SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ ‘kwistjonijiet [materji] ċivili jew kummerċjali’ — Responsabbiltà tal-Istat għall-‘acta iure imperii’”

Fil-Kawżi magħquda C‑226/13, C‑245/13, C‑247/13 u C‑578/13,

li għandhom bħala suġġett erba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, li tlieta minnhom tressqu mil-Landgericht Wiesbaden (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-16 u tat-18 ta’ April 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2013, fit-2 ta’ Mejju 2013 u fit-3 ta’ Mejju 2013, rispettivament, u li waħda minnhom tressqet mil-Landgericht Kiel (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2013, fil-proċeduri

Stefan Fahnenbrock (C‑226/13),

Holger Priestoph (C‑245/13),

Matteo Antonio Priestoph (C‑245/13),

Pia Antonia Priestoph (C‑245/13),

Rudolf Reznicek (C‑247/13),

Hans-Jürgen Kickler (C‑578/13),

Walther Wöhlk (C‑578/13),

Zahnärztekammer Schleswig-Holstein Versorgungswerk (C‑578/13)

vs

Hellenische Republik,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, E. Levits, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Fahnenbrock, H. Priestoph, M. A. Priestoph, P. A. Priestoph u R. Reznicek, minn F. Braun, avukat,

għal H.‑J. Kickler, W. Wöhlk u ż-Zahnärztekammer Schleswig-Holstein Versorgungswerk, minn O. Hoepner, avukat,

għall-Gvern Grieg, minn D. Kalogiros, S. Charitaki, A. Karageorgou, S. Lekkou, M. Skorila u E. Panopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ erba’ kawżi bejn, minn naħa, fil-Kawża C‑226/13, S. Fahnenbrock, fil-Kawża C‑245/13, H. Priestoph, M. A. Priestoph u P. A. Priestoph, fil-Kawża C‑247/13, R. Reznicek u, fil-Kawża C‑578/13, H. J. Kickler, W. Wöhlk u ż-Zahnärztekammer Schleswig-Holstein Versorgungswerk u, min-naħa l-oħra, l-Hellenische Republik (l-Istat Grieg), dwar kawżi intiżi sabiex jinkiseb kumpens għal molestja fil-pussess u fil-proprjetà jew sabiex tinkiseb l-eżekuzzjoni kuntrattwali tal-bonds oriġinali li kienu skadew jew inkella sabiex jinkiseb kumpens għad-danni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 6, 7 u 10 tar-Regolament Nru 1393/2007 jiddikjaraw:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] civili jew kummerċjali għas-servizz [għan-notifika] bejn l-Istati Membri.

[...]

(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. [...]

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. [...]

[...]

(10)

Sabiex tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ servizz [notifika] ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz [notifika] hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat [pubblika] (‘acta iure imperii’).”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jaħtar korp [entità] ċentrali li jkun responsabbli għal:

(a)

il-forniment ta’ informazzjoni lill-aġenziji li jibagħtu;

(b)

it-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultà li tista’ tinqala’ waqt it-trasmissjoni tad-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati;

(ċ)

it-trasmissjoni, f’każijiet eċċezzjonali, fuq talba ta’ l-aġenzija li tibgħat, ta’ rikjesta għal servizz [talba għal notifika] lill-aġenzija kompetenti li tirċievi.

Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b’unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn korp ċentrali wieħed.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista’ jkun malajr bejn l-aġenziji maħtura skond l-Artikolu 2.”

7

l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 jistabbilixxi:

“Jekk it-talba għas-servizz [għan-notifika] tkun għal kollox ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew jekk in-nuqqas ta’ konformità mal-kondizzjonijiet formali mitluba jagħmel is-servizz [in-notifika] impossibbli, it-talba u d-dokumenti mibgħuta għandhom jintbagħtu lura malli jkunu waslu lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma’ avviż ta’ restituzzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.”

Id-dritt Grieg

8

Il-Liġi Nru 4050/2012, tat-23 ta’ Frar 2012, intitolata “Regoli dwar il-modifika tat-titoli, maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg bi ftehim mad-detenturi ta’ bonds” (FEK A’ 36/23.2.2012), tistabbilixxi l-modalitajiet tar-ristrutturazzjoni tal-bonds tal-Istat Grieg. Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li din il-liġi tipprevedi, essenzjalment, is-sottomissjoni ta’ offerta ta’ ristrutturazzjoni lid-detenturi ta’ ċerti bonds tal-Istat Griegi u l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ ristrutturazzjoni magħrufa wkoll bl-isem “CAC” (“collective action clause”) li tippermetti li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ inizjali tat-titoli jiġu mmodifikati permezz ta’ deċiżjonijiet adottati bil-maġġoranza kkwalifikata tal-kapital li jkun għadu dovut u li jiġu imposti wkoll fuq il-minoranza.

9

Skont l-Artikolu 1(4) ta’ din il-liġi, il-modifika tat-titoli previsti tirrikjedi li jintlaħaq kworum li jirrappreżenta 50 % tat-total tal-ammont tal-investiment tal-bonds ikkonċernati, kif ukoll maġġoranza kkwalifikata li tikkorrispondi għal żewġ terzi tal-kapital parteċipanti.

10

L-Artikolu 1(9) tal-imsemmija liġi tipprevedi klawżola ta’ ristrutturazzjoni li skontha d-deċiżjoni, adottata mid-detenturi ta’ bonds, li tiġi aċċettata jew irrifjutata l-offerta ta’ ristrutturazzjoni sottomessa mill-Istat Grieg tapplika erga omnes, hija vinkolanti għall-kredituri tal-bonds kollha kkonċernati u tħassar kull liġi ġenerali jew speċifika, kull deċiżjoni amministrattiva u kull kuntratt li jmorru kontra tagħha.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

11

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li lkoll huma ddomiċiljati fil-Ġermanja, kisbu bonds tal-Hellenische Republik, li ġew iddepożitati fil-kontijiet ta’ titoli tagħhom iġġestiti minn banek.

12

Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, l-Hellenische Republik, fix-xahar ta’ Frar 2012, ipproponiet lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali offerta ta’ skambju ta’ bonds li kienet tipprevedi, b’mod partikolari, skambju tal-bonds tal-Istat Griegi ma’ bonds tal-Istat ġodda ta’ valur nominali mnaqqas b’mod sinjifikattiv. Sabiex dan l-iskambju jsir effettiv, kienet prevista aċċettazzjoni espressa min-naħa tal-kredituri privati.

13

Minkejja li ebda wieħed mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma pprovda tali aċċettazzjoni, l-Hellenische Republik madankollu, fix-xahar ta’ Marzu 2012, ipproċediet bl-iskambju propost u, minkejja l-ilmenti ta’ dawn ir-rikorrenti, ma tatx lura lil dawn tal-aħħar il-pussess tat-titoli ddepożitati fil-kontijiet ta’ titoli tagħhom. Fil-frattemp, skadew il-bonds inkwistjoni fil-Kawża C‑578/13.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw quddiem il-qrati tar-rinviju rikorsi kontra l-Hellenische Republik intiżi sabiex jiksbu kumpens għal molestja fil-pussess u fil-proprjetà jew l-eżekuzzjoni kuntrattwali tal-bonds oriġinali li kienu skadew jew inkella kumpens għad-danni.

15

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika ta’ dawn ir-rikorsi lill-Hellenische Republik, bħala konvenuta, qamet il-kwistjoni jekk, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, dawn l-istess rikorsi kinux jirrigwardaw materji ċivili jew kummerċjali jew inkella kellhomx bħala suġġett att jew ommissjoni mwettqa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

16

B’mod partikolari, fit-tilwimiet inkwistjoni fil-Kawżi C‑226/13 u C‑247/13, il-Landgericht Wiesbaden talab lill-Bundesamt für Justiz (Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja) jinnotifika r-rikorsi inkwistjoni lill-konvenut skont il-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1393/2007. Fil-kuntest ta’ din it-talba, il-Bundesamt für Justiz esprima dubji dwar il-possibbiltà li r-rikorsi jiġu kklassifikati bħala li jirrigwardaw materji ċivili jew kummerċjali fis-sens ta’ dan ir-regolament. Għal din ir-raġuni, huwa rrifjuta li jinnotifika l-imsemmija rikorsi u talab lill-Landgericht Wiesbaden jiddetermina preliminarjament jekk it-tilwimiet inkwistjoni kinux jirrigwardaw materji ċivili jew kummerċjali jew le.

17

Fit-tilwima inkwistjoni fil-Kawża C‑245/13, il-Landgericht Wiesbaden ibbaża d-dubji tiegħu fuq l-evalwazzjoni tal-Bundesamt für Justiz f’kawżi simili.

18

F’dak li jirrigwarda t-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑578/13, il-Landgericht Kiel, filwaqt li kkunsidra li r-Regolament Nru 1393/2007 ma kienx applikabbli f’din il-kawża, ordna lill-Bundesministerium der Justiz (Ministeru Federali tal-Ġustizzja) jinnotifika r-rikors permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Madankollu dan tal-aħħar irrinvija l-ordni ta’ notifika mingħajr ma eżegwixxiha billi rrefera għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13.

19

Għalhekk, iż-żewġ qrati tar-rinviju jfittxu li jsiru jafu jekk il-tilwimiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħux taħt materji ċivili jew materji kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007. Skonthom, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-klassifikazzjoni tat-tilwimiet pendenti quddiemhom. F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw kawżi, ibbażati fuq id-dritt ċivili, li jfittxu essenzjalment li jitolbu kumpens għal molestja fil-pussess u fil-proprjetà jew li jitolbu l-eżekuzzjoni kuntrattwali tal-bonds oriġinali li kienu skadew jew inkella li jitolbu kumpens għad-danni. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet kuntrattwali għall-ħruġ tal-bonds tal-Istat Griegi ġew emendati bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, ħaġa li tagħti x’tifhem li dan l-Istat aġixxa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tiegħu.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Wiesbaden, fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, li hija fformulata fl-istess termini għat-tliet kawżi:

“L-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 1393/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘materji ċivili jew kummerċjali’, fis-sens ta’ dan ir-regolament, rikors li permezz tiegħu, f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrent ma jkunx aċċetta proposta magħmula mill-konvenuta fi tmiem ix-xahar ta’ Frar 2012 sabiex jibdel bonds maħruġa mill-konvenuta, mixtrija mir-rikorrent u miżmuma ma’ depożitarju tat-titoli [mal-bank tiegħu], ir-rikorrent jitlob li jiġi kkumpensat id-differenza fil-valur li rriżultat wara l-iskambju ekonomikament żvantaġġuż li minkejja dan ġie impost fuqu f’Marzu 2012?”

21

Il-Landgericht Kiel, fil-Kawża C-578/13, ukoll iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 1393/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża, li fiha x-xerrej ta’ titoli [bonds] tal-Gvern tal-konvenuta jressaq talba għal ħlas fil-forma ta’ prestazzjoni u fil-forma ta’ talba għal danni kontra l-konvenuta, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna ‘materja ċivili jew kummerċjali’ fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jekk ix-xerrej ma jkunx aċċetta l-offerta ta’ skambju magħmula fl-aħħar ta’ Frar 2012 mill-konvenuta, kif huwa possibbli permezz tal-[Liġi Nru 4050/2012]?

2)

Meta titressaq kawża li tkun essenzjalment ibbażata fuq l-invalidità jew fuq in-nullità tal-[Liġi Nru 4050/2012], din il-kawża tkun tikkonċerna r-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat [pubblika] fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-[Regolament Nru 1393/2007]?”

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2013, il-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013, il-Kawża C‑578/13 ingħaqdet ma’ dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

23

Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 huma inammissibbli. Fil-fatt, peress li dawn it-talbiet ma jispeċifikawx l-allegat att ta’ awtorità pubblika inkwistjoni u jinkludu ineżattezzi fir-rigward tal-offerta ta’ skambju inkwistjoni, huma ma jesponux b’mod suffiċjenti u korrett il-kuntest fattwali tal-kawżi prinċipali.

24

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tista’ titqies li hija adita b’tilwima fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss minħabba l-fatt li l-Bundesamt für Justiz, fil-kwalità tiegħu ta’ “korp [entità] ċentrali”, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1393/2007, kien irrifjuta li jittrażmetti t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali lill-awtoritajiet Griegi u kien talab lill-imsemmija qorti tiddeċiedi preliminarjament u b’mod definittiv fuq in-natura tal-kawżi inkwistjoni. Issa, billi tali entità ċentrali ma hijiex awtorizzata topponi għal talba għal trażmissjoni magħmula mill-qorti nazzjonali kompetenti, id-domanda magħmula ma hijiex rilevanti għall-eżitu tat-tilwimiet inkwistjoni fl-imsemmija kawżi.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-att ta’ awtorità pubblika allegat fil-kawżi prinċipali jikkonsisti f’emenda unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-bonds maħruġa mill-Hellenische Republik, emenda li saret possibbli permezz tal-Liġi Nru 4050/2012.

27

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-ineżattezzi allegati fl-espożizzjoni tal-kontenut tal-offerta ta’ skambju ppreżentata mill-Hellenische Republik, huwa biżżejjed li jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda hija l-qorti nazzjonali, li għandha tistabbilixxi l-fatti li jkunu taw lok għat-tilwima u li minnhom tislet il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti (sentenza Traum, C‑492/13, EU:C:2014:2267, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-eliminazzjoni tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tat-tilwimiet pendenti quddiemha bħala li jaqgħu taħt materji ċivili jew kummerċjali jew le ma hijiex rilevanti għall-eżitu ta’ dawn it-tilwimiet. Fil-fatt, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1293/2007 u t-tkomplija tal-proċeduri quddiem l-imsemmija qorti fid-dawl tan-notifika li hija obbligata tiżgura jiddependu preċiżament mill-eliminazzjoni ta’ dawn id-dubji.

29

Il-fatt li tali dubji ġew espressi mill-qorti tar-rinviju minħabba aġir tal-Bundesamt für Justiz li l-Kummissjoni qieset li jmur kontra l-imsemmi regolament, ma huwiex ta’ natura, bħala tali, li jqiegħed fid-dubju l-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu d-domandi magħmula minn din il-qorti.

30

Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni tidher li tikkontesta l-assenza ta’ tilwima pendenti quddiem il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “jagħtu s-sentenza” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li diversi domandi proċedurali jitqiesu li huma inammissibbli u ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punti 41 u 42).

31

F’dan il-każ, it-talbiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ notifika lill-konvenut ta’ atti promoturi. Il-fatt li dawn it-talbiet tressqu saħansitra qabel l-integrazzjoni tal-kontradittorju huwa għalhekk inerenti fid-domandi li huma jfittxu soluzzjoni għalihom.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

33

Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet ġudizzjarji għal kumpens għal molestja fil-pussess jew fil-proprjetà, għal eżekuzzjoni kuntrattwali u għad-danni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ippreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili jew kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet sussegwenti dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kien jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-“materji ċivili u kummerċjali”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi l-kontenut u l-portata ta’ dan il-kunċett, iddeċidiet li dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (sentenza Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, peress li l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) kien jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-“materji ċivili u kummerċjali”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi l-kontenut u l-portata ta’ dan il-kunċett, dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 24).

36

Fl-aħħar nett, huwa wkoll abbażi tal-fatt li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2116/2006, tat-2 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 253), jistabbilixxi l-prinċipju li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa limitat għal “kwistjonijiet [materji] ċivili”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi l-kontenut u l-portata ta’ dan il-kunċett, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu (ara s-sentenza C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 38 u 46).

37

Issa f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1393/2007 inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(1) tiegħu, minn naħa, jipprovdi huwa wkoll li dan ir-regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali u jżid, barra minn hekk, li huwa ma jkoprix, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet imwettqa minn dan tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (“acta iure imperii”).

38

Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament la jiddefinixxi l-kontenut u l-portata tal-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali” u lanqas ta’ dak ta’ “acta iure imperii”.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu wkoll jitqies li huwa kunċett awtonomu u li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment, b’mod partikolari, għall-għanijiet u għas-sistema ta’ dan ir-regolament.

40

F’dak li jirrigwarda l-għanijiet li r-Regolament Nru 1393/2007 jfittex li jilħaq, mill-premessa 2 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament ifittex li jtejjeb u li jħaffef it-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Dan il-għan jitfakkar ukoll fil-premessi 6 u 7 tal-imsemmi regolament, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-effiċjenza u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji, kif ukoll il-ħeffa fit-trażmissjoni ta’ dawn l-atti. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jipprovdi li l-atti ġudizzjarji għandhom jiġu trażmessi kemm jista’ jkun malajr.

41

F’dan il-kuntest, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1393/2007 tispjega li “l-possibbiltà tar-rifjut ta’ servizz [notifika] ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali”. Għalhekk, skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, it-talba għan-notifika u l-atti trażmessi għandhom jintbagħtu lura lill-aġenzija li tibgħat jekk din it-talba “tkun għal kollox ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni” tal-imsemmi regolament.

42

Issa kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, id-distinzjoni bejn it-tilwimiet li jaqgħu taħt materji ċivili jew kummerċjali u dawk li ma jaqgħux taħt dawn il-materji peress li, pereżempju, jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew għal ommissjonijiet imwettqa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tista’ tirriżulta li tkun operazzjoni kumplessa.

43

F’każijiet bħal dawn, is-soluzzjoni għal din il-kwistjoni għall-finijiet tal-applikabbiltà ta’ regolamenti jew konvenzjonijiet oħra, bħalma huma dawk imsemmija fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, normalment tiġi ddeterminata biss wara li l-partijiet fit-tilwima inkwistjoni jkunu tqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom fuq il-kwistjoni sabiex il-qorti adita jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

44

Madankollu, dan ma japplikax f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk att promotur jirrigwardax materji ċivili u kummerċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007.

45

Fil-fatt, din il-kwistjoni għandha neċessarjament tiġi riżolta saħansitra qabel ma l-partijiet fil-proċedura ħlief għar-rikorrent ikunu rċevew in-notifika tal-imsemmi att, peress li huwa preċiżament mir-risposta għall-imsemmija kwistjoni li jiddependu l-modalitajiet ta’ notifika tal-istess att.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-għanijiet ta’ ħeffa fin-notifika tal-atti ġudizzjarji li r-Regolament Nru 1393/2007 jfittex li jilħaq, il-qorti kkonċernata għandha tillimita ruħha għal eżami inizjali tal-elementi neċessarjament parzjali li għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkunsidra jekk il-kawża ppreżentata quddiemha taqax taħt materji ċivili jew kummerċjali jew inkella taħt materji li ma humiex koperti minn dan ir-regolament, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, filwaqt li r-riżultat ta’ dan l-eżami naturalment ma jistax jiddetermina minn qabel id-deċiżjonijiet sussegwenti li l-qorti adita ser ikollha tieħu f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tagħha stess u l-mertu tal-kawża inkwistjoni.

47

Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhux biss tippermetti li tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament Nru 1393/2007, iżda hija wkoll ikkonfermata mis-sistema ta’ dan tal-aħħar.

48

Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ impossibbiltà li att ġudizzjarju jiġi nnotifikat minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet formali imposti mir-Regolament Nru 1393/2007, huwa biss meta t-talba għan-notifika ta’ dan l-att taqa’ manifestament ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li l-aġenzija li tirċievi tkun obbligata, skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan tal-aħħar, li tibgħat din it-talba lura lill-aġenzija li tibgħat.

49

Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 huwiex applikabbli, huwa biżżejjed li l-qorti adita tikkonkludi li ma huwiex manifest li l-kawża ppreżentata quddiemha ma taqax taħt materji ċivili jew kummerċjali.

50

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 japplikax għal azzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni nfisha tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, għalkemm ċerti tilwimiet bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, dan ma japplikax meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

51

Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija kwistjoni, għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk ir-relazzjoni ġuridika bejn ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u l-Hellenische Republik hijiex ikkaratterizzata manifestament minn espressjoni ta’ awtorità pubblika min-naħa tal-Istat debitur, sa fejn tikkorrispondi għall-eżerċizzju ta’ setgħat li jaqgħu ’l barra mill-portata tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenzi Préservatrice foncière TIARD, C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 30, u Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 34).

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li organu nazzjonali jew internazzjonali rregolat mid-dritt pubbliku, li jfittex li jirkupra tariffi dovuti minn persuna rregolata mid-dritt privat għall-użu tal-installazzjonijiet u tas-servizzi tiegħu, jaġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, b’mod partikolari meta dan l-użu jkun obbligatorju u esklużiv u meta r-rata tat-tariffi, il-metodi ta’ kalkolu u l-proċeduri għall-ġbir huma ffissati b’mod unilaterali fil-konfront tal-utenti (sentenzi LTU, 29/76, EU:C:1976:137, punt 4, u Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 32).

53

Madankollu, il-ħruġ ta’ bonds ma jippreżupponix neċessarjament l-eżerċizzju ta’ setgħat li jaqgħu ’l barra mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat tista’ tagħmel użu mis-suq sabiex tiffinanzja lilha nfisha, b’mod partikolari permezz tal-ħruġ ta’ bonds.

54

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kawżi prinċipali, mill-proċess ma jirriżultax b’mod manifest li l-kundizzjonijiet finanzjarji tat-titoli inkwistjoni ġew iffissati b’mod unilaterali mill-Hellenische Republik u mhux abbażi tal-kundizzjonijiet tas-suq li jirregolaw l-iskambju u l-profittabbiltà ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji.

55

Huwa minnu li l-Liġi Nru 4050/2012 tifforma parti mill-kuntest tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u, b’mod iktar partikolari, tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni gravi ta’ kriżi finanzjarja u huwa għal dan il-għan li introduċiet il-possibbiltà ta’ skambju tat-titoli fil-kuntratti inkwistjoni.

56

Għandu madankollu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, minn naħa, il-fatt li din il-possibbiltà ġiet introdotta permezz ta’ liġi ma huwiex determinanti fih innifsu sabiex jiġi konkluż li l-Istat eżerċita l-awtorità pubblika tiegħu.

57

Min-naħa l-oħra, ma jidhirx b’mod manifest li l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 wasslet b’mod dirett u immedjat għal modifiki fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji tat-titoli inkwistjoni u għalhekk ikkawżat id-dannu allegat mir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn il-modifiki kellhom iseħħu wara deċiżjoni ta’ maġġoranza tad-detenturi tal-bonds abbażi tal-klawżola ta’ skambju mdaħħla minn din il-liġi fil-kuntratti ta’ ħruġ, ħaġa li, barra minn hekk, tikkonferma l-intenzjoni tal-Hellenische Republik li żżomm il-ġestjoni tal-bonds f’qafas leġiżlattiv ta’ natura ċivili.

58

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi konkluż li l-kawżi prinċipali ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007, b’mod li dan ir-regolament huwa applikabbli għal dawn il-kawżi.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet ġudizzjarji għal kumpens għal molestja fil-pussess jew fil-proprjetà, għal eżekuzzjoni kuntrattwali u għad-danni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ippreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament sa fejn ma jidhirx li ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, hija dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet ġudizzjarji għal kumpens għal molestja fil-pussess jew fil-proprjetà, għal eżekuzzjoni kuntrattwali u għad-danni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ippreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament sa fejn ma jidhirx li ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.