SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
5 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikoli 19(1) u 20(1) u (2) — Regolament (KE) Nru 987/2009 — Artikolu 11 — Ċittadin ta’ Stat Membru assigurat fl-Istat ta’ residenza — Okkorrenza ta’ marda serja u għal għarrieda waqt vaganza fi Stat Membru ieħor — Persuna mġiegħla tibqa’ f’dan it-tieni Stat matul ħdax-il sena minħabba l-marda tagħha u d-disponibbiltà ta’ trattament mediku speċjalizzat fil-viċinanzi tal-post fejn tgħix — Provvista ta’ benefiċċji in natura f’dan it-tieni Stat — Kunċetti ta’ ‘residenza’ u ta’ ‘soġġorn’”
Fil-Kawża C‑255/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura
I
vs
Health Service Executive,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, M. Safjan (Relatur), J. Malenovský, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal I, minn F. Callanan u L. McCann, SC, kif ukoll minn G. Burke, barrister, awtorizzati minn C. Callanan, solicitor, |
— |
għal Health Service Executive, minn A. Cox, advocate, u S. Murphy, BL, |
— |
għall-Irlanda, minn A. Joyce u E. Mc Phillips, bħala aġenti, assistiti minn G. Gilmore, barrister, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn T. Papadopoulou, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u J. Tomkin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 19(1) u 20(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn I, ċittadin Irlandiż, u l-Health Service Executive (iktar ’il quddiem l-“HSE”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jawtorizza tiġdid tal-formola E 112 tal-applikant sabiex jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mat-trattament mediku li qiegħed jirċievi fil-Ġermanja. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71
3 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 35), ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004. |
4 |
Skont l-Artikolu 91 tiegħu u l-Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il‑koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1), ir-Regolament Nru 883/2004 sar applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2010, meta ġie abrogat ir-Regolament Nru 1408/71. |
5 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/1971 kien jinkludi d-definizzjonijiet segwenti: “Sabiex ikun applikat dan ir-Regolament: [...]
[...]” |
6 |
L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għixien [Soġġorn] ’il barra l-Istat kompetenti — Ritorn lejn jew trasferiment tar-residenza fi Stat Membru ieħor matul il-mard jew il-maternità — Il-ħtieġa tat-tluq lejn Stat Membru ieħor sabiex tiġi rċevuta l-kura xierqa”, jipprovi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Ħaddiem illi jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għal biex ikun intitolat għall-benefiċċji, filwaqt li jingħata qies fejn xieraq, tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u:
għandu jiġi intitolat:
|
Ir-Regolament (KEE) Nru 574/72
7 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 987/2009 li, skont l-Artikolu 97 tiegħu, sar applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2010. |
8 |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Benefiċċji innatura fil-każ fejn il-persuna qiegħda fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat kompetenti — Ħaddiema oħra għajr dawk koperti bl-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Sabiex jirċievi l-benefiċċji innatura skond l-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament [Nru 1408/71] [...], ħaddiem għandu jissottometti lill-istituzzjoni tal-post fejn qiegħed dikjarazzjoni awtentikata li tiċċertifika illi huwa ntitolat għall-benefiċċji innatura. Din id-dikjarazzjoni awtentikata, li għandha tiġi maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti fuq it-talba tal-ħaddiem, jekk inhu possibbli qabel iħalli t-territorju ta’ l-Istat Membru fejn ikun jirresjedi, għandha tispeċifika partikolarment, fejn meħtieġ, iż-żmien massimu li matulu l-benefiċċji innatura jistgħu jiġu konċessi, bi qbil mal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti. Jekk il-ħaddiem ma jissottomettix id-dikjarazzjoni awtentifika msemmija, l-istituzzjoni tal-post fejn qiegħed għandha tiksibha direttament mill-istituzzjoni kompetenti.” |
9 |
Fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 574/72, il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti msemmija fl‑Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 1408/71, adottat mudell għaċ-ċertifikat relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(a)(i) ta’ dan l-aħħar regolament, jiġifieri l-formola E 111. B’effett mill-1 ta’ Ġunju 2004, din il-formola ġiet issostitwita bil-Karta Ewropea għall-assigurazzjoni tal-mard. |
10 |
Barra minn hekk, l-imsemmija Kummissjoni Amministrattiva adottat mudell għaċ-ċertifikat dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-formola E 112. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2010, din il-formola ġiet issostitwita bil-formola S 2. |
Ir-Regolament Nru 883/2004
11 |
Il-premessi 3 u 15 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu kif ġej:
[...]
|
12 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: [...]
[...]
[...]” |
13 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, li jaqa’ taħt it-Titolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema liġi tapplika”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Il-ħaddiem li għalih japplika dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu. [...] 3. Suġġetti għall-Artikoli 12 sa 16:
|
14 |
L-Artikoli 19 u 20 tal-istess regolament jaqgħu taħt it-Titolu III ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji”, u jagħmlu parti mill-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, dwar il-benefiċċji tal-mard, tal-maternità u benefiċċji paternali ekwivalenti. |
15 |
L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Żjara [Soġġorn] barra l-Istat Membru kompetenti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “[...] persuna assigurata u l-membri tal-familja tagħha li joqogħdu fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti għandhom ikunu intitolati għall-benefiċċji mogħtija in natura li jkunu meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi matul iż-żjara [is-soġġorn] tagħhom. It-tip ta’ benefiċċji u t-tul maħsub taż-żjara għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li din l-istituzzjoni tapplika, bħallikieku il-persuni konċernati kienu assigurati taħt din il-leġislazzjoni.” |
16 |
L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, intitolat “Vjaġġar bl-iskop li jingħataw benefiċċji mogħtija in natura — awtorizzazzjoni biex jingħata trattament xieraq barra l-Istat Membru ta’ residenza”, jipprovdi kif ġej fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuna assigurata li tivjaġġa lejn Stat Membru ieħor bl-iskop li tirċievi benefiċċji mogħtija in natura waqt iż-żjara [is-soġġorn] tagħha, għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti. 2. Persuna assigurata li tkun awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fi Stat Membru ieħor bil-għan li tirċievi t-trattament xieraq għall-kondizzjoni tagħha, għandha tirċievi l-benefiċċji mogħtija in natura mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skond id-disposizzjonijiet li dina tapplika, bħallikieku kienet assigurata taħt din il-leġislazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn it-trattament konċernat huwa fost il-benefiċċji mogħtija mil-leġislazzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna konċernata jkollha l-post tar-residenza tagħha u fejn din il-persuna ma tistax tingħata dan it-trattament fi żmien li jista’ jkun ġustifikat fuq raġunijiet mediċi. L-istat preżenti tas-saħħa tal-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha għandha jittieħdu in konsiderazzjoni.” |
Ir-Regolament Nru 987/2009
17 |
Skont il-premessa 11 tar-Regolament Nru 987/2009: “L-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jiddeterminaw l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament u r-Regolament [...] Nru 883/2004, u f’każ ta’ kontestazzjoni, għandhom iqisu il-kriterji relevanti kollha sabiex isolvu din il-kwistjoni. Dawn jistgħu jieħdu kont tal-kriterji mcsemmija fl-Artikolu relevanti ta’ dan ir-Regolament.” |
18 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-elementi għad-determinazzjoni tar-residenza”, jipprovdi kif ġej: “1. Fejn hemm differenza fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tar-residenza ta’ persuna li għaliha japplika r-Regolament bażiku, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu bi ftehim komuni ċ-ċentru ta’ interessi tal-persuna kkonċernata, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-informazzjoni kollha disponibbli relatata mal-fatti relevanti, li jistgħu jinkludu fejn ikun il-każ:
2. Fejn l-konsiderazzjoni tal-kriterji diversi bbażati fuq il-fatti relevanti kif stabbilit fil-paragrafu 1 ma twassalx għal qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, l-intenzjoni tal-persuna, kif hi tidher minn tali fatti u ċirkostanzi, speċjalment ir-raġunijiet li wasslu lill-persuna biex tiċċaqlaq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala deċiżivi meta jkun qed jiġi stabbilit il-Stat Membru ta’ residenza reali ta’ dik il-persuna.” |
19 |
Skont il-punt 5 tad-Deċiżjoni H1 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, tat-12 ta’ Ġunju 2009, dwar il-qafas għat-tranżizzjoni mir-Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71 u Nru 574/72 għar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-applikazzjoni ta’ Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinament ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2010, C 106, p. 13): “Id-dokumenti meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolamenti [...] Nru 1408/71 u [...] Nru 574/72 (jiġifieri, il-Formoli Elettroniċi, il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u ċ-Ċertifikati ta’ Tibdil Provviżorju) maħruġa mill-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet u korpi oħrajn kompetenti tal-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti [...] Nru 883/2004 u [...] Nru 987/2009 għandhom jibqgħu validi (minkejja l-fatt li r-referenzi ntrabtu mar-Regolamenti [...] Nru 1408/71 u [...] Nru 574/72) u għandhom jitqiesu mill-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet u l-korpi l-oħra ta’ Stati Membri oħrajn anki wara dik id-data, sakemm tiskadi d-data tagħhom ta’ validità jew sakemm jiġu rtirati jew jinbidlu bid-dokumenti maħruġa jew ikkomunikati skont ir-Regolamenti [...] Nru 883/2004 u [...] Nru 987/2009.” |
20 |
Skont il-punt 6 tagħha, l-imsemmija deċiżjoni tapplika b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 987/2009, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2010. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li I huwa ċittadin Irlandiż ta’ 56 sena, li ħadem kemm fl-Irlanda kif ukoll fir-Renju Unit. |
22 |
Matul ix-xahar ta’ Awwissu tas-sena 2002, meta kien residenti fl-Irlanda, I mar il-Ġermanja għal vaganza mas-sieħba tiegħu B, ċittadina Rumena. Matul din il-vaganza, I ġie ammess fis-servizzi tal-emerġenza tal-Universitätsklinikum Düsseldorf (il-Ġermanja), fejn ġie dijanjostikat li kien qiegħed ibati minn infart bilaterali fiz-zokk ta’ moħħu, fenomenu rari. Minn dak iż-żmien, I kien ibati minn kwadripleġja severa u minn telf tal-funzjonijiet tal-moviment. |
23 |
Ftit wara l-okkorrenza tal-imsemmija marda, I nstab li kellu mutazzjoni ġenetika li għandha effett dannuż fuq il-kompożizzjoni tad-demm tiegħu. Barra minn hekk, wara li nbdew il-proċeduri fil-kawża prinċipali, I ġie dijanjostikat b’kankru, li għalih kien qiegħed jirċievi trattament ukoll. |
24 |
Fid-dawl tan-natura serja tal-istat tas-saħħa tiegħu, I ilu jibbenefika, mix-xahar ta’ Awwissu 2002, minn kura u attenzjoni kostanti mit-tobba speċjalisti li jinsabu fl-Universitätsklinikum Düsseldorf. Huwa permanentement dipendenti fuq siġġu tar-roti. Minn meta ħareġ mill-isptar fl-2003, huwa jgħix f’Düsseldorf ma’ B, li tieħu ħsiebu u tagħtih il-kura meħtieġa. Huma jgħixu f’appartament mikri f’Düsseldorf li huwa adattat għal użu ta’ siġġu tar-roti. |
25 |
I talab lill-Ministeru għall-Protezzjoni Soċjali tal-Irlanda allowance għal diżabbiltà, liema talba ġiet oriġinarjament miċħuda peress li I ma jirrisjedix permanentement fl-Irlanda. Huwa beda proċeduri ġudizzjarji fl-2008 iżda dawn ġew kompromessi. L-imsemmi ministeru għalhekk ikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u laqa’ t-talba ta’ I, li ilu jirċievi tali allowance minn din id-data. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-allowance għandha titqies li hija benefiċċji fi flus li, bis-saħħa tar-regolamenti tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurta soċjali, l-Irlanda tista’ leġittimament tirriżerva lill-persuni li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru. |
26 |
I jibbenefika wkoll minn pensjoni żgħira tal-irtirar mogħtija mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq minħabba x-xogħol preċedenti tiegħu f’dan l-Istat Membru. Huwa la jirċievi allowance u lanqas benefiċċju fil-Ġermanja. |
27 |
Min-naħa tagħha, B, ħadmet il-Ġermanja, aċċettat is-sensja tagħha matul l-2004 sabiex tieħu ħsieb ta’ I. Hija rċeviet allowance tal-qagħad mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, hija talbet li tibbenefika minn allowance ta’ persuna li tipprovdi kura għar-raġuni li, fil-Ġermanja, din hija imputata fuq l-assigurazzjoni tal-mard tal-persuna li tingħata l-kura. Din it-talba ġiet miċħuda peress li I huwa resident Irlandiż u s-sistema Irlandiża dwar is-sigurtà soċjali ma kinitx tipprovdi tali allowance. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li I, minkejja li huwa grat ħafna lejn is-sistema ta’ kura medika Ġermaniża, huwa mġiegħel jgħix fil-Ġermanja minħabba l-istat ta’ saħħtu u minħabba l-bżonn li jirċievi trattament mediku kontinwu. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirreferi għall-konnessjonijiet dgħajfa li I stabbilixxa mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Huwa ma għandu ebda kont bankarju fil-Ġermanja u ma huwa propjretarju ta’ ebda proprjetà immobbli f’dan l-Istat Membru, filwaqt li għandu kont bankarju f’bank Irlandiż u baqa’ f’kuntatt regolari maż-żewġt uliedu, imwielda fl-1991 u fl-1994 rispettivament. Huwa ma jitkellimx bil-Ġermaniż u ma għamel ebda sforz sabiex jintegra ruħu fil-Ġermanja. |
29 |
Skont id-digriet tar-rinviju, I jixtieq jirritorna fl-Irlanda, li hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom il-kapaċità li huwa jivvjaġġa, id-disponibbiltà ta’ trattament mediku ekwiparabbli għal dak mogħti fil-Ġermanja u, b’mod partikolari, id-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni adatta għall-persuni f’siġġu bir-roti. Fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, B takkumpanjah fl-Irlanda. |
30 |
Minn meta marad, I seta’ jivvjaġġa barra mill-pajjiż fi ftit okkażjonijiet, iżda għal perijodi qosra u taħt sorveljanza medika. Għalhekk, huwa għamel vjaġġ sa Lisbona (il-Portugall) matul Ottubru 2004 sabiex jagħti lekċer. Huwa vvjaġġa wkoll xi drabi lejn l-Irlanda, l-aħħar darba matul is-sena 2009. Dawn il-vjaġġi kienu diffiċli minħabba problemi ta’ aċċess għall-ajruporti għall-vjaġġatur li huwa serjament diżabbiltat. Il-partijiet fil-kawża prinċipali jsostnu li huwa prattikament impossibbli li I jivvjaġġa lejn l-Irlanda, sakemm huwa juża l-ajruplani ta’ kumpanniji tal-ajru regolari. |
31 |
L-ispejjeż marbuta mal-kura ta’ I fil-Ġermanja kienu orġinarjament koperti permezz ta’ Formula E 111, li tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ persuna assigurata li l-kundizzjoni tagħha teħtieġ benefiċċji immedjati matul soġġorn fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat ta’ residenza, peress li din il-formola ngħatatlu fl-Irlanda. Tali formola taqa’ attwalment taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 883/2004. |
32 |
Matul ix-xahar ta’ Marzu 2003, l-HSE emenda l-istatus ta’ I billi tah trattament, b’effett minn din id-data, għall-formola E 112 tiegħu. Għalhekk, huwa ġie awtorizzat mill-istituzzjoni kompetenti sabiex imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura adatta għall-istat tiegħu. Din il-formola, li hija attwalment koperta mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, iġġedded madwar għoxrin darba minn dakinhar. |
33 |
Fil-25 ta’ Novembru 2011, l-HSE rrifjuta li jagħti lil I tiġdid addizzjonali tal-formola E 112 peress li huwa kien issa jirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-5 ta’ Diċembru 2011, huwa ressaq proċeduri quddiem il-High Court sabiex HSE jiġi ordnat ikompli jagħtih it-trattament skont din il-formola. |
34 |
L-HSE indika li, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ħafna ta’ I, huwa kien ser ikompli jkopri fuq bażi ex gratia l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li kienet tingħatalu abbażi tal-formola E 106, marbuta mad-dritt għal benefiċċji in natura tal-assigurazzjoni saħħa jew maternità fil-każ ta’ persuni li jirrisjedu fi Stat ieħor għajr l-Istat kompetenti. |
35 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li hemm dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kura medika rċevuta barra mill-pajjiż, persuna assigurata li hija mġiegħla tibqa’ fi Stat Membru minħabba l-istat ta’ saħħa eċċezzjonalment serju tistax “tissoġġorna” f’dan l-Istat fis-sens tal-Artikoli 19 jew 20 tar-Regolament Nru 883/2004. |
36 |
L-imsemmija qorti tikkunsidra li, filwaqt li bosta kriterji msemmija fl-Artikolu 11 jistgħu jissuġġerixxu soluzzjoni oħra, I għandu madankollu, fir-rigward tal-finalità u tal-għanijiet ta’ dan l-artikolu, jitqies li jirrisjedi fil-Ġermanja. |
37 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Persuna assigurata li hija ċittadina ta’ Stat Membru (‘l-ewwel Stat Membru’) u li ilha marida serjament għal dawn l-aħħar ħdax-il sena minħabba kundizzjoni medika serja li mmanifestat ruħha għall-ewwel darba waqt li din il-persuna kienet tirrisjedi fl-ewwel Stat Membru iżda kienet qiegħda vaganza fi Stat Membru ieħor (‘it-tieni Stat Membru’), għandha titqies li ‘tissoġġorna’ f’dan it-tieni Stat Membru matul dan il-perijodu għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) jew tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, meta hija kienet effettivament imġiegħla tibqa’ fiżikament f’dan l-Istat Membru matul dan il-perijodu minħabba l-kundizzjoni medika serja tagħha u minħabba l-vantaġġ li kien hemm kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi?” |
38 |
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2014, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-mewt ta’ I, fis-7 ta’ April 2014. F’din l-istess ittra, hija tindika li ser tipproċedi bid-domanda preliminari minħabba risposta lil din id-domanda preliminari li hija neċessarja għaliha għall-finijiet tal-proċeduri nazzjonali. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-High Court. |
Fuq id-domanda preliminari
39 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(j) u (k) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-Artikoli 19(1) jew 20(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, meta ċittadin tal-Unjoni, li kien jirrisjedi fi Stat Membru, jimrad serjament u għal għarrieda waqt vaganza fi Stat Membru ieħor u li jkun imġiegħel jibqa’ f’tali Stat matul ħdax-il sena minħabba din il-marda u d-disponibbiltà tal-kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi tal-post fejn jgħix, għandux jitqies li “jissoġġorna” f’dan l-aħħar Stat Membru. |
40 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 1408/71 kien jimplementa sistema ta’ koordinazzjoni ta’ sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u kien jistabbilixxi, fit-Titolu II tiegħu, regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Dawn ir-regoli mhux biss kellhom l-għan li jipprekludu li l-persuni kkonċernati, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom, jibqgħu mingħajr protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, iżda wkoll kienu intiżi li l-persuni kkonċeranti jkunu suġġetti għal sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi prekluż li iktar minn sistema waħda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tkun applikabbli jew li jiġu preklużi kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wencel, C‑589/10, EU:C:2013:303, punti 45 kif ukoll 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Filwaqt li r-Regolament Nru 883/2004, kif tipprovdi l-premessa 3 tiegħu, huwa intiż li jimmodernizza u jissemplifika r-regoli ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, dan żamm l-istess għanijiet bħal dawk tar-Regolament Nru 1408/71. |
42 |
F’dan ir-rigward, is-sistema implementata mir-Regolament Nru 1408/71 kienet tikklassifika r-residenza tal-persuna kkonċernata bħala waħda mill-fatturi ta’ rabta għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wencel, EU:C:2013:303, punt 48). Dan japplika wkoll għar-Regolament Nru 883/2004. |
43 |
Skont l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004, it-terminu “residenza” tkopri l-post fejn persuna tirrisjedi abitwalment. Dan it-terminu għandu importanza awtonoma u speċifika għad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, sentenza Swaddling, C‑90/97, EU:C:1999:96, punt 28). |
44 |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, meta sitwazzjoni legali ta’ persuna tista’ tintrabat mal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, il-kunċett ta’ Stat Membru li tirrisjedi fih persuna jkopri l-Istat li fih dan jirrisjedi abitwalment u li fih jinsab iċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu (ara sentenzi Hakenberg, 13/73, EU:C:1973:92, punt 32; Swaddling, EU:C:1999:96, punt 29, u Wencel, EU:C:2013:303, punt 49). |
45 |
F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni familjari tal-persuna kkonċernata, ir-raġunijiet li wasslu lil din il-persuna tibdel ir-residenza, it-tul u l-kontinwità tar-residenza tagħha, il-fatt li jkollha, skont il-każ, xogħol stabbli u l-intenzjoni tagħha, kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha (ara, f’dan is-sens, sentenzi Knoch, C‑102/91, EU:C:1992:303, punt 23, u Swaddling, EU:C:1999:96, punt 29). |
46 |
Il-lista ta’ fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-post ta’ residenza ta’ persuna, kif żviluppata mill-ġurisprudenza, tinsab preżentement ikkodifikata fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 987/2009. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-lista, li ma hijiex eżawrjenti, ma tipprovdix ordni ta’ preferenza bejn il-fatturi differenti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. |
47 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li, għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, persuna ma jistax ikollha, simultanjament, żewġ residenzi abitwali f’żewġ Stati Membri differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wencel, EU:C:2013:303, punt 51), fid-dawl tal-fatt li, skont dan ir-regolament, il-post ta’ residenza ta’ persuna assigurata huwa neċessarjament differenti mill-post ta’ soġġorn tiegħu. |
48 |
F’dan ir-rigward, peress li d-determinazzjoni tal-post ta’ residenza ta’ persuna li hija koperta mill-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali hija bbażata fuq fatturi diversi, is-sempliċi fatt li tali persuna tkun baqgħet fi Stat Membru, anki kontinwament matul perijodu twil, ma jimplikax neċessarjament li din il-persuna tirrisjedi f’dan l-Istat fis-sens tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004. |
49 |
Fil-fatt, it-tul tar-residenza fl-Istat li fih jintalab il-ħlas ta’ allowance ma jistax jitqies bħala fattur li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “residenza” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, sentenza Swaddling, EU:C:1999:96, punt 30). |
50 |
Huwa minnu li l-Artikolu 1(k) tar-Regolament Nru 883/2004 jiddefinixxi “soġġorn” bħala soġġorn “temporanju”. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali “soġġorn” ma jimplikax neċessarjament żjara ta’ perijodu qasir. |
51 |
Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 1(va)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikoli 19 u 20 ta’ dan ir-regolament japplikaw għal benefiċċji in natura inkluż il-“kura għal perijodu twil”. Konsegwentement, persuna tista’ titqies li tissoġġorna fi Stat Membru ieħor anki jekk hija tirċievi hemmhekk allowances matul perijodu twil. |
52 |
Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Artikolu22(1)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li t-tul tas-servizz ta’ allowances kien irregolat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti, din ir-regola la hija iktar inkluża fl-Artikolu 19(1) u lanqas fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004, li essenzjalment issostitwixxew l-imsemmi Artikolu 22(1)(a) sa (i). |
53 |
Is-sempliċi fatt li I għex il-Ġermanja għal ħdax-il sena ma huwiex għalhekk biżżejjed sabiex fih innifsu u waħdu, huwa jitqies li rrisjeda f’dan l-Istat Membru. |
54 |
Sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru abitwali tal-interessi ta’ I, il-qorti tar-rinviju għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha rilevanti, b’mod partikolari, dawk imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll, skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan l-artikolu, ir-rieda tal-persuna kkonċernata dwar il-post tar-residenza effettiva. Din ir-rieda għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-kawża prinċipali, peress li sempliċi dikjarazzjoni ta’ rieda ta’ residenza f’post determinat ma hijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11(2). |
55 |
Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għalkemm hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tintalab tagħti risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija madankollu kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet abbażi tad-dokumenti tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet li jkunu sarulha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, sentenzi Brunnhofer, C‑381/99, EU:C:2001:358, punt 65, u Alakor Gabonatermelő és Forgalmazó, C‑191/12, EU:C:2013:315, punt 31). |
56 |
Fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(j) u (k) tar-Regolament Nru 883/2004, hemm il-fatt li, għalkemm I kien residenti fil-Ġermanja għal perijodu twil, din is-sitwazzjoni ma tirriflettix għażla personali min-naħa tiegħu, peress li, skont il-kliem tad-domanda magħmula, huwa kien imġiegħel joqgħod hemm “minħabba l-kundizzjoni medika serja tagħha u minħabba l-vantaġġ li kien hemm kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi”. |
57 |
Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk I setax jivvjaġġa jew jekk trattament mediku ekwiparabbli għal dak li huwa qiegħed jirċievi fil-Ġermanja kienx disponibbli fl-Irlanda. |
58 |
Minbarra l-fatturi msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta u b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, I sostna li ma kien hemm ebda rabta mas-sistema fiskali Ġermaniża u li r-residenza fiskali tiegħu kienet tinsab fl-Irlanda, anki jekk huwa ma kien iħallas ebda taxxa hemmhekk peress li ma kellu ebda dħul, bl-eċċezzjoni ta’ allowance għal persuna b’diżabbiltà mogħtija mill-Irlanda u pensjoni żgħira mogħtija mir-Renju Unit. |
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(j) u (k) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-Artikoli 19(1) jew 20(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, meta ċittadin tal-Unjoni, li kien jirrisjedi fi Stat Membru wieħed jimrad serjament u għal għarrieda waqt vaganza fi Stat Membru ieħor u jkun imġiegħel joqgħod f’dan l-Istat Membru matul ħdax-il sena minħabba din il-marda u d-disponibbiltà tal-kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi tal-post fejn jgħix, għandu jitqies li “jissoġġorna” f’dan l-Istat Membru peress li ċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu jinsab fl-ewwel Stat Membru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina ċ-ċentru abitwali tal-interess ta’ dan iċ-ċittadin billi twettaq evalwazzjoni tal-fatti kollha rilevanti u billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rieda tiegħu, kif tirriżulta mill-fatti, peress li s-sempliċi fatt li l-imsemmi ċittadin jibqa’ fit-tieni Stat Membru matul perijodu twil ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha u waħedha, sabiex jitqies li huwa jirrisjedi f’dan l-Istat. |
Fuq l-ispejjeż
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(j) u (k) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-Artikoli 19(1) jew 20(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, meta ċittadin tal-Unjoni, li kien jirrisjedi fi Stat Membru wieħed jimrad serjament u għal għarrieda waqt vaganza fi Stat Membru ieħor u jkun imġiegħel joqgħod f’dan l-Istat Membru matul ħdax-il sena minħabba din il-marda u d-disponibbiltà tal-kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi tal-post fejn jgħix, għandu jitqies li “jissoġġorna” f’dan l-Istat Membru peress li ċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu jinsab fl-ewwel Stat Membru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina ċ-ċentru abitwali tal-interess ta’ dan iċ-ċittadin billi twettaq evalwazzjoni tal-fatti kollha rilevanti u billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rieda tiegħu, kif tirriżulta mill-fatti, peress li s-sempliċi fatt li l-imsemmi ċittadin jibqa’ fit-tieni Stat Membru matul perijodu twil ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha u waħedha, sabiex jitqies li huwa jirrisjedi f’dan l-Istat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.