 6 563 bħala ammonti netti mitluba f’din il-kawża.

2.

[E. Torralbo Marcos] jaċċetta dawn is-somom u l-partijiet jaqblu li l-kuntratt ta’ xogħol li kien jorbothom ġie rexxiss b’effett mis-27 ta’ Frar 2012.

[...]”

17

Fit-3 ta’ Ottubru 2012, E. Torralbo Marcos ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju talba għall-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni minħabba l-fatt li Korota ma kinitx wettqet l-obbligi tagħha.

18

Permezz tad-digriet tat-13 ta’ Novembru 2012, il-qorti tar-rinviju ordnat l-eżekuzzjoni forzata tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni bl-ispejjeż imħallsa minn Korota. Fl-istess ġurnata, madankollu l-eżekuzzjoni ġiet sospiża minħabba l-fatt li Korota kienet tibbenefika minn pjan ta’ insolvenza u li ma kien jeżisti l-ebda oġġett li seta’ jiġi ssekwestrat qabel dan il-pjan.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess ġurnata mingħand ir-Reġistru tal-qorti tar-rinviju, E. Torralbo Marcos ġie avżat bil-fatt li seta’ jidher quddiem il-Juzgado de lo Mercantil kompetenti sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu kontra Korota.

20

E. Torralbo Marcos ressaq rikors għall-bidla (recurso de reposición) ta’ dan id-digriet, peress li, il-Juzgado de lo Mercantil Nru 4 ta’ Barcelona approvat il-pjan ta’ insolvenza u ordnat it-tmiem tal-amministrazzjoni tal-kuratur fallimentari, l-eżekuzzjoni kellha ssir skont l-Artikolu 239 tal-liġi li tirregola l-qorti industrijali (Ley Reguladora de la Jurisdicción Social).

21

Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Jannar 2013, il-qorti tar-rinviju ċaħdet ir-rikors minħabba li d-digriet tat-13 ta’ Novembru 2012, iċċitat iktar ’il fuq, jibqa’ fis-seħħ fl-assenza tal-għeluq tal-pjan ta’ insolvenza.

22

E. Torralbo Marcos ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta appell (recurso de suplicación) kontra dan id-digriet tat-3 ta’ Jannar 2013 quddiem it-Tribunal Supérior de Justicia de Cataluña (Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña).

23

Peress li ma pprovdix ċertifikat mill-awtorità tat-taxxa dwar il-ħlas tat-taxxa prevista mil-ley 10/2012, E. Torralbo Marcos intalab, permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2013, li jipproduċi dan iċ-ċertifikat f’terminu ta’ ħamest-ijiem.

24

Fit-22 ta’ Marzu 2013, E. Torralbo Marcos ippreżenta rikors għall-bidla (recurso de reposición) kontra din id-deċiżjoni, billi invoka, essenzjalment, li ma kienx obbligat li jħallas din it-taxxa peress li, minn naħa, d-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas għandu jiġi rikonoxxut lilu, fil-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem u ta’ benefiċjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali, skont l-Artikolu 2(d) tal-ley 1/1996 u, min-naħa l-oħra, li l-ley 10/2012 hija inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn hija toħloq ostakolu sproporzjonat, li jmur kontra d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit f’dan l-aħħar artikolu.

25

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq impjegat l-obbligu li jħallas lura taxxa sabiex ikun jista’ jippreżenta appell fil-kuntest ta’ proċedura għal eżekuzzjoni forzata biex jikseb dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega li permezz tagħha l-impjegat ikollu d-dritt ta’ aċċess għall-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, skont id-Direttiva 2008/94.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 2 de Terrassa (Tribunal Industrijali Nru 2 de Terrassa) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 1, 2(f), 3(1), 4(2)( a), 4(3), 5(3), 6, (7) kif ukoll 8(1) u 8(2) tal-[ley 1-/2012] huma kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-[Karta], fl-ewwel lok, sa fejn dawn ma jippermettux lill-qorti nazzjonali taġġusta d-drittijiet tar-reġistru u tal-inklużjoni [tat-tqegħid] tal-kawża fil-lista tal-kawżi jew tinvoka raġunijiet ta’ proporzjonalità (fir-rigward tal-motivi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tagħhom mill-Istat u fir-rigward tal-ammont ta’ dawn id-drittijiet li jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva), raġunijiet ta’ proporzjonalità li jippermettu li r-rikorrent jiġi eżentat mill-ħlas ta’ dawn id-drittijiet, fit-tieni lok, sa fejn dawn ma jippermettux lill-qorti tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u, fit-tielet lok, sa fejn dawn ma jippermettulhiex tevalwa l-importanza tat-tilwima għall-partijiet fid-dawl taċ-ċirkostanzi, peress li l-ħlas tad-drittijiet huwa prerekwiżit għall-preżentata ta’ ‘suplicación’?

2)

L-Artikoli 1, 2(f), 3(1), 4(2)( a), 4(3), 5(3), 6, (7) kif ukoll 8(1) u 8(2) tal-[ley 1-/2012] huma kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-[Karta] sa fejn dawn japplikaw għal proċedura speċifika bħall-proċedura ta’ applikazzjoni tad-dritt soċjali [industrijali], qasam li fih id-dritt tal-Unjoni japplika normalment bħala element fundamentali ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali bilanċjat fl-[Unjoni Ewropea]?

3)

Fid-dawl tad-domandi preċedenti, qorti bħall-qorti tar-rinviju tista’ ma tapplikax leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni li ma tippermettix lill-qorti nazzjonali, fl-ewwel lok, taġġusta d-drittijiet tar-reġistru u tal-inklużjoni tal-kawża fil-lista tal-kawżi jew tinvoka raġunijiet ta’ proporzjonalità (fir-rigward tal-motivi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tagħhom mill-Istat u fir-rigward tal-ammont ta’ dawn id-drittijiet li jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva), raġunijiet ta’ proporzjonalità li jippermettu li r-rikorrent jiġi eżentat mill-ħlas ta’ dawn id-drittijiet, fit-tieni lok, sa fejn [din] ma tippermettix lill-qorti tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u, fit-tielet lok, sa fejn [din] ma tippermettilhiex tevalwa l-importanza tat-tilwima għall-partijiet fid-dawl taċ-ċirkostanzi, peress li l-ħlas tad-drittijiet huwa prerekwiżit għall-preżentata ta’ ‘suplicación’?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi lilha attribwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 51, kif ukoll id-digrieti Cholakova, C‑14/13, EU:C:2013:374, punt 21, u Schuster & Co Ecologic, C‑371/13, EU:C:2013:748, punt 14).

28

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

29

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara s-sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 19, u d-digriet Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio, C‑258/13, EU:C:2013:810, punt 19).

30

Meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 22; digrieti Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio, EU:C:2013:810, punt 20; Dutka u Sajtos, C‑614/12 u C‑10/13, EU:C:2014:30, punt 15, kif ukoll Weigl, C‑332/13, EU:C:2014:31, punt 14).

31

Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni ġuridika li wasslet għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

32

Fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirregola, b’mod ġenerali, ċerti taxxi fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Hija ma għandhiex bħala għan li timplementa d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma jinkludi l-ebda leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam jew li jista’ jinfluwenza din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

33

Apparti dan, is-suġġett tal-kawża prinċipali ma jikkonċernax l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni minbarra dak li jinsab fil-Karta (ara, b’analoġija, id-digriet Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio, EU:C:2013:810, punt 21).

34

Barra minn hekk, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza DEB(C‑279/09, EU:C:2010:811), invokata mill-qorti tar-rinviju, li kienet tirrigwarda talba għal għajnuna legali fil-kuntest ta’ proċedura għal responsabbiltà tal-Istat ippreżentata abbażi tad-dritt tal-Unjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-drittijiet tar-reġistru u tat-tqegħid tal-kawża fil-lista tal-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw il-preżentata ta’ “recurso de suplicación” kontra d-digriet tat-3 ta’ Jannar 2013, iċċitat iktar ’il fuq, li permezz tiegħu l-qorti tar-rinviju ċaħdet talba għall-eżekuzzjoni forzata tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni, imressqa minn E. Torralbo Marcos abbażi tad-dritt nazzjonali, jiġifieri tal-Artikolu 239 tal-liġi li tirregola l-qorti industrijali.

35

Il-qorti tar-rinviju tindika, ċertament, li l-għan aħħari tal-passi legali meħuda minn E. Torralbo Marcos huwa li jkollu aċċess għall-intervent ta’ Fogasa fil-każ ta’ insolvenza ta’ Korota, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94.

36

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tal-proċedura fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas, b’mod ġenerali, f’dak tad-dritt tal-Unjoni.

37

Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94 jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk persuna li timpjega għandhiex titqies bħala fi stat ta’ insolvenza, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, taqax taħt l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali kif ukoll ta’ deċiżjoni jew ta’ konstatazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

38

Issa, għalkemm, ċertament, Korota, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, kienet f’sitwazzjoni ta’ insolvenza ġudizzjarja f’Ġunju 2008, din id-deċiżjoni madankollu ma tinkludi l-ebda element konkret li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li din l-impriża hija, fl-istadju attwali tal-proċedura fil-kawża prinċipali, fi stat ta’ insolvenza, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Spanjol.

39

Għall-kuntrarju, mill-indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju li tgħid li r-rikors ta’ E. Torralbo Marcos li għandu bħala għan l-eżekuzzjoni forzata tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni li jfittex li jwassal għal konstatazzjoni ġudizzjarja ta’ insolvenza ta’ Korota jirriżulta li din l-impriża, f’dan l-istadju, ma hijiex ikkunsidrata bħala li hija fi stat ta’ insolvenza skont id-dritt Spanjol.

40

Il-fatt li, permezz ta’ dawn il-passi, E. Torralbo Marcos ifittex, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li jikseb tali konstatazzjoni ta’ insolvenza sabiex jibbenefika mill-intervent ta’ Fogasa skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 ma huwiex biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, f’dan l-istadju tal-proċedura, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, tad-dritt tal-Unjoni.

41

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat ukoll, fid-digriet tat-3 ta’ Jannar 2013, iċċitat iktar ’il fuq, li minnha qed isir rikors ta’ “suplicación” ippreżentat minn E. Torralbo Marcos, li din il-qorti rrifjutat li tilqa’ t-talba ta’ dan tal-aħħar għall-eżekuzzjoni forzata tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni, minħabba l-fatt li, essenzjalment, it-tfittxija ta’ din l-eżekuzzjoni forzata tiddependi minn deċiżjoni tal-qorti kummerċjali kompetenti, li quddiemha E. Torralbo Marcos kien mistieden isostni d-drittijiet tiegħu.

42

Dan id-digriet ma jippreġudikax il-kwistjoni dwar l-insolvenza ta’ Korota, lanqas id-dritt eventwali tal-persuna interessata għal teħid ta’ responsabbiltà mill-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti tal-pretensjonijiet soċjali mhux imħallsa, skont id-Direttiva 2008/94, fiċ-ċirkustanza fejn Korota tkun iddikjarata fi stat ta’ insolvenza skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

43

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-sitwazzjoni ġudizzjarja li wasslet għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi tal-Juzgado de lo Social no2 de Terrassa.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Social no2 de Terrassa (Spanja).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.